KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fil-25 ta’ Novembru 2010 (1)
Kawża C-83/09 P
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Kronoply GmbH & Co. KG,
Kronotex GmbH & Co. KG
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 88(3) KE – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE”
1. Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali), tal-10 ta’ Diċembru 2008, Kronoply u Kronotex vs Il‑Kummissjoni (T-388/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha ddikjarat ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Kronoply GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Kronoply”) u Kronotex GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Kronotex”) kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 2018 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2002, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil Zellstoff Stendal GmbH (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni tal-polpa tal-karta. Il-Kummissjoni titlob ukoll li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-imsemmija deċiżjoni kkontestata jiġi ddikjarat inammissibbli.
2. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tikkunsidrax il-ġurisprudenza attwali, imsejħa “Cook u Matra” (2), dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 88(3) KE (3).
3. F’dan ir-rigward, filwaqt li jiena favur protezzjoni effettiva tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel xi preċiżazzjonijiet fil-ġurisprudenza Cook u Matra sabiex tiġi ċċarata l-proċedura, filwaqt li jiġi sodisfatt rekwiżit ta’ ċertezza legali li jipprevali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
I – Il-fatti, il-proċedura u s-sentenza appellata
A – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
4. Kronoply u Kronotex, kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż, jiffabbrikaw materjali derivati mill-injam fis-siti tal-produzzjoni tagħhom stabbiliti f’Heiligengrabe, fil-Land ta’ Brandenbourg (il-Ġermanja).
5. B’ittra tad-9 ta’ April 2002, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni pjan ta’ għajnuna mill-Istat favur Zellstoff Stendal GmbH (iktar ’il quddiem “ZSG”) sabiex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni tal-polpa tal-karta ta’ kwalità għolja, kif ukoll il-ħolqien ta’ impriża għall-provvista tal-injam u ta’ impriża ta’ loġistika f’Arneburg fil-Land ta’ Sachsen-Anhalt (il-Ġermanja).
6. B’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fit-28 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej komunikazzjoni sommarja li ssemmi d-deċiżjoni kkontestata (4).
7. Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità żejda f’dan is-settur u n-numru ta’ impjiegi diretti (580 impjieg dirett fil-fabbrika tal-polpa) u indiretti (madwar 1 000 impjieg indirett fir-reġjun ikkonċernat jew fiż-żoni ġirien) maħluqa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tawtorizza l-miżuri nnotifikati li jikkonsistu f’self mhux rimborsabbli, primjum fiskali għall-investiment u att ta’garanzija.
B – Fuq is-sentenza appellata
8. B’att ippreżentat fir-Reġistru, fit-23 ta’ Diċembru 2002, Kronoply u Kronotex ippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
9. B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq żewġ motivi li min-naħa tagħhom huma bbażati, l-ewwel nett, fuq in-natura tardiva tar-rikors u, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti. B’digriet tal-14 ta’ Ġunju 2005, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.
10. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura tardiva tar-rikors filwaqt li laqgħet il-motiv li kien jiċħad lill-kumpanniji rikorrenti l-locus standi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala ammissibbli t-talba tagħhom intiża sabiex jiġu protetti l-garanziji proċedurali peress li kkunsidratha infondata.
11. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata, id-differenza, fl-istħarriġ tal-Kummissjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, bejn il-fażi preliminari tal-eżami u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punti 60 u 61 tal-imsemmija sentenza, fuq il-ġurisprudenza fejn jingħad li r-rikors ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fi tmiem il-fażi preliminari għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sakemm ikollu l-għan li jipproteġi l-garanziji proċedurali li jislet minn dik id-dispożizzjoni.
12. Min-naħa l-oħra, wara li ppreċiżat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata li, peress li qed tiġi kkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, rikorrent għandu juri l-istatus partikolari tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni (5), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 63 tal-istess sentenza, li, bir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti kienu qed jikkontestaw kemm ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk hija wettqet eżami tal-locus standi tar-rikorrenti.
13. Fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrenti biex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet lir-rikorrenti locus standi sa fejn huma ma stabbilewx li kellhom status partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, u, konsegwentement, ċaħdet din il-parti tar-rikors minħabba inammissibbiltà fil-punti 64 sa 69 tas-sentenza appellata.
14. Fir-rigward tal-locus standi sabiex ikunu protetti l-garanziji proċedurali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti stabbilew kif titlob il-liġi rabta ta’ kompetizzjoni u r-riskju li l-pożizzjoni tagħhom tiġi affettwata fis-suq biex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u, konsegwentement, iddikjarat ir-rikorsi tagħhom ammissibbli sa fejn huma intiżi sabiex jiddefendu d-drittijiet proċedurali tagħhom.
15. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami ta’ kull motiv invokat mir-rikorrenti.
16. Wara li osservat, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li t-tieni motiv biss kien jirrigwarda n-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 81 sa 83 tal-imsemmija sentenza, li, anki jekk skont il-ġurisprudenza hija ma kellhiex il-ġurisdizzjoni li tinterpreta l-motivi intiżi esklużivament sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni bħala li tabilħaqq huma intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet proċedurali, hija setgħet tivverifika jekk xi argumenti fuq il-mertu jikkontribwux xi elementi insostenn ta’ motiv li jsostni l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li għandhom jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Konsegwentement, hija ddikjarat li l-ewwel u t-tieni motivi kienu ammissibbli, filwaqt li ċaħdet it-tielet motiv bħala inammissibbli. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeterminat li l-Kummissjoni kellha raġun li ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
II – Fuq l-appell prinċipali
A – Fuq l-appell tal-Kummissjoni
17. Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni qed tinvoka tliet aggravji.
18. Bl-ewwel aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88 KE u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-Kummissjoni qed tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ġurisprudenza kuntrarja għall-imsemmija artikoli tat-Trattat. B’hekk, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, bniet ir-raġunament tagħha fuq il-prinċipju speċifikat fil-punt 60 tas-sentenza appellata, jiġifieri li meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna f’deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE jistgħu jkunu applikabbli biss jekk il-benefiċjarji tagħhom jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja (6).
19. Bit-tieni aggravju tagħha, ibbażat fuq kontradizzjoni tar-raġunijiet fl-interpretazzjoni tal-motivi tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkritika l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li wassal, fil-fehma tagħha, biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-motivi li jirrigwardaw id-drittijiet proċedurali u l-motivi fuq il-mertu, maħsuba biss għall-partijiet interessati li d-drittijiet tagħhom ġew affettwati b’mod sinjifikattiv b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-interpretazzjoni li tagħti l-Qorti Ġenerali fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata b’hekk twassal għall-estensjoni tal-kunċett ta’ locus standi.
20. Bit-tielet aggravju tagħha, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ parti interessata, il-Kummissjoni qed tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma segwietx il-prattika użwali meta kkunsidrat li għandu jiġi rikonoxxut lill-kompetituri ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna fl-uniku suq ta’ provvista ta’ materja prima l-istatus ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.
III – Fuq ir-risposta ta’ ZSG
21. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni hija sostnuta minn ZSG li ppreżentat risposta fit-23 ta’ Frar 2009 fejn żviluppat argument tagħha li però jikkonċidi fil-parti l-kbira mal-aggravji tal-Kummissjoni.
22. ZSG qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, sabiex tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn tiddeċiedi li r-rikors ta’ Kronoply u Kronotex huwa ammissibbli u, it-tieni nett, li tiċħad fl-intier tiegħu r-rikors għal annullament ta’ Kronoply u Kronotex bħala inammissibbli.
23. Għandu jiġi osservat li ZSG tgħid espressament fin-nota tagħha li kulma se tagħmel huwa li tippreżenta ċertu numru ta’ riflessjonijiet supplimentari dwar l-aggravji prinċipali mqajma mill-Kummissjoni. Konsegwentement, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tidentifika fost l-argumenti mressqa minn ZSG dawk li jistgħu jiġu indikati bħala aggravji li jikkostitwixxu appell inċidentali.
24. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali jiġu kkunsidrati bħala partijiet quddiem dik il-qorti. Għaldaqstant, peress li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija s-suġġett ta’ appell, fir-rigward tagħhom huwa applikabbli l-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan jeżentahom milli jkollhom jippreżentaw rikors għal intervent ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikoli 93 u 123 tar-Regoli tal-Proċedura (7).
25. B’hekk, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludix li intervenjent jirreferi għal argumenti differenti minn dawk tal-parti li qed isostni, sakemm ikollu l-għan li jsostni t-talbiet ta’ dik il-parti (8). Fil-fatt, parti intervenjenti li tibbenefika mid-dritt li tippreżenta risposta tal-appell, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ limitu espliċitu, għandha tkun tista’ tqajjem aggravji dwar kull punt tad-dritt li jikkostitwixxi l-bażi tas-sentenza appellata (9).
26. Konsegwentement, ma hemm xejn li jipprekludi li ċerti argumenti ta’ ZSG jiġu kkwalifikati bħala aggravji ta’ appell inċidentali.
IV – Osservazzjonijiet ġenerali dwar in-natura tad-dritt mogħti lill-partijiet interessati abbażi tal-Artikolu 88(2) KE
27. Qabel ma neżamina l-aggravji invokati fl-appell, nixtieq infakkar ċerti regoli rilevanti tas-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat KE.
