KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)
Kawża C‑176/09
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
vs
Il-Parlament Ewropew
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Rikors għal annullament – Trasport – Direttiva 2009/12/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Ajruporti li jirreġistraw l-ikbar numru ta’ passiġġieri għal kull Stat Membru – Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità”
1. Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/12/KE tal‑11 ta’ Marzu 2009, dwar l-imposti tal-ajruporti (2) (iktar ’il quddiem: “id‑direttiva”), tapplika għal żewġ kategoriji ta’ ajruporti. Minn naħa l-ajruporti “li t-traffiku annwali tiegħu jkun iktar minn 5 miljun moviment ta’ passiġġieri”, u min‑naħa l-oħra, l-ajruporti “bl-akbar movimenti ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru”.
2. Permezz tar-rikors preżenti, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, prinċipalment, qed jitlob l-annullament tad-dispożizzjoni li tirreferi għat-tieni kategorija ta’ ajruporti. Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddikjarax possibbli l‑annullament parzjali tad-direttiva, il-Lussemburgu jitlob annullament sħiħ.
I – Il-kuntest leġiżlattiv
A – Id-Direttiva 2009/12/KE
3. Id-direttiva kkontestata ġiet addottata abbażi tal-Artikolu 80(2) KE, bil‑għan li tistabbilixxi “prinċipji komuni għall-ġbir ta’ imposti [tariffi] tal-ajruporti Komunitarji” (Artikolu 1(1)).
4. Il-premessi 2, 3 u 4 tad-direttiva jipprovdu li:
“(2) Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali tal‑imposti [tariffi] tal-ajruport u l-mod li bih dawn jiġu stabbiliti, minħabba li, fin-nuqqas ta’ tali qafas, ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija tal‑ajruporti u l-utenti tal-ajruporti jistgħu ma jintlaħqux.
(3) Din id-Direttiva għandha tapplika għal ajruporti li jinsabu fil-Komunità, li jkunu ikbar minn daqs minimu, billi l-ġestjoni u l-finanzjament ta’ ajruporti żgħar ma jeħtieġux l-applikazzjoni ta’ qafas Komunitarju.
(4) Minbarra dan, fi Stat Membru fejn l-ebda ajruport ma jilħaq id-daqs minimu għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-ajruport bl-akbar movimenti ta’ passiġġieri jgawdi minn tali pożizzjoni privileġġata bħala punt ta’ dħul f’dak l‑Istat Membru li huwa meħtieġ li tiġi applikata, għal dak l-ajruport, din id‑Direttiva sabiex ikun garantit ir-rispett ta’ ċerti prinċipji bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korp tat-tmexxija u l-utenti tal-ajruport, b’mod partikolari fir-rigward tat‑trasparenza tal-imposti u tan-non diskriminazzjoni fost l-utenti tal-ajruport.”
5. Skont il-premessa 19, l-għan tad-direttiva “ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri billi fil-livell nazzjonali ma jistgħux jiġu stabbiliti sistemi ta’ imposti [tariffi] tal-ajruporti b’uniformità fil-Komunità kollha, u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju.”
6. Skont l-Artikolu 1(2), id-direttiva tapplika “għal kull ajruport li jinsab f’territorju suġġett għat-Trattat u miftuħ għat-traffiku kummerċjali li t-traffiku annwali tiegħu jkun iktar minn 5 miljun moviment ta’ passiġġieri u għall-ajruport bl-ogħla moviment ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru.”
7. Konkretament, id-direttiva tipprovdi l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu proċedura perijodika ta’ konsultazzjoni li għall-inqas isseħħ darba fis‑sena bejn il-korp tat-tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport dwar l‑iffinanzjar tas-sistema ta’ tariffi għall-użu tal-infrastrutturi u tas-servizzi fornuti minn tal-ewwel għat-tieni (Artikolu 6(1)). F’dan il-kuntest, huma pprovduti għaż-żewġ partijiet, obbligi reċiproċi ta’ informazzjoni li huma neċessarji għad-determinazzjoni tat-tariffi tal-ajruporti (Artikolu 7).
8. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi awtorità indipendenti ta’ viġilanza li tiżgura r-rispett għall-obbligi pprovduti mid-direttiva (Artikolu 11) u li jistgħu jirreferu għaliha l-partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar deċiżjoni inerenti għat‑tariffi tal-ajruporti (Artikolu 6(3)).
9. Sal-15 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport dwar l‑applikazzjoni tad-direttiva, kif se jintlaħqu l-għanijiet tagħha u l-bżonn li jsiru emendi xierqa (Artikolu 12).
10. Id-direttiva tidentifika l-15 ta’ Marzu 2011 bħala t-terminu ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali (Artikolu 13).
II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal‑partijiet
11. Il-Lussemburgu ressaq dan ir-rikors permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-18 ta’ Mejju 2009.
12. Il-Kummissjoni Ewropea intervjeniet insostenn tal-pożizzjonijiet tal‑Parlament u tal-Kunsill. Ir-Repubblika Slovakka għal kuntrarju intervjeniet insostenn tal-Lussemburgu.
13. Il-partijiet iltaqgħu f’seduta fil-21 ta’ Ottubru 2010.
14. Il-Lussemburgu qed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– primarjament tannulla l-Artikolu 1(2) tad-direttiva fil-parti li fiha hemm riferiment għall-ajruporti “bl-ogħla moviment ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru”;
– sussidjarjament tannulla d-direttiva kollha;
– f’kull każ tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti biex iħallsu l-ispejjeż.
15. Il-Parlament u l-Kunsill qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lil-Lussemburgu jħallas l-ispejjeż;
– sussidjarjament f’każ ta’ annullament tad-direttiva, tagħmel dan ħlief għall‑effetti sal-adozzjoni ta’ att ġdid.
III – L-argumenti tal-partijiet
A – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
16. Il-Lussemburgu jikkontesta l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni: id-direttiva tittratta kemm trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili kif ukoll ugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet differenti.
17. Inkwantu għall-ewwel aspett ta’ diskriminazzjoni, il-Lussemburgu qed jilmenta li l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ta’ ajruporti bħal dak ta’ Luxembourg-Findel (iktar ’il quddiem “l-ajruport ta’ Findel”) tfisser għal dawn tal-aħħar tariffi u spejjeż amministrattivi li għal kuntrarju, ma jkunux suġġetti għalihom ajruporti oħra li jinsabu f’sitwazzjoni simili, jiġifieri l-ajruporti reġjonali l-kbar li għandhom moviment tal-passiġġieri ta’ inqas minn 5 miljuni fis-sena, mingħajr ma’ din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata oġġettivament.
18. B’mod partikolari r-riferiment huwa għall-ajruporti ta’ Charleroi fil-Belġju, u ta’ Hahn fil-Ġermanja, li, peress li għandhom l-istess ammont ta’ użu bħal Findel, għandhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta miegħu. L-ajruport ta’ Findel (li fl-2007 kellu traffiku ta’ 1,642,848 passiġġier) jaqa’ taħt l-applikazzjoni tad-direttiva bħala l-ajruport prinċipali tal-Lussemburgu. Għal kuntrarju, iż-żewġ ajruporti msemmija iktar ’il fuq, għalkemm għandhom traffiku ta’ passiġġieri ikbar (fl-2008 rreġistraw 2.9 miljun u 4 miljun passiġġier rispettivament), ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tad-direttiva, peress li ma jaqbżux il-5 miljun passiġġier fis-sena u ma humiex l-ajruporti prinċipali tal-Istati Membri rispettivi.
19. Fir-rigward tat-tieni aspett ta’ diskriminazzjoni, il-Lussemburgu jilmenta li qed jiġi ttrattat mid-direttiva b’mod simili għal Stati Membri oħra, bħall-Belġju u l-Ġermanja, li għandhom ajruporti bi traffiku ta’ passiġġieri ħafna iktar minn 5 miljuni. Il-pożizzjoni tal-ajruporti prinċipali ta’ dawn l-Istati Membri hija differenti, u ma għandhomx ikunu suġġetti għall-istess obbligi.
20. Skont il-Lussemburgu, il-“pożizzjoni privileġġata” tal-ajruporti prinċipali ma tagħtix lill-ajruporti bi traffiku ta’ passiggieri inqas, bħal dak ta’ Findel, vantaġġ tal-istess tip bħal dak mogħti lil dawk l-ajruporti li għandhom traffiku ta’ passiġġieri ikbar. Anki minn perspettiva ekonomika, l-ajruport ta’ Findel ma huwiex paragunabbli mal-ajruporti internazzjonali kbar.
21. Il-Lussemburgu jikkontesta l-affermazzjoni li ssir fil-premessa 4 tad‑direttiva, u jinnega li l-ajruport prinċipali ta’ kull Stat Membru għandu pożizzjoni privileġġata bħala “punt ta’ dħul” fl-istess Stat Membru. Bl‑introduzzjoni tal-premessa 4, il-Kunsill ipprova jagħti ġustifikazzjoni ex post għall-inklużjoni fid-direttiva ta’ mill-inqas ajruport wieħed għal kull Stat Membru.
