KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Trstenjak
ippreżentati fit-28 ta’ April 2010 1(1)
Kawża C‑45/09
Gisela Rosenbladt
vs
Oellerking GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Ġermanja)]
‘‘Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età – Artikolu 6(1) – Ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti abbażi tal-età – Għan leġittimu – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Limitu tal-età tal-irtirar regolari – Ftehim kollettiv ta’ xogħol – Kompetenza speċifika tal-imsieħba soċjali fl-Istati Membri – Artikolu 18(1) – Attribuzzjoni tal-implementazzjoni lill-imsieħba soċjali”
Werrej
I – Il-leġiżlazzjoni applikabbli
A – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
1. Il-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniż
2. L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (Liġi ġenerali dwar trattament ugwali)
3. Il-ftehim kollettiv
II – Il-fatti
III – Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju
IV – Id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – Fuq l-eċċezzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mressqa mill-Gvern Irlandiż
VI – Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 u dwar id-dispożizzjoni rilevanti
A – Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78
B – Fuq id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2000/78
VII – Fuq l-ewwel domanda preliminari
A – L-argumenti tal-partijiet
B – Evalwazzjoni
1. Fuq l-ammissibbiltà
2. Fuq il-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
a) Dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li minnhom tista’ tirriżulta l-għotja ta’ awtorizzazzjoni speċifika sabiex jiġi stabbilit il-limitu tal-etŕ tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv
b) Indikazzjonijiet oħra dwar l-implementazzjoni tad-direttiva mill-imsieħba soċjali
i) Traspożizzjoni mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 18 tad-direttiva
ii) Ftehim kollettiv abbażi ta’ klawżola ġenerali “sempliċi”
3. Konklużjoni
VIII – Fuq id-domandi preliminari l-oħra
A – Fuq l-ammissibbiltà
B – Fuq is-suġġett tad-domandi preliminari l-oħra
C – Fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija mil-liġi lill-imsieħba soċjali sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-età tal-irtirar fi ftehim kollettiv
1. Fuq il-verifikazzjoni tal-għan mixtieq
2. Fuq ir-rekwiżiti tal-għan
a) Leġittimità
b) Konkretezza suffiċjenti
c) Żmien
3. Fuq il-ġustifikazzjoni oġġettiva
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Evalwazzjoni
i) Fuq il-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
ii) Fuq il-kompatibbiltà tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
– Fuq il-kunsiderazzjonijiet li għamel il-leġiżlatur
– Fuq il-limitazzjoni tal-istħarriġ
– Fuq l-istħarriġ ta’ tali evalwazzjoni
c) Konklużjoni
4. Fuq l-għoti tal-awtorizzazzjoni lill-imsieħba soċjali
a) Fuq il-garanzija li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
b) Fuq in-neċessità ta’ talba skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/78
5. Konklużjoni
D – Fuq il-limitu tal-età tal-irtirar regolari skont it-tmien punt tal-Artikolu 19 tar-RTV
1. Fuq l-identifikazzjoni tal-għan mixtieq
2. Fuq ir-rekwiżiti tal-għan
3. Fuq il-kisba ta’ għanijiet li ma jkunux kollha leġittimi
4. Fuq il-ġustifikazzjoni oġġettiva
a) Fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-partijiet tal-ftehim kollettiv
b) Fuq l-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet
i) Applikazzjoni kostanti tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari
– L-argumenti tal-partijiet
– Evalwazzjoni
Aspetti dwar iż-żmien
Il-verifika speċifika għal settur ekonomiku partikolari
L-ebda limitazzjoni speċifika
ii) Fuq in-nuqqas ta’ obbligu li jiġu impjegati ħaddiema żgħażagħ
– L-argumenti tal-partijiet
– Evalwazzjoni
iii) Fuq il-possibbiltà li jerġgħu jiġu impjegati ħaddiema li jkunu qabżu l-etŕ tal-irtirar
iv) Fuq il-possibbiltà ta’ estensjoni miftiehma tal-kuntratt ta’ impjieg
– L-argumenti tal-partijiet
– Evalwazzjoni
v) Fuq l-insuffiċjenza tad-drittijiet tal-pensjoni
– L-argumenti tal-partijiet
– Evalwazzjoni
5. Konklużjoni
IX – Konklużjoni ġenerali
X – Konklużjonijiet
1. Din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE (2) tittratta ftehim, li jipprovdi li fil-prinċipju, tintemm relazzjoni ta’ xogħol mingħajr tkeċċija jew riżenja, meta l-ħaddiem ikun laħaq il-limitu legali tal-età għall-pensjoni ta’ rtirar (iktar ’il quddiem il-“limitu tal-età tal-irtirar regolari’’). L-ammissibbiltà ġuridika u l-utilità ekonomika ta’ dan il-limitu tal-età tal-irtirar regolari jirrappreżentaw kwistjoni kontroversjali (3). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-limitu tal-età tal-irtirar regolari stipulat fi ftehim kollettiv huwiex kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (4). Din il-proċedura tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara s-sentenzi Palacios de la Villa(5), Age Concern England (6) u Petersen (7), tiżviluppa sussegwentement u tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, li fuqha l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-differenza fit-trattament abbażi tal-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, sakemm tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu.
I – Il-leġiżlazzjoni applikabbli
A – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja (8)
2. Id-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.
3. L-erbatax-il premessa tad-direttiva ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar.
4. Skont il-premessa ħamsa u għoxrin tad-direttiva, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Linji Gwida għall-Impjiegi u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjiegi. Madankollu, it-trattament differenti abbażi tal-età jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jiġi ġġustifikat u għalhekk jeħtieġ dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Skont din il-premessa, huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn trattamenti differenti li huma ġġustifikati, b’mod partikolari minn politika leġittima tal-impjieg, bl-għanijiet tas-suq tax-xogħol u b’taħriġ professjonali, u d-diskriminazzjonijiet li għandhom jiġu pprojbiti.
5. Skont l-Artikolu 1 tad-direttiva, l-iskop tad-direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jingħelbu d-diskriminazzjonijiet abbażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li jiġi implementat il-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-Istati Membri.
6. L-Artikolu 2 tad-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ diskriminazzjoni. Skont il-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni, għall-iskop ta’ din id-direttiva, ‘‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’’ għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. Skont l-Artikolu 2(a) tal-istess dispożizzjoni, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.
7. L-Artikolu 3 tad-direttiva jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Abbażi tal-punt 1(c) ta’ dan l-artikolu, id-direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga.
8. L-Artikolu 6 tad-direttiva għandu l-iskop li jigġustifika trattament differenti abbażi tal-età. Il-punt 1 ta’ dan l-Artikolu jipprovdi li:
‘‘Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.
Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
(a) l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;
(b) l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;
(ċ) l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.’’
9. L-Artikolu 18(1) tad-direttiva jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 jew jistgħu jafdaw l-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għar-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettiv. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jigarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih’’.
10. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tad-direttiva, sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jista’, jkollhom jekk neċessarju, perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, biex jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar diskriminazzjoni abbażi tal-età u ta’ diżabbiltà. Peress illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tibbenefika minn tali terminu addizzjonali għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, dan it-terminu skada biss fit-2 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
1. Il-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniż
11. It-tielet sentenza tal-Artikolu 41(4) tal-ktieb VI tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem, is‑‘‘SGB VI’’), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 1992 u l-31 ta’ Lulju 1994, kienet tipprovdi li:
‘‘Ftehim li permezz tiegħu relazzjoni ta’ xogħol għandha tittermina fid-data li fiha l-impjegat ikollu dritt għal pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu jista’ jitqies validu biss fil-każ fejn il-ftehim ikun ġie konkluż jew ikkonfermat mill-impjegat matul l-aħħar tliet snin qabel din id-data” (9).
12. Il-liġi suċċessiva li kienet fis-seħħ bejn l-1 ta’ Awwissu 1994 u l-31 ta’ Lulju 2007 pprovduta fit-tielet sentenza tal-Artikolu 41(4) tal-SGB VI, kienet tipprovdi li:
“Ftehim li jipprovdi għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat mingħajr tkeċċija jew riżenja f’data li fiha l-ħaddiem jistà jitlob pensjoni ta’ rtirar qabel jagħlaq 65 sena, għandu jitqies, fil-konfront tal-impjegat, li ġie konkluż f’għeluq is-65 sena, ħlief jekk il-ftehim ikun ġie konkluż fl-aħħar tliet snin qabel it-tali data jew ikun ġie kkonfermat mill-ħaddiem” (10).
13. Id-dispożizzjoni suċċessiva tat-tieni sentenza tal-Artikolu 41, tal-SGB VI li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, tipprovdi li:
“Ftehim li jipprovdi għat-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ impjegat mingħajr tkeċċija jew riżenja f’data li fiha l-impjegat istà jitlob pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu qabel ma jkun laħaq l-età normali tal-irtirar għandu jitqies, fil-konfront tal-impjegat, li ġie konkluż f’għeluq l-età normali tal-irtirar, ħlief jekk il-ftehim ikun ġie konkluż jew ikun ġie ikkonfermat fl-aħħar tliet snin qabel it-tali data mill-ħaddiem” (11).
2. L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (Liġi ġenerali dwar trattament ugwali)
14. Il-Leġiżlatur Ġermaniż, għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, adotta l-liġi ġenerali dwar trattament ugwali tal-14 ta’ Awwissu 2006(12) (iktar ’il quddiem : l-“AGG”). Skont l-Artikolu 1, din il-liġi għandha l-iskop li tipprojbixxi jew telimina kull trattament diskriminatorju bbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
15. Skont l-Artikolu 2(4) tal-AGG, it-tkeċċijiet huma rregolati esklużivament mid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ġenerali u speċifiċa kontra t-tkeċċijiet.
16. Meta daħlet fis-seħħ l-AGG, l-Artikolu 10 tagħha kien jipprovdi:
“Awtorizzazzjoni għal trattament differenti abbażi tal-età
Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, trattament differenti abbażi tal-età huwa awtorizzat ukoll meta jkun iġġustifikat oġġettivament u raġonevolment b’għan leġittimu. Il-mezzi li jintużaw sabiex jitwettaq dan il-għan jistgħu jinkludu, b’mod partikolari:
[…]
5. ftehim li jipprovdi għal terminazzjoni mingħajr tkeċċija jew riżenja tar-relazzjoni ta’ xogħol f’data li fiha l-impjegat ikun jista’ jitlob pensjoni ta’ rtirar, u dan bla ħsara għall-Artikolu 41 tal-Ktieb VI tas-Sozialgesetzbuch,
[…]
7. ftehim individwali jew kollettiv dwar projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ impjegati li jkollhom ċerta età u anzjanità fis-servizz, sakemm dan ma jnaqqasx b’mod manifest u serju l-protezzjoni ta’ impjegati oħra kontra tkeċċija fil-kuntest tal-għażla soċjali skont l-Artikolu 1(3) tal-Kündigungsschutzgesetz”.
17. Is-seba’ punt madanakollu ġie rrevokat b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2006 (13). Għaldaqstant is-seba’ punt tal-Artikolu 10 tal-AGG applikabbli għall-fatti tal-kawża, ma għadux fis-seħħ.
3. Il-ftehim kollettiv
18. Ir-Rahmentarifvertrag für die gewerblichen Beschäftigten in der Gebäudereinigung (ftehim kollettiv ta’ qafas għall-ħaddiema tal-impriżi tat-tindif industrijali, iktar ’il quddiem : l-“RTV”), konkluż fl-2004 u applikabbli għall-fatti tal-kawża, bejn il-Bundesinnungsverband des Gebäudereiniger-Handwerks (konfederazzjoni tal-impriżi tas-settur tat-tindif) li tirrappreżenta lil min iħaddem u l-Industriegewerkschaft Bauen-Agrar-Umwelt (trade union tal-ħaddiema tal-industrija tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura u tal-ambjent) li tirrappreżenta lill-ħaddiema. It-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV jipprovdi li:
“Sa kemm ma jkunx ġie ddeterminat mod ieħor fil-kuntratt individwali, u fil-każ tal-pensjoni ta’ rtirar li l-impjegat/l-impjegata jistgħu jitolbu qabel il-limitu tal-età tal-irtirar applikabbli għalihom, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata fl-iskadenza tax-xahar li fih l-impjegat/l-impjegata jkollu/jkollha dritt jitlob/titlob il-pensjoni ta’ rtirar, sa mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar li fih l-impjegat/l-impjegata jagħlaq/tagħlaq 65 sena”.
19. Fil-ftehim kollettiv ta’ qafas preċedenti, kienet ġiet żviluppata, għall-ewwel darba fit-8 ta’ Mejju 1987, leġiżlazzjoni simili għal dik tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV. Minn Awwissu 1987, din il-leġiżlazzjoni kienet applikata abbażi tal-età ta’ 65 sena. L-RTV kien iddikjarat validu erga omnes mill-Ministeru Federali tal-Ekonomija u tax-Xogħol b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004. Dan ifisser li r-RTV japplika kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema li mhumiex marbuta b’tali ftehim abbażi tal-fatt li huma diġà membri ta’ assoċjazzjoni ta’ min iħaddem jew ta’ trade union. It-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV la ġie mmodifikat qabel id-dħul fis-seħħ tal-AGG, la meta daħal fis-seħħ u lanqas wara.
20. Fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-età legali għall-pensjoni ta’ rtirar żdiedet gradwalment minn 65 għal 67 sena. Madankollu, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fl-1943, tibqa’ tapplika l-età tal-irtirar normali ta’ 65 sena.
II – Il-fatti
21. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) hija impriża tat-tindif tal-proprjetà immobbli. Fl-impriża tal-konvenuta hemm impjegati bosta ħaddiema li għandhom iktar minn 65 u anki iktar minn 70 sena.
22. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) twieldet fis-26 ta’ Mejju 1943, miżżewwġa u għandha tifel b’diżabbiltà ta’ 100 %. Ir-raġel tagħha huwa pensjonant. Għal dawn l-aħħar 39 sena, ir-rikorrenti għamlet xogħol ta’ tindif fil-kwartieri tal-armata ta’ Hamburg-Blankinese, u mill-1 ta’ Novembru 1994, bħala impjegata tal-konvenuta. Ir-rikorrenti ma hija membru tal-ebda trade union.
23. Abbażi tal-kuntratt tax-xogħol tal-10 ta’ Ottubru 1994 konkluż bejn il-konvenuta u r-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”), ir-rikorrenti ġiet impjegata bħala “uffiċjal tat-tindif tal-kwartieri”. Il-ħinijiet tax-xogħol kienu sagħtejn kuljum, b’kollox għaxar sigħat fil-gimgħa. Il-konvenuta fl-aħħar nett kienet tħallas lir-rikorrenti remunerazzjoni grossa ta’ EUR 307.48. Il-kuntratt jagħmel riferiment għall-RTV.
24. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Mejju 2008, il-konvenuta informat lir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha kienet ser tiġi tterminata fil-31 ta’ Mejju 2008, għalhekk mal-iskadenza tax-xahar li fih ir-rikorrenti kienet ser tagħlaq 65 sena u għaldaqstant kienet ser tilħaq l-età għall-pensjoni ta’ rtirar. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti kkontestat it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol u wriet l-intenzjoni tagħha li tkompli taħdem u offriet is-servizzi tagħha mill-ġdid. Mill-1 ta’ Ġunju 2008, il-konvenuta ma impjegatx iżjed lir-rikorrenti, iżda offritilha li tkompli taħdem sakemm tispiċċa l-kawża. Mill-1 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti bdiet tirċievi pensjoni tal-anzjanità abbażi tas-sigurtà soċjali pprovduta mil-liġi. Din tammonta għal EUR 253.19 gross fix-xahar, ekwivalenti għal EUR 228.26 netti.
III – Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju
25. Fit-28 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-kuntratt tax-xogħol tagħha mal-konvenuta kompla wara l-31 ta’ Mejju 2008 u tinvoka d-drittijiet korrispondenti. Il-konvenuta ssostni iżda, billi tibbaża ruħha fuq it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, li r-relazzjoni ta’ xogħol spiċċat u titlob li r-rikors jinċaħad. Il-qorti tar-rinviju tqis li r-riferiment fil-kuntratt għall-RTV huwa ineffiċjenti, iżda li t-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV japplika minħabba d-dikjarazzjoni ta’ validità erga omnes. Hija tiddubita mill-kompatibbiltà tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età tad-Direttiva 2000/78.
26. Il-qorti tar-rinviju talbet informazzjoni lill-partijiet tal-ftehim kollettiv dwar il-motivi sottostanti t-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, kif ukoll lill-Ministeru Federali għall-Ekonomija u x-Xogħol dwar ir-raġunijiet tad-dikjarazzjoni ta’ validità erga omnes. Din l-informazzjoni kienet ipprovduta biss minn min iħaddem.
IV – Id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27. Permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2009, ippreżentata fir-Registru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2009, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi ġenerali dwar trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz, AGG), dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, li jagħmlu distinzjoni bbażata fuq l-età mingħajr ma l-imsemmija liġi tawtorizza dan b’mod espliċitu (kif kienet tagħmel qabel fil-punt 7 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tagħha), huma kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas- 27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol?
2) Leġiżlazzjoni nazzjonali, li tawtorizza lill-Istat, lill-imsieħba soċjali partijiet fi ftehim kollettiv u lill-partijiet f’kuntratt individwali ta’ xogħol li jipprovdu għat-terminazzjoni awtomatika tar-relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena) tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta, fl-Istat Membru kkonċernat, klawżoli f’dan is-sens ġew applikati, b’mod kostanti, għal għexieren ta’ snin u għadhom jiġu applikati għar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kważi l-impjegati kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika u mis-sitwazzjoni prevalenti fil-fatt fis-suq tax-xogħol?
3) Ftehim kollettiv, li jawtorizza lil min iħaddem li jtemm relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena), jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta, fl-Istat Membru kkonċernat, klawżoli f’dan is-sens ġew applikati, b’mod kostanti, għal għexieren ta’ snin u għadhom jiġu applikati għar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kważi l-impjegati kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografija u mis-sitwazzjoni prevalenti fil-fatt fis-suq tax-xogħol?
4) Stat li jiddikjara li għandu applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv li jawtorizza lil min iħaddem li jtemm ir-relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena) u li jżomm din l-applikazzjoni ġenerali, jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta huwa jagħmel dan indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika u mis-sitwazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol?”
28. Fit-23 ta’ Frar 2010 saret seduta li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u tal-konvenuta, tal-gvernijiet Ġermaniż, Daniż u tar-Renju Unit, kif ukoll rappreżentanti tal-Kummissjoni, li temmew l-argumentazzjoni tagħhom u rrispondew id-domandi.
V – Fuq l-eċċezzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mressqa mill-Gvern Irlandiż
29. Fl-opinjoni tal-Gvern Irlandiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet irrispondiet għal domandi simili fis-sentenza Age Concern England (14). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nħelset mill-kompitu tagħha.
30. Din l-eċċezzjoni għandha tipi miċħuda. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali jistgħu, skont l-Artikolu 234 KE, iressqu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi interpretattivi anki f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrispondiet għal domandi simili (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ġurisdizzjoni anki f’dawn il-każijiet sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari.
VI – Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 u dwar id-dispożizzjoni rilevanti
31. Qabel ma nittratta l-erba’ domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, nixtieq niffoka ftit fuq il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 (A) u tad-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva rilevanti għal dan il-każ (B).
A – Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78
32. Id-direttiva hija applikabbli għal każ bħal dak tal-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 3(1)(c). Skont din id-dispożizzjoni, id-direttiva tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ sensja. Dispożizzjoni bħal dik tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, li tipprovdi li fil-prinċipju, kuntratt tax-xogħol jittermina meta l-impjegat jilħaq il-limitu ta’ età tal-irtirar applikabbli, taffettwa l-kundizzjonijiet li fihom persuna tingħata s-sensja. Għall-kuntrarju, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78, l-applikabbiltà tad-direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar. Madankollu, din il-premessa tillimita ruħha li tispeċifika li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-età li fiha wieħed jikkwalifika sabiex jirtira u bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età tal-irtirar hekk stabbilita (16).
B – Fuq id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2000/78
33. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi esklużivament għall-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan il-kuntest, l-ewwel nett għandu jingħad li dispożizzjoni bħal dik tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, tipprovdi trattament differenti abbażi tal-età, kif stabbilit fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1)(a) tad-direttiva, minħabba li abbażi tal-istess direttiva, fil-prinċipju, ir-relazzjoni tax-xogħol tar-rikorrenti ġiet itterminata meta laħqet l-età tal-pensjoni ta’ rtirar regolari ta’ 65 sena. Ir-rikorrenti tbati għalhekk, b’mod dirett, minn trattament inqas favorevoli marbut mal-età tagħha, meta mqabbla ma’ ħaddiem li ma jkunx għadu laħaq dik l-età (17).
34. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva jipprovdi iżda li trattament differenti abbażi tal-età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu xierqa u neċessarji. Il-qorti tar-rinviju ma kkunsidratx espliċitament din id-dispożizzjoni fid-domandi preliminari tagħha. Peress li d-domandi tagħha jirreferu għaliha mill-perspettiva ta’ mertu, għandhom jiġu kkunsidrati li jimplikaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
VII – Fuq l-ewwel domanda preliminari
35. Fl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, ma tipprovdi l-ebda regola ssemplifikata li tawtorizza espressament il-ftehim milħuq permezz tal-ftehim kollettiv dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota kif f’verżjoni preċedenti, it-tielet sentenza tal-Artikolu 10 ssemmi espressament eżempju bħal dan fis-seba’ punt. Madankollu, wara r-revoka ta’ dan il-punt, it-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, ma kienet tinkludi ebda eżempju ta’ dan it-tip iżjed. Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva l-fatt li l-imsieħba soċjali, permezz tal-ftehim kollettiv, jaqblu dwar limitu ta’ età bħal dak ipprovdut mit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, anki jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG m’għadhiex tawtorizza dan b’mod espliċitu.
A – L-argumenti tal-partijiet
36. Ir-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jinnotaw li s-seba’ punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, li sadanittant ġie rrevokat, ma kienx ikun rilevanti għal-limitu tal-età tal-irtirar. Huma jsostnu li dan il-punt kien jirrigwarda dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-ħaddiema, abbażi tal-età, kienu jgawdu minn protezzjoni partikolari kontra s-sensja. Madanakollu, il-limitu tal-età bħal dak ipprovdut mit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, ma jirregolax ix-xoljiment ta’ kuntratt permezz ta’ sensja iżda permezz tal-iffissar ta’ terminu. Każ bħal dan jidher fil-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, li għadu fis-seħħ. Il-qorti tar-rinviju ma esprimietx ruħha dwar din id-dispożizzjoni.
37. Il-Gvern Ġermaniż, ir-rikorrenti u l-konvenuta jqisu l-ewwel domanda preliminari bħala inammissibbli minħabba li l-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar is-seba’ punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG mhumiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni. Il-Gvern Ġermaniż barra minn hekk jikkunsidra d-domanda inammissibbli anki għaliex il-qorti tar-rinviju ma kkunsidratx il-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG bħala rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni.
38. Fuq il-mertu tal-ewwel domanda, il-konvenuta, il-gvernijiet tal-Istati Membri intervenjenti u l-Kummissjoni jsostnu li ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari, permezz ta’ ftehim kollettiv, huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Il-konvenuta tirreferi għall-premessa 36 tad-direttiva, li minnha jirriżulta li t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ tiġi fdata lill-partijiet tal-ftehim kollettiv. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li l-każijiet imsemmija fil-punti tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG huma biss eżempji. It-trattament differenti abbażi tal-età jista’ għalhekk ikun iġġustifikat anki mill-klawżola ġenerali tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG li fih ġew trasposti l-kundizzjonijiet ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. L-implementazzjoni tad-direttiva tista’ sseħħ anki permezz ta’ klawżola ġenerali, li tista’ tintuża wara fil-kuntest ta’ ftehim kollettiv jew ta’ kuntratt individwali tax-xogħol.
39. Ir-rikorrenti tikkunsidra dan l-approċċ inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Ftehim kollettiv ma jkunx mezz xieraq sabiex jintlaħaq għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Pjuttost, il-leġiżlatur nazzjonali għandu jipprovdi, abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, liema huwa t-trattament differenti abbażi tal-età li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni. Barra minn hekk, fl-AGG ma jissemma l-ebda għan speċifiku. Għalhekk mhuwiex possibbli li dan l-għan ikun ikkontrollat.
B – Evalwazzjoni
1. Fuq l-ammissibbiltà
40. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, ma ssemmiex iżjed b’mod speċifiku l-limitu tal-età tal-irtirar regolari. Skont il-kliem ċar tal-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG li għadu fis-seħħ, din l-interpretazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, ma tistax tinftiehem (18). Madanakollu, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, għandha tiġi stabbilita, bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja, relazzjoni ta’ kooperazzjoni li fil-kuntest tagħha, il-qrati nazzjonali jkollhom ġurisdizzjoni li jagħtu deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali (19). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tistħarreġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju.
41. L-irrilevanza evidenti ta’ domanda preliminari għall-finijiet tad-deċiżjoni ċertament timponi limitu (20). Wieħed ma jistax pero` jasal għal din il-konklużjoni abbażi ta’ dak li ntqal mill-qorti tar-rinviju rigward it-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG. Barra minn hekk, is-soluzzjoni tal-ewwel domanda preliminari tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi indikazzjoni lill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Għalhekk, l-ewwel domanda hija ammissibbli.
2. Fuq il-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
42. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-imsieħba soċjali jistipulaw klawżola dwar l-età tal-irtirar fi ftehim kollettiv huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, għalkemm dan ma jkunx ġie awtorizzat mill-eżempji pprovduti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG.
43. Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għall-kawża pendenti quddiemha, huwa xieraq li jingħataw xi indikazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li minnhom tistà tirriżulta l-għotja ta’ awtorizzazzjoni speċifika sabiex jiġi stabbilit il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv.
a) Dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li minnhom tista’ tirriżulta l-għotja ta’ awtorizzazzjoni speċifika sabiex jiġi stabbilit il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv
44. Il-qorti tar-rinviju, sabiex taċċerta ruħha li teżisti dispożizzjoni nazzjonali li minnha tista’ tingħata din l-awtorizzazzjoni, għandha l-ewwel nett teżamina d-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom tista’ tirriżulta espressament l-għotja tal-awtorizzazzjoni msemmija. F’dan il-kuntest ma jistax jiġi injorat il-fatt li r-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG huwa manifestament rilevanti.
45. Fl-ipoteżi li l-ewwel domanda preliminari ma ssirx superfluwa abbażi ta’ din l-osservazzjoni, jeħtieġ li niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Artikolu 6(1) tad-direttiva ma jobbligax lil-leġiżlatur nazzjonali jirregola esklużivament b’liġi waħda t-trattament differenti abbażi tal-età li ma jikkostitwixxix diskiminazzjoni. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju mhijiex obbligata li fil-kuntest tal-AGG tagħmel esklużivament l-investigazzjonijiet tagħha dwar awtorizzazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-imsieħba soċjali jaqblu dwar l-età tal-irtirar fil-ftehim kollettiv.
46. Jidhirli li dan huwa possibbli anki abbażi tal-liġi nazzjonali. Il-Gvern Ġermaniż sostna li l-eżempji tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG mhumiex eżawrjenti. L-għotja ta’ awtorizzazzjoni speċifika tista’ għalhekk tirriżulta anki minn liġijiet oħra. Il-qorti tar-rinviju, fid-digriet tar-rinviju tagħha, għamlet riferiment għal sentenza tal-Bundesarbeitsgericht tat-18 ta’ Gunju 2008 (tribunal federali tax-xogħol, iktar ’il quddiem il-“BAG”) (21). Fl-imsemmija sentenza, il-BAG, wara li kienet intalbet tagħti deċiżjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni legali qabel daħal fis-seħħ l-AGG, ikkonstatat, abbażi tal-Artikolu 41 tal-SGB VI, awtorizzazzjoni speċifika mogħtija mil-liġi sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv. F’każ li l-qorti tar-rinviju ma tqisx li l-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG hu rilevanti, hija jkollha tqis b’mod partikolari jekk awtorizazzjoni speċjali tistax eventwalment tingħata wkoll mill-Artikolu 41 tas-SGB VI.
47. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(1) tad-direttiva ma jeżiġix li d-dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ftehim fuq klawżola dwar l-età tal-irtirar fi ftehim kollettiv, tiġġustifika speċifikament ir-raġuni li għaliha l-limitu ta’ età tal-irtirar regolari ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa madankollu essenzjali li elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara din il-miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tagħha kif ukoll tan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il-għan (22).
48. Għaldaqstant, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li dispożizzjoni nazzjonali bħalma huma l-ħames punt tat-t-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, jew l-Artikolu 41 tal-SGB VI, tawtorizza lill-imsieħba soċjali biex jilħqu ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv, iżda li l-ġustifikazzjoni relevanti mhijiex espressament inkluża f’tali dispożizzjoni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali ta’ tali dispożizzjoni. Il-ġustifikazzjoni tista’ toħroġ b’mod partikolari, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi, li barra minn hekk, mhemmx għalfejn tikkoinċidi mal-motiv tal-liġi li fih ikun hemm id-dispożizzjoni. F’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari inkluż fi ftehim kollettiv ikun ġie pprojbit mil-liġi għal ċertu ammont ta’ żmien, sabiex jiġi ammess mill-ġdid u li baqa’ jiġi ammess minn dak iż-żmien, il-ġustifikazzjoni tistà tkun inkluża fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi li permezz tagħha tkun ġiet revokata l-projbizzjoni li fi ftehim kollettiv jiġi stabbilit il-limitu tal-età tal-irtirar regolari.
49. Abbażi tal-indikazzjonijiet dwar il-liġi nazzjonali pprovduti mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tagħha, jistà jiġi raġonevolment konkluż li, b’kunsiderazzjoni għar-riferimenti preċedenti, hija għandha tidentifika awtorizzazzjoni speċifika, dovuta lill-imsieħba soċjali mil-liġi, li jistabilixxu l-limitu ta’ età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv.
