KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2010 1(1)
Kawża C‑163/09
Repertoire Culinaire Ltd
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-Tier Tribunal (Tax) (ir-Renju Unit)]
“Taxxi indiretti – Dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Alkoħol etiliku – Inbid, port u cognac għat-tisjir (alkoħol għat-tisjir) – Obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa – Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa – Proċedura ta’ rimbors tad-dazju – Direttiva 91/12/KEE – Direttiva 92/83/KEE – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi NC 2103, 2204, 2207 u 2208”
I – Introduzzjoni
1. Fl-Ewropa, l-użu tal-inbid għat-tisjir għandu tradizzjoni millenarja. Diġà fir-rigward tal-gourmet Ruman Marcus Gavius Apicius (2), li lilu jiġi attribwit wieħed mill-iktar kotba tar-riċetti antiki (3), jiġi rrakkuntat li kien juża l-inbid għall‑preparazzjoni ta’ xi zlazi (4).
2. Fil-kawża preżenti mhux qed jiġi diskuss daqstant l-użu korrett tal-inbid għat-tisjir. Il-partijiet tal-kawża prinċipali saħansitra jaqblu espressament li, l-użu korrett tal-inbid skont riċetta tradizzjonali – pereżempju għall-preparazzjoni tal‑bœuf bourguignon – il-prodott finali ma fihx iktar minn 5 % alkoħol.
3. Is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari huwa pjuttost il‑kwistjoni jekk, inbid, port jew cognac partikolari destinat esklużivament għall‑użu fit-tisjir huwiex suġġett għad-dazju tas-sisa armonizzat fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku rregolat mid-dritt Komunitarju u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi rikonoxxuta eżenzjoni minn tali dazju tas-sisa. Dwar dan il-punt ma jidhirx li hemm prassi ċara fl-Istati Membri.
4. L-inbid għat-tisjir, il-port għat-tisjir u l-cognac għat-tisjir inkwistjoni fil‑kawża prinċipali huma tipi ta’ alkoħol li miegħu l-produttur żied melħ u bżar, u b’hekk – skont l-użu li għalih huwa intiż – jista’ jiġi użat biss fil-preparazzjoni ta’ ikel, minħabba li mhux tajjeb għax-xorb. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali Brittannika (5) titlaq mill-premessa li dawn il-prodotti huma suġġetti għat‑dazju tas-sisa fuq l-alkoħol. Konsegwentement, mal-importazzjoni tagħha minn Franza għar-Renju Unit, hija ssekwestrat kunsinna ta’ inbid għat-tisjir, port għat-tisjir u cognac għat-tisjir (iktar ‘il quddiem: “alkoħol għat-tisjir”) li ma kinitx suġġetta għat-tassazzjoni u destinata għall-bejjiegħ bl-ingrossa ta’ prodotti tal-ikel ta’ Londra Repertoire Culinaire Ltd (iktar ‘il quddiem “Repertoire Culinaire”). Fl‑istat attwali, għaddejja proċedura bejn Repertoire Culinaire u l-awtoritajiet Brittanniċi għar-rilaxx tal-merkanzija.
5. Fil-verità, is-soluzzjoni ta’ dan il-każ tista’ tidher evidenti, minħabba li l‑Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat l-applikabbiltà tad-dazju tas-sisa lill-inbid għat-tisjir, fis-sentenza Gourmet Classic (6). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja issa qed tiġi espressament mistiedna sabiex terġa’ tikkunsidra l-evalwazzjonijiet ġuridiċi li kienet għamlet fiż-żmien u biex tintegrahom f’xi punti.
II – Il-kuntest leġiżlattiv
A – Id-dritt tal-Unjoni
6. Il-kuntest leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni li għalih jagħmlu riferiment dawn il-konklużjonijiet huwa kkostitwit mid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (7), u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal‑istrutturi tat-taxxi [dazji] tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (8). Huma rilevanti wkoll għall-eżitu ta’ din il-kawża xi partijiet tal-hekk imsemmija Nomeklatura Magħquda.
1. Id-Direttiva 92/12
7. Id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 92/12 jirregolaw, inter alia, f’liema Stat Membru u f’liema mument għandu jiġi applikat id-dazju tas-sisa lill‑prodotti li huma suġġetti għalih. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tad-direttiva jistabbilixxi dan li ġej:
“Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum [...]”.
8. Estratt tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi hekk:
“(1) Fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed waqt li jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jiġi mpost fl-Istat Membru li fih ikunu miżmuma dawk il-prodotti.
(2) Għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, meta prodotti ġa rilaxxati għall-konsum kif definit fl-Artikolu 6 fi Stat Membru wieħed jitwasslu [jiġu kkunsinjati], jkunu jew maħsuba għal trasport fi Stat Membru ieħor jew użati fi Stat Membru ieħor [intiżi għall-kunsinna jew għall-użu fi Stat Membru ieħor] għall-għanijiet ta’ negozjant fit-twettiq ta’ attività ekonomika indipendentement jew għall-għanijiet ta’ korp regolat bil-liġi pubblika, id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut f’dak l-Istat membru l-ieħor.
[...]”.
2. Id-Direttiva 92/83
9. Is-Sezzjoni V tad-Direttiva 92/83, fl-Artikoli 19 sa 23, fiha dispożizzjonijiet dwar l-intaxxar tal-alkoħol etiliku. F’dan ir-rigward, l‑Artikolu 19(1) jipprovdi hekk:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa [dazju] tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva.”
10. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jipprovdi hekk:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-“alkoħol etiliku” jkopri:
– il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM;
– prodotti ta’ kodiċi NM 2204, 2205 u 2206 li għandhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-22 % vol.;
– spirti li jinxtorbu li jkollhom prodotti, kemm jekk f’taħlita likwida jew le”.
11. L-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83 jinsab fost id-dispożizzjonijiet tas‑Sezzjoni VII dwar eżenzjonijiet u f’estratt minnu jipprovdi hekk:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:
[...]
e) meta użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall-preparazzjonijiet ta’ l-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1,2 % vol;
f) meta użat direttament jew bħala kostitwent ta’ prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta’ manifattura ta’ l-ikel, mimli jew le, iżda f’kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8,5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra.
[...]
6. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħtu l-eżenzjonijiet imsemmija hawn fuq permezz ta’ rifużjoni tat-taxxa tas-sisa mħallsa.”
3. In-Nomenklatura Magħquda
12. L-intestaturi 2204 sa 2208 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (9), li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, jaqgħu taħt il‑Kapitolu 22 tan-NM (“xorb, spirti u ħall”) u jagħmlu riferiment għall-prodotti li ġejjin:
“2204 Inbid ta’ għeneb frisk [...]
2204 10 – Inbid effervexxenti
[…]
2204 21 – Inbid ieħor [...] f’kontenituri li jesgħu 2 litri jew inqas
[…]
– – – – – B’saħħa alkoħolika attwali bil-volum mhux aktar minn 15 % vol [...]
[…]
– – – – – – – Bojod
[…]
– – – – – – – Oħrajn […]
[…]
– – – – – B’saħħa alkoħolika attwali bil-volum aktar minn 15 % vol iżda mhux ogħla minn 22 % vol:
2204 21 89 – – – – – – – Port
[…]
2205 Vermut u inbid ieħor ta’ għeneb frisk imħawwrin bi pjanti u sustanzi aromatiċi [...]
[…]
2206 Xorb ieħor iffermentat (bħala eżempju, sidru, perry, mead); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat u xorb mhux alkoħoliku, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra [...]
[…]
2207 Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol jew aktar; alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa;
2207 10 00 – Alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol jew aktar
2207 20 00 – Alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa
2208 Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż; preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti minn tipi użati għall-manifattura tax-xorb:
2208 20 – Spirti magħmulin bid-distillar ta’ inbid tal-għeneb jew ta’ karfa ta’ għeneb magħsur […]
– – F’kontenituri jesgħu 2 litri jew inqas
2208 20 12 – – – Konjakk
[…]
– – Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ anqas minn 80 % vol, f’kontenituri li jesgħu:
2208 90 91 – – – 2 litri jew anqas
[…]
2209 Ħall […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
13. Fl-introduzzjoni tal-Kapitolu 22, taħt l-intestatura “noti”, fost l-oħrajn, wieħed isib l-annotazzjoni li ġejja:
“1. Dan il-kapitlu ma jkoprix:
a) prodotti ta’ dan il-kapitlu (ħlief dawk ta’ titlu 2209) ippreparati għal għanijiet kulinari u hekk imnedijin mhux adattati għal konsum bħala xorb (ġeneralment, titlu 2103); [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
14. Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir referenza għall-intestatura NM 2103, li tinsab fil-kapitolu 21 tan-NM (“preparazzjonijiet diversi tajbin għall-ikel”) u li ssemmi l-prodotti li ġejjin:
“2103 Zlazi u preparazzjonijiet tagħhom; kondimenti mħalltin u ħwawar imħalltin; dqiq u pasta tal-mustarda u mustarda ppreparata:
[…]
2103 90 – Oħrajn
[…]
2103 90 90 – – Oħrajn
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Il-liġi nazzjonali
15. Għal dak li jirrigwarda l-liġi nazzjonali tar-Renju Unit, huwa rilevanti l‑Artikolu 4 tal-Kapitolu 4 tal-Finance Act 1995 (10) (iktar ‘il quddiem il-“FA tal‑1995”). L-imsemmija liġi, li permezz tagħha, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal‑partijiet, kellha tiġi implementata d-Direttiva 92/83, tipprovdi għall‑mekkaniżmu ta’ rimbors tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol. Hija tipprovdi dan li ġej:
“Eżenzjonijiet għall-kostitwenti tal-alkoħol
1. Fil-każ fejn jiġi ppruvat b’mod kredibbli lill-Commissioners li xorb alkoħoliku suġġett għad-dazju tas-sisa li fuqu tħallas id-dazju,
a) ġie użat bħala kostitwent għar-realizzazzjoni jew fabbrikazzjoni ta’ prodott skont il-paragrafu 2 [...]
[...]
abbażi tad-dispożizzjonijiet li ġejjin f’dan l-artikolu, jiġi rikonoxxut id-dritt għar‑rimbors tad-dazju li tħallas fil-konfront tal-Commissioners.
