29.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État — Franza) — Ministre du budget, des comptes publics et de la fonction publique vs Accor SA
(Kawża C-310/09) (1)
(Moviment liberu tal-kapital - Trattament fiskali tad-dividendi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kreditu ta’ taxxa għad-dividendi mqassma mill-kumpanniji sussidjarji stabbiliti fl-Istat ta’ residenza tal-kumpannija parent - Rifjut ta’ kreditu ta’ taxxa għad-dividendi mqassma mill-kumpanniji sussidjarji mhux residenti - Tqassim mill-ġdid ta’ dividendi mill-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha - Imputabbiltà tal-kreditu ta’ taxxa fuq it-taxxa f’ras il-għajn dovuta mill-kumpannija parent meta jkun qed isir it-tqassim mill-ġdid - Rifjut li titħallas lura t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa mill-kumpannija parent - Arrikkiment indebitu - Provi mitluba fir-rigward tat-taxxi fuq il-kumpanniji sussidjarji mhux residenti)
2011/C 319/03
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ministre du budget, des comptes publics et de la fonction publique
Konvenuta: Accor SA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d’État — Interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 56 tat-Trattat KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintaxxa b’mod differenti d-dividendi li joriġinaw minn kumpanniji sussidjarji stabbiliti fl-Istat ta’ residenza tal-kumpannija parent minn dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra — Possibbiltà li, mit-taxxa f’ras il-għajn, li hija suġġetta għaliha l-kumpannija parent waqt it-tqassim mill-ġdid ta’ dawn id-dividendi lill-azzjonisti, jitnaqqas il-kreditu ta’ taxxa marbut mat-tqassim ta’ dawn id-dividendi fil-każ fejn joriġinaw minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Franza, iżda mhux meta joriġinaw minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Komunità — Rifjut li titħallas lura t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa mill-kumpannija parent iġġustifikat abbażi tal-arrikkament indebitu jew in-nuqqas ta’ dannu għall-imsemmija kumpannija — Ħlas lura tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent li huwa suġġett għall-produzzjoni ta’ provi marbuta mat-taxxa li l-kumpanniji sussidjarji ħallsu fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija parent — Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività
Dispożittiv
(1)
L-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil kumpannija parent li tattribwixxi fuq it-taxxa f’ras il-għajn, li hija għandha tħallas waqt it-tqassim mill-ġdid lill-azzjonisti tagħha tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji tagħha, il-kreditu tat-taxxa marbut mat-tqassim ta’ dawn id-dividendi jekk dawn ikunu ġejjin minn kumpannija sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru, iżda ma toffrix din il-possibiltà fil-każ li d-dividendi msemmija jkunu ġejjin minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li tali leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’din l-aħħar ipoteżi, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mat-tqassim tal-imsemmija dividendi minn din il-kumpannija sussidjarja.
(2)
Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, fil-każ li sistema fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minnha nnifisha ma timplikax il-ġbir mingħand terz tat-taxxa dovuta b’mod indebitu mill-persuna suġġetta għaliha, li Stat Membru jirrifjuta r-rimbors tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent, jew minħabba li dan il-ħlas lura jimplika arrikkiment indebitu fil-konfront ta’ din tal-aħħar, jew għaliex is-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali, iżda titnaqqas mis-somom kollha li jistgħu jiġu mqassma mill-ġdid lill-azzjonisti tagħha.
(3)
Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux li rifużjoni lil kumpannija parent tas-somom li jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi mqassma mill-kumpanniji sussidjarji tagħha stabbiliti fi Franza u għal dawk li huma mqassma mill-kumpanniji sussidjarji ta’ dik il-kumpannija stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jagħtu lok għat-tqassim mill-ġdid min-naħa tal-imsemmija kumpannija parent, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tressaq il-provi li huma fil-pussess tagħha biss u li b’mod partikolari jirrigwardaw, għal kull wieħed mid-dividendi fil-kontroversja, ir-rata ta’ taxxa effettivament applikata u l-ammont tat-taxxa effettivament imħallas fir-rigward tal-profitti magħmula mill-kumpanniji sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, filwaqt li, fir-rigward tal-kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Franza, dawn l-istess provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, ma jkunux meħtieġa. Madankollu, il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tista’ tkun meħtieġa biss bil-kundizzjoni li ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li titressaq il-prova tal-ħlas tat-taxxa min-naħa tal-kumpanniji sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u dwar ir-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas, kif ukoll dwar il-konservazzjoni tad-dokumenti amministrattivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti fil-kawża prinċipali.
(1) ĠU C 233, 26.09.2009.
Full & Egal Universal Law Academy