50. Il-kwistjoni dwar jekk ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv jistax ikun konformi mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva anki f’każ li ma tkunx ipprovduta tali awtorizzazzjoni speċifika, għalhekk ma għandhiex necessarjament tiġi eżaminata f’dan il-każ.
b) Indikazzjonijiet oħra dwar l-implementazzjoni tad-direttiva mill-imsieħba soċjali
i) Traspożizzjoni mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 18 tad-direttiva
51. Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi sostnut li l-implementazzjoni tad-direttiva tista’ titwettaq mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 18(1) tad-direttiva.
52. L-ewwel rekwiżit għal din l-implementazzjoni jipprovdi li l-imsieħba soċjali għandhom jagħmlu talba konġunta. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk hemmx lok għal tali talba.
53. It-tieni rekwiżit jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe miżuri neċessarji sabiex jiżguraw ir-riżultati imposti minn din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk dispożizzjonijiet bħall-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG jaċċertawx li l-miżura hija biżżejjed f’dan ir-rigward (23).
54. It-tielet nett, jirriżultaw ċerti dubji rigward il-kompetenza tal-imsieħba soċjali li jimplementaw ukoll l-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Dawn id-dubji huma bbażati fuq il-kwalità tal-għanijiet tal-interess ġenerali. Id-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ interess ġenerali hija ta’ natura politika u b’hekk hija responsabbiltà tal-Istati Membri (24).
55. Ma naħsibx li dawn id-dubji huma ġġustifikati f’każ bħal dan. Qabelxejn għandu jkun enfasizzat li l-possiblità ta’ implementazzjoni mill-imsieħba soċjali mhijiex limitata għal dispożizzjonijiet partikolari fis-sens tal-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 18(1) tad-direttiva. Permezz tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, l-implementazzjoni mill-imsieħba soċjali mhijiex espressament eskluża. Indipendentement mill-fondatezza ta’ dawn id-dubji fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva ta’ ftehim kollettiv wieħed, ma jidhirlix li dawn huma ġġustifikati f’każ bħal dan. Għandha ssir distinzjoni bejn li jintlaħaq l-għan leġittimu u r-riferiment għall-għan leġittimu diġà stabbilit mil-leġiżlatur tal-Istati Membri. Fil-każ meta l-leġiżlatur ikun diġà ddetermina l-għan leġittimu u indika l-mezzi għall-implementazzjoni tiegħu, ma jidhirlix li għandu jiġi eskluż li l-imsieħba soċjali jinvokawh (25).
ii) Ftehim kollettiv abbażi ta’ klawżola ġenerali “sempliċi”
56. Min-naħa l-oħra, safejn l-imsieħba soċjali ma ppreżentawx talba konġunta fis-sens tal-Artikolu 18 tad-direttiva, jidhirli li huwa inkompatibbli mal-Artikoli 6 u 18 tad-direttiva, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Istati Membri jimplementa fi klawżola ġenerali l-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva biss u jħalli l-implementazzjoni f’idejn l-imsieħba soċjali abbażi ta’ klawżola ġenerali “sempliċi”. Fil-fatt, f’dan il-każ, ma jkunx hemm traspożizzjoni xierqa tal-Artikolu 6(1) mill-Istat Membru. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva jeżiġi li l-Istat Membru għandu jipprevedi liema trattament differenti abbażi tal-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva jeżiġi l-ewwel nett li l-Istati Membri jidentifikaw liema trattament differenti ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni. Mill-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva jirriżulta li t-trattament differenti previst għandu jkun oġġettivament iġġustifikat. Madankollu, l-adozzjoni ġenerali minn Stat Membru tal-kundizzjonijiet li taħthom dan it-trattament differenti jista’ jiġu ġġustifikat, mhijiex biżżejjed sabiex tali trattament ikun ipprovdut mill-Istat Membru. F’dan il-każ, lanqas ma huwa possibbli, minn tal-inqas fin-nuqqas ta’ talba konġunta mill-imsieħba soċjali, li jerġa’ jsir riferiment għall-implementazzjoni mill-imsieħba soċjali u għall-awtonomija tal-ftehim kollettiv. L-Artikolu 18(1) tad-direttiva fil-fatt jeżiġi speċifikament talba bħal din sabiex l-implementazzjoni tad-direttiva tkun tista’ tiġi fdata f’idejn l-imsieħba soċjali.
3. Konklużjoni
57. Bħala konklużjoni, il-limitu tal-età tal-irtirar regolari miftiehem fi ftehim kollettiv jista’ jkun kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 meta l-imsieħba soċjali jkunu speċifikament awtorizzati minn dispożizzjoni tal-Istat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Tali dispożizzjoni nazzjonali, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva anki meta l-ġustifikazzjoni għaliex il-limitu tal-età tal-irtirar regolari ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni abbażi tal-età, ma tirriżultax espliċitament mid-dispożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni speċifika ta’ din il-ġustifikazzjoni, hemm bżonn li elementi oħra fil-kuntest ġenerali tal-istess dispożizzjoni japprovaw l-identifikazzjoni tal-għan, u li dawn ikunu konkreti biżżejjed sabiex jippermettu valutazzjoni oġġettiva tal-ġustifikazzjoni.
58. Il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv jista’ jkun konformi mad-direttiva anki meta jkun hemm kundizzjonijiet, fosthom, b’mod partikolari talba konġunta mill-imsieħba soċjali, għall-affidament tal-implementazzjoni tad-direttiva lill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 18(1).
VIII – Fuq id-domandi preliminari l-oħra
59. Permezz tad-domandi preliminari l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-Istat Membru, lill-imsieħba soċjali fi ftehim kollettiv u lill-partijiet ta’ kuntratt individwali ta’ xogħol sabiex jilħqu ftehim vinkolanti dwar l-età tal-irtirar, jekk l-imsieħba soċjali jilħqu ftehim dwar l-età tal-irtirar permezz ta’ ftehim kollettiv abbażi ta’ din ir-regola, liema regola hija sussegwentement iddikjarata ta’ applikazzjoni ġenerali. hijiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li fil-Ġermanja, il-klawżoli rigward l-età tal-irtirar ilhom jiġu applikati għal ħafna żmien fil-kuntratti tax-xogħol indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u demografika u l-kundizzjoni reali tas-suq tax-xogħol.
60. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, huwa raġonevoli għall-qorti tar-rinviju li tikkwalifika l-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG jew l-Artiklu 41 tal-SGB VI bħala dispożizzjoni speċifika ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali rigward il-ftehim tal-età tal-irtirar. Id-dispożizzjoni nazzjonali li l-qorti tar-rinviju ddeskriviet fit-tieni domanda preliminari turi koerenza ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Biex tingħata risposta xierqa għad-domandi preliminari l-oħra mressqa mill-qorti tar-rinviju, fil-konsiderazzjonijiet tiegħi li ġejjin, ser nibda bil-premessa li hemm inkwistjoni dispożizzjoni nazzjonali bħall-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG u tal-Artikolu 41 tal-SGB VI.
A – Fuq l-ammissibbiltà
61. Skont il-Gvern Irlandiż, dawn id-domandi preliminari mhumiex ammissibbli. L-ewwel nett, mhumiex domandi ta’ interpretazzjoni iżda ta’ applikazzjoni tad-direttiva. It-tieni nett, il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-direttiva.
62. Dawn l-eċċezzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu.
63. Fil-fatt, fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri skont l-Artikolu 234 KE, il-qrati tal-Istati Membri għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti r-risposta għad-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-direttiva u għall-interpretazzjoni tiegħu.
64. Huwa minnu li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (26), li fuqu hemm imposti limiti li jistgħu jiġu ssuperati minn miżuri evidentement sproporzjonati (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk ġurisdizzjoni sabiex twieġeb id-domanda li ressqet il-qorti tar-rinviju li fiha staqsiet jekk l-Artikolu 6(1) tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li xi ċirkostanzi jindikaw li ġie eċċess il-limitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri u b’hekk kien hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Dawn id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
B – Fuq is-suġġett tad-domandi preliminari l-oħra
65. F’każ bħal dan, jista’ jiġi evalwat jekk dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv iddikjarata applikabbli b’mod ġenerali bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6 tad-direttiva. Fil-fatt din il-klawżola kuntrattwali tiġġustifika t-trattament differenti fuq bażi ta’ età.
66. Din il-proċedura ma tikkunsidrax il-fatt li f’dan il-każ hemm żewġ miżuri distinti. Permezz ta’ dispożizzjoni bħall-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, kif ukoll l-Artikolu 41 tal-SGB VI, l-imsieħba soċjali jiġu awtorizzati fil-livell leġiżlattiv sabiex jiftiehmu dwar l-età tal-irtirar fi ftehim kollettiv. Anki jekk f’dan l-istadju ma jkunx hemm trattament differenti dirett fuq bażi ta’ età, minn din id-dispożizzjoni jistgħu jsiru ċerti indikazzjonijiet u ideat tal-leġiżlatur nazzjonali rigward it-tipoloġija ta’ għanijiet li għandhom jiġu segwiti permezz tal-ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari u l-applikazzjoni tagħhom. L-għotja tal-awtorizzazzjoni fuq livell leġiżlattiv tista’ tkun eżaminata billi jsir riferiment għall-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva għalkemm din l-evalwazzjoni tibqa’ naturalment pjuttost astratta. Minn meta verament ikun hemm trattament differenti fuq bażi ta’ età, anki jekk dan ikun abbażi tal-ftehim rigward l-età tal-irtirar bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, ikun hemm lok li jiġi studjat jekk din id-dispożizzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6 tad-direttiva jew le.
67. Jiena nippreferi l-approċċ indikat hawn fuq. Evalwazzjoni f’żewġ fażijiet tagħti lok għal distinzjoni iktar ċara bejn minn naħa l-konformità fil-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva u min-naħa oħra l-kompatibbiltà tal-limitu indiviwali tal-età tal-irtirar fil-ftehim kollettiv (28). Jidhirli li din id-distinzjoni tirriżulta wkoll miċ-ċertezza tal-liġi peress li l-inkompatibbiltà tal-kuntest leġiżlattiv jista’ jkollha impatt fuq kull limitu impost tal-età tal-irtirar miftiehem fil-ftehim kollettiv fil-Ġermanja.
C – Fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija mil-liġi lill-imsieħba soċjali sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-età tal-irtirar fi ftehim kollettiv
68. Kif indikat hawn fuq, l-istħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni bħall-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, ma jikkonċernax limitu speċifiku tal-età tal-irtirar, iżda awtorizzazzjoni mogħtija mil-liġi.
69. F’dan il-punt għandu jiġi indikat li t-tieni domanda preliminari hija fformulata b’mod wiesa’ u tinkludi anki l-ipoteżi li mhumiex rilevanti għall-kawża prinċipali. It-tieni domanda preliminari tinkludi mhux biss il-problemi rilevanti għall-konformità mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva li tagħti lill-imsieħba soċjali jew lill-Istat Membru (29) l-awtorizzazzjoni biex jaslu għal ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari, iżda wkoll id-domandi sottostanti għall-ammissibbiltà ta’ din il-kompetenza lill-partijiet ta’ kuntratt individwali tax-xogħol. Miniex ser neżamina din il-kwistjoni peress li mhijiex rilevanti għall-kawża prinċipali.
70. L-istħarriġ tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva ta’ dispożizzjoni tal-liġi li tagħti lill-imsieħba soċjali l-awtorizzazzjoni biex jaslu għal ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv, fl-opinjoni tiegħi, għandu jitwettaq kif ġej: l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura ruħha mill-għan mixtieq mil-leġiżlatur bl-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni (1). Sussegwentement, għandu jiġi evalwat jekk l-għan mixtieq mil-leġiżlatur jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, fi kliem ieħor, jekk huwiex għan leġittimu u konkret biżżejjed (2). Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tivverifika jekk l-applikazzjoni tal-limitu ta’ età tal-irtirar regolari tistax tkun mezz tajjeb u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Għal dak relatat mal-għotja leġiżlattiva tal-awtorizzazzjoni, jista’ jiġi evalwat biss b’mod astratt jekk fil-prinċipju, l-applikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari, għandhiex tiġi kkunsidrata neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni (3). Fl-aħħar nett hemm il-kwistjoni dwar jekk l-għotja ta’ din l-awtorizzazzjoni lill-imsieħba soċjali, kif indikat fil-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, hijiex konformi mal-Artikolu 6 tad-direttiva (4).
1. Fuq il-verifikazzjoni tal-għan mixtieq
71. Ir-rikorrenti tindika li l-għan mixtieq mhuwiex imsemmi speċifikament fil-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG. Bħal ma semmejt iktar kmieni, f’każ bħal dan, ġustifikazzjoni mhijiex eskluża, peress li l-għan mixtieq jista’ jirriżulta anki minn elementi tal-kuntest ġenerali tal-miżuri inkwistjoni (30).
72. Fid-digriet tar-rinviju, isir riferiment għas-sentenza tal-BAG tat-18 ta’ Ġunju 2008. F’konformità ma’ din is-sentenza, il-leġiżlatur Ġermaniż tenna li huwa neċessarju li terġa’ tiġi introdotta l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv peress li, jekk il-ħaddiema jkomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar, jiġu okkupati postijiet tax-xogħol intenzjonati għaż-żgħażagħ, u s-suq tax-xogħol jista’ jeħfief minħabba l-implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli (31). Il-BAG ibbażat id-deċiżjoni tagħha, fuq l-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi li permezz tagħha reġgħet ġiet introdotta l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv (32).
73. Il-verifikazzjoni tal-għan mixtieq permezz ta’ dispożizzjoni bħall-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG (jew eventwalment tal-Artikolu 41 tal-SGB VI) fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju. Peress li din il-qorti għamlet riferiment esklużiv għall-għan tal-BAG, jiena ser nissokta billi nikkunsidra dan il-għan.
2. Fuq ir-rekwiżiti tal-għan
a) Leġittimità
74. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-għan huwiex leġittimu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Rigward l-għan identifikat mill-BAG, dan jittratta l-għanijiet tal-politika tax-xogħol u tal-ġlieda kontra l-qgħad. Bħalma diġà qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġittimità ta’ dawn l-għanjiet abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva ma tistax tiġi raġonevolment ikkontestata (33).
b) Konkretezza suffiċjenti
75. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa wkoll jekk dawn l-għanijiet humiex konkreti biżżejjed sabiex jagħtu lok għal stħarriġ effikaċi tal-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ dan it-trattament differenti abbażi tal-etajiet introdotti sabiex jiġu implementati l-għanijiet tal-BAG. Kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrenti, il-fatt li dawn l-għanijiet jirriżultaw minn elementi tal-kuntest ġenerali tal-miżuri kkunsidrati, ma jostakolax il-konkretizzazzjoni suffiċjenti ta’ dawn l-għanijiet.
c) Żmien
76. Fl-aħħar nett, il-kompatibbiltà tal-għan mixtieq mil-leġiżlatur Ġermaniż, li ġie ddeterminat fl-1994, jiġifieri ħafna qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2000/78 u mill-iskadenza taż-żmien għat-traspożizzjoni tagħha, ma tistax tkun ikkontestata. Mill-mument li d-direttivi jkunu vinkolanti, ikun biss meta jintlaħaq ir-riżultat mixtieq li jiġi deċiż jekk dan l-għan huwiex leġittimu skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, u mhux fil-mument meta jkun ġie stabbilit.
