18.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/18
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van beroep te Antwerpen — il-Belġju) — Belgisch Interventie- en Restitutiebureau vs SGS Belgium NV, Firme Derwa NV, Centraal Beheer Achmea NV
(Kawża C-367/09) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Artikolu 1, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 5 u 7 - Regolament (KEE) Nru 3665/87 - Artikoli 11 u 18(2)(c) - Kunċett ta’ operatur ekonomiku - Persuni li ħadu sehem fit-twettiq tal-irregolarità - Persuni fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx - Sanzjoni amministrattiva - Effett dirett - Preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja - Interruzzjoni)
2010/C 346/29
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van beroep te Antwerpen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Belgisch Interventie- en Restitutiebureau
Konvenuti: SGS Belgium NV, Firme Derwa NV, Centraal Beheer Achmea NV
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hof van beroep te Antwerpen — Interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340)) u tal-Artikolu 18(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jipprovdi regoli komuni għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1) — Kunċett ta’ operatur ekonomiku — Persuni li pparteċipaw fit-twettieq tal-ksur u persuni responsabbli għall-ksur jew li għandhom jevitaw li dan iseħħ — Preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja — Interruzzjoni
Dispożittiv
(1)
L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ma japplikawx b’tali mod li sanzjoni amministrattiva tista’ tiġi imposta abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet waħedhom peress li, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni teħtieġ li, preċedentement għat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, jew, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun adotta regoli settorjali li jiddefinixxu tali sanzjoni u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha għal din il-kategorija ta’ persuni, jew inkella, jekk ikun il-każ, fejn tali regoli jkunu għadhom ma ġewx adottati fuq livell tal-Unjoni, li d-dritt tal-Istat Membru fejn twettqet din l-irregolarità jkun ipprovda għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront tal-imsemmija kategorija ta’ persuni.
(2)
F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-regoli settorjali tal-Unjoni kienu għadhom ma jipprovdux l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet effikaċi fil-każ fejn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru ħarġet ċertifikati foloz, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw sanzjoni fil-konfront ta’ din l-aġenzija fil-kwalità tagħha ta’ waħda mill-persuni li “ħadu sehem fl-irregolarità” jew mill-persuni li huma “fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà” għal din l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu dejjem sakemm l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni tkun imsejsa fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(3)
F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-komunikazzjoni, lill-aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza li ħarġet ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum għal operazzjoni ta’ esportazzjoni speċifika, ta’ rapport ta’ investigazzjoni li minnu jirriżulta li kien hemm irregolarità inkonnessjoni ma’ din l-operazzjoni, il-preżentazzjoni lil din l-aġenzija ta’ talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali bil-għan li tiġi investigata r-realtà tar-rilaxx għall-konsum kif ukoll l-ittra rreġistrata li timponi sanzjoni fuq l-imsemmija aġenzija talli ħadet sehem fit-twettiq tal-irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jikkostitwixxu atti suffiċjentement preċiżi nnotifikati lill-persuna inkwistjoni u li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji relatati mal-irregolarità, li, konsegwentement, jinterrompu l-preskrizzjoni għat-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.
(1) ĠU C 297, 05.12.2009.
Full & Egal Universal Law Academy