2. Huma kkunsidrati prodotti skont il-paragrafu preżenti
[...]
c) […] ikel li fih l-alkoħol iddestinat għall-konsum uman li fih kontenut alkoħoliku li ma jeċċedix 5 litri ta’ alkoħol għal 100 kilogramma ta’ ikel.
3. Ir-rimbors tad-dazju mħallas fuq l-alkoħol jiġi rikonoxxut abbażi tal-dan l-artikolu, biss lil dik il-persuna li
a) tkun użat l-alkoħol bħala kostitwent ta’ prodott skont il-paragrafu 2 jew ittrasformatu f’ħall;
b) teżerċita l-attività ta’ bejjiegħ bl-ingrossa ta’ prodotti tat-tip deskritt fil-paragrafu 2 jew ta’ ħall;
c) ħolqot jew ipproduċiet il-prodott jew il-ħall għall-finijiet ta’ tali attività;
d) tippreżenta talba ta’ rimbors skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin f’dan l‑Artikolu u
e) tkun ipprovdiet lill-Commissioners il-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet indikati fil-paragrafi (a) sa (c), dejjem jekk it-talba ma tirrigwardax taxxi rrimborsati jew imħallsa lura qabel il-preżentazzjoni tat-talba.
4. It-talba għal rimbors skont dan l-artikolu għandha ssir skont il-forma, bil‑modalitajiet ta’ preżentazzjoni u kontenut skont id-dispożizzjonijiet maħruġa mill-Kummissarji b’mod ġenerali jew għall-każ speċifiku.
5. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra kuntrarji maħruġa mill‑Commissioners, it-talba għal rimbors skont dan l-artikolu tista’ tiġi ppreżentata biss fil-każ fejn:
a) it-talba tirrigwarda dazju mħallas fuq alkoħol użat bħala kostitwent jew trasformat f’ħall fi żmien tliet xhur, liema żmien għalaq mhux iktar tard minn xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba, u
b) l-ammont tar-rimbors mitlub ma jeċċedix GBP 250.
6. Il-Commissioners jistgħu, permezz ta’ digriet, iżidu b’mod provviżorju l‑ammont indikat fil-paragrafu 5(b) [...]
[...]”.
III – Il-fatti u kawża prinċipali
16. Il-kumpannija Repertoire Culinaire Ltd. li għandha sede f’Londra, topera fis‑settur tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ prodotti tal-ikel.
17. Fl-10 ta’ Lulju 2002, l-uffiċjali tal-amministrazzjoni tad-dwana tar-Renju Unit waqqfu vettura bi trejler fiż-żona ta’ kontroll tagħhom (11) ġewwa Coquelles (Franza). Mill-ispezzjoni tal-vettura, irriżulta li t-tgħabija kien fiha diversi pelits ta’ inbid abjad, inbid aħmar, port u cognac iddestinati lir-Repertoire Culinaire. B’mod partikolari nstabu:
– ħames pelits, b’kull pelit fiha 70 kaxxa inbid abjad (11 % vol). Kull kaxxa kien fiha tmien litri ta’ inbid abjad, għal total ta’ 2 800 litru inbid abjad,
– ħames pelits bl-istess kwantità ta’ inbid aħmar (11 % vol),
– pelit b’20 kaxxa port (19 % vol). Kull kaxxa kien fiha tmien litri port, għal total ta’ 160 litru, u
– għaxar kaxxi b’kull waħda fiha tmien litri cognac (40 % vol), għal total ta’ 80 litru Cognac.
18. Wara investigazzjonijiet ulterjuri, ġie aċċertat li l-imballaġġ tal-Cognac kellu l-kliem “mhux tajjeb għax-xorb” u 1 % “additivi”. L-inbid kien fih 2 % additivi. Il-port ma kienx fih tikketta li kienet tindika l-additivi. Il-kont maħruġ mill-fornitur Franċiż lil Repertoire Culinaire kien fih għal kull prodott l‑indikazzjoni “salé – poivré” (12) u l-kodiċi doganali 2103 90 90 89 (13).
19. Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li l-kunsinna kienet magħmulha mill‑hekk imsemmi inbid għat-tisjir, port għat-tisjir u cognac għat-tisjir, jiġifieri minn inbid, port u cognac li magħhom ġie miżjud melħ u bżar fil-mument ta’ produzzjoni. Permezz taż-żieda tal-melħ u l-bżar, il-prodotti ma jibqgħux tajbin għax-xorb (14), u b’hekk isiru tajbin biss għat-tisjir. Ma huwiex possibbli, f’kull każ bi spiża raġonevoli, li jinqaleb il-proċess ta’ taħlit sabiex ix-xorb alkoħoliku jinfired mill-melħ u mill-bżar jew li jiġi iżolat kompletament l-alkoħol fl-inbid.
20. L-inbid għat-tisjir huwa magħmul minn inbid li oriġina esklużivament minn proċess ta’ fermentazzjoni. Skont l-opinjoni konkordi tal-partijiet, fejn l‑inbid għat-tisjir jiġi użat bħala ingredjent ta’ prodott finali abbażi ta’ riċetta magħrufa, wieħed jikseb prodott finali b’qawwa alkoħolika inqas minn 5 % vol.
21. Il-merkanzija kollha nżammet fid-dwana tar-Renju Unit minħabba n‑nuqqas ta’ dokument amministrattiv ta’ akkumpanjament (15) u ta’ prova li d-dazju tas-sisa kien tħallas fir-Renju Unit. Fis-16 ta’ Lulju 2002, il-merkanzija ġiet issekwestrata bl-iskop li tiġi kkonfiskata. It-talba għal restituzzjoni mressqa minn Repertoire Culinaire ġiet miċħuda. Wara lment mressaq mir-rikorrenti, wara eżami mill-ġdid tal-fatti, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2002, din id‑deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet ikkonfermata. Fil-motivazzjonijiet ta’ tali deċiżjoni, ġie ppreċiżat li billi l-merkanzija kienet tikkonsisti f’alkoħol din kellha tiġi suġġetta għad-dazju tas-sisa tar-Renju Unit (16).
22. Permezz ta’ rikors tal-4 ta’ Novembru 2002, Repertoire Culinaire ikkontestat id-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-ilment. Il-proċedura hija attwalment pendenti quddiem il-First-Tier Tribunal (Tax) (17).
IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23. Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 1009, li wasslet lill-Qorti tal‑Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2009, il-First-Tier Tribunal (Tax) issospendiet il‑proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir huma suġġetti għat-taxxa [dazju] tas‑sisa skont id-Direttiva 92/83/KEE fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, peress li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “alkoħol etiliku” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83?
2) Il-fatt li l-eżenzjoni fir-rigward tal-inbid għat-tisjir, tal-port għat-tisjir u tal‑cognac għat-tisjir tapplika biss fil-każijiet fejn ix-xorb alkoħoliku jkun intuża bħala ingredjent u l-fatt li l-eżenzjoni tapplika biss għall-persuni li użaw ix-xorb alkoħoliku bħala ingredjenti u/jew persuni li huma grossisti ta’ tali prodotti u/jew li pproduċew tali prodotti għall-finijiet ta’ tali attività u l-fatt li, barra minn hekk, jiġu imposti l-kundizzjonijiet li jipprovdu li t‑talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien erbgħa xhur mill-ħlas tas-sisa [tad‑dazju tas-sisa] u li l-ammont tar-rimbors m’għandux ikun inqas minn EUR [GBP] 250, huwa konformi mal-obbligu ta’ Stat Membru li jagħti effett lill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83, moqri flimkien mal-Artikolu 27(6), u/jew mal-Artikolu 28 KE u/jew mal-effett dirett ta’ dawn l-obbligi u/jew mal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità?
3) L-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir, fil-każ fejn huma suġġetti għas-sisa [għad-dazju tas-sisa] bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83, u/jew il-cognac għat-tisjir, li huma s-suġġett ta’ dan ir‑rikors, għandhom jiġu kkunsidrati bħala eżenti mis-sisa [mid-dazju tas‑sisa] fil-mument tal-manifattura, skont l-Artikolu 27(1)(f) u sussidjarjament, skont l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83?
4) Fid-dawl tal-Artikolu 10 u 28 KE, liema huwa l-effett fuq l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Artikolu 20 u mill-Artikolu 27(1)(f) jew sussidjarjament, mill-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-każ fejn l‑inbid għat-tisjir, il-port għat-tisjir u l-cognac għat-tisjir ikunu ġew eżentati mis-sistema ta’ sisa [dazju tas-sisa] tad-Direttiva 92/12 mill-Istat Membru ta’ produzzjoni u jitqiegħdu fil-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea?”
24. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Repertoire Culinaire u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali. Il-Gvern Pollakk u l-Gvern Portugiż ħadu sehem fil-proċedura bil-miktub; il-Gvern Franċiż ippreżenta osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2006 (18).
V – Analiżi ġuridika
25. Bħala parti mis-sistema ġenerali tal-prodotti suġġetti għat-taxxa tas-sisa li ġiet introdotta bid-Direttiva 92/12, id-Direttiva 92/83 timponi fuq l-Istati Membri l-applikazzjoni, fir-rigward tal-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, ta’ dazju tas-sisa armonizzat fuq livell Ewropew. Għandhom jiġu intaxxati: il-“birra” (Sezzjoni I tad-Direttiva 92/83), l-“inbid” (Sezzjoni II tad-Direttiva 92/83), ix-“xorb iffermentat li m’huwiex inbid u birra” (Sezzjoni III tad-Direttiva 92/83), il-“prodotti intermedjarji” (Sezzjoni IV tad-Direttiva 92/83) u l-“alkoħol etiliku” (Sezzjoni V tad-Direttiva 92/83).
26. Prima facie, wieħed jista’ jitħajjar jikkunsidra li l-“inbid għat-tisjir”, l‑istess bħal kull inbid ieħor, huwa suġġett għad-dazju tas-sisa fuq l-inbid skont is‑Sezzjoni II tad-Direttiva 92/83. Tali affermazzjoni hija korretta fil-każ fejn il‑prodott ikun inbid abitwalment fil-kummerċ li, l-iktar, ma jkunx laqat il-gosti tal-konsumaturi daqstant li għal din ir-raġuni jiġi definit bil-fomm “inbid għat‑tisjir”. Inbid simili huwa u jibqa’ xorb; jiġi sempliċiment ikkunsidrat inqas preġjat abbażi tal-perċezzjoni suġġettiva tal-konsumaturi u, għal din ir-raġuni, huwa destinat għal użu ieħor.
