KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2010 1(1)
Kawża C-87/09
Ingrid Putz
vs
Medianess Electronics GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Schorndorf (il-Ġermanja)]
“Protezzjoni tal-konsumaturi – Bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum – Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 1999/44/KE – Oġġetti tal-konsum li ma humiex konformi mal-kuntratt u li jiġu installati mill-konsumatur – Dritt għat-tibdil tal-oġġetti li ma humiex konformi – Portata – Bejjiegħ mhux responsabbli għall-ispejjeż marbutin mal-iskonnettar tal-prodott difettuż u l-installazzjoni tal-prodott sostitut li huwa konformi”
I – Introduzzjoni
1. B’digriet tal-25 ta’ Frar 2009 li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2009, l-Amtsgericht Schorndorf (il-Qorti Lokali, Schorndorf) (il-Ġermanja) ressqet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE, għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”) (2).
2. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Putz kontra Medianess Electronics GmbH (“Medianess Electronics”) fuq xiri ta’ magna tal-ħasil tal-platti li rriżulta li kienet difettuża, fejn I. Putz, wara li tterminat il-kuntratt tal-bejgħ, qegħda titlob rimbors tal-prezz tal-akkwist bħala korrispettiv għar-ritorn tal-magna tal-ħasil tal-platti difettuża.
3. Bid-domandi li saru, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, fil-każ li prodott difettuż, bħalma hija l-magna tal-ħasil tal-platti f’dan il-każ, jitqiegħed f’konformità mal-kuntratt billi jinbidel, il-bejjiegħ għandux ibati, minn naħa waħda, l-ispejjeż għall-iskonnettar tal-prodott difettuż u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-prodott il-ġdid li ma għandux difetti.
4. Il-kwistjonijiet li tqajmu f’din il-kawża jixbhu parzjalment dawk li tqajmu fil-Kawża C‑65/09 (3) li fuqha ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu llum ukoll.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
5. Id-Direttiva kienet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE. Il-premessa 1 tal-preambolu tagħha tgħid li, skont l-Artikolu 153(1) u (3) KE, il-Komunità Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skont l-Artikolu 95 KE.
6. Il-premessa 10 tal-preambolu tad-Direttiva tipprovdi li “fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom ikunu ntitolati li l-oġġetti tagħhom jiġu rrestawrati għall-konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas, billi jagħżlu bejn tiswija u tibdil, jew, jekk dan ma jsirx, li l-prezz jitnaqqas jew il-kuntratt jitħassar”.
7. Il-premessa 11 tal-preambolu tad-Direttiva tipprovdi kif ġej:
“Billi l-konsumatur jista’ mill-ewwel jeħtieġ li l-bejjiegħ isewwi l-affarijiet jew li jibdilhom sakemm-il darba dawk ir-rimedji jkunu [ma jkunux] mpossibbli jew disproporzjonati; billi jekk rimedju huwa disproporzjonat jew le għandu jkun determinat oġġettivament; billi rimedju jkun disproporzjonat jekk ikun impost [jimponi], f’paragun mar-rimedju l-ieħor, spejjeż mhux raġjonevoli; billi, sabiex ikun determinat jekk l-ispejjeż humiex raġjonevoli, l-ispejjeż ta’ rimedju wieħed għandhom ikun b’mod sinifikattiv akbar mill-ispejjeż tar-rimedju l-ieħor”.
8. L-Artikolu 3 tad-Direttiva, bit-titolu “Drittijiet tal-konsumatur”, jipprovdi:
“1. Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.
2. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.
3. Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa impossibbli jew disproporzjonat.
Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m’humiex raġjonevoli, [...]
Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.
4. It-termini ‘mingħajr ħlas’ fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.
5. Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:
– jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew
– jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġonevoli, jew
– jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.
[...]”
9. L-Artikolu 8 tad-Direttiva, bit-titolu “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”, jipprovdi li:
“1. Id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu eserċitati mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra li l-konsumatur jista’ jinvoka skond ir-regoli nazzjonali li jirregolaw responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali.
2. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.
B – Id-dritt nazzjonali
10. Fil-każ ta’ oġġetti difettużi, l-Artikolu 437 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jagħti d-drittijiet segwenti lix-xerrej:
“Jekk l-oġġetti jkunu difettużi, ix-xerrej jista’, meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet li ġejjin u sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor,
1. jeżiġi l-eżekuzzjoni sussegwenti taħt l-Artikolu 439;
2. jittermina l-kuntratt [...] jew inaqqas il-prezz tal-akkwist taħt l-Artikolu 441;
3. jitlob kumpens għad-danni [...] jew rimbors tal-ispejjeż mhux neċessarji [...]”
11. L-Artikolu 439 tal-BGB, bit-titolu “Eżekuzzjoni sussegwenti”, li bih ġie traspost l-Artikolu 3 tad-Direttiva fid-dritt Ġermaniż, jipprovdi kif ġej:
“1. Permezz tal-eżekuzzjoni sussegwenti, ix-xerrej jista’ jeżiġi t-tiswija tad-difett jew il-kunsinna ta’ oġġetti li ma għandhomx difett, skont kif huwa jippreferi.
