KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fil-25 ta’ Marzu 2010 1(1)
Kawża C‑35/09
Ministero dell’Economia e delle Finanze
Agenzia delle Entrate
vs
Paolo Speranza
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja)]
“Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Dazju kapitali – Taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-att ta’ żieda tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Żieda tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li ma seħħitx – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligu li titħallas it-taxxa fuq il-kumpannija u, in solidum, fuq in-nutar pubbliku fir-rigward taż-żieda tal-kapital – Proporzjonalità tal-eċċezzjonijiet tan-nutar pubbliku”
1. Il-Corte suprema di cassazione (l-Italja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari rigward id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna t-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (2), li jipprovdu dan li ġej:
“a) L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335, li jissuġġetta għad-dazju kapitali ż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lok li tiġi ntaxxata l-kontribuzzjoni effettiva, u mhux is-sempliċi deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital li essenzjalment tkun għadha ma ġietx implementata?
b) L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taxxa għandha tapplika esklużivament fuq il-kumpannija benefiċjarja u mhux ukoll fuq l-uffiċjal pubbliku li jfassal jew jirċievi l-att?
c) F’kull każ, il-mezzi ta’ difiża [l-eċċezzjonijiet] li l-leġiżlazzjoni Taljana tagħti lill-uffiċjal pubbliku huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk jiġi kkunsidrat il-fatt li, skont l-Artikolu 38 [tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 131, tas-26 ta’ April 1986 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 99, tat-30 ta’ April 1986) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fi żmien il-fatti (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 131/1986”)], in-nullità jew il-possibbiltà li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital hija irrilevanti u li l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa jista’ jinkiseb biss wara li deċiżjoni ċivili li tiddikjara n-nullità jew l-annulament tkun saret res judicata?”
2. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li għamlet hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni rigward l-appell li ġie ppreżentat mill-Ministero dell’Economia e delle Finanze u mill-Agenzia delle Entrate mis-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Lulju 2004, mill-Commissione tributaria regionale del Veneto (l-Italja) li permezz tagħha din tal-aħħar, li kienet qed tiddeċiedi fl-appell, laqgħet rikors ippreżentat minn P. Speranza, nutar f’Padova (l-Italja), kontra avviż ta’ rkupru dwar id-dazji ta’ reġistrazzjoni.
3. Din il-kawża bdiet fit-30 ta’ Lulju 1993, meta l-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ LEJA Srl (iktar ’il quddiem il-“kumpannija LEJA”), li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Padova, iddeċidiet li tittrasforma ruħha f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u li żżid il-kapital azzjonarju tagħha minn ITL 20 000 000 għal ITL 58 400 000 000 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 1993”). Iż-żieda kollha fil-kapital kellha tiġi sottoskritta minn wieħed miż-żewġ membri tal-kumpannija LEJA, jiġifieri Tecnoitalia Srl bil-kontribuzzjoni ta’ 6 244 azzjoni ta’ Lama dd, kumpannija rregolata mid-dritt Sloven, li l-valur tagħha ġie stmat, permezz ta’ perizja ad hoc, li jlaħħaq ITL 58 380 000 000.
4. Il-proċess verbali tal-laqgħa ġenerali straordinarja msemmija iktar ’il fuq ġie mfassal min-nutar Speranza, li sar ukoll responsabbli in solidum mid-dazju ta’ reġistrazzjoni, jekk dan id-dazju jiġi kklassifikat bħala taxxa prinċipali u mhux bħala taxxa supplimentari.
5. Billi d-deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 1993 ġiet approvata b’mod definittiv mill-Corte d’appello di Venezia (l-Italja) u li, skont it-talba tan-nutar Speranza, hija ġiet irreġistrata, l-att ta’ żieda fil-kapital kien suġġett għal dazju ta’ reġistrazzjoni.
