KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit‑2 ta’ Ġunju 2010 1(1)
Kawża C‑81/09
Idrima Tipou A.E.
vs
Ipourgos Tipou Kai Meson Mazikis Enimerosis
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias [il‑Greċja])
“Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 43 KE, 44(2)(g) KE u 48 KE – Direttiva 68/151/KEE – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 56 KE – Dritt tal-kumpanniji – Prinċipju tal-limitazzjoni tar‑responsabbiltà llimitata għall‑attiv tal-kumpannija – Estensjoni tar-responsabbiltà għall-azzjonisti – Responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li topera fis-settur tal-istampa u tat-televiżjoni u tal-azzjonisti tagħha għall-multi imposti minħabba l-attività ta’ din il-kumpannija”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il‑qafas leġislattiv
A – Id‑dritt Komunitarju
1. Id‑dritt primarju
2. Id‑dritt sekondarju
a) Id‑Direttiva 68/151 KEE
b) Id‑Direttiva 89/667/KEE
B – Il‑liġi nazzjonali
III – Il‑fatti, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
V – L‑argumenti prinċipali tal‑partijiet
VI – Evalwazzjoni legali
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. L‑approssimazzjoni legali bħala strument tad‑dritt Ewropew tal‑kumpanniji
2. L‑għan regolatorju tad‑Direttiva 68/151
B – Fuq id‑domanda preliminari
1. Id‑dritt sekondarju bħala kuntest ta’ eżami
a) L‑applikabbiltà tad‑Direttiva 68/151
i) L‑eżistenza ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltŕ limitata fis‑sens tal‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151
ii) Ir‑rikonoxximent tal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà
iii) Responsabbiltà għall‑obbligi tal‑kumpannija b’kapital azzjonarju
iv) L‑iskop tar‑responsabbiltà ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata
b) Kompatibbiltà mad‑Direttiva 68/151
2. Kompatibbiltà mad‑dritt primarju
a) Ammissibbiltà ta’ dipendenza fuq id‑dritt primarju
b) Il‑libertà ta’ stabbiliment
i) L‑applikabbiltà tal‑Artikoli 43 KE u 48 KE
ii) Restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment
– L‑Artikolu 43 KE bħala projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet
– Il‑possibbiltà ta’ delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet
iii) Ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment
– Il‑protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħala interess leġittimu
– It‑test ta’ proporzjonalità
iv) Konklużjoni intermedjarja
c) Il‑moviment liberu tal‑kapital
i) Applikabbiltà tal‑Artikolu 56 KE
ii) Restrizzjoni fuq il‑moviment liberu tal‑kapital
– L‑Artikolu 56 KE bħala projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet
– Il‑possibbiltà ta’ delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet
iii) Ġustifikazzjoni
– Il‑protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali bħala interess leġittimu
– It‑test ta’ proporzjonalità
iv) Konklużjoni intermedjarja
VII – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. Il‑każ preżenti joriġina minn talba għal deċiżjoni preliminari mis‑Symvoulio tis Epikrateias Grieg (Kunsill tal‑Istat; iktar ’il quddiem il‑“qorti tar-rinviju”) konformi mal‑Artikolu 234 KE (2) li permezz tagħha l‑Qorti tal‑Ġustizzja ntalbet tagħti interpretazzjoni tal‑ewwel Direttiva tal‑Kunsill [68/151/KEE], tad‑9 ta’ Marzu tal‑1968, dwar il‑koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall‑protezzjoni tal‑interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill‑Istati Membri minn kumpanniji fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 58 tat‑Trattat, bil‑għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal‑Komunità (3).
2. It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn tilwima bejn Idrima Tipou A.E. (iktar ’il quddiem ir‑“rikorrenti”), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li topera fis‑settur tal‑istampa u tat‑televiżjoni, u l‑Ipourgos Tipou Kai Meson Mazikis Enimerosis (Ministru tal‑Istampa u x‑Xandir) (iktar ’il quddiem il‑“konvenut”) rigward il‑legalità ta’ multa li ġiet imposta fuq ir‑rikorrenti minħabba ksur tal‑leġiżlazzjoni u regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw il‑funzjonament ta’ stazzjonijiet televiżivi u li r‑rikorrenti, l‑azzjonisti u l‑membri tal‑bord tad‑diretturi nżammu responsabbli in solidum għalihom.
3. Minn perspettiva legali, dan ir‑rinviju essenzjalment iqajjem żewġ punti legali li huma interkonnessi. L‑ewwel nett, issir il‑mistoqsija jekk fid‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea hemmx kunċett definit biżżejjed tal‑forma legali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li, bħas‑sistema legali ta’ ħafna Stati Membri, tirrikonoxxi l‑prinċipju li r‑responsabbiltà ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju hija limitata għall‑assi tal‑kumpannija. It‑tieni nett, il‑qorti tar‑rinviju tixtieq tivverifika jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, dan il‑prinċipju jippermettix li jiġi minfud il‑velu korporattiv. Huwa biss jekk dan it‑tniffid tal‑velu korporattiv huwa kompatibbli mad‑dritt Komunitarju li jkun possibbli li tiġi estiża r‑responsabbiltà tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għall‑assi tal‑azzjonisti.
II – Il‑qafas leġislattiv
A – Id‑dritt Komunitarju
1. Id‑dritt primarju
4. L‑Artikolu 43 KE jistipula:
“Fil‑qafas tad‑dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir‑restrizzjonijiet għal‑libertà ta’ l‑istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu pprojbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l‑istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit‑territorju ta’ Stat membru ieħor.
Il‑libertà ta’ l‑istabbiliment tinkludi d‑dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it‑tifsira tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 48, paragrafu 2, taħt il‑kondizzjonijiet stipulati fil‑liġijiet tal‑pajjiż ta’ l‑istabbiliment, għaċ‑ċittadini tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għad‑dispożizzjonijiet tal‑Kapitolu dwar il‑kapital.”
5. L‑Artikolu 44 KE jistipula:
“ 1. Sabiex tinkiseb il‑libertà ta’ l‑istabbiliment għal xi attività speċifika, il‑Kunsill li jaġixxi skond il‑proċedura li hemm imsemmija fl‑Artikolu 251 u wara li jikkonsulta mal‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jaġixxi permezz ta’ direttivi.
2. Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il‑funzjonijiet mogħtija lilhom bid‑dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, b’mod partikulari
[…]
(g) billi jikkoordinaw, sa fejn hu neċessarju u bil‑ħsieb li jiżguraw l‑ekwivalenza tagħhom fil‑Komunità kollha, il‑garanziji meħtieġa fi Stati Membri minn kumpanniji fis‑sens ta’ l‑Artikolu 48 paragrafu 2 biex jipproteġu kemm l‑interessi tal‑membri kif ukoll ta’ terzi”.
6. L‑Artikolu 48 KE jistipula:
“Il‑kumpanniji jew ditti stabbiliti in konformità mal‑liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l‑uffiċju reġistrat jew it‑tmexxija ċentrali jew is‑sede prinċipali ġewwa l‑Komunità, għandhom, għall‑fini ta’ dan il‑Kapitolu ikunu meqjusa bħala persuni naturali ċittadini ta’ l‑Istati Membri.
‘Kumpanniji jew ditti’ ifissru kumpanniji jew ditti stabbiliti skond il‑liġijiet ċivili jew kummerċjali, inklużi s‑soċjetajiet kooperattivi u persuni ġuridiċi oħra regolati bid‑dritt pubbliku jew privat, ħlief għal dawk bla skop ta’ qliegħ”.
7. L‑Artikolu 56 KE jistipula:
“1 . Fil‑kwadru tad‑disposizzjonijiet indikati f’dan il‑Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il‑moviment tal‑kapital bejn l‑Istati Membri u bejn l‑Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.
2. Fil‑kwadru tad‑disposizzjonijiet indikati f’dan il‑Kapitolu, kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l‑Istati Membri u l‑Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita.”
2. Id‑dritt sekondarju
a) Id‑Direttiva 68/151 KEE
8. Sakemm ġiet abrogata bid‑Direttiva 2009/101/KE (4) li daħlet fis‑seħħ fil-21 ta’ Ottubru 2009, id‑Direttiva 68/151 li hija applikabbli ratione temporis ipprovdiet għall‑koordinazzjoni tas‑salvagwardji skont id‑dritt tal‑kumpanniji fl‑Istati Membri fl‑interess tal‑membri u ta’ terzi.
9. Skont il‑premessi ta’ din id‑direttiva “il‑koordinazzjoni prevista fl‑Artikolu 54(3)(ġ) [tat‑Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea] u fil‑Programm Ġenerali għat‑tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il‑libertà ta’ stabbiliment hija kwistjoni ta’ urġenza, speċjalment dwar kumpanniji limitati b’ishma jew għandhom xort’oħra responsabbiltà limitata, billi l‑attiviatjiet ta’ dawk il‑kumpanniji ġieli jestendu ’l hinn mill‑fruntieri ta’ territorji nazzjonali’. Il‑premessi għal din id‑direttiva jistipulaw ukoll illi “f’dawn il‑kwistjonijiet għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet tal‑Komunità relattivament għal dawk il‑kumpanniji simultanjament, billi l‑uniċi salvagwardji li huma joffru lil partijiet terzi huwa l‑attiv tagħhom”.
10. L‑Artikolu 1 ta’ din id‑direttiva, kif emendat bl‑Att ta’ Adeżjoni għall‑Greċja (5), jistipula:
“Il‑miżuri ta’ koordinazzjoni stipulati b’din id‑direttiva għandhom japplikaw għal‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri dwar it‑tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:
[…]
għall‑Greċja:
ανώνυμη εταιρία, εταιρία περιωρισμένης ευθύνης, ετερόρρυθμη κατά μετοχές εταιρία (kumpanniji limitati bl‑ishma jew li altrimenti jkollhom responsabbiltà limitata).”
11. Id‑Direttiva 68/151 fiha tliet taqsimiet. Taqsima I tittratta l‑iżvelar ta’ dokumenti ta’ kumpannija, Taqsima II tinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il‑validità ta’ obbligi li l‑kumpannija tkun daħlet għalihom, u Taqsima III li tirregola n‑nullità possibbli tal‑kumpannija.
b) Id‑Direttiva 89/667/KEE
12. Fil‑premessi tagħha, it‑Tnax‑il Direttiva tal‑Kunsill, rigward il‑liġijiet tal‑kumpanniji 89/667/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il‑kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbilità limitata (6) tistipula li “huwa importanti li jiġi pprovdut strument legali li jippermetti l‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà tal‑imprenditur individwali ġewwa l‑Komunità kollha, mingħajr preġudizzju għal‑liġijiet ta’ l‑Istati Membri li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali jeħtieġu li dan l‑imprenditur ikun responsabbli mill‑obbligi ta’ l‑impriża tiegħu”.
B – Il‑liġi nazzjonali
13. L‑Artikolu 5(1) tal‑Kostituzzjoni Griega jistabbilixxi d‑dritt taċ‑ċittadini kollha li jiżviluppaw liberament il‑personalità tagħhom u li jipparteċipaw fil‑ħajja soċjali, ekonomika u politika, bil‑kundizzjoni li jirrispettaw id‑drittijiet ta’ ħaddieħor, il‑Kostituzzjoni u l‑istandards morali. L‑Artikolu 5(3) jistipula li l‑libertà personali hija invjolabbli.
14. L‑Artikolu 106(2) tal‑Kostituzzjoni jistipula li l‑inizjattiva ekonomika privata ma għandhiex titħalla tiżviluppa għad‑detriment tal‑libertà u d‑dinjità umana filwaqt li l‑Artikolu 15(2) tal‑Kostituzzjoni jistipula (fil‑verżjoni ta’ qabel ir‑reviżjoni kostituzzjonali tal‑2001) li r‑radju u t‑televiżjoni, taħt il‑kontroll tal‑Istat, kellhom jiżguraw it‑trasmissjoni ta’ informazzjoni oġġettiva u li jiġu salvagwardjati l‑istandards tax‑xandir.
15. Il‑Ligi 2328/1995 tirregola l‑qafas legali tat‑televiżjoni privata. L‑Artikolu 1(9) jistipula li azzjonijiet f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li joperaw stazzjonijiet televiżivi għandhom ikunu rreġistrati. Skont l‑Artikolu 1(10), kumpanniji b’responsabbiltà limitata jistgħu jkollhom liċenzja waħda biss biex iwaqqfu, jistabbilixxu u joperaw stazzjon televiżiv jew ikollhom azzjonijiet f’kumpannija waħda biss li jkollha f’isimha liċenzja bħal din. Azzjonijiet miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’kumpanniji bħal dawn ma għandhomx jeċċedu l-25 % tal‑kapital azzjonarju. Azzjonisti li jkollhom iktar minn 2.5% u l‑membri tal‑bord tad‑diretturi ta’ kumpanniji li japplikaw għal jew li jkollhom kumpannija biex joperaw stazzjon televiżiv ma għandhomx jinsabu ħatja ta’ reati kriminali li jikkostitwixxu impediment biex jinħatru uffiċjali pubbliċi. Bl‑istess mod l‑azzjonisti huma obbligati, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑liġi rilevanti, li jiġġustifikaw kif ikunu akkwistaw l‑attiv tagħhom. Barra dan, l‑Artikolu 1(11) jistipula li sehem f’kumpannja li twettaq xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti pubbliċi għal provvisti huwa inkompatibbli ma’ sehem f’kumpannija li topera stazzjon televiżiv. L‑Artikolu 1(13) jipprovdi għal notifika obbligatorja lill‑ministru kompetenti tat‑trasferimenti kollha ta’ azzjonijiet f’tali kumpannija li jkunu jeċċedu t‑2.5 % tal‑kapital azzjonarju tagħha. L‑Artikolu 3 tal‑Liġi 2328/1995 jistipula r‑regoli ta’ kondotta tajba li għandhom jiġu osservati minn stazzjonijiet televiżivi, filwaqt li l‑Artikolu 4 jipprovdi għal multi amministrattivi fl‑eventwalità ta’ ksur ta’ dawk ir‑regoli. Fir‑rigward ta’ dawn il‑penalitajiet, huwa stipulat b’mod speċifiku li l‑multi għandhom jiġu imposti in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija li jkollha l‑liċenzja biex twaqqaf u topera l‑istazzjon televiżiv, ir‑rappreżentanti legali tagħha u l‑membri tal‑bord tad‑diretturi tagħha, imma anki fuq l‑azzjonisti kollha b’sehem ta’ iktar minn 2.5 %.
16. Il‑Liġi 2190/1920 tistabbilixxi r‑regoli ġenerali li jirregolaw kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. Skont l‑Artikolu 1 tal‑Liġi, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata hija “kumpannija b’kapital azzjonarju u b’personalità ġuridika, li għall‑passiv tagħha hija biss responsabbli bl‑attiv tagħha”.
III – Il‑fatti, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
17. Fil‑11 ta’ Mejju 2001, il‑konvenut adotta deċiżjoni fejn ġiet imposta multa ta’ GDR 10 000 000 in solidum fuq il‑kumpannija Nea Tileorasi, il‑proprjetarja tal‑istazzjon televiżiv Star Channel, u fuq l‑azzjonisti tagħha u l‑membri tal‑bord tad‑diretturi tagħha. Il‑multa ġiet imposta fuq ir‑rakkomandazzjoni tal‑Ethniko Symvoulio Radiotileorasis (Kunsill tar‑Radju u Televiżjoni Nazzjonali), l‑awtorità indipendenti kompetenti, minħabba li informazzjoni mxandra fil‑programm prinċipali tal‑aħbarijiet tal‑istazzjon televiżiv Star Channel fil‑11 ta’ Frar 2000 kisret l‑obbligu li jiġi osservat il‑karattru, l‑unur, ir‑reputazzjoni, u l‑ħajja familjari u l‑preżunzjoni tal‑innoċenza ta’ żewġ kantanti u disinjatur tal‑moda.
18. Ir‑rikorrenti, li hija azzjonista fil‑kumpannija Nea Tileorasi, talbet lill‑qorti tar‑rinviju għall‑annullament tad‑deċiżjoni ministerjali li imponiet il‑multa u tad‑deċiżjoni tal‑Kunsill tar‑Radju u Televiżjoni Nazzjonali li fuqha kienet ibbażata.
19. Kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju, f’dawn il‑proċeduri l‑qorti tar‑rinviju kkunsidrat kemm il‑kostituzzjonalità u l‑kompatibbiltà mad‑dritt Komunitarju tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95.
20. Il‑qorti tar‑rinviju eżaminat, l‑ewwel nett, jekk regola li taħtha jiġu imposti multi in solidum kemm fuq il‑kumpannija u fuq ċerta kategorija ta’ azzjonisti hijiex konsistenti mad‑dispożizzjonijiet tal‑Kostituzzjoni Griega dwar il‑libertà ekonomika. It‑tieni nett, il‑qorti tar‑rinviju eżaminat jekk id‑dispożizzjoni kkontestata taqax taħt id‑Direttiva 68/151 u jekk hijiex kompatibbli mal‑Artikolu 1 ta’ din id‑direttiva. F’dan ir‑rigward, il‑membri tal‑Awla kompetenti kellhom opinjonijiet legali diverġenti.
21. Fit‑talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il‑qorti tar‑rinviju tesprimi dubji fir‑rigward tal‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 68/151. Din għalhekk issospendiet il‑proċeduri u rrinvjat id‑domanda li ġejja lill‑Qorti tal‑Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
Id‑Direttiva 68/151/KEE, li fl‑Artikolu 1 tagħha tipprovdi li “[i]l‑miżuri ta’ kordinazzjoni preskritti b’din id‑Direttiva għandhom japplikaw għall‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l‑Istati Membri dwar it‑tipi ta’ kumpaniji li ġejjin: [...] fil‑Greċja: ανώνυμη εταιρία [kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata] ...”, tistabbilixxi regola li tipprojbixxi l‑adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/1995, sa fejn tali dispożizzjoni tipprovdi li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tal‑etika li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi huma imposti b’mod konġunt u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija detentriċi tal‑awtorizzazzjoni għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, iżda wkoll fuq l‑azzjonisti kollha li jżommu perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5%?
IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
22. Id‑digriet tar‑rinviju tas‑17 ta’ Settembru 2008 wasal fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑26 ta’ Frar 2009.
23. Il‑Gvern tar‑Repubblika Ellenika u l‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub fit‑terminu previst fl‑Artikolu 23 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.
24. Fis‑seduta tal‑11 ta’ Marzu 2010, ir‑rappreżentanti tar‑Repubblika Ellenika u tal‑Kummissjoni ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom.
V – L‑argumenti prinċipali tal‑partijiet
25. Fl‑osservazzjonijiet tagħhom, il‑Gvern Grieg u l‑Kummissjoni jaqblu li l‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151 ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95.
26. Kemm il‑Gvern Grieg u l‑Kummissjoni jsostnu li d‑Direttiva 68/151 ma tipprovax tarmonizza l‑kunċett jew id‑definizzjoni ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, imma sempliċement telenka l‑forom ta’ kumpanniji eżistenti fl‑Istati Membri li japplikaw għalihom id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva.