2. Il-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni sussegwenti inkluż, b’mod partikolari, l-ispiża tat-trasport, kunsinna, xogħol u materjal.
3. Bla ħsara għall-Artikolu 275(2) u (3), il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-mod magħżul mix-xerrej għall-eżekuzzjoni sussegwenti jekk tali eżekuzzjoni tkun possibbli biss bi spejjeż sproporzjonati. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kienx hemm nuqqas ta’ konformità, il-portata tan-nuqqas ta’ konformità, u jekk ir-rimedju alternattiv setax jingħata mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għax-xerrej. F’dawn il-każijiet, id-dritt tax-xerrej ikun limitat għall-modi alternattivi ta’ eżekuzzjoni sussegwenti; dan ma għandux jaffettwa d-dritt tal-bejjiegħ li jirrifjuta ukoll ir-rimedju alternattiv taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza.
4. Meta l-bejjiegħ jikkunsinna oġġetti mingħajr difetti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sussegwenti, huwa jista’ jeżiġi li x-xerrej jirritorna l-oġġetti difettużi taħt l-Artikoli 346 sa 348”.
III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
12. I. Putz, bħala konsumatur, ordnat magna tal-ħasil tal-platti ġdida tal-istainless steel Bomann GSP 627 IX mill-internet mingħand Medianess Electronics, li hija l-bejjiegħ, għall-prezz ta’ EUR 367 flimkien mal-ispejjeż ta’ EUR 9.52 li jitħallsu mal-kunsinna. Ġie miftiehem li l-kunsinna ssir sal-bieb tad-dar ta’ I. Putz. B’hekk, il-prodott ġie kkunsinnat minn Medianess Electronics fil-25 ta’ April 2008 u l-prezz tal-akkwist tħallas mal-kunsinna.
13. Wara li l-magna tal-ħasil tal-platti ġiet installata fid-dar ta’ I. Putz, irriżulta li kellha difett, li fuqha hija lmentat mal-bejjiegħ. Tekniku mqabbad mill-bejjiegħ stabbilixxa li d-difett ma kienx marbut max-xogħol ta’ installazzjoni iżda kien fil-prodott innifsu.
14. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li ma huwiex possibbli li d-difett jitranġa, u li għaldaqstant, bħala eżekuzzjoni sussegwenti, jista’ jiġi kkunsidrat biss it-tibdil tal-prodott difettuż. Barra minn hekk, ma jidhirx li hemm xi evidenza dwar xi tort min-naħa tal-bejjiegħ.
15. Wara li I. Putz ftehmet biex jinbidel il-prodott difettuż, permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2008 hija talbet lil Medianess Electronics biex mhux biss tikkunsinna magna tal-ħasil tal-platti mingħajr difetti, iżda tiskonnetta ukoll il-prodott difettuż mill-kċina tagħha u tinstalla l-ġdid, liema talba ġiet irrifjutata minn Medianess Electronics permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Ġunju 2008.
16. Peress li Medianess Electronics naqset milli tirrispondi għal rikjesta oħra f’dan is-sens, I. Putz irrexxindiet il-kuntratt tal-bejgħ u, fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, qiegħda titlob rimbors tal-prezz tal-akkwist bħala korrispettiv għar-ritorn tal-magna tal-ħasil difettuża.
17. Skont il-qorti tar-rinviju, ix-xerrej jista’, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BGB, jittermina l-kuntratt u jitlob ir-rimbors tal-prezz tal-akkwist jekk il-prodott ikkunsinnat ikun difettuż u x-xerrej ikun, inutilment, ta lill-bejjiegħ perijodu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni sussegwenti, sakemm dan ma jkunx, f’każijiet eċċezzjonali, pereżempju, fejn il-bejjiegħ jirrifjuta kategorikament u b’mod definittiv li jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu, mhux neċessarju.
18. Madankollu, ix-xerrej jitqies biss li jkun ta b’mod validu lill-bejjiegħ il-perijodu ta’ żmien rikjest għall-eżekuzzjoni sussegwenti jekk huwa jkun talab biss dak li huwa intitolat għalih, u fin-nuqqas ta’ dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jiġi terminat ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet li ma japplikawx għal dan il-każ.
19. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni għal dan il-każ tiddependi fuq jekk I. Putz kinitx intitolata titlob lill-bejjiegħ jiskonnetta l-prodott difettuż (kwistjoni li tqajmet fit-tieni domanda li saret) u jinstalla l-prodott il-ġdid (kwistjoni li tqajmet fl-ewwel domanda li saret) jew li titlob li l-bejjiegħ ibati l-ispejjeż relattivi.
20. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li taħt id-dritt Ġermaniż, b’mod partikolari l-Artikolu 439(1) tal-BGB, il-bejjiegħ ma huwiex obbligat li, wara l-kunsinna sussegwenti, jinstalla l-prodott ta’ mingħajr difetti jew li jbati l-ispejjeż relattivi irrispettivament minn jekk ikollux ħtija jew le, anki meta x-xerrej, qabel ma jkunx skopra d-difett, ikun installa u qabbad sew il-prodott difettuż ġewwa unit separat.
