KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)
Kawżi magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P
Comitato “Venezia vuole vivere”
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Hotel Cipriani Srl
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Società Italiana per il gas SpA (Italgas)
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Artikolu 87 KE – Skema ta’ għajnuna multisettorjali – Tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur l-impriżi stabbilti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija –Ammissibbiltà – Lis alibi pendens – Locus standi – Interess individwali –Organizzazzjoni li tiġbor fiha assoċjazzjonijiet professjonali – Interess ġuridiku – Artikolu 87(1) KE – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Miżura li tikkumpensa żvantaġġi strutturali – Effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni – Portata tal-verifika fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali – Obbligi proċedurali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kompatibbiltà mas-suq komuni – Artikolu 87(3)(ċ) KE – Artikolu 87(3)(d) KE –Regolament Nru 659/1999 – Artikolu 14 – Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew eżistenti – Artikolu 15 – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità”
Werrej
I – Il-kuntest ġuridiku
II – Il-fatti u l-proċedura amministrattiva
A – Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali
B – Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni
Ċ- Id-deċiżjoni kkontestata
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
A – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
B – Is-sentenza appellata
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – Fuq l-appell inċidentali tal-Kummissjoni
A – Fuq il-lis alibi pendens
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
a) Fuq il-ħtieġa ta’ eżami ta’ ammissibbiltŕ tar-rikors tal-Comitato
b) Fuq it-tmiem tal-lis alibi pendens minħabba r-rinunzja tar-rikors preċedenti
ċ) Fuq l-identità tal-motivi
c) Konklużjoni
B – Fuq l-interess individwali tar-rikorrenti
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
a) Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
b) Fuq l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni
i) Fuq ir-rabta mal-obbligu tar-rimbors
ii) Fuq id-determinabbiltà suffiċjenti
iii) Fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku
iv) Fuq il-konsegwenzi mhux mixtieqa
v) Fuq ir-riżultati kontradittorji
c) Konklużjoni
Ċ- Fuq il-locus standi tal-Comitato
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
D- Fuq l-interess ġuridiku
E- Konklużjoni
VI – Fuq l-appell ta’ Italgas, ta’ Hotel Cipriani u tal-Comitato
A – Fuq in-natura kumpensatorja tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
a) Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna
b) Fuq l-iżball ta’ motivazzjoni
ċ) Fuq il-kriterju tal-operatur privat
d) Konklużjoni
B – Fuq l-eżami tar-rekwiżit ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
a) L-evalwazzjoni tal-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
i) Il-kriterju ta’ verifika u l-oneru tal-prova
– Fuq il-kriterju ta’ verifika
– Fuq l-oneru tal-prova
– Konklużjoni intermedjarja
ii) Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ verifika
– Fuq il-prova ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju
– Fuq il-ħtieġa ta’ analiżi tal-każijiet individwali kollha
– Fuq il-ħtieġa li tiġi analizzata s-sitwazzjoni individwali ta’ Italgas u ta’ Hotel Cipriani
– Fuq il-ħtieġa li jiġu analizzati setturi partikolari ta’ attività ekonomika.
– Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
– Fuq l-iżnaturament tal-provi
iii) Konklużjoni intermedjarja
b) Fuq l-ordni tal-irkupru
i) Fuq l-iżbalji ta’ liġi fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali
– Fuq il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-iżball ta’ liġi ta’ dan l-argument legali
– Konklużjoni intermedjarja
ii) Sostituzzjoni tal-motivazzjoni
– Fuq il-kontenut tal-ordni tal-irkupru
– Fuq il-kompatibbiltà ta’ dan l-approċċ mal-Artikolu 87 KE u mas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna
iii) Konklużjoni intermedjarja
ċ) Konklużjoni
Ċ - Fuq servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali
1. Motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
D - Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
E- Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(d) KE
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
F- Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
Ġ- Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
VII – Sunt
VIII – Konklużjoni
1. Dawn l-appelli saru mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-28 ta’ Novembru 2008, Kawżi magħquda T‑254/00, T‑270/00 e T‑277/00, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”). F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, għalkemm iddikjarathom ammissibbli, ċaħdet bħala infondati r-rikorsi għal annullament ppreżentati b’dawn in-numri tal-kawża kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/KE, tal-25 ta’ Novembru 1999, dwar miżuri ta’ għajnuna favur impriżi stabbiliti fit-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia, previsti mil-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (3) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).
2. Il-partijiet kollha fil-proċedura tal-appell qed jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett kellha tiċħad, bħala inammissibbli, ir-rikorsi fil-Kawżi T-254/00, T-270/00 u T-277/00. Għall-partijiet l-oħrajn, il-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ dawn ir-rikorsi u tannulla s-sentenza appellata.
I – Il-kuntest ġuridiku (4)
3. L-Artikolu 87(1) u (3) KE jipprovdi:
“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.
[…]
3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:
[…]
ċ) għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;
d) għajnuna biex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fil-komunità sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;
[…]”.
4. L-Artikolu 88(2) KE jipprovdi:
“Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.
Jekk l-Istat interessat ma joqgħodx għal din id-deċiżjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat ieħor interessat ikun jista’ jissottometti l-materja direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’deroga għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 226 u 227”.
5. L-Artikoli 13, 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (5) jipprovdu:
“Artikolu 13
Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni
L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.
[…]
Artikolu 14
Rkupru ta’ għajnuna
1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’il quddiem imsejħa “deċiżjoni ta’ rkupru”). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.
[…]
3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 185 tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.
Artikolu 15
Perjodu ta’ limitazzjoni
1. Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin.
2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
3. Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti”.
II – Il-fatti u l-proċedura amministrattiva
A – Id-dispożizzonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali
6. Id-Digriet Ministerjali Taljan tal-5 ta’ Awwissu 1994 iddefinixxa l-kriterji għall-għoti ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 59 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Taljana tas-6 ta’ Marzu 1978, Nru 218 li jistabbilixxi skema speċjali għall-eżenzjoni jew għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn min iħaddem lill-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (iktar ’il quddiem l-“INPS”, Istitut Nazzjonali tas-Servizzi Soċjali), fil-Mezzogiorno, għall-perijodu bejn l-1994 u l-1996. Permezz tal-Artikolu 1 tad-digriet imsemmi ġie introdott tnaqqis ġenerali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn min iħaddem. Fir-rigward tal-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet, ġiet introdotta eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali għall-impjiegi ġodda maħluqa fl-impriżi, għal perijodu ta’ sena mid-data li fiha tiġi impjegata persuna qiegħda.
7. Wara n-notifika ta’ dan id-digriet ministerjali, il-Kummissjoni, b’Deċiżjoni 95/455/KE, tal-1 ta’ Marzu 1995, dwar l-arranġamenti għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsin mill-azjendi fil-Mezzogiorno u biex l-Istat jiġi assenjat uħud minn dawk il-kontribuzzjonijiet (6) iddikjarat il-kompatibbiltà tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mas-suq komuni, bla ħsara għal ċertu numru ta’ kundizzjonijiet.
8. Permezz tal-Liġi Taljana Nru 206/1995, l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mid-digriet ministerjali ġiet estiża għall-1995 u l-1996 għall-impriżi stabbiliti fit-territorju insulari ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Il-Liġi Nru 30/1997 estendiet it-tul ta’ validità sal-1997.
9. Għall-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali kien ta’ ammont ekwivalenti għas-somma medja annwali ta’ EUR 37.7 miljuni (7), li minnu bbenefikaw 1 645 azjenda; it-tnaqqis mogħti skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet kien ta’ EUR 292 831 fis-sena (8), li minnhom ibbenefikaw 165 impriża.
B – Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni
10. Wara li, b’ittra tal-10 ta’ Ġunju 1997, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw lill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 95/455 (9), il-Liġi Nru 30/1997, il-Kummissjoni, b’ittra tal-1 ta’ Lulju 1997, li ġiet segwita minn nota ta’ tfakkira tat-28 ta’ Awwissu 1997, talbet informazzjoni addizzjonali dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali”).
11. L-awtoritajiet Taljani ssospendew l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fl-1 ta’ Diċembru 1997.
12. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Taljana, b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali pprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Frar 1998.
13. B’ittra tas-17 ta’ Marzu 1998, il-Comitato “Venezia vuole vivere” (iktar ’il quddiem “il-Comitato”), ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u bagħat rapport, flimkien ma’ studju mwettaq mill-Consorzio per la ricerca e la formazione (iktar ’il quddiem “COSES”, Konsorzju għar-riċerka u taħriġ) dwar id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-impriżi li joperaw fit-territorju tal-laguna, meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fuq l-art.
14. Fit-18 ta’ Mejju 1998, il-Muniċipalità ta’ Venezia ppreżentat ukoll xi osservazzjonijiet, flimkien ma’ studju inizjali li sar minn COSES dwar l-istess suġġett, fi Frar 1998. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Muniċipalità ta’ Venezia enfasizzat li, fost il-benefiċjarji tal-għajnuna, kien hemm impriżi muniċipali, inkarigati mill-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u hija invokat favurihom l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. Dawn l-osservazzjonijiet kollha ntbagħtu lir-Repubblika Taljana.
15. L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’ittra tat-23 ta’ Jannar 1999. F’din l-ittra sostnew li l-impriżi li joperaw fis-setturi tal-kummerċ, tal-bini, tal-lukandi u tas-servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku ma kinux jidhru li huma f’kundizzjoni li jipparteċipaw fil-kummerċ. B’ittra tal-10 ta’ Ġunju 1999, huma informaw lill-Kummissjoni li kienu jsostnu l-osservazzjonijiet mibgħuta mill-Muniċipalità ta’ Venezia.
16. B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana tipprovdilha d-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippreċiża r-rwol tal-impriżi muniċipali u tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni mas-suq komuni. L-awtoritajiet Taljani wieġbu b’ittra tas-27 ta’ Lulju 1999.
17. Fit-12 ta’ Ottubru 1999, saret laqgħa fi Brussell bejn l-awtoritajiet Taljani u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.
C – Ċ- Id-deċiżjoni kkontestata
18. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-għajnuna li tat l-Italja favur impriżi fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, skont il-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq il-bażi tal-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li għamlu riferiment għall-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, hija kompatibbli mas-suq komuni meta ngħataw lill-impriżi li ġejjin:
a) SMEs skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-għajnuna mill-Istat lill-impriżi żgħar u medji;
b) impriżi li ma jikkorrispondux ma’ din id-definizzjoni u li jinsabu f’żona li tista’ tibbenefika mid-deroga skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE;
ċ) kwalunkwe impriża oħra li timpjega kategoriji ta’ ħaddiema li jsibu diffikultajiet partikolari ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol skont il-linji gwida Komunitarji dwar l-impjiegi.
19. Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li madankollu l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni meta tingħata lil impriżi li ma humiex SMEs u li jinsabu barra ż-żoni li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE.
20. Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-għajnuna li l-Italja tat fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bis-saħħa tal-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, hija inkompatibbli mas-suq komuni.
21. Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna li l-Italja tat favur l-impriżi ASPIV u Consorzio Venezia Nuova huma kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa tad-deroga fl-Artikolu 86(2) KE, u rispettivament, tad-deroga fl-Artikolu 87(3)(d) KE.
22. Skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri li wettqet l-Italja favur l-impriżi ACTV, Panfido SpA u AMAV ma jikkostitwixxux għajnuna skont l-Artikolu 87 KE.
23. Skont l-Artikolu 5(1) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Italja għandha tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2 li diġà tqiegħdet illegalment għad-dispożizzjoni tagħhom. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-irkupru għandu jsir skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
A – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
24. Kontra d-deċiżjoni kkontestata ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, flimkien mar-rikorsi tal-appell, 56 rikors ieħor, fit-termini previsti.
25. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tivverifika jekk l-awtoritajiet Taljani ħassewhomx obbligati, fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirkupraw fil-konfront tar-rikorrenti individwali t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-każijiet fejn l-awtoritajiet Taljani rrispondew fin-negattiv, il-Qorti Ġenerali, b’digrieti tal-10 ta’ Marzu 2005, iddikjarat bħala inammissibbli r-rikorsi għal nuqqas ta’ interess ġuridiku (10). Fosthom kien hemm ukoll ir-rikors ta’ korikorrenti tal-Comitato fil-Kawża T-274/00, Verde Sport. Wara li seħħ dan, il-Comitato irtira r-rikors tiegħu fil-kawża T‑274/00 (11).
26. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, bil-kunsens tar-rikorrenti u tal-partijiet l-oħra, indikat il-Kawżi T‑221/00, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00 bħala kawżi pilota (12). Sa fejn ir-rikorsi l-oħra ma ġewx iddikjarati bħala inammissibbli, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċeduri relattivi.
B – Is-sentenza appellata
27. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00. F’dan il-kuntest, hija ċaħdet, b’mod partikolari, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li qajmet il-Kummissjoni u li kienu bbażati fuq il-lis alibi pendens tar-rikorsi ppreżentati mill-Comitato kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bħala infondati. F’dan ir-rigward, hija ċaħdet li kien hemm, min-naħa tal-Kummissjoni, ksur tal-Artikoli 87(1) KE, 86(2) KE, 87(3)(b)(ċ)(d) u (e) KE, kif ukoll tal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Nru 659/1999 tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. B’att tal-11 ta’ Frar 2009, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2009, il-Comitato ppreżenta appell mis-sentenza appellata. Il-Comitato jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tilqa’ l-appell;
– konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata; sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni sa fejn jimponi obbligu li jiġi rkuprat l-ammont tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni u sa fejn jistenna li ma’ dan l-ammont jiżdiedu l-interessi li daħlu fis-seħħ mid-data meta dawn is-somom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji u sakemm jiġu effettivament irkuprati;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu maż-żewġ istanzi tal-kawża.
29. Dan ir-rikors ingħata n-numru tal-Kawża C‑71/09 P.
30. B’att tal-10 ta’ Frar 2009, li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2009, Hotel Cipriani appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tilqa’ t-talbiet magħmulin fl-ewwel istanza u, b’mod partikolari;
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament tannulla l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti fejn l-ordni tal-irkupru previst f’dik id-dispożizzjoni tinkludi wkoll l-għajnuna permessa fuq il-bażi tal-prinċipju de minimis, u/jew tannulla l-Artikolu 5 fil-parti fejn teħtieġ il-ħlas ta’ rata ta’ interessi ogħla minn dik imħallsa mill-impriża għad-djun tagħha stess.
31. Dan ir-rikors ingħata n-numru tal-Kawża C-73/09 P.
32. B’att tas-16 ta’ Frar 2009, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2009, is-Società Italiana per il gas SpA (iktar ’il quddiem “Italgas”) ippreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jiddikjaraw bħala inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali magħmula mill-Italja, kif ukoll l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża.
33. Dan ir-rikors ingħata n-numru tal-Kawża C‑76/09 P.
34. Anki Coopservice, korikorrenti tal-Comitato fil-Kawża T-277/00, ippreżentat ukoll appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan ir-rikors inċaħad peress li ma ġiex ippreżentat fit-terminu previst. Għalhekk, Coopservice b’att tal-1 ta’ Lulju 2009, li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2009, ippreżentat osservazzjonijiet fuq l-appelli tal-Comitato, ta’ Hotel Cipriani u ta’ Italgas.
35. Ir-Repubblika Taljana, b’att tas-16 ta’ Lulju 2009, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2009, ippreżentat osservazzjonijiet dwar l-appelli tal-Comitato, ta’ Hotel Cipriani u ta’ Italgas. F’dawn l-osservazzjonijiet hija tissuġġerixxi li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti u li tiġi annullata s-sentenza appellata kif ukoll, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata.
36. B’att tal-10 ta’ Lulju 2009, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni rrispondiet għall-appelli fil-Kawżi C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P u ppreżentat appell inċidentali. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara li r-rikorsi huma ammissibbli;
– tilqa’ t-talbiet prinċipali tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali;
– sussidjarjament, tiċħad l-appelli filwaqt li eventwalment tissostitwixxi l-motivazzjoni tas-sentenza appellata;
– fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż għaż-żewġ istanzi tal-kawża.
37. Il-Comitato rreaġixxa għall-appell inċidentali tal-Kummissjoni b’att tat-28 ta’ Settembru 2009, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2009. Dan jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell inċidentali tal-Kummissjoni.
38. Italgas irreaġixxiet għall-appell inċidentali tal-Kummissjoni b’att tad-9 ta’ Ottubru 2009, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2009. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad, permezz ta’ digriet, l-appell inċidentali propost mill-Kummissjoni bħala manifestament infondat;
– sussidjarjament, tiddikjara l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni bħala parzjalment ineffettiv u fir-rigward tal-kumplament bħala infondat, jew inkella bħala infondat fl-intier tiegħu;
– fi kwalunkwe każ li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż addizzjonali li joriġinaw mill-appell inċidentali.
39. B’digriet tat-8 ta’ April 2009, il-Kawżi C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
40. Fis-16 ta’ Settembru 2010, inżammet seduta fejn ir-rappreżentanti tal-Comitato, ta’ Hotel Cipriani u ta’ Coopservice u ta’ Italgas, tar-Repubblika Taljana u tal-Kummissjoni pparteċipaw, lestew l-osservazzjonijiet tagħhom u rrispondew xi mistoqsijiet.
V – Fuq l-appell inċidentali tal-Kummissjoni
41. Bl-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tikkritika d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ddikjarat bħala ammissibbli r-rikorsi fil-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilmenta l-ewwel nett li ċ-ċaħda, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-eċċezzjonijiet tal-inammissibbiltà li hija qajmet u li bbażat fuq il-lis alibi pendens tagħha (A), fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti kollha (B) u fuq in-nuqqas ta’ locus standi tal-Comitato (Ċ), hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Hija tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx biżżejjed l-interess ġuridiku tar-rikorrenti jew li kienet assumiet li dan kien jeżisti (D).