22. Skont il-Lussemburgu, ir-riskju ta’ pożizzjoni dominanti huwa iktar reali għal ajruporti reġjonali ħafna iktar importanti minn dak ta’ Findel, minħabba li għalkemm ikunu pożizzjonati viċin iċ-ċentri urbani l-kbar, ma jikkostitwixxux l‑ajruporti prinċipali tal-Istati Membri rispettivi tagħhom u għalhekk huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Findel ikun diskriminat fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar minħabba trattament differenti abbażi tas-sempliċi differenza tan‑nazzjonalità tal-ajruport.
23. Fl-aħħar nett, il-Lussemburgu ma jirrikonoxxi ebda ġustifikazzjoni li jagħmel il-leġiżlatur dwar il-motiv għalfejn issuġġetta lil Findel għal tariffi li skont hu huma diskriminatorji. L-evalwazzjonijiet kumplessi potenzjali mwettqa matul l-abbozzar tad-direttiva, ma jistgħux jittrattaw bil-mod tagħhom sitwazzjoni ta’ ċarezza immedjata bħal dik ta’ Findel.
24. Is-Slovakkja għandha l-istess oġġezzjonijiet bħal dawk imressqa mil‑Lussemburgu fir-rigward tal-ispejjeż tat-tariffi amministrattivi, filwaqt li żiedet li l-proċeduri ammistrattivi u ta’ kontroll ipprovduti mid-Direttiva (bħad‑dritt tal-utenti tal-ajruport li jirrikorru għand awtorità indipendenti f’każ ta’ kontroversji dwar deċiżjoni tal-korp tat-tmexxija tal-ajruport), jistgħu jwasslu li jwaqqfu l-proċess deċiżjonali u jrendu lill-ajruporti inqas kompetittivi.
25. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill itenni li sabiex ikun stabbilit il-kuntest tat‑trasparenza tat-tariffi tal-ajruporti, għall-benefiċċju tas-settur tat-trasport bl‑ajru, il-leġiżlatur ma setax jinjora l-pożizzjoni privileġġata tal-ajruport prinċipali f’kull Stat Membru. Din il-pożizzjoni għaldaqstant trendih paragunabbli mal-ajruporti li jissuperaw il-limitu minimu ta’ moviment ta’ 5 miljun passiġġier fis-sena. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jinnega li l-estensjoni tal-applikazzjoni tad‑direttiva għall-ajruporti li jirreġistraw l-ikbar numru ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru tkun żieda ex post. Fi kwalunkwe każ, anki jekk stess ma jkunux saru modifiki għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kif propost oriġinarjament (li kien jinkludi l-ajruporti b’iktar minn miljun passiġġier fis-sena jew b’iktar minn 25 000 tunnellata ta’ trasport kummerċjali fis-sena), l-ajruport ta’ Findel, li fl‑2008 irreġistra trasport kummerċjali ta’ iktar minn 70 00 tunnellata, ikun ukoll suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.
26. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-Lussemburgu ma ġġustifikax l‑ilment tiegħu ta’ trattament differenti. Ma hemm l-ebda evidenza tal-fatt li l‑ajruporti ta’ Charleroi u ta’ Hahn igawdu minn pożizzjoni privileġġata simili għal dik ta’ ajruporti prinċipali tal-Istati Membri rispettivi, u lanqas tal-fatt li l‑linji tal-ajru li s‑soltu jwettqu l‑attivitajiet tagħhom fl‑ajruport ta’ Findel se jkunu mġiegħla jabbandunawh biex jistabbilixxu ruħhom f’Charleroi jew f’Hahn.
27. Skont il-Parlament, hija biss l-applikazzjoni tad-direttiva fl-Istati Membri kollha li tippermetti trasparenza kbira u nondiskriminazzjoni fl-iffissar tat-tariffi tal-ajruporti min-naħa tal-korpi tat-tmexxija. Barra minn hekk, jekk il-linji tal-ajru jagħmlu dan, ikollhom il-possibbiltà li jagħżlu, f’kull Stat Membru, għall-inqas ajruport suġġett għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar t-tariffi tal-ajruporti.
28. It-tieni nett, il-Parlament isostni li l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva ma jwasslux għal spejjeż tali li jpoġġu lill-ajruport ta’ Findel f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbel ma ajruporti mhux suġġetti għal din id-dispożizzjoni.
29. Il-Parlament jinsisti barra minn hekk, abbażi tal-ftehim tal-Kunsill, fuq in‑neċessità li d-direttiva tkun applikata f’kull Stat Membru: f’dan il-kuntest, il‑klawżola kkontestata mil-Lussemburgu tikkostitwixxi element essenzjali fl‑ekonomija tat-test leġiżlattiv, mill-mument li jkun żgurat li f’kull Stat Membru jkun hemm mill-inqas ajruport meqjus li huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ trasparenza fil-qasam tat-tariffi tal-ajruporti.
30. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha, tappoġġa l-interpretazzjoni tad-direttiva kif mogħtija mill-Parlament u mill-Kunsill. B’mod partikolari, fir-rigward tal‑ġustifikazzjoni tal-premessa 4, din tippreċiża li żewġ kategoriji ta’ ajruporti biss jistgħu jsibu ruħhom f’pożizzjoni dominanti fil-kuntest tal-inġenji tal-ajru: l‑ajruporti prinċipali f’kull Stat Membru, inkwantu “il-punt tad-dħul” privileġġat għall-istess motiv, u l-ajruporti li għandhom moviment ta’ passiġġieri ogħla mil‑limitu minimu ta’ 5 miljun passiġġier.
31. Għall-Kummissjoni, il-kriterju ta’ ajruport “prinċipali” f’kull Stat Membru jikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan tad-direttiva, il-pilastru tal-leġiżlazzjoni kollha dwar t-tariffi tal-ajruporti. Għal kuntrarju, il-kriterju tat-traffiku tal-passiġġieri ogħla minn 5 miljun passiġġier, iservi biss biex ikun ikkompletat l-ewwel kriterju.
B – Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà
32. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Lussemburgu jikkunsidra li l-proċeduri u t-tariffi amministrattivi huma eċċessivi u sproporzjonati fil-kuntest ta’ realtà bħal dik ta’ Findel.
33. B’riferiment għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istat rikorrent jikkontesta li għall-ġestjoni u l-iffinanzjar tal-ajruporti li għandhom traffiku tal-passiġġieri inqas minn 5 miljuni fis-sena, jeħtieġ li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni Komunitarja. Prova ta’ dan jista’ jkun il-fatt li diversi ajruporti ikbar mill-ajruport ta’ Findel huma eżentati mill-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva.
34. Il-Kunsill jikkontesta din it-teżi billi jassumi li r-regolarizzazzjoni tat‑tariffi tal-ajruporti timplika evalwazzjonijiet kumplessi, li jiggarantixxu lil‑leġiżlatur marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, kundannabbli biss bi żball manifest. Fuq l-istess livell ta’ din il-preżunzjoni, il-Kunsill itenni li r-rikors għandu jkun miċħud minħabba li ma weriex il-karattru manifestament inadegwat tal-miżura fil‑kuntest tal-għanijiet li huma mixtieqa li jintlaħqu mil-leġiżlatur Komunitarju.
35. Il-Kunsill jinnota barra minn hekk, li l-prinċipji essenzjali li huma l-bażi ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ konsultazzjoni, għandhom jiffaċilitaw mhux biss l-attività tal-linji tal-ajru, iżda wkoll tal-ajruporti. Jiena tal-opinjoni li, minħabba li d-definizzjoni ta’ dawn il‑prinċipji komuni tista’ tkun implementata aħjar fil-livell tal-Unjoni, il‑Lussemburgu ma weriex fiex jikkonsisti l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
36. Il-Parlament jaqbel kważi għal kollox mal-pożizzjoni tal-Kunsill u jżid li l‑proporzjonalità tal-miżura tirriżulta evidenti mil-livell minimu tal-obbligi pprovduti minnha.
37. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha tenfasizza li l-fatt li l-prinċipji ta’ konsultazzjoni obbligatorja u ta’ nondiskriminazzjoni diġà ġew adottati fil-parti l‑kbira tal-Istati Membri, inaqqas id-dimensjoni, f’termini ta’ tariffi amministrattivi, tal-inċidenza tad-direttiva fuq is-sistema tal-ajruporti tagħhom stess.
IV – Evalwazzjoni
38. Insostenn tat-talbiet tiegħu stess, il-Lussemburgu kkonkluda żewġ motivi: l-ewwel jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u t-tieni, il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.
