KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 20101(1)
Kawża C‑205/09
Szombathelyi Városi Ügyészség
kontra
Emil Eredics
u
Mária Vassné Sápi
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Városi Bíróság, l-Ungerija)
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Kunċett ta’ vittma fil-proċeduri kriminali – Persuna ġuridika – Medjazzjoni kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha stess dwar il-kunċett ta’ vittma fid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220/JHA, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (2).
2. F’kawża fejn l-awtorità inkarigata bl-applikazzjoni tal-liġi kriminali ċaħdet lill-imputat l-iżvolġiment tal-medjazzjoni f’proċeduri kriminali, il-qorti inkwistjoni l-ewwel lok tqajjem mill-ġdid il-kwistjoni dwar jekk anki persuna ġuridika tistax tiġi kkunsidrata bħala vittma skont id-Deċiżjoni Qafas. Fit-tieni lok din il-qorti tqajjem punt dwar l-indikazzjonijiet li joħorġu mid-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tal-forma konkreta tal-proċedura ta’ medjazzjoni.
II – Il-kunest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. Skont l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 vittma tfisser “persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru”.
4. L-Artikolu 1(e) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 jiddefinixxi l-“medjazzjoni fil-każi kriminali” bħala “t-tfittxija, qabel jew matul il-proċeduri kriminali, għal-soluzzjoni negozjata bejn il-vittma u l-awtur tar-reat, medjata minn persuna kompetenti.”
5. L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 jipprovdi kif ġej:
“Medjazzjoni penali matul il-proċeduri kriminali
(1) Kull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali għal dawk ir-reati li tqis [jqis] addattati għal din it-tip ta’ miżura.
(2) Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull ftehim bejn il-vittma u l-ħati milħuq matul medjazzjonijiet ta’ dan it-tip f’każi kriminali ikun jista’ jiġi kkunsidrat.”
B – Id-dritt nazzjonali
6. L-Artikolu 2212/A tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż (a büntető eljárási törvény) jipprovdi kif ġej:
“(1) Il-proċedura ta’ medjazzjoni tista’ tingħata bidu fuq istanza tal-persuna li tkun qed tiġi suġġetta għall-indaġini jew tal-vittma, jew bil-kunsens tagħhom, fi proċeduri kriminali li jikkonċernaw reati kontra l-persuna (Kapitolu XII, Titoli I u III tal-Kodiċi Kriminali), kontra s-sigurtà tat-trasport (Kapitolu XIII tal-Kodiċi Kriminali) jew kontra l-proprjetà (Kapitolu XVIII tal-Kodiċi Kriminali) li għalihom hija prevista piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn ħames snin.
(2) Il-proċedura ta’ medjazzjoni hija maħsuba biex twassal għal rimedju tal-konsegwenzi tar-reat u biex tinkoraġġixxi mġiba fil-futur tal-persuna suġġetta għall-indaġini li tkun konformi mal-liġi. Matul il-proċedura ta’ medjazzjoni għandha tiġi inkoraġġita l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-vittma u l-persuna suġġetta għall-indaġini bbażat fuq l-indiema attiva ta’ din tal-aħħar. Matul kawża kriminali l-proċedura ta’ medjazzjoni tista’ ssir darba biss.
(3) Il-prosekuzzjoni, ex officio jew fuq istanza tal-persuna suġġetta għall-indaġini, tad-difiża jew tal-vittma, tissospendi l-proċeduri għal perijodu massimu ta’ sitt xhur u tagħti bidu għall-proċedura ta’ medjazzjoni jekk:
a) jirriżulta li hija possibbli, skont l-Artikolu 36 tal-Kodiċi Kriminali, l-arkivjazzjoni tal-kawża kriminali jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-piena;
b) il-persuna suġġetta għall-indaġini tammetti matul l-indaġni l-fatti kommessi u tkun disposta tikkumpensa d-dannu li sar lill-vittma jew li tagħmel tajjeb mod ieħor għad-danni;
c) il-persuna suġġetta għall-indaġini u l-vittma ddikjaraw il-kunsens tagħhom għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni;
d) meta tiġi kkunsidrata n-natura tar-reat, il-mod kif dan ġie kommess u l-personalità tal-indagat, tista’ ssir rinunzja għall-iżvolġiment tal-proċess ġudizzjarju jew ikun hemm raġunijiet fondati biex jiġi kkonstatat li l-qorti fil-fażi meta tiġi biex tagħti l-piena se tevalwa b’mod pożittiv l-indiema pożittiva.