21. Madankollu, hemm kontestazzjoni taħt id-dritt Ġermaniż dwar jekk fil-kuntest tal-kunsinna sussegwenti l-bejjiegħ, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwiex obbligat jiskonnetta l-prodott difettuż jew li jbati l-ispejjeż relattivi u dan mingħajr ma jittieħed kont tal-ħtija. B’kuntrast ma’ dak li sa issa kienet il-fehma prevalenti, il-Bundesgerichtshof tidher li issa qegħda tikkunsidra li tali talba min-naħa tax-xerrej tista’ tkun possibbli – biss – jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva, u din hija r-raġuni għaliex il-qorti għamlet din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-65/09.
22. Peress li din id-domanda jaf ma tingħatax risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-Bundesgerichtshof għamlitha tiddependi fuq ir-risposta għal domanda oħra li hija għamlet, l-Amtsgericht Schorndorf qegħda tqajjem din il-kwistjoni f’din il-kawża wkoll.
23. Fid-dawl ta’ dan, l-Amtsgericht, bħala l-qorti tal-aħħar istanza f’dan il-każ, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:
“1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li l-bejjiegħ irendi l-oġġett konformi mal-kuntratt tal-bejgħ billi jibdel l-oġġett, huwa ma għandux ibati l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-oġġett ipprovdut minflok dak oriġinali fil-każ fejn il-konsumatur ikun installa sew l-oġġett difettuż oriġinali, meta l-installazzjoni ma kinitx oriġinarjament miftehma fuq il-kuntratt?
2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li l-bejjiegħ irendi l-oġġett konformi mal-kuntratt tal-bejgħ billi jibdel l-oġġett, huwa għandu jbati l-ispejjeż sabiex jitneħħa l-oġġett ipprovdut minflok dak difettuż oriġinali fil-każ li l-konsumatur ikun installa sew l-oġġett?”
IV – Analiżi ġuridika (4)
A – Osservazzjonijiet preliminari
24. Il-problema legali li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tittratta f’din il-kawża kienet suġġett klassiku tad-dritt tal-kuntratti jew, b’mod iktar speċifiku, tad-dritt tal-bejgħ tal-oġġetti, sa minn meta l-ġuristi Rumani, bħalma huwa Julian jew Ulpian, kienu jiddiskutu l-effetti legali li joħloq bejgħ ta’ bhejjem “difettużi” fis-swieq tad-dinja antika, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ sa fejn tasal ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ meta jikkunsinna oġġetti difettużi jew, jekk wieħed iħares lejha mill-perspettiva tal-protezzjoni tax-xerrej, il-kwistjoni dwar x’rimedji jkollu x-xerrej fil-każijiet fejn il-bejjiegħ ikun ikkunsinnalu oġġett li ma huwiex konformi mal-kuntratt tal-bejgħ.
25. Kif jirriżulta mhux biss mis-sottomissjonijiet tal-partijiet f’dawn il-proċeduri, id-diversi dispożizzjonijiet legali nazzjonali tal-Istati Membri f’dan il-qasam, għalkemm jipprovdu f’ħafna każijiet, fl-applikazzjoni tagħhom fil-prattika, għal riżultati simili u għal livelli paragunabbli ta’ protezzjoni legali, huma fil-fatt sostanzjalment differenti – jekk xejn fil-verżjonijiet tradizzjonali u ta’ qabel l-armonizzazzjoni tagħhom – minn xulxin (5). Dawn id-diverġenzi jikkonċernaw mhux biss il-karatteristiċi tal-kunċetti legali, il-kundizzjonijiet u d-definizzjonijiet użati, iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, is-sistemi tar-rimedji nnifishom, jiġifieri kemm it-tipi ta’ rimedji pprovduti fil-każ ta’ ksur ta’ kuntratt u r-relazzjoni u l-ġerarkija bejn dawk ir-rimedji, ir-rwol tad-danni fi ħdan jew marbuta ma’ dawk is-sistemi kif ukoll il-linja ta’ demarkazzjoni bejn pretensjonijiet kuntrattwali u dawk li ma humiex kuntrattwali li jistgħu jqumu mal-kunsinna tal-oġġetti li ma jkunux konformi.
26. Barra minn hekk, kif turi l-informazzjoni pprovduta mill-Amtsgericht, meta l-kwistjoni tirrigwarda problemi speċifiċi li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ konformità u l-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas, bħalma hija l-kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-ispejjeż biex jitneħħew l-oġġetti li ma jkunux konformi jew biex jinstalla l-oġġett sostitut li ma jkollux difetti, għad hemm dubji u diverġenzi fil-letteratura ġuridika fl-istess sistema legali fir-rigward tad-drittijiet effettivi tax-xerrej u tal-bażi legali tagħhom.
27. Meħud kont ta’ dan, fil-livell tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, din il-kwistjoni tal-ispejjeż tat-tneħħija u installazzjoni qegħda tiġi analizzata mill-perspettiva speċifika tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva lill-konsumaturi.
28. F’dan ir-rigward għandu jingħad, minn naħa, li, kif tiddikjara l-premessa 1 tal-preambolu tad-Direttiva u kif enfasizzat ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Quelle, id-Direttiva hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (6).