39. Fl-analiżi tiegħi tal-każ, se nanalizza qabel xejn, il-limiti tal-kontroll tal‑leġittimità tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-għażla mwettqa mil-leġiżlatur fir‑rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. F’dawn il-parametri, se nipproċedi bl-analiżi tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, fid-dawl kemm tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ proporzjonalità tal-miżura. Fl‑aħħar nett, se nikkonċentra fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
40. Madankollu, l-ewwel nett, jidhirli li jeħtieġ li jkun iċċarat x’inhu l-għan tad-direttiva, sabiex ikun determinat, fid-dawl tiegħu stess, huwiex possibbli annullament parzjali tal-att leġiżlattiv.
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Fuq l-għan tad-direttiva.
41. L-osservazzjonijiet tal-partijiet juru li ma jaqblux bejniethom dwar id‑definizzjoni tal-għan tad-direttiva. Skont il-Parlament, il-Kunsill u l‑Kummissjoni, id-direttiva għandha l-għan prinċipali li tipproteġi lil-linji tal-ajru minn imġiba abbużiva possibbli tal-ajruporti li jgawdu pożizzjoni dominanti. Anki l-Lussemburgu, għall-inqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fir-replika għall‑intervent tal-Kummissjoni, qabel mal-istess pożizzjoni. Għal kuntrarju, is‑Slovakkja min-naħa tagħha, tidher li qed issostni li l-għan tal-leġiżlatur kien li jiffavorixxi, minħabba li bassar abbużi minn pożizzjoni dominanti, żvolġiment korrett tal-kompetizzjoni bejn l-ajruporti.
42. L-analiżi tad-direttiva kif ukoll tax-xogħol preparatorju, turi b’mod ċar li l‑pożizzjoni korretta hija l-ewwel waħda, u li d-direttiva għandha l-għan li timpedixxi li l-ajruporti jistgħu japprofittaw, bi ħsara għal-linji tal-ajru, minn vantaġġi speċifiċi li jistgħu jgawdu minnhom minħabba l-pożizzjoni jew id-daqs tagħhom.
43. Nosserva f’dan ir-rigward li l-premessa 2 tad-direttiva tagħmel riferiment speċifiku għar-“relazzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u l-utenti tal‑ajruporti”.
44. Għal kuntrarju, it-test tad-direttiva ma jikkonfermax l-interpretazzjoni alternattiva, li tidher li hija bbażata fuq indikazzjoni vaga li tirriżulta mix-xogħol preparatorju. Madankollu, minbarra l-fatt li, kif diġà ġie innutat, ix-xogħol preparatorju ma jistax ikun ikkunsidrat bħala determinanti jekk ma jkunx iġġustifikat mit-test leġiżlattiv (3), anki l-analiżi tiegħu stess tikkonferma l-fatt li l‑għan mixtieq mil-leġiżlatur kien dak li jirregola r-relazzjoni bejn il-korpi tat‑tmexxija tal-ajruporti u l-linji tal-ajru.
45. B’mod partikolari, dan kien diġà ċar fil-parir tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (4), u l-Kummissjoni stess, bħala l-awtriċi tad-direttiva proposta, speċifikament ikkonfermat kemm fil-komunikazzjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 (5), kif ukoll fil-parir tat-18 ta’ Frar 2009 (6), li “l-għan tal-proposta adottata mill‑Kummissjoni fl-24 ta’ Jannar 2007 hu li jiffaċilita d-diskussjoni dwar l‑imposti [tariffi] ta’ l-ajruporti bejn l-ajruporti u l-linji ta’ l-ajru”.
46. Konsegwentement, kemm it-test tad-direttiva, kif ukoll l-analiżi tax-xogħol preparatorju li sar bl-approvazzjoni tagħha, jindikaw b’mod ċar li l-għan li l‑leġiżlatur kellu f’moħħu li jintlaħaq, u li għandu jkun ikkunsidrat fl‑evalwazzjoni tal-leġittimità tad-direttiva, huwa dak li jkunu evitati abbużi mill‑korpi tat-tmexxija tal-ajruporti fil-konfront tal-linji tal-ajru.
2. Fuq l-annullament parzjali tad-direttiva
47. Il-Lussemburgu prinċipalment qed jitlob kif rajna, li d-direttiva tkun iddikjarata illegali fil-parti meta jkun estiż il-kamp ta’ applikazzjoni għall‑ajruport “bl-ogħla moviment ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru”. Fl‑opinjoni tiegħu, l-eliminazzjoni ta’ din il-parti ma tfixkilx l-ekonomija tad‑direttiva.
48. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni.
49. In-nuqqas irraportat mil-Lussemburgu, jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kkontestata, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-proċeduri ta’ kontroll ipprovduti minnha għal mill-inqas ajruport wieħed għal kull Stat Membru.
50. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att huwa possibbli biss fil-limitu meta dan jikkonċerna parti “separabbli” minnu u bil-kundizzjoni li l-annullament parzjali ma jbiddilx is‑sustanza tal-att stess (7). F’dan il-każ, jiena tal-opinjoni li, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva jerġa’ jidħol bejn l-elementi essenzjali tiegħu.
51. Kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju, id-diskussjoni bejn l-istituzzjonijiet biex jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kienet iċ-ċentru tad‑diskussjoni matul il-proċess leġiżlattiv kollu (8). L-għażla li jintużaw żewġ kriterji, irrappreżentati rispettivament minn livell minimu numeriku (il-5 miljun passiġġier fis-sena) u minn natura “privileġġata” ta’ ajruport (bl-inklużjoni tal‑ajruport prinċipali ta’ kull Stat Membru), hija r-riżultat ta’ kompromess diffiċli li ppermetta li tkun evitata sitwazzjoni ta’ imblokk, li ftit snin qabel wasslet biex tkun irtirata proposta tal-Kummissjoni (9).
52. Għal dawn il-motivi nħoss li l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttiva, tal-ajruport prinċipali ta’ kull Stat Membru hija konnessa b’mod ċar mal-inklużjoni tal-ajruporti li għandhom traffiku tal-passiġġieri ogħla minn 5 miljuni fis-sena.
53. Huwa evidenti li, f’każ li jibqa’ jingħad li r-riferiment għall-ajruport prinċipali ta’ kull Stat Membru għandu jkun eliminat, u b’hekk jiġi eliminat il‑parametru doppju maħsub mil-leġiżlatur, il-limitu minimu ulterjuri ta’ 5 miljun passiġġier fis-sena jirriżulta li ma jkunx biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tad‑direttiva. Fi kliem ieħor, il-loġika maħsuba mil-leġiżlatur tkun inbidlet ħafna.
54. Konsegwentement, f’każ li jintlaqgħu l-argumenti proposti mil‑Lussemburgu, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-opinjoni tiegħi, tkun biss l-annullament totali tad-direttiva li qiegħda tiġi kkontestata.
B – Fuq il-limiti tal-analiżi tal-validità tad-direttiva
55. Id-direttiva, is-suġġett tar-rikors preżenti, kienet ġiet adottata abbażi tal‑Artikolu 80(2) KE. Hija ġurisprudenza stabbilita li fis-settur tat-trasport, bħal f’dawk kollha li hemm involuti evalwazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, il-leġiżlatur għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (10). F’dawn is‑sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, titkellem dwar “evalwazzjonijiet kumplessi” (11): din il-kumplessità tispjega ruħha abbażi kemm tad-diffikultà li tirriżulta mill-għaqda tal-interessi differenti, kif ukoll fid-dawl tar-responsabbiltà politika tal-attivitajiet ta’ regolamentazzjoni ekonomika u soċjali. Fl-ambitu tal‑kontroll tal-legittimità tal-atti leġiżlattivi relattivi għal dawn is-setturi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tagħti ġudizzju fuq l-opportunità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur, u lanqas li tissanzjona l-għażliet leġiżlattivi kostitwiti minn żball manifest ta’ evalwazzjoni (12).
56. Ma’ dan għandu jiżdied li d-diskrezzjoni mogħtija lil-leġiżlatur Komunitarju tinkludi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti, minn perspettiva kumplessiva, l-elementi li għandhom ikunu kkunsidrati fl-għażliet tiegħu. Fil-fatt, kif qalet u kkjarifikat il‑Qorti tal-Ġustizzja, meta l-implementazzjoni ta’ politika komuni, bħal dik tat‑trasport, timplika l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa, is-setgħa diskrezzjonali attribwita lill-istituzzjonijiet ma hijiex esklużivament dwar in-natura u l‑kobor tal‑provvedimenti li għandhom jiġu adottati, iżda anki, sa ċertu punt, il‑verifika tal-fatti, li tista’ tkun ibbażata fuq aċċertamenti globali (13).
C – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
57. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jitlob li sitwazzjonijiet simili ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jirriżultax oġġettivament ġustifikat (14).
58. Se nikkonċentra issa separatament fuq aspetti differenti ta’ diskriminazzjoni li qed jilmenta dwarhom il-Lussemburgu, biex qabelxejn nara jekk is-sitwazzjonijiet użati bħala termini ta’ paragun minn dan l-Istat Membru humiex komparabbli ma’ tiegħu u, f’każ ta’ risposta pożittiva, jekk it-trattament ikkontestat effettivament jagħtix lok għal diskriminazzjoni.
