18.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation — Franza) — Établissements Rimbaud SA vs Directeur général des impôts, Directeur des services fiscaux d'Aix-en-Provence
(Kawża C-72/09) (1)
(Tassazzjoni diretta - Moviment liberu tal-kapital - Persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stat terz membru taż-Żona Ekonomika Ewropea - Pussess ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru - Taxxa fuq il-valur fis-suq ta’ din il-proprjetà - Rifjut ta’ eżenzjoni - Ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa - Evalwazzjoni fid-dawl tal-Ftehim ŻEE)
2010/C 346/18
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Établissements Rimbaud SA
Konvenut: Directeur général des impôts, Directeur des services fiscaux d’Aix-en-Provence
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour de cassation (Franza) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) — Taxxa fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li tinsab fi Franza — Eżenzjoni favur persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fi Franza jew fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea, bil-kundizzjoni li Franza tkun iffirmat ma’ dan l-Istat, konvenzjoni dwar għajnuna amministrattiva bil-għan li jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew li, b’applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni, dawn il-persuni ġuridiċi ma għandhomx jiġu suġġetti għal taxxa għola minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fi Franza — Rifjut ta’ eżenzjoni lil kumpannija stabbilita fil-Liechtenstein
Dispożittiv
L-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teżenta mit-taxxa fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat u li tissuġġetta din l-eżenzjoni, għal kumpannija li s-sede tagħha tinsab fit-territorju ta’ Stat terz membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni dwar għajnuna amministrattiva konkluża bejn dan l-Istat Membru u dan l-Istat terz bil-għan li jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew għall-kundizzjoni li, b’applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, dawn il-persuni ġuridiċi ma għandhomx ikunu suġġetti għal taxxa għola minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru.
(1) ĠU C 102, 01.05.2009, p. 12.
Full & Egal Universal Law Academy