18.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/20
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État — Franza) — Union syndicale Solidaires Isère vs Premier ministre, Ministère du travail, des relations sociales, de la famille, de la solidarité et de la ville, Ministère de la santé et des sports
(Kawża C-428/09) (1)
(Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Artikoli 1, 3 u 17 - Kamp ta’ applikazzjoni - Attività okkażjonali u stagjonali ta’ persuni li huma titolari ta’ “kuntratt ta’ xogħol edukattiv” - Limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ dan il-persunal li jwettaq 80 ġurnata xogħol fis-sena f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix, għal dan il-persunal, perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum - Derogi previsti fl-Artikolu 17 - Kundizzjonijiet - Garanzija ta’ perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ protezzjoni xierqa)
2010/C 346/32
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Union syndicale Solidaires Isère
Konvenuti: Premier ministre, Ministère du travail, des relations sociales, de la famille, de la solidarité et de la ville, Ministère de la santé et des sports
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d'État (Franza) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1), (2) u (3)(b) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381) — Attività okkażjonali u stagjonali ta’ persuni li huma titolari ta’ ‘kuntratt ta’ xogħol edukattiv’ — Kompatibbiltà mad-direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-ħin tax-xogħol ta’ dak il-persunal f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu għal erba’ u għoxrin ġurnata fis-sena iżda li ma tiżgurax perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum — Kunċetti ta’ “perjodi ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju” u ta’ “protezzjoni xierqa mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati”
Dispożittiv
(1)
It-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu, u li jwettqu massimu ta’ 80 ġurnata xogħol fis-sena, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
(2)
It-titolari ta’ kuntratti bħall-kuntratti ta’ xogħol edukattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwettqu attivitajiet okkażjonali u staġjonali f’ċentri ta’ vakanzi u ta’ ħin liberu jaqgħu taħt id-deroga stabbilita fl-Artikolu 17(3)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2003/88.
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-attività tat-titolari ta’ tali kuntratti għal 80 ġurnata xogħol fis-sena, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva għall-applikazzjoni tal-imsemmija deroga, li jeżiġu li l-ħaddiema kkonċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew, f’każijiet eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, li dawn jingħataw protezzjoni xierqa.
(1) ĠU C 24, 30.01.2010
Full & Egal Universal Law Academy