A – Fuq il-lis alibi pendens
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
42. Bl-ewwel aggravju tal-appell, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni li kellha bħala għan l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni fil-Kawża T-277/00 minħabba l-lis alibi pendens tar-rikorsi ppreżentati minnu fil-Kawżi T‑231/00 u T‑274/00. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett sostniet li, fir-rigward tar-rikors fil-Kawża T‑274/00 ma hemmx lis alibi pendens, billi l-Comitato rrinunzja l-atti f’dik il-kawża (13). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato fil-Kawża T-277/00, billi dan tal-aħħar kien ippreżenta r-rikors imsemmi flimkien ma’ Coopservice. Billi r-rikors ta’ Coopservice kien ammissibbli, hija kellha teżamina l-aggravji fil-mertu (14). Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rikors preċedenti tal-Comitato fil-Kawża T-231/00, ma hemmx lis alibi pendens, billi r-rikors fil-Kawża T‑231/00 u r-rikors fil-Kawża T-277/00 ma kinux ibbażati fuq l-istess motivi. Fil-fatt il-Comitato invoka sensiela ta’ motivi fil-Kawża T-277/00 biss, imma mhux fil-Kawża T-231/00 (15).
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
43. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rinunzja għall-atti fl-ewwel kawża ma tfissirx li ma jkunx hemm il-lis alibi pendens. L-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni li eżistiet fil-mument li ġie ppreżentat. Barra minn hekk, imur kontra l-prinċipju proċedurali tal-ekonomija tal-ġudizzju li rikorrent jippreżenta pluralità ta’ riżorsi identiċi u jagħżel wieħed minnhom.
44. Fit-tieni lok, hija biss l-identità tal-partijiet u tat-talbiet li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm il-lis alibi pendens. L-identità tal-motivi ma hijiex rilevanti. F’dan is-sens ukoll huwa l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (16). Anki jekk l-identità tal-motivi tiġi kkunsidrata bħala rekwiżit meħtieġ għal lis alibi pendens, ir-rikors tal-Comitato fil-Kawża T-277/00 kellu jinċaħad bħala inammissibbli, għaliex il-Comitato diġà bbaża ruħu fuq motivi identiċi fil-kawża T‑231/00.
45. Skont il-Comitato, dan l-aggravju huwa inammissibbli. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq eċċezzjonijiet li hija ma qajmitx fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Kontrih hemm ukoll ir-res judicata mid-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005 (17), fejn il-Qorti Ġenerali ma qajmitx l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato fil-Kawża T-277/00.
46. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa wkoll infondat. Il-Qorti Ġenerali sostniet ġustament li, fir-rigward tar-rikors preċedenti tiegħu fil-Kawża T-274/00, ma kienx hemm lis alibi pendens peress li kienu ġew irrinunzjati l-atti f’dik il-kawża, u li r-rikorsi tiegħu fil-Kawżi T‑231/00 u T‑277/00 ma ġewx ibbażati fuq motivi identiċi.
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
47. L-aggravju huwa ammissibbli. L-ewwel nett, dan ma huwiex aggravju ġdid inammissibbli. Fil-fatt, fil-proċedura tal-appell, jista’ jitqajjem żball ta’ liġi li jirriżulta direttament mis-sentenza appellata. Dan huwa l-każ tal-iżball ta’ liġi invokat, peress li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika ex officio l-ammissibbiltà ta’ rikors u konsegwentement, l-eżistenza ta’ lis alibi pendens (18). Fit-tieni lok, kontra l-ilment ma hemmx xkiel lanqas tar-res judicata tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005 (19). F’dawn id-digrieti l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T-277/00.
48. L-aggravju huwa parzjalment fondat.
a) Fuq il-ħtieġa ta’ eżami ta’ ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato
49. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato ma għandhiex tiġi vverifikata minħabba l-ammissibbiltà tar-rikors tal-korikorrenti Coopservice, ma jikkonvinċinix. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għamlet hekk f’każ analogu (20). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata, fil-fehma tiegħi, f’rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. L-ewwel nett, jidhirli li hija maħsuba għal qorti tal-aħħar istanza. Madankollu, peress li sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors jista’ jkollha effetti fil-proċedura sussegwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kieku r-rikors tal-Comitato nċaħad bħala inammissibbli, l-appell tiegħu kien ikollu suġġett differenti. Barra minn hekk, ma kienx ikun hemm appell inċidentali tal-Kummissjoni fuq is-sentenza mogħtija fil-konfront tal-Comitato. L-effetti fuq l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma evidenti partikolarment fil-każ preżenti. Fil-fatt f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab biss tiddeċiedi dwar l-appell tal-Comitato, u mhux fuq dak ta’ Coopservice, il-korikorrenti tiegħu. Fit-tieni lok, il-modus operandi ma jidhirlix li huwa kompatibbli mal-qsim tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-eċċezzjoni tal-lis alibi pendens, peress li hemm inkwistjoni kundizzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha tiġi vverifikata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja (21). Kif juri dan il-każ, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri li ma hijiex obbligata teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato, ifisser, bħal f’każ bħal dan preżenti, li l-ammissibbiltà ta’ dak ir-rikors tiġi eżaminata għall-ewwel darba fil-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tielet lok, niddubita li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi ġġustifikat f’kull każ mill-aspett tal-ekonomija tal-ġudizzju. L-ewwel verifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ toħloq problemi, partikolarment meta l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors, ikollha tagħmel hija stess evalwazzjoni tal-fatti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata li tagħmel dan, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, skont l-Artikolu 61(1) tal-Istatut tagħha, meta tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża. Madankollu dan huwa possibbli biss jekk il-kawża hija fl-istadju li tiġi deċiża. Jekk il-kawża għadha ma hijiex fl-istadju li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 61(1) tal-Istatut tagħha, għandha tibgħatha lill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-vantaġġ, li mill-aspett tal-ekonomija tal-ġudizzju, għandu jiġġustifika n-nuqqas tal-verifika tal-ammissibbiltà min-naħa tal-Qorti Ġenerali, jirriskja li jispiċċa, f’ċerti każijiet, f’dewmien fil-proċeduri. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, u minkejja l-ġurisprudenza elaborata sa issa, nikkunsidra li huwa inammissibbli anki fil-kawża prinċipali l-approċċ li l-Qorti Ġenerali, bħal f’dan il-każ, ma hijiex obbligata tivverifika l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato (22). Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-kwistjoni tat-twettiq ta’ żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali tista’ tibqa’ miftuħa peress li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta għandha teżamina ex officio l-eċċezzjoni tal-lis alibi pendens.
b) Fuq it-tmiem tal-lis alibi pendens minħabba r-rinunzja tar-rikors preċedenti
50. Madankollu, kuntrarjament għal dak li qalet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali sostniet korrettement li r-rikors tal-Comitato fil-Kawża T‑277/00 ma kienx inammissibbli minħabba l-lis alibi pendens preċedenti tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑274/00. Fil-fatt, il-Comitato rrinunzja għar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑274/00. Huwa minnu li l-Kummissjoni osservat ġustament li l-kundizzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għandhom ikunu sodisfatti, fil-prinċipju, fil-mument li jiġi ppreżentat (23). Madankollu, l-inammissibbiltà minħabba l-lis alibi pendens tista’ tintemm jekk ir-rikors preċedenti jkun ġie ddikjarat inammissibbli (24). Fil-fehma tiegħi, din il-kunsiderazzjoni għandha tapplika wkoll fil-każ ta’ rinunzja tar-rikors preċedenti. L-inammissibbiltà minħabba l-lis alibi pendens hi maħsuba li jiġi evitat li rikorsi identiċi jiġu eżaminati darbtejn. B’dan il-mod li jiġi evitat, inter alia, li jiġu adottati deċiżjonijiet kontradittorji. Barra minn hekk, ladarba r-rikors ippreżentat l-ewwel jiġi ddikjarat inammissibbli jew ikun ġie rtirat, dan ir-riskju ma jeżistix iktar.
c) ċ) Fuq l-identità tal-motivi
51. Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara bħala inammissibbli r-rikors tal-Comitato fil-Kawża T-277/00, minħabba lis alibi pendens preċedenti tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑231/00, dan l-ilment huwa parzjalment fondat.
52. Huwa minnu li l-ilment tal-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-identità tal-motivi ta’ rikors tikkostitwixxi kundizzjoni għall-inammissibbiltà minħabba l-lis alibi pendens, huwa infondat. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun hemm b’mod partikolari ipoteżi ta’ inammissibbiltà minħabba l-lis alibi pendens biss jekk ir-rikors preċedenti jkun bejn l-istess partijiet, fih l-istess talbiet u huwa bbażat fuq l-istess motivi (25). Kuntrarjament għal dak li tgħid il-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza lanqas ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet semmiet biss ad abundantiam ir-rekwiżit tal-identità tal-motivi (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Franza vs Il-Parlament, ittrattat b’mod estiż il-kwistjoni tal-identità tal-motivi f’żewġ rikorsi differenti (27), u dan maħsub li jiċħad l-ipoteżi li l-identità msemmija hija irrilevanti. Barra minn hekk, fis-sentenza Diezler et, il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat l-inammissibbiltà ta’ rikors minħabba l-lis alibi pendens billi kkonstatat li r-rikorsi għandhom l-istess suġġett, kif ukoll li l-motivi invokati kienu essenzjalment identiċi (28). Fil-fehma tiegħi, mis-sentenzi Bode (29) u Perinciolo (30) lanqas ma jistax jiġi dedott li jeżisti l-lis alibi pendens meta diġà hemm identità ta’ partijiet u talbiet. Fil-fatt, fil-bażi ta’ dawk is-sentenzi kien hemm ċirkustanzi speċjali fejn ir-rikorrenti, għall-ewwel, kienu ppreżentaw rikors kontra l-ewwel deċiżjoni u wara, kontra t-tieni deċiżjoni li kkonfermat l-ewwel waħda mil-lat sostanzjali. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inammissibbli r-rikors kontra t-tieni deċiżjoni peress li r-rikorrenti sempliċement “irrepeta” il-konklużjonijiet tiegħu (31), ma jistax jiġi dedott awtomatikament li l-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ identità tal-partijiet u tat-talbiet, telqet mill-premessa ta’ inammissibbiltà minħabba l-lis alibi pendens. Pjuttost, kif jidher mill-argumenti dedotti mill-partijiet fiż-żewġ kawżi, f’dawn tal-aħħar ir-rikorsi kienu bbażati fuq motivi identiċi.
53. Madankollu, il-Kummissjoni ġustament ilmentat dwar in-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-identità parzjali tal-motivi fil-Kawżi T-231/00 u T‑277/00. Il-Qorti Ġenerali osservat li l-Comitato qajjem uħud mill-motivi tiegħu fir-rikors sussegwenti tiegħu biss fil-Kawża T‑277/00, imma mhux fir-rikors preċedenti fil-Kawża T‑231/00. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tasal għall-konklużjoni li r-rikors sussegwenti tal-Comitato fil-Kawża T‑277/00 kien għal dak il-motiv ammissibbli fl-intier tiegħu. Li jiġu eżaminati darbtejn motivi identiċi jista’ fil-fatt iwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet konfliġġenti. Dan ma jistax jiġi evitat lanqas meta, wara li ngħatat is-sentenza fl-Kawża T-277/00, ma jiġux ivverifikati l-motivi identiċi magħmulin fil-Kawża T-231/00. Skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikors sussegwenti li jsir inammissibbli u mhux dak preċedenti. Dan il-mod ta’ kif tipproċedi l-Qorti Ġenerali lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat billi jingħad li l-Qorti Ġenerali indikat bħala kawża pilota l-Kawża T-277/00 bil-kunsens tal-partijiet kollha tal-proċedura. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi vverifikata ex officio (32) b’mod li minn dan il-lat ma hemmx lok għal kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju.
d) Konklużjoni
54. Peress li ma vverifikatx b’liema mod ir-rikors tal-Comitato fil-kawża preċedenti T-231/00, u fil-kawża sussegwenti T-277/00, kienu bbażati fuq motivi sostanzjalment identiċi, u billi ma ddikjaratx bħala inammissibbli r-rikors tal-Comitato fil-Kawża T-277/00, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat. Il-kumplament għandu jinċaħad.
B – Fuq l-interess individwali tar-rikorrenti
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
55. Bit-tieni aggravju tal-appell, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq il-punti 69 sa 112 tas-sentenza appellata li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna individwalment lir-rikorrenti fil-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00.
56. F’dik l-istanza, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna illegali hija ta’ portata ġenerali, sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u tinvolvi effetti legali fir-rigward tal-benefiċjarji tal-imsemmija skema, maħsuba b’mod ġenerali jew astratt (33). Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali jistgħu jkunu jikkonċernaw b’mod individwali lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, meta dawn jintlaqgħu minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minn sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (34).
57. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-approċċ li sostniet il-Kummissjoni li l-benefiċjarji effettivi ta’ skema ta’ għajnuna huma kkonċernati individwalment biss jekk dik l-iskema titwettaq b’deċiżjonijiet individwali (35). Approċċ bħal dan la huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza (36) u lanqas mal-iskema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (37). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li, fil-kamp tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti jivverifikaw f’kull każ speċifiku jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet li hemm kompetenza bħal din (38).
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
58. Skont il-Kummissjoni, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali. Fil-każ ta’ deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna multisettorjali illegali, il-Kummissjoni ma tkunx obbigata tieħu inkunsiderazzjoni każijiet individwali speċifiċi. Għal din ir-raġuni, hija lanqas biss stabbilixxiet jekk, fil-każ tar-rikorrenti, kienx hemm għajnuna. Dan jiġi ċċarat biss fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax individwalment lir-rikorrenti. L-ordni tal-irkupru fformulata fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata ma tibdilx dan l-istat ta’ fatt.
59. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali, meta rabtet l-interess individwali tar-rikorrenti mal-obbligu tagħhom li jagħmlu rimbors tal-għajnuna, għamlet żball ta’ liġi. Il-locus standi għandu jiġi evalwat fil-mument meta jiġi ppreżentat ir-rikors. Madankollu, f’dik id-data l-obbligu tar-rikorrenti li jagħmlu rimbors ma kienx għadu ċert. Huwa biss fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet li għamlu l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li rriżultat l-identità tal-benefiċjarji obbligati jagħmlu rimbors. Dan huwa wkoll sostnut bil-fatt li impriża ma għandhiex interess ġuridiku fir-rigward ta’ rikors meta jkun evidenti li ma tkunx obbligata tħallas lura l-għajnuna.
60. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat ukoll li l-grupp tal-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata huwa identifikabbli. Dan ikun identifikabbli biss jekk ikun possibbli li jiġu ddeterminati, b’mod ftit jew wisq preċiż, in-numru jew l-identità tal-persuni. Is-sempliċi fatt li jistgħu jiġu aċċertati ma jkunx biżżejjed. Il-Kummissjoni trid tkun tal-inqas f’pożizzjoni li tiddetermina l-persuni obbligati jagħmlu rimbors, li ma seħħx f’dan il-każ. Fil-fatt, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni u meta ġie ppreżentat ir-rikors, hija ma kellhiex l-informazzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward.
61. Il-Kummissjoni tilmenta wkoll dwar l-iżbalji ta’ dritt fil-parti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali osservat li l-approċċ tal-Kummissjoni ma kienx kompatibbli mal-iskema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-parti fejn hija esponiet il-motivi għaliex l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni tal-ordni tal-irkupru, ma humiex kompetenti jivverifikaw f’kull każ speċifiku l-eżistenza ta’ għajnuna.
62. Skont Italgas, it-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni għandu jinċaħad. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma rabtitx l-interess individwali tar-rikorrenti mal-obbligu tagħhom li jagħmlu rimbors, iżda mal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata laqtet direttament il-pożizzjoni legali tagħhom. Barra minn hekk, tkun rilevanti biss id-determinabbiltà tal-grupp ta’ persuni, u mhux il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddetermina l-grupp ta’ persuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħallat il-locus standi mal-interess ġuridiku. L-approċċ tal-Kummissjoni jfisser ukoll li l-aċċess tar-rikorrenti għall-qrati tal-Unjoni jiddependi mill-Kummissjoni. Skont l-approċċ tagħha, hija tista’ teskludi l-locus standi ta’ individwu billi żżomm id-deċiżjoni tagħha f’livell astratt. Barra minn hekk, ma hemmx soluzzjonijiet legali effettivi fir-rigward tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
63. L-ilmenti tal-Kummissjoni dwar l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex kompatibbli mal-iskema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, fil-fehma ta’ Italgas, ma humiex effettivi billi dan ma jikkostitwixxix element ewlieni tal-motivazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-ilmenti dwar l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex kompetenti jivverifikaw f’kull każ speċifiku l-eżistenza ta’ għajnuna. Barra minn hekk, l-ilmenti kontra dawn l-affermazzjonijiet huma infondati.
64. Anki skont il-Comitato, it-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jinċaħad (39). B’mod differenti mill-benefiċjarji potenzjali, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix, għall-benefiċjarji effettivi, att ta’ portata ġenerali, billi tolqot id-drittijiet ta’ numru determinabbli ta’ impriżi. Il-benefiċjarji effettivi jiġu ddeterminati bħala destinatarji tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħhom tista’ titqabbel ma’ dik ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna individwali.
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
65. Billi l-Qorti Ġenerali bbażat primarjament il-motivazzjoni tagħha fuq analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (40) ser neżamina l-ewwel nett l-ilmenti tal-Kummissjoni magħmula fil-konfront ta’ dik il-parti tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.
66. Dawn l-ilmenti huma infondati. Il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod korrett li benefiċjarji effettivi tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu kkunsidrati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata (a). L-oġġezzjonijiet li qajmet il-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza għandhom jinċaħdu (b).
a) Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
67. Kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali (41), il-persuni li ma jkunux destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu individwalment ikkonċernati minnha biss jekk dik id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju (l-hekk imsejħa formula Plaumann) (42).
