14.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-VAT and Duties Tribunal, Manchester — Renju Unit) — Future Health Technologies Ltd vs Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs
(Kawża C-86/09) (1)
(Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Eżenzjonijiet - Artikolu 132(1)(b) u (ċ) - Sptar u kura medika u l-attivitajiet relatati mill-viċin magħhom - Il-provvista tal-kura medika lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi - Ġbir, analiżi u pproċessar ta’ demm mill-kurdun umbilikali - Ħażna taċ-ċelloli staminali - Possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur - Tranżazzjonijiet magħmulin minn sensiela ta’ elementi u azzjonijiet)
2010/C 221/18
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
VAT and Duties Tribunal, Manchester
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Future Health Technologies Ltd
Konvenuti: Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — VAT and Duties Tribunal, Manchester — Interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/11/KEE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjoni — Kunċetti ta’ “sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin” u ta’ “provvediment [provvista] tal-kura” — Servizzi ta’ ġbir, trasport, analiżi u ħażna ta’ demm u ta’ ċelluli staminali mill-kurdun umbilikali tat-trabi li għadhom jitwieldu għal trattament mediku eventwali.
Dispożittiv
(1)
Meta attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun umbilikali tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur huma intiżi biss sabiex jiżguraw li riżors partikolari jkun disponibbli għal trattament mediku fil-każ ipotetiku inċert li dan ikun meħtieġ, u mhux, bħala tali, li jagħmlu dijanjosi, li jagħtu trattament jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, tali attivitajiet, kemm jekk meħuda flimkien jew b’mod separat, ma humiex koperti la bil kunċett ta’ “sptar u kura medika” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u lanqas bil-kunċett ta’ “provvediment [provvista] tal-kura medika” li jinsab fl Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. Kien ikun mod ieħor, fir rigward tal-analiżi tad-demm tal-kurdun umbilikali, li kieku din l-analiżi kienet effettivament intiża sabiex issir dijanjosi medika, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jekk tinħass il-ħtieġa.
(2)
Il-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” ma’ “sptar u [ma’] kura medika” skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/11, għandu jkun interpretat fis-sens illi ma jkoprix attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-għoti ta’ kitt għall-ġbir tad-demm tal-kurdun umbilikali tat-trabi li għadhom jitwieldu, kif ukoll fl-analiżi u fl-ipproċessar ta’ dan id-demm u, jekk ikun il-każ, fil-ħażna taċ-ċelloli staminali li jinsabu f’dan id-demm għall-possibbiltà ta’ użu terapewtiku fil-futur, ma’ liema dawn l-attivitajiet huma biss possibiliment relatati u li la huwa effettiv, mibdi u lanqas ippjanat.
(1) ĠU C 102, 01.05.2009.
Full & Egal Universal Law Academy