11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Lulju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vestre Landsret — id-Danimarka) — Skatteministeriet vs DSV Road A/S
(Kawża C-234/09) (1)
(Kodiċi Doganali tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Artikolu 204(1)(a) - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 859 - Proċedura ta’ tranżitu estern - Kunsinnatur awtorizzat - Meta jiġi inkors dejn doganali - Dokument ta’ tranżitu għal merkanzija ineżistenti)
2010/C 246/14
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Vestre Landsret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Skatteministeriet
Konvenuta: DSV Road A/S
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Vestre Landsret — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 4(9) u (10), kif ukoll tal-Artikoli 92, 96 u 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) — Kunsinnatur awtorizzat li, bi żball, ħoloq żewġ dokumenti ta’ tranżitu għall-istess lott ta’ merkanzija fis-sistema ġdida ta’ tranżitu kompjuterizzata (NCTS), u b’hekk attribwixxa żewġ numri ta’ referenza tal-moviment lil lott wieħed ta’ merkanzija — Meta jiġi inkors dejn doganali wara l-impossibbiltà ta’ clearance mill-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern permezz tal-preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju tad-dwana ta’ destinazzjoni — Dejn doganali fuq merkanzija ddikjarata, iżda li ma teżistix fiżikament.
Dispożittiv
L-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kunsinnatur awtorizzat iġġenera bi żball żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija, peress li l-proċedura żejda, li tirreferi għal merkanzija ineżistenti, ma tistax twassal li dejn doganali jiġi inkors skont l-imsemmija dispożizzjoni.
(1) ĠU C 205, 29.08.2009.
Full & Egal Universal Law Academy