68. Jekk il-Kummissjoni, f’deċiżjoni, tikklassifika skema nazzjonali multisettorjali bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, il-persuni li jkunu potenzjalment benefiċjarji biss ta’ dik l-iskema huma dawk li, skont il-formula Plaumann, ma humiex individwament ikkonċernati minn deċiżjoni bħal din. Il-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali huma kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt (43).
69. Madankollu, jekk f’deċiżjoni bħal dik il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-għajnuna mħallsa fuq il-bażi tal-iskema nazzjonali għandha tiġi rkuprata mill-Istat Membru, il-benefiċjarji effettivi, fuq il-bażi tal-formula Plaumann huma kkonċernati direttament minnha. Kif qalet ġustament il-Qorti Ġenerali (44), il-benefiċjarji effettivi fil-fatt jikkostitwixxu grupp ta’ persuni determinabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, u għaldaqstant huma delimitabbli. Id-deċiżjoni kkontestata tolqothom anki fil-pożizzjoni legali tagħhom. Fil-fatt għandhom jibżgħu li l-awtoritajiet nazzjonali jirkupraw l-għajnuna miksuba fil-qafas ta’ din l-iskema (45).
b) Fuq l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni
70. Ma humiex konvinċenti l-oġġezzjonijiet imqajmin mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ din il-ġurisprudenza, li, speċjalment wara s-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (46) u L-Italja vs Il-Kummissjoni (47) issa tista’ tiġi kkunsidrata bħala stabbilita, jew kontra l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-każ preżenti.
i) Fuq ir-rabta mal-obbligu tar-rimbors
71. Meta l-Kummissjoni toġġezzjona, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali tissuġġetta l-interess individwali tal-benefiċjarji effettivi għall-obbligu tagħhom li jagħmlu rimbors tal-għajnuna, minkejja li dan l-obbligu ma jkunx għadu aċċertat fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni jew tal-preżentata tar-rikors, din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’.
72. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, il-benefiċjarji effettivi ma jkunux ikkonċernati individwalment biss fil-mument li jintalbu mill-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu rimbors. Anzi, l-istess ordni tal-irkupru tal-Kummissjoni tikkonċerna individwalment b’mod dirett lill-persuni kollha li effettivament ibbenefikaw bis-saħħa tal-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sakemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma tkunx aċċertat, fir-rigward tal-każ tagħha jew ta’ ċirkustanzi determinati li tidħol fihom ukoll, li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa kompatibbli mal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, deċiżjoni bħal dik toħloq dannu lill-benefiċjarji effettivi mil-lat tal-pożizzjoni ġuridika tagħhom, u b’mod partikolari irrispettivament mill-interpretazzjoni tagħha.
73. Jekk l-Artikolu 5, flimkien mad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 1(2) u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġi interpretat fis-sens li r-Repubblika Taljana tintalab tirkupra t-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ma ġewx iddikjarati espressament kompatibbli mal-Artikolu 87 KE skont l-Artikolu 1(1) tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4, jew skont il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-ħsara diretta tal-pożizzjoni legali tar-rikorrenti li toħloq id-deċiżjoni kkontestata huwa manifest. F’din l-interpretazzjoni, l-ordni tal-irkupru indirizzata lilhom min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali hija fil-fatt kwistjoni biss ta’ żmien.
74. Iżda l-Kummissjoni tinterpreta l-Artikolu 5, flimkien mal-Artikoli 1(2) u 2 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-irkupru tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jintalab biss sa fejn dan jikkostitwixxi anki f’każ individwali għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Dan jiġi vverifikat mill-awtoritajiet nazzjonali biss fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. Madankollu, id-deċiżjoni appellata, anki skont din l-interpretazzjoni, tikkonċerna individwalment il-benefiċjarji effettivi.
75. L-ewwel nett, l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jintrabtu bl-aċċertamenti tal-Kummissjoni li jinsabu fiha. Anki jekk il-Kummissjoni tenfasizza li ma vverifikatx jekk, f’każ individwali konkret, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni jew jolqtux il-kummerċ intra-Komunitarju, hija, madankollu, fir-rigward ta’ rekwiżiti oħrajn skont l-Artikolu 87(1) KE, tagħmel konstatazzjoni li torbot lill-awtoritajiet nazzjonali anki fil-kuntest ta’ analiżi ta’ każijiet individwali. Għalhekk, fil-punti 52 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkostitwixxu vantaġġi skont l-Artikolu 87(1) KE, anki jekk il-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni li jużahom sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġi kompetittivi. Għalhekk id-deċiżjoni fiha konstatazzjoni tal-Kummissjoni li torbot lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni tal-ordni tal-irkupru. B’dan il-mod, din tolqot il-benefiċjarji effettivi direttament fir-rigward tal-pożizzjoni legali tagħhom.
76. Favur l-assunzjoni ta’ interess individwali f’każ bħal dan hemm ukoll il-prinċipju ta’ ħarsien ġudizzjarju effettiv. Fil-fatt dan tal-aħħar ma jeżistix jekk impriża li tkun trid tipproċedi fil-konfront ta’ konstatazzjoni bħal din li tinsab diġà fid-deċiżjoni kkontestata, tintbagħat għall-ħarsien ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-fatt dawn tal-aħħar, bħala awtoritajiet nazzjonali, jintrabtu ma’ din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor ħlief jissottomettu talba għal deċiżjoni preliminari din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (48).
77. Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, ma jistax jippreġudika lill-benefiċjarji effettivi l-fatt li l-Kummissjoni ma speċifikatx iktar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar ċerti kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE b’mod li għal benefiċjarju individwali ma jkunx ċar jekk fil-konfront tiegħu hijiex ser tinħareġ ordni ta’ rkupru.
78. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata, irrispettivament mill-interpretazzjoni tagħha, tikkonċerna individwalment lill-benefiċjarji effettivi.
ii) Fuq id-determinabbiltà suffiċjenti
79. Għandha tinċaħad ukoll l-oġġezzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li l-individwi li jkunu effettivament ibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma kinux determinabbli biżżejjed. Kuntrarjament għal dak li qalet il-Kummissjoni, ma huwiex rilevanti l-fatt li hija kienet taf jew setgħet tkun taf dawn l-individwi fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni jew tal-preżentata tar-rikors. Skont il-formula Plaumann, hija deċiżiva unikament id-delimitabbiltà tal-grupp tal-benefiċjarji kkonċernati (49). Il-Qorti Ġenerali għalhekk enfasizzat b’mod korrett fil-punti 81 et seq u 84 tas-sentenza appellata, li l-benefiċjarji effettivi kienu jikkostitwixxu grupp ta’ persuni delimitabbli u għalhekk identifikabbli. Dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 91 et seq tas-sentenza appellata, enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni kienet taf in-numru eżatt tal-impriżi benefiċjarji, qegħdin sempliċement fil-preżenza ta’ informazzjoni ad abundantiam, li ma tpoġġix fid-dubju l-motivazzjoni korretta tal-Qorti Ġenerali fil-punti 81 et seq u 84 tas-sentenza appellata.
iii) Fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku
80. Barra minn hekk, lanqas ma jidher li huwa konvinċenti r-riferiment tal-Kummissjoni għall-eventwalità li r-rikors ta’ benefiċjarju effettiv ma jkunx ammissibbli minħabba investigazzjonijiet addizzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ miżura mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’dan il-kuntest jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-locus standi, minn naħa, u l-interess ġuridiku, min-naħa l-oħra.
81. L-interess individwali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni għal-locus standi tagħha skont l-Artikolu 230(4) KE huwa fil-fatt iddeterminat biss mid-deċiżjoni kkontestata. Kif intqal iktar ’il fuq, mill-ordni tal-irkupru li hemm fid-deċiżjoni kkontestata kienu kkonċernati individwalment b’mod dirett il-persuni kollha li effettivament ibbenefikaw minn għajnuna fil-kuntest tal-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ħlief għal dawk il-persuni li dwarhom il-Kummissjoni kienet aċċertat il-kompatibbiltà tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mal-Artikolu 87 KE. Għaldaqstant, fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, u konsegwentement, tal-preżentata tar-rikors, l-identità tal-persuni kkonċernati ingħarfet minnha individwalment .
82. Jekk, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li persuna kkonċernata individwalment minnha ma tintalabx rimbors tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, dan ma jolqotx l-interess individwali tagħha. Kif ġustament sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 88 et seq tas-sentenza appellata, din il-persuna tista’, madankollu, ma jkollhiex interess ġuridiku li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.
iv) Fuq il-konsegwenzi mhux mixtieqa
83. Il-Kummissjoni toġġezzjona wkoll li l-assunzjoni ta’ interess individwali tal-benefiċjarji effettivi twassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Huma jistgħu jipproċedu kontra deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni biss b’rikors skont l-Artikolu 230 KE; ma tkunx iktar possibbli verifika tal-validità ta’ din id-deċiżjoni b’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234(1)(b) KE.
84. Lanqas din l-oġġezzjoni ma hija konvinċenti. Kif semmiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (50) ma jirriżultax li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li għandhom locus standi sabiex jippreżentaw rikors skont l-Artikolu 230(4) KE kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, jistgħu jsostnu l-validità ta’ deċiżjoni bħal din biss b’appell u li dawn ma jistgħux ipoġġu fid-dubju din il-validità billi jitolbu għal deċiżjoni preliminari.
85. Peress li l-Kummissjoni tirriferi għas-sentenza Textilwerke Deggendorf, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, f’din il-kawża, kien hemm ċirkustanzi partikolari favur l-inammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. L-ewwel nett, f’dak il-każ, il-benefiċjarju tal-għajnuna kien issemma espressament fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, mhux b’ismu iżda b’tali mod li ma kienx hemm dubji dwar l-identità tiegħu (51). It-tieni nett, dan infurmawh l-awtoritajiet nazzjonali dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u dwar il-possibbiltà li jagħmel appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (52).
86. Il-każ preżenti huwa differenti. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma ġewx indikati b’isimhom fid-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, fil-mument tal-adozzjoni tagħha ma kienx għadu evidenti mingħand liema benefiċjarji effettivi l-awtoritajiet nazzjonali kienu ser jitolbu l-ħlas lura tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. F’każ bħal dan, benefiċjarju effettiv ma jistax, fil-fehma tiegħi, jinżamm responsabbli għall-fatt li huwa, għalkemm għandu locus standi skont l-Artikolu 230(4) KE ma jippreżentax direttament rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, imma l-ewwel jistenna l-miżuri tal-awtoritajiet nazzjonali.
87. Jidhirli li anki s-sentenza Atzeni (53) għandha wkoll tinftiehem f’dan is-sens. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qegħditx f’dubju l-ġurisprudenza tagħha, stabbilita wara s-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines (54) u L-Italja vs Il-Kummissjoni (55), dwar l-interess individwali tal-benefiċjarji effettivi. Pjuttost, f’dik is-sentenza hija enfasizzat biss li f’każ fejn persuna ma tistax tinżamm responsabbli li ma sfruttatx possibbiltà ċara li tiftaħ kawża kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jistaqsuha dwar il-validità ta’ deċiżjoni bħal dik (56). Għalhekk l-ilment tal-Kummissjoni għandu jinċaħad.
v) Fuq ir-riżultati kontradittorji
88. Fl-aħħar nett ma jikkonvinċinix lanqas l-ilment tal-Kummissjoni li l-ipoteżi ta’ interess individwali tal-benefiċjarji effettivi twassal għal riżultati kontradittorji billi, f’dak il-każ, l-impriżi jgawdu minn trattament iktar favorevoli sempliċement għaliex l-Istat Membru ma jkunx issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ notifika. Huwa veru li l-prinċipju fejn Stat Membru ma għandux jieħu vantaġġ min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu ta’ notifika, jista’, mingħajr dubju, jiġi kkunsidrat fil-kriterju tal-verifika tal-Kummissjoni fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna multisettorjali illegali (57). Madankollu, ma jidhirlix li huwa korrett li dan il-prinċipju japplika mingħajr limitazzjonijiet anki fir-rigward tal-locus standi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u, b’mod partikolari, dwar il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-interess individwali li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma konformi mal-kriterji tal-formula Plaumann.
c) Konklużjoni
89. Bħala konklużjoni, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali adottat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li bħala benefiċjarji effettivi tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00 huma kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata u hija mmotivata b’mod suffiċjenti mir-riferiment tal-Qorti Ġenerali għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
90. Minn dan isegwi li l-ilmenti l-oħra tal-Kummissjoni ma humiex effettivi (58). Fil-fatt, la l-parti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali sostniet il-motivi għaliex l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u lanqas il-parti fejn il-Qorti Ġenerali semmiet għaliex l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma għandux ikollhom il-kompetenza li jivverifikaw, f’kull każ individwali, l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma jeħtieġux sabiex isostnu l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, żball ta’ liġi f’dawk il-partijiet tas-sentenza ma jistax jisfida din il-konstatazzjoni.
91. It-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni għandu għalhekk jinċaħad fl-intier tiegħu.
C – Ċ- Fuq il-locus standi tal-Comitato
1. 1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
92. Bit-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li hemm fil-punti 114 et seq tas-sentenza appellata fejn f’din l-affermazzjoni jingħad li l-Comitato, fil-kwalità tiegħu ta’ korp li jiġbor flimkien assoċjazzjonijiet tal-istess settur, għandu locus standi. F’dik l-istanza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett enfasizzat li ma kellhiex għalfejn teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato fil-Kawża T-277/00 minħabba l-ammissibbiltà tar-rikors tal-korikorrent tiegħu Coopservice. Barra minn hekk, il-Comitato, fil-kwalità tiegħu ta’ korp li jiġbor flimkien assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw impriżi li għandhom il-kwartieri f’Venezia u f’Chioggia, huwa direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Comitato jopera għan-nom u f’isem il-membri tiegħu li r-rikorsi tagħhom ġew iddikjarati ammissibbli.
2. 2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
93. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tinjora l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Comitato. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza dwar il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet professjonali ma hijiex applikabbli għal korp li jiġbor fih assoċjazzjonijiet professjonali. Intqal ukoll li ma kienx hemm provi li l-membri tal-assoċjazzjonijiet professjonali ħatru dawn l-assoċjazzjonijiet bil-ħarsien tal-interessi tagħhom fil-kawżi, u li l-assoċjazzjonijiet professjonali, min-naħa tagħhom, ħatru għal dan il-għan lill-Comitato.
94. Il-Comitato jitlob li jinċaħad dan l-aggravju. Skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tiegħu, il-funzjoni tiegħu hija, b’mod partikolari, fil-konċentrazzjoni tal-miżuri kontra projbizzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Dan ifisser ukoll il-preżentata ta’ rikorsi. Barra minn hekk, dan ikun ipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
3. 3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
95. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, għar-raġunijiet imsemmijin iktar ’il fuq (59), tonqos milli tivverifika l-locus standi tal-Comitato fil-Kawża T‑277/00, anki jekk ir-rikors tal-korikorrenti tiegħu Coopservice f’dik il-kawża kien ammissibbli.
96. Madankollu, l-ilmenti tal-Kummissjoni indirizzati kontra l-konstatazzjoni li għamlet sussidjarjament il-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-Comitato kellu locus standi, ma jistgħux jintlaqgħu.
97. Skont ġurisprudenza stabbilita, assoċjazzjoni professjonali li tiddefendi l-interessi individwali ta’ wħud mill-membri tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tipprova tħares dawk tas-settur kollu, għandha locus standi jekk dawn il-membri jkollhom locus standi (60). Id-dubji tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għal korp li jiġbor fih assoċjazzjonijiet professjonali ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, l-għan ta’ din il-ġurisprudenza huwa l-possibbiltà li r-rikorsi potenzjali tal-impriżi individwali jistgħu jintrabtu f’rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni ta’ settur. Fil-każ ta’ korp li jiġbor assoċjazzjonijiet professjonali, dan il-prinċipju ta’ konċentrazzjoni jieħu importanza ikbar fil-każ ta’ assoċjazzjoni professjonali. Dan ma huwiex prekluż lanqas mill-fatt li fil-Kawża T-277/00 il-Comitato opera bħala korikorrent peress li ma jistax jeskludi li anki l-operat tal-Comitato bħala korikorrenti maħsub għall-ħarsien tal-interessi tas-settur fl-intier tiegħu.
98. L-ilment tal-Kummissjoni sa fejn hija toġġezzjona wkoll li din il-ħatra “f’kaskata” ma ġietx ippruvata biżżejjed huwa ammissibbli. Il-Kummissjoni fil-fatt ma tilmentax dwar evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda, pjuttost, dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex elementi biżżejjed sabiex tkun tista’ tieħu l-ħatra bħal din tal-Comitato. Ilment ta’ dan it-tip huwa ammissibbli fl-appell (61).
99. L-ilment tal-Kummissjoni ma jistax jinċaħad immedjatament billi jiġi enfasizzat li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet biżżejjed, peress li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma hemmx għalfejn tinkludi motivazzjoni dettaljata fir-rigward ta’ kull punt. Dan ifisser fil-fatt li l-Qorti Ġenerali effettivament ivverifikat l-eżistenza ta’ ħatra “f’kaskata” tal-Comitato, billi limitat ruħha li tagħti motivazzjoni konċiża. Madankollu, il-Comitato stess afferma li ma kienx ippreżenta l-istatut ta’ assoċjazzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li jirriżulta minnu din il-ħatra.
