26.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo — Spanja) — Asociación de Transporte International por Carretera (ASTIC) vs Administración General del Estado
(Kawża C-488/09) (1)
(Konvenzjoni TIR - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Trasport li jsir taħt il-kopertura ta’ carnet TIR - Assoċjazzjoni garanti - Ħatt irregolari - Determinazzjoni tal-post fejn twettaq il-ksur - Irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni)
2011/C 63/16
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Asociación de Transporte International por Carretera (ASTIC)
Konvenuta: Administración General del Estado
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal Supremo — Interpretazzjoni tal-Artikolu 221(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) u tal-Artikoli 454(3) u 455 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 6, p. 3) — Trasport li jsir taħt il-kopertura ta’ carnet TIR — Ksur jew irregolaritajiet — Post — Proċedura — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni
Dispożittiv
(1)
L-Artikoli 454 u 455 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-preżunzjoni ta’ kompetenza għall-irkupru ta’ dejn doganali tal-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu jkun ġie kkonstatat ksur imwettaq matul trasport TIR, tiġi kkonfutata wara li tingħata sentenza li tistabbilixxi li dan il-ksur twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet doganali ta’ dan l-Istat tal-aħħar isiru kompetenti sabiex jirkupraw dan id-dejn, bil-kundizzjoni li l-fatti li jkunu wasslu għall-imsemmi ksur ikunu ġew suġġetti għal proċedura ġudizzjarja f’terminu ta’ sentejn mid-data li fiha l-assoċjazzjoni garanti għal dak li jikkonċerna t-territorju li fih ikun ġie kkonstatat l-istess ksur, tkun ġiet innotifikata b’dan.
(2)
L-Artikolu 455(1) tar-Regolament Nru 2454/93, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR, iffirmata f’Genève fl-14 ta’ Novembru 1975, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, assoċjazzjoni garanti ma tistax tevoka t-terminu ta’ preskrizzjoni pprovdut minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tat-territorju li għalih hija responsabbli jinnotifikawha, f’terminu ta’ sena mid-data li fiha dawn l-awtoritajiet kienu ġew informati bis-sentenza eżekuttiva li tidentifika l-kompetenza tagħhom, bil-fatti li nisslu d-dejn dognali li hija għandha tħallas, sal-ammont li tiggarantixxi.
(1) ĠU C 63, 13.03.2010.
Full & Egal Universal Law Academy