27. Però dan ma japplikax fil-każ ta’ l-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex taċċerta u tevalwa l-fatti (19), tali likuri, wara ż-żieda tal-melħ u l‑bżar, jirriżultaw mhux tajbin għax-xorb. Fil-kuntest tar-risposta għad-domandi preliminari, jeħtieġ li wieħed jitlaq minn din il-premessa, għalkemm il-Gvern Pollakk jikkunsidra l-prodotti inkwistjoni tajbin għax-xorb. Il-partijiet fil-kawża prinċipali wkoll jaqblu li l-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni jista’ l-iktar l-iktar jidħol fil-kuntest ta’ applikazzjoni tas-Sezzjoni V (“alkoħol etiliku”), iżda mhux fil‑kuntest tal-applikazzjoni tas-sezzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 92/83.
A – L-ewwel domanda preliminari: il-kunċett ta’ “alkoħol etiliku” skont id‑Direttiva 92/83
28. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir, imħalltin ma’ melħ u bżar u li għalhekk ma għadhomx tajbin għax-xorb, jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “alkoħol etiliku” skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, u b’dan il-mod jiġu suġġetti għad-dazju tas-sisa armonizzat. Il-cognac għat-tisjir mhuwiex ikkonċernat minn din l-ewwel domanda preliminari.
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
29. Fil-lingwa mitkellma, jiġu użati l-kliem spirtu jew sempliċiment alkoħol bħala sinonimi tal-kelma alkoħol etiliku. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk hemmx alkoħol etiliku għall-finijiet tad-dazju tas-sisa għandha tiġi evalwata mhux fuq il-bażi tat-tifsira attribwita kollokjalment lil din il-kelma, iżda esklużivament abbażi tad-definizzjoni li taha l-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83, li jissuġġetta tliet kategoriji ta’ prodotti għad-dazju tas-sisa, bħala alkoħol etiliku. Lil kull waħda minn dawn il-kategoriji huwa dedikat inċiż fi ħdan id-dispożizzjoni ċċitata.
30. A priori, il-preparazzjonijiet bħall-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ alkoħol etiliku fil-forma ta’ spirti li jinxtorbu (tielet inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83), minħabba li biż-żieda tal-melħ u l-bżar, ma jibqgħux addatti sabiex jiġu kkunsmati bħala xorb.
31. Bl-istess mod, l-inbid għat-tisjir jew il-port għat-tisjir ma jistgħux jaqgħu taħt il-prodotti msemmija fl-intestaturi MN 2204, 2205 u 2206 – jiġifieri: inbid ta’ għeneb frisk, vermut u xorb ieħor iffermentat – (it-tieni inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83), għaliex dawn il-prodotti għandhom wkoll bħala karatteristika komuni l-fatt li huma xorb. Minkejja dan l-aspett, il-gradi ta’ qawwa alkoħolika tal-inbid għat-tisjir, ekwivalenti għal 11% vol u tal-port għat-tisjir, ekwivalenti għal 19 % vol, huma fiż-żewġ każijiet inqas mill-gradi ta’ qawwa alkoħolika minima (“iktar minn 22 % vol”) meħtieġa, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83, sabiex dawn jiġu kkunsidrati alkoħol etiliku għall-finijiet tal‑applikazzjoni tad-dazju tas-sisa.
32. Madankollu, għad trid tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-inbid għat‑tisjir u l-port għat-tisjir, bħal dawk issekwestrati f’dan il-każ jaqgħux taħt l‑ambitu ta’ applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83. Il‑kunsiderazzjonijiet li ġejjin ser jirrigwardaw tali kwistjoni.
2. L-alkoħol etiliku skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83
33. Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, l-alkoħol etiliku jkopri “il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l‑1.2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il‑prodotti jifformaw parti minn prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan‑nomenklatura magħquda.”
34. Fis-sentenza Gourmet Classic, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li din id‑dispożizzjoni tapplika għall-inbid għat-tisjir (20). Barra minn hekk, il-qorti tar‑rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tikkunsidra l‑evalwazzjonijiet li kienet għamlet dak iż-żmien. Jien nassoċja ruħi ma’ tali pożizzjoni.
35. Huwa veru li kemm l-inbid għat-tisjir, b’11% vol, kif ukoll il-port għat‑tisjir bid-19 % vol, jilħqu l-qawwa alkoħolika minima ta’ 1.2 % vol stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83. Però jeħtieġ li jiġi evalwat b’iktar attenzjoni jekk dawn iż-żewġ tipi ta’ alkoħol għat-tisjir jaqgħux taħt il‑prodotti identifikati mil-leġiżlatur Ewropew fl-intestaturi NM 2207 jew 2208.
– L-intestatura NM 2207
36. L-intestatura NM 2207 tinkludi min-naħa waħda alkoħol etiliku mhux żnaturat b’qawwa alkoħolika b’volum ta’ 80 % vol jew iktar (subintestatura 2207 10 00) u, min-naħa l-oħra, alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull qawwa (subintestatura 2207 20 00). L-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni ma jaqax taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ intestaturi.
37. L-intestatura 2207 10 00 ma tistax a priori tapplika fil-każ preżenti, minħabba li l-qawwa alkoħolika tal-likuri ssekwestrati hija ħafna iktar baxxa mill‑qawwa alkoħolika prevista ta’ 80 % vol.
38. L-intestatura 2207 20 00 hija wkoll eskluża, minħabba li l-alkoħol għat‑tisjir ma sarx b’alkoħol etiliku jew spirti żnaturati. Iż-żnaturament tal-alkoħol etiliku hija operazzjoni li tirrendi l-alkoħol velenuż sabiex la tkun possibbli l‑inġestjoni tiegħu u lanqas ir-rikonverżjoni tiegħu għall-użu fl-ikel (21). Fil-każ preżenti, l-alkoħol għat-tisjir, għalkemm ma baqax tajjeb għax-xorb, għadu jista’ jintuża għall-preparazzjoni tal-ikel. Barra minn hekk, il-melħ u l-bżar miżjuda għal dan il-għan ma jaqgħux taħt is-sustanzi li l-Unjoni Ewropea taċċetta għall‑finijiet ta’ żnaturament (22).
– L-intestatura NM 2208
39. Meta seħħew il-fatti (23), l-intestatura 2208 kienet tinkludi tliet tipi ta’ xorb alkoħoliku jew likwidi li fihom l-alkoħol etiliku: “alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż; preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti minn tipi użati għall-manifattura tax-xorb (24) [traduzzjoni mhux uffiċjali].”
40. It-tipi ta’ alkoħol għat-tisjir inkwistjoni fl-ewwel domanda preliminari (inbid għat-tisjir u port għat-tisjir), la ma huma spirti (intestaturi NM 2208 20), u lanqas likuri (intestatura NM 2208 70). L-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir lanqas jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “xorb ieħor spirituż”, minħabba li biż-żieda tal-melħ u l-bżar ma jibgħux tajbin għax-xorb.
41. L-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir lanqas jistgħu jitpoġġew fil-kategorija ta’ “preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti minn tipi użati għall-manifattura tax-xorb.” Fil-fatt, minħabba l-użu li għalih huma intiżi, dawn it-tipi ta’ alkoħol ma jintużawx għall-produzzjoni ta’ xorb, iżda esklużivament għall-preparazzjoni tal-ikel.
42. L-iktar l-iktar jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir inkwistjoni jistgħux jitpoġġew taħt l-intestatura 2208 90 91, “alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ anqas minn 80 % vol, f’kontenituri li jesgħu 2 litri jew anqas.”
43. Madankollu, fil-proċess li wieħed ipoġġi l-prodotti taħt l-intestaturi tan-NM, ma għandhux issir biss riferiment għall-kontenut litterali tal-intestaturi individwali tan-Nomenklatura Magħquda. Minflok japplikaw ukoll in-noti ta’ spjega dwar is-sezzjonijiet u l-kapitoli (25).
44. Kif jirriżulta mill-punt 1(a) tan-noti li jintroduċu l-Kapitolu 22 tan-NM, il‑prodotti ppreparati għall-finijiet kulinarji u li b’hekk isiru mhux adatti għax‑xorb ma jaqgħux taħt il-Kapitolu 22 tan-NM (26) iżda pjuttost għandhom jitpoġġew, b’mod ġenerali bħala preparazzjoni tal-ikel, taħt l-intestatura NM 2103 (27).
45. Anki l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Gourmet Classic, tirrikonoxxi espressament li l-inbid għat-tisjir huwa każ ta’ preparazzjoni tal-ikel u li, bħala tali, ma jaqax taħt il-kapitolu 22, iżda taħt il-kapitolu 21 (28).
46. Kif tosserva korrettament Repertoire Culinaire, l-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala prodotti skont l‑intestatura NM 2207, u lanqas tal-intestatura NM 2208.
– Il-“prodott fil-prodott”
47. Fis-sentenza Gourmet Classic, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkunsidrat iċ-ċirkustanza li l-inbid għat-tisjir huwa preparazzjoni tal-ikel skont il-Kapitolu 21 tan-NM “bla effett” għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tad-dazju tas‑sisa. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83 japplika wkoll meta l-prodotti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jiffurmaw parti minn prodott li jaqgħu taħt kapitolu ieħor tan-Nomenklatura Magħquda.
48. Abbażi ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l‑alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni ta’ l-inbid tat-tisjir jikkostitwixxi, jekk ikollu qawwa alkoħolika li teċċedi l-1,2 %, alkoħol etiliku skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, li huwa, bla ħsara għall-eżenzjoni stabbilita fl‑Artikolu 27(1)(f) ta’ din id-Direttiva, suġġett għas-sisa armonizzata [dazju tas‑sisa armonizzat] (29).”
49. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra s-sempliċi kostitwent tal‑alkoħol fl-inbid għat-tisjir bħala “prodott fil-prodott” suġġett għad-dazju tas‑sisa skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.
50. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-istess opinjoni, u sostniet li l-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83 jikkostitwixxi kategorija residwali fejn, bħala linja ġenerali, il‑prodotti kollha li fihom l-alkoħol jiġu suġġetti għad-dazju tas-sisa armonizzat, fejn dawn ma jkunux diġà ġew suġġetti għalih abbażi ta’ dispożizzjoni oħra tad‑direttiva.
51. Din l-opinjoni ma tirriżultax konvinċenti. Hija ma hijiex ikkonfermata la fil-kontenut litterali tal-Artikolu 20 u lanqas fil-kuntest tad-Direttiva 92/83.
52. Fil-każ fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jikkunsidra l‑prodotti kollha li fihom kwantità determinata ta’ alkoħol etiliku bħala suġġetti għad-dazju tas-sisa, ma kienx ikun hemm bżonn ta’ dispożizzjoni daqshekk kumplessa bħal dik prevista fid-Direttiva 92/83. Evidentement, minflok kellu l‑intenzjoni li jiddefinixxi biss xorb determinat u prodotti determinati li fihom l‑alkoħol etiliku, li għandhom jiġu suġġetti għad-dazju tas-sisa mill-Istati Membri (30). Fl-ebda punt tad-Direttiva 92/83 ma tinsab ġustifikazzjoni għall-fatt li l-prodotti mhux imsemmija f’xi dispożizzjoni oħra dejjem jaqgħu f’kull każ fil‑kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20. L-istess Artikolu 20 huwa bbażat b’mod ċar fuq il-premessa li mhux kull alkoħol jiġi ssuġġettat għad-dazju tas-sisa bħal alkoħol etiliku, iżda biss it-tliet gruppi ta’ prodotti li fihom l-alkoħol u li huwa stess jiddefinixxi fid-dettall (31).
53. Iċ-ċirkustanza biss li prodott bħall-inbid għat-tisjir jew il-port għat-tisjir fih l-akoħol etiliku hija kundizzjoni neċessarja skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 (“qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l‑1.2 % volum”), iżda ma hijiex biżżejjed għall-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa. Abbażi ta’ din ir-regola jeħtieġ ukoll li l-alkoħol etiliku jkun preżenti taħt forma ta’ wieħed jew iktar prodotti jew bħala parti minn prodott skont l-intestaturi NM 2207 u 2208.
54. Madankollu, il-kostitwent tal-alkoħol fl-inbid għat-tisjir u fil-port għat-tisjir ma huwiex fih innifsu parti distinta tal-prodott. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir ma jiġux prodotti sintetikament skont il-formola “alkoħol (pur), biż-żieda tal-ilma, biż-żieda tat-taħwir.” Fir‑realtà, huwa inbid jew port normali prodott permezz ta’ proċess ta’ fermentazzjoni li miegħu sempliċement ġie miżjud melħ u bżar. Meta mistoqsija f’dan is-sens, il-partijiet kollha, waqt is-seduta, ikkonfermaw din iċ-ċirkustanza.
55. Għalhekk, il-“prodott fil-prodott” huwa eventwalment, mhux alkoħol tout court, iżda inbid jew port. L-inbid jew il-port jikkostitwixxu l-bażi tat-tluq għall‑produzzjoni ta’ inbid għat-tisjir u port għat-tisjir. Bħala konsegwenza, l‑inbid jew il-port biss jistgħu jiġu kkunsidrati, bħala (parti ta’) prodott li skont l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 “jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM”, jiġifieri l-inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir.
56. L-inbid u l-port min-naħa tagħhom, ma humiex prodotti li jaqgħu taħt l‑intestaturi NM 2207 jew NM 2208. Pjuttost, it-tnejn li huma għandhom jitpoġġew taħt l-intestatura NM 2204 (32). Għalhekk, meta wieħed irid jikkunsidra l‑inbid u l-port bħala “prodott fil-prodott” tal-inbid għat-tisjir u tal-port għat-tisjir, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 ma japplikax, minħabba li l‑“prodott fil-prodott” ma jistax jitpoġġa taħt l-intestaturi 2207 jew 2208 li għalihom issir referenza hemm espressament (33).
57. Jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-prodotti kklassifikati taħt l-intestatura NM 2204 (inbid u port) humiex suġġetti għad-dazju tas-sisa bħala alkoħol etiliku jirriżulta unikament mit-tieni inċiż, iżda mhux mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.
58. L-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 minkejja l-kontenut litterali tiegħu anki għall-prodotti indikati taħt l-intestatura NM 2204 bħall-inbid u l-port tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju (34). Huwa jeħtieġ li r-regoli jkunu ċari u preċiżi u, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall‑persuni kkonċernati. Dan ir-rekwiżit japplika b’mod partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli għall-individwu, b’mod partikolari jekk tista’ tinvolvi piżijiet finanzjarji, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom (35).
59. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, nikkonkludi li fis-sentenza Gourmet Classic, il-Qorti tal-Ġustizzja erronjament ikkwalifikat “l-alkoħol fl-inbid għat‑tisjir” bħala “alkoħol etiliku skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83” (36). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjonijiet li saru dak iż-żmien.
60. Ir-rilevanza tas-sentenza Gourmet Classic issir f’kull każ relattiva fid-dawl tal-fatt li, f’dik il-kawża, aspett ċentrali tal-evalwazzjoni kien ikkostitwit mill‑ammissibbiltà tad-domanda preliminari; anzi, fil-konklużjonijiet tiegħu l-Avukat Ġenerali kien ikkunsidra kważi esklużivament il-kwistjoni tal-kompetenza u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (37). F’kull każ, fil-mertu ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aspetti numerużi, li minflok ġew affrontati fid‑dettall fil-proċedura preżenti mill-qorti nazzjonali u mill-partijiet, b’mod partikolari minn Repertoire Culinaire. Diġà din iċ-ċirkustanza għandha tikkostitwixxi raġuni biex id-deċiżjoni Gourmet Classic ma tiġix sopravalutata (38).
61. Mill-bqija, fid-dritt Komunitarju, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxux “binding precendents (39)”. Għalkemm, bħal ma huwa naturali, il‑Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ħerqana li titlaq mid-deċiżjonijiet preċedenti (40), fil‑passat diġà ġara, f’okkażjoni ta’ serje ta’ każijiet importanti, li din reġgħet eżaminat il-ġurisprudenza anterjuri tagħha u fejn neċessarju, biddlitha espressament u offriet li tiċċaraha (41). Inqis li huwa opportun li nipproċedi f’dan is-sens fil-każ preżenti wkoll.
62. Fil-każ fejn, kif suġġerit minni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li titlaq mis-sentenza Gourmet Classic, ma naħsibx li huwa neċessarju li l-effetti tas‑sentenza joperaw pro futuro biss. Skont ġurisprudenza stabbilita, limitazzjoni simili tal-effetti ta’ sentenza tirrappreżenta ipoteżi assolutament eċċezzjonali u hija ġustifikata biss fil-każ fejn tirriżulta indispensabbli għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi (42). Dan ma japplikax fil-każ preżenti. It-talbiet possibbli ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa mħallas fil-passat fuq inbid għat-tisjir u port għat-tisjir għandhom jiġu limitati għal numru żgħir. Barra minn hekk, diġà mis-sentenza Gourmet Classic, huwa possibbli li wieħed jitlob l-eżenzjoni mid-dazju jew ir-rifużjoni tad-dazju fil‑kuntest tal-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83. Għaldaqstant, diġà qabel dan iż-żmien, l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri kellhom ikunu ppreparati li ma jistgħux jitolbu, f’ħafna każijiet, il-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq l-inbid għat‑tisjir u fuq il-port għat-tisjir, jew li jkollhom iħallsuh lura.
3. Konklużjoni intermedjarja
63. Fil-qosor, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li:
L-inbid jew il-port li, għall-finijiet tal-użu tagħhom bħala inbid għat-tisjir jew port għat-tisjir, ġew miżjuda bil-melħ u l-bżar f’kwantità tali li tagħmilhom mhux adatti għall-konsum bħala xorb, ma jaqawx taħt il-kunċett ta’ alkoħol etiliku skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.
B – It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari: każijiet ta’ eżenzjoni mid‑dazju tas-sisa li għandhom jiġu evalwati b’relazzjoni mat-tipi ta’ alkoħol għat-tisjir u r-rekwiżiti rispettivi
64. It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari jirrigwardaw il-każijiet ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa li għandhom jiġu evalwati għat-tipi ta’ alkoħol għat‑tisjir u r-rekwiżiti rispettivi.
65. Abbażi tar-risposta proposta minni għall-ewwel domanda preliminari (43), l‑inbid għat-tisjir u l-port għat-tisjir li ġew sekwestrati ma humiex suġġetti għad‑dazju tas-sisa, u b’hekk il-problema ta’ eventwali eżenzjonijiet ma tqumx. Però, it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda jibqgħu rilevanti għall-cognac għat-tisjir li ġie sekwestrat, minħabba li dan huwa suġġett għad-dazju skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 (44).
1. Il-każijiet ta’ eżenzjoni li għandhom jiġu eżaminati (it-tielet domanda preliminari)
66. Fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel xejn, fuq liema bażi legali għandha tiġi rikonoxxuta eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat għat-tipi ta’ alkoħol għat-tisjir skont id-Direttiva 92/83 (45).
67. Huma previsti żewġ każijiet ta’ eżenzjoni: min-naħa waħda, skont l‑Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, tiġi rikonoxxuta eżenzjoni mid-dazju tas‑sisa għall-alkoħol u xorb alkoħoliku użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall‑preparazzjonijiet tal-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % vol. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 27(1)(f) tad‑Direttiva 92/83 jeżenta mid-dazju tas-sisa l-alkoħol jew ix-xorb alkoħoliku meta dan jiġi użat għall-manifattura ta’ l-ikel, iżda f’kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott.
68. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 27(1)(e) tad‑Direttiva 92/83, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż a priori li l-alkoħol għat‑tisjir jiġi użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni kollha li għandha l-Qorti tal‑Ġustizzja, dan ma huwiex l-użu li għalih huwa intiż l-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni, jew għall-inqas, ma huwiex dak primarju.