27. Konsegwentement, l‑Istati Membri għandhom id‑dritt li joħolqu forom ġodda ta’ kumpanniji jew li jimponu obbligi addizjonali fuq il‑kumpanniji elenkati fl‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151. F’dan ir‑rigward il‑Kummissjoni tirreferi fil‑preambolu tagħha għall‑bżonn li jiġu ppreżervati d‑dispożizzjonijiet nazzjonali li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jeħtieġu l‑intraprenditur ikun responsabbli għall‑obbligi tal‑impriża tiegħu, b’deroga mill‑istrument legali, li jissemma wkoll fil‑preambolu, li għandha tiġi limitata r‑responsabbiltà tal‑kumpannija, li għandha tkun ipprovduta għall‑intraprenditur individwali f’kull parti tal‑Komunità. Kemm il‑Gvern Grieg u l‑Kummissjoni jikkonkludu li d‑dritt Komunitarju ma jiggarantix lill‑membri eżenzjoni mir‑responsabbiltà għall‑impenji ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.
28. Sussidjarjament, il‑Gvern Grieg isostni li l‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95, pereżempju, ma jelevax ir‑responsabbiltà in solidum tal‑membri b’sehem ta’ iktar minn 2.5 % għall‑istatus ta’ regola ġenerali. Pjuttost, din id‑dispożizzjoni tistipula l‑impożizzjoni ta’ multi għal ksur ta’ leġiżlazzjoni u regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi fuq il‑kumpannija li għandha f’isimha l‑liċenzja operattiva għal stazzjon televiżiv u fuq il‑membri, peress li dawn għandhom rwol partikolari fil‑formazzjoni u fit‑tħaddim tal‑kumpannija.
VI – Evalwazzjoni legali
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. L‑approssimazzjoni legali bħala strument tad‑dritt Ewropew tal‑kumpanniji
29. Id‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea huwa primarjament ikkonċernat bil‑kundizzjonijiet qafas li jirregolaw impriżi ta’ oriġini nazzjonali jew Ewropea fis‑suq intern (7). Il‑formulazzjoni speċifika ta’ dawk il‑kundizzjonijiet qafas hija influwenzata, minn naħa, mill‑isforzi biex jiġu armonizzati s‑sistemi nazzjonali tad‑dritt tal‑kumpanniji fl‑Istati Membri, u min‑naħa l‑oħra, mill‑ħolqien ta’ sistema supranazzjonali ta’ dritt tal‑kumpanniji stipulati fid‑dritt Komunitarju.
30. Hemm diversi raġunijiet għall‑isforzi biex jiġu approssimati r‑regoli tad‑dritt tal‑kumpanniji li jeżistu fl‑Istati Membri individwali. Punt ta’ referenza huwa l‑prinċipju tal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl‑Artikolu 43 KE, li huwa applikabbli wkoll għall‑kumpanniji skont l‑Artikolu 48 KE, u li jipprovdi li restrizzjonijiet fuq il‑libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fi Stati Membri oħrajn għandhom jitneħħew (8). Madankollu, speċifikament fil‑każ ta’ kumpanniji, dawn jistgħu u fil‑fatt jeżerċitaw id‑dritt tal‑istabbiliment tagħhom f’każ biss li jkun hemm ambjent legali armonizzat. Impetu ieħor għall‑armonizzazzjoni legali huwa r‑rikonoxximent tal‑fatt li deċiżjonijiet dwar il‑post tal‑impriża għandhom jittieħdu fl‑interess tal‑ekonomija tal‑Unjoni fit‑totalità tagħha, abbażi ta’ fatturi razzjonali u nazzjonali, u mhux skont fejn hemm ambjent iktar favorevoli għall‑impriżi mill‑perspettiva ta’ dritt tal‑kumpanniji (9). Barra dan, l‑approssimazzjoni ta’ sistemi legali nazzjonali hija maħsuba biex tiżgura li l‑kundizzjonijiet kompetittivi jkunu ugwali kemm jista’ jkun possibbli għall‑impriżi fl‑Unjoni Ewropea. Fl‑aħħar nett, l‑eżistenza ta’ ambjenti legali komparabbli tgħin biex jiżgura li investimenti transkonfinali minn impriżi u azzjonisti jsiru għall‑benefiċċju tal‑iżvilupp ekonomiku u soċjali tal‑Unjoni.
2. L‑għan regolatorju tad‑Direttiva 68/151
31. Id‑Direttiva 68/151 li ġiet adottata fid‑9 ta’ Marzu 1968, għaxar snin wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattati ta’ Ruma, mhux biss kienet l‑ewwel direttiva fil‑qasam tad‑dritt tal‑kumpanniji; iżda din kienet propju l‑ewwel miżura ta’ approssimazzjoni fil‑qasam tad‑dritt ċivili (10). Imwaqqfa fuq il‑bażi legali tal‑Artikolu 53 (3)(g) tat‑Trattat KEE, [l‑Artikolu 44(2)(g) KE] (11), din hija maħsuba biex tipproteġi lil terzi, b’mod partikolari l‑kontraenti tal‑kumpannija. Hija maħsuba mhux biss biex tkun tista’ tinkiseb l‑informazzjoni neċessarja dwar il‑kumpannija, imma anki biex tiġi invokata l‑effettività ta’ dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni magħmula għan‑nom tal‑kumpannija u dwar l‑eżistenza kontinwa tal‑kumpannija reġistrata (12). Skont ir‑raba’ u s‑sitt premessa tagħha, hija intiża għall‑koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il‑pubbliċità ta’ informazzjoni bażika dwar il‑kumpannija, il‑validità ta’ obbligi assunti għan‑nom tal‑kumpannija, u n‑nullità tal‑kumpannija. Dawn ir‑regoli għall‑protezzjoni tar‑relazzjonijiet legali kienu magħrufa fis‑sistemi legali tal‑Istati fondaturi kollha. Madanakollu, dawn ma kinux kompletament ekwivalenti. Fid‑dawl ta’ żvilupp li dejjem kien qed jiżdied ta’ attivitajiet transkonfinali ta’ kumpanniji, l‑Istati Membri għalhekk ikkunsidraw li r‑regoli nazzjonali għandhom b’mod urġenti jiġu approssimati sabiex tiġi pprovduta protezzjoni ekwivalenti għar‑relazzjonijiet legali b’mod ġenerali, tal‑kredituri b’mod partikolari, f’kull parti tal‑Komunità.
32. Qabel l‑adozzjoni tagħha kien hemm ħafna snin ta’ negozjati fi ħdan il‑Komunità Ekonomika Ewropea, li f’dak iż‑żmien kienet għadha tikkonsisti minn sitt Stati fondaturi. Meta aderew l‑Istati Membri l‑oħra, inkluża l‑Greċja fl‑1981, dawn inkorporaw id‑Direttiva 68/151 bħala parti mill‑‘acquis communautaire’. Skont l‑atti ta’ adeżjoni rispettivi, id‑dispożizzjonijiet tad‑direttiva, b’mod partikolari l‑Artikolu 1 dwar il‑kumpanniji kkonċernati kienu ġew adattati konformament mat‑tkabbir tal‑grupp tal‑Istati Membri. Din id‑dispożizzjoni tad‑direttiva, li l‑qorti tar‑rinviju qed titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tinterpreta fid‑domanda preliminari tagħha, tiddefinixxi l‑iskop ratione personae tad‑direttiva, billi telenka l‑forom ta’ kumpanniji li tapplika għalihom f’kull Stat Membru individwali. Dawn huma mingħajr ebda eċċezzjoni kumpanniji b’kapital azzjonarju (13), jiġifieri kumpanniji limitati bl‑azzjonijiet jew mod ieħor, li jkollhom responsabbiltà limitata, li minkejja d‑differenzi individwali fl‑organizzazzjoni tal‑forma rispettiva tagħhom, huma kkaratterizzati fid‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Istati Membri minn ċerti karatteristiċi komuni.
B – Fuq id‑domanda preliminari
33. Waħda minn dawn il‑karatteristiċi huwa l‑prinċipju, li hu rilevanti f’din il‑kawża, tal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju tal‑attiv tal‑kumpannija għad‑dejn tal‑kumpannija. Il‑kapaċità bħala debitur u r‑responsabbiltà relattiva ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fir‑rigward tal‑kredituri għal dak li huwa d‑dejn tal‑kumpannija hija bbażata fuq il‑fatt li huma ngħataw personalità ġuridika skont il‑liġi nazzjonali. Din il‑kapaċità ġuridika awtonoma li tgawdi l‑kumpannija tfisser li l‑obbligi assunti għan‑nom tal‑kumpannija mhuwiex fl‑istess ħin dejn li jorbtu lill‑azzjonisti. Bħala kumpens għal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà għall‑attiv tal‑persuna legali, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u kumpannija b’responsabbiltà limitata, għandhom, pereżempju, ikollhom bażi kapitali għas‑sottoskrizzjoni u biex din tinżamm is‑sistema legali għandha tiżgura osservanza stretta għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ kredituri. Minkejja s‑separazzjoni fundamentali bejn l‑attiv tal‑kumpannija u l‑attiv tal‑azzjonisti fil‑każ ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, il‑ġurisprudenza u l‑leġiżlazzjoni fl‑Istati Membri b’mod eċċezzjonali jippermettu r‑responsabbiltà personali tal‑azzjonisti fir‑rigward ta’ dejn tal‑kumpannija f’ċirkustanzi speċjali (14).
34. Sa fejn naf jien, apparti minn xi differenzi individwali, dan il‑prinċipju huwa rrikonoxxut fl‑Istati Membri kollha (15). Barra dan, il‑prinċipju ġie inkorporat fir‑Regolament Nru 2157/2001 (16), li abbażi tiegħu nħolqot il‑forma supranazzjonali tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Ewropea (Societas Europaea, SE) (17). Il‑kwistjoni jekk u sa fejn id‑dritt Komunitarju jippermetti b’mod eċċezzjonali li r‑responsabbiltà tiġi estiża għall‑attiv tal‑membri fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi tal‑kawża għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad‑direttiva, b’riferiment għall‑formulazzjoni tagħha, l‑istruttura tagħha u l‑għan tagħha, billi jitqies il‑livell ta’ armonizzazzjoni li jeżisti fil‑preżent fil‑qasam tad‑dritt tal‑kumpanniji.
35. Fir‑risposta għad‑domanda preliminari, madankollu, l‑ewwel nett għandu jiġi eżaminat, jekk id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 68/151, u fil‑pass li jmiss, jekk hijiex kompatibbli mar‑rekwiżiti stipulati mid‑direttiva.
1. Id‑dritt sekondarju bħala kuntest ta’ eżami
a) L‑applikabbiltà tad‑Direttiva 68/151
i) L‑eżistenza ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fis‑sens tal‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151
36. L‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151 jiddefinixxi l‑grupp tradizzjonali ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, inkluża l‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li hija l‑forma li ħa r‑rikorrent fil‑proċeduri prinċipali konformi mad‑dispożizzjonijiet Griegi rilevanti. Konsegwentement, minħabba din ir‑rabta formali ma’ forma speċifika ta’ kumpannija, id‑direttiva tapplika tal‑inqas ratione personae.
37. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk id‑Direttiva 68/151 tapplikax ratione materiae. Għal dan il‑għan il‑prinċipju ta’ limitazzjoni tar‑responsabbiltà fir‑rigward tal‑obbligi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju jrid ikollu xi forma ta’ rikonoxximent.
ii) Ir‑rikonoxximent tal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà
38. Id‑dritt tal‑kumpanniji kien is‑suġġett ta’ diversi dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju li jindikaw skema ġenerali li essenzjalment hija kompluta (18). Taħt din l‑iskema, il‑kumpannija b’kapital azzjonarju hija legalment awtonoma u għandha kapital minimu maqsum f’azzjonijiet. L‑azzjonisti huma eżentati mir‑responsabbiltà għad‑djun tal‑kumpannija; is‑sottoskrizzjoni u ż‑żamma tal‑kapital tal‑kumpannija jiġu żgurati permezz ta’ regoli adatti. L‑istruttura organizzattiva tal‑kumpannija hija kkaratterizzata bis‑separazzjoni tal‑amministrazzjoni u l‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti u fil‑livell ta’ amministrazzjoni bis‑separazzjoni tal‑amministrazzjoni tan‑negozju u s‑superviżjoni. Dan jgħodd irrispettivament minn jekk isirx provvediment fil‑livell maniġerjali għal żewġ korpi separati (is‑sistema duwalistika) jew korp wieħed (is‑sistema monistika); il‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea joffri għażla bejn iż‑żewġ mudelli. Bħala prinċipju, l‑azzjonijiet huma liberament trasferibbli u negozjabbli; l‑azzjonisti għandhom l‑istess drittijiet (b’mod partikolari drittijiet ta’ vot u drittijiet ta’ dividendi) u dmirijiet (kontribuzzjoni ta’ kapital). Hemm regoli dettaljati dwar rappurtaġġ finanzjarju; il‑kotba tal‑kontijiet huma suġġetti għal verifika finali u żvelar. Ir‑regoli li jirregolaw gruppi ta’ kumpanniji huma ntiżi biex jindirizzaw din il‑kwistjoni partikolari ta’ kumpanniji assoċjati. Madankollu, dan il‑kunċett globali ta’ dritt tal‑kumpanniji huwa kkontestat fost l‑Istati Membri fir‑rigward ta’ punti importanti, bħall‑istruttura tal‑korp amministrattiv, bir‑riżultat li l‑miżuri ta’ approssimazzjoni f’dan ir‑rigward għadhom ma ġewx implementati.
39. Fir‑rigward tal‑aspett rilevanti tal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà, għandu jiġi ddikjarat li d‑Direttiva 68/151 evidentement tirrikonoxxi dan bħala prinċipju ta’ liġi li jirregola l‑kumpanniji li għandhom kapital azzjonarju (19). Għalhekk, it‑tielet premessa ta’ din id‑direttiva tenfasizza d‑dikjarazzjoni tal‑leġiżlatur li fir‑rigward tal‑kumpanniji elenkati fl‑Artikolu 1 “l‑uniċi salvagwardji li huma joffru lill‑partijiet terzi huma l‑attiv tagħhom”. Barra minn hekk, l‑Artikolu 7 ta’ din id‑direttiva jinkludi regola li tistipula r‑responsabbiltà in solidum għall‑obbligi tal‑kumpannija li jirriżultaw mill‑azzjonijiet li jsiru f’isem il‑kumpannija qabel ma akkwistat il‑personalità ġuridika. Dan jindika wkoll ir‑rikonoxximent tal‑prinċipju msemmi iktar ’il fuq tas‑separazzjoni bejn l‑attiv tal‑kumpannija u l‑attiv tal‑azzjonisti. Formulazzjoni simili għat‑tielet premessa ta’ din id‑direttiva tista’ tinstab ukoll, b’referenza għar‑regoli stipulati hemmhekk, fid‑Direttiva 78/660 (20), li tipprovdi li “koordinazzjoni simultanea hija meħtieġa f’dawn l‑oqsma għal dawn il‑forom ta’ kumpanniji għaliex … ma joffru ebda salvagwardji lil terżi ’l hinn mill‑ammonti tal‑attiv nett tagħhom”. Barra minn hekk, id‑Direttiva 89/667, li ssemmiet mill‑qorti tar‑rinviju u mill‑partijiet, evidentement ukoll tipproċedi abbażi tal‑eżistenza ta’ prinċipju simili, fejn il‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà tiġi deskritta bħala “strument legali” neċessarju għal “kumpanniji ta’ membru wieħed” (21).
40. Jien għalhekk nikkonkludi li fl‑adozzjoni tad‑direttiva inkwistjoni il‑leġiżlatur tal‑Komunità ma stipulatx espressament il‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà, imma evidentement ipproċeda abbażi ta’ prinċipju bħal dan fis‑sistemi nazzjonali ta’ dritt tal‑kumpanniji u d‑dritt Komunitarju mhux miktub rilevanti (22). Dan ċertament ma jgħid xejn dwar il‑kontenut normativ preċiż. Jien se nikkunsidra dan meta ħa neżamina l‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mad‑Direttiva 68/151.
iii) Responsabbiltà għall‑obbligi tal‑kumpannija b’kapital azzjonarju
41. Filwaqt li d‑Direttiva 68/151 tirrikonoxxi l‑limitazzjoni tar‑repsonsabbiltà għall‑attiv tal‑kumpannija, dan huwa biss għal “obbligi” li tkun daħlet għalihom il‑kumpannija, kif inhu evidenti mit‑tieni premessa. Dan iqajjem id‑domanda jekk dan il‑kunċett ikoprix ukoll multi imposti mill‑Istat.
42. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti (23) li l‑eżiġenzi kemm ta’ applikazzjoni uniformi tad‑dritt Komunitarju kif ukoll tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, jirriżulta li t‑termini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju li, ma jinkludu ebda referenza espliċita għal‑leġiżlazzjoni tal‑Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is‑sens u l‑iskop tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil‑Komunià kollha; din l‑interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑kuntest tad‑dispożizzjoni u l‑għan tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni. Madankollu, jekk il‑leġiżlatur tal‑Komunità jirriferi b’mod impliċitu għall‑użu nazzjonali f’att Komunitarju, mhijiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tagħti definizzjoni tal‑Komunità uniformi tat‑terminu użat (24).
43. Madankollu, id‑direttiva la tinkludi definizzjoni legali ta’ dan il‑kunċett legali vag u lanqas ma tista’ tiġi dedotta minnha xi gwida għall‑interpretazzjoni. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li d‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea ma jipprovax jagħmel uniformi b’mod eżawrjenti r‑regoli tal‑Istati Membri dwar kumpanniji uniformi, imma s’issa sempliċement irregola aspetti individwali tad‑dritt tal‑kumpanniji permezz tal‑approssimazzjoni tal‑liġijiet billi juża t‑teknika regolatorja tad‑direttiva (25), li tispjega wkoll l‑użu ta’ espressjonijiet “tikkoordina” u “tagħmel ekwivalenti” fl‑Artikolu 44(2)(g) KE. Dan jimplika grad iktar baxx ta’ armonizzazzjoni. Dan jiddistingwi d‑direttivi bbażati fuq l‑Artikolu 44(2)(g) KE minn atti legali fil‑qasam tad‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea, li ġew adottati, pereżempju, abbażi tal‑Artikolu 95 KE. Il‑kunċett ta’ “approsimazzjoni ta’ liġijiet” użat fl‑Artikolu 95 KE ma għandux jiġi interpretat b’mod tekniku, peress li jkopri kemm l‑approssimazzjoni f’sens iktar strett u l‑unifikazzjoni tal‑liġijiet (26). Irrispettivament minn dan, l‑Artikolu 95 KE jippermetti mhux biss li jiġu adottati direttivi, imma li jsiru wkoll regolamenti u li jittieħdu deċiżjonijiet, bħall‑miżuri l‑oħra vinkolanti fis‑sens tal‑Artikolu 249 KE.