100. Il-locus standi tal-Comitato ma jidhirlix, f’dan il-każ, li jista’ jkun ibbażat biss fuq il-fatt li dan jirrappreżenta l-interessi tal-assoċjazzjonijiet professjonali. Anzi, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jidhirli li huwa biżżejjed li l-Comitato jiddefendi tal-inqas l-interessi ta’ wħud mill-impriżi li għandhom locus standi u jipprova fl-istess ħin iħares dawk tas-settur kollu. F’dan il-każ, mill-fatt li l-Comitato kien ippreżenta rikors flimkien mal-impriżi li kellhom locus standi, bħal Coopservice, jista’ jirriżulta li dan opera bil-kunsens ta’ dawn l-impriżi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Comitato pparteċipa b’mod attiv fil-proċeduri ta’ investigazzjoni formali.
101. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li t-tielet aggravju tal-Kummissjoni jinċaħad billi tinbidel parzjalment il-motivazzjoni tas-sentenza appellata.
D – D- Fuq l-interess ġuridiku
102. Bir-raba’ aggravju, il-Kummissjoni toġġezzjona li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx biżżejjed l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Dan l-interess ġuridiku ma kienx jeżisti fil-mument meta ġie ppreżentat dan ir-rikors peress li, meta ġie ppreżentat ir-rikors, ma kinitx ċerta jekk ir-rikorrenti kellhomx l-obbligu jagħmlu rimbors tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Skont Italgas, dan l-ilment għandu jinċaħad. Il-Qorti Ġenerali sostniet ġustament li l-interess ġuridiku jirriżulta direttament mid-deċiżjoni kkontestata.
103. Ir-raba’ aggravju tal-Kummissjoni huwa infondat. Kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 88 et seq tas-sentenza appellata, ir-rikorrenti kellhom interess ġuridiku peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kien itejjeb il-pożizzjoni legali tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata nfisha tippreġudika direttament il-pożizzjoni legali tal-benefiċjarji effettivi tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (62). Għalhekk f’dan il-każ, dan jiġġustifika, mhux biss il-locus standi, imma wkoll l-interess ġuridiku tal-benefiċjarji effettivi. Madankollu, dan l-interess ġuridiku jista’ jispiċċa sussegwentement jekk jiġi stabbilit fi grad suffiċjenti ta’ ċertezza li l-awtoritajiet nazzjonali mhux ser jitolbu lil benefiċjarju effettiv jagħmel rimbors tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (63).
E – E- Konklużjoni
104. L-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat sa fejn il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx b’liema mod il-Comitato sostna l-motivi tar-rikors li hija bbażata fuqhom il-Kawża T‑277/00, anki fil-Kawża preċedenti T‑231/00, u sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx inammissibbli r-rikors tal-Comitato fil-Kawża T‑277/00 minħabba l-lis alibi pendens, fil-parti fejn il-motivi tar-rikors huma identiċi. Dwar il-kumplament, ir-rikors inċidentali tal-Kummissjoni għandu jinċaħad.
VI – Fuq l-appell ta’ Italgas, ta’ Hotel Cipriani u tal-Comitato
105. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati r-rikorsi fil-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00. Hotel Cipriani, Italgas u l-Comitato, li kienu rikorrenti f’dawn il-kawżi essenzjalment isostnu, bl-appelli tagħhom, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta applikat l-Artikoli 87(1) KE, 86(2) KE, 87(3)(ċ) u (d) KE kif ukoll l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Nru 659/1999. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u b’mod żbaljat affermat li l-Kummissjoni kienet immotivat biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata. Iktar ’il quddiem ser neżamina flimkien l-aggravji paralleli ta’ Hotel Cipriani, ta’ Italgas u tal-Comitato (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) (64).
A – Fuq in-natura kumpensatorja tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
106. Qabelxejn, l-appell tal-appellanti maħsub għall-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li n-natura ta’ għajnuna tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma tispiċċax għall-fatt li dan it-tnaqqis kien maħsub sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġi strutturali li huma esposti għalihom l-impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia. Din l-osservazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 179 sa 198 tas-sentenza appellata.
107. F’dik l-istanza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett invokat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-fatt li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni għandhom jiggarantixxu mhux kompetizzjoni perfetta iżda kompetizzjoni effettiva u effiċjenti (65). Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali fil-fatt ammettiet li, f’sitwazzjonijiet partikolari speċifiċi, vantaġġ li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, li hu maħsub li jikkumpensa żvantaġġ, ma jistax jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, tali sitwazzjoni ma teżistix fil-kawża inkwistjoni, fejn it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkumpensaw parzjalment l-iżvantaġġi strutturali tal-impriżi minħabba l-post fejn huma stabbiliti (66).
108. Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-allegat nuqqas ta’ rabta diretta bejn l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-għan li jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali ta’ Venezia u ta’ Chioggia (67). Ir-Repubblika Taljana ma qablitx impriża stabbilita f’Venezia jew f’Chioggia, minn naħa, u impriża ta’ dimensjonijiet medji stabbilita fil-Komunità, min-naħa l-oħra, iżda qablet l-ispejjeż sostnuti minn impriża stabbilita f’Venezia jew f’Chioggia, minn naħa, u l-ispejjeż sostnuti minn impriża li topera fuq l-art min-naħa l-oħra. (68)
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
109. Ir-rikorrenti jikkontestaw l-ewwel nett il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali li n-natura ta’ għajnuna tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma tintilifx minħabba l-fatt li b’dan il-mod kellhom jiġu kkumpensati żvantaġġi strutturali tal-impriżi li jinsabu f’Venezia u f’Chioggia. F’dan il-kuntest, il-Comitato u r-Repubblika Taljana joġġezzjonaw li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidrax biżżejjed in-natura kumpensatorja tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Vantaġġ maħsub biss li jikkumpensa żvantaġġ kompetittiv ma jikkostitwixxix għajnuna. L-iskema nazzjonali serviet biss sabiex iżżomm il-kompetittività tal-impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia. Ikun kontradittorju li tiġi applikata l-projbizzjoni ta’ għajnuna b’tali mod li twassal għat-tneħħija tal-impriżi u tintemm il-kompetizzjoni. Hotel Cipriani u Coopservice jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed l-għan tal-leġiżlatur nazzjonali li ried iħares iċ-ċentru storiku ta’ Venezia u jippromwovi l-impjiegi. Il-leġiżlatur Taljan evalwa mill-aspett kwantitattiv u kwalitattiv il-piżijiet l-iktar tqal li tkun esposta għalihom impriża stabbilita f’Venezia u f’Chioggia. Din l-evalwazzjoni ma ġietx suġġetta għal stħarriġ dettaljat min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali. Lanqas ma huwa possibbli li jsir riferiment għall-fatt li l-ispejjeż ogħla jistgħu jiġu kkumpensati billi jgħollu l-prezzijiet tal-lukandi. L-ewwel nett, mhux l-impriżi benefiċjarji kollha jeżerċitaw attività turistika. It-tieni nett, il-kompetizzjoni ma għandhiex twassal għal żieda fil-prezzijiet, iżda għat-tnaqqis tagħhom.
110. Italgas tinvoka żball fil-motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, fejn il-kumpens ta’ żvantaġġ ineħħi n-natura ta’ għajnuna ta’ miżura, mingħajr ma wriet b’mod konvinċenti għaliex, f’dan il-każ, ma kienx hemm sitwazzjoni speċifika bħal din.
111. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan, filwaqt li jqabbel l-awtoritajiet Taljani u impriża privata ma’ piżijiet soċjali u primjums tal-assigurazzjoni, isostni li impriża privata, f’każ bħal dan, raħset il-primjums tal-assigurazzjoni.
112. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-motivazzjoni sussidjarja tal-Qorti Ġenerali li ma teżistix rabta diretta bejn l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-għan li jkun hemm kumpens għall-ispejjeż żejda f’Venezia u f’Chioggia (69), kif ukoll il-motivazzjoni subordinata li l-awtoritajiet Taljani ma qabblux impriża stabbilita f’Venezia jew f’Chioggia, minn naħa, u, impriża ta’ dimensjonijiet medji stabbilita fil-Komunità, min-naħa l-oħra (70).
113. Skont il-Kummissjoni, dawn l-ilmenti għandhom jinċaħdu. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kienet irrilevat ġustament li l-iskop li jikkonsisti fil-kumpens tal-iżvantaġġi strutturali ma jċaħħadx it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali min-natura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija sempliċement żbaljata minħabba żball ta’ liġi u għaldaqstant għandha tiġi ssostitwita. Għalhekk ma hemmx sitwazzjoni speċifika fejn għajnuna tista’ tintemm jekk maħsuba li tikkumpensa l-iżvantaġġi strutturali ta’ settur jew ta’ reġjun. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha tiġi ssostitwita. Għandhom jinċaħdu wkoll l-ilmenti tar-rikorrenti indirizzati kontra l-motivazzjoni sussidjarja tal-Qorti Ġenerali.
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
114. L-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkostitwixxi għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE anki jekk il-leġiżlatur Taljan ried jikkumpensa bihom l-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia.
a) Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna
115. Għandhom jinċaħdu l-ilmenti sa fejn ir-rikorrenti joġġezzjonaw li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod korrett il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.
116. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li Stat Membru jipprova jikkumpensa permezz ta’ trattamenti favorevoli, l-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi ta’ settur ekonomiku determinat jew ta’ reġjun determinat, ma jneħħix in-natura ta’ għajnuna ta’ dawn il-miżuri (71).
117. Fil-fatt, l-evalwazzjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE hija bbażata mhux fuq l-għanijiet segwiti mill-imsemmija miżura, iżda fuq l-effetti tagħha. L-għanijiet ta’ miżura jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-verifika tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern (72). Kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 185 sa 187 tas-sentenza appellata, huwa veru li dan il-prinċipju ma jiġix osservat b’mod assolut fil-ġurisprudenza. Madankollu, sabiex tingħata soluzzjoni f’dan il-każ, ma teħtieġx analiżi fil-fond tal-każijiet speċjali fejn il-ġurisprudenza ma tapplikax dan il-prinċipju. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li l-għan li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi minħabba l-post fejn ikunu stabbiliti ma jiġġustifikax deroga mill-imsemmi prinċipju.
118. Dan huwa l-każ tal-istruttura tal-Artikolu 87 KE. Skont l-Artikolu 87(3)(b) sa (d) KE dan l-għan jista’ fil-fatt jiġi kkunsidrat, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni. Għalhekk il-kunsiderazzjoni ta’ għan bħal dan tipprekludi li dan il-għan jittieħed immedjatament inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ għajnuna stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE.
119. Il-kunsiderazzjoni ta’ għan bħal dan fil-kuntest tal-Artikolu 87(1) KE huwa wkoll inkompatibbli mal-għan u mal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Qorti Ġenerali fil-punt 184 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 87(1) KE jħares kwalunkwe forma ta’ kompetizzjoni minn intervent tal-Istat f’forma ta’ għajnuna. Għalhekk, titħares mhux biss il-kompetizzjoni bejn l-impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet paragunabbli, iżda anki dik bejn impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet mhux ugwali. Kuntrarjament għal dak li sostnew il-Comitato u l-Gvern Taljan, l-Artikolu 87(1) KE jħares anki l-politika ta’ kompetizzjoni abbużiva. Madankollu, l-effetti negattivi ta’ politika bħal din jistgħu jiġu kkunsidrati skont l-Artikolu 87(3) KE.
b) Fuq l-iżball ta’ motivazzjoni
120. Barra minn hekk, għandu jinċaħad l-ilment imqajjem minn Italgas li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed kif it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa differenti mis-sitwazzjonijiet speċifiċi fejn l-għan li għandu jintlaħaq jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura tal-għajnuna. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod korrett, fil-punti 181 et seq tas-sentenza appellata, fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jingħad li t-tentattiv ta’ Stat Membru li jikkumpensa, b’għajnuna, l-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi ta’ settur ekonomiku partikolari jew ta’ reġjun partikolari, ma jneħħix minn dawn il-miżuri n-natura ta’ għajnuna. Hija ddeċidiet ukoll b’mod korrett, fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 87(1) KE jħares kull forma ta’ kompetizzjoni. Minn din il-motivazzjoni jidher immedjatament li l-għan li għandu jintlaħaq bit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma kienx manifestament xieraq sabiex dan titneħħa n-natura tiegħu ta’ għajnuna. Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, ma kienx meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tittratta fil-fond is-sitwazzjonijiet speċifiċi fejn l-għan li għandu jintlaħaq b’miżura jista’ diġà jittieħed inkunsiderazzjoni fil-livell tal-Artikolu 87(1) KE. Anzi, kienet biżżejjed il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 188 tas-sentenza appellata li din is-sitwazzjoni speċifika ma kinitx rilevanti u, bis-saħħa tal-argumenti imsemmija iktar ’il fuq, kien evidenti li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE.
c) ċ) Fuq il-kriterju tal-operatur privat
121. Ir-referiment li għamel il-Gvern Taljan għall-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika l-kriterju tal-operatur privat, huwa irrilevanti peress li r-Repubblika Taljana stess ma ppreżentatx appell u ebda rikorrent ma qajjem dan l-ilment. Madankollu, il-paragun ma’ operatur privat ma huwiex effettiv partikolarment peress li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma għandux l-għan li għandu operatur privat, u t-tnaqqis għall-impriżi ta’ Venezia u ta’ Chioggia ngħata indipendentement mis-sitwazzjoni finanzjarja rispettiva tagħhom u dan ma jikkonformax mal-prinċipju tal-massimizzazzjoni tal-profitti li jiggwida lill-operatur privat.
d) Konklużjoni
122. Għaldaqstant, għandhom jinċaħdu l-ilmenti tar-rikorrenti maħsuba li jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-għan ta’ kumpens tal-iżvantaġġi tal-impriżi stabbiliti f’Venenzia u f’Chioggia ma jistax ineħħi n-natura ta’ għajnuna mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
123. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, ma nikkunsidrax li għandha tiġi ssostitwita b’mod obbligatorju l-motivazzjoni tas-sentenza. Fil-fatt dan jeħtieġ biss jekk l-ilmenti tar-rikorrenti ma jkunux jistgħu jinċaħdu abbażi tal-motivazzjoni li hemm fis-sentenza appellata. Kif intqal iktar ’il fuq, l-ilmenti jistgħu madankollu jinċaħdu abbażi tal-elementi ta’ motivazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti l-eżami, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-kwistjoni tad-determinazzjoni tas-sitwazzjonijiet speċifiċi fejn l-għan li għandu jintlaħaq jista’ jiġi kkunsidrat eċċezzjonalment anki fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura tal-għajnuna. Għalhekk, sostituzzjoni tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 185 sa 188 tas-sentenza ma jidhirlix li teħtieġ anki meta l-allegazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dik l-istanza jkunu vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.
124. L-ilmenti l-oħrajn tar-rikorrenti magħmula kontra l-argumenti li sostniet sussidjarjament il-Qorti Ġenerali fil-punti 189 sa 194 tas-sentenza appellata, għandhom jinċaħdu bħala mhux effettivi (73). L-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkostitwixxu vantaġġ skont l-Artikolu 87(1) KE hija diġà ġġustifikata minħabba l-fatt li l-għan li għandu jintlaħaq mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jikkonsisti fil-kumpens tal-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 87(1) KE. Żball ta’ liġi li jivvizzja l-motivazzjoni sussidjarja tal-Qorti Ġenerali ma jkunx xieraq sabiex titpoġġa f’dubju l-affermazzjoni tagħha li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkostitwixxu vantaġġ skont l-Artikolu 87(1) KE.
125. L-ilmenti tar-rikorrenti kontra din l-affermazzjoni għandhom għalhekk jinċaħdu fl-intier tagħhom.
B – Fuq l-eżami tar-rekwiżit ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju
1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
126. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kienet ivverifikat b’mod xieraq jekk l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ħolqotx distorsjoni fil-kompetizzjoni u affettwatx il-kummerċ intra-Komunitarju u f’dan ir-rigward ipprovdiet motivazzjoni eżawrjenti. Il-Qorti Ġenerali bbażat dawn l-affermazzjonijiet fuq il-motivazzjoni fil-punti 222 sa 252 tas-sentenza appellata. F’dik l-istanza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett uriet li l-Kummissjoni, meta teżamina skema multisettorjali, tista’ tivverifika biss il-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tittratta l-pożizzjonijiet individwali (74). Il-Qorti Ġenerali affermat ukoll li t-tqassim tal-oneru tal-prova huwa suġġett, fil-proċeduri għall-kontroll tal-għajnuna, għall-osservanza tal-obbligi proċedurali rispettivi min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jew ta’ terzi kkonċernati (75). Huwa l-Istat Membru kkonċernat jew terzi kkonċernati li għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni, fil-proċedura amministrattiva(76). Għaldaqstant, meta jkun hemm skema ta’ għajnuna multisettorjali, il-Kummissjoni hija obbligata tikkontrolla jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti dwar l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni biss meta tingħatalha informazzjoni biżżejjed għal dan l-iskop fil-proċedura amministrattiva. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni biżżejjed, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri, skont il-ġurisprudenza, għal preżunzjoni bbażata fuq analiżi tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (77). Anki l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni tiddipendi mit-tagħrif u mill-elementi li ġew ikkomunikati minħabba l-proċedura amministrattiva (78). Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ elementi li hija kellha fil-mument meta jkun ġie adottat l-att (79).
127. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni kinitx biżżejjed, u tat risposta għal dik il-kwistjoni fl-affermativ, partikolarment peress li l-osservazzjonijiet u d-dokumenti, mibgħuta mill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva, ma kien fihom l-ebda fatt jew tagħrif konkret li seta’ ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni stess fuq setturi partikolari ta’ attività ekonomika sabiex setgħet taċċerta, b’mod partikolari, li f’dawk is-setturi, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma setax jolqot il-kummerċ intra-Komunitarji u jkollu konsegwenzi fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikseb informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet nazzjonali (80).
128. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tar-rikors dwar il-ksur tan-nondiskriminazzjoni u tal-kontradizzjoni tal-motivazzjoni, li kienu tqajmu fir-rigward tal-fatt li s-sitwazzjoni tal-impriżi muniċipali kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, iżda dik tar-rikorrenti jew ta’ setturi partikolari ta’ attività ekonomika ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni. Anki f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li fil-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet ingħatat informazzjoni speċifika biss fir-rigward tal-impriżi muniċipali (81).
129. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-kritika li l-Kummissjoni kellha tittratta f’iktar dettall l-ammont żgħir tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tan-natura lokali tal-attività tal-impriżi benefiċjarji. L-ammont żgħir tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jeskludix l-eventwalità li jiġi influwenzat il-kummerċ intra-Komunitarju. Anki jekk l-impriżi benefiċjarji kienu wettqu l-attività tagħhom f’livell esklużivament lokali, jista’ jiġi influwenzat il-kummerċ intra-Komunitarju u jkun hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni (82).
130. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet immotivata biżżejjed (83).
131. Il-Qorti Ġenerali, fl-aħħar nett, ċaħdet ukoll il-motiv tar-rikors li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement dettaljata sabiex tippermetti eżekuzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. F’dan il-kuntest hija affermat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet biżżejjed sabiex tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeterminaw l-impriżi obbligati jagħmlu rimbors tal-għajnuna rċevuta. Fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex dawn l-awtoritajiet li għandhom jivverifikaw f’kull każ individwali li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (84).
2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
132. Italgas toġġezzjona li l-Qorti Ġenerali, billi assumiet li huma l-awtoritajiet nazzjonali jew terzi kkonċernati li għandhom juru l-eżistenza ta’ rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.
133. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet immotivat biżżejjed id-deċiżjoni tagħha. Il-Kummissjoni kienet irċeviet ċerta informazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li wasslet għal dubji dwar jekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali setax joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju bejn l-Istati Membri. Huwa minnu li l-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Taljani jipproduċu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tevalwa l-pożizzjoni tal-impriżi muniċipali. Madankollu, il-Kummissjoni kellha tagħmel investigazzjonijiet addizzjonali anki fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ impriżi li indikawlha. Hija kellha, minn tal-inqas, tippreċiża liema kriterji l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, sabiex jiġi evitat li dawn l-awtoritjiet jordnaw l-irkupru ta’ vantaġġi li ma jikkostitwixxux għajnuna.
134. Il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat ukoll il-provi. Mill-ittra tal-komun ta’ Venezia tat-18 ta’ Mejju 1998, mill-ittra tal-Gvern Taljan tat-23 ta’ Jannar 1999 u mill-ittra tal-awtoritajiet Taljani tal-10 ta’ Ġunju 1999 mhux biss ħarġu indikazzjonijiet fis-sens li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma setax, fil-każ ta’ impriżi muniċipali, joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju, iżda kien possibbli wkoll li tinkiseb informazzjoni dwar kategoriji oħrajn ta’ impriżi.
135. Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni kkontestata kienet konkreta biżżejjed sabiex titwettaq mill-awtoritjaiet nazzjonali, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Kif ammettiet il-Kummissjoni stess, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex sħiħa u tkun sħiħa bl-ittri tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Ottubru 2001. L-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet mhux sħaħ ma hijiex kompatibbli mal-iskema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, anki fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kellha tagħti każ tal-indikazzjoni li, f’każijiet partikolari, ma jkunx hemm għajnuna jew li din tkun kompatibbli mas-suq komuni. B’dan il-mod biss jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali ikunu f’pożizzjoni li jwettaq debitament id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, l-investigazzjonijiet ma jistgħux jirriferu għall-proċedura maħsuba għat-twettiq tad-deċiżjoni għaliex inkella jkun impossibbli li tiġi ggarantita investigazzjoni korretta min-naħa tal-Kummissjoni u li tistħarreġ min-naħa tal-qrati Komunitarji.
136. Anki Hotel Cipriani tikkontesta l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet immotivata biżżejjed. Is-swieq tal-lukandi u tar-ristoranti għandhom jiġu ddelimitati mil-lat lokali, billi t-turisti l-ewwel jagħżlu d-destinazzjoni territorjali u mbagħad jagħżlu l-lukanda jew ir-ristorant. Billi l-lukandi ta’ Venezia ma humiex f’kompetizzjoni mal-lukandi ta’ bliet oħrajn, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma setax jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju.
137. Skont il-Comitato, il-Qorti Ġenerali, meta affermat li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligi proċedurali tagħha, kisret il-prinċpju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni għamlet analiżi fil-fond fir-rigward tal-impriżi muniċipali biss u mhux fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ impriżi.
138. Il-Comitato u l-Gvern Taljan jikkontestaw ukoll l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ motivazzjoni. Anki fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna bi skop reġjonali, il-Kummissjoni ma tistax toqgħod biss fuq dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju jew tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet imma għandha tipprova l-eżistenza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 87(1) KE. Il-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata għall-konstatazzjoni li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ngħata lil impriżi involuti b’mod sinjifikattiv fil-kummerċ intra-Komunitarju, bħall-impriżi li joperaw fis-settur kummerċjali jew tas-servizzi. Hija ma kinitx ikkunsidrat il-fatt li l-attività ta’ ħafna impriżi f’Chioggia u f’Venezia kellha natura unikament lokali, minkejja li dan irriżulta mill-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni. Skont il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra iktar l-ammont żgħir tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, in-natura lokali tal-attività eżerċitata mill-benefiċjarji u l-insularità ta’ Venezia.
139. Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan isostni li kellhom jiġu applikati l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-għajnuna individwali billi l-Kummissjoni setgħet tkun taf bl-identità tal-benefiċjarji u l-ammont tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet eskludiet l-eżistenza ta’ għajnuna għall-impriżi partikolari peress li, fil-każ tagħhom, il-kummerċ intra-Komunitarju ma ġiex influwenzat. Din l-analiżi kellha ssir diġà fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
140. Skont il-Kummissjoni, dawn l-ilmenti għandhom jinċaħdu. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament li l-Kummissjoni kienet immotivat biżżejjed id-deċiżjoni tagħha.
141. Fl-ewwel lok, hija enfasizzat ġustament li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali illegali, tista’ tqis biss kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali, mingħajr ma tanalizza kull settur individwali ta’ attività ekonomika. F’dan il-każ hija l-awtorità nazzjonali u t-terzi kkonċernati li għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tevalwa jekk il-miżura hijiex xierqa, fir-rigward ta’ ċerti setturi ta’ attività ekonomika, sabiex toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni ma ġibditx l-attenzjoni fuq sitwazzjonijiet speċjali fir-rigward tas-setturi tal-lukandi jew tal-provvista tal-gass.
142. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kienet enfasizzat ġustament li anki trattament favorevoli ta’ attività sempliċement lokali tista’ toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju peress li dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq l-offerta ta’ servizzi u prodotti partikolari.
143. Fit-tielet lok, huwa veru li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ dritt mill-aspett tal-oneru tal-prova. Minkejja dan, il-konklużjonijiet tagħha huma korretti fir-riżultat tagħhom b’mod li dak l-ilment għandu jinċaħad u l-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha tiġi ssostitwita. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppruvat li l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hija għajnuna. Is-suġġett tal-eżami tal-Kummissjoni kien l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mhux il-vantaġġi individwali mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema. Kieku din l-iskema kienet ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni, kien ikun biżżejjed fil-prinċipju li din tal-aħħar tevalwaha b’mod ġenerali mingħajr ma tikkunsidra każijiet individwali speċifiċi. Huwa l-Istat Membru li għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal sitwazzjonijiet partikolari. Dawn il-prinċipji għandhom japplikaw ukoll anki jekk l-Istat Membru ma jkunx issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ notifika. Fil-fatt, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu kkumpensati mill-ġdid għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu bħal dan. Kif jirriżulta mis-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma ġietx ipprovduta b’informazzjoni speċifika dwar l-impriżi rikorrenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li kienet ripetutament talbet lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu l-informazzjoni.
144. Fir-raba’ lok, għandu jinċaħad l-ilment ta’ żnaturament tal-provi. Il-kontestazzjoni, min-naħa ta’ Italgas, tal-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali, hija inammissibbli fl-appell. Huwa veru li l-ilment ta’ Italgas fejn hija ssostni li kien hemm żnaturament tal-provi huwa, fil-prinċipju, ammissibbli. Madankollu mil-lat sostanzjali, Italgas ma tikkontestax l-iżnaturament tal-provi, iżda l-kunsiderazzjonijiet tagħhom min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali kienet fi kwalunkwe każ irrilevat b’mod korrett li l-informazzjoni ġenerali li hemm fil-provi ma kienx fiha tagħrif konkret li kien jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-sitwazzjoni partikolari ta’ setturi partikolari.
145. Fil-ħames lok, għandu jinċaħad ukoll l-ilment ta’ Italgas dwar l-inkompletezza tad-deċiżjoni kkontestata. Il-preżenza eventwali ta’ kontradizzjonijiet fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija dovuta għall-iżbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-locus standi. Fuq kollox, il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali ma għandhiex tanalizza l-każijiet individwali.
3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
146. Ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet ivverifikat biżżejjed jekk l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kinitx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u kinitx taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju, billi pprovdiet fir-rigward anki motivazzjoni suffiċjenti. F’dan il-kuntest, huma jsostnu li kien hemm żbalji ta’ liġi kemm fil-parti tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fejn din spjegat il-kriterju ta’ verifika li għandu jiġi applikat kif ukoll fil-parti tal-motivazzjoni fejn il-Qorti Ġenerali applikat dak il-kriterju.
147. L-ewwel nett, ser neżamina dawn l-ilmenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għamlet il-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni (a). Sussegwentement, ser nivverifika kif dawn l-ilmenti għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma llimitatx ruħha li tiġġudika biss l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali iżda ordnat ukoll li tiġi rkuprata l-għajnuna mogħtija (b).
a) L-evalwazzjoni tal-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
i) Il-kriterju ta’ verifika u l-oneru tal-prova
148. L-ewwel nett ir-rikorrenti jinvokaw żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-kriterju ta’ verifika u tal-oneru tal-prova.
– Fuq il-kriterju ta’ verifika
149. L-ilment tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterju ta’ verifika li l-Kummissjoni kienet obbligata tagħmel ma huwiex fondat.
150. Kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 209 tas-sentenza appellata, il-kriterju ta’ verifika li l-Kummissjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-istħarriġ tal-iskema tal-għajnuna, jiddependi prinċipalment mis-suġġett li jrid jistħarreġ. F’każ fejn il-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà mal-Artikolu 87 KE ta’ skema multisettorjali illegali, hija għandha l-obbligu biss, fil-prinċipju, li tanalizza d-dispożizzjonijiet ta’ din l-iskema (85). Għalhekk, hija tista’ sostanzjalment tillimita ruħha li tevalwa l-iskema nazzjonali, mingħajr ma teżamina speċifikament il-vantaġġi individwali mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema. Dan huwa bbażat fuq il-prinċipju li Stat Membru ma għandux ikun ikkumpensat għall-ksur tal-obbligu ta’ notifika li jintrabat bih. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli f’każ fejn Stat Membru jkun innotifika minn qabel l-iskema.
151. Barra minn hekk, fil-punti 211 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat b’mod korrett li l-suġġett li l-Kummissjoni hija obbligata tikkontrolla jista’ jiddependi wkoll mill-informazzjoni li jinnotifikawlha fil-proċedura. Jekk lill-Kummissjoni tintbagħtilha informazzjoni speċifika dwar benefiċjarju partikolari jew settur partikolari, dan jista’ jwassal għal obbligu proċedurali tal-Kummissjoni. Jekk l-informazzjoni hija sħiħa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan il-benefiċjarju (86) jew dak is-settur. Jekk ma hijiex sħiħa, il-Kummissjoni, kif jidher mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha titlob lill-Istat jipprovdiha, fit-terminu li tiffissa hija stess, id-dokumenti kollha, l-informazzjoni u l-indikazzjonijiet meħtieġa.
152. Għaldaqstant, l-ilment li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq parametru ta’ verifika li kien żbaljat fid-dritt, għandu jinċaħad.
– Fuq l-oneru tal-prova
153. Italgas tgħid ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-oneru tal-prova.
154. Dan l-ilment huwa fondat.
155. Kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 232 tas-sentenza appellata, la r-Repubblika Taljana u lanqas ir-rikorrenti ma għandhom l-obbligu tal-oneru li jippruvaw li l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni u ma taffettwax il-kummerċ intra-Komunitarju. Iżda, hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza tar-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (87) u għalhekk anki distorsjoni tal-kompetizzjoni u influwenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
156. Barra minn hekk, jidhirli li huwa ambigwu anki r-riferiment konsegwenti li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 233 tas-sentenza appellata jiġifieri li l-Istat Membru u t-terz ikkonċernat għandhom iseddqu l-argumenti tagħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti. L-obbligi proċedurali li jorbtu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-persuni oħrajn involuti fi proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna ma jolqotx direttament l-oneru tal-prova. Madankollu dawn jistgħu jinfluwenzaw, kif intqal iktar ’il fuq, kemm is-suġġett tal-verifika kif ukoll il-kwistjoni tal-mument minn meta l-prova tal-eżistenza tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 87(1) KE tista’ tiġi kkunsidrata sodisfatta. B’hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 tistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli meta l-Istat jonqos milli josserva l-ordni li tipprovdi informazzjoni.
157. Għalhekk, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova fiha żball ta’ liġi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, kif jidher mill-punt 239 tas-sentenza appellata vverifikat, minkejja dan l-iżball ta’ liġi, jekk il-Kummissjoni kinitx ippruvat b’mod suffiċjenti li kien hemm effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Għalhekk, l-iżball ta’ liġi ma kellu b’hekk l-ebda effett, u għal din ir-raġuni, l-ilment ta’ Italgas għandu jinċaħad u għandha tiġi ssostitwita l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.
– Konklużjoni intermedjarja
158. Għaldaqstant, l-ilmenti dwar il-kriterju ta’ verifika u l-oneru tal-prova ma jistgħux jintlaqgħu.
ii) Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ verifika
159. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-parti tal-motivazzjoni fejn il-Qorti Ġenerali applikat dan il-kriterju ta’ verifika fil-każ partikolari. L-ewwel nett isostnu li l-Kummissjoni ma ppruvatx jew ma mmotivatx biżżejjed id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju min-naħa tal-iskema. Huma joġġezzjonaw ukoll li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha teżamina l-każijiet individwali kollha, is-sitwazzjoni individwali ta’ Italgas u ta’ Hotel Cipriani, jew is-sitwazzjoni ta’ setturi speċifiċi ta’ attività ekonomika. Fl-aħħar nett, huma jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll żnaturament tal-provi min-naħa tal-Qorti Ġenerali.
– Fuq il-prova ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju
160. Għandu jinċaħad l-ilment li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet ippruvat distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
161. Kif ingħad iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fl-eżami ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali illegali, fil-prinċipju, ma għandhiex tivverifika f’każ individwali jekk il-vantaġġi kollha mogħtija fuq il-bażi ta’ din l-iskema humiex għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE. Pjuttost, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li turi l-inkompatibblità mal-Artikolu 87 KE tas-sistema fiha nfisha. Għalhekk, lanqas ma hija obbligata tivverifika jekk il-vantaġġi kollha mogħtija fuq il-bażi tal-iskema joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqotx il-kummerċ intra-Komunitarju.
162. Il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod korrett li l-Kummissjoni pprovdiet prova bħal din. Fil-fatt, ir-rekwiżiti dwar il-prova li l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħala tali tista’ toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju ma humiex rigorużi ħafna. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jintwera li minn tal-inqas, parti tal-vantaġġi mogħtija fuq il-bażi ta’ din l-iskema, għandhom dan l-effett. Dan jiġri manifestament fil-każ ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħtija lill-impriżi kollha stabbiliti f’reġjun partikolari.
163. Din l-għajnuna għall-funzjonament teħles lill-impriżi mill-ispejjeż li normalment huma obbligati jagħmlu. B’dan il-mod joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi benefiċjarji u impriżi oħrajn li ma jingħatawx din l-għajnuna (88). L-oġġezzjoni tal-Gvern Taljan li dan kellu jiġi vverifikat b’mod iktar preċiż, minħabba l-ammont żgħir tat-tnaqqis, ma hijiex effettiva. Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 247 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, fil-punt 110 tad-deċiżjoni kkontestata, eskludiet espressament mill-kuntest ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt ir-regola de minimis. Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll, ġustament, għall-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, la l-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna u lanqas id-dimensjonijiet relattivament żgħar tal-impriża benefiċjarja ma jeskludu li din l-għajnuna tista’ toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari meta l-vantaġġ jingħata, bħal f’dan il-każ, sabiex titħares l-attività ta’ impriżi li altrimenti jibqgħu esklużi mis-suq.
164. Anki għal dak li hu dwar l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament li l-Kummissjoni mmotivat biżżejjed id-deċiżjoni tagħha. Fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wriet li, l-ewwel nett, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien japplika għall-impriżi kollha stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia. Hija affermat ukoll li tal-inqas uħud minn dawn l-impriżi pparteċipaw fil-kummerċ intra-Komunitarju.
165. B’dan il-mod, il-Kummissjoni pprovdiet il-prova li l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni u affettwat il-kummerċ intra-Komunitarju billi dan seħħ tal-inqas għal parti tal-vantaġġi mogħtija fuq il-bażi ta’ din l-iskema. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tipprova li l-vantaġġi kollha mogħtija fuq il-bażi tal-iskema kienu ħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni u affettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju.
– Fuq il-ħtieġa ta’ analiżi tal-każijiet individwali kollha
166. Dwar l-ilment li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk it-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali setax, f’każ individwali speċifiku, joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju, dan għandu jinċaħad.
167. Diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma hijiex, fil-prinċipju, marbuta li tipprovdi prova bħal din. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li, fil-proċedura amministrattiva ngħatat lill-Kummissjoni informazzjoni li biha setgħet taċċerta l-identità u n-numru ta’ impriżi kkonċernati, joħloqx obbligu proċedurali tal-Kummissjoni li tittratta s-sitwazzjoni individwali ta’ dawn l-impriżi.
168. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn indikazzjonijiet u informazzjoni mhux sħiħa u indikazzjonijiet u informazzjoni li ma humiex speċifiċi biżżejjed. Informazzjoni speċifika tista’ toħloq obbligu għall-Kummissjoni li tikkunsidra sitwazzjonijiet partikolari. Min-naħa l-oħra, meta l-indikazzjonijiet u l-informazzjoni, għalkemm speċifiċi biżżejjed, madankollu ma jkunux sħaħ, il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li tistieden l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni. Indikazzjonijiet mhux speċifiċi, jiġifieri mhux ippruvati biżżejjed ma joħolqux biżżejjed obbligu proċedurali korrispondenti fuq il-Kummissjoni. F’każ kuntrarju, jista’ jiġi evitat b’mod faċli wisq il-prinċipju li Stat Membru ma għandux jiġi kkumpensat għall-ksur tal-obbligu li għandu ta’ notifika, u l-Kummissjoni għandha minħabba f’hekk tillimita ruħha sabiex, fil-prinċipju, teżamina l-iskema ta’ għajnuna bħala tali. Kif ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 240 u 242 et seq tas-sentenza appellata, l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-impriżi individwali ma kinitx speċifika biżżejjed sabiex toħloq obbligu proċedurali fil-konfront tagħha.
– Fuq il-ħtieġa li tiġi analizzata s-sitwazzjoni individwali ta’ Italgas u ta’ Hotel Cipriani
169. Anki l-ilment li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ Italgas u ta’ Hotel Cipriani huwa infondat. Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 214 u 241 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma ngħatatilhiex informazzjoni speċifika, fil-proċedura amministrattiva, li setgħet ħolqot obbligu proċedurali li tikkunsidra s-sitwazzjoni individwali ta’ dawn ir-rikorrenti.
– Fuq il-ħtieġa li jiġu analizzati setturi partikolari ta’ attività ekonomika.
170. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward is-setturi tal-bini, tal-kummerċ jew tal-lukandi u ma kinitx biżżejjed u joġġezzjonaw li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata dan.
171. Anki dan l-ilment huwa infondat. Kif qalet ġustament il-Qorti Ġenerali, anki minn dan l-aspett fil-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni ma ngħatatilhiex biżżejjed informazzjoni li setgħet tiġġustifika obbligu proċedurali tagħha. Huwa veru li, mill-punt 240 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sostnew, b’ittra tat-23 ta’ Jannar 1999, li l-impriżi li joperaw fis-setturi tal-bini, tal-kummerċ, tal-lukandi u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma kinux f’kundizzjoni li jipparteċipaw fil-kummerċ. Madankollu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li din l-affermazzjoni ma kienet sostnuta minn ebda argument fid-dritt jew fil-fatt. Barra minn hekk, id-dokumenti mehmuża ma’ dik l-ittra ma kellhom l-ebda element jew indikazzjoni fejn wieħed seta’ juri n-natura rigorożament lokali tas-swieq, partikolarment fis-setturi ta’ attività ekonomika indikati mill-awtoritajiet Taljani fl-imsemmija ittra.
172. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika, ma kien jeżisti ebda obbligu proċedurali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa infondat ukoll.
– Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
173. Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, dan l-ilment huwa infondat. Huwa minnu li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, għandha tagħmel eżami diliġenti u imparzjali (89). Għalhekk hija obbligata li tikkunsidra wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jiġifieri li jkun hemm l-istess trattament ta’ ċirkustanzi paragunabbli. Madankollu, kif irrilevat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punti 244 et seq tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni tal-impriżi muniċipali hija differenti minn dik ta’ benefiċjarji oħrajn għall-fatt li, fir-rigward ta’ impriżi muniċipali, kienet teżisti informazzjoni speċifika anki jekk ma kinitx sħiħa. Din l-informazzjoni speċifika toħloq obbligu proċedurali tal-Kummissjoni li hija osservat meta ordnat li tiġi pprovduta l-informazzjoni.
– Fuq l-iżnaturament tal-provi
174. L-ilment fejn Italgas tgħid li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi huwa infondat. Fil-fatt b’dan l-ilment Italgas ma ssostnix li l-Qorti Ġenerali għamlet distorsjoni fil-kontenut ta’ dokumenti partikolari. Pjuttost, Italgas issostni li l-Qorti Ġenerali, fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet li jirriżultaw minn ċerti dokumenti, kellha tasal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kellha obbligu proċedurali li tikkunsidra din l-informazzjoni. Madankollu, Italgas stess tirrikonoxxi li kienu indizji ġenerali u għalhekk mhux speċifiċi. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment ta’ Italgas għandu jinċaħad.
iii) Konklużjoni intermedjarja
175. Għaldaqstant, l-ilmenti magħmula fir-rigward tal-parti tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali sa fejn eżaminat l-applikazzjoni għall-każ partikolari tal-kriterju ta’ verifika ffissat minnha u mill-Kummissjoni għandhom jinċaħdu fl-intier tagħhom.
b) Fuq l-ordni tal-irkupru
176. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx toħroġ l-ordni ta’ rkupru li hemm fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma l-ewwel tivverifika jekk it-tnaqqis individwali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Fuq il-bażi ta’ din il-pożizzjoni, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet biżżejjed. Skont il-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jinċaħad iżda l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi ssostitwita.
177. Dan il-każ huwa partikolari minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni għandhom viżjoni differenti tal-ordni tal-irkupru li hemm fid-deċiżjoni kkontestata. Billi l-viżjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq pożizzjoni żbaljata fid-dritt, l-ilmenti tar-rikorrenti kontra s-sentenza appellata huma bla dubju fondati (i), iżda għandhom jinċaħdu, billi tiġi ssostitwita l-motivazzjoni tas-sentenza appellata (ii).
i) Fuq l-iżbalji ta’ liġi fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali
178. Ir-rikorrenti joġġezzjonaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-verifika li għamlet il-Kummissjoni kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-ordni tal-irkupru tat-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
179. Sabiex issir evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx tali konstatazzjoni. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk din il-konstatazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi.
– Fuq il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
180. Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett assumiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet imponiet l-irkupru tat-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li f’dik id-deċiżjoni, ma ġewx iddikjarati espliċitament kompatibbli mal-Artikolu 87 KE.
181. Din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-punti 251 et seq u mill-punti 100 sa 111 tas-sentenza appellata. Fil-punt 251 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li ma kienx obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali, meta jwettqu d-deċiżjoni kkontestata, li jivverifikaw f’kull każ individwali li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 100 sa 111 tas-sentenza appellata. Hemmhekk, il-Qorti Ġenerali affermat, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda indikazzjoni li tħalli li jiġu esklużi mill-obbligu tal-irkupru, flimkien mal-vantaġġi esklużi bis-saħħa tar-regola de minimis, vantaġġi oħrajn mogħtija fuq il-bażi tal-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u ddeduċiet li dan ma jikkostitwixxix għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE (90). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali semmiet il-motivi għaliex għandu jinċaħad approċċ li skont il-bażi tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jivverifikaw, f’kull każ individwali, l-eżistenza tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 87(1) KE. Ma humiex l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li għandhom jivverifikaw f’kull każ speċifiku li ġew sodisfatti r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.
182. Dan huwa kkonfermat mill-motivazzjoni li hemm fil-punt 15 tas-sentenza appellata. Hemmhekk il-Qorti Ġenerali qalet li skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst fl-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, mogħti lill-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia.
– Fuq l-iżball ta’ liġi ta’ dan l-argument legali
183. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet biżżejjed il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni għal tali ordni ta’ rkupru. Din il-konstatazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.
184. Skont l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni għandha tkun kompetenti li tordna l-irkupru sħiħ tal-vantaġġi mogħtija bis-saħħa ta’ skema multisettorjali, mingħajr ma l-ewwel tkun ivverifikat jekk jissodisfawx, fil-każ individwali speċifiku, ir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Fit-tieni lok, l-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, ma għandhomx ikunu jistgħu jivverifikaw jekk jeżistux il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.
185. Approċċ bħal dan la huwa kompatibbli mal-Artikolu 87(1) KE u lanqas mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tista’ tordna l-irkupru ta’ vantaġġ mogħti biss jekk, wara verifika, hija tasal għall-konklużjoni li dan ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri li jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE li ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni.
186. Fil-fehma tiegħi l-approċċ tal-Qorti Ġenerali lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat billi jingħad li l-Istat Membru kiser l-obbligu tiegħu ta’ notifika. Fil-fatt dan ifisser, kif ingħad iktar ’il fuq (91), il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li meta tevalwa skema multisettorjali illegali, tillimita ruħha għal verifika tar-regoli ta’ dik l-iskema. Iżda, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq motivazzjoni li hija sempliċement ibbażata fuq il-fatt li l-iskema multisettorjali bħala tali ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 87 KE, għall-ordni tal-irkupru tal-vantaġġi kollha mogħtija bis-saħħa ta’ dik l-iskema. Anki ċ-ċirkustanza li dawk il-vantaġġi ngħataw fuq il-bażi ta’ skema, li fuq il-bażi tagħha ngħatat għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni, ma jidhirlix li hija ġustifikazzjoni biżżejjed għal ordni ta’ rkupru sħiħ.
– Konklużjoni intermedjarja
187. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.
ii) Sostituzzjoni tal-motivazzjoni
188. Il-Kummissjoni titlob li, bis-sostituzzjoni tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-ilment tar-rikorrenti jinċaħad. Hija essenzjalment issostni li kienet ordnat skont l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, l-irkupru tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biss, f’każ individwali, fejn kien hemm għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE. Huma l-awtoritajiet nazzjonali, f’każ individwali, li għandhom jaraw jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
189. It-talba tas-sostituzzjoni tal-motivazzjoni għandha tintlaqa’. Fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament ordnat irkupru biss jekk, f’każ individwali konkret, il-vantaġġi jikkostitwixxu għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ huwa kompatibbli anki mas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna fl-osservanza, madankollu, ta’ prinċipji determinati.
– Fuq il-kontenut tal-ordni tal-irkupru
190. Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod manifestament żbaljat l-ordni tal-irkupru li hemm fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Kif affermat il-Kummissjoni, dik l-istituzzjoni vverifikat l-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħala tali hijiex kompatibbli mal-Artikolu 87 KE. Għalhekk hija ma għamlitx evalwazzjoni sħiħa tat-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħtija.
191. Dan jirriżulta kemm mill-motivazzjoni kif ukoll mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, sempliċement irrilevat li l-iskema nazzjonali tibdel il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju, peress li t-tnaqqis ingħata lill-impriżi kollha, fosthom l-impriżi li joperaw attivitajiet ekonomiċi li huma s-suġġett tal-kummerċ intra-Komunitarju. Il-motivazzjoni tal-Kummissjoni li jiġu inklużi anki l-impriżi li joperaw attivitajiet ekonomiċi li huma s-suġġett tal-kummerċ intra-Komunitarju, turi biċ-ċar li l-Kummissjoni manifestament ma evalwatx it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali b’riferiment għar-rekwiżiti skont l-Artikolu 87(1) KE.
192. Dan jirriżulta wkoll mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament għall-preżentazzjoni tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li hemm fil-punt 15 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni fil-fatt ma stabbilixxietx, f’dik l-istanza, li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mogħti lill-impriżi li jinsabu fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia skont l-Artikolu 1 tad-digriet ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Pjuttost, kemm f’dak l-artikolu kif ukoll fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, hija limitat ruħha li tgħid li l-għajnuna mogħtija skont il-bażi tal-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hija inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa biss meta l-awtoritajiet nazzjonali jaċċertaw, f’każ speċifiku individwali, li tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kkontemplat mill-Artikoli 1(2) u 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi, fil-każ konkret, għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE li dan ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 1(2) u 2 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn il-każijiet biss li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-irkupru tal-vantaġġ.
– Fuq il-kompatibbiltà ta’ dan l-approċċ mal-Artikolu 87 KE u mas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna
193. Jeħtieġ li tiġi ċċarata wkoll il-kompatibbiltà ta’ tali modus operandi mal-Artikolu 87 KE u mas-sistema tal-kontroll tal-għajnuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (92), assumiet din il-kompatibbiltà. Favur approċċ bħal dan hemm il-fatt li altrimenti l-Kummissjoni jkollha tagħżel bejn żewġ alternattivi mhux sodisfaċenti. Hija jkollha jew, qabel ma tordna l-irkupru, tivverifika kull każ individwali, iżda dan ifisser li jiġi eskluż il-prinċipju li l-Kummissjoni, meta tanalizza skema multisettorjali, tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li taċċetta l-inkompatibbiltà tal-iskema mal-Artikolu 87 KE. Dan ma jkunx sodisfaċenti peress li ordni ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (93).
194. Barra minn dan, l-ilmenti invokati kontra dan l-approċċ ma jikkonvinċunix.
195. Fl-ewwel lok, dan l-approċċ ma jfissirx indħil inammissibbli min-naħa tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali fil-kompetenzi tal-Kummissjoni. Kuntrarjament għall-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(2) u (3) KE, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu fil-fatt jivverifikaw huma stess l-eżistenza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 87(1) KE (94). Madankollu għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom il-poter jivverifikaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 87(1) KE biss sakemm ma jkunux diġà marbuta ma’ konstatazzjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
196. Fit-tieni lok, hemm l-oġġezzjoni li dan l-approċċ iwassal għall-inċertezza tad-dritt mil-lat tal-portata tal-poter ta’ verifika tal-awtoritajiet nazzjonali. Jidhirli li anki dan l-ilment ma huwiex fondat. Kif ingħad qabel, poter ta’ verifika tal-awtoritajiet nazzjonali jeżisti biss jekk id-deċiżjoni kkontestata ma taċċertax b’mod definittiv li huma sodisfatti r-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha, fid-deċiżjoni kkontestata, turi b’mod ċar sa fejn l-aċċertamenti tagħha f’dik id-deċiżjoni huma limitati għall-evalwazzjoni tal-iskema bħala tali, sa fejn dawn japplikaw ukoll għall-eżami tal-vantaġġi individwali mogħtija li għandhom jagħmlu l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, u sa fejn hija wettqet, għal ċerti setturi ta’ attività ekonomika jew għal vantaġġi individwali, analiżi li taqbeż l-evalwazzjoni tal-iskema.
197. Jidhirli li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar jekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali setax joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju, il-Kummissjoni limitat ruħha b’mod manifest li tevalwa l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħala tali. Għalhekk, minn dan l-aspett, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix konstatazzjoni definittiva tal-Kummissjoni. Konsegwentement, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali huma awtorizzati jivverifikaw, fil-każ individwali speċifiku, jekk it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti f’kull każ individwali joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni jew jolqotx il-kummerċ intra-Komunitarju.
198. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jitlifx in-natura ta’ għajnuna minħabba l-fatt li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi strutturali tal-impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia, jidhirli li jgħodd mhux biss għall-evalwazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħala tali, iżda wkoll għal kull vantaġġ individwali mogħti skont il-bażi ta’ dik l-iskema. F’dan ir-rigward, teżisti konstatazzjoni definittiva tal-Kummissjoni li torbot lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali.
199. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali huma inċerti fir-rigward tal-portata tal-konstatazzjonijiet, huma jistgħu jindirizzaw lill-Kummissjoni li hija obbligata taħdem ma’ dawk l-awtoritajiet bis-saħħa tal-prinċipju tal-kollaborazzjoni leali (95).
200. Fit-tielet lok, approċċ bħal dan ma huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna. Fil-każ ta’ kwistjoni fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik, il-Kummissjoni għandha, kuntrarjament għall-iskema, tibda kemm il-proċedura stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE, kif ukoll tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE.
201. Anki dan l-ilment ma jikkonvinċinix. Fil-fatt għandha ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni għandha tibda proċedura mill-ġdid ta’ investigazzjoni formali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE, u s-sitwazzjonijiet fejn hija tista’ tibda proċedura direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE.
202. Meta jkun hemm kwistjonijiet dwar l-iskema bħala tali, pereżempju fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Istat Membru ma neħħiex l-iskema jew ma biddilhiex biżżejjed sabiex jiggarantixxi l-kompatibbltà tagħha mal-Artikolu 87 KE, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rikors direttament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE. Fir-rigward tal-iskema teżisti deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħi, dan jgħodd ukoll anki meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Istat Membru ma jkun adotta, inġenerali, l-ebda miżura biżżejjed sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija skont l-iskema.
203. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li ssir distinzjoni fil-każ ta’ rkupru ta’ vantaġġi individwali mogħtija skont il-bażi tal-iskema. Jekk hemm vantaġġi li l-Kummissjoni ma evalwatx individwalment mill-aspett tal-eżistenza tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 87(1) KE, u jekk il-kwistjoni hi dwar kundizzjoni tal-Artikolu 87 KE li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ma tagħmel l-ebda konstatazzjoni definittiva, hija għandha tibda proċedura amministrattiva ġdida. Iżda f’dan il-każ ma hemmx ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura amministrattiva, iżda t-tnedija ta’ proċedura amministrattiva li għandha suġġett ġdid, partikolarment l-evalwazzjoni tal-miżuri individwali inkwistjoni. Iżda jekk minflok hemm vantaġġi li l-Kummissjoni diġà evalwat b’mod eżawrjenti fid-deċiżjoni b’referenza għall-Artikolu 87(1) KE hija tista’ tippreżenta rikors direttament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE.
204. Għaldaqstant, dan l-approċċ lanqas ma jfisser li, kuntrarjament għall-iskema, fir-rigward tal-istess miżura tinbeda kemm proċedura amministrattiva skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE kif ukoll jiġi ppreżentat rikors skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE.