6. L-amministrazzjoni fiskali nnotifikat avviż ta’ rkupru li kien jikkonċerna ITL 578 102 000 kemm lill-kumpannija LEJA kif ukoll lil P. Speranza, bħala persuna responsabbli in solidum mill-ħlas.
7. Madankollu, iż-żieda fil-kapital li ġiet deċiża mill-kumpannija LEJA ma twettqitx għaliex jidher li l-kumpannija Tecnoitalia Srl, li kellha tissottoskrivi ż-żieda kollha msemmija, ma rnexxiliex tiddisponi mill-azzjonijiet li kellhom jiġu ttrasferiti għal dan il-għan. Għaldaqstant, il-kumpannija LEJA ġiet iddikjarata falluta. Konsegwentement, P. Speranza, bħala n-nutar pubbliku, baqa’ l-uniku debitur tad-dazju ta’ reġistrazzjoni.
8. P. Speranza ppreżenta rikors kontra l-avviż ta’ rkupru li ġie miċħud fl-ewwel istanza, qabel ma ntlaqa’ f’sede ta’ appell mill-Commissione tributaria regionale del Veneto.
9. Bil-kontra tal-Commissione tributaria regionale del Veneto, li kkwalifikat it-taxxa bħala supplimentari, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li tikkwalifikaha bħala taxxa prinċipali u tikkunsidra konsegwentement li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rikors ta’ P. Speranza kellu jiġi miċħud. Madankollu, hija qablet mad-dubju invokat minn P. Speranza rigward il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335.
10. P. Speranza, il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilkoll ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kollha kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fit-28 ta’ Jannar 2010 fuq talba ta’ P. Speranza u tal-Gvern Taljan.
Il-kuntest ġuridiku
Direttiva 69/335
11. Kif jirriżulta mit-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 għandha l-għan li telimina, permezz tal-armonizzazzjoni, ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital li jikkonsistu f’diskriminazzjoni, taxxa doppja u d-diversitajiet ikkawżati mit-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital applikabbli għall-Istati Membri.
12. Is-seba’ premessa għall-imsemmija direttiva tippreċiża li d-dazju fuq il-ġbir tal-kapital, kemm fir-rigward tal-istrutturi tiegħu u kemm fir-rati tiegħu, għandu jiġi armonizzat.
13. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jimponu dazju fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju, armonizzat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 9 ta’ din id-direttiva.
14. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335 jiddetermina l-lista ta’ operazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jew, jekk ikun il-każ, għandhom jissuġġettaw għal tali dazju kapitali. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jissuġġettaw għad-dazju kapitali ż-“żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”.
15. Skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335:
“Id-dazju għandu jiġi mpost:
(a) fil-kaz ta’ formazzjoni ta’ kumpannija kapitali jew ta’ żieda fil-kapital jew l-assi tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a), (ċ) u (d): fuq il-valur attwali ta’ l-assi ta’ kull tip ikkontribwiti jew li għandhom jiġu kkontribwiti mill-membri, wara t-tnaqqis tar-responsabbiltajiet assunti u ta’ l-ispejjeż magħmula mill-kumpannija bħala riżultat ta’ kull kontribuzzjoni. L-Istati Membri jistgħu jippostponu l-imposta ta’ dazju kapitali sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu ġew effetwati.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
16. Id-dazju ta’ reġistrazzjoni huwa rregolat bid-Digriet Nru 131/1986.
17. Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 131/1986, “id-dazju ta’ reġistrazzjoni għandu jiġi applikat […] fir-rigward tal-atti li huma suġġetti għal reġistrazzjoni obbligatorja u għal dawk li jiġu ppreżentati b’mod volontarju biex jiġu rreġistrati”.
18. Skont l-Artikolu 2(a) tad-Digriet Nru 131/1986, għandhom jiġu suġġetti għar-reġistrazzjoni, abbażi tal-artikoli segwenti ta’ dan id-digriet, l-atti msemmija fl-iskala annessa għal dan id-digriet, jekk ikunu ġew ikkostitwiti bil-miktub fit-territorju tal-Istat.