[…]
(5) Id-dikjarazzjonijiet magħmula fl-kuntest tal-proċedura ta’ medjazzjoni mill-persuna suġġetta għall-indaġini u mill-vittma fir-rigward ta’ ċirkustanzi li jikkostitwixxu l-oġġett tal-proċeduri ma jistgħux ikollhom valur probatorju. L-eżitu tal-proċedura ta’ medjazzjoni ma jistax jiġu użat kontra l-persuna suġġetta għall-indaġini.
[…]
(7) Meta l-proċedura ta’ medjazzjoni tiġi konkluża bl-applikazzjoni tal-Artikolu 36(1) tal-Kodiċi Kriminali, l-prosekuzzjoni tarkivja l-proċeduri; f’każ li jiġi applikat l-Artikolu 36(2) tal-Kodiċi Kriminali l-prosekuzzjoni titlob li titkompla l-kawża u tingħata sentenza. Meta persuna suġġetta għall-indaġini tkun bdiet teżegwixxi l-ftehiem li jkun intlaħaq fl-kuntest tal-proċedura ta’ medjazzjoni mingħajr ma dan ikollu effett fuq l-kundanna eventwali tagħha, il-prosekuzzjoni jekk ikun hemm involuti reati punibbli bil-piena ta’ ħabs li ma teċċedix tliet snin, tista’ tissospendi t-talba biex titkompla l-kawża u tingħata sentenza għal perijodu ta’ bejn sena u sentejn”.
7. L-Artikolu 266(3)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi li l-qorti tista’ tissospendi l-proċeduri, għall-perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur biex tippermetti l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni. Barra dan l-Artikolu 307 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistabbilixxi li tali sospensjoni tista’ ssir anki wara li tkun inżammet seduta.
8. L-Artikolu 314 tal-Kodiċi Kriminali (Büntető törvénykönyv) jipprovdi kif ġej:
“(1) Kull min jikkawża dannu għall-baġit tal-Komunità Ewropea billi jagħmel dikjarazzjoni falza jew jippreżenta dokumentazzjoni mhux korretta, falza jew falsifikata, inkella ma jissodisfax l-obbligi li jagħti l-informazzjoni mitluba jew jissodisfahom b’mod li ma jkunx suffiċjenti, b’mod li jista’ jwassal għal żball, fir-rigward ta’:
a) għajnuna minn fondi ġestiti mill-Komunitajiet Ewropej jew f’isimhom,
b) ħlas intiż għall-baġit ġestit mill-Komunitajiet Ewropej jew f’isimhom,
jikkommetti reat li hu punibbli bil-priġunerija sa ħames snin.
2. Ikun suġġett għall-istess piena minn juża, għal skop differenti minn dak miftiehem:
a) għajnuna bħal dik prevista fl-Artikolu 314(1)(a), jew
b) benefiċċju konness mal-ħlas previst fl-Artikolu 314(1)(b)”.
9. L-Artikolu 318 tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi kif ġej:
“(1) Kull min, bil-ħsieb li jikseb profitt inġust, jiżgwida lil xi ħadd biex jagħmel żball jew ma jneħħix tali żball, u jikkaġuna b’dak il-mod dannu, jikkommetti frodi.
[…]
(4) Il-piena hija ta’ priġunerija sa tliet snin jekk:
a) il-frodi tikkaġuna dannu rilevanti,
[…].”
10. L-Artikolu 138/A tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi kif ġej:
“Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi […] dannu huwa
[...]
b) rilevanti jekk jeċċedi HUF 200 000, imma ma jeċċedix HUF 2 000 000.”