205. Bħala konklużjoni parzjali, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, f’deċiżjoni fejn hija teżamina prinċipalment il-kompatibbiltà mal-Artikolu 87 KE ta’ skema multisettorjali illegali, tista’ anki tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema, mingħajr ma jkollha l-ewwel tivverifika jekk il-vantaġġi mogħtija skont il-bażi ta’ dik l-iskema humiex, fil-każijiet individwali, għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE.
iii) Konklużjoni intermedjarja
206. Jeħtieġ li jiġi konkluż li, anki l-ilmenti li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed l-ordni tal-irkupru li hemm fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jinċaħdu fl-intier tagħhom.
c) ċ) Konklużjoni
207. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li għandhom jinċaħdu fl-intier tagħhom l-ilmenti indirizzati kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni eżaminat biżżejjed u mmotivat id-deċiżjoni kkontestata mill-aspett tad-distorsjoni fil-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
C – Ċ - Fuq servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali
1. 1. Motivazzjoni tas-sentenza appellata
208. Il-Comitato u Italgas jilmentaw ukoll dwar il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 86(2) KE u f’dan r-rigward id-deċiżjoni tagħha ma hijiex vvizzjata minn kontradizzjoni fil-motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstatazzjoni fuq il-punti 203 sa 221 tas-sentenza appellata. F’dan is-sens, hija rrilevat li l-Kummissjoni, meta vverifikat l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2), fir-rigward biss tal-impriżi muniċipali u mhux ta’ Italgas, ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi. Fl-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħmel analiżi tal-każijiet individwali. Barra minn hekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali u terzi kkonċernati li għandhom isostnu argumenti favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE fil-proċeduri quddiem il-Kummissjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ Italgas ma ngħatat l-ebda informazzjoni.
2. 2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
209. Il-Comitato, Italgas u Coopservice jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 86(2) KE. Skont il-Comitato, il-Qorti Ġenerali kellha tosserva li l-Kummissjoni, billi ma għamlitx verifika fil-fond fir-rigward ta’ liema impriżi kien japplika l-Artikolu 86(2) KE, kisret dik id-dispożizzjoni kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Italgas u Coopservice jirreferu speċifikament għal dan l-ilment fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħhom, peress li l-attività tagħhom tista’ tkun ikkunsidrata bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.
210. Skont il-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jinċaħad. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament li huwa l-Istat Membru u t-terzi kkonċernati li għandhom jikxfu, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ir-raġunijiet għaliex miżuri statali huma kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, fl-eżami ta’ skema ta għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tivverifika l-każijiet individwali. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Taljani enfasizzaw is-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi muniċipali. Madankollu, la l-awtoritajiet Taljani u lanqas terzi kkonċernati ma pprovdew informazzjoni speċifika fir-rigward ta’ Italgas.
3. 3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
211. L-ilmenti dwar ksur tal-Artikolu 86(2) KE u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandhom jinċaħdu. Il-Qorti Ġenerali sostniet ġustament li meta tevalwa skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-prinċipju, tagħmel analiżi tal-każijiet individwali. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li kisret l-obbligi proċedurali tagħha. Wara li l-awtoritajiet Taljani kienu ġibdu l-attenzjoni b’mod speċjali tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, hija stednithom jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-impriżi inkwistjoni. L-awtoritajiet Taljani ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni fir-rigward ta’ Italgas.
D – D - Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE
1. 1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
212. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma għamlitx żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstatazzjoni fuq il-punti 280 sa 314 tas-sentenza appellata. Hija, b’mod partikolari, ittrattat il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex tikkunsidra direttament skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE l-problemi strutturali marbuta mal-insularità (96). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat l-ewwel nett li l-Kummissjoni għandha l-poter li tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mis-settur ikkontemplat mill-komunikazzjonijiet tagħha u mil-linji gwida tagħha fil-kuntest ta’ applikazzjoni ad hoc tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. F’ipoteżi bħal dik, il-Kummissjoni hija obbligata tgħarbel l-effetti pożittivi tal-għajnuna f’relazzjoni mal-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni leali (97).
213. Il-fatt li l-Kummissjoni f’dan il-każ ma applikatx l-Artikolu 87(3)(ċ) KE ma jikkostitwixxix, madankollu, żball ta’ liġi. Il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ċaħdet applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ billi rriżulta li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma kienx jikkostitwixxi għajnuna marbuta ma’ investiment (98).
214. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet immotivat biżżejjed d-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 74 tagħha hija fil-fatt enfasizzat il-motivi għaliex, f’dan il-każ, ma riditx tadatta l-metodu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Huwa veru li l-Kummissjoni enfasizzat hemmhekk li biddlet parzjalment il-metodu tagħha fil-kuntest tal-adeżjoni tal-Isvezja u tal-Finlandja, sabiex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi ġeografiċi ta’ dawn l-Istati Membri. Iżda ma ħassitx li jeħtieġ li tbiddel il-metodu tagħha fir-rigward tal-impriżi li jinsabu f’Venezia u f’Chioggia peress li, l-ewwel nett, is-sitwazzjoni f’Venezia ma kellhiex elementi ġodda, u t-tieni nett, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienu setgħu, bħala għajnuna għal funzjonament, ifixklu s-sistema tal-għajnuna u, it-tielet nett, f’dak ir-reġjun ma kienx hemm problemi serji ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali (99).
2. 2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
215. Hotel Cipriani, il-Comitato u l-Gvern Taljan essenzjalment isostnu li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali inġustament limitaw ruħhom li jeżaminaw jekk, f’dan il-każ partikolari, kienx hemm elementi ġodda li setgħu jiġġustifikaw modifika tal-komunikazzjonijiet u tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kellhom jittrattaw il-kwistjoni jekk, minħabba s-sitwazzjoni speċjali u unika ta’ Venezia u ta’ Chioggia, applikazzjoni ad hoc ta’ din id-dispożizzjoni tkunx xierqa.
216. Skont il-Kummissjoni, dawn l-ilmenti għandhom jinċaħdu. L-ilmenti tal-Comitato huma inammissibbli peress li huma indirizzati prinċipalment kontra d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-ilmenti ta’ Hotel Cipriani, tal-Comitato u tal-Gvern Taljan huma infondati wkoll.
3. 3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
217. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, l-ilment tal-Comitato huwa ammissibbli. Anki jekk il-Comitato, fl-appell tiegħu, jirreferi fil-biċċa l-kbira għad-deċiżjoni kkontestata biss, ma jeżistux dubji dwar il-fatt li dan jeċċepixxi żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali li jikkonsisti fil-fatt li fit-trattazzjoni tar-rikors tal-Comitato stess, ma sabet l-ebda żball ta’ liġi tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Ilment bħal dak huwa ammissibbli fil-proċedura ta’ appell.
218. Madankollu, l-ilmenti huma infondati. Il-Qorti Ġenerali ttrattat il-kwistjoni ta’ applikazzjoni ad hoc tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fil-punt 307 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat espliċitament li dik id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata wkoll barra mis-setturi koperti mill-komunikazzjonijiet u mil-linji gwida tal-Kummissjoni, jiġifieri ad hoc.
219. Fejn il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet applikazzjoni ad hoc ta’ tali dispożizzjoni u li hija mmotivat biżżejjed, ma nara l-ebda żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali. Din enfasizzat b’mod korrett li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan is-settur, kif ukoll li hemm għajnuna għall-funzjonament li tista’ tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, u li t-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia jikkostitwixxu reġjun li ma għandux problemi serji ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.
220. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni mmotivat biżżejjed id-deċiżjoni tagħha ma hijiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi. Filwaqt li semmiet, fil-punti 73 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet kontra emenda tal-komunikazzjonijiet tagħha u tal-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni fil-fatt ibbażat ruħha, mil-lat sostanzjali, fuq motivi li bis-saħħa tagħhom applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE ma hijiex, fil-prinċipju, iġġustifikata. Dawn il-motivi mhux biss imorru kontra emenda tal-komunikazzjonijiet u tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni dwar dik id-dipożizzjoni, iżda anki kontra l-applikazzjoni tagħhom ad hoc.
221. Għalhekk, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE għandhom jinċaħdu.
E – E- Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(d) KE
1. 1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
222. Ir-rikorrenti jilmentaw ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(d) KE. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 322 sa 329 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-motivi tar-rikors fejn il-Kummissjoni ċaħdet inġustament l-applikazzjoni tad-deroga kulturali fl-Artikolu 87(3)(d) KE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, l-ewwel nett, fuq iċ-ċirkustanza li, fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ma ġiex ippruvat li l-impriżi ammessi li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jħallsu wkoll l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-ħarsien tal-patrimonju (100). It-tieni nett, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ma jiggarantixxux li jintlaħqu dawn l-għanijiet kulturali (101). It-tielet nett, il-Kummissjoni lanqas biss kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-fatt li applikat id-deroga kulturali lil Consorzio Venezia Nuova u mhux lil Hotel Cipriani. Fil-proċedura amministrattiva ma ġewx sottomessi lill-Kummissjoni indikazzjonijiet dwar pożizzjoni speċjali ta’ Hotel Cipriani. Min-naħa l-oħra, il-Consorzio Venezia Nuova tagħmel parti minn dawk l-impriżi muniċipali li l-awtoritajiet Taljani kienu pprovdew informazzjoni dettaljata dwarhom (102).
2. 2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
223. Il-Comitato, Hotel Cipriani u Coopservice l-ewwel nett jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li mhux l-impriżi kollha huma proprjetarji ta’ immobbli, u għalhekk mhux l-impriżi kollha għandhom iħallsu l-ispejjeż addizzjonali għal xogħlijiet ta’ restawr u ta’ manutenzjoni. Il-Comitato jsostni li ġie ppruvat li l-impriżi kollha għandhom iwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Dawn huma ogħla fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia. It-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali applikat biss għall-attivitajiet f’dak it-territorju, l-ewwel nett, raħħas l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u, it-tieni nett, ħalla lill-impriżi kkonċernati, stabbiliti f’dak ir-reġjun, li jinvestu somom ikbar f’dawk ix-xogħlijiet. Hotel Cipriani tenfasizza li l-miżuri bbenefikaw impriżi suġġetti għal piżijiet partikolari minħabba s-sitwazzjoni speċjali ta’ Venezia. Skont il-Comitato u Hotel Cipriani, anki d-distinzjoni bejn il-bini individwali fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia fiha żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-belt ta’ Venezia hija parti mill-patrimonju kulturali.
224. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta indikat b’mod żbaljat li Consorzio Venezia Nuova hija impriża muniċipali.
225. Fl-aħħar nett, Hotel Cipriani toġġezzjona li ma jistax jiġi lmentat li ma pparteċipatx fil-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni kellha tistedinha.
226. Skont il-Kummissjoni, dawn l-ilmenti għandhom jinċaħdu.
3. 3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
227. L-ilmenti tal-Comitato u ta’ Hotel Cipriani ma jistgħux jintlaqgħu. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(d) KE ma hijiex iġġustifikata billi ma ġiex ippruvata rabta biżżejjed bejn it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-ħarsien tal-patrimonju, fil-fatt ma fihiex żball ta’ liġi.
228. Fl-ewwel lok, ma huwiex korrett li jiġi kkunsidrat li, f’belt li tagħmel parti mill-patrimonju dinji, ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni ta’ kwalunkwe bini jistgħu jiġu ġġustifikati bis-saħħa ta’ deroga kulturali irrispettivament mill-valur kulturali, storiku jew arkitettoniku tagħhom. Wieħed ma għandux jassumi li l-manutenzjoni ta’ kull binja individwali għandha l-istess importanza għall-patrimonju.
229. Fit-tieni lok, ma nara l-ebda żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jiggarantixxux li jintlaħaq l-għan kulturali.
230. L-ewwel nett, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli l-argument li fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ġie ppruvat li l-impriżi benefiċjarji kollha jħallsu l-ispejjeż addizzjonali għall-miżuri ta’ manutenzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet dwar dan magħmula mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux jiġu kkontestati fi proċedura ta’ appell, li hija ristretta għal kwistjonijiet ta’ dritt.
231. Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li sostniet Hotel Cipriani, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(d) KE ma huwiex biżżejjed li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkumpensa piż partikolari tal-impriżi stabbiliti f’Venezia u f’Chioggia. Anzi, dik id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss jekk tiġi ppruvata rabta bejn vantaġġi bħat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-kontribut għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali, storiku jew arkitettoniku. Kif qalet sewwa l-Qorti Ġenerali, l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma pprovdiet xejn f’dan ir-rigward. L-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-bini importanti mil-lat kulturali, storiku jew arkitettoniku jistgħu jvarjaw kunsiderevolment skont it-tip u n-numru tal-bini inkwistjoni. Kif ġie stabbilit mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali, l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma toħloqx rabta ċara bejn dawn l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u l-ammont tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
232. Fit-tielet lok, għandu jinċaħad ukoll l-ilment ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 326 sa 328 tas-sentenza appellata, l-applikazzjoni tad-deroga kulturali għal Consorzio Venezia Nuova hija mmotivata mill-fatt li l-awtoritajiet Taljani, fil-proċedura amministrattiva, kienu pprovdew lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar dan il-konsorzju, li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni setgħet tasal għall-konklużjoni li dan inħatar mill-Istat Taljan sabiex iwettaq interventi sabiex jiggarantixxi l-ħarsien tal-patrimonju storiku, artistiku u arkitettoniku ta’ Venezia. Kuntrarjament għal dak li sostnew il-Comitato u Hotel Cipriani, il-korrettezza ta’ din il-konklużjoni ma titpoġġiex fid-dubju lanqas minn deskrizzjoni eventwalment żbaljata tal-konsorzju bħala impriża muniċipali. Fil-fatt il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ibbażata fuq il-fatt li l-konsorzju huwa impriża muniċipali, iżda fuq il-fatt li huwa nħatar mill-Istat għat-twettiq ta’ interventi maħsuba li jħarsu l-patrimonju storiku, artistiku u arkitettoniku ta’ Venezia.
233. Fir-raba’ lok, għandu jinċaħad anki l-ilment imqajjem minn Hotel Cipriani dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha tistedinha tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva. Bil-komunikazzjoni ppubblikata fit-18 ta’ Frar 1998 fil-Gazzetta Uffiċjali, it-terzi kkonċernati kienu fil-fatt stednuhom jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-iskema ta’ għajnuna kkontestata. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, għajr għal din il-komunikazzjoni, tistieden individwalment terzi fil-proċedura.
234. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE għandhom jinċaħdu kollha kemm huma.
F – F- Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999
235. Ir-rikorrenti kienu sostnew, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienet ġiet introdotta mil-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda jseħħ mill-introduzzjoni tal-iskema kien skada, u għalhekk, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, dan kellu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna eżistenti. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, u ċaħdet dan il-motiv fir-rikors. Issa r-rikorrenti jikkontestaw il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 357 sa 367 tas-sentenza appellata, li fuqhom ibbażat iċ-ċaħda tagħha l-Qorti Ġenerali.
1. 1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
236. F’dik l-istanza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida, peress li l-Liġi Nru 206/1995 introduċiet skema ġdida, applikabbli fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, u l-Liġi Nru 30/1997 saħansitra estendiet il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha (103). Hija ddeċidiet ukoll li l-iskema introdotta minn dawn il-liġijiet ma tistax tiġi kkunsidrata bħala estensjoni ta’ skema li teżisti diġà. Fl-ewwel lok, it-tnaqqis previst mil-Liġijiet Nru 509/1971 u Nru 463/1972 ma kienx ser jingħata iktar wara l-1 ta’ Lulju 1973 (104). Fit-tieni lok, il-Liġi Nru 206/1995 ħolqot espressament skema ġdida ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-Mezzogiorno. Din l-iskema ġdida estendiet mil-Liġi Nru 30/1997 lill-impriżi ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Anki din l-estensjoni, distingwibbli b’mod astratt, mill-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 206/1995, tikkostitwixxi għajnuna ġdida (105). Fi kwalunkwe każ, it-terminu preskrittiv ta’ għaxar snin għall-għajnuna mogħtija bejn l-1995 u l-1997 ma kienx skada billi t-terminu previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 beda jseħħ biss mill-jum meta tħallset l-għajnuna illegali (106). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li la l-Gvern Taljan u lanqas partijiet oħrajn fil-proċedura ma kkritikaw il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha (107).
2. 2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
237. Hotel Cipriani u Coopservice jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod korrett jew li ma applikatx b’mod korrett il-kunċett ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/199. Skonthom, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx biżżejjed il-kwistjoni tal-individwazzjoni tal-mument meta l-iskema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ġiet introdotta. Fil-każ tagħhom, dan ġara diġà permezz tal-Liġi Nru 463/1972. Imbagħad, kienet fis-seħħ f’Venezia l-Liġi Speċjali Nru 171/1973 li stabbilixxiet id-deċiżjoni ta’ prinċipju tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-portata konkreta ta’ dan it-tnaqqis ġiet stabbilita bl-użu tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ għall-Mezzogiorno. Iżda d-deċiżjoni ta’ prinċipju li tinsab fil-Liġi Speċjali Nru 171/1973 qatt ma tħarset.
238. Anki l-Comitato jfakkar li teżisti relazzjoni ta’ kontinwità bejn il-Liġi Nru 171/1973 u l-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997. Għaldaqstant, dak li huwa rilevanti hu li l-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997 bidlu b’mod sostanzjali l-iskema li kienet teżisti diġà skont il-Liġi Nru 171/73. Ir-risposta hija negattiva billi huma biss in-numru u l-ammont tal-vantaġġi stabbiliti li naqsu.