69. L-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni huwa fil-fatt intiż sabiex jiġi użat direttament fil-preparazzjonijiet ta’ prodotti tal-ikel, u mhux fl-ambitu ta’ proċess li jippreċedi l-użu fil-kċina u li matulu jiġu prodotti esklużivament l-essenzi. Lanqas iz-zlazi ppreparati bl-għajnuna tal-alkoħol għat-tisjir ma jikkostitwixxu essenzi skont l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83. Dawn iz-zlazi huma pjuttost, fihom innifishom, ikel, li jista’ jiġi kkunsmat bħala ingredjenti ta’ ikel jew akkumpanjament tal-ikel.
70. Fil-fatt, għall-eżenzjoni tat-tipi ta’ alkoħol għat-tisjir, bħal dawk li qed jiġu diskussi hawn, ma huwiex rilevanti l-Artikolu 27(1)(e) iżda l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83. Jixhed f’dan is-sens ukoll il-fatt li l-inbid, il-port u l-cognac ma jiġux użati fil-kċina esklużivament bħala ingredjenti biex jagħtu togħma lill‑ikel, iżda għandhom użi differenti, bħal għat-tħawwir tal-laħam jew għat-tisjir flambé. Il-Kummissjoni korrettament semmiet tali ċirkustanza (46).
71. Fis-sentenza Gourmet Classic, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li għal dak li jirrigwarda l-alkoħol għat-tisjir, tista’ tiġi kkunsidrata eżenzjoni mid‑dazju tas-sisa abbażi tal-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 (47). Tali eżenzjoni tiddependi fuq tliet kundizzjonijiet.
72. Fl-ewwel lok, għandu jkun alkoħol jew prodott li fih l-alkoħol skont id‑Direttiva 92/83. Dan huwa l-każ tal-cognac għat-tisjir inkwistjoni f’din il‑kawża, peress li, kif diġà ġie aċċennat, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala alkoħol etiliku suġġett għad-dazju tas-sisa skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83 (48).
73. Fit-tieni lok, l-alkoħol għat-tisjir għandu jintuża għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel. Tali kundizzjoni hija preżenti wkoll b’mod inkontestabbli fil-każ preżenti. Il-preparazzjoni ta’ ikel hija saħansitra l-unika użu tal-alkoħol li ġie ssekwestrat, minħabba li ma humiex tajbin għall-konsum bħala xorb.
74. Fit-tielet lok, il-kontenut tal-alkoħol ma jistax jeċċedi l-“5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott.”
75. F’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 jistgħu jagħtu lok għal ekwivoċi, minħabba li ma huwiex ċar jekk dan il-limitu massimu jikkonernax il-kontenut ta’ alkoħol tal-alkoħol għat-tisjir użat, jew minflok tal-ikel ippreparat. Din l-interpretazzjoni tal-aħħar tidher preferibbli.
76. Fil-fatt, l-iskop tal-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 ma huwiex dak li jagħti privileġġ lil ċerti metodi ta’ produzzjoni ta’ ikel, billi l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tintrabat mal-użu ta’ ingredjenti ta’ kontenut ta’ alkoħol relattivament baxx. Bil-kontra, l-iskop huwa li tiġi newtralizzata l-inċidenza tad-dazju tas-sisa fil-każijiet fejn l-alkoħol jidħol fil-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra kummerċjali jew industrijali bħala prodott intermedjarju (49).
77. Jeħtieġ ukoll li jiġi aċċertat jekk id-dazju tas-sisa jitħallasx fuq il-konsum effettiv tal-alkoħol indipendentement mit-tipoloġija tal-offerta. Għalhekk, tista’ tiġi rikonoxxuta eżenzjoni mid-dazju tas-sisa biss meta l-alkoħol residwu preżenti fil-prodotti tal-ikel ikkunsmati mill-konsumatur aħħari jibqa’ taħt limitu de minimis iffissat mill-leġiżlatur Komunitarju, ekwivalenti, appuntu, għal 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott finali.
78. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, huwa determinanti l-kontenut ta’ alkoħol tal-ikel prodott bl-użu ta’ alkoħol għat-tisjir u mhux, minflok, dak tal-alkoħol għat-tisjir innifsu (50).
79. Fil-każ preżenti, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li mal‑inbid għat-tisjir, użat bħala ingredjent ta’ prodott finali skont riċetta magħrufa, dejjem jinkiseb prodott finali b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix 5 % vol; bħala konsegwenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1)(f) tad‑Direttiva 92/83 hija possibbli.
80. Għalhekk, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni intermedjarja li ġejja:
L-alkoħol għat-tisjir suġġett għad-dazju tas-sisa armonizzat fuq l-alkoħol u fuq ix‑xorb alkoħoliku għandu jiġi eżentat minn tali dazju skont l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83.
2. Il-konsegwenzi tal-kummerċ liberu ta’ merkanzija eżentata mid-dazju tas‑sisa fl-Istat Membru ta’ produzzjoni (raba’ domanda preliminari)
81. Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema obbligi jaqgħu fuq l-Istat Membru li qed jimporta minħabba l-fatt li l-alkoħol għat-tisjir diġà ġie rilaxxat għall-konsum fl-Istat Membru ta’ produzzjoni. Saħansitra din il-problema tissemma’ wkoll fit-tielet domanda preliminari (51).
82. Fl-eżami ta’ tali domanda jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-raġunijiet li għalihom il-merkanzija diġà ġiet rilaxxata għall-konsum fl-Istat Membru ta’ produzzjoni.
83. Ġeneralment, ir-rilaxx tal-merkanzija għall-konsum isir mal-ħlas tad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ produzzjoni (l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 92/12). Fil-każ fejn il-merkanzija suċċessivament tinżamm fi Stat Membru ieħor għal skopijiet kummerċjali, id-dazju tas-sisa huwa dovut mill-ġdid f’tali Stat Membru (Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 92/12), filwaqt li d-dazju tas‑sisa li jkun diġà tħallas fl-Istat Membru ta’ oriġini jiġi rimborsat (52). B’dan il‑mod, jiġi żgurat li merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa armonizzat tiġi dejjem intaxxata fl-Istat Membru fejn iseħħ effettivament l-użu u li, barra minn hekk, tiġi applikata r-rata fis-seħħ f’dak l-Istat (53).
84. Min-naħa l-oħra, it-tipi ta’ alkoħol għat-tisjir inkwistjoni fil-kawża preżenti huma prodotti li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ oriġini (Franza) ma kinitx tikkunsidra bħala suġġetti għad-dazju tas-sisa. Waqt is-seduta, Repertoire Culinaire u l-Gvern Franċiż, meta mismugħa dwar dan il-punt, ikkonfermaw tali ċirkustanza lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-alkoħol għat-tisjir kien ġie rrilaxxati għall-konsum mill-bidu nett fl-Istat ta’ produzzjoni, minħabba li, skont l-amministrazzjoni lokali, ma kellu jitħallas l-ebda dazju tas-sisa.
85. F’każ bħal dan, kif ġie korrettament indikat mill-Kummissjoni, ma jeżisti l‑ebda interess li tiġi intaxxata l-merkanzija fl-Istat Membru fejn tiġi kkunsmata (fil-każ preżenti: ir-Renju Unit). Il-merkanzija ma għandhiex tiġi intaxxata bl‑ebda mod.
86. Anzi, jeżisti interess speċifiku, fil-livell Komunitarju, li jsir mezz biex kemm l-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa kif ukoll l-eżenzjonijiet għall-alkoħol u xorb alkoħoliku ieħor jiġu applikati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha u għalhekk, b’mod uniformi ġewwa s-suq intern (54), biex jiġi ggarantit funzjonament korrett (55).
87. L-iffunzjonar tas-suq intern jeħtieġ il-moviment liberu tal-merkanzija (Artikoli 26(2) TFUE u 28 sa 37 TFUE (56)), inklużi dawk suġġetti għad-dazju tas‑sisa (57). Abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku (58), dan jimplika li l‑amministrazzjoni fiskali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni tirrikonoxxi l-kwalifikazzjoni effettwata mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini bħala merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa jew eżenti mid-dazju tas-sisa (59). Minkejja d-differenzi possibbli fir-rati nazzjonali applikabbli għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku, il‑ħlas tad-dazju tas-sisa fih innifsu ġie armonizzat u huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet (60) fl-Istati Membri kollha.
88. Fil-każ fejn l-amministrazzjoni tar-Renju Unit, f’każ bħal dan, skont is‑sistema tar-rimbors adottata hemm [ara l-Artikolu 4(1)(a), FA 1995] (61) kellha titlob fl-ewwel lok il-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol għat-tisjir importat minn Franza, biex imbagħad tirrimborsaha immedjatament, il-moviment liberu tal‑merkanzija kien isir iktar diffiċli mingħajr l-ebda raġuni.
89. Huwa veru wkoll li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri xierqa sabiex jiġġieldu kull evażjoni, frodi jew abbuż b’relazzjoni għall-eżenzjonijiet (62). Madankollu, tali miżuri jippresupponu li jissussistu elementi konkreti u oġġettivament verifikabbli li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ periklu serju ta’ evażjoni, frodi jew abbuż (63), iktar u iktar għaliex fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83, l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tikkostitwixxi r‑regola u ċ-ċaħda tagħha l-eċċezzjoni (64).
90. Kunsiderazzjonijiet ġenerali li, fir-rigward ta’ prodott determinat, isostnu li jista’ jkun hemm każijiet ta’ frodi, evażjoni jew abbuż, ma jawtorizzawx l-Istat Membru li qed jimporta sabiex jiċħad a priori l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa rikonoxxuta mill-Istat Membru ta’ produzzjoni (65). Imġieba simili tkun f’kuntrast mal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri.
91. Fil-każ preżenti, abbażi tar-rikostruzzjoni tal-fatti magħmulha mill-qorti tar-rinviju, huwa ċert li l-alkoħol li ġie ssekwestrat ma għadux tajjeb għax-xorb permezz taż-żieda tal-melħ u l-bżar. Ma huwiex possibbli, f’kull każ bi spiża raġonevoli, li jinqaleb il-proċess ta’ taħlit sabiex ix-xorb alkoħoliku jinfired mill-melħ u mill-bżar jew li jiġi iżolat kompletament l-alkoħol kollu fl-inbid. Kif ġie spjegat mill-qorti tar-rinviju, ma jeżisti l-ebda ħjiel ta’ każijiet ta’ abbuż b’relazzjoni mal-alkoħol għat-tisjir bħal dak inkwistjoni. Għaldaqstant, wieħed jista’ jsostni, bi probabbiltà qrib iċ-ċertezza, li l-alkoħol għat-tisjir issekwestrat jiġi effettivament użat għall-produzzjoni ta’ ikel skont il-modalitajiet previsti fl‑Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83.
