19.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Court of Appeal — Ir-Renju Unit) — The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs vs Weald Leasing Limited
(Kawża C-103/09) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Kunċett ta’ prattika abbużiva - Tranżazzjonijiet ta’ kiri mwettqa minn grupp ta’ impriżi bil-għan li jifirxu l-ħlas tal-VAT li ma titnaqqasx)
2011/C 55/08
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
Konvenuta: Weald Leasing Limited
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Court of Appeal, Londra — Interpretazzjoni tad-Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Kunċett ta’ tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva — Tranżazzjonijiet ta’ kiri u ta’ sullokazzjoni mwettqa minn grupp ta’ impriżi li jipprovdu fil-parti l-kbira provvisti eżentati bil-għan li jiddifferixxu l-obbligu tal-ħlas tal-VAT tagħhom
Dispożittiv
(1)
Il-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-fatt li impriża tirrikorri għal tranżazzjonijiet ta’ kiri ta’ assi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minflok ix-xiri dirett ta’ dawn l-assi, ma jikkostitwixxix vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet kuntrattwali marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, partikolarment dawk li jirrigwardaw l-iffissar tal-ammont ta’ kera, jirriflettu kundizzjonijiet normali tas-suq u sakemm l-involviment ta’ kumpannija terza intermedjarja f’dawn it-tranżazzjonijiet ma jkunx ta’ natura li jostakola l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. Il-fatt li din l-impriża ma teżerċitax, fl-ambitu tat-tranżazzjonijiet kummerċjali normali tagħha, tranżazzjonijiet ta’ kiri huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.
(2)
Jekk ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali marbuta mat-tranżazzjonijiet ta’ kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali u/jew l-intervent ta’ kumpannija terza intermedjarja f’dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxu prattika abbużiva, l-imsemmija tranżazzjonijiet għandhom jiġu ddefiniti mill-ġdid b’mod li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-elementi abbużivi ta’ dawn il-kundizzjonijiet u/jew tal-intervent ta’ din il-kumpannija.
(1) ĠU C 129, 06.06.2009
Full & Egal Universal Law Academy