239. Skont il-Kummissjoni dawn l-ilmenti għandhom jinċaħdu.
240. L-ewwel nett, dawn l-ilmenti huma inammissibbli, sa fejn huma indirizzati kontra d-deċiżjoni kkontestata u mhux kontra s-sentenza appellata. Dwar l-argument li r-rikorrenti sostnew li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien diġà ġie introdott qabel, hemm fin-nofs konstatazzjoni tal-fatti, li ma tistax tiġi kkontestata fl-istanza ta’ appell. Barra minn hekk, l-argument dwar il-kontinwità bejn il-Liġi Nru 171/1973 u l-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997 huwa argument dwar fatt ġdid.
241. Barra minn hekk, l-ilmenti huma infondati. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ġustament li l-iskema nazzjonali istitwita mil-Liġi Nru 206/1995 tikkostitwixxi għajnuna ġdida billi l-liġi mmodifikat sostanzalment l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għat-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Il-Liġi Nru 206/1995 kienet b’mod partikolari introduċiet kriterji ġodda ta’ kalkolu, limitazzjoni tat-tnaqqis u tnaqqis tar-rati. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ġustament għamlet riferiment għall-fatt li jkun hemm għajnuna ġdida tal-inqas meta l-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna eżistenti jestendi għal ċirkustanzi ġodda. Fit-tieni lok, ma teżisti l-ebda kontinwità bejn il-Liġi Nru 463/72 u l-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997, peress li l-għajnuna mogħtija bis-saħħa tal-Liġi Nru 463/72 ħallsuha sat-30 ta’ Ġunju 1973.
3. 3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
242. L-ilment huwa ammissibbli. Huwa minnu li huma inammissibbli l-aggravji ta’ appell li ma humiex indirizzati kontra s-sentenza appellata iżda kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni appellata fl-ewwel istanza. Madankollu Hotel Cipriani u l-Comitato jikkontestaw manifestament anki l-motivazzjoni tas-sentenza appellata, fil-parti fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, Hotel Cipriani u l-Comitato, sa mill-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, invokaw l-eżistenza ta’ kontinwità bejn l-iskemi preċedenti u l-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997. Għalhekk, dan l-ilment ma huwiex inammissibbli lanqas bħala argument ibbażat fuq fatt ġdid.
243. Madankollu, l-ilmenti huma infondati.
244. Fir-rigward tal-kontinwità invokata bejn l-iskema skont il-Liġi Nru 463/1972 u l-iskema skont il-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997, il-Qorti Ġenerali ġustament eskludiet kontinwità, billi l-vantaġġi mogħtija bis-saħħa tal-iskema fil-Liġi Nru 436/1972 ingħataw biss sat-30 ta’ Ġunju 1973.
245. L-ilment, li jsostni kontinwità bejn skema skont il-Liġi Nru 171/1973 u l-iskema skont il-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997 lanqas ma huwa konvinċenti. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li l-ewwel nett jerġa’ jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdewlha mill-Istat Membru u minn terzi kkonċernati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Kif osservat il-Qorti Ġenerali, mill-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni rriżulta li, fl-ewwel lok, bid-digriet ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 kienet ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida fuq it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’Mezzogiorno. Fit-tieni lok, mil-Liġi Nru 206/1995 irriżulta li din l-iskema ġdida estendiet għall-impriżi ta’ Venezia u ta’ Chioggia. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li l-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, kellha tassumi li kemm id-digriet ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, kif ukoll il-Liġi Nru 206/1995 kienu jikkostitwixxu skema ġdida. Huwa veru li dan jista’ jkun differenti fil-każ fejn il-Kummissjoni, fil-proċedura amministrattiva, tkun ġiet avżata bil-kontinwità bejn din l-estensjoni u skema eżistenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali aċċertat li la l-Gvern Taljan u lanqas parti oħra ma rreferew għal din il-kontinwità, għalkemm il-Kummissjoni kienet osservat espressament, fil-komunikazzjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li hija assumiet li kien hemm skema ġdida. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet assumiet ġustament li kien hemm għajnuna ġdida. Għaldaqstant, l-ilmenti ta’ Hotel Cipriani u tal-Comitato għandhom jinċaħdu.
G – Ġ- Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999
1. 1. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata
246. Ir-rikorrenti kienu affermaw, fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 385 sa 399 tas-sentenza appellata, eskludiet li kien hemm dan il-ksur. Hotel Cipriani u l-Comitato jikkontestaw din il-parti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett enfasizzat li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u skont il-ġurisprudenza, hija obbligata, fil-prinċipju, tordna l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni (108). F’dan il-każ, l-ordni tal-irkupru ma tmurx kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, li anki jekk il-parti l-kbira tal-impriżi benefiċjarji jwettqu l-attività tagħhom fil-livell lokali, ħaġa li ma ġietx ippruvata, dan ma jħalliex li jiġi eskluż a priori kwalunkwe effett tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni (109).
2. 2. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
247. Skont Hotel Cipriani, Coopservice u l-Comitato, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li kien hemm ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Anki l-Kummissjoni tammetti li mhux it-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, l-irkupru tat-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma huwiex proporzjonat u jikser ukoll il-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji.
248. Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jinċaħad bħala infondat. Hija ma hijiex obbligata tindika motivi partikolari għall-irkupru peress li dan huwa l-konsegwenza naturali tal-aċċertament tal-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. La hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
3. 3. Il-kunsiderazzjonijiet legali
249. L-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jinċaħad, bis-sostituzzjoni tal-motivazzjonijiet tas-sentenza appellata. Kuntrarjament għal dak li sostniet Hotel Cipriani, il-Comitato kif ukoll il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-fatt ma ordnatx l-irkupru tat-tnaqqis kollu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti. Anzi, kif ingħad iktar ’il fuq, hija sempliċement ordnat l-irkupru tal-miżura sa fejn dan jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u, skont l-Artikolu 1(2) kif ukoll tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni appellata, ma humiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, l-ilment li huwa sproporzjonat li jiġi ordnat l-irkupru tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minkejja li ma huwiex ċar jekk jissodisfax ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 87(1) KE, ma huwiex effettiv.
VII – Sunt
250. Bħala konklużjoni jeħtieġ li jiġi osservat li:
251. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma vverifikatx sa fejn il-Comitato sostna anki fil-kawża preċedenti l-motivi li fuqhom huwa kien ibbaża ruħu fil-Kawża T-277/00, u għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta ma ddikjaratx bħala inammissibbli minħabba l-lis alibi pendens ir-rikors tal-Comitato fil-kawża T-277/00, fil-parti fejn hemm motivi identiċi. L-appell inċidentali tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-punt u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. Il-kumplament tar-rikors inċidentali tal-Kummissjoni għandu jinċaħad.
252. Skont l-Artikolu 61(1) tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-annullament, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat sa fejn il-Comitato bbaża ruħu, fil-Kawża T-277/00 fuq motivi sostanzjalment identiċi għal dawk li fuqhom ibbaża r-rikors tiegħu fil-Kawża T-231/00. F’dan ir-rigward huwa rilevanti biss jekk il-motivi humiex sostanzjalment identiċi (110), ħaġa li tista’ tiġri anki jekk l-argumenti magħmulin sabiex jiġi sostnut il-motiv ma jikkoinċidux bl-eżatt kompletament. Minn paragun bejn il-motivi fil-Kawża T-231/00 u fil-Kawża T-277/00 jirriżulta li l-motivi li bihom l-Comitato jilmenta, fil-Kawża T-277/00, li kien hemm ksur u applikazjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE (punt 2 tar-rikors) u ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE (punt 3 tar-rikors), huma sostanzjalment identiċi għal dawk li l-Comitato diġà għamel fil-kawża preċedenti T-231/00. Għal dan il-motiv, ir-rikors tal-Comitato għandu jiġi ddikjarat inammissibbli għar-raġuni tal-lis alibi pendens.
253. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-aggravji ta’ appell li bihom il-Comitato jilmenta ksur tal-Artikolu 87(1) u (3)(c) KE għandhom jinċaħdu peress li huma irrilevanti għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq. L-aggravji ta’ appell l-oħra għandhom jinċaħdu għar-raġunijiet li jidhru fil-punt VI ta’ dawn il-konklużjonijiet.
254. L-appelli ta’ Hotel Cipriani u Italgas għandhom jinċaħdu għar-raġunijiet imsemmija fil-punt VI ta’ dawn il-konklużjonijiet.
VIII – Konklużjoni
255. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:
1. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Novembru 2008, fil-Kawżi magħquda T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni għandha tiġi annullata sa fejn tiddikjara ammissibbli r-rikors tal-Comitato “Venezia vuole vivere” fil-Kawża T-277/00 anki fir-rigward ta’ aggravji li għandhom bħala suġġett interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE u interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fir-rigward ta’ dawn l-aggravji, ir-rikors tal-Comitato “Venezia vuole vivere” fil-Kawża T-277/00 għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba lis alibi pendens.
2. Il-kumplament tal-appelli għandhom jinċaħdu.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Ġabra p. II‑3269.
3 – ĠU 2000, L 150, p. 50.
4 – Fuq il-bażi tad-definizzjonijiet użati fit-TUE u fit-TFUE ser jintuża t-terminu “dritt tal-Unjoni” sabiex jiġi indikat kemm id-dritt Komunitarju, kif ukoll dak tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt primarju ċċitati huma dawk li kienu applikabbli ratione temporis.
5 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.
6 – ĠU L 265, p. 23.
7 – ITL 73 biljun.
8 – ITL 567 miljun.
9 – Ara iktar ’il fuq, punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
10 – Ara d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, minn T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, minn T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, minn T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II-787), kif ukoll Confartigianato Venezia et vs Il-Kummissjoni (T‑266/00); Baglioni Hotels u Sagar vs Il-Kummissjoni, T‑269/00; Unindustria et vs Il-Kummissjoni T‑273/00, kif ukoll Principessa vs Il-Kummissjoni, (T‑288/00, Ġabra p. II‑3269). F’dawn id-digrieti, ċerti rikorsi nċaħdu anki minħabba l-lis alibi pendens.
11 – Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2005, Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il-Kummissjoni (mhux ippubblikat fil-Ġabra).
12 – Ir-rikors fil-Kawża T‑221/00 ġie rtirat, digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2008, Casinò municipale di Venezia vs Il-Kummissjoni (mhux ippubblikat fil-Ġabra).
13 – Punt 43 tas-sentenza appellata.
14 – Idem.
15 – Punti 44 sa 47 tas-sentenza appellata.
16 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.
17 – Iċċitati diġà fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
18 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni (C‑176/06 P, Ġabra p. I‑170, punti 17 et seq) u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’April 2010, Makhteshim-Agan et vs Il-Kummissjoni (C‑517/08 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 54 et seq).
19 – Iċċitati diġà fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
20 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31).
21 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 18.
22 – Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 2009, Cheminova et vs Il-Kummissjoni [C‑60/08 P(R), Ġabra p. I‑43, punti 31 et seq], fejn igħid li approċċ bħal dan, li huwa inammissibbli fi proċedura ta’ urġenza, għandu madankollu jiġi ammess fil-proċedura prinċipali.
23 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni (50/84, Ġabra p. 3991, punt 8), kif ukoll tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill (Kawżi magħquda C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 44).
24 – Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1987, Diezler et vs CES (Kawżi magħquda 146/85 u 431/85, Ġabra p. 4283, punt 12) iddeċidiet li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà għal-lis alibi pendens fil-konfront ta’ rikors suċċessiv ma tistax tintlaqa’ jekk ir-rikors preċedenti jiġi ddikjarat inammissibbli.
25 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9); Diezler et vs CES (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 13 sa 16); tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament (Kawżi magħquda 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punti 9 sa 12), kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I‑10043, punti 64 et seq).
26 – F’dan is-sens ukoll S. Hackspiel, fi: H.-W. Rengeling, A. Middeke, M. Gellermann, Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union, Beck, it-Tieni Edizzjoni, 2003, § 23, punt 32.
27 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 9 sa 12.
28 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 16.
29 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 1971, Bode vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda 45/70 u 49/70, Ġabra p. 465).
30 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1973, Perinciolo vs Il-Kunsill (Kawżi magħquda 58/72 u 75/72, Ġabra p. 511).
31 – Sentenze Bode (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 11) u Perinciolo (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 4 et seq).
32 – Sentenzi Bode (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 11) u Perinciolo (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 5).
33 – Punt 73 tas-sentenza appellata.
34 – Punt 74 tas-sentenza appellata.
35 – Punti 76 sa 99 tas-sentenza appellata.
36 – Punti 76 sa 93 tas-sentenza appellata.
37 – Punti 94 sa 99 tas-sentenza appellata.
38 – Punt 100 sa 111 tas-sentenza appellata.
39 – Huwa veru li l-Comitato, fit-titolu tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriferi għall-ilmenti tal-Kummissjoni dwar l-interess ġuridiku. Iżda, mil-lat sostanzjali, il-Comitato jirreferi għal-locus standi.
40 – Punti 76 sa 93 tas-sentenza appellata.
41 – Ara l-punt 74 tas-sentenza appellata.
42 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, b’mod partikolari paġna 220); tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni (C-321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28); tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punt 32); tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 36); tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 21).
43 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il-Kummissjoni (C-6/92, Ġabra p.I-6357, punt 14); L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 33), kif ukoll L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 37).
44 – Punt 84 tas-sentenza appellata.
45 – Sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punti 34 et seq), kif ukoll L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 38).
46 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
47 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
48 – F’dan is-sens ukoll D. Grespan, W. Mederer, N. Pesaresi u M. Van Hoof, f’EU Competition Law, Volume IV, State Aid, Book One, Claeys & Casteels 2008, 3 366.
49 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke Friesland Campina (C‑519/07 P, Ġabra p. I‑8495, punt 59).
50 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I‑833, punti 10 sa 26); tat-12 ta’ Diċembru 1996, Accrington Beef et (C‑241/95, Ġabra p. I‑6699, punti 15 u 16), kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C‑408/95, Ġabra p. I‑6315, punti 28 et seq).
51 – Ara l-paragrafu 3 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 1993 fil-kawża Textilwerke Deggendorf, iċċitata.
52 – Idem.
53 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et (Kawżi magħquda C‑346/03 u C‑529/03, Ġabra p. I‑1875, punti 30 sa 34).
54 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
55 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
56 – F’dan is-sens ukoll D. Grespan, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, 3 369.
57 – F’dan il-kuntest issir referenza minn qabel għall-motivazzjoni fil-punt 150 ta’ dawn il-konklużjonijiet u għall-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85.
58 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (kawżi magħquda C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 26 u 27), kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, OHMI vs Celltech (C‑273/05 P, Ġabra p. I‑2883, punti 56 et seq).
59 – Ara l-punt 49.
60 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, Ġabra p. II-1971, punt 60).
61 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, minn C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 392 sa 405).
62 – Ara l-punti 72 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
63 – Ara l-punti 80 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
64 – L-eżami tal-appell tal-Comitato isir fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni, sostnuta f’din l-istanza, tal-ammissibbiltà parzjali tar-rikors tal-Comitato. Miniex ser neżamina l-ilmenti ta’ Coopservice dwar il-ksur tal-Artikolu 87(2)(b) u 3(b) KE peress li Coopservice ma ppreżentatx appell f’waqtu u l-ebda wieħed mir-rikorrenti ma jinvoka dawn l-ilmenti.
65 – Punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata.
66 – Punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata.
67 – Punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata.
68 – Punti 191 sa 194 tas-sentenza appellata.
69 – Punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata.
70 – Punti 191 sa 194 tas-sentenza appellata.
71 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawżi magħquda 16/69, Ġabra p. 377, punti 20 u 21); tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni (Kawża C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 21), kif ukoll L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 61).
72 – F’dan is-sens ara wkoll D. Grespan, S. Santamato, iċċitati (nota ta’ qiegħ il-paġna 48), 2 307.
73 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58.
74 – Punti 227 sa 231 tas-sentenza appellata.
75 – Punt 232 tas-sentenza appellata.
76 – Punti 233 et seq tas-sentenza appellata.
77 – Punt 235 tas-sentenza appellata.
78 – Punt 236 et seq tas-sentenza appellata.
79 – Punt 238 tas-sentenza appellata.
80 – Punti 239 sa 243 tas-sentenza appellata.
81 – Punti 244 sa 245 tas-sentenza appellata.
82 – Punti 246 sa 248 tas-sentenza appellata.
83 – Punti 250 sa 253 tas-sentenza appellata.
84 – Punti 251 et seq tas-sentenza appellata.
85 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Italja u Sardegna Lines (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 51); tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punt 24); tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punti 91 et seq), kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punti 67 et seq).
86 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni (T‑9/98, Ġabra p. II‑3367, punti 116 et seq).
87 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 23).
88 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑86/89, Ġabra p. I‑3891, punt 18), kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 30).
89 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 62).
90 – Ara l-aħħar sentenza tal-punt 103 tas-sentenza appellata.
91 – Ara l-punti 149 sa 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
92 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punti 90 et seq).
93 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punt103).
94 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punt 8).
95 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, Ġabra p. I‑8357, punt 45), kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 42).
96 – Punti 306 sa 311 tas-sentenza appellata.
97 – Punt 307 tas-sentenza appellata.
98 – Punt 308 et seq tas-sentenza appellata.
99 – Punt 311 tas-sentenza appellata.
100 – Punti 322 sa 324 tas-sentenza appellata.
101 – Punt 325 tas-sentenza appellata.
102 – Punti 326 sa 328 tas-sentenza appellata.
103 – Punt 359 tas-sentenza appellata.
104 – Punt 360 tas-sentenza appellata.
105 – Punti 361 sa 363 tas-sentenza appellata.
106 – Punti 364 et seq tas-sentenza appellata.
107 – Punt 366 tas-sentenza appellata.
108 – Punti 385 sa 389 tas-sentenza appellata.
109 – Punt 390 tas-sentenza appellata.
110 – Sentenzi Diezler (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 16), kif ukoll Franza vs Il-Parlament (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 9 sa 11).
Full & Egal Universal Law Academy