17.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq
(Kawża C-545/09) (1)
(Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej - Interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) - Dritt tal-għalliema kkollokati li jkollhom aċċess għall-istess progressjoni fil-karriera u għall-istess żieda fis-salarju bħall-kollegi nazzjonali tagħhom - Esklużjoni ta’ ċerti għalliema kkollokati mir-Renju Unit mal-iskejjel Ewropej mill-aċċess għall-iskali ta’ salarji iktar vantaġġużi u għall-pagamenti addizzjonali mogħtija lill-kollegi nazzjonali - Inkompatibbiltà mal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1))
2012/C 80/02
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall u B. Eggers, aġenti)
Konvenuta: Ir-Renju tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq (rappresentati: H. Walker, aġent, J. Coppel, Barrister)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16) — Remunerazzjponi ta’ għalliema kkollokati mal-iskejjel Ewropej — Esklużjoni, matul il-kollokament tagħhom, maġġustamenti tas-salarji mogħtija lill-għalliema impjegati fl-iskejjel nazzjonali
Dispożittiv
(1)
L-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej tal-21 ta’ Ġunju 1994 għandha jiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-Istati Membri partijiet għal din il-konvenzjoni sabiex jiżguraw li l-għalliema kkollokati jew assenjati mal-iskejjel Ewropej igawdu, matul iż-żmien tal-kollokament jew tal-assenjazzjoni tagħhom, l-istess drittijiet għall-progressjoni fil-karriera u għall-irtirar bħal dawk applikabbli għall-kollegi tagħhom nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.
(2)
Meta jeskludi l-għalliema Ingliżi u Welsh assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej, matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni jew ta’ kollokament tagħhom, mill-aċċess għall-iskali ta’ salarji iktar vantaġġużi, b’mod partikolari dawk magħrufa bħala “threshold pay”, “excellent teacher system” jew “advanced skills teachers”, u mill-aċċess għall-pagamenti addizzjonali oħra, bħalma huma t-“teaching and learning responsibility payments”, previsti mis-“School Teachers Pay and Conditions Document”, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq applika b’mod żbaljat l-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) ta’ din il-konvenzjoni.
(3)
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.
(1) ĠU C 63, 13.03.2010.
Full & Egal Universal Law Academy