44. Barra minn hekk, il‑liġijiet jiġu approssimati, kif inhu espressament ċar mill‑bażi legali tal‑Artikolu 44(2)(g) KE, sa fejn huwa biss neċessarju. Din il‑formulazzjoni turi li l‑prinċipju ta’ sussidjarjetà kien diġà stabbilit hawnhekk qabel ma ġie stipulat b’mod formali fl‑Artikolu 5(2) (27). L‑azzjoni tal‑Unjoni għalhekk tirrikjedi li l‑għanijiet tal‑azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu sew mill‑Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d‑daqs jew l‑effetti tal‑azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju. Abbażi ta’ din il‑formulazzjoni u l‑pożizzjoni skematika tal‑Artikolu 44(2)(g) KE, huma biss miżuri ta’ approssimazzjoni legali li effettivament ineħħu jew tal‑inqas inaqqsu l‑ostakoli għall‑eżerċizzju tal‑libertà ta’ stabbiliment għal kumpanniji li jirriżultaw mid‑differenzi bejn ir‑regoli tad‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Istati Membri li huma neċessarji fil‑liġi dwar il‑libertà ta’ stabbiliment. Madankollu m’hemm xejn fid‑direttiva li jindika li l‑leġiżlatur kkunsidra li kien neċessarju li jiġu stabbiliti regoli li japplikaw f’dan il‑qasam f’kull parti tal‑Unjoni Ewropea.
45. In‑nuqqas ta’ definizzjoni sostantiva tal‑kunċett ta’ obbligi ta’ kumpannija għalhekk jindika li l‑leġiżlatur evidentement ma kellux l‑intenzjoni li jarmonizza dan il‑kunċett, imma minflok ried iħalli skop għal formulazzjoni legali iktar preċiża fil‑liġi nazzjonali. Peress li l‑leġiżlatur ma eżerċitax il‑kompetenza regolatorja tiegħu f’dan il‑qasam, imma rrefera impliċitament għal‑liġi tal‑Istati Membri, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija ostakolata milli tagħti definizzjoni uniformi lil dan il‑kunċett skont id‑dritt Komunitarju.
46. Għalhekk hija l‑qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, abbażi tal‑liġi nazzjonali tagħha, jekk multi imposti mill‑istat jistgħux jitqiesu bħala obbligi ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata. Skont id‑digriet tar‑rinviju, id‑domanda ngħatat risposta negattiva mill‑maġġoranza tal‑membri tal‑qorti tar‑rinviju. Madankollu, minoranza tal‑membri tal‑qorti tar‑rinviju rrispondew fl‑affermattiv billi rreferew għal‑libertà ekonomika protetta taħt il‑Kostituzzjoni Griega u għall‑prinċipji rikonoxxuti fid‑dritt tal‑kumpanniji ta’ dan l‑Istat Membru.
47. Jekk il‑qorti tar‑rinviju għandha tiddeċiedi li l‑multi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala obbligi ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata abbażi tal‑liġi nazzjonali, ikollu jiġi dedott fil‑każ preżenti li d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata ma taqax fl‑iskop tad‑Direttiva 68/151. Id‑domanda dwar il‑kompatibbiltà jkollha għalhekk tingħata risposta fis‑sens li, f’każ bħal dan, id‑Direttiva 68/151 ma tipprekludix dispożizzjoni bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95.
48. Fid‑dawl tal‑fatt li ma ntlaħqitx opinjoni uniformi dwar din il‑kwistjoni legali fl‑ordinament legali Grieg u fid‑dawl tal‑ħtieġa li tingħata lill‑qorti tar‑rinviju risposta utli għad‑domanda tagħha (28), huwa neċessarju, li sussidjarjament, tiġi eżaminata wkoll iktar ’l isfel il‑pożizzjoni legali fl‑eventwalità li multi ma ġewx kklassifikati bħala obbligi tal‑kumpannija li jiskattaw ir‑responsabbiltà tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u, fejn applikabbli, fil‑każ ta’ estensjoni ta’ responsabbiltà, b’mod eċċezzjonali anki tal‑azzjonisti.
iv) L‑iskop tar‑responsabbiltà ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata
49. Peress li d‑Direttiva 68/151 ukoll ma tipprovdi ebda dispożizzjoni għal restrizzjoni tal‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione materiae skont ċerti kategoriji ta’ obbligi tal‑kumpannija, imma tkopri b’mod ġenerali l‑forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, dispożizzjoni bħal pereżempju l‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95 taqa’ wkoll fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 68/151.
b) Kompatibbiltà mad‑Direttiva 68/151
50. Bid‑domanda preliminari tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qed tipprova tivverifika jekk l‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151 jipprojbixxix dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95. Dan inevitabbilment iqajjem il‑kwistjoni tal‑kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni bħal din mad‑dritt Komunitarju, li fir‑rigward tiegħu għandu jitfakkar li mhuwiex il‑kompitu tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li, fil‑kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, tevalwa l‑konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad‑dritt Komunitarju u lanqas mhuwa l‑kompitu tagħha li tinterpreta l‑leġiżlazzjoni nazzjonali. Min‑naħa l‑oħra, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lill‑qorti tar‑rinviju l‑elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad‑dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l‑kawża li jkollha quddiemha (29).
51. Għaldaqstant huwa xieraq għall‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑kawża preżenti, li tillimita l‑eżami tagħha billi tipprovdi interpretazzjoni tad‑dritt Komunitajru li tkun utli għall‑qorti tar‑rinviju, li min‑naħa tagħha din tal‑aħħar għandha tevalwa l‑konformità tad‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali kkonċernati mad‑dritt Komunitarju, sabiex tiddeċiedi l‑kawża pendenti quddiemha (30).
52. L‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151 jipprojbixxi dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95 biss fil‑każ li din tinkludi dispożizzjoni eżawrjenti li tirregola l‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà għall‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li tipprekludi r‑responsabbiltà milli tiġi estiża għall‑azzjonisti fiċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża.
53. Kif diġà ntqal, huwa possibbli li wieħed jara fid‑Direttiva 68/151 ir‑rikonoxximent tal‑prinċipju tas‑separazzjoni bejn l‑attiv tal‑kumpannija u l‑attiv tal‑azzjonisti (31), imma dan ma jimplikax b’mod awtomatiku dispożizzjoni eżawrjenti f’dan il‑qasam. Kif stqarret korrettament il‑Kummissjoni, id‑Direttiva 68/151 ma tipprovax, pereżempju, tarmonizza l‑forma tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, kif inhi magħrufa fis‑sistema legali tal‑Istati Membri. Kif diġà ġie spjegat (32), il‑bażi legali tagħha fl‑Artikolu 44(2)(g) KE isservi biex tapprossimizza l‑liġijiet, imma mhux biex tagħmilhom uniformi. Din id‑dispożizzjoni wkoll ma tistax tiġi invokata bħala l‑bażi għall‑ħolqien ta’ forom supranazzjonali ta’ kumpanniji. Id‑direttivi adottati abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni tat‑Trattat ma jipprovawx jirregolaw id‑dritt tal‑kumpanniji b’mod komprensiv. Dawn ma joħolqux liġi uniformi, imma biss jarmonizzaw oqsma individwali, u jħallu setgħa diskrezzjonali lill‑Istati Membri permezz tat‑teknika regolatorja tad‑direttivi. L‑għan tad‑direttivi huwa li jintroduċu salvagwardji sostanzjalment ekwivalenti għall‑azzjonisti u l‑kredituri fl‑Unjoni (33).
54. Huwa veru li l‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151 sempliċement jistipula għal kull Stat Membru individwali l‑forom ta’ kumpanniji li għalihom huma intiżi li japplikaw l‑obbligi dwar żvelar stipulati fid‑Direttiva 68/151. Din id‑dispożizzjoni la tiddefinixxi ċerti forom ta’ kumpanniji, u lanqas torbothom ma’ karatteristiċi speċifiċi. Minflok, tintuża lista sempliċi biex torbot mal‑forom ta’ kumpanniji li diġà jeżistu fis‑sistema legali tal‑Istati Membri (34). Għalhekk l‑Istati Membri ma jistgħux jiġu ostakolati milli jimponu obbligi addizzjonali fuq it‑tipi ta’ kumpanniji elenkati, sakemm dawn ma jkunux kontra d‑direttiva jew dispożizzjonijiet oħra tad‑dritt Komunitarju.
55. Pereżempju, mhuwiex possibbli li tiġi ċċitata xi dispożizzjoni waħda ta’ direttiva li teżigi lill‑Istati Membri li jippreskrivu fid‑dritt tal‑kumpanniji tagħhom li r‑responsabbiltà ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandha tiġi llimitata għall‑attiv tal‑kumpannija, għalkemm ħafna sistemi legali nazzjonali jistipulaw dispożizzjonijiet bħal dawn(35) Pjuttost, l‑oppost jidher li huwa l‑każ, speċjalment minħabba li fil‑ħames premessa tagħha d‑Direttiva 89/677 tinvoka l‑prinċipju tal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà bħala “strument legali” neċessarju ta’ kumpannija ta’ membru wieħed, imma fl‑istess ħin dan huwa bla preġudizzju għal‑liġijiet tal‑Istati Membri “li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jeħtieġu li l‑intraprenditur ikun responsabbli mill‑obbligazzjonijiet tal‑intrapriża tiegħu”. Dan jissuġġerixxi li d‑derogi għal‑limitazzjoni ta’ responsabbiltà huma perfettament legali taħt id‑dritt Komunitarju. Madankollu, il‑leġiżlatur tal‑Komunità ma jirregolhomx huwa stess. Kif turi d‑Direttiva 89/667, madankollu, il‑leġiżlatur tal‑Komunità jippermetti dan (36), b’mod espliċitu għal xi kategoriji definiti b’mod ċar [eż. l‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 89/667] u b’mod inqas espliċitu u daqstant ġenerali, klawżoli ġenerali għal oħrajn (il‑ħames premessa: “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”). Filwaqt, li skont is‑sitt premessa, l‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 89/667 għandu jitqies bħala eżawrjenti, l‑estensjoni tar‑responsabbiltà għall‑azzjonisti abbażi ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis‑sens tal‑ħames premessa għandha tkun iġġustifikata miċ‑ċirkustanzi tal‑każ individwali.
56. Fir‑rigward tad‑dispożizzjonijiet iċċitati, madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li dawn japplikaw biss għal kumpanniji b’membru wieħed. Min‑naħa l‑oħra, m’hemm l‑ebda dispożizzjoni komparabbli fid‑Direttiva 68/151, li hi applikabbli fil‑każ preżenti. Lanqas m’hemm xi eċċezzjonijiet li jippermettu l‑estensjoni tar‑responsabbiltà lil hinn mil‑limitazzjoni tagħha fil‑motivi ċċitati mill‑Gvern Grieg. Skont il‑Gvern Grieg, id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata hija ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku u soċjali. Il‑multa, li tfasslet bħala restrizzjoni fuq l‑attività ekonomika tal‑azzjonisti, hija ġġustifikata ladarba l‑membri, permezz tal‑parteċipazzjoni tagħhom fil‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti u bil‑ħatra tal‑korpi amministrattivi, huma f’pożizzjoni li jiżguraw li l‑leġiżlazzjoni u r‑regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operazzjoni ta’ stazzjonijiet televiżivi jiġu osservati (37).
57. Fin‑nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa fid‑Direttiva 68/151, għar‑raġunijiet imsemmija hawn fuq, il‑poter li tippreskrivi l‑estensjoni eċċezzjonali tar‑responsabbiltà għall‑azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jaqa’ fil‑kompetenza tal‑leġiżlatur nazzjonali (38). Fin‑nuqqas ta’ armonizzazzjoni, bħala prinċipju huma l‑Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema punt jixtiequ jieħdu inkunsiderazzjoni l‑protezzjoni tal‑interess inkwistjoni fir‑rigward tal‑estensjoni tar‑responsabbiltà għall‑azzjonisti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.
58. Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir‑risposta għad‑domanda preliminari għandha tkun li d‑Direttiva 68/151 tipprojbixxi dispożizzjoni nazzjonali, bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/1995, li tispeċifika li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi huma imposti in solidum kemm fuq il‑kumpannija li għandha l‑liċenzja biex twaqqaf u topera l‑istazzjon televiżiv kif ukoll fuq l‑azzjonisti kollha b’sehem ta’ iktar minn 2.5 %.
2. Kompatibbiltà mad‑dritt primarju
a) Ammissibbiltà ta’ dipendenza fuq id‑dritt primarju
59. Kif diġà ġie ddikjarat, il‑poter fundamentali tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi addizzjonali fuq it‑tipi ta’ kumpanniji elenkati fl‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 68/151 huwa ristrett bir‑rekwiżiti ulterjuri tad‑dritt Komunitarju (39), inklużi d‑dispożizzjonijiet tal‑liġi primarja dwar il‑libertà ta’ stabbiliment (40). L‑ewwel nett, id‑direttivi msemmija iktar ’il fuq huma speċifikament intiżi biex jgħinu ħalli tinkiseb din il‑libertà fundamentali, kif inhu espressament iddikjarat fl‑Artikolu 44(1) KE. It‑tieni nett, fis‑sentenza Daihatsu (41), dwar l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 68/151, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għamlitha ċara li l‑Artikolu 44(2)(g) KE għandu jiġi interpretat fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet l‑oħra tad‑dritt primarju (42).
60. Għalkemm talba għal interpretazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet mhijiex espliċitament apparenti fid‑domanda għal deċiżjoni preliminari, madankollu l‑qorti tar‑rinviju tirreferi għalihom f’waqtiet fid‑digriet tar‑rinviju tagħha (43), li jissuġġerixxi li hi konxja tar‑rilevanza ta’ dawk id‑dispożizzjonijiet għad‑deċiżjoni fil‑proċeduri prinċipali. Barra minn hekk, fl‑osservazzjonijiet tagħha l‑Kummissjoni kkummentat fil‑qosor dwar il‑kwistjoni tal‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata mal‑Artikoli 43 KE u 48 KE.
61. Hija l‑Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tipprovdi lill‑qorti nazzjonali bl‑elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju li jistgħu jintużaw sabiex il‑kawża li hija jkollha quddiemha tiġi deċiża, indipendentement minn jekk hija tagħmilx jew le riferiment fid‑domandi li tkun irrinvjat (44). Fid‑dawl tal‑effetti li deċiżjoni preliminari se jkollha fuq l‑ordni legali tal‑Greċja, jidher li jkun essenzjali li d‑dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu kkunsidrati fil‑kuntest ta’ eżami ta’ din il‑kawża.
b) Il‑libertà ta’ stabbiliment
i) L‑applikabbiltà tal‑Artikoli 43 KE u 48 KE
62. Skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 43 KE, il‑libertà ta’ stabbiliment tinkludi d‑dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji u ditti fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 48, taħt il‑kundizzjonijiet stabbiliti għaċ‑ċittadini tagħhom stess bil‑liġi tal‑pajjiż fejn tali stabbiliment jiġi stabbilit. Għalhekk huma l‑ewwel u qabel kollox in‑negozjanti li jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din il‑libertà fundamentali.
63. Barra dan, skont ġurisprudenza stabbilita, id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż‑żamma, minn ċittadini ta’ Stat Membru fil‑kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilhom jeżerċitaw influwenza determinanti fuq id‑deċiżjonijiet ta’ din il‑kumpannija u li jiddeterminaw l‑attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑libertà ta’ stabbiliment (45). Bħala prinċipju, l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 43 KE għalhekk għandu jipproteġi wkoll l‑azzjonisti ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, sakemm dawn ikollhom pożizzjoni determinanti xierqa f’din il‑kumpannija (46).
64. Min‑naħa l‑oħra din il‑kundizzjoni hija kruċjali biex issir distinzjoni fir‑rigward tal‑moviment liberu tal‑kapital. Jekk iż‑żamma ta’ sehem mhijiex biżżejjed biex teżerċita influwenza deċiżiva fuq id‑deċiżjonijiet ta’ kumpannija, il‑libertà fundamentali rilevanti mhijiex il‑libertà ta’ stabbiliment, imma l‑moviment liberu tal‑kapital (47).
65. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tatx definizzjoni ġenerali ta’ meta preċiżament ikun hemm influwenza deċiżiva li taqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑libertà ta’ stabbiliment u, skont il‑ġurisprudenza tagħha, dan jiġi ddeterminat abbażi taċ‑ċirkustanzi fattwali u d‑dritt tal‑kumpanniji rilevanti (48). Is‑sentenza Baars (49), li tmur lura għaliha din il‑ġurisprudenza stabbilita, fi kwalunkwe każ tkun tidher li tissuġġerixxi li dan huwa l‑każ fejn, skont il‑fatti tal‑każ, hemm possibbiltà ta’ “kontroll jew amministrazzjoni tal‑kumpannija” li mhuwiex neċessarjament il‑każ fejn ikun hemm investiment sostanzjali.
66. Bħala prinċipju hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tiddeċiedi (50), abbażi taċ‑ċirkustanzi speċifiċi tal‑kawża u tad‑dritt tal‑kumpanniji rilevanti, jekk sehem ta’ 2.5% tal‑kapital tal‑kumpannija huwiex attwalment suffiċjenti biex jeżerċita influwenza definittiva fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija u biex jiddetermina l‑attivitajiet tagħha. F’dan il‑punt għandu jkun hemm ċerti dubji dwar jekk din il‑kundizzjoni tiġix osservata. Min‑naħa l‑oħra, wieħed għandu jżomm f’moħħu li dan il‑persentaġġ jirrappreżenta biss livell minimu. Id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata għalhekk tkopri wkoll azzjonijiet ferm ikbar fil‑kapital tal‑kumpannija li, fit‑teorija, ikunu jistgħu jagħtu lill‑membri inkwistjoni influwenza definittiva fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija u li tippermettilhom jiddeterminaw l‑attivitajiet tagħha fis‑sens tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.
67. Fi kwalunkwe każ huwa ċar mid‑digriet tar‑rinviju (51) li l‑maġġoranza tal‑membri tal‑qorti tar‑rinviju jieħdu l‑pożizzjoni li, minħabba r‑regoli speċjali li japplikaw għal kumpanniji b’responsabbiltà limitata li joperaw stazzjonijiet tar‑radju u tat‑televiżjoni, bħal pereżempju reġistrazzjoni ta’ azzjonijiet eċċ., għandu jiġi dedott li l‑azzjonisti ta’ tali kumpanniji b’sehem ta’ iktar minn 2.5% fil‑kapital azzjonarju tagħhom mhumiex investituri komuni; iżda investituri professjonali f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l‑amministrazzjoni tal‑korp ġuridiku u, għalhekk l‑operat tal‑istazzjon televiżiv. Jekk wieħed jassumi li dawn id‑dikjarazzjonijiet huma korretti, għandu jiġi dedott li l‑azzjonisti tal‑kumpannija inkwistjoni huma protettti bil‑libertà ta’ istabbiliment.
68. L‑Artikolu 48 KE min‑naħa l‑oħra jistabbilixxi l‑validità tal‑kapitolu dwar id‑dritt ta’ stabbiliment għal kumpanniji u assoċjazzjonijiet irregolati bid‑dritt privat u d‑dritt pubbliku, li jiġu ttrattati taħt ċerti kundizzjonijiet bl‑istess mod bħal persuni fiżiċi (52).
ii) Restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment
69. Peress li m’hemm xejn x’jissuġġerixxi li d‑dispożizzjoni kkontestata tiġi applikata b’mod differenti għal kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata domestiċi u dawk barranin, wieħed għandu jassumi minn issa ’l quddiem li din id‑dispożizzjoni mhijiex diskriminatorja.
