14.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven administrativen sad — il-Bulgarija) — Regionalna Mitnicheska Direktsia — Plovdiv vs Petar Dimitrov Kalinchev
(Kawża C-2/09) (1)
(Dazji tas-sisa - Tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati - Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur użati li jiġu importati ogħla minn dik imposta fuq il-vetturi bil-mutur diġà f’ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali - Taxxa skont is-sena ta’ manufatturazzjoni u n-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ tal-vetturi bil-mutur - Kunċett ta’ “prodotti simili nazzjonali”)
2010/C 221/12
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Regionalna Mitnicheska Direktsia — Plovdiv
Konvenut: Petar Dimitrov Kalinchev
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Varhoven Administrativen Sad (il-Bulgarija) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 25 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179) — Taxxa nazzjonali (dazju tas-sisa) imposta fuq il-vetturi bil-mutur użati li joriġinaw minn Stat Membru meta dawn jiddaħħlu fit-territorju nazzjonali, li hija ogħla mid-dazju tas-sisa dovut fuq il-vetturi bil-mutur ġodda mdaħħla fl-istess territorju nazzjonali, li, billi jkunu diġà fiċ-ċirkulazzjoni, ma jiġix iktar impost fuqhom dazju tas-sisa meta dawn jerġgħu jinbiegħu bħala vetturi użati — Kunċett ta’ “prodotti simili nazzjonali” — Kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
Dispożittiv
(1)
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, mhuwiex applikabbli f’każ bħall-kawża prinċipali u għaldaqstant ma jistax jipprekludi l-istabbiliment, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, dazju tas-sisa li mhuwiex dovut mal-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinstabu diġà fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa diġà tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm tali sistema ma tagħtix lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(2)
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vetturi bil-mutur użati importati fil-Bulgarija għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili għall-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat u li ġew importati fit-territorju ta’ dan l-Istat bħala vetturi bil-mutur ġodda irrispettivament mill-oriġini tagħhom.
(3)
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata minn Stat Membru għall-vetturi bil-mutur f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ peress li din is-sistema tolqot b’mod differenti l-vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra u l-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat li ġew importati fit-territorju tiegħu bħala vetturi bil-mutur ġodda.
(1) ĠU C 55, 07.03.2009
Full & Egal Universal Law Academy