28. L-Artikolu 88 KE jipprevedi proċedura speċjali li torganizza l-eżami kostanti u l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni. L-għajnuna l-ġdida, li l-Istati Membri jkollhom il-ħsieb li jagħtu, hija suġġetta għal proċedura preliminari li mingħajrha l-ebda miżura ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li ġiet stabbilita regolarment. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, il-proġetti biex tingħata jew biex tiġi mmodifikata għajnuna għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implementati. Din imbagħad tagħmel l-ewwel eżami tal-għajnuna proposta. Jekk, wara dak l-eżami, jidhrilha li proġett ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE (10).
29. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża British Aggregates vs Il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet adottati mingħajr ma tkun infetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huma atti mfasslin fi tmiem evalwazzjoni sommarja, imwettqa fi żmien qasir u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, fi ħdan djalogu esklużiv bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. L-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li dawn l-atti kellhom jippermettu lill-Kummissjoni tevita d-dewmien ikkawżat minn investigazzjoni kompluta fil-każ li fih tirriżulta diġà prima facie manifesta l-ineżistenza ta’ għajnuna, jew il-kompatibbiltà tagħha mar-regoli tas-suq komuni (11).
30. Għandu jiġi enfasizzat li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tosserva r-rekwiżiti li, l-ewwel nett, jillimitaw is-setgħa tagħha li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna biss għal dawk il-miżuri li ma jqajmu l-ebda diffikultà serja, b’tali mod li dan il-kriterju għandu natura esklużiva (12). It-tieni nett, meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (13). It-tielet nett, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva (14).
31. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ tillimita lilha nfisha għall-fażi preliminari tal-eżami, skont l-Artikolu 88(3) KE, sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem eżami preliminari, li din l-għajnuna hija kompatibbli mat-Trattat. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami preliminari jwassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ma jippermettilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (15).
32. Huwa biss fil-kuntest tal-eżami msemmi l-aħħar, li huwa intiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tavża lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (16).
33. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-natura tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet mogħti mill-Artikolu 88(2) KE ma jistax jiġi konfuż mad-dritt għal smigħ interpretat bħala l-hekk imsejjaħ dritt tad-difiża.
34. B’hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fost l-elementi essenzjali tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tinkludi d-dritt ta’ kull persuna għal smigħ, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha (17).
35. Fil-fatt, ir-rispett tad-dritt għal smigħ f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju għal persuna partikolari jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura (18).
36. Issa, sa fejn l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(2) huwa Stat Membru (19), l-imsemmi prinċipju għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex il-Kummissjoni tapplikah fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
37. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, anki jekk l-Artikolu 88(2) KE jippermetti lill-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, din id-dispożizzjoni hija interpretata fil-ġurisprudenza fis-sens li l-partijiet interessati għandhom biss dritt li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (20).
38. F’din il-proċedura, huwa essenzjali, fil-fehma tiegħi, li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 88(2) KE jinvolvi biss id-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet u mhux id-drittijiet tad-difiża (21).
39. Mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li partijiet interessati minbarra l-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma jista’ jagħmel l-imsemmi Stat (22). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SFEI, “min-naħa l-waħda, l-obbligu ta’ notifika u l-projbizzjoni preliminari tal-implementazzjoni tal-pjanijiet ta’ għajnuna previsti mill-Artikolu 93(3) huma indirizzati lill-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, dan huwa wkoll id-destinatarju tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna u tistiednu jirrevokaha fit-termini ddeterminati minnha” (23).
40. Fil-fatt, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat għandha natura amministrattiva, u hija nieqsa minn kwalunkwe element kważi-ġudizzjarju.
V – Fuq l-ewwel aggravju tal-appell
A – L-argumenti tal-Kummissjoni
41. Fl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-locus standi tar-rikorrenti, fuq ġurisprudenza kuntrarja għall-Artikolu 88 KE u għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE sa fejn hija tagħti aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja lil rikorrenti li, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà meħtieġa mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jikkontestaw deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88 KE filwaqt li jinvokaw il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali allegatament previsti fl-Artikolu 88(2) KE.
42. Wara li enfasizzat id-differenza bejn il-proċeduri previsti mill-Artikolu 88(2) KE u mill-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni ppreċiżat li huwa biss abbażi tal-Artikolu 88(2) KE li l-partijiet interessati għandhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom.
43. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, fid-dawl tat-Trattat, fl-ebda każ ma hemm in-neċessità li tiġi stabbilita protezzjoni ġuridika partikolari li tiġġustifika deroga mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE biex ikun sodisfatt il-prinċipju tal-legalità tal-azzjoni tal-Kummissjoni u biex tkun iggarantita protezzjoni ġudizzjarja sħiħa fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kompatibbiltà mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, billi juri r-rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni (li ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali) u l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tagħha, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni jkun iggarantit sakemm ir-rikorrent jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà.
44. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, mis-sentenza appellata, u b’mod partikolari mill-punt 70 tagħha, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tiddefendi argument li l-locus standi sabiex ikunu protetti d-drittijiet proċedurali ma jeżiġix li r-rikorrent ikun individwalment u direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata. Sabiex tkun tista’ tiġi difiża tali pożizzjoni, huwa neċessarju li jiġi pprovat li l-Artikolu 88(2) KE ma jistabbilixxix biss obbligu ġuridiku tal-Kummissjoni imma joħloq ukoll dritt għall-partijiet interessati.
45. Issa, min-naħa l-waħda, l-Artikolu 88(2) KE huwa dispożizzjoni amministrattiva li tirregola l-proċedura partikolari tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat u mhux il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur Komunitarju, billi stabbilixxa espliċitament il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ikun assurd li jiġi kkunsidrat li ried jistabbilixxi b’mod impliċitu deroga minnu permezz tal-Artikolu 88 KE.
B – L-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-introduzzjoni tas-soluzzjoni Cook u Matra
46. Qabel kollox (24), għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra biss jekk tkun tikkonċernaha direttament u individwalment (25).
47. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni fformulata b’dan il-mod, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex individwu jkun direttament ikkonċernat jeħtieġ li l-miżura Komunitarja inkwistjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu u li din il-miżura ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, liema implementazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (26).
48. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 230 KE, il-portata tal-kunċett ta’ “individwalment” ikkonċernat ġiet iddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni (27) minn fejn jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika, minbarra d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, tista’ tippretendi li hija individwalment ikkonċernata biss jekk id-dispożizzjoni kkontestata taffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba stat ta’ fatt li jiddistingwiha minn kull persuna oħra (28).
49. Huwa stabbilit li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet soluzzjonijiet partikolari li jirrigwardaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ terzi persuni sabiex tkun sodisfatta l-ispeċifiċità tal-proċedura applikabbli f’dan il-qasam. B’mod ġenerali, f’dan il-qasam, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà jvarjaw skont jekk id-deċiżjoni kkontestata tkunx ġiet adottata fi tmiem il-fażi preliminari jew fi tmien il-fażi tal-investigazzjoni formali.
50. Fir-rigward tar-rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkwalifikat bħala liberali mid-duttrina, huwa ċċentrat fuq il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġifieri, il-partijiet li kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura li nfetħet abbażi tal-Artikolu 88(2) KE imma li ġew imċaħda minn dik il-possibbiltà minħabba d-deċiżjoni finali li ġiet adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(3) KE.
51. Fis-sentenza Cook vs Il-Kummissjoni (29), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet is-suġġerimenti tal-Avukat Ġenerali Tesauro (30), minflok ma użat il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors ta’ kompetitur kien ammissibbli billi stabbiliet kunċett ta’ terz interessat, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, fuq il-livell ta’ regola ġudizzjarja applikabbli fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, u affermat mill-ġdid dan l-approċċ xahar wara fis-sentenza Matra vs Il-Kummissjoni (32).
52. Skont il-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura tal-Artikolu 93(2) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 88(2) KE), il-Kummissjoni tikkonstata, abbażi tal-Artikolu 93(3), li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat jew tkun għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, il-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet eventwalment affettwati fl-interessi tagħhom mill-għoti tal-għajnuna, b’mod partikolari l-impriżi kompetituri u l-organizzazzjonijiet professjonali li, bħala partijiet interessati, jibbenefikaw minn garanziji proċedurali meta tiġi implementata l-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE, għandhom jitħallew jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tagħmel din il-konstatazzjoni.
53. L-ammissibbiltà tar-rikors, skont id-duttrina tas-sentenzi Cook u Matra, għaldaqstant tiddependi min-natura tal-motivi, min-naħa l-waħda, u mill-kwalità tar-rikorrent, mill-oħra. Il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà għandhom jiġu vverifikati billi ssir distinzjoni bejn il-partijiet li jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-partijiet li jinvokaw il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, din id-distinzjoni pjuttost ċara tiddetermina t-test applikabbli (33).
54. Is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cookvs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni ma tatx lok għal kunsens unanimu fid-duttrina u huwa utli li hawnhekk jitfakkru l-elementi prinċipali tad-dibattitu li qajmet (34).
55. Uħud josservaw li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tmur lil hinn mis-suġġerimenti li taha l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (35) biex jitħaffu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-Qorti tal-Ġustizzja (36).
56. Fil-fatt, wara l-imsemmija sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni, il-kategorija tal-persuni li huwa ammissibbli li jikkontestaw deċiżjoni tal-Kummissjoni hija iktar estiża minn dik li titħalla tikkontesta l-att inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE. B’hekk, il-partijiet interessati kollha, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, huma kkunsidrati bħala “konċernati individwalment” mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (37). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll b’mod ċar li l-fatt stess li l-partijiet kellhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari, abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, ma jistax jiċħadhom mid-dritt li tiġi osservata l-garanzija proċedurali li jagħtihom espressament l-Artikolu 88(2) KE (38).