– L‑Artikolu 43 KE bħala projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet
70. Għalhekk għandu jiġi eżaminat ukoll jekk din tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE u jekk tali restrizzjoni tistax possibbilment tiġi ġġustifikata. Skont ġurisprudenza stabbilita (53), l‑Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi taċ‑ċittadinanza, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l‑eżerċizzju, miċ‑ċittadini Komunitarji, tal‑libertà ta’ stabbiliment iggarantita bit‑Trattat.
71. Skont din il‑ġurisprudenza, l‑Artikolu 43 KE jinkludi mhux biss projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta u moħbija, imma jista’ jiġi interpretat ukoll bħala projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet. Restrizzjonijiet fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE għalhekk mhux biss jinkludu regoli diskriminatorji, imma possibbilment anki regoli mhux diskriminatorji, jiġifieri miżuri li bħala regola ma jqiegħdux ċittadini barranin fi żvantaġġ intenzjonalment jew fl‑effett attwali tagħhom (54). L‑Artikolu 43 KE essenzjalment jipprekludi kull regola nazzjonali li tista’ tostakola jew “tagħmel inqas attraenti” l‑eżerċizju tal‑libertà ta’ stabbiliment (55). Permezz tal‑ġurisprudenza tagħha dwar il‑moviment liberu tal‑merkanzija u l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, il‑Qorti tal‑Ġustizzju tat bidu għall‑iżvilupp tal‑libertajiet fundamentali minn projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni proporzjonata mal‑kunċett tal‑“identità strutturali tal‑libertajiet fundamentali” għal projbizzjoni ġenerali fuq restrizzjonijiet (56).
72. Fil‑fehma tiegħi, il‑punt tat‑tluq għal kunsiderazzjonijiet fl‑eżami tan‑natura restrittiva tad‑dispożizzjoni kkontestata għandu jkun ix‑xenarju ipotetiku fejn kumpannija stabbilita fl‑Unjoni jew tittrasferixxi l‑uffiċċju reġistrat tagħha għall‑Greċja (libertà primarja ta’ stabbiliment) jew twaqqaf fergħa hemmhekk (libertà sekondarja ta’ stabbiliment) (57). Ma tistax tiġi eskluża l‑possibbiltà li tiġi estiża r‑responsabbiltà ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u għalhekk ir‑riskju tar‑responsabbiltà in solidum tal‑azzjonisti għal ksur ta’ leġiżlazzjoni u ta’ regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi, jista’ jkollu effett ta’ deterrent fuq impriżi li jixtiequ jitrasferixxu l‑uffiċċju reġistrat tagħhom minn Stat Membru ieħor għall‑Greċja jew li jwaqqfu stabbiliment hemmhekk. L‑impożizzjoni ta’ penali konnessa ma’ multa finanzjarja kontra l‑membri tagħha x’aktarx isservi ta’ deterrent għal dik il‑kumpannija u għall‑azzjonisti tagħha biex ma joperawx fis‑settur tal‑medja Griega. Kif tispjega l‑qorti tar‑rinviju, l‑estensjoni tar‑responsabbiltà għall‑membri tagħmel ix‑xiri ta’ azzjonijiet f’kumpanniji bħal dawn mhux attraenti (58). Għalhekk id‑dispożizzjoni kkontestata fil‑prinċipju x’aktarx li tagħmel inqas attraenti l‑eżerċizzju minn kumpanniji barranin tal‑libertà ta’ stabbiliment li hija ggarantita bit‑Trattat.
73. Skont id‑definizzjoni ġenerali ta’ restrizzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE, li ġiet adottata fil‑ġurisprudenza s’issa, restrizzjoni tal‑libertà ta’ stabbiliment għandha titqies li teżisti f’din il‑kawża (59).
– Il‑possibbiltà ta’ delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet
74. Kif diġà ntqal, il‑Qorti tal‑Ġustizzja evidentement tassumi li hemm konverġenza tal‑libertajiet fundamentali anki fil‑każ tal‑libertà ta’ stabbiliment, billi tagħti interpretazzjoni estensiva tal‑kunċett ta’ restrizzjoni taħt l‑Artikolu 43 KE (60). Madankollu din s’issa ma tatx pożizzjoni ċara dwar il‑portata tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 43 KE. Ladarba fis‑sentenza Keck u Mithouard (61) il‑moviment liberu tal‑merkanzija skont l‑Artikolu 28 KE ġie llimitat, tqum id‑domanda jekk delimitazzjoni dogmatika tal‑kunċett ta’ restrizzjoni fil‑kamp tal‑libertà ta’ stabbiliment tkunx ukoll raġunevoli. Dan jista’ jiġi dedott mill‑għan ta’ din il‑libertà fundamentali, li huwa li titħalla għażla libera f’dik li huwa l‑post imma mhux biex tkun strument għal operaturi ekonomiċi biex ibiddlu l‑kundizzjonijiet relatati mal‑post fir‑rigward ta’ kompetituri nazzjonali (62).
75. Skont l‑għan tal‑libertà ta’ stabbiliment, li huwa li jitneħħew restrizzjonijiet fuq kumpanniji minn Stati Membri oħrajn biex isiru residenti, u mal‑għan tad‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea, biex tiġi żgurata l‑eżistenza kontinwa u l‑identità ta’ kumpannija fl‑eventwalità ta’ trasferiment transkonfinali ta’ post (63), ikun konċepibbli li bħala prinċipju tiddefinixxi l‑portata tal‑projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet skont jekk id‑dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbillixix “ostakoli speċifiċi għall‑aċċess” jew sempliċement tiddefinixxi il‑‘kundizzjonijiet rigward il‑post”. Fl‑ewwel każ, tapplika l‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet, u fil‑każ l‑ieħor, tapplika biss il‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta koperta bil‑libertà ta’ stabbiliment (64). Sentenzi individwali fil‑qasam tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi (65) u tal‑moviment liberu tal‑kapital (66) juru li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tifhem il‑libertajiet fundamentali primarjament bħala strumenti għall‑ftuħ tas‑suq u għalhekk, meta teżamina jekk teżistix restrizzjoni fuq il‑libertajiet fundamentali f’każ individwali, tevalwa dispożizzjonijiet nazzjonali skont jekk jostakolawx jew le l‑aċċess għas‑suq.
76. Minn analiżi iktar mill‑viċin, id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata la hija speċifikament maħsuba biex tirregola “l‑aċċess” minn kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata għas‑settur tal‑medja Grieg, u lanqas isservi ta’ “ostakolu” għal xi ħadd li qed jipprova jkollu aċċess għal xi settur partikolari. Pjuttost, din tifforma parti minn qafas legali ġenerali li jirregola l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi. Din hija intiża li tiżgura l‑osservanza tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi. Mill‑perspettiva ta’ osservatur oġġettiv, dawn huma l‑kundizzjonijiet ta’ qafas li jirregolaw il‑medja li għandhom jiġu osservati dejjem mill‑operatur ta’ stazzjon televiżiv. Mill‑perspettiva legali, id‑dmir li jiġu osservati dawn il‑kundizzjonijiet ta’ qafas li jirregolaw il‑medja huwa strutturat bħala impożizzjoni ta’ dmir konness mal‑operat ta’ stazzjon televiżiv, u mhux pereżempju bħala kundizzjoni (67). Dan ifisser li dan ma jiddeterminax il‑“jekk” jew il‑“meta”, imma biss “kif” stazzjon televiżiv għandu ‘jopera’. Huma biss “l‑arranġamenti” għall‑operazzjoni ta’ stazzjon televiżiv li huma rregolati. Barra minn hekk, din il‑konformità la taffettwa l‑eżistenza kontinwa u lanqas l‑identità tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.
77. Sa fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha ssostni delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet, id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata jkollha tiġi kklassifikata fil‑kategorija ta’ “kundizzjonijiet rigward il‑post” li, abbażi ta’ din l‑interpretazzjoni, ma jiġux interpretati bħala restrizzjonijiet fis‑sens tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 43 KE. Fin‑nuqqas ta’ restrizzjoni tal‑libertà ta’ stabbiliment, eżami ulterjuri li ttieħdu inkunsiderazzjoni tal‑Artikoli 43 KE u 48 KE fil‑prinċipju jista’ ma jkunx neċessarju.
78. F’dan ir‑rigward, madankollu, jiena nemmen li huwa importanti li jiġi rrilevat li fil‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja hemm xi evidenza li tissuġġerixxi li hija tkun ippreparata, f’każijiet partikolari, li taqbel ma’ interpretrazzjoni iktar stretta, però dan ċertament ma jistax jiġi interpretat li jfisser li l‑Qorti tal‑Ġustizzja abbandunat l‑interpretazzjoni estensiva eżistenti tagħha tal‑kunċett ta’ restrizzjoni. Pjuttost, fil‑prinċipju wieħed għandu jassumi li dan il‑kunċett għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Il‑kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma għaldaqstant ibbażati fuq il‑kunċett ta’ projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet (68).
79. Għalhekk hemm restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment.
iii) Ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment
80. Mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (69) jsegwi li miżuri nazzjonali li jistgħu jirristrinġu l‑eżerċizzju tal‑libertajiet fundamentali ggarantiti bit‑Trattat għandhom jissodisfaw il‑kundizzjonijiet li ġejjin: għandhom ikunu ġġustifikati bi bżonnijiet imperattivi fl‑interess ġenerali; għandhom ikunu xierqa biex jiżguraw il‑kisba tal‑għan segwit; ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex dan jinkiseb. Barra dan, il‑protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali huwa interess leġittimu li, fil‑prinċipju, jiġġustifika restrizzjoni fuq il‑libertajiet fundamentali ggarantiti bit‑Trattat KE (70).
– Il‑protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħala interess leġittimu
81. Kif diġà ġie spjegat (71), il‑Gvern Grieg jikkunsidra li d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata hija ġġustifikata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku u soċjali. Ħarsa fil‑qosor lejn id‑dispożizzjonjiet nazzjonali rilevanti turi li l‑multi stipulati fl‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/95 huma intiżi biex jippenalizzaw nuqqasijiet li jiġu osservati ċerti valuri bażiċi li huma protetti kostituzzjonalment, inkluż il‑protezzjoni ta’ drittijiet individwali ta’ personalità, familja u ħajja privata. Il‑multa li għaliha r‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali hija responsabbli in solidum kienet imposta minħabba nuqqas li jiġu osservati l‑valuri bażiċi msemmija iktar ’il fuq, kif inhu evidenti mill‑konklużjonijiet dwar il‑fatti inklużi fid‑digriet tar‑rinviju. Minn evalwazzjoni serja, l‑argument imressaq mill‑Gvern Grieg għandu jiġi interpretat li huwa bbażat b’mod ċar fuq il‑protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali mnaqqxa fil‑Kostituzzjoni.
82. Għandu jitfakkar f’dan ir‑rigward li, skont il‑ġurisprudenza stabbilita, id‑drittijiet fundamentali huma parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiżgura r‑rispett tagħhom. Għal dan il‑għan, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tispira ruħha mit‑tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall‑Istati Membri kif ukoll mill‑indikazzjonijiet mogħtija mill‑istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il‑protezzjoni tad‑drittijiet tal‑bniedem u li l‑Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F’dan ir‑rigward, il‑KEDB għandha sinjifikat partikolari (72). Il‑prinċipji stabbiliti b’din il‑ġurisprudenza reġgħu ġew affermati fl‑Artikolu 6(2) UE. Din id‑dispożizzjoni tistipula li “l‑Unjoni għandha tirrispetta d‑drittijiet fundamentali, kif garantiti mill‑Konvenzjoni Ewopea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u l‑Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit‑tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall‑Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal‑liġi tal‑Komunità”. Barra dan, f’diversi okkażjonijiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja invokat il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea pproklamata f’Nizza fis‑7 ta’ Diċembru 2000 (73) sabiex tikkonferma l‑eżistenza ta’ ċerti prinċipji ġenerali ta’ dritt (74).
83. Kif ġie kkonstatat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja f’ħafna okkażjonijiet (75), il‑Komunità ma tistax taċċetta miżuri li huma inkompatibbli mal‑osservanza tad‑drittijiet tal‑bniedem irrikonoxxuti u ggarantiti hekk. Fil‑fehma tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, peress li kemm il‑Komunità u l‑Istati Membri tagħha huma obbligati li jirrispettaw id‑drittijiet fundamentali, il‑protezzjoni ta’ dawn id‑drittijiet hija interess leġittimu li, bħala prinċipju, jiġġustifika restrizzjoni tal‑obbligi imposti mid‑dritt Komunitarju, anki taħt libertà fundamentali ggarantita bit‑Trattat bħall‑moviment liberu ta’ merkanzija (76).
84. F’dan ir‑rigward għandu jiġi rrilevat li, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, id‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata, li skont il‑Gvern Grieg, id‑dispożizzjoni kkontestata tipprova tipproteġi, huwa wkoll dritt fundamentali protett fl‑ordni legali tal‑Unjoni Ewropea (77). Barra minn hekk, dan id‑dritt fundamentali huwa stabbilit fl‑Artikolu 8(1) KEDB (78) u fl‑Artikolu 7 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali (79).
85. F’dan ir‑rigward, id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata ssegwi għan li hu rrikonoxxut mill‑ordni legali tal‑Unjoni u għalhekk hija leġittima.
– It‑test ta’ proporzjonalità
86. Kif diġà spjegajt fil‑konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl‑14 ta’ April 2010 fil‑Kawża C‑271/08, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, wieħed għandu jassumi li d‑drittijiet fundamentali u l‑libertajiet fundamentali għandhom l‑istess importanza (80). Dan ifisser li jekk, f’każ individwali, b’riżultat tal‑eżerċizzju ta’ dritt fundamentali, tiġi ristretta xi libertà fundamentali, irid jintlaħaq bilanċ ġust bejn dawn iż‑żewġ pożizzjonijiet legali. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi dedott li l‑eżerċizzju ta’ libertà fundamentali jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jillimita dritt fundamentali. Bil‑kontra, madankollu, it‑twettiq ta’ dritt fundamentali għandu wkoll jiġi rrikonoxxut bħala għan leġittimu li jista’ jirrestrinġi libertà fundamentali. Għall‑iskopijiet biex tinqata’ linja diviżorja eżatta bejn libertajiet fundamentali u drittijiet fundamentali l‑prinċipju ta’ proporzjonalità huwa ta’ importanza partikolari. Fil‑kuntest tal‑eżami tal‑proporzjonalità, għandha tintuża, b’mod partikolari, skema ta’ analiżi maqsuma fi tliet stadji, fejn għandhom jikkontrollaw in‑natura adatta, in‑neċessità u r‑raġunevolezza tal‑miżura inkwistjoni (81).
87. Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għalkemm il‑protezzjoni tad‑dritt fundamentali għar‑rispett tal‑ħajja privata jikkostitwixxi interess leġittimu li jiġġustifika, prinċipalment, restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita bit‑Trattat KE, bħall‑moviment liberu ta’ stabbiliment, jibqa’ l‑fatt li restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk huma xierqa biex tiżgura l‑kisba tal‑għan segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb (82).
88. Id‑deċiżjoni dwar il‑proporzjonalità teħtieġ analiżi taċ‑ċirkustanzi legali u fattwali li jikkaratterizzaw is‑sitwazzjoni fl‑Istat Membru kkonċernat, li għall‑eżami tagħhom għandha ġurisdizzjoni l‑qorti tar‑rinviju (83). F’ din il‑kawża, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha informazzjoni suffiċjenti dwar is‑sitwazzjoni legali u fattwali biex tagħti evalwazzjoni astratta tal‑każ li ġie ppreżentat quddiemha fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tikkunsidra l‑kriterji ta’ interpretazzjoni pprovduti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja meta tapplika d‑dritt Komunitarju fil‑kawża prinċipali. (84)
In‑natura adatta
89. Kif ġie kkonfermat mill‑Gvern Grieg b’risposta għad‑domanda tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑proċedura orali, wieħed għandu jassumi li d‑dispożizzjoni kkontestata hija bbażata essenzjalment fuq il‑premessa tal‑leġiżlatur Grieg li azzjonista b’sehem ta’ iktar minn 2.5% tal‑kapital f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandu l‑possibbiltà li jinfluwenza t‑tmexxija tal‑kumpannija. Din il‑premessa tal‑leġiżlatur nazzjonali tiġi kkunsidrata u eżaminata mill‑viċin kemm mill‑qorti tar‑rinviju u anki mill‑Gvern Grieg fid‑dikjarazzjoni rispettivi tagħhom. Għalhekk, il‑qorti tar‑rinviju tindika (85) li l‑azzjonisti ta’ tali kumpanniji b’sehem ta’ iktar minn 2.5% fil‑kapital azzjonarju tagħhom mhumiex investituri komuni; iżda investituri professjonali f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l‑amministrazzjoni tal‑korp ġuridiku, u għalhekk, l‑operat ta’ stazzjon televiżiv. Il‑Gvern Grieg(86) jiddikjara li l‑membri f’din il‑kategorija, permezz tal‑parteċipazzjoni tagħhom fil‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti u fl‑għażla tal‑membri tal‑korpi tal‑amministrazzjoni tal‑kumpannija, jistgħu jgħinu biex jiżguraw li jiġu adottati linji gwida ċari fir‑rigward tal‑ipprogrammar u l‑pożizzjoni tal‑istazzjon televiżiv dwar kwistjonijiet kurrenti.
90. Irrispettivament minn jekk din il‑preżunzjoni legali tapplikax għall‑kawża prinċipali, fi kliem ieħor jekk, kif ġie kjarifikat mill‑Gvern Grieg fis‑seduta, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali, b’sehem ta’ 5% biss tal‑kapital tal‑kumpannija ‘Nea Tileorasi’, verament għandha influwenza deċiżiva fuq il‑proċessi deċiżjonali tal‑kumpannija, li jkollu jiġi stabbilit speċifikament mill‑qorti tar‑rinviju (87), fi kwalunkwe każ huwa dubjuż ħafna jekk l‑influwenza tistax titqies bħala suffiċjenti biex taffettwa l‑ipprogrammar tal‑istazzjon televiżiv, b’mod bl‑iskop li assolutament ma jkunx hemm ksur ta’ leġiżlazzjoni u tar‑regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi.
91. L‑ewwel nett, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l‑pożizzjoni ta’ azzjonista fi ħdan kumpannija b’responsabbiltà limitata. Id‑drittijiet ta’ azzjonista jistgħu b’mod ġenerali jinqasmu fi drittijiet ta’ proprjetà, drittjiet ta’ parteċipazzjoni u drittijiet ta’ protezzjoni (88). Differenti minn membru ta’ korp amministrattiv ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li jkollu iktar possibbiltà li jinfluwenza l‑istazzjon televiżiv li jkun proprjetà tal‑kumpannija, azzjonista medju jeżerċita d‑drittijiet ta’ parteċipazzjoni tiegħu, bħala regola, fil‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti, fejn hu intitolat li jivvota (89). Skont is‑sistema legali u l‑istatuti, dawn id‑drittijiet ta’ parteċipazzjoni jinkludu l‑ħatra u t‑tkeċċija tal‑korpi amministrattivi u ta’ sorveljanza (90). Wieħed għandu jżomm f’moħħu f’dan ir‑rigward li f’dan l‑aħħar każ l‑influwenza tal‑azzjonista individwali fuq l‑amministrazzjoni tal‑kumpannija hija iktar dgħajfa, speċjalment peress li hija biss indiretta (91). Barra minn hekk, ir‑regoli sostantivi dettaljati li jirregolaw il‑ħatra u t‑tkeċċija tal‑korpi jvarjaw skont is‑sistema legali u l‑istatuti. Filwaqt li l‑ħatra tal‑korpi hija kkaratterizzata mill‑prinċipju ġenerali li l‑maġġoranza tal‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti taħtar il‑membri kollha, madankollu jiddependi fuq id‑dispożizzjonijiet rilevanti tal‑liġijiet jekk hemmx rappreżentanza proporzjonali, jew azzjonisti individwali jingħataw id‑dritt tal‑ħatra ta’ siġġu. Din il‑varjetà ta’ ċirkustanzi tfisser li, minn analiżi iktar mill‑viċin, il‑possibbiltajiet preżunti għal azzjonisti individwali biex jinfluwenzaw l‑amministrazzjoni ta’ kumpannija jidhru li huma anqas immarkati minn kemm wieħed kien jassumi.