29. Min-naħa l-oħra, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-Direttiva hija miżura ta’ armonizzazzjoni minima – ta’ ċerti aspetti biss u mhux tal-aspetti kollha tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum. Għaldaqstant, kif jidher mill-premessa 6 tal-preambolu tad-Direttiva, l-għan tal-istess direttiva huwa li tiġi approssimata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt, mingħajr, iżda, ma taffettwa d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tal-liġi nazzjonali relatati mar-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali.
30. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi fid-Direttiva f’dan is-sens, jidher li huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ lejn il-konsumatur għan-“nuqqas ta’ konformità”, li hija rregolata mid-Direttiva, hijiex intiża li tinkludi r-responsabbiltà għal spejjeż bħalma huma l-ispejjeż għat-tneħħija/skonnettar ta’ prodott difettuż bħalma hija l-magna tal-ħasil tal-platti inkwistjoni, li ġiet installata mill-konsumatur, wara li ġiet ikkunsinnata lilu, u għall-ispejjeż tal-installazzjoni tal-prodott sostitut ta’ mingħajr difetti, u dan biex il-konsumatur, taħt ir-rimedju tat-“tibdil” jew taħt xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva, ikun jista’ jeżiġi li l-bejjiegħ ibati dawk l-ispejjeż – spejjeż li tal-inqas f’ċerti sistemi legali nazzjonali jitqiesu, kif sostnew xi partijiet, bħala “danni konsegwenzjali” iktar milli kwistjoni ta’ eżekuzzjoni difettuża.
31. Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, jista’ jidher xieraq li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. Madankollu, ma huwiex daqshekk sempliċi. Bħal kull sistema legali żviluppata li tirregola d-drittijiet u l-obbligi tax-xerrej u tal-bejjiegħ li jirriżultaw minn eżekuzzjoni difettuża, is-sistema ta’ rimedji taħt id-Direttiva ma tistax sempliċement tiffavorixxi lill-konsumatur jew lill-bejjiegħ, iżda għandha tipprova tilħaq bilanċ ġust bejn l-interessi rispettivi tagħhom (7).
32. Meħud kont ta’ dan, biż-żewġ domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi essenzjalment jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li meta prodott, bħalma hija l-magna tal-ħasil tal-platti inkwistjoni, li tkun ġiet installata u mqabbda sew mill-konsumatur, jitqiegħed f’konformità billi jinbidel, il-bejjiegħ għandux ibati l-ispejjeż għall-iskonnettar/tneħħija tal-prodott difettuż u dawk tal-installazzjoni/ikkonnettjar tal-prodott il-ġdid ta’ mingħajr difetti u dan jekk fil-kuntratt tal-bejgħ ikkonċernat il-bejjiegħ ma kienx obbligat jinstalla l-prodott li jkun inxtara.
B – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
33. F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Awstrijak, dak Ġermaniż, dak Belġjan u dak Spanjol u mill-Kummissjoni. Il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni bagħtu r-rappreżentant tagħhom ukoll għas-seduta tal-25 ta’ Frar 2010.
34. Il-Gvern Awstrijak, dak Ġermaniż u dak Belġjan isostnu li fil-każ bħal dak ineżami, fejn fi kwalunkwe każ l-installazzjoni ma hijiex parti mill-kuntratt, il-bejjiegħ, taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva, meta jibdel il-prodott difettuż, la huwa obbligat ibati l-ispejjeż tat-tneħħija tal-prodott u lanqas dawk biex jiġi installat il-prodott il-ġdid ta’ mingħajr difetti. Għaldaqstant, iż-żewġ domandi għandha tingħatalhom risposta fin-negattiv.
35. Essenzjalment, fuq l-istess linja, dawn il-gvernijiet isostnu li taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, il-bejjiegħ huwa responsabbli li jikkunsinna oġġetti konformi mal-kuntratt. Għaldaqstant, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, liema nuqqas irid jiġi analizzat fil-mument tal-kunsinna, il-bejjiegħ, taħt l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva, huwa obbligat li jrendi l-oġġetti difettużi konformi, jiġifieri, fil-każ ta’ tibdil tal-prodott, li jikkunsinna oġġetti mingħajr difetti. L-obbligi tiegħu ma jistgħux jiġu estiżi iktar minn hekk biex jinkludu wkoll, kif qiegħed jiġi ssuġġerit hawnhekk, li huwa għandu jiskkonettja l-prodott difettuż u jinstalla l-prodott il-ġdid ta’ mingħajr difetti. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti jekk l-installazzjoni tal-prodott akkwistat tkun ukoll parti mill-obbligi kuntrattwali miftehma bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur.
36. Madankollu, il-Gvern Belġjan isostni li l-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż tat-trasport tal-prodott li ma huwiex konformi mal-kuntratt.