3. Fuq il-ġustifikazzjoni oġġettiva
77. Il-fatt li huwa biss eżaminat fuq livell leġiżlattiv jekk il-konformità mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva l-għotja lill-imsieħba soċjali tal-awtorizzazzjoni biex jiftiehmu dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv, dan ma jistax jagħti f’dan il-livell verifika ċara tal-ġustifikazzjoni ta’ limitu speċifiku tal-età tal-irtirar. Jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv tal-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG jew l-Artiklu 41 tal-SGB VI li l-leġiżlatur Ġermaniż fil-prinċipju jikkunsidra l-ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari indikat fi ftehim kollettiv u l-applikazzjoni tiegħu bħala miżura intenzjonata biex jintlaħaq l-għan tal-politika tax-xogħol u tal-ġlieda kontra l-qgħad. Din l-evalwazzjoni fuq livell leġiżlattiv tista’ tiġi eżaminata b’riferiment għall-konfirmità tagħha mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
a) L-argumenti tal-partijiet
78. Ir-rikorrenti tesponi li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari ma jaqa’ taħt l-ebda każ indikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Anki mix-xogħlijiet preparatorji tad-direttiva jirriżulta li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari mhuwiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Ir-rikorrenti ssostni li fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, għandu jkun hemm stabbilit ir-rekwiżiti għall-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti abbażi tal-età. Hija tosserva wkoll li minħabba l-limitu tal-età tal-irtirar regolari, ma jinħolqux postijiet ġodda tax-xogħol iżda ssir ridistribuzzjoni tal-postijiet eżistenti għad-detriment tan-nies iktar anzjani.
79. Il-partijiet l-oħra tal-proċedura jenfassizzaw li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa. Skont il-Kummissjoni mhuwiex koerenti li minn naħa, il-leġiżlatur Ġermaniż jipprovdi limitu tal-età tal-irtirar regolari, u min-naħa l-oħra jżid l-età tal-irtirar. Il-Gvern Ġermaniż jindika li ż-żieda gradwali tal-età tal-irtirar u l-awtorizzazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari għandhom għan politiku differenti.
b) Evalwazzjoni
i) Fuq il-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
80. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun iġġustifikat biss it-trattament differenti abbażi tal-età li jaqa’ taħt il-kategoriji indikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Kif jirriżulta mill-kliem “b’mod partikolari” tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, il-każijiet imsemmija mhumiex eżawrjenti. Mhuwiex eskluż li t-trattament differenti li mhuwiex indikat f’dan l-artikolu jista’ jkun ġustifikat u dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva (34).
81. F’dan il-kuntest, lanqas ma hu konvinċenti r-riferiment tar-rikorrenti għall-fatt li fl-ewwel abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni, għall-kuntrarju tat-tieni abbozz, kien hemm indikati eżempji rigward il-limitu tal-età tal-irtirar regolari. Kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, l-eżempju inkwistjoni tneħħa. B’hekk ġie evitat li tingħata l-impressjoni li “il-ġustifikazzjoni oġġettiva tat-test kienet diġà ġiet issuperata b’suċċess [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (35). Il-Parlament Ewropew ma ħassx li kien opportun li dan iseħħ f’mument meta r-rilevanza soċjali tal-età kienet qed tevolvi b’mod sostanzjali (36).
82. Minn din l-eliminazzjoni ma jistax jiġi ddikjarat li l-każijiet li ma jaqgħux taħt l-eżempji ċċitati, ma jistgħux ikunu ġġustifikati oġġettivament. Minbarra l-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, anki x-xogħlijiet preparatorji jopponu din is-sottomissjoni. B’hekk, skont il-parir tal-kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, il-ġustifikazzjoni oġġettiva tista’ tkun sostitwita, bħalma fl-aħħar mill-aħħar huwa pprovdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, b’lista ta’ motivi – ġeneralment aċċettati – ta’ deroga ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età. Fil-prinċipju dan il-metodu nżamm mill-persuna li kitbet dan il-parir, iżda ġie skartat minħabba dubji manifestati fil-kuntest tad-domanda jekk “fl-ambitu ta’ tali metodu jeżistix kunsens soċjali suffiċjenti rigward l-ammissibbiltà tal-limitu tal-età” (37).
83. L-uniku fatt li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari mhuwiex indikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva ma jiddeterminax in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Min-naħa l-oħra, huwa deċiżiv li l-limitu jkun kompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
ii) Fuq il-kompatibbiltà tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
84. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw it-trattament differenti abbażi tal-età. Għal din ir-raġuni ser neżamina l-evalwazzjoni li għamel il-leġiżlatur tal-Istat Membru, b’hekk ser nistudja l-kriterju ta’ evalwazzjoni applikabbli skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva u nara jekk il-bilanċ li għamel il-leġiżlatur tal-Istat Membru jikkorrispondix mal-parametri ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni.
– Fuq il-kunsiderazzjonijiet li għamel il-leġiżlatur
85. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-motivazzjoni tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008 tal-BAG, fejn is-sensja mix-xogħol minħabba limitu tal-età, toffri lill-ħaddiema iżgħar possibbiltà ta’ xogħol. Din isservi anki sabiex ittaffi d-diffikultajiet tas-suq tax-xogħol. Barra mill-perijodi ta’ impjieg sħiħ, ikun hemm ftit postijiet tax-xogħol disponibbli. Minħabba l-limitu tal-età, is-sensja tilleġittima l-pensjoni ta’ rtirar u tagħti lok għal distribuzzjoni ekwa tal-postijiet tax-xogħol. It-telf tal-impjieg għal dawn l-aħħar snin minħabba l-età tal-irtirar jagħti opportunità ta’ xogħol lil ħaddiema oħra, b’mod partikolari lil dawk li għandhom perijodi ta’ xogħol qosra, li huma mhedda mill-qgħad jew li għadhom qed ifittxu xogħol. Dawn il-ħaddiema għandhom, b’dan il-mod, il-possibbiltà li jibnu pensjoni għalihom, u permezz tal-ħlas tas-sehem tagħhom lis-sistema tas-sigurtà soċjali statutorja, fl-istess ħin ikunu qed jikkontribwixxu għall-pensjoni tal-ħaddiema li laħqu l-limitu tal-età tal-irtirar regolari, jekk jirċievu pensjoni ta’ rtirar li titħallas mis-sistema tal-benefiċċji soċjali statutorja. L-irtirar mix-xogħol minħabba l-età tal-irtirar joffri lill-ġenerazzjonijiet li għadhom kif jidħlu fis-suq tax-xogħol opportunità li jakkwistaw esperjenzi professjonali prattiċi immedjatament wara t-taħriġ tagħhom; u li l-valur ta’ dan jonqos fil-każ ta’ żmien itwal ta’ qgħad. Limitu stabbilit tal-età tal-irtirar itaffi d-diffikultajiet tas-suq tax-xogħol nazzjonali. Il-ħaddiema li jitilqu mill-impjieg tagħhom minħabba li jilħqu l-età tal-irtirar ma jfittxux postijiet tax-xogħol oħra minħabba l-pensjoni ta’ rtirar li tingħatalhom bħala benefiċċju soċjali. B’hekk, ħaddiema oħra jkollhom il-possibbiltà li jsibu xogħol fil-postijiet li jkunu tbattlu min-nies li jkunu laħqu l-età tal-irtirar. Ovvjament, sakemm dan il-post ma jingħatax lill-persuna oħra li tkun diġà taħdem mal-istess impriża, is-suq tax-xogħol jonqos b’persuna li tibda taħdem fil-post tax-xogħol fejn kienet taħdem dik il-persuna li spiċċat mix-xogħol peress li laħqet l-età tal-irtirar (38).
– Fuq il-limitazzjoni tal-istħarriġ
86. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fl-istat attwali tal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla, mhux biss ta’ għan partikolari, fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq it-tali għan (39). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika kriterju wieħed biss limitat ħafna, fil-kamp tal-evalwazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, rigward id-domanda jekk trattament differenti abbażi tal-età huwiex validu u neċessarju b’riferiment għall-għan leġittimu mixtieq.
– Fuq l-istħarriġ ta’ tali evalwazzjoni
87. Fis-sentenzi Palacios de la Villa (40) u Petersen (41), il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li huwa raġonevoli li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jgħidu li l-applikazzjoni tal-limitu tal-età li jwaqqaf ħaddiema anzjani mis-suq tax-xogħol, jgħin fl-impjieg ta’ professjonisti iżgħar. Għal din it-teorija qed jitressqu oġġezzjonijiet, u dan minħabba li l-applikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala mezz inammissibli sabiex jintlaħaq l-għan tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad.
88. L-argument li l-limitu tal-età jagħti lok għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema iżgħar huwa bbażat fuq studji tal-ekonomija politika li m’għadx għandhom użu. Studji aktar riċenti juru li ż-żieda fl-impjieg, anki ta’ dawk il-ħaddiema aktar anzjani, għandu effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku (42).
89. Minn perspettiva legali, dan l-argument mhuwiex konvinċenti. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jistabbilixxu t-trattament differenti abbażi tal-età, li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jevalwaw il-kamp tal-politika soċjali u tax-xogħol. Għal din ir-raġuni, mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi lil-leġiżlatur nazzjonali fl-evalwazzjoni ta’ dawn id-domandi kumplessi. Il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mhuwiex qiegħed biss għall-iskop li l-Istati Membri jridu jilħqu u għall-miżuri li jixtiequ jaddottaw. Huwa jinkludi wkoll setgħa diskrezzjonali prospettiva, u f’dan il-kuntest, anki l-għażla tal-istudji dwar l-ekonomija politika, li fuqhom il-leġiżlatur nazzjonali jixtieq jibbaża t-teżi tiegħu. Dan il-kuntest mhuwiex konformi la mal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri u lanqas mar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tal-aħħar tiddiskuti permezz ta’ riferiment għar-riżultati tal-istudji tal-ekonomija politika aktar riċenti, ir-riżultati fil-kamp ekonomiku elaborati mil-leġiżlatur tal-Istat Membru.
90. Argument imressaq kontra l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja hu li l-Artikolu 6(1) tad-direttiva għandu jiġi interpretat b’mod li jkun attribwit lilu sinifikat awtonomu fuq il-livell tal-liġi tal-Komunità. Analiżi tal-istrateġija Ewropea għall-impjiegi turi li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari mhuwiex konformi ma’ din (43).
91. Anki dan l-argument mhuwiex konvinċenti. L-analiżi tal-Linji Gwida tal-Impjieg ma tistax twassal, fuq il-pjan interpretattiv tad-direttiva, sabiex l-applikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari titqies inammissibbli, u lanqas ma’ tista’ ssir restrizzjoni ġuridika tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri mil-Linji Gwida.
92. Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva għandu jiġi osservat li s-seba’ Premessa tad-direttiva tagħmel riferiment għall-kapitolu dwar l-impjieg tat-Trattat KE u, t-tmien Premessa għall-fatt li l-Kunsill Ewropew permezz tal-Linji Gwida tal-Impjieg għall-2000, miftiehma fil-Kunsill Ewropew ta’ Ħelsinki tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999, enfasizza l-bżonn li jiġu sostnuti b’modi partikolari l-ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tax-xogħol. Barra minn hekk, fil-ħamsa u għoxrin Premessa, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-età hija element essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Impjieg u sabiex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg.
93. Dan kollu ma jfissirx li l-konklużjoni għandha tkun li l-applikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva hija mezz inammissibbli għall-implementazzjoni tal-għanijiet tal-politika dwar ix-xogħol u l-qgħad. Fil-fatt, kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju tad-direttiva indikat iktar ’il fuq (44), il-leġiżlatur komunitarju għażel volontarjament li jipprovdi lista eżawrjenti ta’ motivi, ġeneralment aċċettati, ta’ deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età. Pjuttost, huwa evidenti li l-Artikolu 6(1) tad-direttiva jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jagħtu definizzjoni u eżempji ta’ differenzi fit-trattament abbażi tal-età li ma jikkostitwixxux diskrimininazzjoni, bil-kundizzjoni li l-eżempji jkunu ġġustifikati. Approċċ bħal dan jipprekludi l-awtonomija tal-liġi Komunitarja, kif inhu spjegat b’mod ċar ħafna fil-ħamsa u għoxrin premessa li tgħid li d-differenzi fit-trattament marbuta mal-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkustanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu “jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri”.
94. Ix-xogħol preparatorju u l-premessi tad-direttiva jipprekludu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva fis-sens li diġà jinkludi dikjarazzjoni awtonoma tal-ammissibbiltà jew għall-inqas ta’ ċerti miżuri. In-nuqqas ta’ ammissibbiltà ta’ mezz partikolari jista’ jirriżulta biss minn analiżi tal-ġustifikazzjoni oġġettiva, li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri.
95. Finalment, ma jistax ikun sostnut b’mod persważiv li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Ġermanja ġie llimitat fil-perijodu kkonċernat minħabba l-Linji Gwida tal-Impjieg approvati fuq il-bażi tal-Artikolu 128 KE. Il-Linji Gwida jistgħu jirrappreżentaw ir-riżultat ta’ ftehim politiku, iżda ma jistgħux jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm dan il-ftehim politiku ma jsirx vinkolanti permezz ta’ att legali (45).
c) Konklużjoni
96. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod korrett li, fil-kunsiderazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri, l-opinjoni tal-awtorità nazzjonali li l-applikazzjoni tal-limitu tal-età, tista’ taġevola l-impjieg ta’ professjonisti iżgħar, ma tistax titqies li hija irraġonevoli.
4. Fuq l-għoti tal-awtorizzazzjoni lill-imsieħba soċjali
97. 97. Għandu jiġi evalwat jekk l-għoti tal-awtorizzazzjoni lill-imsieħba soċjali sabiex jilħqu ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv huwiex kompatibbli mad-direttiva.
98. 98. Bħalma diġà ġie espost (46), din l-għotja tidher possibbli fuq il-bażi tal-kriterju tal-Artikolu 18(1) tad-direttiva. Biex dan iseħħ, għandu jkun hemm talba konġunta mill-imsieħba soċjali. Ma kienx hemm indikazzjoni jekk din it-talba saritx f’dan il-każ.
99. 99. F’dan il-punt se nanalizza jekk attribuzzjoni bħal dik indikata fil-ħames punt tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG tistax tkun kompatibbli mad-direttiva anki fin-nuqqas ta’ talba relattiva mill-imsieħba soċjali. L-ewwel nett, l-Istat Membru, anki f’din is-sitwazzjoni, għandu jaċċerta li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet indikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva (a). It-tieni nett, teżisti d-domanda jekk dak indikat fil-ħames punt tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG, jistax ikun ikkunsidrat bħala implementazzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, bil-konsegwenza li talba konġunta mill-imsieħba soċjali, bħal dik indikata fl-Artikolu 18(1) tad-direttiva, intenzjonata biex l-Artikolu jiġi implimentat mill-imsieħba soċjali, ma tkunx iktar meħtieġa (b).
a) Fuq il-garanzija li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
100. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, anki meta jinvolvu lill-imsieħba soċjali fl-implementazzjoni ta’ direttiva, li xorta jintlaħqu r-riżultati imposti mid-direttiva (47).
101. Fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din ir-regola mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, irridu nikkunsidraw li l-leġiżlatur Ġermaniż jissodisfa l-għan leġittimu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, billi ta lill-imsieħba soċjali din l-awtorizzazzjoni, u identifika mezz kif l-applikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar ma jiġix ikkunsidrat bħala inadegwat biex jintlaħaq l-għan leġittimu. B’hekk l-awtorizzazzjoni lill-imsieħba soċjali, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni bħall-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, tirriduċi ruħa għal jekk, fil-kuntest tas-settur ekonomiku li għalih ikunu kompetenti, jintlaħaqx ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari u kif dan ikun strutturat fil-miżura awtorizzata mil-liġi.
102. Argument favur il-kompatibbiltà tal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni limitata mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), huwa l-fatt li l-imsieħba soċjali jistgħu jagħmlu użu, b’mod flessibbli, mill-applikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari, sabiex ikun hemm kunsiderazzjoni xierqa għall-għarfien tagħhom tas-settur ekonomiku kkonċernat, biex janalizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tar-relazzjonijiet tax-xogħol inkwistjoni (48). Dan il-mod jippermetti l-implementazzjoni tad-dritt fundamentali tal-awtonomija tal-ftehim kollettiv rikonoxxut anki mil-liġi Komunitarja (49).
103. Dispożizzjoni bħall-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG bl-ebda mod ma tkun kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, jekk l-imsieħba soċjali ma jkunux obbligati, fl-eżerċizzju tal-awtorizzazzjoni limitata tagħhom, li jikkunsidraw anki l-eżistenza tal-kundizzjonijiet indikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, jekk fis-sustanza, il-ftehim dwar il-limitu ta’ età tal-irtirar regolari ikun iġġustifikat oġġettivament b’riferiment għall-għan mixtieq.
104. F’dan il-kuntest, il-Gvern Ġermaniż innota li f’każ li jirrikorri għall-eżempju msemmi fil-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, għandu dejjem jivverifika jekk jeżistux il-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG (li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva). Limitu tal-età tal-irtirar preżenti fi ftehim kollettiv li ma jikkunsidrax il-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, li tgħid li trattament differenti ġġustifikat jista’ jinkludi, b’mod partikolari, l-eżempji msemmija fil-punti individwali.
105. Fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, il-leġiżlatur Ġermaniż uża t-teknika leġiżlattiva stabbilita fil-liġi nazzjonali “l-eżempji ġenerali”. Dan ifisser il-preżenza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-ħames punt, bħala indikazzjoni li jeżistu l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG. Anki fil-każ tal-implementazzjoni tal-eżempju tal-ħames punt, għandu dejjem jiġi kkonfermat jekk jeżistux il-kundizzjonijiet ġenerali tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG. L-element indikat fl-eżempju tal-ħames punt jista’ jkun ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ. Għal persuna involuta fil-liġi, ikun ċar li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG (li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva) għandhom dejjem ikunu mistħarrġa.
106. Fl-opinjoni tiegħi, l-affermazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż m’għandhomx jinċaħdu. L-ewwel nett, din l-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG hija sostnuta anki fil-liġi Ġermaniża(50). It-tieni nett, l-użu tal-kelma “jistgħu” fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG ma jistax jiġi spjegat biss bħala n-natura eżawrjenti tal-lista ta’ eżempji ta’ dispożizzjonijiet. In-natura ta’ din il-lista tirriżulta wkoll mill-użu tal-kelma “b’mod partikolari” fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG.
107. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi wkoll dwar l-interpretazzjoni tal-ħames punt, it-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG. Dispożizzjoni bħal din ma jidhirlix li hija awtomatikament inkompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, anzi jidher li tista’ tkun interpretata f’konformità mad-direttiva.
108. Dan ma jfissirx li ser nikkunsidra l-implementazzjoni tad-direttiva permezz tal-Artikolu 10 tal-AGG bħala waħda mhux problematika. Kif diġà osservajt iktar kmieni, għadhom jippersistu l-inċertezzi rigward il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1); sa fejn trattament differenti abbażi tal-età jista’ jkun iġġustifikat biss mill-klawżola ġenerali “sempliċi” tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG (51). Dan il-każ jittratta biss il-kompatibbiltà tal-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG flimkien mal-klawżola ġenerali tiegħu mal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG, u dan b’limitu għall-mod ta’ kif din tawtorizza lill-imsieħba soċjali jiftiehmu dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv.
b) Fuq in-neċessità ta’ talba skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/78
109. Fl-aħħar nett, tibqa’ l-mistoqsija dwar jekk f’każ bħal dan huwiex neċessarju li ssir talba konġunta mill-imsieħba soċjali kif indikat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-direttiva, li fl-aħħar mill-aħħar tittratta l-implementazzjoni tad-direttiva mill-imsieħba soċjali.
110. F’dan il-każ, inħoss li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. L-ewwel nett, l-istess leġiżlatur nazzjonali implementa l-Artikolu 6(1) tad-direttiva permezz tal-ħames punt tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG, fir-rigward tal-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari. Il-leġiżlatur Ġermaniż permezz tal-eżempju tal-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG inkluda każ fejn huwa kkunsidrat ammissibbli trattament differenti partikolari abbażi tal-età, bil-kundizzjoni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva (52). Fl-opinjoni tiegħi, m’għandhiex issir diskussjoni, mil-lat kwalitattiv, dwar implementazzjoni mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 18(1) tad-direttiva. It-tieni nett, għandu jiġi nnutat li t-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV m’għandux effett dirett għar-rikorrenti fuq il-bażi tal-kontenut tal-ftehim kollettiv, iżda biss fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-validità erga omnes. F’dan is-sens l-effikaċja tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV hija bbażata fuq miżura tal-istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ simili, ma ssuġġettatx il-konformità mal-Artikolu 6 tad-direttiva ta’ limitu tal-età, oriġinarjament miftiehem fi ftehim kollettiv u wara implementat f’liġi, għal jekk it-talba kinitx orġinarjament saret mill-imsieħba soċjali (53).
5. Konklużjoni
111. Bħala konklużjoni jeħtieġ li jingħad li, skont kif jipprovdi d-dritt Komunitarju attwali, l-għotja tal-awtorizzazzjoni lill-imsieħba soċjali sabiex jiftiehmu dwar l-età tal-irtirar fi ftehim kollettiv, bħal ma huwa pprovdut fil-ħames punt tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG, għandha titqies kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-inqas meta l-leġiżlatur nazzjonali, bil-ħsieb li jwettaq l-għanijiet tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad, jobbliga lill-imsieħba soċjali biex qabel ma jaslu għall-ftehim fuq l-età tal-irtirar, jivverifikaw jekk dan ikunx iġġustifikat oġġettivament fil-konfront tal-implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet u meta dawn il-verfiki jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju.
D – Fuq il-limitu tal-età tal-irtirar regolari skont it-tmien punt tal-Artikolu 19 tar-RTV
112. Il-limitu tal-età tal-irtirar regolari miftiehem fi ftehim kollettiv, skont it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, bejn il-partijiet tal-ftehim fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni leġiżlattiva bħal dik tal-ħames punt tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG jew l-Artikolu 41 tal-SGB VI, li kien applikabbli qabel ma daħlet fis-seħħ l-AGG, għandu jkun kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva meta l-partijiet ikunu osservaw il-kundizzjonijiet tiegħu. Il-qorti tar-rinviju għandha tara jekk il-partijiet kuntrattwali fi ftehim dwar dan il-limitu tal-età tal-irtirar regolari osservawx l-għan leġittimu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva jew jekk l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu tal-età tal-irtirar regolari ikunx iġġustifikat oġġettivament fis-settur ekonomiku li fir-rigward tiegħu huma kompetenti l-imsieħba soċjali.
1. Fuq l-identifikazzjoni tal-għan mixtieq
113. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju affermat li mit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV ma rriżulta l-ebda għan speċifiku. Kif diġà esponejt (54), dan ma jeskludix l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni. Huwa biżżejjed li l-għan mixtieq jirriżulta mill-elementi li hemm fil-kuntest ġenerali tal-miżuri kkonċernati.
114. Fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008 tal-BAG li rreferiet għaliha l-qorti tar-rinviju, il-BAG iddeċidiet li permezz tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, jiġu implementati, l-ewwel nett, l-għanijiet tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad, it-tieni nett, l-għan tal-ippjanar tal-impriżi f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani u mal-ġestjoni tal-persunal, it-tielet nett, l-istruttura bbilanċjata skont l-età tal-impriżi (55). Ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem li ffirmaw il-ftehim kollettiv ukoll għamlet riferiment għal dawn l-għanijiet.
115. F’dan il-kuntest irridu nenfasizzaw li l-identifikazzjoni tal-għan mixtieq permezz tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV hija kompitu tal-qorti tal-rinviju. Peress li l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment għal dawn l-għanijiet indikati mill-BAG u mill-parti kuntrattwali, se nikkunsidra dawn l-għanijiet fl-osservazzjonijiet li ġejjin.
2. Fuq ir-rekwiżiti tal-għan
116. Fir-rigward tal-għanijiet tal-politika tax-xogħol u tal-ġlieda kontra l-qgħad, il-leġittimità tagħhom ma tagħti lok għal ebda dubju. Dawn l-għanijiet huma konkreti biżżejjed. F’dan ir-rigward, nirreferi għal dak li diġà semmejt iktar ’il fuq (56). Il-fatt li t-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ li saret fl-2004, jiġifieri meta ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttiva mill-Ġermanja (2 ta’ Diċembru 2006) kien għadu ma skadiex u l-AGG kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ, ma jostakolax il- kwalifikazzjoni tal-għanijiet intenzjonati bħala għanijiet leġittimi skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE, li jipprovdi li direttiva torbot biss fir-rigward tar-riżultat li għandu jitwettaq, huwa biżżejjed, għall-finijiet ta’ implementazzjoni tad-direttiva, li l-partijiet tal-ftehim kollettiv ikunu osservaw il-ftehim imsemmi mit-tmien punt tal-Artikolu 19(8) tar-RTV sabiex l-għan ikun ikkunsidrat li huwa leġittimu skont l-Artikolu 6 tad-direttiva. Mhuwiex neċessarju li dawn il-partijiet ikunu stabbilixxew dan l-għan b’mod speċifiku rigward it-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
117. Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni dwar l-ippjanar tal-impriżi f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani u mal-ġestjoni tal-persunal, kif ukoll dwar l-istruttura bbilanċjata tal-età fl-impriżi, minnhom infushom jikkostitwixxu għan leġittimu li jistħoqlu studju aktar fil-fond mill-qorti tar-rinviju. Każ bħal dan ma jittrattax l-għan tal-politika tax-xogħol, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Il-lista tas-subparagrafu tal-Artikolu 6(1) mhijiex eżawrjenti u dan jirriżulta mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari”. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-għanijiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu huma ta’ interess ġenerali. Motivi purament individwali, partikolari għas-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, bħal pereżempju l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u tat-titjib tal-kompetittività, ma jistgħux jitqiesu bħala għanijiet leġittimi skont is-sens ta’ din id-dispożizzjoni (57). Fl-opinjoni tiegħi, l-organizzazzjoni tar-riżorsi umani u tal-ħaddiema l-ġodda, kif ukoll l-istruttura bbilanċjata tal-età fl-impriżi jidhru, minn tal-inqas prima facie, li jaqgħu fil-kategorija tal-motivi individwali (58). Il-qorti tar-rinviju għandha tara jekk, flimkien ma’ dan l-għan, hemmx għanijiet oħra segwiti li jistgħu jkunu kkunsidrati li huma ta’ interess ġenerali.
3. Fuq il-kisba ta’ għanijiet li ma jkunux kollha leġittimi
118. F’każ bħal dan ineżami, fejn il-partijiet tal-ftehim kollettiv, permezz tal-età tal-irtirar segwew diversi għanijiet, fosthom xi wħud li mhumiex leġittimi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, huwa biżżejjed li t-trattament differenti abbażi tal-età jkun iġġustifikat fir-rigward tal-għan leġittimu. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li ma jistax ikun hemm dispożizzjoni nazzjonali li tagħti grad ta’ flessibbiltà favur dawk li jħaddmu, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet leġittimi msemmija iktar ’il fuq (59).
4. Fuq il-ġustifikazzjoni oġġettiva
119. Il-qorti tar-rinviju għandha tara jekk it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV huwiex oġġettivament iġġustifikat bl-għanijiet leġittimi tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad.
a) Fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-partijiet tal-ftehim kollettiv
120. Ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem fil-ftehim kollettiv innutaw quddiem il-qorti tar-rinviju li l-partijiet tal-ftehim kollettiv kienu pparagunaw l-interess tat-tkomplija tar-relazzjoni tax-xogħol min-naħa tal-ħaddiem u t-terminazzjoni tax-xogħol min-naħa ta’ min iħaddem. Il-parti li tirrapreżenta lill-ħaddiema kkunsidrat l-interess leġittimu ekonomiku tal-garanzija tal-mezz ta’ għajxien u l-interess ideali ta’ relazzjoni professjonali permezz tat-tkomplija tax-xogħol wara l-età ta’ 65 sena, kif ukoll li jkun hemm pensjoni addizzjonali għal dawk il-ħaddiema li jilħqu l-limitu tal-età tal-irtirar regolari u t-titjib b’mod sinjifikanti tal-possibbiltà ta’ impjieg u ta’ avvanz fil-karriera ta’ ħaddiema iżgħar bħala riżultat tal-introduzzjoni tal-età tal-irtirar. Il-parti li tirrappreżenta lil dawk li jħaddmu kkunsidrat il-bżonn ta’ ppjanar opportun u kalkolabbli tar-riżorsi umani u tal-ħaddiema l-ġodda skont l-istruttura ekwilibrata tal-età fl-intrapriża. Ġew ikkunsidrati anki l-għanijiet tal-leġiżlatur rigward il-politika tax-xogħol u s-suq tax-xogħol, bħalma huwa indikat fl-Artikolu 41 tal-SGB VI. Barra minn hekk, il-partijiet, fl-okkażjoni ta’ kull negozjati ġodda dwar ftehim kollettiv, saħansitra anki fl-2004, reġgħu eżaminaw id-dispożizzjonijiet differenti fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali, demografika u tax-xogħol sabiex ikun iddeterminat jekk hemmx bżonn li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu emendati u safejn huma meħtieġa dawn l-emendi. Dan wera l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari msemmi fit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV (60).
b) Fuq l-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet
121. Il-qorti tar-rinviju għandha tara jekk il-kunsiderazzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet kuntrattwali jissodisfawx il-kundizzjonijiet taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-istat attwali tal-liġi Komunitarja, l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (61). Fl-opinjoni tiegħi, hija għandha tara wkoll li fil-każ ta’ ftehim kollettiv kuntrattwali għandu jitfakkar li fil-prinċipju, id-drittijiet tal-ħaddiema, anki dawk tal-ħaddiema kbar fl-età, għandhom ikunu analizzati flimkien ma’ min iħaddem fil-ftehim kollettiv.
122. Fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju sar riferiment għal sensiela ta’ ċirkustanzi partikolari legali u fattwali li ġiegħlu lill-imsemmija qorti tiddubita minn jekk it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV huwiex oġġettivament iġġustifikat. Għalhekk, ser inkompli nanalizza jekk l-Artikolu 6(1) tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li limitu tal-età tal-irtirar regolari bħala dak tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV jistax ikun ikkunsidrat oġġettivament iġġustifikat fil-preżenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi partikolari.
i) Applikazzjoni kostanti tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari
123. Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-limitu ta’ età tal-irtirar regolari ta’ 65 sena ilu japplika b’mod kostanti għal ħafna snin fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ tindif ta’ proprjetajiet immobbli. Ma jidher li hemm ebda impatt fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-evoluzzjoni ekonomika u demografika. Il-limitu tal-età tal-irtirar regolari m’għandux jintuża bil-ħsieb li jsolvi jew inaqqas sitwazzjonijiet konkreti partikolari.
– L-argumenti tal-partijiet
124. Skont ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, dan jirriżulta f’inkompatibbiltà tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mal-Artikolu 6 tad-direttiva. Il-Kummissjoni tiddubita d-dikjarazzjoni magħmula minn min iħaddem fil-ftehim kollettiv, li tipprovdi li, bħala prinċipju, l-imsieħba soċjali, matul kull negozjati ġodda tal-ftehim kollettiv, eżaminaw mill-ġdid id-dispożizzjonijiet partikolari, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, soċjali, demografika u tas-suq tax-xogħol. Sempliċi dikjarazzjonijiet mhumiex biżżejjed biex juru li l-għan tal-miżura jista’ jkun iġġustifikat bħala eċċezzjoni tal-prinċipju kontra d-diskriminazzjoni.
125. Skont il-konvenuta, il-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV huwa kompatibbli mal-Artikolu 6 tad-direttiva. Il-konvenuta tirreferi għall-fatt li, skont informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-ftehim kollettiv inkwistjoni, analiżi tal-interessi tal-ħaddiema flimkien ma’ dawk ta’ min iħaddem, kellhom iwasslu għal din id-dispożizzjoni. L-imsieħba soċjali kellhom disponibbli l-informazzjoni neċessarja rigward is-setturi rispettivi tagħhom. Dawn kienu f’pożizzjoni li jeżaminaw b’mod adegwat il-karatteristiċi speċifikati tar-relazzjonijiet differenti tax-xogħol. Il-konvenuta tirreferi wkoll għall-qgħad, fis-setturi tal-attivitajiet tal-ħaddiema li mhumiex ikkwalifikati, li żdied b’mod sostanzjali. Għalhekk ma kienx neċessarju li jiġi emendat it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV min-naħa tal-partijiet kuntrattwali. Il-Gvern Ġermaniż jiddubita r-rikostruzzjoni tal-fatti mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li fil-Ġermanja hemm applikabbli limitu tal-età tal-irtirar regolari indipendentement mill-kundizzjoni tas-suq tax-xogħol u tas-sitwazzjoni ekonomika u demografika. Il-limitu tal-età tal-irtirar regolari indikat fi ftehim kollettiv ma kellux effett mill-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1992 u l-31 ta’ Lulju 1994. Il-leġiżlatur, xjentement, emenda din is-sitwazzjoni legali bil-ħsieb li din ma kinitx tajba fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-qgħad tal-ħaddiema iżgħar fl-età. Il-leġiżlatur żamm din il-pożizzjoni għal dawn l-aħħar 15-il sena minħabba l-persistenza f’dan l-aħħar żmien tal-fenomenu tal-qgħad tal-massa, u tal-preżenza ta’ aċċettazzjoni politika u soċjali fuq il-livell għoli wisq tal-qgħad.
126. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-miżuri rigward l-età tal-irtirar għandhom jiġu applikati b’mod ġenerali u anki għal żmien twil, peress li jistgħu jkunu element essenzjali ta’ qafas regolatorju għall-iffunzjonar tas-suq tax-xogħol għal perijodu ta’ żmien twil. Dan it-tip ta’ regolamenti mhuwiex limitat għas-soluzzjoni ta’ sitwazzjoni partikolari. Tibdil frekwenti jiġġenera inċertezza kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem. Dan jiddependi mill-fatt li l-miżuri jkunu ġġustifikati biżżejjed fil-mument li jkunu ġew adottati. Il-miżuri jkunu wkoll riżultat ta’ negozjati għall-ftehim kollettiv. Ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem qiesu din ir-regola bħala element xieraq tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol.
– Evalwazzjoni
Aspetti dwar iż-żmien
127. Fir-rigward tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV għandu jiġi nnutat li fir-rigward tal-aspett taż-żmien, meta din id-dispożizzjoni ġiet miftiehma fl-2004, ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ l-AGG u lanqas ma kien għadu skada ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttiva (2 ta’ Diċembru 2006). F’dan il-każ, it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV ġie applikat għall-fatti li seħħew wara li skada ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78.
128. L-Istati Membri huma obbligati jittrasponu d-direttiva anki meta jawtorizzaw lill-imsieħba soċjali, u għandhom jiżguraw, bħal f’dan il-każ, jekk il-partijiet tal-ftehim kollettiv ivverifikawx qabel skada ż-żmien għat-traspożizzjoni, jekk it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, mhuwiex strettament neċessarju li l-partijiet tal-ftehim kollettiv iwettqu din il-verifika. Ikun biżżejjed li din il-verifika tissodisfa sostanzjalment il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
129. Il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk, billi ftiehmu dwar l-Artikolu 19(8) tal-RTV, il-partijiet fil-ftehim kollettiv wettqux verifika li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.
130. Minn din il-problema għandna niddistingwu f’liema perijodu ta’ żmien il-partijiet ta’ ftehim kollettiv, li jkunu diġà qablu dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari f’konformità mal-Artikolu 6 tad-direttiva, jiġifieri jkunu żguraw il-kompatibbiltà tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari li kien jeżisti qabel, għandhom jirreaġixxu għat-tibdil li jkun seħħ fis-settur ekonomiku rilevanti. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati anki l-aspetti taċ-ċertezza legali. Tibdil frekwenti tal-ftehim kollettiv jaffettwa l-istabbiltà kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema fis-sistema legali. Jidhirli li, fil-każ fejn jiġi nnegozjat limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv, fid-dawl tal-affidabbiltà tal-istabbiltà tas-sistema legali u tal-awtonomija tal-ftehim kollettiv, fil-prinċipju huwa biżżejjed li t-tibdil jittieħed inkunsiderazzjoni fiċ-ċikli suċċessivi tan-negozjati. Tibqa’ l-preżunzjoni li hemm possibbiltà ta’ opportunitajiet li jiġi aġġustat il-ftehim kollettiv għallinqas fuq perijodu ta’ żmien medju.
Il-verifika speċifika għal settur ekonomiku partikolari
131. Ċertament, l-imsieħba soċjali għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Madankollu, il-fatt li l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u awtonomija tal-ftehim kollettiv ma jfissirx li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età jitlef l-effett tiegħu. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva huwa li t-trattament differenti abbażi tal-età, kemm dak eżistenti kif ukoll dak li għad irid iseħħ, ikun suġġett għal kontroll iġġustifikat oġġettivament.
132. Id-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari ppreżentat fil-politika tax-xogħol u tal-qgħad mhumiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva għas-settur ekonomiku li huma kompetenti għalih il-partijiet tal-ftehim kollettiv (62). Fil-prinċipju, mhuwiex biżżejjed li l-partijiet tal-ftehim kollettiv jirreferu għas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tax-xogħol jew għall-osservazzjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali dwar din is-sitwazzjoni. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti meta dawn l-osservazzjonijiet ikunu trasposti fis-settur ekonomiku li huma kompetenti għalih il-partijiet tal-ftehim kollettiv.
133. Barra minn hekk, ma tistax tiġi dedotta l-ġustifikazzjoni oġġettiva tal-applikazzjoni ta’ klawżola dwar l-età tal-irtirar fis-settur ekonomiku li huma kompetenti għalih il-partijiet tal-ftehim kollettiv, sempliċement minħabba li f’setturi ekonomiċi oħra jiġi jew ma jiġix applikat limitu tal-età tal-irtirar regolari. Għall-kuntrarju, il-partijiet tal-ftehim kollettiv għandhom jeżaminaw il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni oġġettiva tal-applikazzjoni ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari speċifikament għas-settur ekonomiku kkonċernat.
134. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura jekk limitu tal-età tal-irtirar regolari kif stabbilit mit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV huwiex iġġustifikat mill-għan mixtieq tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ tindif ta’ proprjetajiet immobbli (63).
L-ebda limitazzjoni speċifika
135. Jidher li huwa irrilevanti li limitu tal-età tal-irtirar regolari bħal dak stipulat fit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, ma jittrattax miżura speċifika limitata fiż-żmien. Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva ma jirriżultax li trattament differenti abbażi tal-età għandu jkun limitat fiż-żmien u jista’ jkun introdott biss sabiex tinstab soluzzjoni għal sitwazzjoni partikolari. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva huwa deċiżiv biss il-fatt li l-applikazzjoni ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari tkun iġġustifikata oġġettivament permezz ta’ għan leġittimu.
136. Fil-każ meta l-qorti tar-rinviju, bħal BAG, tikkonkludi li t-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV jindika li fil-perijodi meta ma jkunx hemm impjieg sħiħ tkun meħtieġa distribuzzjoni ekwa tal-ftit postijiet tax-xogħol disponibbli u meta, b’kunsiderazzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri, minħabba l-motivi indikati hawn fuq, l-applikazzjoni ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari ma tistax tkun meqjusa irraġonevoli (64), l-applikazzjoni ta' limitu tal-età tal-irtirar regolari tista’ tkun ikkunsidrata ġġustifikata għall-perijodu kollu li fih is-settur ekonomiku kkonċernat ikun ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ qgħad.
ii) Fuq in-nuqqas ta’ obbligu li jiġu impjegati ħaddiema żgħażagħ
137. Il-qorti tar-rinviju barra minn hekk tinnota li dispożizzjoni bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV ma jimponi l-ebda obbligu fuq min iħaddem li jimpjega ħaddiem ieħor minflok dak li jkun waqaf jaħdem minħabba li jkun laħaq l-età tal-irtirar. Hija tgħid li huwa impossibbli li jkun aċċertat jekk min iħaddem, anki fin-nuqqas ta’ dan l-obbligu, jimpjegax nies oħra f’każ li jieqaf mix-xogħol xi ħadd li jkun laħaq l-età tal-irtirar.
– L-argumenti tal-partijiet
138. Skont ir-rikorrent, limitu ta’ età tal-irtirar regolari bħal dak tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mhuwiex xieraq.
139. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlatur Ġermaniż, bħalu stess, huwa tal-fehma li, b’mod ġenerali, min iħaddem jimpjega żgħażagħ sabiex jissostitwixxu ħaddiema li jkunu rtiraw minħabba li laħqu l-età tal-irtirar.
– Evalwazzjoni
140. Il-fatt li limitu tal-età tal-irtirar regolari ma jipprovdix obbligu li jkun impjegat ħaddiem ieħor minflok dak li jkun laħaq l-età tal-irtirar, ma jfissirx neċessarjament li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
141. Kif diġà esponejt (65), il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri u konsegwentement, f’dan il-każ, tal-partijiet tal-ftehim kollettiv, jinkludi, fil-fatt, anki marġni ta’ previżjoni. Dan tal-aħħar jinkludi anki l-possibbiltà li jkun ibbażat fuq l-ipoteżi ta’ suċċessjoni tipika tas-sitwazzjonijiet. Sakemm dawn l-ipoteżijiet ma jkunux manifestament irraġonevoli, għandhom jiġu osservati mill-Qorti tal-Ġustizzja, altrimenti din tkun sostitwita mill-imsieħba soċjali.
142. L-ipoteżi li l-waqfien mix-xogħol ta’ ħaddiem kbir fl-età minħabba li jkun laħaq l-età tal-irtirar hija xierqa biex titkabbar il-possibbiltà ta’ impjieg ta’ ħaddiema iżgħar fl-età, ma jidhirlix li hi manifestament irraġonevoli. Fl-opinjoni tiegħi, huwa irrelevanti jekk ikun hemm reklutaġġ ġdid f’kull każ. Għall-kuntrarju, għandha tiġi adottata analiżi astratta li hija separata mill-każ inkwistjoni (66).
iii) Fuq il-possibbiltà li jerġgħu jiġu impjegati ħaddiema li jkunu qabżu l-età tal-irtirar
143. Il-qorti tar-rinviju ssosnti li persuna li tkun waqfet mix-xogħol minħabba li tkun laħqet l-età tal-irtirar u li tipprova ssib impjieg ġdid jew li tfittex li tkun impjegata ma’ min kien iħaddimha qabel, ma jistax ikollha l-kandidatura tagħha miċħuda minħabba l-età tagħha. Ir-rikorrenti tħoss li din iċ-ċirkostanza tista’ tirriżulta fl-inkompatibbiltà tal-klawżola dwar l-età tal-irtirar, bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, mal-Artikolu 6 tad-direttiva.
144. Fl-opinjoni tiegħi lanqas din iċ-ċirkostanza ma tfisser li klawżola dwar l-età tal-irtirar bħal dik tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Irridu nenfasizzaw li, fis-sentenza Palacio de la Villa, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li limitu ta’ età ta’ 65 sena ffissat fi ftehim kollettiv bħala l-età li fiha persuna toħroġ bil-pensjoni b’mod obbligatorju, mhijiex neċessarjament inġustifikata mill-perspettiva tal-għanijiet tal-politika tax-xogħol (67).
145. Jekk il-liġi Ġermaniża tippermetti impjieg ġdid jew li persuna terġa tiġi impjegata, meta mqabbel mal-limitu tal-età tal-irtirar regolari, kif stabbilit fit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, dan jidher li huwa miżura inqas radikali. F’dan il-kuntest ma jidhirlix li huwa ċar għaliex dispożizzjoni tal-liġi Ġermaniża li għandha l-għan li tevita l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament differenti abbażi tal-età rigward persuna li toħroġ bil-pensjoni b’mod obbligatorju, għandha teskludi ġustifikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari. B’dan il-mod il-fatt li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad jiġi limitat iżda fl-istess ħin jonqos il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament differenti abbażi tal-età.