19. Skont in-nota 5 tal-Parti I ta’ din l-iskala tal-Artikolu 4(a), l-atti ta’ żieda fil-kapital għandhom ikunu suġġetti għal taxxa ekwivalenti għal 1 % taż-żieda li tkun ġiet deċiża.
20. Skont l-Artikolu 27(5) tad-Digriet Nru 131/1986, l-atti ta’ żieda fil-kapital għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa, kemm-il darba jkunu approvati.
21. L-Artikolu 38 tad-Digriet Nru 131/1986 jipprevedi dan li ġej:
“In-nullità jew li jiġi annullat l-att ma jeżentax mill-obbligu li jinħtieġ li jiġi rreġistrat u li titħallas it-taxxa relatata.
It-taxxa mħallsa skont il-paragrafu 1 għandha tingħata lura, għall-parti li taqbeż ir-rata fissa, meta l-att jiġi ddikjarat null jew jiġi annullat minħabba motiv mhux attribwibbli għall-partijiet, b’deċiżjoni li ttieħdet in res judicata, u li ma tistax tiġi rratifikata, ivvalidata jew ikkonfermata.”
22. Il-persuni taxxabbli huma ddefiniti fl-Artikolu 57 tad-Digriet Nru 131/1986, li jipprovdi dan li ġej:
“Minbarra l-uffiċjali pubbliċi li jkunu fasslu, irċevew jew awtentifikaw l-att u l-persuni li fl-interess tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni, huma obbligati in solidum li jħallsu t-taxxa, il-partijiet kontraenti, il-partijiet involuti, il-persuni li ffirmaw jew li kellhom jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 19 kif ukoll dawk li talbu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 633, 796, 800 u 825 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
Ir-responsabbiltà tal-uffiċjali pubbliċi ma testendix għall-ħlas tat-taxxi supplimentari u ta’ emenda.”
Kunsiderazzjonijiet
23. Għandu jitfakkar, qabel xejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat id-deċiżjoni tagħha dwar id-dazju ta’ reġistrazzjoni rregolat bid-Digriet Nru 131/1986 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Aro Tubi Trafilerie (3). Din il-kawża kienet tikkonċerna dazju ta’ reġistrazzjoni impost inkonnessjoni ma’ amalgamazzjoni bejn il-kumpanniji. F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-imsemmi dazju għandu l-karatteristiċi ta’ dazju kapitali fis-sens tal-Artikoli 1 sa 9 tad-Direttiva 69/335 (4). Anki jekk, f’dan il-każ, dan huwa dazju ta’ reġistrazzjoni impost inkonnessjoni ma’ żieda fil-kapital, jibqa’ l-fatt li dan huwa dazju kapitali fis-sens tal-Artikoli 1 sa 9 tad-Direttiva 69/335.
24. Għaldaqstant, biħsiebni nibbaża ruħi fuq din il-premessa li tirriżulta mis-sentenza msemmija. Fid-dawl tal-linja ta’ ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Fantask et (5), madankollu għandu jingħad li, fir-rigward tal-fatti li jirriżultaw mill-proċess, mhux mingħajr eżitazzjoni li nikkwalifika d-dazju ta’ reġistrazzjoni Taljan inkwistjoni bħala dazju kapitali fis-sens tal-Artikoli 1 sa 9 tad-Direttiva 69/335, u mhux bħala dazju simili għal dazju kapitali fis-sens tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva. Jekk id-dazju ta’ reġistrazzjoni Taljan jikkostitwixxi dazju simili għad-dazju kapitali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun kuntrarja għall-istess direttiva u, konsegwentement, id-domandi magħmula ma jkollhomx sens.
25. Il-Gvern Taljan ikkunsidra li l-ordni loġika tad-domandi preliminari magħmula kellha tinbidel u, fil-fehma tiegħu, hija t-tieni domanda li, f’dan il-każ, hija d-domanda fundamentali.
26. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma. Billi l-ħtieġa li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tiddependi mir-risposta għall-ewwel domanda, biħsiebni niddiskuti d-domandi fl-ordni li biha ġew magħmula.
Fuq l-ewwel domanda
27. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk il-fatt li ż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip għandha tkun suġġetta għad-dazju kapitali, kif inhu previst fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335, jiddependix mit-twettiq effettiv ta’ tali kontribuzzjoni.
28. Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-espressjoni “soġġetti għad-dazju” li ntużat mill-qorti tar-rinviju kif ukoll fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335, tindika proċess fiskali, attivat b’fatt li jagħti lok għal dak il-proċess magħmul minn diversi stadji.
29. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 jinkludi biss l-elenku tal-operazzjonijiet li huma suġġetti għad-dazju kapitali, u fosthom, tissemma ż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip. Din id-dispożizzjoni ma tittrattax l-istadji differenti tal-proċess fiskali, bħall-impożizzjoni u l-irkupru ta’ taxxa. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni ma tista’ toffri l-ebda kontribuzzjoni, la direttament u lanqas indirettament, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
30. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 69/335 tinkludix dispożizzjonijiet oħrajn li jistgħu jkunu utli biex tinstab soluzzjoni għall-problema li tqajmet.
31. Din id-dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi, tista’ tkun l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335, li, fir-rigward tal-impożizzjoni tad-dazju kapitali impost inkonnessjoni ma’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, jiddefinixxi l-bażi ta’ tali taxxi. Skont din id-dispożizzjoni, il-bażi tat-taxxa tirrappreżenta l-valur attwali tal-assi ta’ kull tip ikkontribwiti jew “li għandhom jiġu kkontribwiti” (6) mill-membri, wara t-tnaqqis tar-responsabbiltajiet assunti u tal-ispejjeż magħmula mill-kumpannija bħala riżultat ta’ kull kontribuzzjoni.
32. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335, jagħti l-fakultà lill-Istati Membri li jipposponu l-imposta ta’ dazju kapitali sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu ġew effetwati.
33. Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335, ma jippreċiżawx f’liema mument jintervjeni l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali. Il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital li għandhom isiru jistgħu wkoll jagħtu lok għall-impożizzjoni tad-dazju kapitali. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni l-kontribuzzjonijiet ta’ kapital li persuna fiżika jew ġuridika għandha l-obbligu li tagħmel u li jkollhom natura ċerta (7).
34. Il-kundizzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri li l-kontribuzzjoni ta’ kapital li għandha ssir għandha jkollha natura ċerta, għandha tinftiehem, fil-fehma tiegħi, fis-sens li l-kontribuzzjoni ta’ kapital għandha tkun inkundizzjonata.
35. Jiena tal-fehma li, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335 jista’ jiġi dedott li l-impożizzjoni tad-dazju kapitali, bħala wieħed mill-istadji ta’ proċess fiskali li jikkonsisti f’kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni ta’ rata għall-bażi ta’ stima, tista’ tippreċedi l-implementazzjoni tal-istess kontribuzzjoni ta’ kapital.
36. L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddefinixxu l-mument meta għandhom jimponu t-taxxa. Il-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li ma jimponux id-dazju kapitali sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ġew effetwati tfisser li l-Istati Membri għandhom ukoll possibbiltà li jimponu d-dazju kapitali qabel ma ssir il-kontribuzzjoni ta’ kapital.
37. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġi impost id-dazju kapitali qabel ma ssir il-kontribuzzjoni, timplika li l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali, li għandu jippreċedi l-impożizzjoni tad-dazju kapitali, jista’ jkollu l-forma ta’ att ġuridiku (8), bħal f’dan il-każ (9).