92. Għaldaqstant, f’każ bħal dak inkwistjoni, hemm nuqqas ta’ kull element konkret u oġġettivament verifikabbli, li juri li fl-Istat Membru ta’ produzzjoni, il‑prodotti inkwistjoni ġew erronjament ikkunsidrati bħala mhux suġġetti għad‑dazju tas-sisa jew eżenti mid-dazju tas-sisa jew li l-prodott inkwistjoni seta’ jiġi użat skont modalitajiet li jmorru kontra s-sens u l-għan tal-eżenzjoni mid‑dazju tas-sisa. Fid-dawl ta’ tali ċirkustanzi, l-insistenza tal-amministrazzjoni fiskali Brittannika sabiex tikseb il-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni, hija pura formalità, nieqsa mill-ġustifikazzjoni oġġettiva.
93. Bħala konklużjoni, għalhekk nissuġġerixxi li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda preliminari hija li:
Il-prodotti li, fl-Istat Membru ta’ produzzjoni, ġew rilaxxati għall-konsum bħala prodotti mhux suġġetti għad-dazju tas-sisa jew eżenti mid-dazju tas-sisa ma jistgħux jiġu bl-istess mod suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar id-dazju tas-sisa armonizzat fi Stat Membru ieħor fejn jinżammu bi skopijiet kummerċjali, salv jekk jeżistu elementi konkreti u oġġettivament verifikabbli li jippruvaw
– li l-inapplikabbiltà tad-dazju tas-sisa jew l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa ġiet erronjament rikonoxxuta mill-Istat Membru ta’ produzzjoni
jew
– li l-prodotti eżenti mid-dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 jistgħu jiġu użati għal skopijiet differenti minn dawk iċċitati hemm.
3. Ir-rekwiżiti meħtieġa mid-dritt Komunitarju għall-eżenzjoni mid-dazju tas‑sisa permezz ta’ rimbors (it-tieni domanda preliminari)
94. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, kjarifiki fir-rigward tar-rekwiżiti mitluba mid-dritt Komunitarju sabiex tiġi rregolata l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 27(1)(f) tad‑Direttiva 92/83, fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat jagħżel ir-rimbors tad‑dazju tas-sisa skont l-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83.
95. Fl-eżami ta’ tali domanda jeħtieġ li wieħed iżomm preżenti li, skont id-dritt tar-Renju Unit, ir-rimbors tad-dazju tas-sisa mħallas fuq l-alkoħol għat-tisjir, huwa possibbli biss fejn iseħħu l-kundizzjonijiet preċiżi u restrittivi ħafna previsti fl-Artikolu 4 tal-FA tal-1995. F’dan ir-rigward, b’relazzjoni mat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tevidenzja dan li ġej:
– l-alkoħol għat-tisjir għandu jiġi effettivament użat għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel [Artikolu 4(1)(a) flimkien mal-Artikolu 2(c) tal-FA tal‑1995].
– it-talba għal rimbors tista’ ssir esklużivament minn dawk li użaw l-alkoħol għat-tisjir bħala ingredjent ta’ prodotti tal-ikel jew minn dawk li jbiegħu bl‑ingrossa tali prodotti [Artikolu 4(3)(a) u (b) tal-FA tal-1995].
– it-talba għal rimbors għandha tiġi ppreżentata fit-terminu massimu ta’ erba’ xhur mill-bidu tal-ipproċessar tal-alkoħol għat-tisjir [Artikolu4(5)(a) tal-FA tal-1995].
– l-ammont tar-rimbors ma jistax ikun inqas minn GBP 250 [Artikolu4(5)(b) tal-FA tal-1995].
96. Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 27(6) tad‑Direttiva 92/83, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jagħtu l‑eżenzjonijiet permezz ta’ rimbors tad-dazju tas-sisa mħallas (66).
97. Id-determinazzjoni tal-modalitajiet għar-rimbors tad-dazju tas-sisa titħalla f’idejn l-Istati Membri, kif jirriżulta, min-naħa waħda, mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, u min-naħa l-oħra mill-kliem li jintroduċu l‑Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 [“L-Istati Membri għandhom jeżentaw [...] taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw [...]”]. Madankollu, bħas-soltu, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (67).
98. Ma hemmx elementi sabiex wieħed isostni li l-kundizzjonijiet mitluba għar-rimbors tat-taxxa, fil-każijiet li jirrigwardaw id-dazju tas-sisa armonizzat, huma iktar sfavorevoli fir-rigward tar-rimbors ta’ dazji oħra, regolati fuq livell strettament nazzjonali. Għaldaqstant, ma jqumux problemi dwar il-prinċipju ta’ ekwivalenza.
99. Madankollu jeħtieġ li jiġi vverifikat b’iktar attenzjoni jekk il‑kundizzjonijiet għar-rimbors previsti mill-Artikolu 4 tal-FA tal-1995 humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Dan il-prinċipju jimponi li l-ħlas tar‑rimbors tad-dazju tas-sisa ma jsirx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (68). Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 27(1) tad‑Direttiva 92/83, permezz tal-kundizzjonijiet għar-rimbors għandha tiġi “assigurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa” tal-eżenzjonijiet u għandha “tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż.”
100. Il-fatt li skont l-Artikolu 4 tal-FA tal-1995, l-alkoħol għat-tisjir għandu jkun ġie użat effettivament għall-preparazzjoni ta’ ikel, fih innifsu ma jmurx kontra l-kundizzjonijiet mitluba mid-dritt Komunitarju. Huwa saħansitra fin‑natura stess ta’ sistema ta’ rimbors skont l-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83 li d-dazju tas-sisa li għandu jiġi rrimborsat jirrigwarda alkoħol li diġà ġie użat bħala ingredjent fit-tisjir.
101. Kif diġà ġie mfakkar (69), huwa biss fil-każ tal-alkoħol għat-tisjir importat li l-amministrazzjoni tal-Istat Membru ta’ importazzjoni għandha tirrikonoxxi l‑eżenzjoni mogħtija mill-Istat Membru ta’ produzzjoni u għalhekk ma tistax tippretendi li l-ewwel jitħallas id-dazju tas-sisa sabiex imbagħad ikun is-suġġett ta’ talba għal rimbors wara l-użu fit-tisjir tal-prodott.
102. Madankollu, huwa problematiku li dispożizzjoni bħal dik prevista mill‑Artikolu 4 tal-FA tal-1995 teskludi r-rimbors tad-dazju tas-sisa għall‑importazzjonijiet li ma jeċċedux GBP 250. Dan l-ammont minimu barra minn hekk jista’ jiżdied ulterjorment mill-amministrazzjoni fiskali [Artikolu 4(5)(b) u 6 tal-FA tal-1995].
103. Id-dritt Komunitarju ma jipprojbixxix, bħala prinċipju, li Stat Membru jeskludi mir-rimbors l-importazzjonijiet ta’ entità żgħira. B’mod differenti minn dak li jiġri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (70), id-Direttiva 92/83 madankollu, ma tipprevedix possibbiltà simili. Anki fil-każ fejn jiġi kkunsidrat li, għalkemm fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni espliċita f’tali sens ġewwa d-direttiva, jistgħu jiġu previsti ammonti minimi fid-dritt nazzjonali, l-ammont ta’ GBP 250 ma jista’ bl-ebda mod jiġi kkunsidrat adegwat (71). Pjuttost huwa l-każ ta’ ammont li jeċċedi b’mod ċar kull livell de minimis immaġinabbli.
104. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-ammont minimu jiġi abbinat, f’dispożizzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 4 tal-FA tal-1995, ma’ limitazzjoni tal-persuni awtorizzati sabiex jippreżentaw talba għal rimbors u ma’ terminu relattivament qasir għall-preżentazzjoni. Dawn l-aspetti tad-dispożizzjoni – ammont minimu, terminu għall-preżentazzjoni tat-talba u kuntest ċirkoskritt tal‑persuni awtorizzati sabiex jippreżentaw talba – isaħħu b’mod reċiproku l-effett tagħhom.
105. Kif ġie espost quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja matul il-proċedura, b’mod ċar minn Repertoire Culinaire, b’kunsiderazzjoni tar-rata fis-seħħ għad-dazji tas-sisa fir-Renju Unit fl-2002 (72), kien ikun neċessarju li jintużaw mill-inqas 215 flixkun inbid għat-tisjir matul perjodu ta’ tliet xhur sabiex jintlaħaq l-ammont minimu ta’ GBP 250 previst għal rimbors skont l-Artikolu 4 tal-FA tal-1995. L-ebda parti fil‑proċedura ma kkontestat din l-informazzjoni.
106. Bla ħsara għall-verifika tal-korrettezza tal-informazzjoni msemmija mill‑qorti tar-rinviju, jista’ jiġi dedott minnha li fir-Renju Unit, l-iktar l-iktar, il‑konsumaturi l-kbar tal-alkoħol għat-tisjir jistgħu jinvokaw l-eżenzjoni mid‑dazju tas-sisa prevista fl-Artikolu 27(1)(f). Varji ristoranti u attivitajiet oħra, li jużaw l-alkoħol għat-tisjir biss okkażjonalment u f’kull każ fi kwantitajiet inferjuri għall-preparazzjoni ta’ ikel, isibu bħala fatt li huma esklużi mill‑possibbiltà li jinvokaw l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa minħabba r-riġidità tal‑leġiżlazzjoni Brittannika dwar ir-rimborsi.
107. Ma’ dan, wieħed jista’ jżid li l-Artikolu 4(3) tal-FA tal-1995 jirrikonoxxi d‑dritt ta’ preżentazzjoni ta’ talba għar-rimbors tad-dazju tas-sisa unikament lil dawk li użaw huma stess l-alkoħol għat-tisjir bħala ingredjent fil-preparazzjoni ta’ ikel, jew, bħala bejjiegħa bl-ingrossa, jikkummerċjalizzaw tali prodotti. Id-dritt li tiġi ppreżentata talba, b’dan il-mod, tiġi miċħuda lil bejjiegħ bl-ingrossa bħal Repertoire Culinaire, li tillimita ruħha li tikkumerċjalizza l-alkoħol għat-tisjir bħala tali, u mhux il-prodotti mħejjija bl-użu tal-istess.