146. Fil-każ li titqajjem l-oġġezzjoni li dan huwa inkonsistenti, jeħtieġ li jkun enfasizzat li, f’settur fejn l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha biss kontroll limitat ħafna tal-konsistenza (68). Inkonsistenza manifesta ma tistax tiġi ammessa esklużivament fuq il-bażi tal-indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, is-sistema Ġermaniża tista’ tkun interpretata fis-sens li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari ffissat fi ftehim kollettiv bħal dak tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV huwa intenzjonat li joffri lill-ħaddiema żgħażagħ opportunità ta’ impjieg. Fl-interess ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema li ftiehmu fuq limitu tal-età tal-irtirar regolari, m’għandniex inkomplu ninsistu fuq dan l-għan fil-każ meta ħaddiem partikolari jidher (possibbilment mill-ġdid) bħala l-aħjar persuna għal dan il-post tax-xogħol. Din is-sistema ma tidhirx, fl-opinjoni tiegħi, manifestament inkonsistenti. Il-qorti tar-rinviju m’għamlet l-ebda riferiment għal aġir abużiv possibbli.
iv) Fuq il-possibbiltà ta’ estensjoni miftiehma tal-kuntratt ta’ impjieg
147. Il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari kif stipulat mit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, anki għaliex din id-dispożizzjoni tawtorizza estensjoni miftiehma tal-kuntratt ta’ impjieg wara l-limitu tal-età tal-irtirar regolari. Fis-sitwazzjoni preżenti tas-suq tax-xogħol, min iħaddem prattikament għandu l-possibbiltà li jagħti s-sensja fid-diskrezzjoni tiegħu lill-ħaddiema iktar anzjani. Fin-negozju ta’ min iħaddem jistgħu jkunu impjegati diversi ħaddiema ikbar minn 70 sena.
– L-argumenti tal-partijiet
148. Skont ir-rikorrenti, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, dan jirriżulta f’inkompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Fi klawżola dwar l-età tal-irtirar, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-għan leġittimu skont l-Artikolu 6 tad-direttiva. Meta min iħaddem jingħata l-possibbiltà li jiddeċiedi liberament fid-diskrezzjoni tiegħu jekk jimpjegax jew le persuna li tkun laħqet l-età tal-irtirar, ikunu qed jiġu kkunsidrati wkoll ir-raġunijiet individwali ta’ min iħaddem. Dan ma jkunx trattament differenti oġġettiv skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Barra minn hekk, mhemmx proċedura simili għal dik tal-kawża Age Concern England (69). Il-Gvern Taljan jiddubita l-punt li klawżola dwar l-età tal-irtirar bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV tagħti diskrezzjoni lill-ħaddiem.
149. Il-Gvern Ġermaniż, jinnota, b’mod partikolari, li skont il-liġi tax-xogħol Ġermaniża, għandha tkun applikabbli l-Günstigkeitsprinzip (il-prinċipju tal-konvenjenza). Kuntratt individwali tax-xogħol dejjem jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv favur il-ħaddiem. Għal dan il-motiv, it-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV ma jinkludi l-ebda klawżola li tagħti flessibbiltà unilaterali lil min iħaddem. It-teżi tal-Kummissjoni tillimita b’mod sinjifikanti l-awtonomija tal-ftehim kollettiv.
– Evalwazzjoni
150. Lanqas il-possibbiltà ta’ estensjoni miftiehma tal-kuntratt ta’ impjieg li huwa itwal mil-limitu tal-età tal-irtirar regolari ma jidhirli li hija ċirkostanza li permezz tagħha tiġi eskluża bilfors ġustifikazzjoni oġġettiva tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tar-RTV. L-Artikolu 6(1) tad-direttiva jeżiġi biss li trattament differenti abbażi tal-età jkun iġġustifikat oġġettivament minn għan leġittimu. Madankollu, dan m’għandux effett meta dispożizzjoni bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV ssegwi u tikkunsidra wkoll għanijiet ulterjuri li mhumiex leġittimi. Jeħtieġ biss li jkun iggarantit li trattament differenti abbażi tal-età jkun iġġustifikat sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu.
151. Il-possibbiltà ta’ estensjoni miftiehma permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg wara l-età tal-irtirar ma twassalx għal trattament differenti abbażi tal-età, iżda tnaqqsu. Fejn tiġi kkontestata xi inkompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, huwa fl-aħħar mill-aħħar il-fatt li dan il-limitu ta’ età tal-irtirar regolari, jagħti lok, minħabba trattament differenti abbażi tal-età, għall-possibbiltà ta’ trattament differenti għal motivi oħra.
152. Inkwantu l-Kummissjoni tibbaża l-fehma tagħha fuq l-analiżi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva li jgħid li trattament differenti għandu jkun oġġettiv, l-argumentazzjoni tagħha mhijiex konvinċenti. Huwa minnu li din il-fehma tista’ tiġi bbażata kompletament fuq il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, li jgħid li trattament differenti għandu jkun oġġettiv u raġonevoli. Iżda fit-test f’lingwi oħra ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-oġġettività tat-trattament differenti tikkostitwixxi element awtonomu ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Fil-verżjonijiet Franċiża, Ingliża, Olandiża, Spanjola, Taljana u Slovena jeħtieġ biss li trattament differenti abbażi tal-età jkun iġġustifikat oġġettivament (70). Skont it-test tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva anki t-trattament differenti stess għandu jkun oġġettiv.
153. L-interpretazzjoni li tindika li anki t-trattament differenti għandu jkun oġġettiv, fl-opinjoni tiegħi tidher li hija diffiċilment kompatibbli mal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali u tax-xogħol. Lanqas ma jidhirli li dan huwa kompatibbli mal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 6(1) tad-direttiva jista’ jiġi interpretat li jagħti flessibbiltà wiesgħa lil min jħaddem (71).
154. Il-fatt li min iħaddem għandu diskrezzjoni fir-rigward tal-estensjoni miftiehma tal-kuntratt ta’ impjieg wara l-limitu tal-età tal-irtirar regolari ma jostakolax il-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari miftiehem fi ftehim kollettiv.
v) Fuq l-insuffiċjenza tad-drittijiet tal-pensjoni
155. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-rikorrenti u b’mod ġenerali, persuni li jaħdmu part-time fis-settur tat-tindif ta’ proprjetajiet immobbli, m’għandhomx id-drittijiet sħaħ tal-benefiċċji soċjali statutorji. Ir-remunerazzjoni tagħhom ma tippermettilhomx li jfaddlu jew li jkollhom poloz tal-assigurazzjoni addizzjonali. L-argument li l-ħaddiema li jitilqu l-post tax-xogħol tagħhom minħabba li jkunu laħqu l-età tal-irtirar ma jfittxux xogħol ieħor wara, ma japplikax għal dawk il-ħaddiema li jkollhom remunerazzjoni baxxa.
– L-argumenti tal-partijiet
156. Ir-rikorrenti tinvoka s-sitwazzjoni personali tagħha bħala ħaddiema. Il-pensjoni ta’ rtirar tagħha mhijiex biżżejjed biex tkun tista’ tieħu ħsieb lit-tifel tagħha bi bżonnijiet speċjali. It-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV ma josservax il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Palacios de la Villa (72), bil-konsegwenza li pensjoni ta’ rtirar raġonevoli hija rekwiżit għall-konformità tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari mal-Artikolu 6 tad-direttiva.
157. Il-konvenuta tosserva li fil-Ġermanja, il-ħaddiema għandhom dritt għall-pensjoni statutorja hekk kif jagħlqu l-età tal-irtirar. Il-persuni li għandhom dritt għall-pensjoni statutorja u li fil-mument li jagħlqu l-età tal-irtirar, din ma tkunx biżżejjed, jirċievu benefiċċji biex ikopru l-bżonnijiet bażiċi.
158. Skont il-Gvern Ġermaniż u dak tar-Renju Unit, l-uniku element deċiżiv huwa li l-ħaddiema li jkunu laħqu l-età tal-irtirar jistgħu jitolbu, f’każ ta’ sensja mix-xogħol, pensjoni kontributorja. Għandu jkun hemm kontroll ġenerali meta ma tkunx tista’ tkun eżaminata s-sitwazzjoni speċifika personali tal-ħaddiem. Jekk ma jsirx hekk, ikunu ppreġudikati l-ħaddiema li jkunu ħadmu partikolarment fit-tul ma’ azjenda partikolari.
– Evalwazzjoni
159. Il-fatt li meta laħqet l-età tal-irtirar ir-rikorrenti ma kisbitx biżżejjed benefiċċji mill-iskema statutorja tal-pensjoni ta’ rtirar, mhux neċessarjament ifisser, fl-opinjoni tiegħi, li l-limitu tal-età tal-irtirar regolari miftiehem fi ftehim kollettiv bħal dak tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
160. Fil-punt 73 tas-sentenza Palacios de la Villa (73), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-imsemmija miżura ma tistax tiġi kkunsidrata li tippreġudika eċċessivament il-pretenzjonijiet leġittimi tal-ħaddiema milquta bl-irtirar obbligatorju minħabba li jkunu laħqu l-limitu ta’ età previst, billi l-leġiżlazzjoni rilevanti mhijiex ibbażata biss fuq età stabbilita, iżda tikkunsidra wkoll il-fatt li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw fit-tmiem tal-karriera professjonali tagħhom minn kumpens finanzjarju permezz tal-għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar, bħalma hija dik prevista mis-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-livell tagħha ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli.
161. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tistabbilixxi li limitu ta’ età tal-irtirar regolari huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva biss fil-każ li l-ħaddiem ikkonċernat jingħata pensjoni ta’ rtirar suffiċjenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx ruħha fuq il-livell tal-limitu tal-età stabbilit b’mod konkret f’każ partikolari, iżda fuq il-protezzjoni tal-pretenzjonijiet leġittimi tal-ħaddiem ikkonċernat. Dan il-każ ma jidhirx li jittratta l-protezzjoni tal-pretenzjonijiet leġittimi tal-impjieg tar-rikorrenti li kellu jispiċċa hekk kif din laħqet l-età tal-irtirar.
162. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-fatt li r-rikorrenti ma tirċevix ammont biżżejjed ta’ pensjoni ta’ rtirar; u dan minħabba li r-rikorrenti kellha taħdem għal ħafna żmien part-time, peress li l-kura tat-tifel tagħha kienet tirrikjedi ħafna ħin.
163. Għalkemm nissimpatizza mas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, ma jidhirlix li din is-sitwazzjoni għandha tkun ikkunsidrata meta tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. L-insuffiċjenza tal-pensjoni tal-età tar-rikorrenti hija dovuta għall-fatt li r-rikorrenti, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha tal-ħajja, setgħet taħdem biss part-time. Dan juri konnessjoni minima mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età. Il-fatt pjuttost jittratta l-kwistjoni jekk u b’liema mod, is-soċjetà għandha tgħin lil ħaddiem li jieħu ħsieb xi familjari li jkollhom bżonnijiet speċjali, għalhekk din hija kwistjoni li essenzjalment tittratta l-liġi tas-sigurtà soċjali, li fir-rigward tagħha huma kompetenti l-Istati Membri.
164. Il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari għandhiex tkun ikkunsidrata li hija ġustifikatament oġġettiva meta l-ħaddiem ma jkunx f’pożizzjoni li jaqdi l-bżonnijiet bażiċi tiegħu, ma teħtieġx soluzzjoni f’dan il-każ, minħabba li mhemmx dubju li l-bżonnijiet bażiċi tar-rikorrenti f’dan il-każ huma koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali statali.
165. Il-qorti tar-rinviju indikat li, b’mod ġenerali, ħaddiem impjegat part-time fil-qasam tat-tindif ta’ proprjetà immobbli ma jistax jingħata drittijiet suffiċjenti għall-fini u l-effetti kollha tal-benefiċċji soċjali statutorji. Mid-digriet tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar għal liema motivi l-ħaddiema f’dan is-settur ekonomiku huma impjegati biss part-time. Ma nara l-ebda motiv imperattiv li tingħata soluzzjoni permezz tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età minħabba li l-problema reali hija li xogħol part-time, f’ċertu każijiet, ma jagħtix biżżejjed drittijiet għall-pensjoni.
5. Konklużjoni
166. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa l-konformità ta’ limitu tal-età tal-irtirar regolari bħal dak indikat fit-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Miċ-ċirkostanzi partikolari tal-liġi u tal-fatti indikati fid-digriet tar-rinviju, ma tirriżultax neċessarjament inkompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.
IX – Konklużjoni ġenerali
167. Bħala konklużjoni għandu jiġi kkonfermat li, l-ewwel nett, limitu tal-età tal-irtirar regolari miftiehem fi ftehim kollettiv jista’ jkun kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, anki fil-każ li l-imsieħba soċjali jkunu speċifikatament awtorizzati b’dispożizzjoni tal-Istat Membru skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva. Din id-dispożizzjoni tal-Istat Membru tista’ taqdi r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva anki meta l-ġustifikazzjoni tal-limitu tal-età tal-irtirar regolari ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba l-età tal-irtirar, ma tirriżultax espressament mill-istess dispożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni speċifika ta’ din il-ġustifikazzjoni, huwa importanti li jsir magħruf jekk elementi oħra, dedotti mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettux l-identifikazzjoni tal-għan sottostanti fid-dispożizzjoni u jekk dawn l-elementi humiex konkreti biżżejjed sabiex jippermettu evalwazzjoni oġġettiva tal-ġustifikazzjoni.
168. Limitu tal-età tal-irtirar miftiehem fi ftehim kollettiv, jista’ jkun kompatibbli mad-direttiva anki meta jkun hemm il-kundizzjonijiet – fosthom, b’mod partikolari, talba konġunta mill-imsieħba soċjali – sabiex jimplementaw id-direttiva skont l-Artikolu 18(1).
169. It-tieni nett, kif jipprovdi d-dritt Komunitarju fir-rigward tal-kawża preżenti, l-għoti lill-imsieħba soċjali ta’ awtorizzazzjoni speċifika sabiex jinnegozjaw u jiftiehmu fi ftehim kollettiv limitu tal-età tal-irtirar regolari, permezz ta’ dispożizzjoni partikolari, kif ipprovdut fil-ħames punt tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG, għandu jitqies li huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, minn tal-inqas fil-każ fejn il-leġiżlatur nazzjonali jkun jixtieq jilħaq, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, għan tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad, jekk minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-imsieħba soċjali għandhom dejjem jivverifikaw qabel isir il-ftehim fuq l-età tal-irtirar, jekk dan it-trattament differenti abbażi tal-età huwiex iġġustifikat oġġettivament sabiex jaslu għal dan l-għan fil-qasam ekonomiku li huma kompetenti għalih, u jekk din l-evalwazzjoni tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.
170. It-tielet nett, għandu jingħad li limitu tal-età tal-irtirar regolari ddikjarat bħala obbligatorju erga omnes, bħal dak tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV, li ġie miftiehem qabel ma skada ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, u li minn dak iż-żmien ma nbidilx sostanzjalment u ġie applikat għal fatt li ġara wara li skada ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttiva, huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-direttiva meta l-partijiet tal-ftehim kolletiv, billi ftiehmu dwar il-limitu tal-età tal-irtirar regolari jew aħjar billi vverifikaw dan, kienu evalwaw, qabel ma skada ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttiva, jekk l-applikazzjoni ta’ din id-diskriminazzjoni abbażi tal-età tkunx iġġustifikata oġġettivament mill-kisba tal-għanijiet leġittimi stabbiliti mil-leġiżlatur għal dak is-settur ekonomiku partikolari. Il-fatt li dispożizzjoni bħal dik tat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV l-ewwel nett ma tiġix applikata bħala miżura speċifika limitata ratione temporis, it-tieni nett, ma timponi l-ebda obbligu vinkolanti fuq impjieg ġdid, it-tielet nett, tagħti lok għal estensjoni miftiehma fil-kuntratt ta’ impjieg li tkun itwal mil-limitu tal-età tal-irtirar regolari, u r-raba’ nett, ma tikkunsidrax l-ammont reali tal-pensjoni ta’ rtirar mogħti mill-iskema tal-assigurazzjoni soċjali, ma tirriżultax neċessarjament fl-inkompatibbiltà ta’ dan il-limitu tal-età tal-irtirar regolari mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.
171. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li t-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV mhuwiex kompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, hija għandha tevalwa jekk dan tal-aħħar għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-AGG skont id-direttiva. Jekk jirriżulta li dan hu possibbli, ma jkunx neċessarju li jsir riferiment għall-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età “kif speċifikat mid-Direttiva 2000/78/KE”.
X – Konklużjonijiet
172. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju kif ġej:
“1. Limitu tal-età tal-irtirar miftiehem fi ftehim kollettiv jista’ jkun kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-17 ta’ Novembru 2000, li tistabilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, meta l-imsieħba soċjali jkunu awtorizzati speċifikament b’dispożizzjoni nazzjonali li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva jew meta jkun hemm il-kundizzjonijiet sabiex l-imsieħba soċjali jiġu fdati bl-implementazzjoni tad-direttiva skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-direttiva.
2. L-għoti ta’ awtorizzazzjoni speċifika lill-imsieħba soċjali sabiex jinnegozjaw u jiftiehmu limitu tal-età tal-irtirar regolari fi ftehim kollettiv permezz ta’ dispożizzjonijiet interni ta’ liġijiet bħall-ħames punt tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 10 tal-AGG, għandu jitqies li huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, fil-każ li l-leġiżlatur nazzjonali jixtieq li, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jilħaq l-għan tal-politika tax-xogħol u tal-qgħad, meta minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-imsieħba soċjali għandhom dejjem jivverifikaw, qabel ma jaqblu fuq il-limitu tal-età tal-irtirar regolari, jekk dawn humiex iġġustifikati oġġettivament sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, u meta din l-evalwazzjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.
3. Limitu tal-età tal-irtirar iddikjarat obbligatorju erga omnes bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tar-Rahmentarifvertrags għall-ħaddiema tat-tindif tal-proprjetajiet immobbli huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 meta l-partijiet fil-ftehim kollettiv ikunu evalwaw, qabel skada ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-direttiva, jekk l-applikazzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età hijiex iġġustifikata oġġettivament sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi stabbiliti mil-leġiżlatur għal dak is-settur ekonomiku. Il-fatt li dispożizzjoni bħat-tmien punt tal-Artikolu 19 tal-RTV¸ l-ewwel nett, ma tiġix applikata bħala miżura speċifika limitata fiż-żmien, it-tieni nett, ma timponi l-ebda obbligu vinkolanti fuq impjieg ġdid, it-tielet nett, tawtorizza estensjoni miftiehma fil-kuntratt ta' impjieg itwal mill-età tal-irtirar, u r-raba’ nett, ma tikkunsidrax l-ammont reali tal-pensjoni ta’ rtirar mogħti mill-iskema tal-assigurazzjoni soċjali, ma tirriżultax neċessarjament f’inkompatibbiltà ta’ dan il-limitu tal-età tal-irtirar regolari mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija rregolata mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-Trattat ta’ Liżbona, li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p. 1).
3 – Għal introduzzjoni dwar il-problema inkwistjoni u għall-opinjonijiet kollha, ara O’Cinneide, C., Diskriminierung aus Gründen des Alters und Europäische Rechtsvorschriften, Europäische Gemeinschaften 2005, p. 45-47. Għal opinjonijiet kritici, ara Bredt, S., Compulsory retirement as an instrument to strengthen labour market opportunities for young employment seekers? An annotation to the European Court of Justice’s decision C‑411/05 – Palacios de la Villa, European Journal of Social Security, 2008, p. 190 et seq; Temming, F., The Palacios Case: Turning Point in Age Discrimination Law?, European Law Reporter, 2007, p. 382 et seq.
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79
5 – Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I- 8531).
6 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Kawża C-388/07, Age Concern England (Ġabra p. I-1569).
7 – Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Kawża C-341/08, Petersen (Ġabra p. I-47).
8 – F’dawn il-konklużjonijiet qed tintuża l-espressjoni ‘leġiżlazzjoni Komunitarja’ safejn, ratione temporis, għadha applikabbli l-leġiżlazzjoni Komunitarja u mhux il- leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
9 – BGBI. 1989 I p. 2261.
10– _ BGBI. 1994 I p. 1797.
11– _ BGB1. 2007 I p. 554.
12– _ BGB1. 2006 I p. 1897
13– _ BGBI. 2007 I p. 2742
14 – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
15 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta Marzu 1963, Kawżi magħquda 28/62 sa 30/62, Da Costa et (Ġabra. p. 59) u tat-3 ta’ Marzu 1994, Kawżi magħquda C-332/92 u C-335/92, Eurico Italia et (Ġabra. p. I-711, punt 15). Madankollu, f’każ bħal dan, tista’ tinqala’ l-problema dwar jekk jonqosx l-obbligu ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li tirreferi domandi skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 234 KE, u dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħtix risposta għad-domanda mressqa permezz ta’ digriet.
16 – Ara s-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punti 42-47).
17 – Sentenzi Palacios de la Villam iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punt 51) ; Age Concern England, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punti 33 et seq) u Petersen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 (punti 34 et seq).
18 – Ir-raġuni tistà tkun il-fatt li l-qorti tar-rinviju, fin-nota 1 tad-deċiżjoni tagħha, tinterpreta l-kunċett ta’ ‘‘regola dwar l-età’’ b’mod ġenerali bħala regola li tagħmel differenza abbażi tal-kriterju tal-età . Għall-kuntrarju, it-terminu li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih fil-paġni 30-31 tad-deċiżjoni tagħha, jidher li hu applikat biss għar-regoli relatati mas-sensji.
19 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra (C‑330/07, Ġabra p. I-9099, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner (C-71/02, Ġabra p. I‑3025, punt 21), u tal-1 ta’ April 2004, Bellio Fratelli (C-286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 28).
21 – Ara paġni 14-19 tad-digriet tar-rinviju.
22 – Sentenzi Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punt 57); Age Concern England, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 45), u Petersen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 punt 40).
23 – Miniex se nidħol fid-dettall hawnhekk iżda nkompli fil-punti 101-107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
24 – Ara Wiedemann, H., Thüsing, G., Der Schutz älterer Arbeitnehmer und die Umsetzung der Richtlinie 2000/78/EG, f’Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht, 2002, p. 1234 et seq, 1238; Bros, C., f’Däubler, W., Bertzbach, M., Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz, Nomos, 2007, § 10, punt 6.
25 – F’din l-ipoteżi, kif ċertament anki f’dan il-każ, diġà tista’ tkun meqjusa awtorizzazzjoni speċifika tal-Istati Membri. Il-kwistjoni għalhekk hija dwar jekk l-Istat Membru implementax diġà l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Ara dwar din il-kwistjoni l-punti 109 u s-segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.
26 – Sentenzi Palacios de la Villa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punt 68), u Age Concern England, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 51).
27 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I-365, punti 37-43). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età. Madanakollu, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda taċċetta l-idea li dan il-prinċipju ta’ dritt fundamentali jista’ jiġi speċifikat f’att ta’ liġi sekondarja bħad-Direttiva 2000/78, b’mod li jkun applikat anki fil-każ li d-Direttiva ma tistax tirregola r-relazzjonijiet bejn individwi privati. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tal-prinċipju ġenerali, jidher li tapplika prerekwiżiti li jikkorrispondu għal dawk tad-Direttiva 2000/78, b’hekk ikunu jistgħu jaslu għall-konklużjonijiet validi anki għall-interpretazzjoni tad-Direttiva. Jidhirli li huwa neċessarju li jiġi diskuss jekk hijiex sostenibbli l-kostruzzjoni ġuridika, li għaliha jiġi speċifikat prinċipju ġenerali tal-liġi jiġifieri liġi fundamentali permezz ta’ att ta’ liġi sekondarja, b’mod li tinstab applikazzjoni, bħala l-aħħar analiżi, anki bejn individwi privati fil-każ li l-istess att ta’ liġi sekondarja ma jkunx applikabbli direttament. Din id-diskussjoni tista’ tiġi evitata fil-każ tal-kawża prinċipali, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar ma tittrattax l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-liġi.
28 – Bayreuther, F., Altersgrenzen nach der Palacios-Entscheidung des EuGH, Der Betrieb, 2007, paġna 2425 et seq, 2426, jenfasizza li dan l-approċċ jagħti lok għall-kontroll aktar ċar. Anki Koch, E., Neujustierung des Verhältnisses zwischen EuGH und nationalen Arbeitsgerichten – oder ein Ausrutscher, Recht der Arbeit, 2008, paġna 238 et seq, 240, jikkritika l-konfużjoni ta’ għanijiet ta’ ftehim kollettiv u ta’ miżura fuq livell leġiżlattiv.
29 – Id-domanda dwar l-għotja tal-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru tista’ tkun relatata mad-dikjarazzjoni tal-validità erga omnes.
30 – Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
31 – Paġni 21 u 22 tad-digriet tar-rinviju.
32 – Ibidem.
33 – Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 64 et seq), u Petersen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 68).
34 – Ara s-sentenza Age Concern England (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 punt 43).
35 – Ara l-proposta leġiżlattiva tal-Parlament f’p. 25 fir-rapport dwar il-proposta tad-direttiva tal-Kunsill li jistabbilixxi kwadru ġenerali għat-trattament ugwali fil-qasam tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol tal-21 ta’ Settembru 2000 (A5-0264/2000) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
36 – Ibidem.
37 – Ara l-parir tal-kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, ibidem, p. 56
38 – Ara l-punti 19 sa 22 tad-digriet tar-rinviju.
39– Ara sentenzi Palacios de la Villa (iċċata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 68) u Age Concern England (iċċata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 51).
40 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 72).
41 – Sentenza Petersen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 70).
42 – Bredt, S. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 – paġni 195 et seq b’referenzi oħra); Temming, F. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 – paġna 385; Tissandier, H., L’actualité de la jurisprudence communautaire et internationale, Revue de jurisprudence sociale, 2008, paġna 97 et seq, 99; O’Cinneide, C., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.
43 – F’dan is-sens, Koch, E., Neujustierung des Verhältnisses zwischen EuGH und nationalen Arbeitsgerichten – oder ein Ausrutscher, Recht der Arbeit, 2008, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, paġna 240; u Bredt, S., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, paġni 190 et seq, 197 et seq.
44 – Ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
45 – Krebber, S., f’Callies, C., Ruffert, M., EUV/EGV, edizzjoni III, 2007, Art. 128 EG, punt 6, ġustament jenfasizza l-fatt li l-Linji Gwida tal-Impjieg tal-Artikolu 128 KE huma politikament, iżda mhux legalment, vinkolanti, peress li dawn għandhom ikunu analizzati biss mill-Istati Membri. Dan ma jimponi l-ebda obbligu legali rigward penali għan-nuqqas ta’ konsiderazzjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 128(4) KE, ħlief li l-Komunità tkun tista’ tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Mhuwiex loġiku li jkun hemm penali għal omissjoni ibbażat fuq rakkommandazzjoni li mhijiex vinkolanti.
46 – Ara l-punti 51 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
47 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja (235‑84, Ġabra p. 2291, punt 22); tat-8 ta’ Lulju 1999, Fernández de Bobadilla (C‑234/97, Ġabra p. I-4773, punt 19) u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Ruben Andersen (C-306/07, Ġabra p. I-10279, punt 26).
48 – Ara sentenza Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 70, 74).
49 – Dwar id-dritt fundamentali tal-awtonomija tal-ftehim kollettiv, ara l-punt 204 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-14 ta’ April 2010 fil-Kawża C-271/08, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), kif ukoll it-test tal-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea, il-punt 12 tal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u l-Artikolu 28 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali.
50 – Ara Bauer, J., Göpfert, B., Krieger, S., Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz, 2008, «§ 10», punt 25, li josservaw li, anki meta japplika l-eżempju, għandu jkun hemm test tal-proporzjonalità fil-każ individuali. Roloff, f’Beck’scher Online-Kommentar Arbeitsrecht, 1 ta’ Diċembru 2009, § 10, punt 11 jindika li permezz tal-attwazzjoni ta’ eżempju legali, ikun hemm ġustifikazzjoni li ma tkunx vinkolanti. Anke Fuchs, f’Bamberger, Roth, Beck’scher Online-Kommentar BGB, 1 ta’ Novembru 2009, § 10 AGG, punt 2 juri li dejjem, għal kwalunkwe raġuni, ikun hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan leġittimu, kif ukoll l-oġġettività u n-neċessità tar-regola.
51 – Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
52 – Skont Roloff (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 11), dwar l-eżempji legali bħat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG, li jittrattaw sitwazzjonijiet fejn il-leġiżlatur jesponi dak li jaħseb li huwa ammissibli u dak li mhuwiex, u b’hekk jispjega l-għanijiet leġittimi.
53 – Ara s-sentenza Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
54 – Ara l-punt 47 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
55 – Paġni 16 sa 20 tad-digriet tar-rinviju.
56 – Ara l-punti 74 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
57 – Sentenza Age Concern England (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 46).
58 – Anki Roloff (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50), punt 11, jinnota li għanijiet ta’ dan it-tip jikkunsidraw li ma jimpjegawx iktar ħaddiema ta’ ċerta età.
59 – Sentenza Age Concern England (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 46).
60 – Ara l-informazzjoni dwar il-ftehim kollettiv fid-dokument anness 5 tal-konvenuta.
61 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 68).
62 – Sentenza Age Concern England (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 51), b’riferiment għas-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C-167/97, Ġabra p. I-623, punti 75 u 76).
63 – F’dan is-sens anki Bayreuther, F., (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6), p. 2425.
64 – Ara l-punti 87 sa 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
65 – Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
66 – F’dan is-sens anki Bauer, J.-H., Krieger, S., Das Orakel aus Luxemburg: Altersgrenzen für Arbeitsverhältnisse zulässig – oder doch nicht?, Neue Juristische Wochenschrift, 2007, paġni 3672, 3674.
67 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 2, 11, 13, 15, 21, 72 u 75).
68 – Fis-sentenza Petersen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 75 sa 77), il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat il-koerenza.
69 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 14.
70 – Ara fil-verżjoni Franċiża “objectivement et raisonnablement justifiées”, dik Inġliża “objectively and reasonably justified”, bl-Olandiż “objectief en redelijk worden gerechtvaardigd“, bl-Ispanjol “justificadas objetiva y razonablemente”, bit-Taljan “oggettivamente e ragionevolmente giustificate”, bis-Sloven “objektivno in razumno utemeljujejo”.
71 – Sentenza Age Concern England, iċċitata fin-nota ta' qiegħ il-paġna 6, punt 46.
72 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 73).
73 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
Full & Egal Universal Law Academy