11. L-Artikolu 36(1) tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi dan li ġej:
“(1) Ma jiġix punit min, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, jirrimedja għad-dannu kkaġunat lill-vittma ta’ reat kontra l-persuna (Kapitolu XII, Titoli I u III tal-Kodiċi Kriminali), kontra s-sigurtà tat-trasport (Kapitolu XIII tal-Kodiċi Kriminali), jew kontra l-proprjetà (Kapitolu XVIII tal-Kodiċi Kriminali), punit b’piena ta’ mhux iktar minn tliet snin priġunerija, jew b’xi mod ieħor jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tar-reat.
(2) Fil-każ ta’ reati msemmija fis-subartikolu 1, puniti b’piena ta’ mhux iktar minn ħames snin priġunerija, il-piena tista’ ma tiġix applikata jekk l-awtur tar-reat, fl-kuntest ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, jirripara d-dannu kkaġunat lill-vittma jew b’xi mod ieħor jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tar-reat”.
12. Ir-reat ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej stipulat fl-Artikolu 314(1) tal-Kodiċi Kriminali jinsab fil-Kapitolu XVII tal-Kodiċi Kriminali (reati kontra l-ekonomija).
III – Il-fatti u l-proċeduri prinċipali
13. L-imputat prinċipali fil-proċeduri prinċipali, E. Eredics, huwa akkużat mill-awtoritajiet inkarigati bl-applikazzjoni tal-Kodiċi Kriminali li uża s-somma ta’ HUF 1 200 000, li oriġinat minn fondi ta’ programm tal-Unjoni Ewropea, għal skop differenti minn dak intenzjonat permezz ta’ preżentazzjoni frawdolenti ta’ dokumentazzjoni ffalzifikata, u li b’dak il-mod ikkaġuna dannu lill-kumpannija Ungeriża VÁTI, li kienet qegħdha tissorvelja t-twettiq tal-proġett iffinanzjat u li kienet assumiet ir-responsabbiltà għall-għeluq tal-kontijiet, kif ukoll għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.
14. Il-prosekuzzjoni kompetenti tirrikonoxxi f’dawn il-fatti dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, punibbli taħt l-Artikolu 314(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż.
15. Matul l-indaġini l-prosekutur interroga diversi drabi lil E. Eredics, li madankollu ma għamel l-ebda ammissjoni.
16. Fil-konklużjoni tal-indaġini tiegħu, fit-2 ta’ Settembru 2008 il-prosekutur talab lill-qorti muniċipali ta’ Szombathelyi (Szombathelyi Városi Bíróság) biex E. Eredics u ko-imputata jiġu pproċessati.
17. Ladarba ġiet riċevuta t-talba biex l-imputat jiġi pproċessat, il-qorti inkwistjoni nnotifikat din it-talba lill-imputat prinċipali fis-7 ta’ Novembru 2008. Quddiem il-qorti inkwistjoni E. Eredics ammetta l-fatti attribwiti lilu u ppreżenta talba biex issir il-medjazzjoni bl-iskop li tinkiseb l-arkivjazzjoni tal-proċeduri jew tnaqqis illimitat tal-piena skont l-Artikolu 221/A tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.
18. Ir-rappreżentant ta’ VÁTI Kht. ta l-kunsens tiegħu għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni.
19. Il-prosekutur isostni li r-reat li bih huwa akkużat l-imputat mhuwiex wieħed minn dawk li fir-rigward tagħhom huwa possibbli l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni. Barra dan, f’dan il-każ ma kienx possibbli l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni peress li E. Eredics, b’differenza minn dak previst fil-liġi Ungeriża, ma kienx għamel l-ammissjoni tiegħu matul il-fażi tal-indaġini. Barra dan ma jkunx jagħmel sens li VÁTI Kht. titħalla tipparteċipa fil-proċedura ta’ medjazzjoni fir-rwol ta’ vittma u li tiġi mħallsa kumpens min-naħa tal-imputat: il-vera vittma hija l-Komunità Ewropea mill-mument li t-teħid tal-fondi Komunitarji mid-destinazzjoni oriġinali tagħhom għamel dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunità, u kkaġuna dannu għall-baġit Komunitarju, u għalhekk, meta jiġu kkunsidrati l-aspetti partikolari tal-każ inkwistjoni, il-medjazzjoni ma tkunx iġġustifikata.
IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. Fir-rigward ta’ dawn il-fatti, is-Szombathelyi Városi Bíróság, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ April 2009, li wasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2009, issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
1. ‛Persuna oħra minbarra persuna fiżika’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‛vittma’ fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni [Qafas …], fid-dawl tal-obbligu ta’ promozzjoni tal-medjazzjoni bejn il-vittma u l-ħati tar-reat fil-kawżi kriminali, stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas […]? Fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob espliċitament lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega u tissupplimenta s-sentenza […] tat-28 ta’ Ġunju 2007 […] Dell’Orto [(C-467/05, Ġabra p. I-5557)]
2. Fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni [Qafas …] il-kunċett ta’ ‛reati’ jista’ jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għar-reati kollha li l-element materjali tagħhom definit mil-liġi huwa fil-mertu analogu?
3. […] l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni [Qafas …] jista’ jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun possibbli li l-kundizzjonijiet ta’ medjazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-ħati u l-vittma, jiġu sodisfatti għall-inqas sal-mument meta tiġi adottata deċiżjoni tal-ewwel istanza, b’tali mod li r-rekwiżit ta’ ammissjoni tal-fatti waqt il-proċeduri ġudizzjarji, wara li l-inkjesta tkun tlestiet, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa jkunu sodisfatti, hija konformi mal-obbligu ta’ promozzjoni tal-medjazzjoni ?
4. L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni [Qafas …] jimplika li għandu jiġi ggarantit aċċess ġenerali għall-possibbiltà ta’ medjazzjoni fil-kawżi kriminali, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet preliminari previsti fil-liġi jiġu sodisfatti, mingħajr possibbiltà ta’ interpretazzjoni? L-eżistenza ta’ kundizzjoni li tipprovdi li fejn ‛fid-dawl tan-natura tar-reat, tal-metodi ta’ parteċipazzjoni għar-reat u tal-identità tal-persuna ssuspettata, il-proċeduri ġudizzjarji jistgħu ma jsirux fejn hemm raġunijiet li wieħed jaħseb li l-qorti tista’ tikkunsidra l-indiema attiva meta tiddeċiedi l-piena’, hija konformi mad-dispożizzjonijiet (rekwiżiti) tal-Artikolu 10 […]?.
21. Il-Gvernijiet Franċiż, Taljan u Ungeriż, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.
V – Evalwazzjoni
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
22. Bl-ewwel domanda tagħha l-qorti inkwistjoni tixtieq tkun taf jekk, fir-rigward tal-medjazzjoni taħt l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas, anki persuna ġuridika tistax tkun vittma fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas.
23. Il-kwistjoni dwar il-kuntest ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni Qafas diġà kienet is-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, li tagħha l-qorti inkwistjoni titlob espliċitament kjarifika u integrazzjoni. F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna, il-kunċett ta’ “vittma” skont din id-deċiżjoni qafas ma jinkludix il-persuni ġuridiċi (3).
24. Fil-proċeduri preżenti għalhekk qamet il-kwistjoni dwar, jekk fil-kuntest tal-medjazzjoni rregolata bl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas, japplikax kunċett iktar wiesa’ ta’ vittma. Ir-risposta hija bla dubju fin-negattiv.
25. F’sens kuntrarju wieħed għandu diġà joġġezzjona li fl-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas hemm definizzjoni legali tal-kunċett ta’ vittma. Hemmhekk jiġi ddefinit b’mod preliminari min jista’ jkun “vittma” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-persuni fiżiċi esklużivament. Minn interpretazzjoni letterali tad-Deċiżjoni Qafas ma joħroġ l-ebda element biex wieħed ikun jista’ jsostni li, madankollu, f’kuntest partikolari rregolat bid-Deċiżjoni Qafas il-kunċett ta’ vittma jista’ jinftiehem f’sens iktar wiesa’.