92. Jeħtieġ issir distinzjoni bejn l‑istruttura tal‑kumpannija u l‑istruttura tal‑istazzjon televiżiv innifsu, fejn id‑direttur tal‑programmi, bħala l‑kap tat‑tim editorjali kollu tal‑istazzjon televiżiv, għandu rwol partikolari. Subordinat għalih, hemm il‑kapijiet editorjali li huma responsabbli għal dipartimenti individwali. Barra dan, hemm l‑impjegati tal‑istazzjon responsabbli biex joħolqu programmi individwali. Dawn jaġixxu bejn wieħed u ieħor b’mod indipendenti fl‑oqsma tagħhom ta’ responsabbiltà.
93. Għalhekk l‑azzjonist individwali huwa fl‑aħħar ta’ katina twila ta’ persuni li jieħdu d‑deċiżjonijiet, li huwa jista’ jinfluwenza l‑imġiba tagħhom sa ċertu punt limitat biss. Lanqas ma jista’ jipprevedi jekk xi wieħed mill‑impjegati tal‑istazzjon, kemm jekk intenzjonalment jew bi traskuraġni, hux se jikser il‑leġiżlazzjoni u r‑regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet juru li l‑influwenza li l‑azzjonista għandu fi ħdan kumpannija jgħidu ftit li xejn dwar l‑influwenza attwali tiegħu fuq il‑proċessi interni ta’ stazzjonijiet televiżivi. Il‑qorti tar‑rinviju, jekk ikun neċessarju teżamina jekk il‑possibbiltà ta’ influwenza tal‑azzjonista individwali, li d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata tikkunsidra li dan hu ovvju minnu nnifsu, huwa fil‑fatt purament teoretiku.
94. Min‑naħa l‑oħra, kif josserva korrettement il‑Gvern Grieg, l‑azzjonist individwali jista’ jeżerċita d‑drittijiet ta’ parteċipazzjoni tiegħu sabiex jiżgura li jiġu adottati linji gwida ċari fir‑rigward tal‑ipprogrammar. Eżempju possibbli jista’ jkun il‑formulazzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta għall‑impjegati tal‑istazzjon televiżiv li jeżiġi rispett għal ċerti interessi legali bi status kostituzzjonali, bħal m’hija l‑protezzjoni ta’ drittijiet ta’ personalità individwali u d‑dritt għall‑ħajja tal‑familja u għall‑ħajja privata. Li wieħed jeżiġi li l‑korp amministrattiv jassigura li l‑istazzjon televiżiv proprjetà tal‑kumpannija u l‑impjegati tiegħu jsegwu ċerti standands ta’ etika jista’ tal‑inqas inaqqas ir‑riskju ta’ ksur.
95. Probabbilment dan ikun jeħtieġ azzjoni miftiehma minn diversi azzjonisti speċjalment għax il‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti jkollha tiddeċiedi dwar il‑kwistjoni. Madankollu, skont is‑sistemi tal‑liġijiet tal‑kumpanniji tal‑Istati Membri, id‑dritt li ssejjaħ il‑laqgħa ġenerali u li titlob li tiġi fformulata l‑aġenda normalment jiddependi fuq il‑proporzjon ta’ azzjonisti interessati li l‑kapital sottoskritt tal‑kumpannija jilħaq ċertu persentaġġ. Skont l‑Artikolu 55(1) tar‑Regolament Nru 2157/2001 il‑proporzjon huwa tal‑inqas 10 % fil‑każ ta’ kumpannija Ewropea. Madankollu, anki jekk dan il‑limitu jinqabeż, ikun dubjuż jekk miżura preventiva bħal din tkunx kapaċi telimina għal kollox ksur minn impjegati individwali tal‑istazzjon televiżiv.
96. Meta madanakollu tiġi eżamintata n‑natura adatta, huwa importanti jekk, wara li jiġu kkunsidrati aspetti ta’ każwalità u probabbiltà, il‑miżura tista’ twassal għal numru ta’ avvenimenti fid‑direzzjoni maħsuba mill‑Istat Membru; l‑Istati Membri għandhom jingħataw ċertu marġni ta’ previżjoni f’dan ir‑rigward. Għalhekk miżura nazzjonali tiġi kklassifikata bħala mhux adatta f’każ biss li ma jkollha ebda effett fuq l‑għan segwit (92). Fil‑fehma tiegħi, il‑kunsiderazzjonijiet li fuqhom tibbaża d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata huma pjuttost teoretiċi. It‑theddida ta’ multa tista’ twassal biex l‑azzjonisti jieħdu miżuri preventivi biex jevitaw ksur. Madankollu, din ma tistax teskludi għal kollox ksur bħal dan. Dispożizzjoni bħal din li tipproteġi drittijiet ta’ personalità individwali u dritt għall‑ħajja familjari u dik privata għandha titqies li hija adatta, madankollu sa fejn din tinkoraġġixxi l‑protezzjoni ta’ dawn l‑interessi legali
In‑neċessità
97. Barra dan, il‑prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adatti għandha tintgħażel dik l‑inqas oneruża (93).
98. Miżura alternattiva possibbli għal impożizzjoni ta’ multa fis‑settur tal‑medja, kif ġie ddikjarat korrettement mill‑Gvern Grieg fis‑seduta, tkun l‑irtirar tal‑liċenzja operattiva tal‑istazzjon televiżiv mill‑korp ta’ sorveljanza tal‑medja kompetenti. Madankollu, l‑irtirar ta’ liċenzja operattiva tat‑televiżjoni tirrappreżenta l‑iktar multa iebsa fis‑settur tal‑medja (94), speċjalment peress li tintrabat ma’ projbizzjoni fuq l‑operat ta’ stazzjon televiżiv (95). Paragun ma’ dan, multa ta’ darba għal ksur ta’ liġi u regoli ta’ kondotta tajba tikkostitwixxi b’mod ċar miżura inqas oneruża.
99. Madankollu tqum il‑kwistjoni jekk soluzzjoni inqas oneruża tkunx konċepibbli anki fil‑kuntest ta’ din it‑tip ta’ multa.
100. It‑theddida waħedha ta’ multi kontra kumpannija b’responsabbiltà limitata, mingħajr l‑estensjoni tar‑responsabbiltà, tkun, fil‑prinċipju kapaċi tħajjar lill‑kumpannija sabiex tirrispetta l‑leġiżlazzjoni u r‑regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi. Madankollu, hu dubjuż jekk ikollhiex l‑istess effett ta’ deterrent, peress li din timplika telf finanzjarju għall‑kumpannija biss. Skont is‑sitwazzjoni finanzjarja tal‑kumpannija, din tista’ tassumi multa bħal din mingħajr ma jkollha għalfejn tbiddel l‑imġiba tagħha b’mod sostanzjali. L‑effett ta’ multa bħal din ma jistax jiġi stmat b’xi ċertezza. Is‑sitwazzjoni hija evidentement differenti fil‑każ tar‑responsabbiltà in solidum tal‑azzjonisti, fejn kull individwi hu responsabbli biss bl‑attiv kollu tiegħu. L‑azzjonisti jtendu jaraw x’jagħmlu biex jevadu r‑responsabbiltà. F’dan ir‑rigward iż‑żewġ approċċi ma jistgħux jitqiesu li huma effettivi bl‑istess mod.
101. Minflok għandha tingħata kunsiderazzjoni għal approċċ differenzjat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn hu possibbli ċ‑ċirkustanzi tal‑każ individwali. Għalhekk, jista’ jsir provvediment, pereżempju, biex jinżammu responsabbli biss dawk l‑azzjonisti li jista’ jattribwilhom xi ksur. Fid‑dawl tal‑fatt li multa hija kklassifikata bħala penali, dan jeħtieġ neċessarjament li jkun hemm imġiba illegali attribwibbli għall‑parti kkonċernata. Modifikazzjoni bħal din tipprevjeni li jiġu kkastigati azzjonisti li jistgħu jkunu jixtiequ, imma li ma jkunux f’pożizzjoni li jinfurzaw miżuri sabiex jipprevjenu l‑ksur waħedhom jew bħala parti minn azzjoni konġunta. Ir‑regola applikabbli fil‑preżent, bis‑saħħa tal‑kamp ta’ applikazzjoni wiegħsa tagħha, tkopri wkoll lil dawn l‑azzjonisti. Approċċ differenzjat mhux biss ikun jirrestrinġi l‑libertà ta’ stabbiliment fi grad inqas, imma jkollu wkoll l‑istess effett bħar‑regola applikabbli fil‑preżent. Il‑formulazzjoni preċiża ta’ din id‑dispożizzjoni taqa’ fil‑kompetenza tal‑leġiżlatur nazzjonali.
102. Għalhekk id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata għandha titqies bħala li mhijiex neċessarja biex jintlaħaq l‑għan segwit.
Ir‑raġunevolezza
103. Fl‑aħħar nett, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l‑piżijiet imposti jkunu raġunevoli fir‑rigward tal‑għanijiet segwiti (96).
104. Fir‑rigward tal‑protezzjoni ta’ interessi legali bi status kostituzzjonali, bħad‑dritt għall‑personalità individwali u d‑dritt għall‑ħajja tal‑familja u għall‑ħajja personali, fil‑fehma tiegħi l‑leġiżlatur nazzjonali għandu jingħata ċertu marġni ta’ diskrezzjoni (97). Madankollu l‑marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikun daqshekk wiesa’ li l‑azzjonisti jsiru responsabbli għal ksur li mhux attribwibbli għalihom. Barra dan, minħabba l‑istrutturi partikolari fi ħdan kumpannija u stazzjon televiżiv, ksur bħal dan ma jistax jiġi eskluż kompletament. F’dan il‑każ, il‑libertà ta’ stabbiliment hija llimitata iktar milli hu neċessarju għall‑protezzjoni tal‑interessi legali msemmija iktar ’il fuq.
105. Sa fejn wieħed jista’ jassumi li d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata essenzjalment tipprova twassal lill‑azzjonisti biex jieħdu miżuri preventivi, ikun iktar raġunevoli li żżomm responsabbli biss l‑azzjonisti li għandhom influwenza definita, mhux biss fuq il‑kumpannija, imma anki fuq il‑korp amministrattiv tal‑kumpannija u għalhekk indirettament fuq dawk li jieħdu d‑deċiżjonijiet fil‑kumpannija. Għandu jkun hemm biss dubji rigward dan fil‑każ ta’ sehem ta’ 2.5 % fil‑kapital tal‑kumpannija. Kif intqal iktar ’il fuq, huwa dubjuż jekk azzjonist individwali waħdu huwiex f’pożizzjoni li jinforza miżuri biex jipprevjeni ksur ta’ leġiżlazzjoni u ta’ regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi.
106. Konsegwentement, il‑piżijiet imposti fuq l‑azzjonisti mhumiex raġunevoli fir‑rigward tal‑għanijiet segwiti.
107. Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, jien nikkonkludi li d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata ma tistax titqies li hija proporzjonali. Hija bbażata fuq bilanċ bejn il‑libertà ta’ stabbiliment bħala liberta fundamentali u d‑dritt fundamentali għar‑rispett għall‑ħajja privata u għall‑ħajja tal‑familja li mhuwiex konsistenti mad‑dritt Komunitarju.
iv) Konklużjoni intermedja
108. Fil‑qosor, jista’ jintqal li l‑Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/1995.
ċ) Il‑moviment liberu tal‑kapital
v) Applikabbiltà tal‑Artikolu 56 KE
109. Il‑kwistjoni tal‑kompatibbiltà mad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑moviment liberu tal‑kapital jeħtieġ li tiġi kkunsidrata sal‑punt biss li, fid‑dawl ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata hija tali li tinvolvi restrizzjoni separata u d‑dispożizzjoniet tat‑Trattat li jikkonċernaw il‑libertà ta’ stabbiliment ma japplikawx (98).
110. Fid‑dawl tad‑dikjarazzjonijiet tiegħi f’punti 63 sa 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet fir‑rigward il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikoli 43 KE u 48 KE, l‑eżami abbażi tal‑Artikolu 56 KE ma jidhirx neċessarju ħlief fir‑rigward ta’ azzjonisti li għandhom sehem ta’ iktar minn 2.5 % tal‑kapital tal‑kumpannija, imma li madankollu ma għandhomx sehem li jippermettilhom li jeżerċitaw influwenza definita fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija u li jiddetterminaw l‑attivitajiet tagħha (99).
vi) Restrizzjoni fuq il‑moviment liberu tal‑kapital
111. Skont ġurisprudenza stabbilita (100), l‑Artikolu 56(1) jipprojbixxi b’mod ġenerali restrizzjonijiet fuq il‑movimenti tal‑kapital bejn l‑Istati Membri.
112. Fin‑nuqqas ta’ definizzjoni fit‑Trattat KE ta’ “movimenti tal‑kapital”, fis‑sens tal‑Artikolu 56(1) KE, il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrikonoxxiet in‑nomenklatura annessa mad‑Direttiva tal‑Kunsill 88/361/KEE, tal‑24 ta’ Ġunju 1988, għall‑implementazzjoni tal‑Artikolu 67 tat‑Trattat (artikolu li tħassar bit‑Trattat ta’ Amsterdam) li għandha valur indikattiv (101). Il‑movimenti tal‑kapital fis‑sens tal‑Artikolu 56(1) għalhekk jinkludu b’mod partikolari investimenti diretti fil‑forma ta’ parteċipazzjoni f’impriża li jippermettu li wieħed jipparteċipa b’mod effettiv fl‑amministrazzjoni ta’ din il‑kumpannija u fil‑kontroll tagħha (investimenti “diretti”) u l‑akkwist ta’ azzjonijiet fis‑suq tal‑ishma bl‑intenzjoni unika li dak li jkun jagħmel investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni li jinfluwenza l‑amministrazzjoni u l‑kontroll tal‑impriża (investimenti “portfolio”) (102).
– L‑Artikolu 56 KE bħala projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet
113. Fir‑rigward ta’ dawn iż‑żewġ forom ta’ investiment, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ikkonstatat li miżuri nazzjonali għandhom jitqiesu bħala “restrizzjonijiet” fis‑sens tal‑Artikolu 56(1) KE jekk dawn jistgħu jostakolaw jew jirristrinġu l‑akkwist ta’ azzjonijiet fl‑impriżi kkonċernati jew jiskoraġġixxu investituri minn Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil‑kapital tagħhom (103).
114. Kif diġà ġie spjegat (104), ir‑riskju ta’ responsabbiltà in solidum tal‑azzjonisti jista’ jiskoraġġixxi investituri potenzjali, speċjalment minħabba li l‑parteċipazzjoni f’tali impriża tinvolvi riskju finanzjarju addizzjonali li jmur lil hinn mir‑riskju kummerċjali normali. F’dan ir‑rigward, qed isir riferiment mill‑ġdid għall‑konstatazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju, li fil‑fehma tagħha l‑estensjoni tar‑responsabbiltà għall‑azzjonisti tagħmel ix‑xiri ta’ azzjonijiet f’dawn il‑kumpanniji partikolari ftit attraenti, bħal fil‑każ tar‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali.
115. Skont din id‑definizzjoni wiegħsa, li ġiet adottata mill‑Qorti tal‑Ġustizzja s’issa, restrizzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 56(1) KE jkollha ttitieħed li teżisti f’din il‑kawża.
– Il‑possibbiltà ta’ delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet
116. Bħal fil‑każ tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat fil‑ġurisprudenza tagħha preċedenti anki d‑delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet fuq il‑moviment liberu tal‑kapital (105). Bil‑perspettiva ta’ konverġenza possibbli iktar wiesgħa għal‑libertajiet fundamentali għaldaqstant ikun perfettament konċepibbli wkoll li ssir delimitazzjoni teleoloġika tal‑projbizzjoni fuq restrizzjonijiet fil‑qasam tal‑moviment liberu tal‑kapital u li ssir distinzjoni skont jekk id‑dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbilixxix “ostakoli speċifiċi għall‑aċċess” jew sempliċement tiddefinixxix il‑“kundizzjonijiet relatati mal‑post”. Interpretazzjoni differenti taż‑żewġ libertajiet fundamentali twassal inevitabbilment għal diskrepanza fit‑trattament ta’ azzjonisti kbar u żgħar, peress li filwaqt li l‑azzjonisti l‑kbar jiġu rrifjutati milli jinvokaw il‑libertà ta’ stabbiliment, l‑azzjonisti ż‑żgħar ikunu permessi li jieħdu azzjoni kontra d‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata billi jinvokaw restrizzjoni fuq il‑moviment liberu tal‑kapital. Jekk l‑azzjonisti l‑kbar ma jistgħux inisslu mil‑libertajiet fundamentali ebda dritt għall‑approssimazzjoni tal‑kundizzjonijiet relatati mal‑post (106), dan ċertament ma għandux ikun possibbli għall‑azzjonisti żgħar. Barra dan, m’hemm l‑ebda raġuni għal differenza fit‑trattament, peress li ż‑żewġ kategoriji ta’ azzjonisti huma preċiżament fl‑istess pożizzjoni.
117. Fir‑rigward tad‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata nnifisha, għandu jingħad li din fiha nnifisha ma tnaqqasx il‑possibbiltà tal‑azzjonisti li jipparteċipaw fil‑kumpannija bl‑iskop li jistabbilixxu jew iżommu rabtiet ekonomiċi dejjiema u diretti magħha sabiex tippermettilhom li jipparteċipaw b’mod effettiv fl‑amministrazzjoni ta’ din il‑kumpannija jew fil‑kontroll tagħha. M’hemm l‑ebda ostakoli de jure jew de facto għall‑influss ta’ investimenti diretti. Din lanqas ma tirregola speċifikament in‑natura ta’ jew l‑arranġamenti għall‑investimenti f’kumpanniji fis‑settur tal‑medja Grieg. Pjuttost, skont id‑dikjarazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq (107), id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata għandha fir‑realtà tiġi kklassifikata fil‑kategorija ta’ “kundizzjonijiet relatati mal‑post”, li sa fejn, tiġi aċċettata interpretazzjoni teleoloġika stretta, ma tkunx interpretata bħala restrizzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 56(1) KE.
118. Kif diġà spjegajt (108), madankollu, apparti każijiet iżolati, m’hemm xejn x’jissuġġerixxi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tkun ippreparata li tabbanduna l‑interpretazzjoni wiegħsa tagħha tal‑kunċett ta’ restrizzjoni. Il‑kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma għalhekk ibbażati fuq il‑kunċett ta’ projbizzjoni komprensiva fuq restrizzjonijiet.