59. Fid-dawl ta’ dak espost dwar id-diskrezzjoni tal-leġiżlatur, il-mistoqsija li ssir għall-finijiet ta’ din il-kawża hija jekk l-għażla li jiġu trattati l-ajruporti “prinċipali” ta’ kull Stat Membru bħala l-ajruporti bi traffiku ta’ iktar minn 5 miljun passiġġier, u b’mod differenti fir-rigward tal-ajruporti “sekondarji” bi traffiku tal-passiġġieri simili għal dak tal-“prinċipali”, tagħtix lok għal trattament differenti li jirriżulta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Is-sitwazzjoni se tiġi evalwata fid-dawl tal-għanijiet maħsuba mil-leġiżlatur, li bħalma rajna huma li jiġu evitati l-abbużi mill-korpi tat-tmexxija tal-ajruporti fil-konfront tal-linji tal‑ajru.
1. Fuq it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili
60. F’dak li jirrigwarda t-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili, il‑Lussemburgu qed jilmenta dwar żewġ aspetti ta’ diskriminazzjoni li jippenalizzaw lill-ajruport ta’ Findel fir-rigward tal-ajruporti sekondarji li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. L-ewwel aspett jirreferi għall‑ajruporti li l-Lussemburgu jqis li huma kompetituri diretti tiegħu u li jirreġistraw traffiku tal-passiġġieri simili għall-ajruport ta’ Findel: l-ajruporti ta’ Hahn u ta’ Charleroi. Għal kuntrarju, it-tieni aspett jirreferi għall-ajruporti li jistgħu jkunu simili għal Findel, mhux biss minn perspettiva dimensjonali, iżda wkoll minn perspettiva strateġika, minħabba l-pożizzjoni viċin iċ-ċentri urbani kbar.
61. Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili jassumi li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli fid-dawl kemm tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, kif ukoll tas-suġġett u l‑għan tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (15). Għalhekk, skont din il-perspettiva, sabiex ikunu affaċċati s-sitwazzjonijiet preżenti, għandhom ikunu kkunsidrati mhux biss l-elementi bħat-traffiku tal-passiġġieri jew ir-relazzjoni kompetittiva bejn l-ajruporti (16), iżda wkoll iċ-ċirkustanzi kollha li, mill-perspettiva tal-linji tal-ajru, jiġifieri s-suġġetti li d-direttiva għandha l-għan li tipproteġi, jistgħu jrendu ajruport simili jew differenti fir-rigward ta’ ieħor.
Il-konfront mal-ajruporti sekondarji li għandhom traffiku simili u li jinsabu fl‑istess żona ta’ kummerċ bħall-ajruport ta’ Findel
62. L-ewwel nett se nibda bl-analiżi tal-pożizzjoni ġeografika li fiha jinsab l‑ajruport ta’ Findel meta mqabbel ma’ ajruport sekondarju bi traffiku simili li jinsab fl-istess żona ta’ kummerċ, bħal pereżempju l-ajruport ta’ Hahn. Id-diskors huwa validu b’mod iktar ġenerali għall-ajruporti kollha bi traffiku tal-passiġġieri simili għal dak ta’ Findel, iżda li ma jinsabux viċin ċentru urban.
63. F’dan ir-rigward tirriżulta minnha l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-ajruporti prinċipali ta’ kull Stat Membru jiftaħru li għandhom karatteristiċi komuni, li għal kuntrarju ma għandhomx ajruporti oħra.
64. Waħda minn dawn il-karatteristiċi hija pereżempju, il-viċinanzi immedjati għal belt, ħafna drabi l-belt kapitali, fattur li jrendihom partikolarment attraenti, għall-inqas għal kategorija partikolari ta’ passiġġieri, dawk li jivvjaġġaw fuq xogħol jew negozju. Għalhekk minħabba din il-parti tas-suq, il-linji tal-ajru huma interessati iktar li joffru titjiriet lejn u minn ajruport prinċipali bħal Findel, pjuttost milli minn ajruport sekondarju bħal Hahn. Ajruport bħal dan tal-aħħar, għal kuntrarju, minħabba l-pożizzjoni mhux ċentrali tiegħu, huwa iktar attraenti għall‑hekk imsejħa kumpanniji low cost, li jaffrontaw domanda b’esiġenzi differenti minn ta’ dawk li jivvjaġġaw fuq xogħol jew negozju: domanda iktar sensittiva għall-prezzijiet tat-titjiriet u iktar disposta għal trasferimenti itwal bejn il-belt u l-ajruport.
65. Barra minn hekk, huwa evidenti li ajruport prinċipali, anki minħabba raġunijiet ta’ reputazzjoni, huwa xieraq li jattira kemm klijentela tax-xogħol jew negozju, kif ukoll klijentela “turistika”; filwaqt li ajruport “sekondarju”, minħabba motivi msemmija hawn fuq, huwa normalment interessat biss fit-tieni tip ta’ klijentela. Fi kliem ieħor, filwaqt li ajruporti prinċipali faċilment jistgħu jkollhom bħala interlokuturi kemm il-linji tal-ajru nazzjonali, kif ukoll dawk low cost, għall‑ajruporti sekondarji huwa iktar faċli li jkollhom bħala interlokuturi linji tal‑ajru tat-tieni tip biss. B’kunsiderazzjoni għall-kategoriji differenti tal-linji tal‑ajru subordinati għaż-żewġ tipi ta’ ajruporti, u minħabba d-diversità tal‑istrateġiji kummerċjali li għandhom dawn tal-aħħar, nistgħu niddubitaw kif fil‑fatt tagħmel il-Kummissjoni, kemm effettivament din hija relazzjoni kompetittiva diretta bejn l-ajruporti prinċipali u dawk sekondarji.
66. Abbażi ta’ dawn l-elementi, jiena tal-opinjoni li, għalkemm ajruport prinċipali u ajruport sekondarju jafu jirreġistraw traffiku tal-passiġġieri simili, mill‑perspettiva tal-linji tal-ajru, dawn ma humiex perfettament sostitwibbli.
67. Sabiex tkun ivverifikata din l-affermazzjoni, nistgħu nistaqsu jekk l‑applikazzjoni tad-direttiva tistax tkun suffiċjenti biex tittrasferixxi linja tal-ajru minn ajruport prinċipali għal wieħed “sekondarju” bi traffiku komparabbli. Fil-fatt, id-dokumenti prodotti bl-ebda mod ma jagħtu wieħed x’jifhem li, minħabba spejjeż u tariffi amministrattivi, l-applikazzjoni tad-direttiva tista’ tkun hekk li l-linji tal-ajru jkunu kostretti li jabbandunaw Findel favur ajruport bħal Hahn. Anzi, l-analiżi li għamel il-Lussemburgu dwar l-impatt finanzjarju tad-direttiva turi biss żieda limitata fl-ispejjeż.
68. F’dan il-punt nosservaw li mhux ċar min, fil-każ tal-Lussemburgu, fl-aħħar mill-aħħar għandu jġarrab l-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tad-direttiva. Fil-fatt, it-test leġiżlattiv ma jimponi ebda għażla dwar dan il-punt. Il‑Lussemburgu jidher li qed jeskludi li fil-każ tat-traspożizzjoni tad-direttiva fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, l-Istat iġarrab l-ispejjeż huwa stess. Fl‑osservazzjonijiet bil-miktub, dan l-Istat Membru jikkunsidra bħala ovvja r‑riperkussjoni tal-ispejjeż mill-korp tat-tmexxija tal-ajruport għal-linja tal-ajru, u minn din tal-aħħar fuq l-utenti finali (il-passiġġieri). Fis-seduta, ma kenitx lanqas eskluża l-possibbiltà li l-korp tat-tmexxija tal-ajruport jista’ jiddeċiedi li ma jgħaddix dawn l-ispejjeż lil-linji tal-ajru.
69. Kif inhuma l-affarijiet, nosserva li l-Lussemburgu stess filwaqt li qed jagħmel l-ipoteżi fl-atti tiegħu li l-parti l-kbira tal-ispejjeż fl-aħħar analiżi se jkunu mġarrba mill-passiġġieri biss, mingħajr ma għalhekk ikkunsidra l-ipoteżi la li l‑ispejjeż jinqasmu mal-linji tal-ajru li jagħmlu trasport kummerċjali (17), u lanqas li l-ispejjeż jibqgħu mġarrba mill-Istat jew mill-korp tat-tmexxija tal-ajruport – seta’ għall-inqas jimmaġina żieda fit-tariffi tal-ajruport stmata li tilħaq 16 %, ekwivalenti għal madwar EUR 0.50 għal kull passiġġier. Varjazzjoni simili, anki jekk titqies li hija dimostrata, ma jidhirlix li hija xierqa sabiex ikun ipotizzat telf ta’ utenti għal Findel, anki minħabba li żieda trasferita mil‑linji tal‑ajru għall-passiġġieri kienet tkun trasferita fuq persuni li, kif rajna, b’differenza għal dawk li normalment jivvjaġġaw mill-ajruport mhux prinċipali, huma ftit li xejn sensittivi għall‑varjazzjoni tal-prezz tal-biljett tal-ajru.