38. Madankollu, għandu jingħad ukoll li l-impożizzjoni tad-dazju kapitali ma tistax tiġi mfixkla jew identifikata mal-irkupru tiegħu. L-impożizzjoni bħala stadju tal-kalkolu tat-taxxa bl-applikazzjoni ta’ rata għall-bażi ta’ stima u l-irkupru bħala stadju ta’ ħlas effettiv tat-taxxa jirrappreżentaw żewġ stadji differenti tal-proċess fiskali.
39. Minkejja li l-impożizzjoni tad-dazju kapitali mill-Istati Membri hija parzjalment influwenzata mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 69/335, din id-direttiva ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni rigward l-irkupru. Għaldaqstant, għandu jitfakkar li, skont is-seba’ premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 għandha l-għan li tarmonizza d-dazju kapitali, kemm fir-rigward tal-istrutturi tiegħu u kemm fir-rati tiegħu. Għaldaqstant, id-Direttiva 69/335 ma għandhiex il-għan li tarmonizza l-proċess fiskali kollu li jirrigwarda d-dazju kapitali bħala tali. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni dwar l-irkupru tad-dazju kapitali u tal-obbligu li titħallas it-taxxa għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.
40. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li t-twettiq tal-impożizzjoni u tal-irkupru tad-dazju kapitali, indipendentement mill-eżekuzzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, jista’ jinnega l-portata materjali tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335 fejn huwa stabbilit li l-Istati Membri għandhom jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju, armonizzat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 9 ta’ din id-direttiva.
41. L-impożizzjoni u l-irkupru tad-dazju kapitali mingħajr ma tkun eżegwita l-kontribuzzjoni ta’ kapital ikollhom bħala effett grad ta’ protezzjoni tal-interess tal-Istat rigward l-impożizzjoni u l-irkupru tat-taxxi li għalhekk iwassal għall-inġustizzji fil-konfront tal-persuni taxxabbli u għall-arrikkiment tal-Istat bit-taxxa imposta minkejja li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tabilħaqq ma tkunx twettqet.
42. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 għandu jiġi interpretat bħala li huwa possibbli li s-sempliċi deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip tiġi suġġetta għad-dazju kapitali. Madankollu, il-persuna taxxabbli għandha jkollha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha b’mod effettiv waqt il-proċess fiskali permezz tal-oġġezzjoni li l-kontribuzzjoni ta’ kapital ma tistax tiġi eżegwita.
Fuq it-tieni domanda
43. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi fir-rigward ta’ min japplika d-dazju kapitali jew, iktar preċiż minn hekk, min huwa d-debitur tal-obbligu fiskali relatat ma’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335.
44. Il-punt ta’ tluq tar-risposta għal din id-domanda għandu jkun li jiġi ċċarat il-kunċett tal-“obbligu fiskali”. Fil-prinċipju, dan huwa l-obbligu ta’ persuna taxxabbli li tħallas it-taxxa li ġiet imposta fir-rigward tagħha abbażi tal-liġi u f’konformità magħha.
45. It-tnissil ta’ tali obbligu fir-rigward ta’ persuna taxxabbli jiddependi dejjem minn fatt li jagħti lok li jippermetti li l-Istat jipproċedi bl-impożizzjoni u, iktar minn hekk, bl-irkupru tat-taxxa. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bil-kontribuzzjoni tal-azzjonijiet tal-kumpannija l-oħra huwa l-fatt li jagħti lok għad-dazju ta’ reġistrazzjoni.
46. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-istruttura u l-iskema tad-Direttiva 69/335, id-dazju kapitali għandu jiġi impost fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju li tirċievi l-kontribuzzjoni inkwistjoni (10). Dan ifisser li, f’dan il-każ, hija l-kumpannija LEJA li għandha tkun il-persuna taxxabbli fir-rigward tad-dazju kapitali u mhux P. Speranza bħala nutar pubbliku. Hija l-kumpannija LEJA li bbenefikat, jew aħjar kellha tibbenefika, mill-kontribuzzjoni ta’ kapital deċiż.
47. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li d-Direttiva 69/335, bħala tali, ma tirregolax il-modalitajiet ta’ rkupru tad-dazju kapitali. Konsegwentement, jidher li, b’mod ġenerali, din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza rrikonoxxuta lill-Istati Membri. Madankollu, il-modalitajiet ta’ rkupru tad-dazju kapitali jinkludu, fil-fehma tiegħi, kull dispożizzjoni li għandha l-għan li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-obbligu fiskali min-naħa tal-persuna taxxabbli.
48. Ir-responsabbiltà in solidum ta’ persuni li, għal ċerti raġunijiet previsti mil-liġi jew abbażi tal-liġi, jinfluwenzaw it-tnissil ta’ obbligu fiskali, tirrappreżenta wieħed mill-modi li qed jintużaw attwalment mill-Istati sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-obbligu fiskali min-naħa ta’ persuna taxxabbli. Dan iseħħ ukoll fil-każ inkwistjoni.
49. Anki jekk in-nutar għandu l-obbligu li jħallas ammont ekwivalenti għad-dazju ta’ reġistrazzjoni, dan ma huwiex, fir-rigward tiegħu, l-obbligu fiskali li jirriżulta mill-fatt li jagħti lok għad-dazju ta’ reġistrazzjoni. L-obbligu tan-nutar li jħallas id-dazju ta’ reġistrazzjoni huwa konsegwenza tar-responsabbiltà in solidum tiegħu.
50. Għandu jingħad ukoll li, fil-każ tan-nutar, din hija responsabbiltà u obbligu in solidum. Konsegwentement, huwa eskluż li d-dazju ta’ reġistrazzjoni jitħallas darbtejn. Fil-fatt, fil-każ ta’ responsabbiltà in solidum, l-eżekuzzjoni tal-obbligu minn waħda mill-persuni responsabbli twassal għall-estinzjoni tal-obbligu fir-rigward tal-persuni responsabbli l-oħra.
51. Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-unika persuna li għandha l-obbligu fiskali relatat ma’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 hija l-kumpannija li tibbenefika mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Wieħed ma għandux ifixkel l-imsemmi obbligu fiskali mal-obbligu tan-nutar li jħallas ammont ekwivalenti għad-dazju ta’ reġistrazzjoni relatat mar-responsabbiltà in solidum prevista fid-dritt nazzjonali bħala garanzija.
Fuq it-tielet domanda
52. Bit-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni Taljana għall-benefiċċju tal-uffiċjal pubbliku humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta jiġi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 38 tad-Digriet Nru 131/1986, in-nullità jew il-possibbiltà li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital hija irrilevanti u li l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa jista’ jinkiseb biss wara li deċiżjoni li tiddikjara n-nullità jew l-annullament tkun saret res judicata.
53. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, billi d-Direttiva 69/335, bħala tali, ma tirregolax il-modalitajiet ta’ rkupru tad-dazju kapitali, hija lanqas ma tirregola l-garanziji għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu fiskali. Dawn il-kwistjonijiet ma humiex relatati mal-għan u mal-finijiet tad-Direttiva 69/335.
54. Konsegwentement, il-modalitajiet ta’ rkupru tad-dazju kapitali u l-protezzjoni tal-persuna responsabbi in solidum, jiġifieri f’dan il-każ, in-nutar pubbliku, mill-impożizzjoni u mill-irkupru tad-dazju ta’ reġistrazzjoni jirrappreżentaw id-dazju kapitali impost inkonnessjoni maż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip fis-sens tad-Direttiva 69/335 meta l-kontribuzzjoni ta’ kapital effettivament ma saritx, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għandu jiġi enfasizzat li, fil-fehma tiegħi, la l-pożizzjoni tan-nutar bħala persuna responsabbli in solidum mill-ħlas tad-dazju ta’ reġistrazzjoni u lanqas l-eċċezzjonijiet li jistgħu jiġu invokati minn din il-persuna ma għandhom xi rilevanza biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 69/335.