119. Konsegwentement hemm restrizzjoni fuq il‑moviment liberu tal‑kapital. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk din tistax tkun iġġustifikata u jekk din tgħaddix mit‑test ta’ proporzjonalità.
vii) Ġustifikazzjoni
– Il‑protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali bħala interess leġittimu
120. Sa fejn id‑dispożizzjoni nazzjonali kkontestata tipprova tipproteġi id‑dritt fundamentali għar‑rispett tal‑ħajja privata, din issegwi għan li huwa rrikonoxxut mill‑ordni legali tal‑Unjoni, li huwa għalhekk leġittimu u fil‑prinċipju jista’ jiġġustifika restrizzjoni (109).
– It‑test ta’ proporzjonalità
121. Peress li skont din id‑dispożizzjoni azzjonisti li ma għandhom l‑ebda influwenza definita fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija jinżammu wkoll responsabbli, id‑dispożizzjoni sussegwenti ma tidhirx li tista’ tipproteġi l‑interessi legali msemmija iktar ’il fuq, speċjalment peress li din il‑kategorija ta’ membri jistgħu jagħmlu ftit li xejn biex jipprevjenu ksur ta’ leġiżlazzjoni u ta’ regoli ta’ kondotta li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi.
122. Peress li huma konċepibbli miżuri inqas onerużi li joffru l‑istess prospett ta’ suċċess, fuq kollox ir‑responsabbiltà tal‑azzjonisti li attwalment jeżerċitaw influwenza fuq il‑korp amministrattiv tal‑kumpannija u l‑istrutturi tal‑istazzjon televiżiv li jieħdu d‑deċiżjonijiet jew li jista’ attwalment jattribwilhom ksur, ir‑responsabbiltà min‑naħa tal‑grupp ta’ azzjonisti rilevanti f’din l‑istanza ma tistax titqies bħala neċessarja.
123. Id‑dubji li ġew espressi fir‑rigward ta’ restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment japplikaw a fortiori għall‑moviment liberu tal‑kapital. Restrizzjoni fuq din il‑libertà fundamentali, mingħajr ma tkun ta’ benefiċċju għall‑protezzjoni tad‑dritt fundamentali, ma tissodisfax ir‑rekwiżit tar‑raġunevolezza. Il‑moviment liberu tal‑kapital jipproteġi biss membri li mhumiex f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza definita fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija u li jiddeterminaw l‑attivitajiet tagħha. Il‑fatt li tista’ tiġi imposta multa fuqhom jirriżulta f’restrizzjoni mhux raġunevoli fuq din il‑libertà fundamentali.
124. Konsegwentement, id‑dipsożizzjoni nazzjonali kkontestata ma tistax titqies, globalment, li hija proporzjonata. Hija bbażata fuq bilanċ bejn il‑moviment liberu tal‑kapital bħala libertà fundamentali u d‑dritt fundamentali għar‑rispett tal‑ħajja privata u tal‑familja li mhuwiex konsistenti mad‑dritt Komunitarju.
viii) Konklużjoni intermedja
125. Fil‑qosor, jista’ jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 56(1) KE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/1995.
VII – Konklużjoni
126. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad‑domanda preliminari ta’ Simvoulio tis Epikratias kif ġej:
1) L‑ewwel Direttiva tal‑Kunsill 68/151/KEE, tad‑9 ta’ Marzu 1968, dwar il‑koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall‑protezzjoni tal‑interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill‑Istati Membri minn kumpanniji fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 58 tat‑Trattat, bil‑għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal‑Komunità ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/1995, li taħtu l‑multi stipulati fil‑paragrafi preċedenti ta’ dak l‑artikolu għal ksur ta’ legiżlazzjoni u ta’ regoli ta’ kondotta tajba li jirregolaw l‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi huma imposti in solidum kemm fuq il‑kumpannija li f’isimha għandha l‑liċenzja biex twaqqaf u topera l‑istazzjon televiżiv u fuq l‑azzjonisti kollha b’sehem ta’ iktar minn 2.5%.
2) Min‑naħa l‑oħra, l‑Artikolu 43 KE, l‑Artikolu 48 KE u l‑Artikolu 56 KE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil‑paragrafu 1 imsemmi iktar ’il fuq.
1 – Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
2 – Skont it‑Trattat ta’ Lisbona li jemenda t‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea li ġie ffirmat fit‑13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 C 306, p. 1), il‑proċedura dwar deċiżjoni preliminari issa hija rregolata bl‑Artikolu 267 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3.
4 – Direttiva 2009/101/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, dwar il‑koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall‑protezzjoni tal‑interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill‑Istati Membri minn kumpanniji fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 48 tat‑Trattat, bil‑għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2009 L 258, p. 11).
5 – ĠU 1979, L 291.
6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 104.
7 – Ara P. Behrens, “Gesellschaftsrecht”, f’: Handbuch des EU‑Wirtschaftsrechts [(ed. Manfred A. Dauses), E. III, punt 3, p. 3].
8 – Ara M. Rondinelli, “Il proceso di armonizzazione del diritto societario europeo”, Percorsi di diritto societario europeo, Turin 2000, p. 38, li jirrileva l‑konnessjoni mill‑qrib bejn l‑armonizzazzjoni tad‑dritt tal‑kumpanniji fl‑Unjoni Ewropea u l‑libertà ta’ stabbiliment. Ara wkoll A. Grünwald, Europäisches Gesellschaftsrecht, Vjenna 1999, p. 12, u G. Mustaki/V. Engammare, Droit européen des sociétés, Basel 2009, p. 105.
9 – Fil‑fehma ta’ M. Rondinelli, loc. cit. (nota ta’ qiegħ il‑paġna 8) p. 38, l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet għandha tevita li deċiżjonijiet dwar lokazzjonijiet u movimenti ta’ kapital jittieħdu mhux abbażi ta’ fatturi ekonomiċi imma skont fejn hemm l‑iktar ambjent favorevoli mil‑lat ta’ dritt ta’ kumpanniji.
10 – Ara M. Habersack, Europäisches Gesellschaftsrecht, it‑tielet Edizzjoni, Munich 2006, Artikolu 5, punt 1, p. 82.
11 – Li jikkorrispondi għall‑Artikolu 50(2), TFUE.
12 – Ara K. Hempel, Kommentar zu EU‑ und EG‑Vertrag (ed. Heinz Mayer), Artikolu 44, punt 19, p. 19; M. Rondinelli, (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 8), p. 42.
13 – Is‑sistema tad‑dritt Ewropew tal‑kumpanniji bħala parti mil‑liġi fejn ikun hemm tal‑inqas element tad‑dritt Komunitarju, tkopri fil‑parti l‑kbira biss kumpanniji b’kapital azzjonarju (ara P. Behrens, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 7, punt 15, p. 8). Il‑libertà ta’ stabbiliment (l‑Artikoli 43 KE u 48 KE) u l‑Artikolu 44(2)(g) KE, bħala regola primarja li tirregola l‑kompetenza fid‑dritt tal‑kumpanniji tal‑Unjoni Ewropea, japplikaw għal kumpanniji kollha bi skop ta’ lukru, u anki dawk li huma rregolati bid‑dritt pubbliku. Irrispettivament mil‑libertajiet fundamentali, it‑testi tad‑dritt Ewropew tal‑kumpanniji għal kumpanniji kummerċjali jammonta għal xejn iktar minn att legali wieħed: l‑istatut għall‑Grupp Ewropew għall‑Interess Ekonomiku (ara S. Grundmann, Europäisches Gesellschaftsrecht, Heidelberg, Artikolu 1, punt 12, p. 6). Ir‑raġuni għall‑enfasi leġiżlattiva fuq kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata tista’ tkun, li minħabba l‑istruttura tagħha, din it‑tip ta’ kumpannija għandha titqies bħala l‑aħjar forma għal impriżi li joperaw f’kull parti tal‑Komunità (araGrünwald, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 8, p. 13).
14 – Ara, fir‑rigward tal‑prinċipju tas‑serparazzjoni tal‑attiv tal‑kumpannija u tal‑azzjonisti tagħha, A. Kraft/P. Kreutz, Gesellschaftsrecht, l‑għaxar Edizzjoni, Berlin 1997, p. 50 et seq, u fir‑rigward tad‑distinzjoni tar‑responsabbiltà tal‑kumpannija u dik tal‑azzjonisti fil‑każ ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, M. Kocbek, Zakon o gospodarskih družbah (ZGD) s komentarjem, it‑tieni Edizzjoni , GV Založba 2002, Vol. I, p. 127.
15 – Is‑sistemi legali nazzjonali jistipulaw limitazzjoni tar‑responsabbiltà għall‑kumpanniji b’kapital azzjonarju, għalkemm il‑formulazzjonijiet ivarjaw. F’xi każijiet il‑kredituri jistgħu jinvokaw biss l‑attiv tal‑kumpannija fir‑rigward tal‑passiv tal‑kumpannija; sistemi legali oħra jistipulaw li l‑membri huma responsabbli biss għal ċerta kontribuzzjoni jew li mhumiex responsabbli personalment. Dan ifisser dejjem li l‑membri mhumiex responsabbli fir‑rigward tal‑kredituri tal‑kumpannija, fi kliem ieħor lejn terzi (ara G.C. Schwarz, Europäisches Gesellschaftsrecht, l‑ewwel Edizzjoni, Baden‑Baden 2000, punt 289, p. 187). Il‑Ġermanja: paragrafu 1(1), AktG (Aktiengesetz) [liġi dwar kumpanniji b’responsabbiltà limitata] u l‑Artikolu 13(2), GmbHG (Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung) [liġi dwar kumpanniji b’responsabbiltà limitata,) jistipulaw li l‑attiv tal‑kumpannija biss jinżamm responsabbli għall‑passiv tal‑kumpannija fir‑rigward tal‑kredituri tagħha. Franza: L‑artikolu L. 223‑1(1) tal‑Code de Commerce (Il‑Kodiċi Kummerċjali) jistipula li l‑kumpannija b’responsabbiltà limitata (société à responsabilité limitée) hija fformata minn persuna waħda jew iktar li huma responsabbli biss għat‑telf sal‑ammont tal‑azzjonijiet tagħhom. L‑Artikolu 225‑1 tal‑Code de Commerce jistipula espressament li l‑membri ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (société anonyme) huma responsabbli biss għat‑telf sal‑ammont tal‑azzjonijiet tagħhom. L‑Awstrija: L‑Artikolu 48 AktG (Bundesgesetz über Aktiengesellschaften) [liġi Federal dwar kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata) u l‑Artikolu 61(2), (GmbHG) (Gesetz über Gesellschaften mit beschränkter Haftung) [liġi dwar kumpanniji b’responsabbiltà limitata] jistipulaw li l‑attiv tal‑kumpannija biss jinżamm responsabbli fir‑rigward tal‑passiv tal‑kumpannija fir‑rigward tal‑kredituri tagħha. Slovenja: l‑Artikolu 7(2), ZGD‑1 (Zakon o gospodarskih družbah) (liġi dwar il‑kumpanniji), jistabbilixxi li l‑liġi tiddefinixxi meta u kif l‑azzjonisti huma responsabbli flimkien mal‑kumpannija. Skont l‑Artikolu 168(2) taz‑ZGD‑1, kumpannija b’kapital azzjonarju hija responsabbli għall‑obbligazzjonijiet tagħha fir‑rigward tal‑kredituri bl‑attiv kollu tagħha. Skont l‑Artikolu 168(3), ZGD‑1, l‑azzjonisti mhumiex responsabbli fir‑rigward tal‑kredituri għall‑obbligi tal‑kumpannija. Bl‑istess mod, skont l‑Artikolu 472 il‑membri mhumiex responsabbli għall‑obbligi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (ara f’dan ir‑rigward M. Kocbek, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14, Vol. I, p. 122, 530, u Vol. II, p. 336). Ir‑Renju Unit: Kumpanniji b’kapital azzjonarju, bħall‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bl‑azzjonijiet, huma regolati bil‑Companies Act 2006. Tal‑ewwel hija komparabbli mal‑Aktiengesellschaft Ġermaniża, filwaqt li tal‑aħħar hija komparabbli mal‑Gesellschaft mit beschränkter Haftung Ġermaniża (ara C. Just, Die englische Limited in der Praxis, Munich 2005, p. 4). L‑Artikolu 1(1) tal‑Companies Act jistipula li kumpannija hija kumpannija b’responsabbiltà limitata jekk ir‑reponsabbiltà tal‑membri tagħha hija llimitata bil‑kostituzzjoni tagħha u li r‑responsabbiltà tagħha tista’ tkun illimitata bl‑azzjonijiet tagħha jew illimitata b’garanzija. Spanja: L‑Artikolu 1 tal‑Liġi 2/1995, tat‑23 ta’ Marzu 1995, dwar kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Ley de Sociedades de Responsabilidad Limitada) tistipula li l‑kapital ta’ kumpannija huwa kompost minn azzjonijiet, li jikkonsisti fl‑azzjonijiet tal‑membri, u li l‑membri mhumiex responsabbli għall‑obbligi tal‑kumpanija. L‑istess dispożizzjoni ssir fl‑Artikolu 1 tal‑Liġi 1564/1989 dwar kumpanniji pubbliċi (Ley de Sociedades Anónimas).
16 – Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat‑8 ta’ Ottubru 2001, dwar l‑Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251).
17 – Skont l‑Artikolu 1 tar‑Regolament Nru2157/2001, il‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Ewropea għandha personalità ġuridika awtonoma. Bħala persuna legali, il‑kumpannija (u mhux il‑membri tagħha flimkien) tgawdi drittijiet u obbligi fir‑rigward ta’ terzi. Skont it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 1(2) tar‑regolament, ir‑reponsabbiltà ta’ kull azzjonista individwali, fi kliem ieħor tal‑membru, hija limitata bl‑ammont nominali tal‑azzjonijiet li hu ssottoskriva. Mhuwiex evidenti mid‑dispożizzjonijiet jekk ir‑responsabbiltà fir‑rigward tal‑kontribuzzjonijiet kapitali hijiex limitata internament jew jekk il‑kredituri ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata Ewropea jistgħux ukoll jieħdu azzjoni diretta kontra l‑azzjonisti. Il‑fatt li kumpannija hija persuna ġuridika ma jipprekludix awtomatikament ir‑responsabbiltà esterna tal‑membri tagħha. Madankollu, peress li persuna ġuridika għandha drittijiet u obbligi hi nnifisha, bħala prinċipju teħtieġ dispożizzjoni speċjali biex tiġi stabbilita r‑responsabbiltà esterna tal‑membri tagħha. Il‑kredituri għandhom relazzjoni legali biss mal‑kumpannija, u mhux mal‑membri. Kif A. Schröder, Europäische Aktiengesellschaft SE (ed. Gerhard Manz/Barbara Mayer/Albert Schröder), Baden‑Baden 2005, l‑Artikolu 1 tar‑Regolament SE, punti 25 sa 29, p. 49 et seq., jispjega korrettement, li m’hemmx bażi għar‑responsabbiltà ġenerali esterna tal‑azzjonisti tal‑kumpannija fir‑rigward tal‑kredituri tal‑kumpannija. Fil‑fehma tal‑awtur, it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 1(2) tar‑Regolament ma toħloqx bażi bħal din, imma tillimita l‑obbligi tal‑azzjonista biex jikkontribwixxi l‑kapital tiegħu sa ċertu ammont mingħajr ma tiddefinixxi jekk l‑obbligu japplikax biss internament jew ukoll esternament. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li jista’ jinkiser il‑prinċipju tas‑separazzjoni bejn il‑kumpannija u l‑membri tagħha u tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra l‑membri, fejn l‑interessi tal‑kredituri ma jistgħux jiġu sodisfatti b’xi mod ieħor.
18 – Din hija l‑istess pożizzjoni li jieħu P. Behrens, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 7, punt 15, p. 8, li jirreferi għal bosta karatteristiċi tad‑dritt tal‑Unjoni Ewropea dwar kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.
19 – Ara, f’dan ir‑rigward, G. C. Schwarz, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punt 289, p. 187 li fil‑fehma tiegħu l‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà għall‑attiv tal‑kumpannija fil‑letteratura legali titqies li hija karatteristika tal‑kumpanniji koperti bid‑Direttiva 68/151.
20 – Ir‑Raba’ Direttiva tal‑Kunsill 78/660/KEE, tal‑25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l‑Artikolu 54(3)(g) tat‑Trattat dwar il‑kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21 1978).
21 – Il‑kumpannija ta’ membru wieħed hija kumpannija b’kapital azzjonarju fejn l‑azzjonijiet kollha jinżammu minn persuna fiżika jew ġuridika waħda. Għaldaqstant, tirrigwarda fil‑prattika kummerċjant waħdu (impriża individwali) li jipparteċipa f’relazzjonijiet legali permezz tal‑kumpannija tiegħu b’responsabbiltà limitata, imma li r‑responsabbiltà tagħha hija limitata għall‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet tiegħu.
22 – Ara wkoll f’dan is‑sens S. Grundmann (iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, Artikolu 9, punt 286, p. 127).
23 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro (372/82, Ġabra 1984, p. 107, punt 11); tad‑19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra 2000, p. I‑6917, punt 43); tad‑9 ta’ Novembru 2000, Yiadom (C‑357/98, Ġabra 2000, p. I‑9265, punt 26); tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA (C‑245/00, Ġabra 2003, p. I‑1251, punt 23); tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugal (C‑55/02, Ġabra 2004, p. I‑9387, punt 45); tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, Ġabra 2005, p. I‑885, punti 27 sa 30); u tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra 2006, I‑11519, punt 31).
24 – Sentenza Ekro (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 23, punt 14).
25 – Skont P. Jung/W. Müller‑Huschke, EU Kommentar (ed. Jürgen Schwarze), it‑tieni Edizzjoni, Baden‑Baden 2009, Artikolu 44 KE, punt 14, isegwi mill‑formulazzjoni tal‑Artikolu 44(2)(g) KE (“tikkoordina”, “tagħmel ekwivalenti”) u mill‑konnessjoni skematika tagħha mar‑regola dwar kompetenza stipulata fl‑Artikolu 44(1) KE, li hija llimitata għall‑adozzjoni ta’ direttivi, li l‑għan mhuwiex li l‑liġi ssir uniformi, imma li tiġi biss approssimata. Ara wkoll K. Hempel, (iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 12), Artikolu 44, punt 13, p. 17. S. Prats Jané, Evolución del Derecho societario europeo, Badajoz 2007, p. 13 jenfasizza d‑differenza fundamentali bejn l‑approssimazzjoni ta’ liġijiet u l‑unifikazzjoni tal‑liġi. G. Mustaki/V. Engammare, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 8, p. 105 jiddikjaraw li t‑Trattat KE jistipula biss id‑dmir li tiġi kkoordinata l‑liġi, u mhux li ssir uniformi, li tippermetti li l‑Istati Membri jżommu karatteristiċi nazzjonali fid‑dritt tal‑kumpanniji.
26 – Ara wkoll G.C. Schwarz, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punt 201, p. 129.