70. Għal dawn il-motivi, għall-finijiet ta’ din il-kontroversja, is-sitwazzjoni ta’ Findel ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ ajruporti bħal Hahn u Charleroi li għalkemm ta’ daqs simili, ma jikkostitwixxux l‑ajruport prinċipali ta’ Stat Membru. Għalhekk ma ninnota ebda diskriminazzjoni fil-fatt li l-ewwel kategorija biss ta’ ajruporti hija inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.
Il-konfront mal-ajruporti sekondarji bi traffiku simili u li jinsabu viċin ċentri urbani
71. Minn banda, jista’ jkun differenti d-diskors, diġà invokat mil-Lussemburgu, dwar it-trattament differenti bejn l-ajruport ta’ Findel u strutturi oħra tal-ajruporti li għandhom traffiku ta’ passiġġieri inqas minn 5 miljuni fis-sena, iżda li wkoll jinsabu viċin ċentru urban kbir, iżda ma humiex ajruporti prinċipali tal-Istati Membri ta’ appartenenza rispettivi. Bħala eżempji ta’ din il-kategorija, waqt is‑seduta, il-Lussemburgu indika l-ajruporti ta’ Torino fl-Italja u ta’ Bordeaux fi Franza.
72. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti sa issa, neskludi li l-fatt ta’ traffiku tal-passiġġieri simili jista’ jkun determinanti għall-finijiet ta’ dan il-konfront minħabba li, kif diġà rajna (18), il-moviment tal-passiġġieri biss ma jispjegax il‑preferenza li l-linji tal-ajru jista’ jkollhom għal ajruport milli għal ieħor. Għalhekk, se nikkonċentra fuq l-aspett tal-pożizzjoni viċin ċentri urbani kbar. Jiena tal-opinjoni li, minn din il-perspettiva, il-kwistjoni li tirriżulta hija jekk, għal linja tal-ajru, ajruport sekondarju viċin ċentru urban jippreżentax l-istess interess strateġiku ta’ ajruport prinċipali.
73. Id-definizzjoni tal-interess strateġiku rilevanti għall-finijiet tal-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva hija pprovduta mil-leġiżlatur fil‑premessa 4 tal-istess direttiva. F’din il-premessa, il-kunċett ta’ “pożizzjoni privileġġata” huwa spjegat fis-sens li dawn l-ajruporti huma, għal-linji tal-ajru, “punt ta’ dħul f’dak l-Istat Membru”.
74. Għalhekk, mill-perspettiva tal-leġiżlatur, huwa evidenti li l-“punt ta’ dħul” huwa intiż b’riferiment biss għal-linji tal-ajru, u mhux għall-passiġġieri. Minn din il-perspettiva, l-ajruport prinċipali jista’ jkun l-uniku punt ta’ dħul għal linja tal‑ajru fi Stat Membru partikolari, bħalma huwa l-każ ta’ Findel. Alternattivament, tista’ tkun il-linja tal-ajru stess li jkollha interess li sservi punt ta’ dħul wieħed biss fi Stat Membru, u f’dan il-każ jidher raġonevoli li din tippreferi lil dak l-ajruport bl-ikbar numru ta’ passiġġieri.
75. Għalhekk, jidhirli li huwa koerenti mal-għan tad-direttiva li ntenni li l‑pożizzjoni vantaġġuża li jgawdi minnha ajruport prinċipali fil-konfront tal-linji tal-ajru, tista’ tkun superjuri fir-rigward ta’ dik li jista’ jiftaħar biha ajruport viċin kwalunkwe ċentru urban.
76. Barra minn hekk nosserva li l-fatt li l-utenti ta’ ajruport ta’ dan it-tieni tip, ma jistgħux jibbenefikaw mill-proċeduri pprovduti mid-direttiva, mill-mument li din ma tkunx applikabbli għalihom, tista’ toħloq diskriminazzjoni fost l-utenti, jiġifieri bejn il-linji tal-ajru, iżda ċertament mhux diskriminazzjoni bejn l-ajruporti, kif qed jilmenta l-Lussemburgu. Madankollu, b’mod paradossali, din is-sitwazzjoni tista’, mhux talli ma tippenalizzax, talli tagħti vantaġġ lill-ajruporti bħal dak ta’ Findel, minħabba li kieku jsiru iktar attraenti għal-linji tal-ajru proprju minħabba l-obbligu tagħhom li jipprattikaw politika trasparenti fil-qasam tat-tariffi tal‑ajruporti.
77. Jiena tal-opinjoni li l-Lussemburgu ma rnexxilux jipproduċi prova li riskju ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti ma setax ikun derivat mill-pożizzjoni privileġġata ta’ Findel. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-leġiżlatur ma kkommettix żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra b’mod differenti ż‑żewġ kategoriji ta’ ajruporti kkunsidrati, minħabba r-rilevanza strateġika diversa tagħhom għal-linji tal-ajru. Għalhekk, minħabba li qed nittrattaw trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet diversi, ma ninnota ebda diskriminazzjoni arbitrarja fil-fatt li l-ajruporti “prinċipali” ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttiva, filwaqt li dawk “sekondarji” li jinsabu viċin ċentru urban jkunu esklużi.
78. Bħala konklużjoni, minħabba li ż-żewġ kategoriji ta’ ajruporti ma jgawdux mill-istess pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-linji tal-ajru, ma nqisx li kien kemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
2. Fuq it-ugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet differenti
79. It-tieni aspett li fil-fehma tiegħu ser tiġi evalwata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni potenzjali, huwa dak ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet differenti. B’mod partikolari, il-Lussemburgu jsostni li l-leġiżlatur Komunitarju pparaguna inġustifikament l-ajruport prinċipali ta’ kull Stat Membru mal-ajruporti li l-volum annwali ta’ traffiku tagħhom jissupera l-limitu minimu ta’ 5 miljun passiġġier.
80. Anki f’dan il-każ, il-kwistjoni trid tkun rimedjata mill-perspettiva tal-linji tal-ajru, b’mod partikolari billi wieħed jistaqsi jekk, fil-konfronti tagħhom, l‑ajruport prinċipali ta’ Stat Membru jinsabx fl-istess pożizzjoni dominanti tal‑ajruporti bi traffiku tal-passiġġieri għoli.
81. Nosserva f’dan ir-rigward li l-leġiżlatur Komunitarju, abbażi ta’ analiżi leġittima kumplessiva tas-settur tal-ajruporti (19), ikkunsidra ż-żewġ tipi ta’ karatteristiċi li jistgħu jpoġġu ajruport, sabiex ikunu ddeterminati t-tariffi tal‑ajruport, f’pożizzjoni dominanti partikolari: il-pożizzjoni strateġika u d‑dimensjoni tal‑ajruport stess. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kien definit abbażi ta’ dan il-parametru doppju, li jidentifika b’mod oġġettiv żewġ tipi ta’ suġġetti: l-ajruporti prinċipali u dawk bi traffiku ogħla minn 5 miljun passiġġier fis-sena.
82. Il-Lussemburgu ma rnexxilux juri li r-raġunament tal-leġiżlatur, abbażi tal-inklużjoni tal-ajruporti prinċipali f’kull Stat Membru, huwa estranju għall-għan tad-direttiva. Fil-fatt ninnota li, minn naħa, l-assimilazzjoni bejn ajruporti prinċipali u ajruporti bi traffiku ogħla minn 5 miljun passiġġier, taqdi l-esiġenza li jkunu kkunsidrati mhux biss il-vantaġġi dimensjonali, iżda anki dawk strateġiċi, li minnhom ġeneralment igawdu kategoriji determinati ta’ ajruporti. Min-naħa l‑oħra, iż-żewġ parametri għandhom l-għan li jimpedixxu lill-korpi tat-tmexxija tal-ajruporti li jirregolaw b’mod totalment diskrezzjonali, it-tariffi għall-użu tal‑infrastrutturi tal-ajruport. Il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ ajruport bħal Findel mhix identika għal dik ta’ ajruport b’iktar minn 5 miljun passiġġier fis-sena, ma jfissirx li huwa illeġittimu li t-tnejn ikunu suġġetti għall-obbligi tat-trasparenza tariffarja pprovduti mid-direttiva. L-element komuni bejn iż-żewġ ajruporti, jiġifieri l-fatt li jgawdu minn pożizzjoni dominanti tas-suq – anki jekk għal motivi differenti ‑ huwa dak li jiġġustifika l-fatt li t-tnejn huma obbligati li josservaw id-direttiva.
