15.1.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 13/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Baden-Württemberg — il-Ġermanja) — Alketa Xhymshiti vs Bundesagentur für Arbeit — Familienkasse Lörrach
(Kawża C-247/09) (1)
(Ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni - Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 kif ukoll (KE) Nru 859/2003 - Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Benefiċċji tal-familja - Ċittadin ta’ Stat terz li jaħdem l-Isvizzera u li jirresjedi flimkien mat-tfal tiegħu fi Stat Membru li tiegħu t-tfal għandhom iċ-ċittadinanza)
2011/C 13/18
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Baden-Württemberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Alketa Xhymshiti
Konvenuta: Bundesagentur für Arbeit — Familienkasse Lörrach
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht Baden-Württemberg — Interpretazzjoni, minn naħa, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 2, 13 u 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) kif ukoll tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83) — Ċittadin ta’ Stat terz li jaħdem fil-Konfederazzjoni Svizzera u li jirresjedi flimkien ma’ martu u uliedu fi Stat Membru li tiegħu uliedu għandhom iċ-ċittadinanza — Rifjut ta’ għoti tal-allowances tal-familja mill-Istat Membru ta’ residenza — Kompatibbiltà ta’ tali rifjut tal-allowances tal-familja mad-dispożizzjonijiet Komunitarji ċċitati iktar ’il fuq
Dispożittiv
(1)
Fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat terz jirresjedi legalment fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u jaħdem l-Isvizzera, dan iċ-ċittadin ma huwiex suġġett, fl-Istat Membru ta’ residenza, għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, peress li dan ir-Regolament Nru 859/2003 ma jinsabx indikat fost l-atti Komunitarji msemmija fis-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, li l-partijiet għal dan il-ftehim jintrabtu li japplikaw. Konsegwentement, l-obbligu, għall-Istat Membru ta’ residenza, li japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, għal dan l-impjegat u l-konjuġi tiegħu ma jistax jiġi kkonstatat.
(2)
L-Artikoli 2, 13 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 ma humiex applikabbli għal ċittadina ta’ Stat terz fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan sa fejn is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza. Il-fatt biss li t-tfal ta’ din iċ-ċittadina huma ċittadini tal-Unjoni ma jistax jirrendi illegali r-rifjut li jingħataw allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza meta, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet legali neċessarji għall-finijiet ta’ dan l-għoti ma humiex sodisfatti.
(1) ĠU C 233, 26.09.2009.
Full & Egal Universal Law Academy