27 – Fil‑letteratura legali tittieħed il‑pożizzjoni li l‑eżerċizzju ta’ din il‑kompetenza ta’ koordinazzjoni hija suġġetta għall‑proporzjonalità msemmija fl‑Artikolu 5(3) KE. Xi awturi huma tal‑opinjoni li r‑rekwiżit tan‑neċessità fl‑Artikolu 44(2)(g) huwa kkonkretizzat fil‑prinċipju tas‑sussidjarjetà (ara P. Behrens, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 7, paragrafu 6a, p. 4). Min‑naħa l‑oħra, G.C. Schwarz, (iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punt 198, p. 128), jqiesha bħala espressjoni bikrija tal‑prinċipju tas‑sussidjarjetà.
28 – Fis‑sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1979, Union Laitière Normande (C‑244/78, Ġabra 1079, p. 2663, punt 5), il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li, filwaqt li l‑Artikolu [234 KE] ma jippermettix lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tevalwa r‑raġunijiet tat‑talba għal deċiżjoni preliminari, il‑ħtieġa li tingħata interpretazzjoni utli tad‑dritt Komunitarju jistgħu jagħmluha essenzjali li jitfisser il‑kuntest ġuridiku li fih għandha titqiegħed l‑interpretazzjoni mitluba. Fil‑fehma ta’ K. Lenaerts/A. Arts/I. Maselis, Procedural Law of the European Union, it‑tieni Edizzjoni, p. 188, punt 6‑021, m’hemm xejn li jostakola lill‑Qorti tal‑Ġustizzja milli tistabbilixxi l‑analiżi tal‑fatti li tat lok għall‑prodeċuri ‑prinċipali u ta’ ċerti aspetti tal‑liġi nazzjonali bħala l‑bażi ta’ interpretazzjoni utli tal‑leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli u l‑prinċipji tad‑dritt Komunitarju.
29 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑15 ta’ Dicembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 8); tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punt 24); tal‑31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punti 49 u 50); u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, Ġabra 2008, p. I‑9999, punt 51).
30 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenza Michaniki (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29, punt 52).
31 – Ara l‑punt 39 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
32 – Ara l‑punt 43 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
33 – Ara f’dan is‑sens, K. Hempel, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 12, Artikolu 44, punt 13, p. 17.
34 – Ara f’dan is‑sens ukoll A. Grünwald, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 8, p. 13, li jirrileva li d‑direttivi tal‑Unjoni, fil‑qasam tad‑dritt tal‑kumpanniji, huma marbuta biss mal‑kriterju formali tal‑forma legali. Minħabba dan il‑fatt u fid‑dawl tad‑distribuzzjoni differenti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, fil‑fatt hemm livelli differenti ħafna ta’ armonizzazzjoni fl‑Istati Membri. G. C. Schwarz, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punt 282, p. 182 isostni li d‑direttivi tal‑Unjoni fil‑qasam tad‑dritt tal‑kumpanniji ma jkoprux lill‑kumpanniji kollha li jgawdu wkoll mil‑libertà ta’ stabbiliment. Pjuttost l‑iskop tad‑direttivi jkopri sa ċertu punt, forom ta’ kumpanniji fl‑Istati Membri individwali li ġew elenkati speċifikament. Għalhekk tingħata preferenza lit‑teknika regolatorja tal‑enumerazzjoni pjuttost milli kunċetti ġenerali li jeħtieġu interpretazzjoni. Fl‑Artikolu 1 tad‑direttiva jew proposta għal direttiva rilevanti jsemmi l‑forom legali ta’ kumpanniji li huma intiżi li japplikaw għalihom il‑miżuri ta’ koordinament.
35 – Ara f’dan is‑sens E. Werlauff, EU‑Company Law, it‑tieni Edizzjoni, Copenhagen 2003, p. 40. L‑awtur jispjega minn naħa li d‑dispożizzjonijiet tad‑direttivi fil‑qasam tad‑dritt tal‑kumpanniji ma jobbligawx lill‑Istati Membri, bħala element essenzjali tad‑definizzjoni tagħhom ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li jistipulaw li r‑responsabbiltà ta’ kumpannija hija limitata għall‑attiv tal‑kumpannija, anki jekk dispożizzjonijiet bħal dawn jeżistu f’ħafna sistemi legali nazzjonali. Min‑naħa l‑oħra, l‑awtur jirrileva li d‑dispożizzjonijiet eżistenti tad‑direttivi mhumiex se jipprekludu lill‑Istati Membri milli jżommu, jew permezz tal‑operazzjoni tal‑liġi jew permezz tal‑ġurisprudenza li f’ċerti każijiet timponi fuq l‑azzjonisti responsabbiltà diretta għall‑passiv tal‑kumpannija skont il‑prinċipju tal‑estensjoni tar‑responsabbiltà (bil‑Ġermaniż “Haftungsdurchgriff ; bid‑Daniż “ansvarsgenombrott”, bl‑Ingliż “prinċiple of lifting of the veil”).
36 – Ara f’dan is‑sens ukoll Grundmann, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, Artikolu 9, punt 288, p. 128.
37 – Ara l‑punti 9 u 10 tal‑osservazzjonijiet tal‑Gvern Grieg.
38 – Ara s‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1997, Coöperatieve Rabobank (C‑104/96, Ġabra p. I‑7219, punti 22 sa 24), fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrikonoxxiet il‑kompetenza regolatorja tal‑leġiżlatur ta’ kull Stat Membru fin‑nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa fid‑Direttiva 68/151. Din il‑kawża dwar il‑kwistjoni jekk liġi nazzjonali tistax tistipula wkoll restrizzjonijiet fuq il‑poter istituzzjonali ta’ rappreżentanza għal każijiet individwali fejn terz ma kienx jaf effettivament bi ksur. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrispondiet din id‑domanda fl‑affermattiv abbażi li l‑leġiżlatura tal‑Komunità ma kellix il‑ħsieb li tirregola dawn il‑każijiet (ta’ konflitti ta’ interess u ta’ konfużjoni ta’ interessi) u li kien hemm lakuna legali. Il‑lakuna kellha tingħalaq bil‑liġi nazzjonali.
39 – Ara l‑punt 54 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
40 – Ara S. Grundmann, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, Artikolu 9, punt 311, p. 136 li jadotta b’mod ċar dan l‑approċċ. L‑awtur jeżamina jekk l‑Istati Membri għandhomx il‑poter li jiddefinixxu derogi għall‑prinċipju tal‑limitazzjoni tar‑responsabbiltà ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju. L‑awtur jieħu l‑pożizzjoni li jkun konċepibbli wkoll li wieħed jargumenta li m’hemm ebda poter li l‑leġiżlatura nazzjonali tiġi pprojbita milli testendi r‑responsabbiltà ulterjorment u d‑direttiva għandha tiġi interpretata b’dak il‑mod (skont il‑liġi primarja). L‑awtur jidher li qiegħed jipproponi eżami tar‑regoli tal‑liġi primarja dwar il‑libertà ta’ stabbiliment. M. Habersack, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10, Artikolu 1, punt 3, p. 1, jirrileva li l‑libertajiet fundamentali jimponu limiti fuq l‑libertà organizzattiva tal‑leġiżlatura nazzjonali irrispettivament mill‑ħolqien ta’ dritt sekondarju.
41 – Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu (C‑97/96, Ġabra p. I‑6843).
42 – Ibid., punt 18. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja sostniet: “L‑Artikolu 54(3)(g) għandu jinqara fid‑dawl ta’ mhux biss l‑Artikoli 52 u 54 tat‑Trattat KE, li juru b’mod ċar li l‑koordinament tas‑sistemi tad‑dritt tal‑kumpanniji jifforma parti mill‑programm ġenerali għall‑abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il‑libertà ta’ stabbiliment, imma anki tal‑Artikolu 3(h) ta’ dan it‑Trattat, li jistipula li l‑attivitajiet tal‑Komunità għandhom jinkludu l‑approssimazzjoni ta’ liġijiet nazzjonali sa fejn neċessarju għall‑funzjonament tas‑suq komuni.”
43 – Ara l‑paġni 5 u 7 tad‑deċiżjoni tar‑rinviju.
44 – Ara s‑sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, Ġabra p. I‑4695, punt 8); tat‑2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, “Clinique” – Urteil (C‑315/92, Ġabra p. I‑317, punt 7); tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, Ġabra p. I‑1301, punt 16); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 38); u tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, Ġabra p. I‑1215, punt 47).
45 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ April 2000, Baars (C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punt 22); tal‑21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C‑436/00, Ġabra p. I‑10829, punt 37); tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 31); tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 27); tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Germanja (C‑112/05, Ġabra p. I‑8995, punt 13); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, Ġabra p. I‑10451, punt 29); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑207/07, Ġabra p. I‑111, punt 60); tat‑22 ta’ Diċemnru 2008, Truck Center (C‑282/07, Ġabra p. I‑10767, punt 25); tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, Ġabra p. I-5145, punt 34); u tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, Ġabra p. I-487, punt 27). Digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank et, (C‑439/07 u C‑499/07, Ġabra p. I-4409, punt 70).
46 – Ara b’mod partikolari s‑sentenza Baars (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 22). Din il‑kawża kienet tirrigwarda ċittadin ta’ Stat Membru li kien jgħix f’dan l‑istess ‑Stat u kien il‑proprjetarju tal‑azzjonijiet kollha f’kumpannija li kellha s‑sede tagħha fi Stat Membru ieħor. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li ż‑żamma ta’ 100% tal‑azzjonijiet fil‑kapital ta’ kumpannija li jkollha s‑sede tagħha fi Stat Membru ieħor bla dubju jġib lil din il‑persuna taxxabbli fi ħdan l‑iskop tal‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar id‑dritt tal‑istabbiliment.
47 – Ara f’dan is‑sens Randelzhofer/Forsthoff, Das Recht der Europäischen Union (ed. Grabitz/Hilf), Artikolu 43, punt 115, p. 31, u Ress/Ukrow, Artikolu 56, punt 156, p. 68. Ara wkoll il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Alber tal‑14 ta’ Ottubru 1999 fil‑kawża Baars (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 33) fejn l‑Avukat Ġenerali spjega li l‑linja bejn is‑sempliċi investiment ta’ kapital f’azzjonijiet f’impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor u l‑istabbiliment attwali f’dak l‑Istat Membru għandha probabbilment tiġi stabbilita fil‑punt fejn l‑azzjonist jieqaf milli jikkonfina ruħu għas‑sempliċi provvista ta’ kapital b’sostenn għal attività ta’ negozju partikolari li titwettaq minn persuna oħra, u jibda jsir involut huwa stess fit‑tmexxija tan‑negozju. Dan l‑involviment jeħtieġ li l‑azzjonist imur lil hinn milli sempliċement jeżerċita d‑drittijiet tal‑vot tiegħu, u li jipparteċipa b’mod li jagħmilha possibbli għalih li jeżerċita influwenza reali fuq id‑deċiżjonijiet tan‑negozju tal‑kumpannija. Għal dan il‑għan jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni r‑regoli tad‑dritt tal‑kumpanniji fl‑istat fejn l‑impriża hija stabbilita. Ara, fl‑aħħar nett is‑sentenzi SGI (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punti 36 u 37), u Aberdeen Property Fininvest Alpha (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punti 34 u 35).
48 – Ara Randelzhofer/Forsthoff, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 47, Artikolu 43, punt 115, p. 31, u Ress/Ukrow, Artikolu 56, punt 156, p. 68. Dawn tal‑aħħar jirrilevaw li, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, interess ta’ inqas minn 25% jista’ possibbilment ikun suffiċjenti għal influwenza deċiżiva jekk il‑proprjetarju tal‑azzjonijiet b’xi mod jikseb influwenza determinanti fil‑kumpannija possedenti li hu involut fiha ma’ azzjonisti oħrajn. Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li s‑sehem ta’ 10% biss tad‑drittijiet tal‑vot mhuwiex suffiċjenti bħala regola biex jeżerċitaw ċerta influwenza fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija u tippermettilhom jiddeterminaw l‑attivitajiet tagħha.
49 – Ara s‑sentenza Baars (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 19).
50 – Ara s‑sentenzi X u Y (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 37); Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 14); Il‑Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45; punti 35 sa 39 u 61) u tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs l‑Italja (C‑326/07, Ġabra 2009, p.I‑2291, punti 38 u 39).
51 – Ara l‑paġna 4 tad‑deċiżjoni tar‑rinviju.
52 – Ara Troberg/Tiedje, f’: Kommentar zum Vertrag über die Europäische Union und zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft (ed. Hans von der Groeben/Jürgen Schwarze), Artikolu 48, punt 1, p. 1596.
53 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32); tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, Ġabra p. I‑1459, punt 34); tal‑1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C‑108/96, Ġabra p. I‑837, punt 26); tas‑17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et (C‑79/01, Ġabra I‑8923, punt 26); tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi Baxxi (C‑299/02, Ġabra p. I‑9761, punt 15); tat‑30 ta’ Settembru 2003, Inspire (C‑167/01, Ġabra p. I‑10155, punt 133); tal‑21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġreċja (C‑140/03, Ġabra p. I‑3177, punt 27); u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑721, punt 33).
L‑Artikolu 43 KE huwa sostanzjalment identiku għall‑Artikolu tal‑Ftehim ŻEE, li għar‑rigward tal‑interpretazzjoni tiegħu għandha ġurisdizzjoni l‑Qorti tal‑EFTA (fir‑rigward tal‑Istati tal‑EFTA u taż‑ŻEE). Konformi mar‑rekwiżit ta’ ġurisprudenza uniformi fiż‑Żona Ekonomika Ewropea, il‑Qorti tal‑EFTA applikat il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq għal dawn id‑dispożizzjonijiet tal‑Ftehim. Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2007, tal‑Qorti tal‑EFTA, ESA vs In‑Norveġja (E‑2/06, Ġabra 2007, 163, punt 64), u tas‑7 ta’ Mejju 2008, Seabrokers vs In‑Norveġja (E‑7/07, Ġabra 2008, 171, punt 50). Ara fuq il‑prinċipju ta’ uniformità u l‑bżonn ta’ djalogu bejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑Qorti tal‑EFTA, C. Baudenbacher, “The EFTA Court, the ECJ, and the latter’s Advocates General: a tale of judicial dialogue”, Continuity and change in EU law: essays in honour of Sir Francis Jacobs, 2008, p. 120 et seq.
54 – Ara G. C. Schwarz, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punt 136, p. 89.
55 – Ara f’dan is‑sens G. Mustaki/V. Engammare, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 8, p. 40; Prats Jané, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 25, p. 94, u U. Forsthoff/M. Schulz “Gläubigerschutz bei EU‑Auslandsgesellschaften”, Grenzüberschreitende Gesellschaften (ed. Heribert Hirte/Thomas Bücker), it‑tieni Edizzjoni, Berlin 2006, punt 38, p. 82, u r‑referimenti għall‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Bħala eżempju tradizzjonali ta’ restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 43 KE, P. Jung, EU‑Kommentar (ed. Jürgen Schwarze), it‑tieni Edizzjoni, Baden‑Baden 2009, Artikolu 48 KE, punt 21, isemmi ħlasijiet ta’ reġistrazzjonijiet fir‑reġistru tal‑kummerċ tal‑kumpanniji jew tal‑fergħat tagħhom.
56 – P. Ulmer, “Schutzinstrumente gegen die Gefahren einer Geschäftstätigkeit inländischer Zweigniederlassungen von Kapitalgesellschaften mit fiktivem Auslandssitz”, Juristenzeitung 1999, p. 665, jirrileva li l‑ġurisprudenza Cassis de Dijon żviluppata fil‑qasam għall‑moviment liberu tal‑merkanzija tapplika wkoll fir‑rigward tal‑libertà tal‑moviment, kif irrikonoxxut mill‑ġurisprudenza l‑iktar reċenti tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Ara wkoll M. Habersack, iċċita fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10, Artikolu 3, punt 4, p. 4, li jirreferi għall‑kunċett wiesa’ ta’ restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment żviluppat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenzi Kraus u Gebhard.
57 – Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir‑rigward is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail (C‑81/87, Ġabra p. 5483, punt 25), li tikkonstata li fl‑istat preżenti tad‑dritt Komunitarju l‑Artikoli 43 KE u 48 KE ma jikkonferixxu ebda dritt fuq kumpannija kkostitwita skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollha l‑uffiċċju reġistrat tagħha hemmhekk li tittrasferixxi l‑amministrazzjoni u l‑kontroll ċentrali fi Stat Membru ieħor. Min‑naħa l‑oħra, fis‑sentenza Centros (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 53), il‑Qorti tal‑Ġustizza rrikonoxxiet id‑dritt tal‑kumpanniji li jistabbilixxu fergħa fi Stat Membru ieħor. Ara K. Maranelli, “Il diritto comunitario di stabilimento delle società”, Percorsi di diritto societario europeo, Turin 2000, S. 122 et seq.
58 – Ara l‑paġna 4 tad‑deċiżjoni tar‑rinviju.
59 – Ara S. Grundmann, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, Artikolu 9, punt 311, p. 137, li bl‑istess mod jikkunsidra, iżda fi kliem ieħor, li estensjoni tar‑responsabbiltà għall‑azzjonisti għandha natura ristretta. Fil‑fehma tiegħu, il‑libertà ta’ stabbiliment hija ċertament inkoraġġuta, tal‑inqas f’każijiet transkonfinali, meta barra l‑pajjiż ma jkunx hemm l‑ebda biża’ tal‑estensjoni ta’ responsabbiltà. Müller‑Graff, P.‑C., EUV/EGV‑Kommentar (ed. Rudolf Streinz), Artikolu 48, punt 22, p. 692, jindirizza r‑regoli ta’ estensjoni tar‑responsabbiltà bħala protezzjoni tal‑kredituri meta jeżamina jekk ir‑restrizzjonijiet fuq kumpannija meta ssir residenti fi Stat Membru ieħor humiex kompatibbli mal‑Artikolu 43 KE. Fl‑opinjoni tiegħu dawn jistgħu jkunu ġġustifikati f’każijiet individwali. Għaldaqstant l‑awtur evidentement jieħu l‑pożizzjoni li regoli ta’ estensjoni ta’ responsabbiltà huma restrizzjonijiet fuq il‑libertà ta’ stabbiliment fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE. P. Ulmer, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 56, p. 665, ukoll evidentement jikkunsidra li jkun hemm restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment fejn ir‑responsabbiltà testendi għall‑azzjonisti, li madankollu, probabbilment, tgħaddi mit‑test tal‑prorporzjonalità.
60 – Ara V. Skouris, “Das Verhältnis von Grundfreiheiten und Grundrechten im europäischen Gemeinschaftsrecht”, Die Öffentliche Verwaltung, 2006, p. 94, li jirrileva li fl‑inter‑relazzjoni bejn il‑libertajiet fundamentali hemm tendenza parallela (“dogmatiżmu uniformi ta’ drittijiet bażiċi”). Meta jiġu eżaminati l‑limiti, dan jippermetti l‑limiti speċifiċi previsti fir‑rigward ta’ kull libertà fundamentali li jingħaqdu mal‑kunċett ġenerali ta’ bżonnijiet imperattivi fl‑interess ġenerali. Il‑“formula Gebhard” li ntużat f’ħafna okkażjonijiet (ara l‑punt 70 ta’ dawn il‑konklużjonijiet) mhijiex applikabbli speċifikament fir‑rigward ta’ xi wieħed mil‑libertajiet fundamentali, imma għar‑relazzjonijiet fundamentali kollha.