37. Il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż jenfasizzaw, barra minn hekk, li huwa diffiċli li l-bejjiegħ jantiċipa l-użu li l-konsumatur jagħmel minn prodott wara li jiġi kkunsinnat u dan anki jekk l-użu jkun konformi man-natura u l-iskop tal-prodott, u għaldaqstant l-ispejjeż għat-tneħħija tal-prodott difettuż u dawk għall-installazzjoni tal-prodott il-ġdid ta’ mingħajr difetti jistgħu jvarjaw ħafna minn każ għall-ieħor, skont ir-rieda tal-konsumatur. Fi kwalunkwe każ, id-danni li jirriżultaw mill-użu tal-prodott difettuż inkwistjoni, bħalma huma l-ispejjeż marbutin mat-tneħħija u installazzjoni, jistgħu jwasslu għal talba min-naħa tal-konsumatur fir-rigward tar-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali taħt il-liġijiet nazzjonali.
38. Fl-aħħar nett, fil-fehma tagħhom, dawn l-obbligi tat-tneħħija u installazzjoni – jew ir-responsabbiltà għall-ispejjeż li jirrigwardawhom – la joħorġu mid-diċitura tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva, li jirreferi għat-tibdil tal-prodotti difettużi, u lanqas mill-fatt li, skont l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva, tali tibdil irid isir “mingħajr ħlas” u “mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur”. Dawn il-kundizzjonijiet jirreferu sempliċement għall-obbligu tal-bejjiegħ li jikkunsinna, mill-ġdid, oġġetti mingħajr difetti u ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jimponulu obbligu ieħor li jbati l-ispejjeż tat-tneħħija u tal-installazzjoni.
39. Il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol, mill-banda l-oħra, isostnu li fil-każ tat-tibdil ta’ prodott li ma huwiex konformi mal-kuntratt, il-bejjiegħ għandu, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, ibati wkoll l-ispejjeż tat-tneħħija tal-prodott difettuż mill-post fejn huwa jkun installat u dawk tal-installazzjoni tal-prodott il-ġdid mingħajr difetti. Għaldaqstant, huma jipproponu li d-domandi li saru tingħatalhom risposta fl-affermattiv.
40. Il-Kummissjoni ssostni li t-tiswija jew tibdil li għalih huwa intitolat il-konsumatur taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jirreferi neċessarjament għall-prodott li ma huwiex konformi mal-kuntratt u dan fl-istat u l-ambjent li kien fih fiż-żmien meta jseħħ in-nuqqas ta’ konformità. Minn dan isegwi li jekk il-prodott li ma huwiex konformi jkun ġie inkorporat jew imqabbad ma’ oġġett ieħor u dan b’mod kompatibbli man-natura u l-iskop tal-istess prodott, dak il-prodott li ma jkunx konformi, hekk f’dak l-istat, ikun jikkostitwixxi s-suġġett tat-tiswija jew tibdil. Għaldaqstant, il-konsumatur, meta jsir it-tibdil tal-prodott, irid jitpoġġa fis-sitwazzjoni li huwa kien ikun kieku kien ġie kkunsinnat lilu prodott mingħajr difetti, li jfisser li, jekk ikun meħtieġ, il-prodott li ma jkunx konformi mal-kuntratt ikun irid jitneħħa u jiġi installat prodott mingħajr difetti.
41. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll bl-użu tal-kelma “tibdil” fl-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva.
42. Bl-istess fehma, essenzjalment, bħal dik tal-Kummissjoni, il-Gvern Spanjol isostni li l-Artikolu 3 tad-Direttiva u l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li huwa għandu l-għan li jiggarantixxi, jeżiġu li l-bejjiegħ ibati l-ispejjeż inkwistjoni, li ġew ikkaġunati bil-fatt li huwa ma kkunsinnax prodott konformi mal-kuntratt. Jekk ma jkunx hekk, il-konsumatur ikollu jbati dawn l-ispejjeż darbtejn u jsofri dannu serju minkejja li ma jkollu ebda tort.
43. Fl-aħħar nett, fil-fehma tal-Gvern Spanjol, din l-interpretazzjoni ssib sostenn fl-obbligu impost fuq il-bejjiegħ taħt l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva biex jibdel il-prodott difettuż mingħajr ħlas u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.
C – Kunsiderazzjonijiet
44. Għandu jiġi nnotat mill-ewwel li interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva ma hijiex konklużiva dwar jekk id-dritt tal-konsumatur għat-“tibdil” tal-prodott li ma huwiex konformi jinkludix id-dritt li jobbliga lill-bejjiegħ ineħħi dak il-prodott u jinstalla l-prodott sostitut ta’ mingħajr difetti jew li jbati l-ispejjeż relattivi.
45. Filwaqt li f’xi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva, bħalma hija l-verżjoni Ingliża (“replacement”) u l-verżjoni Franċiża (“remplacement”), it-termini relattivi li ntużaw jistgħu, fil-prinċipju, jinsinwaw ukoll it-tneħħija/skonnettar tal-prodott difettuż u l-installazzjoni tal-prodott ta’ mingħajr difetti li bih jiġi mibdul, hemm verżjonijiet oħra, inkluża l-verżjoni Ġermaniża (“Ersatzlieferung”) u l-verżjoni Slovakka (“sa...nahradi”), li jidhru li jtendu lejn definizzjoni iktar restrittiva u jirreferu għal kunsinna oħra jew kunsinna ta’ prodott sostitut, iktar milli l-kors ta’ azzjoni kollu li, teknikament, jista’ jirriżulta fit-tibdil tal-prodott difettuż.
46. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-qari kuntestwali u sistematiku tal-Artikolu 3 tad-Direttiva jtendi pjuttost lejn l-interpretazzjoni tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ fis-sens li din ma tinkludix l-ispejjeż tat-tneħħija/skonnettar tal-prodott li ma huwiex konformi jew, iktar u iktar, l-installazzjoni tal-prodott sostitut ta’ mingħajr difetti, fi kwalunkwe każ f’sitwazzjoni fejn l-installazzjoni ma kinitx parti mill-kuntratt tal-bejgħ ikkonċernat.
47. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jelenka b’mod eżawrjenti r-rimedji li għandu l-konsumatur kontra l-bejjiegħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-prodott, jiġifieri t-tiswija, tibdil, tnaqqis fil-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt.
48. B’mod iktar partikolari, skont is-sistema ta’ rimedji taħt id-Direttiva, il-konsumatur jista’, fl-ewwel lok, jobbliga lill-bejjiegħ irendi l-prodotti difettużi konformi u dan permezz tar-rimedji ta’ eżekuzzjoni tat-tiswija jew tibdil. B’dan il-mod, is-synallagma oriġinali tal-kuntratt ta’ bejgħ tiġi rrestawrata u l-konsumatur jikseb l-eżekuzzjoni li fuqha huwa jkun ftiehem. Peress li din is-soluzzjoni sservi l-interess prinċipali tal-kontraenti fil-kuntratt, fid-Direttiva hija tingħata preferenza fuq it-tnaqqis fil-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt (8).
49. Dawn ir-rimedji sussidjarji li semmejt l-aħħar huma, mill-banda l-oħra, ikkaratterizzati miċ-ċessjoni reċiproka tal-benefiċċji li joħorġu mill-kuntratt. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-interessi rispettivi tal-konsumatur u tal-bejjiegħ, li jkun ġie mimsus minħabba l-eżekuzzjoni difettuża min-naħa tal-bejjiegħ, jiġi rrestawrat jew billi jitnaqqsu proporzjonalment l-obbligi tal-konsumatur – tnaqqis fil-prezz – jew billi ż-żewġ partijiet jinħelsu mill-obbligi tagħhom taħt il-kuntratt permezz tat-tħassir tal-kuntratt.
50. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li, fiż-żewġ każijiet, id-drittijiet tal-konsumatur jibqgħu, fil-fehma tiegħi, limitati bl-obbligi miftehma fil-kuntratt tal-bejgħ.
51. Din l-interpretazzjoni tiġi kkonfermata jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ tal-Artikolu 3 tad-Direttiva.
52. Id-drittijiet tal-konsumatur imsemmija iktar ’il fuq li jinsabu fl-artikolu msemmi jispeċifikaw – jew jikkostitwixxu l-konsegwenza naturali għal – sa fejn testendi r-responsabbiltà tal-bejjiegħ lejn il-konsumatur li, skont l-Artikolu D(1) tad-Direttiva, għandha tiġi aċċettata fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità li tkun teżisti fil-mument li jkunu ġew ikkunsinnati l-oġġetti.
53. Din id-definizzjoni tar-responsabbiltà, min-naħa tagħha, tirrifletti ovvjament id-deskrizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-obbligu fundamentali tal-bejjiegħ taħt kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur bħala l-obbligu li l-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ.
54. Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jidher li d-drittijiet tal-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva huma bbażati fuq il-kunċett tal-konformità mal-kuntratt u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’referenza għad-drittijiet u l-obbligi kif stabbiliti fil-kuntratt ta’ bejgħ oriġinali.
55. Fi kliem ieħor, id-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva huma intiżi li joffru rimedju għan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ dak li oriġinarjament kellu jingħata lill-konsumatur taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, jiġifieri li l-konsumatur jingħata pussess ta’ oġġetti li ma jkollhomx difetti.
56. Fil-fehma tiegħi, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal eżekuzzjoni difettuża jew, b’mod iktar partikolari, għad-difetti fil-prodott innifsu, li huma indirizzati bir-rimedji li l-konsumaturi għandhom taħt id-Direttiva u li jeżiġu li l-bejjiegħ, permezz tat-tiswija jew tibdil mingħajr ħlas, joħloq (għalkemm tardivament) is-sitwazzjoni li l-konsumatur kellu jkun fiha oriġinarjament, hija differenti mir-responsabbiltà potenzjali – kif jinsab issuġġerit f’dan il-każ – għax-xogħol ulterjuri li jkun irid isir jew għall-ispejjeż relattivi marbutin ma’ prodott li ma jkunx konformi mal-kuntratt iżda sostnuti f’mument li jiġi wara dak tal-kunsinna – li għalih jirreferi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva – u wara għall-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġett.