83. Konsegwentement, ladarba, fid-dawl tal-għan tad-direttiva, l-ajruporti prinċipali u dawk li għandhom traffiku tal-passiġġieri ogħla minn 5 miljuni, jinsabu f’pożizzjoni paragunabbli, nikkonkludi li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni arbitrarja li tiżvantaġġa lill-ajruporti prinċipali.
84. Fl-aħħar nett, bħala konklużjoni, xieraq li nenfasizza l-argument ulterjuri użat mill-istituzzjonijiet biex isostnu l-komparabbiltà tal-ajruport ta’ Findel ma’ ajruporti ikbar tal-Unjoni, abbażi tal-fatt li l-ajruport tal-Lussemburgu għandu traffiku kummerċjali estremament għoli. Dan il‑fatt, għalkemm ċertament sinjifikattiv u li jista’ jikkonferma, sa ċertu punt, il-ġenwinità tal-għażliet leġiżlattivi, ma għandux rilevanza diretta għall-finijiet tagħna, mill-mument li l‑leġiżlatur għażel li ma jikkunsidrax it-traffiku kummerċjali sabiex ikunu determinati l-ajruporti suġġetti għad-direttiva. Min-naħa l-oħra, kif għadna kemm rajna, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni tista’ tintwera mingħajr ma jkun hemm għalfejn isir riferiment għat-traffiku kummerċjali.
3. Fuq in-neċessità li tkun applikata d-direttiva f’kull Stat Membru
85. F’dan l-istadju għandu jkun ittrattat punt speċifiku li kien kontroversjali ħafna bejn il-partijiet fis-seduta dwar in-neċessità tal-applikazzjoni tad-direttiva f’kull Stat Membru. Skont il-Lussemburgu, in-neċessità li għall-inqas ikun hemm ajruport wieħed suġġett għad-direttiva f’kull Stat Membru mhix loġika u tintroduċi element “nazzjonali” f’suġġett li għal kuntrarju għandu jżomm karatteristiċi Komunitarji u transkonfinali.
86. Il-pożizzjoni tal-Lussemburgu ma tistax tkun kondiviża għal tliet motivi.
87. L-ewwel nett, il-fatt li d-direttiva, biex tilħaq l-għanijiet tagħha, għandha tkun applikata f’kull Stat Membru, inkluż il-Lussemburgu, huwa inevitabbli. Fil‑fatt hemm elementi xierqa biex jinfluwenzaw il-livell u l-modalità tad‑determinazzjoni tat-tariffi li huma tipiċi għal kull Stat Membru: biżżejjed insemmu pereżempju l-livell tas-salarji, jew b’mod iktar kumplessiv, il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali.
88. It-tieni nett, għandhom ikunu kondiviżi l-argumenti mressqa fis-seduta b’mod partikolari mill-Kunsill li wera l-utilità li l-utenti tal-ajruporti, anki ta’ dawk li ma humiex suġġetti għad-direttiva, jistgħu jiddisponu bħala punt ta’ riferiment, minn indikazzjonijiet dwar il-modalità tad-determinazzjoni tat-tariffi ta’ għall-inqas ajruport wieħed f’kull Stat Membru. Dan jista’ jikkostitwixxi element ta’ trasparenza xieraq, li sa ċertu punt jinfluwenza anki l-politika tariffarja tal-ajruporti fil-mumenti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.
89. It-tielet nett, f’konformità ma’ dak irrilevat fiż-żewġ paragrafi preċedenti, id‑direttiva hija b’mod ċar ispirata mill-esiġenza li jkun stabbilit standard Komunitarju xieraq li jiffunzjona fl-Istati Membri kollha irrispettivament miċ‑ċirkustanza ta’ pluralità ta’ ajruporti li attwalment teżisti jew ma teżistix fihom.
90. Fid-dawl ta’ dan kollu ma jistax jitqies li l-leġiżlatur mar lil hinn mil-limiti li għandhom jiġu rrikonoxxuti lilu fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.
4. Fuq it-trattament potenzjalment diskriminatorju
91. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li jeżisti trattament differenti ta’ sitwazzjoni simili jew ugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet differenti, għandna niftakru li d-diskriminazzjoni, biex tkun effettivament tali, għandha tkun konkretizzata fi preġudizzju ta’ xi wħud mis-suġġetti fir-rigward ta’ oħrajn (20).
92. Għalhekk, f’din il-kawża jeħtieġ li naraw jekk l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar l-ajruport prinċipali ta’ kull Stat Membru timplikax, għal din il-kategorija ta’ ajruporti, żvantaġġi li ma għandhomx ikunu injorati fir-rigward ta’ ajruporti mhux suġġetti għall-istess obbligi.
93. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, sabiex ikun hemm żvantaġġ, sempliċiment l-impożizzjoni ta’ obbligu ġuridiku tista’ tkun biżżejjed (21). Madankollu, f’din il-kontroversja, l-iżvantaġġ li l-Lussemburgu qed jilmenta dwaru fil-konfront tal-ajruporti li ma humiex suġġetti għad-direttiva huwa essenzjalment ta’ natura ekonomika: huwa ma jikkontestax l-obbligi nnifishom imposti mid-direttiva fihom infushom, anzi jafferma li jikkondividi l-prinċipji, iżda l-impatti ekonomiċi negattivi għall-ajruporti “prinċipali” li għandhom traffiku tal-passiġġieri inqas minn 5 miljuni. Konsegwentement, il-preżenza jew in-nuqqas tagħha ta’ sitwazzjoni ta’ żvantaġġ għall-ajruport ta’ Findel ma tistax ħlief tkun analizzata, fl-opinjoni tiegħi, minn perspettiva ekonomika.
94. It-tariffi li qed jilmenta dwarhom il-Lussemburgu huma dawk relatati mal‑proċedura ta’ konsultazzjoni li hija obbligatorja għal Findel. Abbażi tad‑direttiva, dan il-konfront dijalettiku bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru jista’ jseħħ anki darba fis-sena biss (Artikolu 6(1), tad-direttiva), u fil-prinċipju jobbliga liż‑żewġ partijiet li jikkomunikaw b’mod reċiproku l-informazzjoni kunfidenzjali u ekonomikament sensittiva skont l-Artikolu 7 tad-direttiva. Jiena tal-opinjoni li dawn l-obbligi lanqas biss huma astrattament ideali biex jipprovokaw fuq il-korpi tat-tmexxija tal-ajruporti riperkussjonijiet ekonomiċi żvantaġġużi minn perspettiva kompetittiva, kemm minħabba l‑livell minimu ta’ dak impost fuqhom stess, kif ukoll peress li hija kwistjoni ta’ konfront li jiżvolġi ta’ benefiċċju għalihom ukoll. Minn naħa waħda fil-fatt, fil-preżent, il-korpi tat-tmexxija jinsabu f’sitwazzjoni li jiddisponu minn informazzjoni li fil-prinċipju, il-linji tal-ajru jistgħu ma jfornux, u li għal kuntrarju, id-direttiva timponi li tkun ikkomunikata (22). Min-naħa l-oħra, fuq perjodu ta’ żmien twil ma jistax ikun eskluż li l-garanzija ta’ determinazzjoni trasparenti tat-tariffi tal-ajruporti tista’ tattira għadd dejjem ikbar ta’ linji tal-ajru lejn l-ajruporti li joffruha. L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi trasparenti ta’ determinazzjoni tat-tarfiffi tista’ wkoll tipproduċi tnaqqis anki tal-tariffi tal‑ajruporti, fattur li jista’ jrendi lill-ajruport iktar interessanti għall-utenti tiegħu.
95. Jiena tal-opinjoni li l-kritika tas-Slovakkja dwar telf ekonomiku potenzjali li jirriżulta minn imblokk eventwali tal-proċess deċiżjonali dwar id-definizzjoni tat‑tariffi tal-ajruporti, hija mingħajr bażi. L-ewwel nett, il-fatt li għandhom jipparteċipaw fi proċedura ta’ konsultazzjoni perjodika mal-utenti tal-ajruport ma jippreġudikax il-possibbiltà tal-korpi tat-tmexxija li jieħdu deċiżjonijiet motivati ta’ nuqqas ta’ qbil magħhom (Artikolu 6(2) tad-direttiva). Barra minn hekk, sabiex l-impatti tad-deċiżjoni kkontestata jkunu sospiżi matul ir-rikors, id‑dikjarazzjoni tal-awtorità indipendenti għandha tintervjeni, anki jekk fuq bażi provviżorja biss, għal mhux iktar minn erba’ ġimgħat mid-differiment tad‑domanda (Artikolu 6( 4)).
96. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni li l‑ajruporti prinċipali huma suġġetti għal trattament potenzjalment diskriminatorju fir-rigward tal-ajruporti l-oħra, it-trattament differenti ma jikkawżax lil tal-ewwel preġudizzju konkret b’vantaġġ għall-ajruporti l-oħra.
D – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
97. L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità hija ovvjament konnessa ma’ dik dwar in-nondiskriminazzjoni (23). Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fl-ambitu tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jirriżulta li l-parametru doppju magħżul mil‑leġiżlatur sabiex ikun determinat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva huwa spjegat fid-dawl tal-għan li jkun evitat li l-ajruporti jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom stess fil-konfront tal-linji tal-ajru. Sejjer nanalizza issa dan il‑kollegament bejn id-dispożizzjoni kkontestata u l-għan li huwa mixtieq li jintlaħaq taħt l-aspett tal-proporzjonalità tagħha.
98. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l‑għażliet tal-leġiżlatur ikunu xierqa sabiex jitwettaq l-għan li huwa mixtieq li jintlaħaq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq (24). Meta wieħed iqis id‑diskrezzjoni mogħtija lil‑leġiżlatur Komunitarju fil‑leġiżlazzjoni dwar t-tariffi tal-ajruporti, din mhix kwistjoni tal-għarfien li d‑dispożizzjoni adottata tista’ tkun l-unika jew l-aħjar possibbli (25), iżda ta’ jekk l‑għażla tal-leġiżlatur hijiex manifestament bla bżonn, jew mhux xierqa, meta mqabbla mal-għan li huwa mixtieq li jintlaħaq mid-direttiva (26).
99. Fil-każ inkwistjoni, l-ajruporti prinċipali kienu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva abbażi tas-suppożizzjoni li jista’ jkun ippreżentat riskju ta’ abbuż minħabba vantaġġi strateġiċi li ġeneralment tgwadi minnhom din il‑kategorija ta’ ajruporti. Ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi l-iżball manifest ta’ din is-suppożizzjoni (27). B’perspettiva bħal din, il-leġiżlatur, abbażi ta’ aċċertament kumplessiv tal‑istat tas‑settur tal‑ajruporti, ikkunsidra għalhekk neċessarju li titwaqqaf awtorità ta’ viġilanza għal kull Stat Membru sabiex tikkontribwixxi għal leġiżlazzjoni iktar trasparenti tat-tariffi tal-ajruporti fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-settur tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ma jidhirlix li l‑previżjoni ta’ din l-awtorità tista’ tkun ikkunsidrata arbitrarja jew manifestament mhux neċessarja, fuq kollox jekk tikkunsidra l-iżvilupp potenzjali tal-leġiżlazzjoni tat-tariffi tal-ajruporti minħabba r-riżultati li jinkisbu (28).
100. B’mod iktar partikolari, b’relazzjoni għall-inċidenza speċifika tal-obbligi tariffi mid-direttiva fuq ir-realtà tal-ajruporti, għandu jkun ivverifikat jekk, bl‑introduzzjoni tal-parametru ta’ ajruport “prinċipali”, il-leġiżlatur issuġġettax lil din il-kategorija ta’ ajruporti għal tariffi ogħla minn dawk neċessarji biex ikun ikkuntrastat ir-riskju ta’ abbuż.
101. Il-Lussemburgu u s-Slovakkja qed jilmentaw li l-applikazzjoni tad-direttiva għall-ajruporti prinċipali tagħhom se tinkludi tariffi li, meta mqabbla mat-tariffi tal-ajruporti li għandhom traffiku tal-passiġġieri ta’ iktar minn 5 miljuni, se jkollhom inċidenza negattiva superjuri.
102. Madankollu għandu jiġi nnotat li, biex jiġi evalwat in‑nuqqas ta’ adegwatezza manifesta tal‑miżura, ma għandux importanza s‑sempliċi fatt li s‑soluzzjoni leġiżlattiva tiżvantaġġa iktar grupp speċifiku fil-konfront ta’ ieħor (29). L-importanza tal-għanijiet li huma mixtieqa li jintlaħqu, tista’ anzi tiġġustifika l‑konsegwenzi ekonomiċi negattivi u konsiderevoli għal ċerti operaturi (30), u l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tintervjeni biss f’każ li dawn l-għażliet jidhru manifestament żbaljati jew meta l-inkonvenjenti li jirriżultaw għal xi operaturi ekonomiċi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi li dawn jippreżentaw għal operaturi ekonomiċi oħra (31). Għalhekk, konkretament, il-kriterju ta’ ajruport “prinċipali” jista’ jkun sanzjonat biss jekk jista’ jkun ippruvat li t-tariffi amministrattivi li huma b’mod ġenerali piż kbir għall-ajruporti li għandhom traffiku tal-passiġġieri ta’ inqas minn 5 miljuni, jissuperaw il-benefiċcji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-direttiva, u jżidu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għall-partijiet ikkonċernati sal-punt li tkun kompromessa l-kompetittività tagħhom (32).
103. Ma jidhirlix li l-Lussemburgu rnexxielu jipproduċi din il-prova. Kif diġà osservajt iktar ’il fuq (33), l-ispejjeż li skont il-Lussemburgu se jirriżultaw mit‑twaqqif tal-awtorità ta’ viġilanza, jistgħu jwasslu għal żieda tal-tariffi tal‑ajruport, li xorta ma tkunx biżżejjed biex twassal il-linji tal-ajru jiddeċiedu li jabbandunawh favur ajruporti kompetituri oħra. Barra minn hekk, ma nqisx li l‑armonizzazzjoni minima prevista mid-direttiva jista’ jkollha inċidenza sinjifikattiva fuq ir-realtà tal-ajruporti li ħafna drabi diġà bdew jadattaw ruħhom għal garanziji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni ssuġġeriti fil-passat mill‑Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-avjazzjoni ċivili u internazzjonali (34). Għaldaqstant, ma jidhirlix li l-ispejjeż teoretiċi esposti mil-Lussemburgu huma sproporzjonati fir-rigward tal-interessi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad‑direttiva fl-Istati Membri kollha.
104. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-inklużjoni fl-ambitu tal-applikazzjoni tad‑direttiva tal-ajruport “prinċipali” ta’ kull Stat Membru ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikun ikkuntrastat ir-riskju ta’ abbuż mill-korpi tat-tmexxija tal-ajruporti fil-konfront tal-linji tal-ajru. Fl-aħħar nett intenni li ma jista’ jkun attribwit l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità lil-leġiżlatur Komunitarju.
E – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà
105. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif inhu magħruf, jipprovdi li l-Unjoni, fl-oqsma fejn ma għandhiex kompetenza esklużiva, tintervjeni biss sal-limitu fejn l-għanijiet ta’ azzjoni prevista ma jistgħux ikunu mwettqa b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba d-daqs jew l-impatti tal-azzjoni proposta, jistgħu jkunu mwettqa aħjar fuq livell tal-Unjoni (35).
106. F’dak li jirrigwarda d-direttiva inkwistjoni f’din il-kawża, diġà kelli mod kif niġġustifika (36) li, abbażi tal-Artikolu 80(2) KE, huma stabbiliti prinċipji komuni għall-ġbir tal-tariffi tal-ajruporti fl-ajruporti tal-Komunità sabiex ikunu evitati abbużi mill-korpi tat-tmexxija fil-konfront tal-linji tal-ajru. Skont il-leġiżlatur Komunitarju, dan l-għan “ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li s-sistemi tal-tariffi tal-ajruporti ma jistgħux ikunu stabbiliti f’livell nazzjonali b’mod uniformi fil-Komunità kollha, u jistgħu għalhekk, minħabba d‑dimensjoni tagħhom u tal-impatti tagħhom, jitwettqu aħjar fil-livell Komunitarju” (37).
107. Il-Lussemburgu jiċħad li fil-konfront tal-ajruporti li għandhom traffiku tal‑passiġġieri ta’ inqas minn 5 miljuni, jeħtieġ li jkun hemm qafas Komunitarju, caħda li huwa jibbaża fuq iċ-ċirkustanza li d-direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha diversi ajruporti ta’ dan id-daqs.
108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fir-rigward tal-parametru doppju magħżul mil-leġiżlatur fl-eżerċitar tad-diskrezzjoni mogħtija lilu f’dan is-settur, insostni li l-osservazzjonijiet imressqa mil-Lussemburg ma humiex rilevanti. Fil‑fatt, l-ajruporti li għandhom traffiku tal-passiġġieri inqas minn 5 miljuni li huma affettwati mid-direttiva, bħal Findel, huma inklużi bħala ajruporti “prinċipali”, indipendentement mit-traffiku tal-passiġġieri tagħhom.
109. Jekk l-Istati Membri jitħallielhom il-kompitu li jirregolaw t-tariffi tal‑ajruporti fl-ajruporti “prinċipali” tagħhom li għandhom traffiku tal-passiġġieri inqas minn 5 miljuni fis-sena, dan jista’ jipprovoka żvilupp diverġenti fil‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Dawn id-diverġenzi jistgħu fuq perjodu ta’ żmien twil, jipproduċu ineffiċjenzi u fiż-żmien immedjat jippreżentaw anki l-aġevolazzjoni ta’ mġiba abbużiva min-naħa tal-ajruporti, bi żvantaġġ għal-linji tal-ajru. Ma għandux lanqas jitwarrab il-fatt li, fl-aħħar nett, it-traffiku tal-ajru, min-natura tiegħu stess huwa attività ħafna drabi transnazzjonali u għalhekk, b’mod ġenerali ftit li xejn adattat biex ikun regolat fuq il-livell ta’ Stati Membri individwali.
