2.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Frar 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Commissione Tributaria Provinciale di Alessandria — l-Italja) — Bolton Alimentari SpA vs Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Alessandria
(Kawża C-494/09) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ammissibbiltà - Dazju doganali - Kwota tariffarja - Kodiċi Doganali - Artikolu 239 - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikoli 308a, 308b u 905 - Regolament (KE) Nru 975/2003 - Tonn - Eżawriment tal-kwota - Data ta’ ftuħ - Il-Ħadd)
2011/C 103/09
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Commissione Tributaria Provinciale di Alessandria
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bolton Alimentari SpA
Konvenuta: Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Alessandria
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Commissione Tributaria Provinciale di Alessandria — Interpretazzjoni tal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) — Interpretazzjoni tal-Artikoli 308a sa 308c, tal-Artikolu 899(2) u tal-Artikolu 905(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) — Rimbors jew tnaqqis tad-dazji għall-importazzjoni — Possibbiltà għal Stat Membru li jiddeċiedi huwa stess fuq talba għal rimbors — Kunċett ta’ “sitwazzjoni partikolari” fis-sens tal-Artikolu 239(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Importatur Komunitarju eskluż mill-kwota tariffarja li d-data ta’ ħruġ tagħha huwa l-Ħadd, peress illi l-uffiċċji doganali nazzjonali kienu magħluqa
Dispożittiv
(1)
L-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu deċiżjoni li teskludi lil operatur minn kwota tariffarja minħabba l-fatt li din il-kwota ġiet eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha li tkun il-Ħadd, jum ta’ għeluq tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-operatur inkwistjoni.
(2)
L-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 214/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux fuq Stat Membru li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea s-sospensjoni ta’ kwota tariffarja sabiex tiżgura t-trattament ekwu u nondiskriminatorju tal-importaturi meta l-ftuħ ta’ din il-kwota tariffarja tkun il-Ħadd, jum li fih l-uffiċċji doganali fl-Istat Membru kkonċernat ikunu magħluqa, u meta hemm ir-riskju li l-imsemmija kwota tiġi eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha peress li l-uffiċċji doganali fi Stati Membri oħra jkunu miftuħa fil-Ħdud.
(3)
F’każijiet oħra minbarra dawk previsti fl-Artikolu 899(1) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 214/2007, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru hija kompetenti li tiddeċiedi fuq it-talba għar-rimbors previst fl-Artikolu 239(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, meta din l-awtorità tikkunsidra li l-ebda irregolarità ma tista’ tiġi attribwita lill-Kummissjoni Ewropea u li t-talba inkwistjoni ma taqa’ fl-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 905(1) tal-imsemmi Regolament Nru 2454/93.
(4)
L-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jipprovdi għall-esklużjoni ta’ importatur tal-Unjoni Ewropea ta’ kwota tariffarja fejn id-data tal-ftuħ tkun il-Ħadd minħabba l-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit dan l-importatur.
(1) ĠU C 24, 31.1.2010.
Full & Egal Universal Law Academy