57. Għaldaqstant, din it-tip ta’ responsabbiltà, iktar estensiva, li ssemmiet l-aħħar, tkun tirrekjedi li, kif ipproponiet il-Kummissjoni, il-bejjiegħ ipoġġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni li huwa kien isib ruħu fiha f’ċertu żmien wara l-kunsinna kieku jkun ġie kkunsinnat lilu prodott mingħajr difetti, jiġifieri, f’din il-kawża, f’sitwazzjoni fejn il-magna tal-ħasil tal-platti difettuża li kienet installata mill-konsumatur, tinqala’ mill-unit ikkonċernat u minflok tiġi installata l-magna tal-ħasil tal-platti l-ġdida t-tajba. Għaldaqstant, kif osservaw diversi partijiet, dik ir-responsabbiltà tkun testendi għal fatti u ċirkustanzi li jkunu seħħew wara li r-riskju jkun għadda fuq il-konsumatur, u li allura jiddependu fuq il-volontà tiegħu u, b’mod partikolari, fuq l-użu li huwa jagħmel mill-prodott ikkonċernat.
58. Il-fatt li bejjiegħ jista’ jinżamm responsabbli ukoll fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ konsegwenzi iktar indiretti li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni difettuża tiegħu jew għad-danni li jirriżultaw minnha huwa ċertament konċepibbli u, apparentement, salv għal xi rekwiżiti differenti, dan huwa hekk fil-fatt taħt is-sistemi legali nazzjonali kif ukoll, pereżempju, taħt l-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“CISG”) (9).
59. Għaldaqstant, kif osserva l-Gvern Ġermaniż, l-ispejjeż li jbati l-konsumatur fir-rigward tal-iskonnettar tal-prodott difettuż jew minħabba l-fatt li huwa jkollu jbati l-ispejjeż doppji għall-installazzjoni, jiġifieri dawk fir-rigward tal-prodott difettuż u mbagħad jerġa’ jbati dawk fir-rigward tal-prodott sostitut ta’ bla difetti, jistgħu jiġu rkuprati taħt id-dritt Ġermaniż tad-danni, salv, madankollu, li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet applikabbli inkluż dawk dwar it-tort.
60. Madankollu, fir-rigward tad-Direttiva, għandu jiġi nnutat f’dan il-kuntest, l-ewwel nett, li s-sistema ta’ rimedji għan-nuqqas ta’ konformità ma tinkludix kwalunkwe talba għad-danni, mhux bħal, pereżempju, l-Artikolu 45(1)(b) tas-CISG jew, l-Artikolu 27 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur (10).
61. It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li proprju minħabba li x-xogħol jew l-ispejjeż bħalma huma dawk ineżami ma humiex biss konsegwenza tan-nuqqas ta’ konformità tal-prodott, iżda jirriżultaw ukoll minn azzjoni li tidħol fil-kamp tar-responsabbiltà tal-konsumatur, li f’dan il-każ hija l-installazzjoni tal-magna tal-ħasil, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż normalment tiddependi fuq, u tiġi stabbilita b’referenza għal xi kunċetti bħalma huma r-rabta kawżali, il-probabbiltà jew, possibbilment, it-tort.
62. Huwa ċar li d-Direttiva lanqas biss talludi għal għarbiel jew kriterju ta’ dan it-tip.
63. Wieħed jista’ jargumenta li kif ġie ssuġġerit mill-qorti tar-rinviju u sostnut mill-Kummissjoni, tali funzjoni tista’ tiġi attribwita lill-kundizzjoni tal-“użu tal-oġġetti skont in-natura u l-iskop tagħhom”. Madankollu, kif innotaw I. Putz u l-Gvern Ġermaniż, dan il-kunċett, huwa fir-realtà pjuttost wiesa’ u l-kapaċità tiegħu biex jistabbilixxi l-limiti tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ u biex irendi r-riskju tiegħu bħala wieħed ikkalkolat hija pjuttost limitata.
64. Għalkemm il-firxa ta’ użi “normali” possibbli li jistgħu jsiru minn oġġetti partikolari ħafna u kompluti bħalma huma, pereżempju, kompjuter, mejda jew anki dixwoxer, tista’ tkun pjuttost definita u immaġinabbli, iktar ma jkun sempliċi l-prodott iktar ikun hemm possibbiltajiet ta’ użi “normali”. Għaldaqstant, iktar mal-prodott ikun jikkostitwixxi komponent jew materja prima, iktar ikun hemm skopijiet numerużi u mhux definiti li għalihom huwa jkun jista’ jintuża, dejjem skont in-natura tiegħu. Għaldaqstant, l-ispejjeż biex jitneħħa l-istess prodott jistgħu jvarjaw ħafna.
65. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, m’iniex tal-fehma li bid-dritt li taħt l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva l-konsumatur għandu biex il-prodott difettuż jitqiegħed f’konformità permezz tat-tibdil, wieħed jista’ jifhem li l-istess konsumatur għandu dritt li jobbliga lill-bejjiegħ ibati l-ispejjeż għall-iskonnettar tal-prodott difettuż u l-ispejjeż għall-installazzjoni tal-prodott sostitut ta’ bla difetti jekk fil-kuntratt ta’ bejgħ il-bejjiegħ ma kienx obbligat jinstalla l-prodott akkwistat.