57. Issa, huwa stabbilit li, fil-kuntest tad-deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, is-sempliċi fatt li l-partijiet rikorrenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala partijiet “interessati” ma jistax ikun suffiċjenti biex tkun ammessa l-ammissibbiltà tar-rikors għaliex dan fih innifsu ma jagħtihomx locus standi. Anzi, ladarba jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-partijiet għandu jkollhom status partikolari f’konformità mal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, li jinkludi, b’mod partikolari, il-prova tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom permezz ta’ għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
58. Għaldaqstant jirriżulta li, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, ir-rikorrenti għandhom locus standi sa fejn għandhom l-għan li jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali li huma jisiltu mill-Artikolu 88(2) KE mingħajr ma jkunu obbligati jipprovaw li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ikkonċernat kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (39).
59. Diversi avukati ġenerali diġà kkritikaw ferm il-konsegwenzi tal-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra.
60. B’hekk, l-Avukat Ġenerali Jacobs ikkwalifika l-ġurisprudenza derivata mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni bħala insodisfaċenti, kumplessa, u apparantement nieqsa mil-loġika u mill-koerenza (40). Wara li enfasizza l-konfużjoni li tinqala’ meta l-kriterju tal-locus standi tal-Artikolu 88(2) KE jiġi assimilat ma’ dak tal-Artikolu 88(3) KE, huwa kkontesta wkoll l-eżistenza stess tad-deroga mid-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Konsegwentement, l-Avukat Ġenerali ssuġġerixxa li fil-każijiet kollha fejn ir-rikorrent jikkontesta deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE jiġi applikat il-kriterju tal-interess dirett u individwali, indipendentement mill-motivi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, filwaqt li interpreta l-kriterju tal-interess individwali b’mod inqas restrittiv milli sar fil-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni (41).
61. Fir-rigward tan-natura tal-atti adottati abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, l-Avukat Ġenerali Mengozzi (42), min-naħa tiegħu, staqsa jekk ikunx iktar xieraq li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq dawn l-atti jkun limitat f’kull każ, u b’hekk indipendentement mill-bażi tal-locus standi tar-rikorrenti, għall-verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jilleġittimaw in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri il-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ dubji serji fuq il-fatt li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew fuq il-fatt li din xorta waħda hija kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni fuq il-“kwistjonijiet ta’ mertu”, tkun b’dan il-mod posposta, fil-każ ta’ annullament, għall-eżami tar-rikors eventwalment ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni fi tmiem l-imsemmija proċedura.
62. Id-distinzjoni li saret mill-qorti Komunitarja f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 88(3) KE wasslet ukoll lill-Avukat Ġenerali Bot biex jagħmel xi kritika (43). Skont dan tal-aħħar, il-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra twassal finalment għar-restrizzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-parti interessata fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat. Wara li enfasizza n-natura artifiċjali tal-kunċett ġudizzjarju fis-seħħ, l-Avukat Ġenerali Bot osserva li l-għan tar-rikorrent huwa identiku indipendentement mill-fatt li huwa jinvoka l-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tiegħu jew li huwa jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna inkwantu dan huwa intiż sabiex jingħata bidu għall-fażi ta’ investigazzjoni formali. Konsegwentement, huwa ppropona li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tammetti li, meta persuna tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, adottata wara t-tmiem tal-eżami preliminari, hija neċessarjament tikkontesta n-nuqqas ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u għaldaqstant għandha l-għan li tikseb id-difiża tad-drittijiet proċedurali tagħha (44).
63. Fl-aħħar nett, il-Kawża 3F vs Il-Kummissjoni (45) tat lok, min-naħa tal-Avukat Ġenerali Sharpston, għal kummenti ta’ oġġezzjoni fil-konfront ta’ approċċ formalistiku li jippenalizza rikorrent li jkun ippreżenta osservazzjonijiet anċillari dwar il-kontenut tal-miżuri kkontestati.
C – Fuq il-validità tal-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra
64. Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi, il-punt ta’ tluq għandu jkun il-premessa li t-Trattat jagħti b’mod ċar id-dritt lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
65. Il-parti interessata għandha tkun tista’ tippreżenta b’mod effettiv il-fehma tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-eżami tal-Kummissjoni meta jidhrilha li l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 88(3) KE mingħajr ma kellha għarfien sħiħ tad-data kollha li tista’ tagħti lok għal diffikultajiet meta tiġi evalwata l-miżura inkwistjoni.
66. Fil-fehma tiegħi, għaldaqstant dan huwa dritt proċedurali awtonomu li jitlob protezzjoni ġudizzjarja speċifika u li ma għandux jiġi eliminat minħabba n-nuqqas ta’ locus standi fil-kontestazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni.
67. Madankollu, dan il-locus standi ma jistax ikun suffiċjenti biex tkun ikkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni bħala tali. Għal dan il-għan għandu jkun hemm l-istatus partikolari ddefinit mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
68. Fit-tieni lok, fil-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Mengozzi osserva li l-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra, partikolarment kumplessa u pjuttost formalistika, tiġi spjegata bil-ħtieġa li jiġi żgurat li, fejn ir-rikors ikun ġie ppreżentat minn persuna li tinvoka biss il-kwalità tagħha ta’ parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja fuq id-deċiżjoni kkontestata ma jmurx lil hinn minn dak neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prerogattivi proċedurali rikonoxxuti minn din id-dispożizzjoni (46).
69. Fil-fehma tiegħi, huwa fundamentali li tingħata importanza lin-natura amministrattiva tal-proċedura mwettqa mill-Kummissjoni sabiex issir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-locus standi ħalli tkun ikkontestata l-legalità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni u l-kwistjoni tal-benefiċċju tad-drittijiet proċedurali quddiem awtorità amministrattiva.
70. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 88(2) KE jistabbilixxi regola tal-proċedura amministrattiva Ewropea, filwaqt li l-Artikolu 230 KE jistipula regola tal-kawżi amministrattivi Ewropej.
71. F’dan ir-rigward għandha tiġi enfasizzata r-rilevanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan il-prinċipju ta’ oriġini ġudizzjarja, stabbilit reċentement fl-Artikolu 41 tal-Karta, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (47).
72. Billi l-imsemmi prinċipju jeżiġi eżami diliġenti u imparzjali (48), nikkunsidra li d-dritt li jkun jista’ jintalab il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE sabiex ikunu protetti l-prerogattivi proċedurali tagħha jirriżulta mill-obbligu li għandha l-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, fin-nuqqas ta’ diffikultajiet serji.
73. Il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar iddeċidiet li l-parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent fil-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 85/337/KEE (49) hija separata u għandha għan differenti minn rikors ġudizzjarju, fejn dan tal-aħħar jista’, jekk ikun il-każ, jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni meħuda fi tmiem dan il-proċess. Għaldaqstant, din il-parteċipazzjoni ma taffettwax il-kundizzjonijiet għall-preżentata tar-rikors (50). Mingħajr ma rrid nipparaguna d-dritt li wieħed ikun assoċjat mal-proċedura abbażi tal-Artikolu 88(2) KE mad-dritt li wieħed jipparteċipa fi proċedura amministrattiva fil-qasam tal-ambjent, nixtieq nenfasizza li dan tal-aħħar huwa ddefinit b’mod iktar wiesa’ mid-dritt li tittieħed azzjoni fuq il-mertu.
74. Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex qed tirriskja li testendi d-drittijiet proċedurali li t-Trattat u d-dritt sekondarju jagħtu lill-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.
75. Anzi, din hija l-affermazzjoni ta’ dritt espressament mogħti mit-Trattat fil-kuntest tal-proċedura fejn il-kunċett ta’ parti interessata jista’ jiġi applikat totalment. B’hekk, l-għan tal-ġurisprudenza Matra vs Il-Kummissjoni jikkonsisti fil-konferma ta’ dritt rikonoxxut fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u mhux f’rikonoxximent ta’ dritt ġdid fil-kuntest tal-proċedura preliminari.
76. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, in-natura tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 88(2) KE hija ddefinita mill-fatt li hija assoċjata mal-proċedura ta’ eżami u bl-ebda mod ma tagħti lill-partijiet interessati kwalità li tista’ tikkomprometti l-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
77. Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-kritika tad-duttrina kif ukoll tal-istediniet ta’ diversi Avukati Ġenerali, naħseb li wasal il-mument biex il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tħares l-idea prinċipali tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tiċċara definittivament ir-regoli li jirregolaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 88(3) KE.
78. Issa huwa stabbilit li r-regoli li jirregolaw il-locus standi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-għan li jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, huma attwalment vagi u konfużi. Fil-fatt jidhirli li huwa impossibbli attwalment, kemm għall-partijiet kif ukoll għall-Qorti Ġenerali, li jidentifikaw b’mod ċar f’taħlita ta’ motivi dawk li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet proċedurali u dawk li jirrigwardaw il-mertu.
79. Diversi eżempji bbażati fuq il-ġurisprudenza jixhdu inċertezza dwar l-eżitu tal-eżami u dwar it-trattament (51). Barra minn hekk, l-aħħar sentenzi tal-Qorti Ġenerali bħal dawk mogħtija fil-kawżi Kronoply (52), Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni (53) u Scheucher Fleisch et vs Il-Kummissjoni (54) taw lok fid-duttrina għal dubji dwar l-osservanza taċ-ċertezza legali peress li l-Qorti Ġenerali għandha t-tendenza li tagħżel fost l-argumenti li jirreferu għall-mertu l-argumenti li f’għajnejha jkunu relatati mal-motivi li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet proċedurali (55). Barra minn hekk, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li tali approċċ iwassal biex ikunu affettwati d-drittijiet tad-difiża tagħha u l-prinċipju ta’ trattament ugwali.
80. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li għajnuna tkun kompatibbli biss jekk hija ma jkollha l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha. Ir-rikorrent, għalhekk, għandu jagħmel ħiltu biex juri li l-Kummissjoni sabet diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Issa, l-għan ta’ rikorrent li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata wara l-proċedura ta’ eżami preliminari huwa li tinfetaħ il-fażi formali abbażi tal-Artikolu 88(2) KE. Anki jekk l-għan tar-rikorrent jista’ jkun l-annullament fuq il-mertu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont il-loġika proċedurali r-rikorrent jipprova jobbliga lill-Kummissjoni sabiex hija tagħmel eżami iktar approfondit li jista’ jwassal għal bidla fl-evalwazzjoni tagħha.
81. Nammetti li l-kunċett ta’ diffikultajiet serji għandu applikazzjoni kumplessa jekk mhux ukoll artifiċjali, għaliex il-kwistjoni vera hija dik jekk il-Kummissjoni kinitx tieħu deċiżjoni differenti abbażi tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, huwa stabbilit li l-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat hija definittivament ikkaratterizzata minn ċertu formaliżmu. Dan il-formaliżmu li ta lok għal kritika fid-duttrina (56) u li huwa rifless fil-ġurisprudenza Cook u Matra, paradossalment jista’ jagħti kontribut sabiex jiġu ċċarati r-regoli applikabbli u sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-individwi fil-formulazzjoni tal-motivi quddiem il-qorti tal-Unjoni.
82. Fil-fehma tiegħi, il-motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-protezzjoni tal-prerogattivi proċedurali għandu jkun espliċitament proċedurali, jiġifieri li missha nfetħet il-proċedura abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, imma l-argumenti insostenn tiegħu jistgħu jirreferu għall-fatti u għall-provi li misshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji serji. Dawn l-elementi bilfors għandhom natura materjali għaliex jikkostitwixxu l-mertu tal-proċedura amministrattiva. It-test stabbilit fis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni jista’ jiġi applikat totalment ladarba r-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni minħabba li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna illegali jew għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.
83. Huwa lejn din l-għażla li l-Qorti tal-Ġustizzja orjentat ruħha fis-sentenza 3F vs Il-Kummissjoni (57). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li: “Ċertament, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet meta hija tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ tali deċiżjoni, huwa essenzjalment jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni dwar l-għajnuna ġiet adottata mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex il-kawża tiegħu tirnexxi, ir-rikorrenti jista’ jipprova juri li l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni kellha tagħti lok għal dubji. L-użu ta’ tali argumenti madankollu ma għandu jkollu bħala konsegwenza la l-bidla tas-suġġett tar-rikors u lanqas tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà.”
84. Fl-aħħar nett, mil-lat kostituzzjonali, nikkunsidra li, meta qorti suprema tiftaħ triq ta’ protezzjoni ġudizzjarja lill-individwi lil hinn mid-diċitura tat-test leġiżlattiv, din il-protezzjoni ta’ oriġini ġudizzjarja tista’ tiġi rrifjutata b’mod definittiv biss mil-leġiżlatur stess. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel ħilitha biex tispeċifika l-metodi ta’ eżekuzzjoni tad-dritt mogħti fil-ġurisprudenza tagħha imma ma tistax tikkundanna tali mezz hija stess. Huma biss it-trattati li jistgħu jagħlqu l-bieb li fetħet il-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra.
85. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha diversi għażliet li jippermettulha taġġusta l-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra.
86. Fir-rigward tat-test tal-ammissibbiltà li għandu jiġi applikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi espliċitament li, indipendentement min-natura tal-aggravju, hija meħtieġa kundizzjoni waħda, jiġifieri jew il-formula stretta tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jew it-test ferm iktar flessibbli tal-parti interessata (58). L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Plaumann għandha twassal għall-invalidazzjoni pura u sempliċi tas-soluzzjoni li tippermetti li l-partijiet interessati, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jibbenefikaw mil-locus standi kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 88(3) KE.
87. Fir-rigward tan-natura tal-aggravji li għandhom jiġu invokati, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tabbanduna d-distinzjoni bejn l-aggravji proċedurali u l-aggravji li jirrigwardaw il-mertu.
88. Fir-rigward taċ-ċirku ta’ rikorrenti potenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tillimita l-kunċett ta’ parti interessata b’tali mod li jkun eskluż kwalunkwe riskju ta’ proliferazzjoni tal-kawżi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE.
D – Fuq is-sentenza appellata
89. F’dan il-każ, wara li ġibdet l-attenzjoni, fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata, għad-distinzjoni bejn il-fażi ta’ eżami preliminari u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali li tikkaratterizza l-istħarriġ, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 60 ta’ din l-istess sentenza, li r-rikors għal annullament ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara l-fażi preliminari għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sakemm b’dan ir-rikors il-parti interessata jkollha l-għan li tipproteġi d-drittijiet proċedurali li hija tislet minn din id-dispożizzjoni.
90. Filwaqt li ppreċiżat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-kwalità ta’ parti interessata madankollu tista’ tiġġustifika biss il-locus standi f’rikors limitat għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali, billi l-locus standi ta’ rikorrent kontra l-fondatezza ta’ deċiżjoni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, bil-motivi tagħhom, ir-rikorrenti qed jikkontestaw f’dan il-każ, kemm ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.
91. Sa fejn niddefendi l-legalità tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni fir-rigward tar-rikonoxximent tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni inkwantu r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa applikazzjoni korretta tal-imsemmija ġurisprudenza. Min-naħa l-oħra, huwa evidenti li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li ma tikkunsidrax il-ġurisprudenza inkwistjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jkun ivvizjat bi żball ta’ liġi.
92. Fl-aħħar nett, it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell għandhom jiġu eżaminati biss jekk tkun sostnuta l-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra. Bil-kontra, jekk jintlaqa’ l-ewwel aggravju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali jkollha tiġi annullata u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Kronoply u Kronotex.
VI – Fuq it-tieni aggravju
A – L-argumenti tal-Kummissjoni
93. Il-Kummissjoni, sostnuta minn ZSG, qed tilmenta li l-Qorti Ġenerali, minkejja li fil-punt 81 tas-sentenza appellata qalet li hija ma kellhiex il-ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-motivi tar-rikorrenti ħalli tiddetermina sa liema punt qed jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata jew għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet proċedurali tagħhom, tabilħaqq tat tali interpretazzjoni fil-punt 82 tas-sentenza.
94. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni (59), minn fejn jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex awtorizzata tiddefinixxi mill-ġdid, kif għamlet fil-punt 51 tas-sentenza appellata, is-suġġett tar-rikors. Issa, meta għamlet dan, min-naħa l-waħda, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha, minħabba li hija marbuta bir-rikors kif jirriżulta min-noti ppreżentati quddiemha. Tali approċċ iwassal, min-naħa l-oħra, biex jiġu ffavoriti r-rikorrenti u b’hekk biex ma jiġix osservat il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-partijiet għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
95. Il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li fid-dawl tal-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi kollha, biex b’hekk telimina d-differenza bejn l-invokazzjoni tad-drittijiet proċedurali u l-invokazzjoni tal-motivi fuq il-mertu.
96. ZSG iżżid li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kienet qed tantiċipa, b’mod żbaljat, l-eżami li kienet se tagħmel ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali.
B – Fuq is-sentenza appellata u l-problema ta’ definizzjoni mill-ġdid tar-rikors inizjali fl-ewwel istanza
97. Qabel xejn, kif ifakkar l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża British Aggregates vs Il-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja teskludi kwalunkwe possibbiltà li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivi bbażati espressament fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali rikonoxxuti mill-Artikolu 88(2) jew il-ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi prattikament kwalunkwe possibbiltà li jiġi rrimedjat għan-nuqqas ta’ tressiq tal-imsemmija motivi permezz ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawk espliċitament imressqa (60).
98. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi żball ta’ liġi, anki jekk it-talbiet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u l-motivi kollha mqajma insostenn tagħhom iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-mertu, id-definizzjoni mill-ġdid, mill-Qorti Ġenerali, tas-suġġett stess tar-rikors li għandha quddiemha u li wassalha biex tikkunsidra, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti kellhom l-għan li jipproteġu l-garanziji proċedurali li kellhom jibbenefikaw minnhom (61).
99. Tali interpretazzjoni mill-ġdid tar-rikors, li tammonta għal definizzjoni mill-ġdid tas-suġġett tiegħu, ġiet iċċensurata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li, anki fin-nuqqas ta’ motiv ibbażat b’mod espliċitu fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, ir-rikors għandu, fid-dawl tal-motivi favur l-annullament invokati insostenn tiegħu, jiġi interpretat bħala li jakkuża lill-Kummissjoni li ma fetħitx, minkejja d-diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuniet ikkonċernati, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-imsemmija dispożizzjoni u bħala li huwa intiż, fl-aħħar mill-aħħar, biex jipproteġi d-drittijiet proċedurali mogħtija minn din id-dispożizzjoni, jidhru li ma huma bbażati fuq l-ebda raġuni oġġettiva (62).
