30.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 226/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2011 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof, Amtsgericht Schorndorf — il-Ġermanja) — Gebr. Weber GmbH vs Jürgen Wittmer (C-65/09), Ingrid Putz vs Medianess Electronics GmbH (C-87/09)
(Kawżi magħquda C-65/09 u C-87/09) (1)
(Protezzjoni tal-konsumaturi - Bejgħ u garanzija ta’ oġġetti tal-konsum - Direttiva 1999/44/KE - Artikolu 3(2) u Artikolu 3(3) - Tibdil tal-oġġett difettuż bħala l-uniku rimedju - Oġġett difettuż li diġà ġie installat mill-konsumatur - Obbligu tal-bejjiegħ li jneħħi l-oġġett difettuż u li jinstalla l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali - Sproporzjonalità assoluta - Konsegwenzi)
2011/C 226/02
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof, Amtsgericht Schorndorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Gebr. Weber GmbH (C-65/09), Ingrid Putz (C-87/09)
Konvenuti: Jürgen Wittmer (C-65/09), Medianess Electronics (C-87/09)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof, Amtsgericht Schorndorf — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223) — Bejgħ lil konsumatur ta’ oġġett ivvizzjat b’nuqqas ta’ konformità mingħajr ma kien it-tort tal-bejjiegħ — Installazzjoni korretta tal-oġġett mill-konsumatur — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ rimedju ieħor, il-bejjiegħ ma huwiex marbut li jibdel oġġett ivvizzjat b’nuqqas ta’ konformità fil-każ ta’ spejjeż mhux raġonevoli — Kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet Komunitarji ċċitati? — Fil-każ ta’ inkompatibbiltà, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tibdil mingħajr ħlas” li jinsab fl-Artikolu 3(3) tad-direttiva ċċitata — Imputabbiltà lill-bejjiegħ tal-ispejjeż għat-tneħħija tal-oġġett ivvizzjat b’nuqqas ta’ konformità, li ġie installat korrettament mill-konsumatur
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta oġġett tal-konsum mhux konformi li, qabel ma joħroġ fid-dieher id-difett, ikun ġie installat, in bona fide, mill-konsumatur inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, jitqiegħed fi stat ta’ konformità permezz ta’ tibdil, il-bejjiegħ huwa obbligat li jew iwettaq huwa stess it-tneħħija ta’ dan l oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u l-installazzjoni f’dan il-post tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, jew li jbati l-ispejjeż neċessarji marbuta ma’ din it-tneħħija u ma’ din l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali. Dan l-obbligu tal-bejjiegħ jeżisti indipendentement mill-kwistjoni jekk, taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, il-bejjiegħ kienx intrabat li jinstalla l-oġġett tal-konsum akkwistat inizjalment.
(2)
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta t-tibdil ta’ oġġett mhux konformi, liema tibdil ikun l-uniku rimedju possibbli, għar-raġuni li dan ir-rimedju jimponilu, minħabba l-obbligu li jneħħi dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, spejjeż sproprozjonati fid-dawl tal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun, f’tali każ, limitat għat-teħid ta’ responsabbiltà, mill-bejjiegħ, ta’ ammont proporzjonat.
(1) ĠU C 90, 18.04.2009.
Full & Egal Universal Law Academy