110. Jirriżulta li l-għan tad-direttiva ma setax ikun imwettaq b’mod sodisfaċenti permezz ta’ azzjoni fuq livell nazzjonali.
111. Għalhekk, nikkonkludi li l-leġiżlatur Komunitarju, filwaqt li ddefenda l‑kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva abbażi tal-parametru doppju pprovdut mill‑Artikolu 1(2), fl-opinjoni tiegħi ma kisirx il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
V – Konklużjonijiet
112. Abbażi tal-osservazzjonijiet żviluppati, nissuġġerixxi li l-Qorti tal‑Ġustizzja:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jħallas l-ispejjeż;
– tiddeċiedi li l-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jħallsu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 –ĠU L 70, p. 11.
3 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe (C-375/98, Ġabra p. T-4243, punt 26); tal‑25 ta’ Ottubru 2001, kawżi magħquda Finalarte et (C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I‑7831, punt 40), u tal-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (Ġabra p. I‑787, punt 27).
4 – KESE 1244/2007, 26 ta’ Settembru 2007, Parir tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-imposti tal-ajruporti, punt 2.2.
5 – COM(2008) 455 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tal-ajruporti, punt 2.
6 – COM(2009) 86 finali, Opinjoni tal-Kummissjoni skont il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu, tal‑Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill rigward il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tal-ajruporti li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod konformi mal‑Artikolu 250(2) tat-Trattat KE , punt 3.
7 – Ara pereżempju s-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-244/03 Ġabra p. I‑4021, punti 12-13) u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, (C-295/07, Ġabra p. I‑9363, punti 105-106).
8 – Fil-limiti oriġinali ta’ traffiku ogħla minn miljun passiġġier fis-sena jew minn 25 000 tunnellata trasport kummerċjali, ipprovduti fil-proposta għal direttiva [COM(2006) 820 finali, 24 ta’ Jannar 2007, Artikolu 1(2)], il-Kumitat parlamentari tat-trasport u t-turiżmu ppropona fis‑6 ta’ Lulju 2007, li jkun sostitwit il-livell minimu tat-traffiku tal-passiġġieri għal 5 miljuni fis-sena u jkun eliminat ir-riferiment għat-traffiku kummerċjali (PE392 008, Abbozz ta’ rapport dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tal-ajruporti, emenda 1). Fis-26 ta’ Settembru tal-istess sena, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali minflok issuġġerixxa applikazzjoni tad-direttiva għall-ajruporti li għandhom iktar minn miljun passiġġier fis-sena (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 2.3). Il-Kumitat tar-Reġjuni ma qabilx ma’ dan, u fil-parir tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2007 issuġġerixxa applikazzjoni tad-direttiva għall-ajruporti bi kwota ta’ traffiku ogħla minn 1 % tas-suq tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri fl-Unjoni. (Parir tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-futur tal-ajruporti Ewropej, fil-ĠU C 305 tal-15 ta’ Diċembru 2007, p. 11, it-tieni paragrafu). L-emendi tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2007, laqgħu l‑limitu tat-traffiku tal-passiġġieri annwali ogħla minn 5 miljuni u żiedu limitu ieħor, marbut mal-kwota tat-traffiku ogħla minn 15 % tal-moviment tal-passiġġieri fl-Istat Membru (COD/2007/0013). Fit-23 ta’ Ġunju 2008 il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill introduċiet emenda ulterjuri korrispondenti għat-test attwali tad-Direttiva (8332/2/08 REV 2, Artikolu 1(2)).
9 – Qed nirreferi għall-proposta tal-1997 [COM(1997) 154 finali], irtirata fl-2001 (COM(2001) 763 finali/2).
10 – Għal dak li jirrigwarda is-settur tat-trasport ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, kawżi magħquda, SAM Schiffarht u Stapf (C-248/95 u C-249/95, Ġabra p. I‑4475, punt 23); tat‑12 ta’ Marzu 2002, kawżi magħquda Omega Air et (C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I‑2569, punt 63), u tad-9 ta’ Settembru 2004, kawżi maqgħuda Spanja u Il-Finlandja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C-184/02 u C-223/02, Ġabra p. I‑7789, punt 56). Il-ġurisprudenza dwar dan il-punt hija voluminuża b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura: ara pereżempju s‑sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Gabra p. I‑5689, punt 80 u l‑ġurisprudenza ċċitata) u tal-14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et (C-34/08, Ġabra p. I‑4023, punti 44 u 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal kunsiderazzjonijiet identiċi fis-settur ambjentali ara s‑sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (Kawża C-127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 61).
11 – Ara pereżempju, is-sentenzi riċenti tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C-379/08, Ġabra p. I-02007, punt 60 u l‑ġurisprudenza ċċitata); u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, Ġabra p. I-07027, punt 46). B’mod partikolari fis-settur tat‑trasport bl-ajru, ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80).
12 – Il-ġurisprudenza f’dan ir-rigward hija stabbilita: ara pereżempju s-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 123); tat-12 ta’ Lulju 2005, kawżi magħquda Alliance for Natural Health et (C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 52), u Afton Chemical, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punti 28 u 42).
13 – Ara s-sentenzi SAM Schiffahrt u Stapf, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 25 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u Omega Air et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 65).
14 – Ara pereżempju s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1963, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-13/63, Ġabra p. 335, b’mod partikolari p. 358); tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide (C-106/83, Ġabra p. 4209, punt 28), u tal‑25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill (C-120/99, Ġabra p. I‑7997, punt 80).
15 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 74), u Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punti 25‑26).
16 – Għal raġunament simili f’termini però tal-komparabbiltà bejn is-setturi, ara s-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 36).
17 – Ta’ min jitfakkar li, anki jekk it-traffiku kummerċjali mhux ikkunsidrat sabiex ikun determinat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, fl-ajruporti li huma suġġetti għaliha, id‑dispożizzjonijiet ta’ trasparenza tad-direttiva jirrigwardaw lil-linji tal-ajru kollha, anki lil dawk li jagħmlu trasport kummerċjali.
18 – Ara iktar ’il fuq, punti 61 u 63-65.
19 – Ara l-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punt 56.
20 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke et vs L-Awtorità Għolja (Kawżi magħquda C-17/61 u 20/61, Ġabra p. 597, b’mod partikolari pp. 630-631); tal-15 ta’ Jannar 1985, Finsider vs Il‑Kummissjoni, (C-250/83, Ġabra p. 131, punt 8); tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, (C‑462/99 Ġabra p. I-5197, punt 115), kif ukoll Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 39).
21 – Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 44).
22 – Ara il-premessa 13 tad-direttiva li tipprovdi li din l-informazzjoni tippermetti li l-korp tat‑tmexxija tal-ajruport “jivvaluta sewwa r-rekwiżiti fir-rigward ta’ investimenti futuri”.
23 – Dwar il-konnessjoni bejn il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u dak ta’ proporzjonalità ara s‑sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation (C-535/03 Ġabra p. I‑2689, punt 53), u Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 10 (punt 47). Għal konfront bejn it-tip ta’ analiżi marbuta mal-kontroll tan‑nondiskriminazzjoni u dak tal-proporzjonalità, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti ippreżentati fil-kawża Bela-Mühle Bergmann, deċiża bis-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 1977, (C-114/76, Ġabra p. 1211), punt 6.
24 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, (C-233/94, Ġabra p. I‑2405, punt 54), u IATA u ELFAA, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punt 79).
25 – Ara s-sentenza Jippes et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 83).
26 – Ara s-sentenza Afton Chemical, iċċcitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 (punt 46).
27 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 77 u 82.
28 – Ara l-Artikolu 12 tad-direttiva.
29 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti (C-179/84, Ġabra p. 2301, punt 34), u Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 (punt 63).
30 – Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 59).
31 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 (punt 56).
32 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 (punt 56). Tariffa simili kienet mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju fil-kawża SAM Schiffahrt u Stapf, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 36).
33 – Ara iktar ’il fuq, punti 67-69.
34 – Id-direttiva terġa’ ssemmi, u tagħtihom setgħa leġiżlattiva, il-politiki dwar l-imposti tal-ajruporti kif definiti mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-avjazzjoni ċivili u internazzjonali (Kunsill ICAO) tal-2004: ara l-premessi 9 u 10 tad-direttiva.
35 – Ara s-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punt 177); u Alliance for Natural Health et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 12 (punt 101).
36 – Ara l-punt 46 iktar ’il fuq.
37 – Premessa 19 tad-direttiva.
Full & Egal Universal Law Academy