20.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 317/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Settembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Galicia — Spanja) — Pedro Manuel Roca Álvarez vs Sesa Start España ETT SA
(Kawża C-104/09) (1)
(Politika soċjali - Trattament ugwali tal-ħaddiema rġiel u tal-ħaddiema nisa - Direttiva 76/207/KEE - Articoli 2 u 5 - Dritt għal leave ta’ ommijiet impjegati - Possibbiltà ta’ użu mill-omm impjegata jew mill missier impjegat - Omm mhux impjegata - Esklużjoni tad-dritt għal leave għall-missier impjegat)
2010/C 317/14
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de Galicia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Pedro Manuel Roca Álvarez
Konvenuta: Sesa Start España ETT SA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal Superior de Justicia de Galicia — Interpretazzjoni tal-Artikolu 13 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2002/73 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi d-dritt għal leave għat-treddigħ favur omm li hija impjegata iżda li jista’ jiġi użat mill-omm jew mill-missier taħt il-forma ta’ tnaqqis mill-ħin tax-xogħol — Esklużjoni jekk l-omm hija ħaddiema li taħdem għal rasha u l-missier huwa ħaddiem impjegat — Prinċipju ta’ trattament ugwali
Dispożittiv
L-Artikolu 2(1), (3) u (4), u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tistipula illi l-ħaddiema nisa, ommijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istatus ta’ impjegat, jistgħu jibbenefikaw minn leave, skont diversi modalitajiet, matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ din it tarbija, filwaqt li ħaddiema rġiel, missirijiet ta’ tarbija u li għandhom l-istess status, ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess leave ħlief meta l-omm ta’ din it-tarbija jkollha wkoll l-istatus ta’ impjegat.
(1) ĠU C 141, 20.06.2009.
Full & Egal Universal Law Academy