100. F’dan il-każ, wara li fakkret, ġustament, il-ġurisprudenza li tirregola l-eżami ta’ rikors mill-Qorti Ġenerali, hija ddeċidiet fil-punt 82 tas-sentenza appellata li tali limitu għas-setgħa ta’ interpretazzjoni tal-motivi mill-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-effett li twaqqaf lil din il-qorti milli teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa minn rikorrent sabiex ikun ivverifikat jekk dawn jikkontribwux ukoll xi elementi insostenn ta’ motiv, ukoll imressaq mir-rikorrent, li jsostni espressament l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.
101. Barra minn hekk, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, biex tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni motiv, għandhom jiġu eżaminati l-motivi l-oħra kollha mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi evalwat jekk l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motivi jistgħux ikunu marbuta ma’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali, fejn għandhom l-għan li jidentifikaw diffikultà serja li meta l-Kummissjoni ltaqgħet magħha missha fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
102. Issa, huwa ovvju li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali fittxet fil-motivi l-oħra kollha mressqa quddiemha u li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, elementi li jistgħu jiġġustifikaw motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali.
103. Anki jekk l-approċċ f’dan il-każ ma huwiex identiku għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza tas-sentenza Stadwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jidhirli li dan jista’ jiġi kkritikat u jista’ jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, żball ta’ liġi fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (63).
104. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza klassika, il-qorti Komunitarja għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent mil-lat tal-kontenut tagħhom iktar milli tal-klassifikazzjoni tagħhom (64), u li l-Qorti Ġenerali diġà adottat dan l-approċċ sabiex tivverifika jekk ir-rikorrent jikkontribwix ukoll elementi insostenn ta’ motiv li jsostni l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (65).
105. Huwa stabblit li l-Qorti Ġenerali għandha tapplika l-massima magħrufa “agħtini l-fatt, u ngħidlek id-dritt” [traduzzjoni libera] (66). Madankollu, nistaqsi jekk, wara li tkun invokat il-kwalità tagħha ta’ parti interessata kif ukoll nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, parti tistax tillimita ruħha sabiex tippreżenta deskrizzjoni sommarja tal-konstatazzjonijiet fattwali allegatament żbaljati tal-Kummissjoni, mingħajr ma tispjega, xorta waħda, għaliex u sa fejn dawn il-konstatazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw, lil hinn mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-argumenti mressqa fit-tielet motiv tar-rikors setgħux ikunu marbuta ma’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ garanziji proċedurali minkejja li l-kontenut tat-tieni motiv ma jistax jiġi interpretat bħala li jirreferi, minbarra għall-ewwel motiv, anki għat-tielet motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.
106. Nixtieq nenfasizza li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Cook u Matra, għandha tiġi stabbilita distinzjoni ċara bejn, min-naħa l-waħda, ir-rikonoxximent ta’ dritt lill-partijiet interessati, jiġifieri, il-possibbiltà li jinvokaw motiv sabiex jipproteġu drittijiet proċedurali u, mill-oħra, il-protezzjoni ġudizzjarja ex officio, jiġifieri l-obbligu li l-Qorti Ġenerali tagħmel ħilitha sabiex tfittex fost argumenti fattwali li għandhom l-għan li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata elementi li jistgħu jiġġustifikaw anki l-motiv ibbażat fuq dritt proċedurali rikonoxxut mil-ġurisprudenza. Jidhirli li huwa evidenti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx strument ta’ protezzjoni ġudizzjarja maħluq b’dan il-mod lill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.
107. B’hekk, fil-każ ta’ din ix-xorta, il-qorti għandha tagħti deċiżjoni biss dwar it-talba tal-partijiet, li għandhom jiddefinixxu l-kuntest tal-kawża, u għandha tidentifika b’mod ċar l-argument fattwali li għandu l-għan li juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi lill-partijiet biex tfittex, fir-rikors, elementi li jistgħu jiġġustifikaw il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet proċedurali.
108. Konsegwentement, nikkunsidra li għandu jkun ir-rikorrent li jistipula b’mod ċar motiv “proċedurali” filwaqt li jispeċifika n-natura tad-diffikultajiet serji li setgħu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni u b’hekk jispjega l-fatti li jikkostitwixxu elementi fuq il-mertu.
109. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali dan l-aħħar kienet involuta f’diversi kawżi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni mill-ġdid tal-motivi. Dan jeżiġi risposta ċara min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità ta’ tali approċċ (67).
110. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u, konsegwentement, wettqet żball meta laqgħet it-tieni motiv tal-Kummissjoni.
VII – Fuq it-tielet aggravju
A – L-argumenti tal-Kummissjoni
111. B’dan l-aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ parti interessata, il-Kummissjoni qed tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma segwitx il-prattika użwali peress li ddeċidiet li fir-rigward tal-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ għajnuna fl-uniku suq ta’ provvista ta’ materja prima kellu jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.
112. L-interpretazzjoni ssuġġerita mis-sentenza appellata, skont il-Kummissjoni, twassal biex tiġi awtorizzata, permezz tal-kunċett ta’ parti interessata, xorta ta’ actio popularis kontra d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li jingħata dritt għal rikors lil allegati kompetituri fi swieq oħra għajr dawk fejn topera l-impriża benefiċjarja jwassal għal riskju ta’ splużjoni tal-kawżi Komunitarji.
113. F’dan ir-rigward, ZSG tippreċiża li l-attività tagħha teħtieġ prinċipalment polpa tal-injam, imma li hija tuża komponenti oħrajn fil-produzzjoni tagħha. Peress li anki l-konsumaturi tal-ilma jew tal-elettriku jkollhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati, is-sentenza appellata jkollha bħala konsegwenza li testendi b’mod sproporzjonat iċ-ċirku tal-impriżi li jkunu jistgħu jikkontestaw deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, dak il-kunċett għandu jkun limitat għall-kompetituri diretti tal-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat li jkunu attivi fis-suq fejn jopera l-benefiċjarju tal-għajnuna.
B – Kunsiderazzjonijiet
1. Fuq il-kunċett ta’ “parti interessata”
114. Il-kunċett ta’ suġġetti “interessati” (68) huwa s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet li jiżviluppaw fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-partijiet interessati ngħataw firxa pjuttost wiesgħa ta’ possibbiltajiet sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (69).
115. Qabel xejn, għandha tissemma s-sentenza Eridania et vs Il-Kummissjoni (70), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi ċirkustanza li att jista’ jeżerċita influwenza fuq ir-relazzjonijiet tal-kompetizzjoni li jeżistu fis-suq inkwistjoni, ma jistax ikun suffiċjenti biex kull operatur ekonomiku li jinsab fi kwalunkwe relazzjoni ta’ kompetizzjoni mad-destinatarju tal-att jista’ jiġi kkunsidrat bħala direttament u individwalment ikkonċernat minn dan tal-aħħar. B’hekk, hija biss l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi li tista’ tawtorizza lil individwu, li jallega li l-att qed jaffettwa l-pożizzjoni tiegħu fis-suq, li jagħmel rikors abbażi tal-Artikolu 173 (li wara emendi sar l-Artikolu 230 KE).
116. Il-kunċett ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ġie ppreċiżat fis-sentenza Intermills vs Il-Kummissjoni (71). Attwalment, huwa stabbilit li l-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, li b’dan il-mod, jistgħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jippreżentaw rikors għal annullament minħabba li ma ġewx rispettati d-drittijiet proċedurali tagħhom, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jintlaqtulhom l-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (72).
117. Il-kunċett ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, b’hekk ġie interpretat b’mod ferm estiż mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant kull impriża li tinvoka relazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki potenzjali, jista’ jingħad li għandha l-kwalità ta’ “[parti] interessat[a]” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, u tiddisponi, bis-saħħa ta’ dan, mill-garanziji proċedurali li jippermettulha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha (73).
118. Il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Intermills vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet inkorporata fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (74).
119. Għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza tippreċiża ċerti limiti għall-kunċett ta’ parti interessata fis-sens li persuna fiżika jew ġuridika, sabiex tiġi rikonoxxuta bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE (75), għandha tkun tista’ tiġġustifika interess leġittimu sabiex il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni jkunu jew ma jkunux implementati, jew jinżammu meta jkunu diġà ngħataw. Fir-rigward ta’ impriża, tali interess leġittimu jista’, b’mod partikolari, jikkonsisti fil-protezzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq, sa fejn din tkun affettwata minn miżuri ta’ għajnuna (76).
120. Skont il-Qorti Ġenerali, li tiġi rikonoxxuta l-kwalità ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE lil kull persuna li jkollha, fir-rigward tal-miżuri tal-Istat inkwistjoni, interess purament ġenerali jew indirett jikkostitwixxi interpretazzjoni manifestament inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(2) KE u jkollu bħala konsegwenza li tiċħad minn kull portata ġuridika l-kunċett ta’ “persuna individwalment ikkonċernata”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fir-rikorsi għal annullament kontra deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE (77), billi dan ir-rimedju ġudizzjarju jiġi ttrasformat f’xorta ta’ actio popularis.
121. Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sentenza Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, impliċitament ikkonfermata mill-kawża BP Chemicals vs Il-Kummissjoni (78), tixhed favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ parti interessata, bil-kontra tal-ġurisprudenza tas-sentenza Kahn Scheepvaart vs Il-Kummissjoni (79) li timplika l-inammissibbiltà ta’ rikors minħabba l-portata ġenerali tal-miżura approvata mill-Kummissjoni. B’hekk, dik il-portata ġenerali ma għadhiex tipprekludi li jkun ammissibbli li operaturi interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE jieħdu azzjoni kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li approvat, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, miżuri ta’ għajnuna inklużi f’leġiżlazzjoni nazzjonali.
