29.1.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Baranya Megyei Bíróság — Repubblika tal-Ungerija) — Ker-Optika Bt. vs ÀNTSZ Dél-dunántúli Regionális Intézete
(Kawża C-108/09) (1)
(Moviment liberu tal-merkanzija - Saħħa pubblika - Kummerċjalizzazzjoni tal-lentijiet tal-kuntatt permezz tal-Internet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-bejgħ tal-lentijiet tal-kuntatt mill-ħwienet ta’ apparat mediku biss - Direttiva 2000/31/KE - Soċjetà tal-informazzjoni - Kummerċ elettroniku)
2011/C 30/03
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Baranya Megyei Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ker-Optika Bt.
Konvenuta: ÀNTSZ Dél-dunántúli Regionális Intézete
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Baranya Megyei Bíróság — Interpretazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 KE u tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399) — Kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt permezz tal-Internet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-bejgħ ta’ lentijiet tal-kuntatt għal ħwienet speċjalizzati fl-apparat mediku biss
Dispożittiv
Regoli nazzjonali dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis suq intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), inkwantu jikkonċernaw l-att ta’ bejgħ ta’ tali lentijiet permezz tal-Internet. Min-naħa l-oħra, regoli nazzjonali dwar il-kunsinna tal-imsemmija lentijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt ħlief mill-ħwienet speċjalizzati f’apparat mediku.
(1) ĠU C 141, 20.06.2009.
Full & Egal Universal Law Academy