55. Fir-rigward ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Gvern Taljan ġustament qed jinvoka n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għat-tielet domanda magħmula.
56. Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza, biħsiebni neżamina r-relazzjoni li tista’ teżisti bejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ġie ddeterminat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet simili, u l-protezzjoni tan-nutar mill-impożizzjoni u mill-irkupru ta’ dazju ta’ reġistrazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 fil-każ li l-kontribuzzjoni ta’ kapital, fil-fatt, ma tkunx twettqet.
57. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponi lill-Istati Membri li jagħmlu użu minn mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq effettivament għan partikolari, jikkawżaw l-inqas dannu possibbli lill-għanijiet u lill-prinċipji tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, f’dan il-każ id-Direttiva 69/335 (11).
58. F’dan il-każ, jirriżulta li jekk l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri sabiex jipproteġu bl-aħjar mod l-interessi finanzjarji tagħhom u, għalhekk, b’mod partikolari l-interess tagħhom fl-impożizzjoni u fl-irkupru tad-dazju kapitali, l-imsemmija miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.
59. Mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar id-dazju ta’ reġistrazzjoni mogħti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi possibbiltà ta’ ħlas lura tat-taxxa mħallsa sakemm il-att li abbażi tiegħu ġiet imposta t-taxxa jiġi ddikjarat null jew jiġi annullat. Madankollu, il-qorti fiskali ma għandhiex il-kompetenza biex tieħu din id-deċiżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti ċivili.
60. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju sostniet li, skont it-termini tal-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 89, tas-16 ta’ Frar 1913, dwar il-professjoni ta’ nutar, in-nutar għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu meta jintalab jagħmel dan. Madankollu, il-Gvern Taljan ippreċiża li skont it-termini tal-Artikolu 28 ta’ din il-liġi, in-nutar huwa awtorizzat li jirrifjuta li jfassal kull att li jintalab jagħmel jekk il-partijiet ma jiddepożitawx miegħu l-ammont ta’ taxxi, onorarji u spejjeż relatati mal-att. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tinftiehem bħala mezz ta’ protezzjoni preventiva mill-obbligu eventwali li jħallas dazju ta’ reġistrazzjoni abbażi tar-responsabbiltà in solidum tiegħu.
61. Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa l-possibbiltà rrikonoxxuta lin-nutar li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija b’kapital azzjonarju meta jkollu jħallas l-obbligu in solidum tiegħu.
62. Ma jidhirx li l-possibbiltà li n-nutar jirrifjuta li jfassal l-att kif ukoll dik li jippreżenta rikors għal kumpens kontra l-kumpannija b’kapital azzjonarju jista’ jkollhom rilevanza determinati għar-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari. Dan naturalment ma jfissirx li qed tiġi kkontestata l-importanza ta’ dawn il-possibbiltajiet.
63. Jiena nikkunsidra li l-unika possibbiltà rilevanti hija dik tal-protezzjoni ġuridika tan-nutar li qed jagħmel ħiltu biex jikseb il-ħlas lura ta’ somma li tikkorrispondi għat-taxxa li tħallset bħala responsabbiltà in solidum.
64. Kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li kellha tiġi mfassla min-nutar hija l-fatt li jagħti lok għad-dazju ta’ reġistrazzjoni Taljana. Dan il-fatt li jagħti lok jeżisti inkwantu bħala fatt oġġettiv u, matul l-eżistenza kollha tiegħu, jipproduċi l-effetti legali previsti mil-liġi.
65. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità jew ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija, il-fatt li jagħti lok jissussisti u huwa suffiċjenti biex jiġġustifika d-dritt tal-Istat li jimponi u li jipproċedi għall-irkupru tad-dazju kapitali.