122. Fir-rigward tal-iżviluppi l-iktar reċenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma huwiex neċessarju li r-rikorrent jipproduċi prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni konkreta u diretta ma’ kull benefiċjarju ta’ għajnuna rrapportata sabiex tkun ikkunsidrata bħala parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li hija turi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bħal din ma’ wħud mill-benefiċjarji ta’ l-għajnuna (80). B’hekk, kompetitur kemm futur jew anki sempliċement potenzjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna rrapportata għandu jkun ikkunsidrat bħala parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE (81).
123. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza 3F vs Il-Kummissjoni hija ammettiet li, korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ta’ impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE (82).
2. Fuq is-sentenza appellata
124. Qabel xejn, għandu jiġi osservat li r-risposta għal dan l-aggravju tiddependi mir-risposta mogħtija lill-ewwel aggravju.
125. B’hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hija favur l-opinjoni li l-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra għandha tiġi invalidata — pożizzjoni li ma naqbilx magħha — dan iwassal awtomatikament għall-adozzjoni tal-iktar definizzjoni ristretta tal-parti li jkollha locus standi. L-idea li tissuġġetta lill-partijiet interessati għall-kriterji klassiċi tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 230 KE biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet proċedurali tagħhom tnaqqas ferm iċ-ċirku tar-rikorrenti li r-rikors tagħhom ikun ammissibbli.
126. F’każ kuntrarju, ma naħsibx li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tikkontradixxi l-linja tal-ġurisprudenza adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett tal-parti interessata. Jidhirli, anzi, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi żvilupp, sa ċertu punt naturali u loġiku, tal-approċċ ferm estiż difiż mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, kif juri l-qari tiegħu, jidher li huwa loġiku mil-lat tar-realtajiet ekonomiċi.
127. Wara li osservat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li jista’ jkun hemm effetti mhux negliġibbli fuq il-kompetizzjoni fis-swieq li jinsabu eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-bejgħ (upstream) jew tas-swieq li jinsabu eqreb tal-punt tal-bejgħ milli tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura (downstream), u li, għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-impriżi li joperaw f’dawn is-swieq tista’ tiġi affettwata, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, speċifikat il-fatti li wassluha biex tikkunsidra li potenzjalment, il-pożizzjoni ta’ Kronoply u Kronotex fis-suq setgħet tiġi affettwata. Konsegwentement, hija ddeċidiet li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti taqa’ taħt il-kunċett ta’ parti interessata u li r-rikors tagħhom intiż biex jipproteġi d-drittijiet proċedurali huwa ammissibbli.
128. Anki jekk huwa stabbilit li l-Qorti tal-Ġustizzja marret wisq ’il bogħod fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ parti interessata, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni f’dan il-każ is-suq eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-punt tal-bejgħ (upstream) mal-ewwel daqqa ta’ għajn ma jidhirlix li mhux fondat.
129. Fil-fatt, il-loġika sottostanti dan l-approċċ hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “l-eventwalità li tkun affettwata”. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li s-suq tal-materja prima jista’ jkollu rwol fil-kuntest ta’ tali analiżi fis-setturi ekonomiċi fejn il-profitt mill-attività jiddependi minn provvista kontinwa mill-bogħod. Fir-rigward tas-settur tal-injam, produttur tal-polpa jkun attiv f’diversi swieq kemm eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-bejgħ (upstream) kif ukoll ta’ dawk eqreb tal-punt tal-bejgħ milli tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura (downstream). F’dan is-settur, il-provvista tal-injam tiddependi b’mod determinati mid-distanzi kif ukoll mill-aċċess għal sorsi ta’ enerġija stabbli u bi prezzijiet vantaġġjużi.
130. Jidhirli li l-ġustifikazzjoni għall-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali ġiet inkluża fil-punt 75 tas-sentenza appellata minn fejn jirriżulta li r-rikorrenti u l-benefiċjarja tal-għajnuna żgur li la huma effettivament u lanqas potenzjalment kompetituri fl-istess swieq ta’ prodotti imma li fil-proċessi tal-produzzjoni tagħhom jagħmlu użu mill-istess materja prima, li ma hijiex disponibbli b’mod illimitat fir-reġjun ikkonċernat mill-pjan ta’ investiment inkwistjoni. Billi tali disponibbiltà għandha tiġi evalwata skont iż-żoni ta’ provvista rispettivi tal-operaturi differenti stabbiliti f’dak ir-reġjun kif ukoll skont l-ispejjeż tat-trasport ta’ din il-materja prima, għandu jiġi kkunsidrat li teżisti relazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi tar-rikorrenti u dik ta’ ZSG fis-suq.
131. Madankollu, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet dwar il-konsegwenzi ta’ tali evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.
132. Filwaqt li kkunsidrat li r-rikorrenti u l-benefiċjarja tal-għajnuna la huma effettivament u lanqas potenzjalment kompetituri fl-istess swieq ta’ prodotti, il-Qorti Ġenerali, madankollu, rat relazzjoni ta’ kompetizzjoni fl-aċċess għall-materja prima. Għaldaqstant, għażlet il-kompetizzjoni mhux fil-bejgħ tal-prodotti imma fix-xiri tagħhom.
133. Tali estensjoni ta’ relazzjoni tal-kompetizzjoni eventwali madankollu twassal b’mod ċar biex jiġi estiż il-locus standi abbażi tal-Artikolu 88(3) KE. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija li tiġi ddefinita l-portata tal-kunċett tal-kompetizzjoni fil-ġurisprudenza relatata mal-parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġifieri jekk din hijiex kompetizzjoni diretta jew indiretta u hija biss il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-miżura li tista’ tittieħed inkwistjoni.
134. Il-ġurisprudenza tipprovdi ftit kjarifiki għall-mistoqsija li saret iktar ’il fuq. Minnha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma hija marbuta li titlob mill-parti li tinvoka l-istatus tagħha ta’ parti interessata fis-suq ikkonċernat il-prova li l-pożizzjoni tagħha fih ġiet affettwata b’mod sostanzjali permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (83). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ttendi lejn kompetizzjoni potenzjali (84).
135. Huwa suffiċjenti li jingħad b’mod ġenerali li l-kompetizzjoni diretta turi li l-impriżi joperaw fl-istess suq u li l-prodotti mibjugħa jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin (85). Madankollu, relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta tista’ teżisti wkoll bejn ix-xerrejja li jispjega l-eżistenza ta’ akkordji ta’ xiri (86). Il-kompetizzjoni indiretta ġejja minn impriżi li joperaw fi swieq distinti anki jekk dawn ikunu swieq qrib ta’ xulxin (87). Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kompetizzjoni iktar globali jista’ jiġi ġġustifikat ukoll peress li l-Kummissjoni tista’ tipproċedi, sabiex tkun evalwata l-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża, biex tieħu inkunsiderazzjoni l-“effett ta’ portafoll” (88).
136. Madankollu, għall-finijiet tal-eżami tal-kunċett ta’ “parti interessata”, jidhirli li ma hemmx xi differenza fundamentali bejn is-swieq tal-bejgħ u s-swieq tax-xiri mil-lat tal-kompetizzjoni (89). Il-kompetizzjoni tista’ teżisti fis-suq tax-xiri tal-prodotti [xerrejja kompetituri fis-suq eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-bejgħ (upstream)] (90). B’mod partikolari fis-suq tal-injam, wieħed isib eżempji fid-dritt tal-kompetizzjoni Amerikan u Finlandiż (91).
137. Fil-fatt, ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni diretta hija differenti mill-effett dirett tal-miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Ix-xerrejja huma l-kompetituri diretti ta’ xerrejja oħrajn u l-bejjiegħa huma l-kompetituri diretti ta’ bejjiegħa oħrajn. Ix-xerrejja jew il-bejjiegħa tal-prodott A jistgħu jkunu kompetituri indiretti tax-xerrejja jew tal-bejjiegħa tal-prodott B jekk ikun hemm interkambjabbiltà bejn A u B.
138. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ parti interessata msemmi fl-Artikolu 88(2) KE ma huwiex ristrett għall-kompetituri iżda jista’ jkopri wkoll firxa ta’ organizzazzjonijiet jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu partijiet interessati fis-sens tal-proċedura amministrattiva, anki jekk huma ma jkollhomx locus standi fuq il-mertu.
139. B’hekk, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, l-aggravju tal-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, jista’ jintlaqa’ biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ parti interessata.
140. Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, u peress li l-Kummissjoni ma hijiex tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti biex tistabbilixxi r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-benefiċjarja tal-għajnuna, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju bħala infondat.
VIII – Fuq ir-risposta ta’ ZSG
141. Fir-risposta tagħha, minbarra diversi osservazzjonijiet ġenerali, ZSG ressqet, insostenn tal-Kummissjoni, argumenti li jistgħu jiġu ddefiniti bħala aggravji awtonomi li jidhirli, madankollu, li huma parzjalment inammissibbli u parzjalment ikopru l-istess problematika msemmija mill-Kummissjoni.
142. F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (92).
143. Għalhekk appell li jillimita ruħu sabiex jirrepeti jew sabiex jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tikseb sempliċi rieżami tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan imur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (93).
144. Madankollu, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li ngħatat jew saret mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu ttrattati fi proċedura ta’ appell. Jekk rikorrent ma jistax jiġġustifika b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (94).