66. Naqbel ukoll li din il-konklużjoni ma hijiex affettwata bir-rekwiżit tal-“mingħajr ħlas” li huwa marbut, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) sa (4) tad-Direttiva, mal-obbligu tal-bejjiegħ biex irendi l-oġġetti konformi permezz tat-tibdil. Dan ir-rekwiżit jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-bejjiegħ irid joffri u jrendi l-oġġett konformi dovut lill-konsumatur, jiġifieri, mingħajr ħlas, iżda ma jistax jestendi sostanzjalment ir-rimedju eżistenti nnifsu. Bl-istess mod, ir-rekwiżit tal-“mingħajr inkonvenjent sinifikattiv” li jinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jistabbilixxi kif l-oġġett għandu jitqiegħed f’konformità u mhux x’jinkludi dan b’mod materjali.
67. F’dan ir-rigward, fl-aħħar nett, għandha ssir differenza bejn din il-kawża u s-sentenza Quelle, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit tal-“mingħajr ħlas” ifisser li l-bejjiegħ ma jistax iressaq xi pretensjoni finanzjarja fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu li jqiegħed f’konformità l-oġġett li fir-rigward tiegħu sar il-kuntratt (11). Għaldaqstant, hija kkonkludiet, abbażi ta’ argumenti oħra, li d-Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni li taħtha l-bejjiegħ ta’ oġġetti difettużi jista’ jobbliga lill-konsumatur iħallas kumpens għall-użu tal-oġġetti difettużi sakemm dawn jinbidlu. Għall-kuntrarju, din il-kawża ma tirrigwardax xi pretensjoni finanzjarja min-naħa tal-bejjiegħ lill-konsumatur fir-rigward tat-tibdil, iżda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-konsumatur, bħala parti mit-tqegħid f’konformità tal-prodott difettuż, jistax apparti l-kunsinna mingħajr ħlas tal-prodott ġdid mingħajr difetti, jitlob l-ispejjeż għall-iskonnettar/tneħħija tal-prodott difettuż u dawk tal-installazzjoni tal-prodott mingħajr difetti li jiġi kkunsinnat biex jibdel dak difettuż.
68. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domandi li saru mill-Amtsgericht għandha tingħatalhom risposta fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta prodott, bħalma hija l-magna tal-ħasil tal-platti inkwistjoni, li tkun ġiet installata u mqabbada sew mill-konsumatur, jitqiegħed f’konformità billi jinbidel, il-bejjiegħ ma għandux ibati l-ispejjeż għall-iskonnettar/tneħħija tal-prodott difettuż u tal-installazzjoni/ikkonnettjar tal-prodott il-ġdid li ma għandux difetti, jekk taħt il-kuntratt ta’ bejgħ ikkonċernat, il-bejjiegħ ma kienx obbligat jinstalla l-prodott akkwistat.
V – Konklużjoni
69. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi li saru kif ġej:
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta prodott, bħalma hija l-magna tal-ħasil tal-platti inkwistjoni, li tkun ġiet installata u mqabbada sew mill-konsumatur, jitqiegħed f’konformità billi jinbidel, il-bejjiegħ ma għandux ibati l-ispejjeż għall-iskonnettar/tneħħija tal-prodott difettuż u tal-installazzjoni/ikkonnettar tal-prodott il-ġdid li ma għandux difetti, jekk taħt il-kuntratt ta’ bejgħ ikkonċernat, il-bejjiegħ ma kienx obbligat jinstalla l-prodott akkwistat.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.
3 – Gebr. Weber, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
4 – Peress li l-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża, ħlief għall-aspett tal-installazzjoni tal-prodott sostitut li jkun konformi mal-kuntratt, huma essenzjalment simili għal dawk imqajma fit-tieni domanda magħmula fil-kawża Weber, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, l-analiżi li qegħda ssir f’dawn il-konklużjonijiet tikkorrispondi mutatis mutandis għal dik li tinsab fil-punti 43 sa 67 tal-konklużjonijiet fil-Kawża Weber. Bl-istess mod, għall-finijiet ta’ kompletezza, f’dawn il-konklużjonijiet qiegħed ninkludi l-osservazzjonijiet preliminari ta’ dawk il-konklużjonijiet, għalkemm b’xi ftit tibdiliet.
5 – F’dan il-kuntest ara wkoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (COM(95) 520 finali – COD 96/0161, ĠU 1996 C 307, p. 8), nota ta’ spjega fil-punt I.A.4.
6 – F’dan ir-rigward ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle (C‑404/06, Ġabra I‑2685, punti 30 u 36).
7 – Għal referenza għall-protezzjoni mogħtija wkoll lill-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ taħt id-Direttiva, ara s-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42.
8 – Il-fatt li d-Direttiva timponi din il-ġerarkija jirriżulta biċ-ċar mill-kliem użati fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva flimkien mal-premessa 11 tal-preambolu tagħha. Ara wkoll s-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 27.
9 – Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija ġiet adottata fil-11 ta’ April 1980 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.
10 – COM(2008) 614 finali – COD 2008/0196.
11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 34.
Full & Egal Universal Law Academy