66. Għal din ir-raġuni, filwaqt li jiġi kkunsidrat li huwa possibbli li l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa jista’ jinkiseb biss wara li deċiżjoni li tiddikjara n-nullità jew l-annullament tad-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija inkwistjoni, nikkunsidra li l-eċċezzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni Taljana lin-nutar huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, tabilħaqq, dan huwa l-uniku mezz biex titħassar id-deċiżjoni inkwistjoni li tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għad-dazju kapitali kif ukoll għall-effetti legali tiegħu.
Konklużjoni
67. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione fit-termini li ġejjin:
“1) L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna t-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li s-sempliċi deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip tiġi suġġetta għad-dazju kapitali. Madankollu, il-persuna taxxabbli għandha jkollha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha b’mod effettiv waqt il-proċess fiskali permezz tal-oġġezzjoni li l-kontribuzzjoni ta’ kapital ma tistax tiġi eżegwita.
2) L-unika persuna li għandha l-obbligu fiskali relatat ma’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335, hija l-kumpannija li tibbenefika mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Wieħed ma għandux ifixkel l-imsemmi obbligu fiskali mal-obbligu tan-nutar li jħallas ammont ekwivalenti għad-dazju ta’ reġistrazzjoni relatat mar-responsabbiltà in solidum previst fid-dritt nazzjonali bħala garanzija.
3) Il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-uffiċjal pubbliku li jkun fassal, irċieva jew awtentifika l-att ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, u li huwa obbligat in solidum li jħallas id-dazju kapitali, li jikseb il-ħlas lura tad-dazju mħallas biss wara li deċiżjoni li tiddikjara n-nullità jew l-annullament tad-deċiżjoni ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija tkun saret res judicata, hija, fir-rigward tal-effetti legali tal-influwenza tan-nutar fuq il-att taż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11. B’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva 69/335 ġiet irrevokata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11).
3 – Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006 (C‑46/04, Ġabra p. I‑3009).
4 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aro Tubi Trafilerie (iċċitata fin-nota 3, punt 28).
5 – Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997 (C‑188/95, Ġabra p. I‑6783). Is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, IGI (C‑134/99, Ġabra p. I‑7717) u tal-21 ta’ Ġunju 2001, SONAE (C‑206/99, Ġabra p. I‑4679) segwew l-istess approċċ.
6– Enfasi miżjuda.
7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2002, ESTAG (C‑339/99, Ġabra p. I‑8837, punti 49 u 50).
8 – L-approċċ preċedenti jista’ jidher kuntrarju għal dak li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aro Tubi Trafilerie (iċċitata nota 3, punt 27), fejn hija sostniet, fir-rigward tan-natura proporzjonali tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni, miġbura b’rata ta’ 1 % fuq il-valur tal-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lill-kumpannija, li kellu jiġi kkunsidrat li l-fatt li jagħti lok għal tali taxxa kien jinsab fil-kontribuzzjoni ta’ kapital stess. Madankollu, dan l-approċċ għandu jiġi evalwat fil-kuntest ta’ dan il-każ, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ħilitha biex tagħmel distinzjoni bejn id-dazju kapitali u t-taxxa analoga għad-dazju kapitali għall-finijiet tad-Direttiva 69/335.
9 – Għandu jiġi rrilevat li fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li t-taxxi ta’ reġistrazzjoni kienu jikkostitwixxu, fid-dritt nazzjonali, taxxi tipiċi fuq l-atti.
10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2002, ESTAG (C‑339/99, Ġabra p. I‑8837, punti 44 sa 47) u tat-12 ta’ Jannar 2006, Senior Engineering Investments (C‑494/03, Ġabra p. I‑525, p. 25).
11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C‑286/94, C‑340/95, C‑401/95 u C‑47/96, Ġabra p. I‑7281, punti 46 u 47); tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C‑409/04, Ġabra p. I‑7797, punt 52); tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C‑271/06, Ġabra p. I‑771, punti 19 u 20), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska (C‑25/07, Ġabra p. I‑5129, punt 23).
Full & Egal Universal Law Academy