145. B’hekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti inkwantu ma humiex individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi osservat li l-imsemmija problematika kienet is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, sostnuta minn ZSG. Mill-punt 37 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod partikolari li dawn il-partijiet flimkien kienu invokaw il-benefiċċju tal-kriterji tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, u l-Qorti Ġenerali weġbithom b’mod ċar billi ddikjarat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li r-rikors ta’ Kronoply u Kronotex kien inammissibbli fuq il-mertu. B’hekk, l-argument relatat mal-locus standi għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.
146. Fir-rigward tal-interpretazzjoni estiża tal-kunċett ta’ kompetituri sabiex ikun iddeterminat il-kunċett ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, fid-dawl tal-iżviluppi relatati mat-tielet aggravju tal-Kummissjoni, din ma hemmx lok li tiġi eżaminata.
147. It-tieni nett, filwaqt li sostniet li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għall-evalwazzjoni tad-drittijiet proċedurali, ZSG qed tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddefiniet mill-ġdid rikors li kien qed jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata bħala rikors intiż biex jipproteġi d-drittijiet proċedurali. Fl-aħħar nett, hija tgħid li l-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra titlob interpretazzjoni restrittiva.
148. F’dan ir-rigward, nikkunsidra li, fid-dawl tat-tweġiba mogħtija lil din il-problematika fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju li wassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, dan l-aggravju ma hemmx lok li jiġi eżaminat b’mod awtonomu.
IX – Fuq l-ispejjeż
149. Fit-talbiet tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Kronoply u lil Kronotex ibatu l-ispejjeż tal-kawża. Min-naħa tagħha, ZSG qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna in solidum lil Kronoply u lil Kronotex għall-ispejjeż.
150. Għaldaqstant, nixtieq nagħmel osservazzjoni fuq l-ispejjeż f’appell ippreżentat minn rikorrenti istituzzjonali li diġà kisbet sodisfazzjon fuq il-mertu fl-ewwel istanza, u li huwa dirett esklużivament kontra l-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, nistaqsi, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, xi grad ta’ protezzjoni ġuridika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha parti li titlef fir-rigward tat-talbiet tagħha fuq il-mertu fl-ewwel istanza u li ma tixtieqx tieħu sehem fil-proċedura tal-appell.
151. F’dan il-każ, f’konformità mad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, Kronoply u Kronotex ġew ikkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ żewġ partijiet oħrajn għall-proċedura.
152. Issa, wara l-appell tal-Kummissjoni, Kronoply u Kronotex sabu rwieħhom, ex officio, involuti fi proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-riżultat tagħha għandu biss l-għan li jiċċara jew li jimmodifika l-ġurisprudenza relatata mal-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u mhux li jikkontesta d-dispożittiv tas-sentenza appellata.
153. Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn, kif ġara f’dan il-każ, il-Kummissjoni taġixxi “fl-interess tal-liġi”, jidhirli li jkun ġust li l-Qorti tal-Ġustizzja teżenta lill-parti li la ħadet l-inizjattiva biex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas biex tippreżenta osservazzjonijiet fil-kuntest tal-appell, mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-partijiet l-oħra għall-appell, ikun xi jkun l-eżitu tal-appell.
154. Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni, li tista’ tiġi dedotta mid-diċitura tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tkun l-aħjar waħda sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq.
X – Konklużjoni
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u inkwantu qed nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tafferma mill-ġdid il-ġurisprudenza tas-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993 Cook vs Il-Kummissjoni (C-198/91) u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C-225/91):
“Nipproponi li l-ewwel u t-tielet aggravji tal-appell prinċipali tal-Kummissjoni jiġu miċħuda.
Madankollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju tal-appell prinċipali u tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Diċembru 2008, Kronopoly u Kronotex vs Il-Kummissjoni (T‑388/02), sa fejn hija ddikjarat ammissibbli t-tieni motiv li huwa intiż sabiex jipproteġi l-garanziji proċedurali tar-rikorrenti minkejja li huma ma qalux b’mod ċar u konformi mal-ġurisprudenza stabbilita r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE. Peress li jista’ jiġi ammess li l-kumpanniji rikorrenti ma ppreżentawx rikors li jista’ jkun ammissibbli fir-rigward tad-difiża tad-drittijiet proċedurali tagħhom, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt li tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-kawża u, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, nipproponi li r-rikors inizjali fl-ewwel istanza jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr mal-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward tal-ispejjeż, nipproponi li l-Kummissjoni Ewropea u Zellstoff Stendal GmbH ibatu l-ispejjeż tagħhom.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni (C-198/91, Ġabra p. I-2487); tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C-225/91, Ġabra p. I-3203), kif ukoll tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719).
3 – Peress li s-sentenza kkontestata ngħatat fl-10 ta’ Diċembru 2008, ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jsegwu n-numerazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
4 – ĠU C 232, p. 2.
5 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963 (25/62, Ġabra p. 197).
6 – Il-Kummissjoni ssemmi l-ġurisprudenza Cook u Matra kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, u tikkritika l-punt 60 tas-sentenza appellata.
7 – Sentenza tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni (C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punt 20).
8 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni (C-245/92 P, Ġabra p. I-4643).
9 – Sentenza Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 22).
10 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 u 36).
11 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 (C-487/06 P, Ġabra p. I-10505, punt 74).
12 – Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju u kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva. Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni (T-73/98, Ġabra p. II-867, punt 44).
13 – Sentenza Prayon‑Rupel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).
14 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑431/07 P, Ġabra p. I-2665, punti 61 sa 63).
15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1984, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (84/82, Ġabra p. 145, punt 13); Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39); tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 34); u s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61); Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni (T-49/93, Ġabra p. II-2501, punt 58).
16 – Sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 22); Matra vs Il‑Kummissjoni (punt 16); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 34); u s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 – Karta pproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1). Skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”: “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.
18 – Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21), kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C-441/07 P, Ġabra p. I-05949).
19 – Pereżempju, ara l-punt 81 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Ġermanja et vs Kronofrance (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619).
20 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni (T‑371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 60); tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni (T-228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II-435, punt 125); tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni (T-68/03, Ġabra p. II-2911, punt 42); u tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni (T-442/03, Ġabra p. II-1161, punti 222 sa 225).
21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Bil-kontra tal-partijiet interessati, l-Istat Membru għandu dritt veru u proprju għall-smigħ xieraq fil-kuntest ta’ proċedura bħal din, u l-ksur tiegħu jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sakemm jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ dik l-irregolarità, il-proċediment seta’ jiġi konkluż b’riżultat differenti; ara l-punti 53 sa 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs Scott (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, C-290/07 P, Ġabra p. I-07763).
22 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59); sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C-74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 82); sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il‑Kummissjoni (T-62/08, Ġabra p. II-03229, punt 162).
23 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 73).
24 – Għandu jiġi osservat li l-emendi introdotti bit-Trattat ta’ Lisbona ma kellhomx effett fuq l-eżami tal-kawża inkwistjoni.
25 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07 P, Ġabra p. I-8495, punti 47 sa 54).
26 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni (C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, iċċitata iktar ’il fuq (punti 47 sa 54).
27 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq li sadanittant ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita. Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, L‑Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni (C-15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I-8855, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).
28 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C-182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I-5479, punt 59).
29 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.
30 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro ppreżentati f’din il-kawża Cook vs Il‑Kummissjoni.
31 – Test li jipprevedi l-kriterju li parti tkun “ġiet affettwata b’mod sostanzjali” mill-miżura. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986 (169/84, Ġabra p. 391).
32 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.
33 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tispjega s-soluzzjoni tas-sentenzi Cook u Matra.
34 – Għal kummenti ġenerali, ara J. Winter, “The rights of complainants in State aid cases: judicial review of Commission decisions adopted under article 88 (ex 93) EC”, Common Market Law Review, 1999, Nru 36.
35– Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002 (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677).
36 – Ara M. Honoré, “The standing of third parties in State aid cases: the lessons to be drawn from the judgement case C-78/03 P, Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum v. Commission”, European state aid law quarterly, EStAL, Vol. 5 (2006), Nru 2, p. 269 sa 284, b’mod partikolari p. 274.
37 – Ara, pereżempju, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Sytraval (punt 41); Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (punt 35); kif ukoll British Aggregates vs Il-Kummissjoni (punt 28). Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2001, Hamburger Hafen- und Lagerhaus et vs Il‑Kummissjoni (T-69/96, Ġabra p. II-1037, punt 37); u tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni (T-158/99, Ġabra p. II-1, punt 73).
38 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T-289/03, Ġabra p. II-81, punt 76).
39 – Ara s-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
40 – Konklużjonijiet tal-kawża Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq (punt 138).
41 – Ibidem (punti 139 u 141).
42 – Ara l-punt 75 tal-konklużjonijiet fil-kawża British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75).
43 – Konklużjonijiet tal-kawża Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (punti 106 u 109).
44 – Ibidem (punti 104 et seq).
45 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’din il-kawża (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, C‑319/07 P, Ġabra p. I-5963, punti 39 sa 43).
46 – Skont l-Avukat Ġenerali Mengozzi, dan iseħħ jekk il-qorti ma tillimitax ruħha sabiex tivverifika l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jilleġittimaw in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri n-nuqqas ta’ diffikultajiet serji fil-kwalifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna jew fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, iżda tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna (jew tal-elementi individwali li jikkostitwixxu għajnuna li l-Kummissjoni tkun ikkunsidrat li kienu mankanti), jew in-nuqqas tal-kundizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiddikjara l-kompatibbiltà tagħha mat-Trattat. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, ir-rikorrenti tikseb, minbarra l-ftuħ eventwali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, anki r-riżultat li l-Kummissjoni tkun marbuta bl-imsemmija konstatazzjonijiet tal-qorti Komunitarja u r-riżultat tad-determinazzjoni minn qabel, għall-inqas f’parti, tal-kontenut tad-deċiżjoni li ser tiġi adottata fit-tmiem ta’ dawn il-proċeduri, jiġifieri ta’ att li hija, fis-sempliċi kwalità tagħha ta’ parti interessata skont l-Artikolu 88(2) KE, ma kienx ikollha d-dritt tikkontesta (punt 71 tal-konklużjonijiet).
47 – Ara t-test tal-ispjegazzjonijiet dwar it-test komplut tal-Karta: . Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), pereżempju s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C-141/02 P, Ġabra p. I-1283, punt 72). Ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1983, Lucchini Siderurgica vs Il‑Kummissjoni (179/82, Ġabra p. 3083, punt 27); u tal-31 ta’ Marzu 1992, Burban vs Il‑Parlament (C-255/90 P, Ġabra p. I-2253).
48 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62); kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2002, max.mobil vs Il‑Kummissjoni (T-54/99, Ġabra p. II-313, punt 48).
49 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
50 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården‑Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C-263/08, Ġabra p. I-9967, punt 38).
51 – Ara l-analiżi komparattiva tal-kawżi, M. Honoré, iċċitat iktar ’il fuq (p. 275 et seq).
52 – Sentenza appellata.
53 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Frar 2009 (T-388/03, Ġabra p. II-199), li hija s-suġġett tal-appell fil-kawża Il‑Belġju vs Deutsche Post et (C-148/09 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
54 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2009 (T-375/04, Ġabra p. II-4155).
55 – A. Maitrepierre, “Għajnuna mill-Istat – Locus standi u interess ġuridiku: Il-Qorti Ġenerali tammetti l-ammissibbiltà ta’ rikors magħqud kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra allegata miżura ta’ għajnuna mill-Istat, peress li r-rikorrenti għandhom il-kwalità ta’ kompetituri diretti tal-benefiċjarju ta’ dik il-miżura (Deutsche Post AG - DHL)” [traduzzjoni libera], Concurrences, Nru 2-2009, Nru 25983, pp. 154-155; H. Peytz, T. Mygind, “Direct Action in State Aid Cases – Tightropes and Legal Protection”, EStAL, 2/2010, punti 331 et seq.
56 – Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).
57 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 35). F’dan ir-rigward, ara L. Haasbeek, “A Step in the Right Direction”, EStAL, 1/2010, p. 147.
58 – J.-L. Buendia Sierra, “Standing before the Community Courts in the context of State aid litigation”, EStAL, Novembru 2007, p. 11.
59 – Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007 (C-176/06 P).
60 – Konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (punt 70).
61 – Sentenza Schwabisch Hall et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).
62 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 44 u 45).
63 – In-nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza tas-sentenza Stadwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, min-naħa l-waħda, u tal-ġurisprudenza tas-sentenzi Cook u Matra, mill-oħra.
64 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559, p. 588).
65 – Sentenza Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 148, 155, 161 u 167), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni (T-254/05, Ġabra p. II-124, p. 124).
66 – “Da mihi factum, dabo tibi ius” jiġifieri, il-qorti għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali adatti għall-fatti kif inhuma ppreżentati mill-partijiet. Din il-massima tirriżulta mill-prinċipju ġenerali “jura novit curia”, stabbilit mid-dritt kontinentali. Ara l-punt 33 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża van Schijndel et van Veen (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705).
67 – Sentenzi Scheucher-Fleisch et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
68 – Fuq ir-rwol tal-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva miftuħa abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, ara l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (70/72, Ġabra p. 813, punt 19); tal-20 ta’ Marzu 1984, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 13); Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59), u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni (C-276/03 P, Ġabra p. I-8437, punt 34).
69 – Fuq l-iżviluppi li jirrigwardaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ara Kapteyn u VerLoren van Themaat, The Law of the European Union and the European Communities, Kluwer, 2008, p. 462.
70 – Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969 (10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7).
71 – Sentenza tal-14 ta’ Novembru 1984 (323/82, Ġabra p. 3809).
72 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (punt 41); kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (punt 36).
73 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-kawża Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (punt 89).
74 – Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li jistipula li l-kunċett ta’ partijiet interessati jinkludi “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.
75 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il‑Kummissjoni (punt 23); Matra vs Il‑Kummissjoni (punt 17), u Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (punt 47); kif ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni (T-95/96, Ġabra p. II-3407, punt 64).
76 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il‑Kummissjoni (punt 25); Matra vs Il‑Kummissjoni (punt 19); u Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni (punt 66).
77 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T-188/95, Ġabra p. II-3713, punt 68); kif ukoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pérez Escolar vs Il‑Kummissjoni (T-41/01, Ġabra p. II-2157, punt 36).
78 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2000 (T-184/97, Ġabra p. II-3145, punti 33 sa 40).
79 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996 (T-398/94, Ġabra p. II-477).
80 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Asklepios Kliniken vs Il‑Kummissjoni (T-167/04, Ġabra p. II-2379, punt 55).
81 – Ibidem (punt 50).
82 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 70).
83 – Sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kienet bl-ebda mod marbuta, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Cook vs Il‑Kummissjoni u Matra vs Il‑Kummissjoni, li titlob ukoll il-prova li l-pożizzjoni ta’ Kronofrance fis-suq ikkonċernat kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ara C. Quigley, European State Aid Law and Policy, Hart Publishing, Oxford, 2009, p. 522.
84 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il‑Kummissjoni (T‑395/04, Ġabra, p. II-1343); u Asklepios Kliniken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
85 – Ara, dwar ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Sniace vs Il‑Kummissjoni (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, C-260/05 P, Ġabra p. I-10005, punti 34 et seq).
86 – Fil-fatt “[il]-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ” jissemmew bħala s-suġġetti ta’ restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fl-Artikolu 81(1) KE u 82(2) KE.
87 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano ppreżentanti fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 152).
88 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni (T-114/02, Ġabra p. II-1279, punt 343): “[I]l-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn, sabiex tevalwa l-pożizzjoni kompetittiva li għandha impriża, li tikkunsidra l-portafoll ta’ trade marks li jkollha jew il-fatt li hija jkollha ishma mis-suq importanti f’għadd kbir ta’ swieq ta’ prodotti rilevanti (iktar ’il quddiem l-‘effett ta’ portafoll’).”
89 – Pereżempju, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-materja prima, jiġifieri “upstream monopoly [monopolju eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-punt tal-bejgħ]” ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tas-snin sebgħin. Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223): “Abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-materja prima jista’ jkollu riperkussjonijiet u jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq fejn jiċċirkolaw il-prodotti derivati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-ksur, anki jekk is-suq tal-prodotti derivati ma jkunx suq minnu nnifsu”.
90 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2002, M6 et vs Il‑Kummissjoni (T-185/00, T-216/00, T-299/00 u T-300/00, Ġabra p. II-3805, punt 63): “Fir-rigward tal-effetti tas-sistema tal-Ewroviżjoni fuq il-kompetizzjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (punti 71 sa 80), dan jinvolvi żewġ tipi ta’ restrizzjonijiet. Min-naħa l-waħda, l-akkwist konġunt ta’ drittijiet televiżivi għall-avvenimenti sportivi, it-tqassim tagħhom u l-iskambju tas-sinjal jirrestrinġu jew jeliminaw anki l-kompetizzjoni bejn il-membri tal-UER [EBU] li huma kompetituri kemm fis-suq eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-punt tal-bejgħ (upstream) – dak tal-akkwist tad-drittijiet – kif ukoll dak tas-suq eqreb tal-punt tal-bejgħ milli tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura (downstream) – dak tat-trażmissjoni televiżiva mill-ġdid tal-avvenimenti sportivi. Min-naħa l-oħra, din is-sistema twassal għal restrizzjonijiet fil-kompetizzjoni fir-rigward ta’ terzi minħabba li dawn id-drittijiet, kif ġie spjegat fil-punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata, ġeneralment jinbigħu f’kundizzjonijiet ta’ esklużività, ċirkustanza li twassal sabiex dawk li ma jkunux membri tal-UER [EBU] fil-prinċipju ma jkollhomx aċċess għalihom.”
91 – Fejn għandha x’taqsam il-Finlandja, ara s-sentenza tal-Korkein hallinto‑oikeuds (Qorti Amministrattiva Suprema) tal-20 ta’ Diċembru 2001 (KHO 20.12.2001/3179) dwar akkordju ta’ xiri ta’ injam bejn it-tlett impriżi l-kbar tal-industrija tal-injam. Akkordju tal-istess tip kien is-suġġett ta’ eżami mill-markkinaoikeus (qorti tal-kompetizzjoni) tat-3 ta’ Diċembru 2009 (MAO: 614/09). Fir-rigward tad-dritt Amerikan, ara s-sentenza tal-Qorti Suprema (U.S. supreme Court) tal-20 ta’ Frar 2007, Weyerhaeuser Co. vs Ross‑Simmons Hardwood Lumber Co., Nru 05‑381. Kummenti fis-sit tal-Qorti Suprema: ‑2009/2006/2006_05_381 kif ukoll: .
92 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il‑Kummissjoni (C-240/03 P, Ġabra p. I-731, punt 105).
93 – Ibidem (punt 106).
94 – Sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 121 et seq).
Full & Egal Universal Law Academy