61 – Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra 1993, p. I‑6097).
62 – F’dan is‑sens, U. Forsthoff, “Mobilität von Gesellschaften im Binnenmarkt – Spielraum für Erstreckung deutschen Rechts auf EU‑Auslandsgesellschaften”, Grenzüberschreitende Gesellschaften (ed. Heribert Hirte/Thomas Bücker), it‑tieni Edizzjoni, Berlin 2006, punti 38 u 39, p. 82 et seq.
63 – Ir‑regoli tal‑Istati Membri dwar l‑identità tal‑kumpannija għandhom l‑effett ta’ xkiel għall‑aċċess. Din l‑identità ma għandhiex tiġi affettwata bil‑qsim ta’ fruntiera. Ir‑regoli li jaffettwaw l‑identità ta’ kumpannija ma jistgħux jiġi inklużi bħala parti mill‑kundizzjonijiet stess tal‑post, peress li dawn ma jitwasslux għand l‑operatur ekonomiku minn barra, imma jbiddlu minn ġewwa l‑kostituzzjoni stess tal‑benefiċjarju tal‑libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri l‑kumpannija kummerċjali. L‑idea tal‑protezzjoni tal‑identità tista’ tinstab fil‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja [sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Überseering, (C‑208/00, Ġabra 2002, p. I‑9919, punti 80 et seq)].
64 – Ara fuq dan il‑punt U. Forsthoff, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 62, punti 73 u 74, p. 544 etseq. M. Habersack, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10, Artikolu 3, punt 7, p. 13, jieħu l‑pożizzjoni li l‑Artikoli 43 KE u 48 KE jinkludu projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet sa fejn hu kkonċernat l‑aċċess għas‑suq u għalhekk l‑libertà ta’ stabbiliment bħala tali. Fir‑rigward tal‑eżerċizzju ta’ negozju mill‑kumpannija ladarba tkun stabbilita fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor, min‑naħa l‑oħra hi suġġetta għar‑regoli ġenerali nazzjonali. B’mod partikolari, l‑ostakoli konnessi mar‑regoli mandatorji imma mhux diskriminatorji tal‑liġi nazzjonali dwar kummerċ, kompetizzjoni u impjiegi għalhekk ma jaqgħux fil‑qasam protett mil‑libertà ta’ stabbiliment. Dawn fil‑fatt huma “arranġamenti ta’ bejgħ’’ fis‑sens tas‑sentenza Keck. Għalhekk m’hemmx lok għal reviżjoni tal‑liġi nazzjonali abbażi tal‑prinċipju tal‑proporzjonalità. Il‑liġi nazzjonali tista’ tapplika fir‑rigward tal‑kumpanniji residenti fi Stati Membri oħrajn sakemm din ma tkunx diskriminatorja.
65 – Ara s‑sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, Ġabra p. I‑1141, punt 37). Is‑sentenza kienet tikkonċerna projbizzjoni dwar “cold calling” li fil‑fehma tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, affettwat direttament l‑aċċess għas‑suq fis‑servizzi fl‑Istati Membri l‑oħrajn. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li dan seta’ jostakola l‑kummerċ intra‑Komunitarju fis‑servizzi. Dan juri li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tifhem il‑libertajiet fundamentali primarjament bħala strument għall‑ftuħ tas‑suq. Ara wkoll is‑sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, Ġabra p. I‑2549, punti 60 et seq).
66 – Ara sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punt 61) dwar il‑moviment liberu tal‑kapital. F’din is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kklassifikat dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw l‑investimenti bħala restrizzjonijiet fuq il‑kapital skont l‑Artikolu 56 KE. Fil‑fehma tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, għalkemm ir‑restrizzjonijiet rilevanti fuq operazzjonijiet ta’ investiment kienu japplikaw mingħajr distinzjoni kemm għar‑residenti u għal dawk mhux residenti, kellu jiġi deċiż illi dawn kienu jaffettwaw il‑pożizzjoni ta’ persuna li takkwista azzjonijiet bħala tali u għalhekk setgħu jiskoraġġixxu investituri minn Stati Membri oħrajn milli jagħmlu investimenti bħal dawn u, konsegwentement, affettwaw l‑aċċess għas‑suq. (ara wkoll, is‑sentenza tal‑istess data, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punt 47).
67 – Fil‑liġi amministrattiva ġenerali, kundizzjoni tiġi distinta mill‑fatt li din tagħmel il‑bidu jew it‑tmiem tal‑effettività ta’ att amministrattiv dipendenti fuq ċertu avveniment, li l‑okkorrenza tiegħu mhijiex ċerta. Din tista’ ma tkunx ċerta mhux biss “meta” l‑avveniment iseħħ, imma anki “jekk” dan attwalment iseħħx. L‑impożizzjoni ta’ dmir, min‑naħa l‑oħra, mhux bħal fil‑każ ta’ kundizzjoni, tinkludi d‑dispożizzjoni sostantiva tagħha stess, jiġifieri l‑obbligu tal‑parti li hu indirizzat lilha l‑att amministrattiv ‑rigward att, tolleranza jew ommissjoni speċifika. L‑att amministrattiv konness mal‑impożizzjoni ta’ dmir huwa immedjatament effettiv legalment, irrispettivament minn jekk id‑dmir jitwettaqx jew le. Min‑naħa l‑oħra l‑att amministrattiv kundizzjonat isir effettiv meta ‑jiġu osservati l‑kundizzjonijiet biss. L‑impożizzjoni ta’ dmir, tistipula obbligu u hija infurzabbli. Il‑kundizzjoni sospensiva mhijiex vinkolanti u għalhekk lanqas ma hi infurzabbli. Ara fuq dan il‑punt H. Maurer, Allgemeines Verwaltungsrecht, il‑ħdax‑il Edizzjoni, Munich 1997, punti 6 et seq, p. 315 et seq.
68 – Ara l‑punti 70 sa 73 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
69 – Ara s‑sentenzi Kraus (iċċitata fin‑nota tal‑qiegħ il‑paġna 53, punt 32) u Gebhard (C‑55/94, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 53, punt 37).
70 – Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra 2003, p. I‑5659, punt 74).
71 – Ara l‑punt 56 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
72 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 41); tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 37); tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 25); Schmidberger (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 70, punt 71); tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 35); u tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 76).
73 – ĠU 2000 C 364, p. 1.
74 – Ara s‑sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/07, Ġabra p. I‑505, punt 42); tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 43); u tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 72, punt 38).
75 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi ERT (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 72, punt 41); tad‑29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 14); u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 284).
76 – Ara s‑sentenza Schmidberger (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 70, punt 74) fil‑kuntest ta’ restrizzjoni tal‑moviment liberu tal‑merkanzija. Ara wkoll is‑sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et (C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 41) (il‑politika kulturali u l‑libertà tal‑espressjoni bħala restrizzjoni tal‑libertà li jipprovdu servizzi); Dynamic Medien (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 74, punt 42) u tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 35) (id‑dinjità umana bħala restrizzjoni tal‑libertà li jipprovdu servizzi).
77 – Espressament rikonoxxut fis‑sentenza tat‑8 ta’ April 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑62/90, Ġabra p. I‑2601, punt 23). Ara wkoll is‑sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Chen (C‑200/02, Ġabra p. I‑9925, punt 16) u tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 79).
78 – Skont l‑ewwel ‑paragrafu tal‑Artikolu 8 (Id‑dritt tar‑rispett għall‑ħajja privata u tal‑familja) KEDB, kulħadd għandu d‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata u tal‑familja, tad‑dar u tal‑korrispondenza tiegħu.
79 – Skont l‑Artikolu 7 (Rispett għall‑ħajja privata u tal‑familja) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, kulħadd għandu d‑dritt għar‑rispett għall‑ħajja privata u tal‑familja tiegħu, tad‑dar u tal‑komunikazzjonijiet tiegħu.
80 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi tal‑14 ta’ April 2010 fil‑kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑271/08 li għadha pendenti (punti 187 u 188). V. Skouris, (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 60, p. 93), għalhekk ma jikkunsidrax li hemm relazzjoni ġerarkika bejn il‑libertajiet fundamentali u d‑drittijiet fundamentali. Huwa jinvoka diversi fatturi b’appoġġ għall‑idea li dawn għandhom importanza ugwali, bħal pereżempju n‑natura tad‑drittijiet fundamentali li hija simili għal dik tal‑libertajiet fundamentali u l‑konverġenza tal‑libertajiet fundamentali u d‑drittijiet fundamentali fil‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.
81 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑Kawża C‑271/08, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 189.
82 – Ara f’dan is‑sens is‑sentenzi Omega (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 76, punt 36); International Transport Workers’ Federation and Finnish Seamen’s Union (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 74, punt 75); Dynamic Medien (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 74, punt 42).
83 – Ara s‑sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International (C‑405/98, Ġabra p. I‑1795, punt 33); tat‑13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, Ġabra p. I‑117, punti 30 et seq; u tas‑26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689, punti 28 et seq).
84 – Skont P. Craig/G. De Búrca, EU Law, ir‑raba’ Edizzjoni, Oxford 2008, p. 492, għalkemm l‑Artikolu 234 KE jikkonferixxi fuq il‑Qorti tal‑Ġustizzja l‑poter li tinterpreta t‑Trattat, dan ma jikkonferixxix espressament il‑poter li tapplika t‑Trattat għall‑kawża. Id‑distinzjoni bejn l‑interpretazzjoni u l‑applikazzjoni timmarka d‑distribuzzjoni tal‑poteri bejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑qrati nazzjonali. Konsegwentement il‑Qorti tal‑Ġustizzja tinterpreta t‑Trattat u l‑qrati nazzjonali japplikaw din l‑interpretazzjoni għall‑każ partikolari.
85 – Ara l‑paġna 4 tad‑deċiżjoni tar‑rinviju.
86 – Ara l‑punt 10 tal‑osservazzjonijiet ippreżentati mill‑Gvern Grieg.
87 – Ara l‑punt 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
88 – Id‑drittijiet ta’ proprjetà jinkludu d‑dritt ta’ allokazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda; id‑dritt għal‑likwidazzjoni ta’ dividendi; id‑dritt għall‑interessi fuq il‑formazzjoni ta’ kapital (jiġifieri interessi għall‑perijodu meħtieġ għall‑preparazzjoni u l‑formazzjoni sa ma jingħata bidu għall‑operat sħiħ tal‑impriża, id‑dritt li tuża l‑faċilitajiet tal‑kumpannija). Drittijiet ta’ parteċipazzjoni huma d‑dritt li tkun mistieden u nnotifikat bl‑aġenda; id‑dritt li titlob u d‑dritt li tagħti opinjoni; id‑dritt li tkun rappreżentat fil‑laqgħa ġenerali; id‑dritt li tikkontesta d‑deċiżjonijiet li jmorru kontra leġiżlazzjoni jew statuti. Id‑drittijiet ta’ protezzjoni huma d‑drittijiet ta’ informazzjoni, inklużi d‑dritt li tivverifika l‑kontijiet u d‑dritt li titlob li tingħata informazzjoni; id‑dritt kollettiv għal rappreżentanza fil‑bord tad‑diretturi; id‑drittijiet ta’ protezzjoni tal‑minoranza tal‑azzjoni għax‑xoljiment u l‑verifika speċjali u d‑dritt li ssejjaħ laqgħa ġenerali; id‑drittijiet l‑oħra li tieħu azzjoni, inkluż id‑drittijiet ta’ rexxisjoni, annulament ta’ deċiżjonijiet tal‑laqgħa ġenerali, u talbiet dwar responsabbiltà.
89 – Ara G. Mustaki/V. Engammare, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 8, p. 189. Kif ukoll K. Schmidt, Gesellschaftsrecht, ir‑raba’ Edizzjoni, Köln/Berlin/Bonn/Munich 2002, p. 837, isostni korrettement, il‑laqgħa ġenerali tal‑azzjonisti hija “s‑sede tad‑demokrazija tal‑azzjonisti” fejn l‑azzjonisti jeżerċitaw id‑drittijiet tagħhom fin‑negozju tal‑kumpannija.
90 – Għalhekk S. Grundmann, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, Artikolu 11, punt 394, p. 180, jenfasizza d‑differenzi bejn l‑Istati Membri individwali fil‑ħatra u t‑tkeċċija tal‑korpi. Jeżistu differenzi, l‑ewwel nett, fil‑poter biex jinħatru membri fil‑korp amministrattiv peress li f’xi każijiet jinħatar korp amministrattiv b’parti waħda u f’oħrajn korp b’żewġ partijiet. Madankollu, fl‑ewwel każ il‑poter tal‑laqgħa ġenerali li taħtar u tkeċċi membri tal‑korp mhuwiex protett fl‑Istati Membri kollha. Fl‑aħħar każ, il‑laqgħa ġenerali tipikament għandha l‑poter biss li taħtar il‑korp ta’ sorveljanza, u għalhekk l‑influwenza hija biss indiretta.
91 – Ara S. Grundmann, iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, Artikolu 11, punt 394, p. 180.
92 – F’dan is‑sens, W. Schroeder, EUV/EGV – Kommentar (ed. Rudolf Streinz), Artikolu 30 KE, Artikolu 52, p. 476.
93 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (C‑137/85, Ġabra p. 4587 punt 15); tas‑7 ta’ Diċembru 1993, ADM Ölmühlen (C‑339/92, Ġabra p. I‑6473, punt 15); tal‑11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister (C‑210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 59); tas‑7 ta’ Settemru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 97); u tat‑12 ta’ Dicembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 144).
94 – Il‑liġijiet tal‑medja jvarjaw minn Stat għall‑ieħor. Madankollu dawn għandhom karatteristiċi komuni evidenti. L‑irtirar ta’ liċenzja tax‑xandir ġeneralment jiġi ordnat bħala l‑iktar multa iebsa biss fil‑każ ta’ offiża ripetuta. Fil‑każ tal‑ewwel ksur, tingħata twissija, Barra l‑kanċellament ta’ liċenzja, possibbiltà oħra hija s‑sospensjoni temporanja ta’ liċenzja jew l‑impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet sussegwenti. Xi liġijiet dwar il‑medja jagħtu lill‑korpi tal‑medja li jissorveljaw xandara privati l‑għażla li jimponu multi (ara F. Kühn, Rundfunkrecht in Indien und Deutschland, Berlin 2006, p. 208; J. Bayer/T. Ricke,“Die Medienaufsicht in Ungar“,, Medien und Recht International, 2009, p. 32 et seq; H. Kieserling, Das Fernsehrecht Spaniens, Frankfurt am Main 2002, p. 159; E.‑O. Ruhle‑/N. Freund/D. Kronegger/M. Schwarz, Das neue österreichische Telekommunikations‑ und Rundfunkrecht, Vjenna 2004, p. 268).
95 – Din min‑naħa l‑oħra għandha implikazzjonijiet ta’ drittijiet fundamentali tal‑bniedem, fuq kollox fir‑rigward tar‑rispett għal‑libertà tal‑medja. It‑tielet sentenza tal‑Artikolu 10(1) KEDB tagħti lill‑istati kontraenti pereżempju l‑għażla li jimponu liċenzja sabiex jagħmlu monitoraġġ fix‑xandir bir‑radju u bit‑televiżjoni fit‑territorju tagħhom. Madankollu, liċenzji u restrizzjonijiet oħrajn għandhom jissodisfaw il‑kundizzjonijiet tal‑paragrafu 2. Din id‑dispożizzjoni tistipula li d‑diversità tal‑medja tista’ tkun suġġetta għall‑formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew multi bħal dawn kif jiġi stipulat bil‑liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika, fl‑interessi tas‑sigurtà nazzjonali, integrità nazzjonali jew sigurtà pubblika, għal prevenzjoni ta’ diżordni jew kriminalità, għall‑protezzjoni tas‑saħħa jew tal‑morali, għall‑protezzjoni tar‑reputazzjoni jew drittijiet ta’ oħrajn, għall‑prevenzjoni tal‑iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, jew għaż‑żamma tal‑awtorità u l‑imparzjalità tal‑ġudikatura.
96 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Maizena et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 93, punt 15); ADM Ölmühlen (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 93, punt 15); is‑sentenza Käserei Champignon Hofmeister (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 93, punt 59 ); Spanja vs Il‑Kunsill (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 93, punt 97) kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 93, punt 144).
97 – Il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrikonoxxiet lill‑Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni biex jiddeterminaw liema miżuri huma l‑iktar adatti biex jeliminaw ksur ta’ libertajiet fundamentali għar‑raġuni li dawn iżommu għalihom kompetenza esklużiva għaż‑żamma tal‑ordni pubbliku u biex tiġi ssalvagwardjata s‑sigurtà interna [sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, (C‑265/95, Ġabra p. I‑6595, punt 33)].
98 – Ara s‑sentenza X u Y (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 66).
99 – Ara s‑sentenzi X u Y (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 68) u Il‑Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punti 35 sa 39).
100 – Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 17); tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi Baxxi (C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 18); Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 66, punti 38 u 43); tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I‑4781, punti 35 u 40). L‑istess għandu japplika għall‑Artikolu 40 tal‑Ftehim ŻEE, li fis‑sustanza huwa l‑istess bħall‑Artikolu 56 KE. Kif ġie kkonstatat mill‑Qorti tal‑EFTA fis‑sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2004, Fokus Bank (E‑1/04, Ġabra Qorti tal‑EFTA, p. 11, punti 22 u 23), li tirreferi għas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑23 ta’ Settembru 2003, Ospelt and Schlössle Weissenberg (C‑452/01, Ġabra p. I‑9743, punt 28) u għall‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati f’din l‑istess kawża tal‑10 ta’ April 2003 (punti 72 u 73), id‑dispożizzjonijiet dwar il‑moviment liberu tal‑kapital fit‑Trattat KE u fil‑Ftehim ŻEE huma essenzjalment identiċi.
101 – ĠU 1988 L 178, p. 5.
102 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1999, Trummer und Mayer (C‑222/97, Ġabra p. I‑1661, punt 21); Il‑Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin‑nota qiegħ il‑paġna 100, punti 36 u 37); Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 66, punti 39 u 40) kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi Baxxi (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 100, punt 19).
103 – Ara f’dan is‑sens is‑sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 45); Il‑Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 100, punt 41); tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑174/04, Ġabra p. I‑4933, punti 30 u 31); tad‑19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C‑265/04, Ġabra p. I‑923, punti 34 u 35); Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi Baxxi, Kawżi Maqgħuda (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 100, punt 20) kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 45, punt 19).
104 – Ara l‑punt 68 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
105 – Ara l‑punt 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
106 – Fil‑punt 74 ta’ dawn il‑konklużjonijiet jien indikajt, fir‑rigward tal‑libertà ta’ stabbiliment, li dik il‑libertà fundamentali mhijiex maħsuba li hija strument għal operaturi ekonomiċi biex jimmodifikaw il‑kundizzjonijiet relatati mal‑post tagħhom fir‑rigward ta’ kompetituri nazzjonali. Dan għandu japplika wkoll għall‑moviment liberu tal‑kapital.
107 – Ara l‑punt 76 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
108 – Ara l‑punt 78 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
109 – Ara l‑punt 85 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
Full & Egal Universal Law Academy