108. Fil-qosor, dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 4 tal-FA tal-1995, twassal sabiex l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 27(1)(f) tad‑Direttiva 92/83 – prevista b’mod obbligatorju – titlef ħafna mis-sinjifikat tagħha, u dan imur kontra r-regoli tad-dritt Komunitarju, li jsostnu li l‑kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jiżguraw li l‑applikazzjoni korretta u sempliċi tad-dazju tas-sisa tkun possibbli (Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83). Anki l-prinċipju li abbażi tiegħu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83, l-eżenzjoni tirrappreżenta r‑regola u ċ-ċaħda tagħha l-eċċezzjoni (73), jirriżulta b’dan il-mod maqlub.
109. Huwa veru wkoll li l-Istati Mmebri jistgħu jistabbilixxu l-modalitajiet tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-eżenzjoni jew tar-rimbors tad-dazju tas-sisa, billi jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-bżonn li tiġi evitata evażjoni, frodi u abbużi (74). Madankollu, kif diġà ġie osservat, fil-każ ta’ ċaħda tal‑eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, għandhom jissussistu indizzji konkreti u oġġettivament verifikabbli ta’ abbuż. Issa, abbażi tal-informazzjoni kollha fil‑pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma vverifikax ruħu fil-każ preżenti. Dispożizzjoni li tipprevedi terminu ta’ dekadenza relattivament qasir, li teskludi mir-rimbors ammonti li ma jeċċedux GBP 250 u li, barra minn hekk, ġeneralment, tiċħad il-bejjiegħa bl-ingrossa tal-alkoħol għat-tisjir mid-dritt għal rimbors, tmur b’mod ċar lil hinn mill-iskop leġittimu tal-ġlieda kontra l-abbużi.
110. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li:
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tar-rimbors tad-dazju tas-sisa mħallas fuq l-alkoħol għat-tisjir, terminu ta’ dekadenza ta’ erba’ xhur u ammont minimu ta’ GBP 250 u li, barra minn hekk, teskludi l-bejjiegħa bl-ingrossa tal‑alkoħol għat-tisjir mill-kategorija tal-persuni awtorizzati sabiex jippreżentaw talba għal rimbors tmur kontra l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 u l-prinċipju ta’ effettività.
VI – Konklużjoni
111. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-First-Tier Tribunal (Tax):
“1) L-inbid jew il-port li, għall-finijiet tal-użu tagħhom bħala inbid għat-tisjir jew port għat-tisjir, ġew miżjuda bil-melħ u l-bżar f’kwantità tali li tagħmilhom mhux adatti għall-konsum bħala xorb, ma jaqawx taħt il‑kunċett ta’ alkoħol etiliku skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 92/83.
2) L-alkoħol għat-tisjir suġġett għad-dazju tas-sisa armonizzat fuq l-alkoħol u fuq ix-xorb alkoħoliku għandu jiġi eżentat minn tali dazju skont l‑Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83.
3) Il-prodotti li, fl-Istat Membru ta’ produzzjoni, ġew rilaxxati għall-konsum bħala prodotti mhux suġġetti għad-dazju tas-sisa jew eżenti mid-dazju tas‑sisa ma jistgħux jiġu bl-istess mod suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar id-dazju tas-sisa armonizzat fi Stat Membru ieħor fejn jinżammu bi skopijiet kummerċjali, salv jekk jeżistu elementi konkreti u oġġettivament verifikabbli li jippruvaw
– li l-inapplikabbiltà tad-dazju tas-sisa jew l-eżenzjoni mid-dazju tas‑sisa ġiet erronjament rikonoxxuta mill-Istat Membru ta’ produzzjoni
jew
– li l-prodotti eżenti mid-dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 jistgħu jiġu użati għal skopijiet differenti minn dawk iċċitati hemm.
4) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tar-rimbors tad-dazju tas-sisa mħallas fuq l-alkoħol għat-tisjir, terminu ta’ dekadenza ta’ erba’ xhur u ammont minimu ta’ GBP 250 u li, barra minn hekk, teskludi l‑bejjiegħa bl-ingrossa tal-alkoħol għat-tisjir mill-kategorija tal-persuni awtorizzati sabiex jippreżentaw talba għal rimbors tmur kontra l‑Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 u l-prinċipju ta’ effettività.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Huwa kkunsidrat li Marcus Gavius Apicius kien jgħix fir-Ruma antika fl-ewwel seklu A.D. Plinius il Vecchio fi “Storia naturale” jiddeskrivih bħala l-iktar persuna ħalja (nepotum omnium altissimus gurges; ara Plinio, 10, 133), b’dispożizzjoni tiegħu miġbud lejn kull lussu (ad omne luxus ingenium natus ara Plinio, 9, 66).
3 – De re coquinaria (L’arte culinaria). Din il-ġabra ta’ riċetti, fil-verżjoni li waslet għandna, tmur lura probabbilment għat-tielet jew ir-raba’ seklu A.D. u għalhekk ma jistax ikun li ġiet redatta direttament minn Apicus.
4 – Ara r-riċetta attribwita lil Apicius ta’ “ius in elixam omnem” (zalza għal kull tip ta’ laħam misjur), f’De re coquinaria, Ktieb VII, Kapitolu 6.
5 – The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Excise Duties).
6 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2008, (C‑458/06, Ġabra p. I‑4207).
7 – ĠU L 76, p. 1.
8 – ĠU L 316, p. 21.
9 – In-NM hija inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 2, p. 382). Il-verżjoni tan-NM fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-direttiva, jiġifieri tad-19 ta’ Ottubru 1992 (ara r-raba’ premessa tad-Direttiva 92/83) hija dik vinkolanti; din il-verżjoni ġiet introdotta permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991 (ĠU L 259, p. 1), u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992.
10 – Il-liġi dwar il-finanzi tal-1995.
11 – United Kingdom Customs Control Zone.
12 – “bil-melħ – bil-bżar”.
13 – Impjegat tat-trasportatur tal-merkanzija indika madankollu l-kodiċi doganali “2103 90 90 59”, iżda probabbilment kien żball, peress li tali kodiċi ma jeżistix.
14 – Skont id-digriet tar-rinviju, mid-dokumenti ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta, li permezz taż-żieda ta’ 10 grammi melħ u 10 grammi bżar għal kull litru, l-inbid ma baqax tajjeb għax-xorb.
15 – Accompanying Administrative Document (AAD).
16 – Fit-18 ta’ Lulju 2002, inħarġu żewġ avviżi ta’ aċċertament: wieħed ta’ GBP 3 853 għall‑merkanzija li nbiegħet u l-ieħor ta’ GBP 5 884 għall-merkanzija fil-maħżen. L-imsemmija avviżi ġew ikkonfermati fis-27 ta’ Settembru 2002 mill-London Appeals and Reconsiderations Team (bord ta’ verifika u ta’ appell ta’ Londra).
17 – Qorti fiskali.
18 – Il-Gvern Franċiż esprima ruħu f’din l-okkażjoni fuq l-ewwel domanda preliminari biss.
19 – Ġurisprudenza stabbilita; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (36/79, Ġabra p. 3439, punt 12); tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C‑265/04, Ġabra p. I‑923, punt 54), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, Ġabra p. I-4273, punt 41).
20 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 39).
21 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑482/98, Ġabra p. I‑10861, punti 21 u 22).
22 – Ara f’dan ir-rigward, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93, tat-22 ta’ Novembru 1993. Dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri għall-iżnaturar komplet tal‑alkoħol għall-iskopijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa [dazju] tas-sisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 249). Skont dan ir-regolament, ġewwa Franza, pajjiż ta’ oriġini tal‑alkoħol għat-tisjir, l-iżnaturament jippresupponi ż-żieda ta’ metilina u alkoħol isopropyl. Fir‑Renju Unit, pajjiż ta’ destinazzjoni tal-alkoħol għat-tisjir, jiġi użat l-hekk imsemmi “injam nafta” u l-piradin prim. Abbażi tar-regolament, il-melħ u l-bżar ma humiex rikonoxxuti fl-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea bħala sustanzi li jintużaw għall-iżnaturament.
23 – Tapplika l-verżjoni tan-NM fis-seħħ fil-ġuranta tal-adozzjoni tad-Direttiva 92/83, jiġifieri t-18 ta’ Ottubru 1992 (ara r-raba’ premessa tad-Direttiva 92/83).
24 – Fil-formulazzjoni tal-intestatura NM 2208 fis-seħħ illum ma għadx hemm riferiment għall‑“preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti ta’ tip użat għall-manifattura tax-xorb”. Din il‑modifika tal-kontenut litterali tal-intestatura NM 2208 ġiet introdotta permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2448/95, tal-10 ta’ Ottubru 1995 (ĠU L 259, p. 1); ara, fl-aħħar nett, in-NM fil-verżjoni inkluża fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 287, p. 1).
25 – Ara t-tieni inċiż tal-punt A.1 tad-dispożizzjonijiet ġenerali fil-Parti I, Titolu I tan-NM.
26 – Abbażi tan-nota 1(a), il-ħall huwa l-unika eċċezzjoni u għalih hija prevista intestatura awtonoma fil-Kapitolu 22 tan-NM (intestatura NM 2209).
27 – In-noti ta’ spjega tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana huma iktar ċari fir-rigward tal-intestaturi 21 u 22 tas-Sistema Armonizzata (SA) li għalihom jikkorrispondu l-intestaturi NM: fin-noti ta’ spjega tal-OMD, l-inbid għat-tisjir u l-cognac għat-tisjir jiġu espressament iċċitati bħala eżempji ta’ prodotti inklużi taħt l-intestatura 2103, filwaqt li jiġu espressament indikati bħala prodotti esklużi minn taħt l-intestatura 2208. Dawn in-noti ta’ spjega jinsabu fl-internet taħt l-indirizz (l-aħħar aċċess fis-6 ta’ Mejju 2010). Skont ġurisprudenza kostanti, huma jipprovdu kontribut rilevanti għall‑interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi doganali differenti, iżda mingħajr ma jkunu legalment vinkolanti (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Data I vs O, (C‑370/08, Ġabra p. I-4401, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 35); ara, f’dan is-sens, l‑orjentament tal-Kummissjoni, approvat kważi unimament mill-Kumitat tat-Taxxi tas-Sisa, fis‑seduti tas-26 u tas-27 ta’ Novembru 2001 (dokument CED Nru 372 verżjoni definitiva tal-11 ta’ Novembru 2002).
29 – Ara s-sentenza Gourmet Classic (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39); fl-istess sens, il‑linji gwida tal-Kummissjoni, approvati kważi unimament mill-Kumitat tad-Dazji tas-Sisa, fis‑seduti tas-26 u tas-27 ta’ Novembru 2001 (dokument CED Nru 372 finali tal-11 ta’ Novembru 2002).
30 – Ara wkoll it-tielet premessa tad-Direttiva 92/83 (“jkunu stabbiliti definizzjonijiet komuni għall‑prodotti kollha inkwistjoni”) u r-raba’ premessa tal-istess direttiva (“li wieħed jibbaża dawn id-definizzjonijiet fuq dawk stipulati fin-nomenklatura kombinata li tkun fis-seħħ [...]”); il-korsiv huwa tiegħi.
31 – Ara wkoll il-ħmistax il-premessa tad-Direttiva 92/83 (“għal kull alkoħol etiliku kollu kif definit f’din id-Direttiva”); il-korsiv huwa tiegħi.
32 – L-inbid, impoġġi f’kontenituri li jkunu jesgħu sa żewġ litri, prodott fl-Unjoni Ewropea u b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix 15 % vol, jidħol taħt is-subintestaturi minn NM 2204 21 11 sa 2204 21 84; il-port li għandu qawwa alkoħolika effettiva bejn 15 % vol u 22 % vol jidħol taħt is-subintestatura NM 2204 2189.
33 – L-iktar l-iktar il-Cognac, li jikkostitwixxi l-bażi għall-produzzjoni tal-cognac għat-tisjir, jista’ jidħol taħt l-intestatura NM 2208 20 12 bħala spirtu. Madankollu, il-cognac għat-tisjir ma huwiex is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, kif ġie mfakkar diġà fil-bidu.
34 – Sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 30), u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 68).
35 – Ara f’dan ir-rigward, b’mod ġenerali, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punt 67), u tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, Ġabra p. 131, punt 45), kif ukoll b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli li jinvolvu piżijiet finanzjarji, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (326/85, Ġabra p. 5091, punt 24), tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, Ġabra p. I‑7203, punt 47), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, Ġabra p. I-8343, punt 46).
36 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, (punt 39).
37 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tat-3 ta’ April 2008 fil-kawża Gourmet Classic (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).
38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Spanja, imsejjħa “Rioja” (C‑388/95, Ġabra p. I‑3123, b’mod partikolari punti 51 u 52).
39 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2007, C‑331/05 P, Ġabra p. I-5475, paragrafu 85).
40 – Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali Lagrange fil-kawża Da Costa et (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, 28/62 sa 30/62, Ġabra p. 59, 84 et seq), u Poiares Maduro fil-kawża Cipolla et (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I-11421, punti 28 u 29).
41 – Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097, punt 14), u tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 58).
42 – Sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot et (24/86, Ġabra p. 379, punt 28); sentenza tal-Qorti tal‑Qorti Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 67), u tat-13 ta’ April 2010, Bressol et u Chaverot et (C‑73/08, Ġabra p. I-2735, punt 91).
43 – Ara iktar ’il fuq, punti 28 sa 63 ta’ dawn il-konlużjonijiet.
44 – Minħabba li l-cognac għat-tisjir fih il-cognac, u għalhekk spirtu skont l-intestatura NM 2208, huwa suġġett, bħala alkoħol etiliku, għad-dazju tas-sisa armonizzata fuq l-alkoħol skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.
45 – Sa fejn it-tielet domanda preliminari tirreferi għall-mument tal-eżistenza tal-eżenzjoni (“għandhom jiġu kkunsidrati bħala eżenti mis-sisa fil-mument tal-manifattura [...]”), din tissovrapponi ruħha fuq ir-raba’ domanda preliminari u għaldaqstant, din ser tiġi ttrattata f’tali kuntest (punti 81 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
46 – Il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li l-alkoħol għat-tisjir jiġi użat sabiex il-laħam issir iktar tari (“tenderising meat”).
47 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 (punt 39); is-sentenza kienet tagħmel riferiment għall-inbid għat-tisjir.
48 – Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 44. Konstatazzjoni simili tapplika wkoll għall-inbid għat‑tisjir u għall-port għat-tisjir inkwistjoni biss kieku, kuntrarjament għal dak li ġie propost minni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tibqa’ fidila mad-deċiżjoni tagħha fil-kawża Gourmet Classic (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).
49 – Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Profisa (C‑63/06, Ġabra p. I‑3239, punt 17).
50 – Il-qawwa alkoħolika tal-ingredjent tidher biss bħala kwistjoni preliminari fil-kuntest tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 (ara iktar ’il fuq il-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u jiġifieri, għall-finiijiet sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex il-każ jew le ta’ alkoħol li huwa suġġett għad-dazju tas-sisa (ara pereżempju, l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83).
51 – Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-alkoħol għat-tisjir suġġetti għad-dazju għandhomx “jiġu kkunsidrati bħala eżenti mis-sisa fil-mument tal-manifattura [tagħhom] (…) minħabba li destinati għall-preparazzjoni tal-ikel”.
52 – Ara l-Artikolu 22 tad-Direttiva 92/12 flimkien mal-Artikolu 7 tal-istess; ara wkoll it-tmintax il-premessa ta’ tali direttiva u s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Joustra, (C-5/05, Ġabra p. I-11075, punt 30).
53 – Ir-rati tad-daji tas-sisa jistgħu jvarjaw notevolment minn Stat Membru għall-ieħor.
54 – Ara r-raba’ premessa tad-Direttiva 92/12 (“Billi sabiex jiġi żgurat l-istabbiltà u l-iffunzjonar tas-suq intern, il-ħlas tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri”); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 22), tal-5 ta’ April 2001, Van de Water (C‑325/99, Ġabra p. I‑2729, punt 39), u Joustra (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 27).
55 – L-ewwel premessa tad-Direttiva 92/12 u t-tielet premessa tad-Direttiva 92/83.
56 – Li kienu l-Artikolu 14(2) KE u l-Artikoli 23 sa 31 KE.
57 – L-ewwel premessa tad-Direttiva 92/12.
58 – Dan il-prinċipju ġie affermat fil-ġurisprudenza fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanziji sa mis-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon”, (120/78, Ġabra p. 649, punt 14); ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑184/96, Ġabra p. I‑6197, punt 28).
59 – Ir-rikonoxximent reċiproku kien ukoll suġġett tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21). F’tali kawża, ġew diskussi l-kundizzjonijiet li jawtorizzaw Stat Membru sabiex jirrifjuta b’mod eċċezzjonali r-rikonoxximent – dovut b’mod ġenerali – ta’ eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru.
60 – Ara għall-darba oħra r-raba’ premessa tad-Direttiva 92/12.
61 – Is-sistema ta’ rimbors hija ġustifikata fid-dawl tal-għażla mogħtija mill-Artikolu 27(6) tad‑Direttiva 92/83 u tipprevedi li d-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol l-ewwel jitħallas sabiex imbagħad fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet determinati jiġi rrimborsat. Fil-każ tal-alkoħol għat‑tisjir, ir-rimbors isir biss wara li l-alkoħol ġie effettivament użat fil-produzzjoni tal-ikel.
62 – Ara, f’dan ir-rigward, it-test introduttiv tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 u t-tnejn u għoxrin premessa tal-istess.
63 – Sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 52); fl-istess sens – għalkemm f’kuntest ieħor – is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punt 75), u tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 68).
64 – Ara, f’dan is-sens – fir-rigward tal-Artikolu 27(1)(a) u (b) tad-Direttiva 92/83 – is-sentenzi L‑Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50), u Profisa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 18).
65 – Skont ġurisprudenza kostanti, il-fatt li kontribwent approfitta minn dispożizzjoni jew mill‑possibbiltajiet offruti minn leġiżlazzjoni fiskali ma jippermettix li jiġi suspettat abbuż minħabba f’hekk; ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punti 36 u 37); tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, Ġabra p. I‑8203, punt 61), u tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑150/04, Ġabra p. I‑1163, punt 58).
66 – Ara, hawnhekk ukoll, it-tmintax-il premessa tad-Direttiva 92/83.
67 – Ġurisprudenzastabbilita; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi mogħtija fl-iktar kuntesti differenti, tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, Ġabra p. 1205, punti 22 sa 25), tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. 3595, punt 12); tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 34); tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel (C‑291/03, Ġabra p. I‑8477, punt 17), u tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, Ġabra p. I-635, punt 31).
68 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, San Giorgio (punt 12); Edis (punt 34), u MyTravel (punt 17); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 46), u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, Ġabra p. I-10467, punt 43).
69 – Ara l-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar ir-raba’ domanda preliminari (punti 81 sa 93 iktar ’il fuq).
70 – Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), dwar ir-rimbors jew it-tmexxija ’l quddiem tat-taxxa tal-input imħallsa.
71 – Fis-16 ta’ Lulju 2002, il-ġurnata meta nqabad l-alkoħol għat-tisjir inkwistjoni fil-kawża preżenti, dan l-ammont kien jikkorrispondi għal madwar EUR 388; fl-10 ta’ Lulju 2002, data tat-trattazzjoni verbali fl-ambitu tal-qorti tar-rinviju, kien ekwivalenti għal madwar EUR 302.
72 – Repertoire Culinaire tagħmel riferiment għall-perjodu qabel is-27 ta’ April 2002, li għalih jirreferu l-parti l-kbira tal-krediti li għandhom jiġu rrimborsati, abbażi tal-indikazzjonijiet tal‑impriża.
73 – Ara mill-ġdid – fir-rigward tal-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83 – is-sentenzi L-Italja vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 50), u Profisa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 18).
74 – Ara, f’dan ir-rigward, il-parti introduttiva tal-Artikolu 27(1) u t-tnejn u għoxrin premessa tad‑Direttiva 92/83.
Full & Egal Universal Law Academy