7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/44
Rikors ippreżentat fit-30 ta' Diċembru 2008 — Cantiere Navale De Poli vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-584/08)
(2009/C 55/79)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Cantiere Navale De Poli SpA (rappreżentanti: A. Abate, avvocato, T. Longanesi Cattani, avvocato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
L-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar għajnuna mill-Istat tal-Italja C 20/2008 (ex n. 62/2008).
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, ħlasijiet u onorarji.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002, tas-27 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 172, 2.7.2002, p. 1), huwa bbażat fuq l-Artikolu 87(3)(e) KE u fassal mekkaniżmu difensiv temporanju għal bini ta' bastimenti maħsub biex jirrimedja għall-kundizzjonijiet tas-suq mibdula minħabba prattika antikompetittiva tat-tarzni Koreani. L-iskadenza tar-regolament, inizjalment iffissata għall-31 ta' Marzu 2004, ġiet suċċessivament imtawla b'sena, u b'hekk ippermettiet lit-tarzni Komunitarji li jikkonkludu sal-31 ta' Marzu 2005 (it-terminu ġdid tal-iskadenza tar-regolament) kuntratti oħra għall-kostruzzjoni ta' tipi partikolari ta' bastimenti li jittrasportaw il-merkanzija. Ir-Regolament jipprevedi, għal dawn il-kuntratti, għajnuna ta' 6 % tal-valur tal-kuntratt. Ir-rikorrenti għandha 5 kuntratti għall-bini ta' bastimenti li jittrasportaw prodotti kimiċi.
L-Italja, sabiex jiġu ffinanzjati l-kuntratti kollha għall-perijodu 2002-2005, innotifikat żewġ finanzjamenti ta' EUR 10 miljun il-wieħed. Il-Kummissjoni awtorizzat l-ewwel wieħed bid-deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2004, imma rrifjutat it-tieni finanzjament bid-deċiżjoni kkontestata. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-finanzjament komplimentari jikkostitwixxi “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1) għaliex huwa superjuri għal 20 % tal-għotja oriġinali tal-iskema tal-għajnuna. Issostni wkoll li l-finanzjament komplimentari huwa inkompatibbli mas-suq komuni għaliex in-notifika ntbagħtet wara l-31 ta' Marzu 2005, it-terminu tal-iskadenza tar-Regolament 1177/2002.
Ir-rikorrenti tqis illi l-Gvern Taljan ma setax materjalment jiddisponi minn qabel, sal-31 ta' Marzu 2005, għall-finanzjament ta' kuntratti li ma setax ikun jaf bihom, għaliex il-kumpanniji kellhom id-dritt li jikkonkludu kuntratti sal-aħħar ġurnata tal-applikazzjoni tar-regolament (31 ta' Marzu 2005)
Għaldaqstant ir-rikorrenti, sabiex tikkontestata d-deċiżjoni, issostni, b'mod partikolari, il-motivi segwenti:
—
ksur tar-Regolament 1177/2002 mill-aspett tal-għanijiet speċifiċi segwiti mil-leġislatur fil-kuntest tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 87(3)(e);
—
ksur tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni 794/2004 minħabba d-deskrizzjoni tal-finanzjament komplimentari ta' EUR 10 miljun bħala “għajnuna ġdida”;
—
irrilevanza tar-Rakkomandazzjoni tal-20 ta' Ġunju 2005 tal-entità ta' konċiljazzjoni tal-WTO fir-rigward ta' kuntratti għall-bini ta' bastimenti konklużi legalment taħt ir-Regolament 1177/2002;
—
nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-allegat nuqqas ta' bażi legali għall-awtorizzazzjoni tal-finanzjament komplimentari;
—
ksur tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, tal-kontradittorju, tad-dritt ta' difiża, ta' trattament ugwali, ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy