11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Lulju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Baranya Megyei Bíróság — Ir-Repubblika tal-Ungerija) — Pannon Gép Centrum Kft vs APEH Központi Hivatal Hatósági Főosztály Dél-dunántúli Kihelyezett Hatósági Osztály
(Kawża C-368/09) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Direttiva 2006/112/KE - Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona indikazzjoni żbaljata ta’ dettall fuq il-fattura bit-telf tad-dritt għal tnaqqis)
2010/C 246/18
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Baranya Megyei Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Pannon Gép Centrum Kft
Konvenut: APEH Központi Hivatal Hatósági Főosztály Dél-dunántúli Kihelyezett Hatósági Osztály
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Baranya Megyei Bíróság — Interpretazzjoni tal-Artikoli 17(1), 18(1), u 22(3)(a) u (b) tad-Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-għan li tissimplifika, timmodernizza u tqabbel il-kondizzjonijiet stabbiliti biex tinħareġ il-fattura rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 352) — Telf tad-dritt għal tnaqqis tad-destinatarju ta’ servizzi minħabba żball fid-data tat-tlestija tax-xogħlijiet imsemmija fl-irċevuta maħruġa mill-prestatarju — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona kull difett formali fil-fattura bit-telf tad-dritt għal tnaqqis
Dispożittiv
L-Artikoli 167 u 178(a), il-punt 1 tal-Artikolu 220 u l-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li b’riżultat tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li hija obbligata tħallas l-ammont tat-taxxa dovuta jew imħallsa fir-rigward tas-servizzi pprovduti lilha, u dan minħabba li l-fattura inizjali, li kienet fil-pussess tagħha fil-mument tat-tnaqqis, kienet tindika data żbaljata għat-tlestija tal-provvista ta’ servizzi u minħabba li ma kienx hemm sekwenza numerika kontinwa fil-fattura kkoreġuta sussegwentement u fin-nota ta’ kreditu li tannulla l-fattura inizjali, jekk il-kundizzjonijiet materjali tat-tnaqqis ikunu sodisfatti u jekk, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-awtorità kkonċernata, il-persuna taxxabbli tkun tatha fattura kkoreġuta li tindika d-data eżatta li fiha tlestiet il-provvista ta’ servizzi, u dan anki jekk ma jkunx hemm sekwenza numerika kontinwa f’din il-fattura u fin-nota ta’ kreditu li tannulla l-fattura inizjali.
(1) ĠU C 11, 16.01.2010.
Full & Egal Universal Law Academy