28.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 234/13
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Lulju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landesarbeitsgericht Hamburg — il-Ġermanja) — Susanne Bulicke vs Deutsche Büro Service GmbH
(Kawża C-246/09) (1)
(Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 8 u 9 - Proċedura nazzjonali intiża sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva - Terminu ta’ preskrizzjoni - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività - Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni preċedenti)
2010/C 234/19
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landesarbeitsgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Susanne Bulicke
Konvenut: Deutsche Büro Service GmbH
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Landesarbeitsgericht Hamburg — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16) kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fir-reklutaġġ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi terminu ta’ xahrejn sabiex jiġi ppreżentat rikors għad-danni jew għal kumpens, li jibda jiddekorri mir-rifjut tal-kandidatura jew minn meta l-persuna ssir taf bid-diskriminazzjoni.
Dispożittiv
(1)
Id-dritt primarju tal-Unjoni u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola ta’ proċedura nazzjonali li teżiġi li l-vittma ta’ diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ibbażata fuq l-età għandha tinnotifika lill-awtur ta’ tali diskriminazzjoni b’avviż bil-għan li titħallas tad-danni materjali jew mhux materjali f’terminu ta’ xahrejn, bir-riżerva:
—
minn naħa waħda, li tali terminu ma jkunx inqas favorevoli meta mqabbel ma’ dak applikabbli għal rikorsi simili ta’ natura interna fid-dritt tax-xogħol,
—
min-naħa l-oħra, li l-iffissar tal-mument minn meta jibda jiddekorri l-imsemmi terminu ma jirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti.
(2)
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola ta’ proċedura nazzjonali, adottata bil-għan li tiġi implementata l-imsemmija direttiva, li għandha l-għan li temenda leġiżlazzjoni preċedenti li tipprevedi terminu għal talba għal kumpens fil-każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
(1) ĠU C 244, 10.10.2009.
Full & Egal Universal Law Academy