26. Kif sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dell’Orto, anki l-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tad-Deċiżjoni Qafas ma timmilitax favur estensjoni contra litteram tal-kunċett ta’ vittma. Fil-fatt il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas, minħabba l-kontenut tagħhom, jistgħu jirreferu biss għall-persuni fiżiċi (4). Wieħed jista’, pereżempju, jirreferi għall-Artikolu 1(a), li jsemmi bħala danni possibbli għall-vittma b’mod partikolari d-danni fiżiċi jew mentali u t-tbatija emozzjonali. Dawn it-tip ta’ danni jistgħu jikkonċernaw biss lill-persuni fiżiċi. Bl-istess mod wieħed għandu jikkunsidra wkoll l-Artikolu 2(1), li abbażi tiegħu għandu jiġi ggarantit fir-rigward tal-vittma trattament li debitament jirrispetta d-dinjità personali tagħha.
27. Raġuni għall-estensjoni tal-kunċett ta’ vittma għall-persuni ġuridiċi lanqas ma toħroġ mid-drittijiet fundamentali li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut li jirrispetta. Fil-fatt, il-leġiżlatur, anki jekk jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ ugwaljanza seta’ sewwa sew jillimita ruħu jirregola biss it-trattament tal-persuni fiżiċi. Għalkemm huwa veru li anki l-persuni ġuridiċi jistgħu jsofru dannu mir-reati, huwa veru wkoll li d-definizzjoni ta’ vittma fl-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 diġà turi li ħafna drabi d-danni subiti mill-persuni fiżiċi ma jirriduċux irwieħhom għal danni materjali, imma pjuttost jistgħu jirriżultaw f’danni fiżiċi u mentali kif ukoll fi tbatija emozzjonali ta’ dimensjoni għal kollox differenti minn dawk li jgħaddu minnhom il-persuni ġuridiċi. Barra dan, ħafna drabi fil-proċeduri kriminali l-persuni fiżiċi jkollhom bżonn protezzjoni ta’ livell ferm ogħla minn ta’ persuni ġuridiċi, li normalment għandhom għad-dispozzijoni tagħhom assistenza professjonali. Hemm raġunijiet oġġetivi għal trattament privileġġjat tal-persuni fiżiċi vittmi ta’ reati.
28. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Qafas 2001/220 ma tinkludi ebda element li jwassal biex tiġi estiża, lilhinn mill-interpretazzjoni letterali tagħha, id-definizzjoni ta’ vittma għall-persuni ġuridiċi. Dan jgħodd ukoll anki fir-rigward tal-medjazzjoni rregolata bl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas.
29. Fl-aħħar nett, jifdal li tiġi ttrattata l-oġġezzjoni li tqajmet mill-qorti inkwistjoni li tisħaq li l-esklużjoni tal-persuni ġuridiċi mill-kunċett ta’ vittma taħt id-Deċiżjoni Qafas tista’ twassal għal inugwaljanza fit-trattament tal-vittmi ta’ reati mill-Istati Membri. Uħud mill-Istati Membri, fil-fatt, fl-istadju tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas jistgħu jaċċettaw kunċett iktar wiesa’ ta’ vittma, li jkun jinkludi anki lill-persuni ġuridiċi. Fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti f’dawn l-Istati Membri, il-vittmi fl-Istati Membri li jillimitaw il-kunċett ta’ vittma għal persuni fiżiċi biss, isibu ruħhom f’sitwazzjoni inferjuri.
30. Madankollu din l-inugwaljanza fit-trattament, toriġina mill-fatt li bid-Deċiżjoni Qafas kien hemm il-ħsieb li tiġi segwita biss l-armonizzazzjoni tal-miżuri fir-rigward tal-istatus tal-persuni fiżiċi. Li f’settur mhux armonizzat jistgħu jinħolqu inugwaljanzi fit-trattament bejn l-Istati Membri hija konsegwenza naturali ta’ armonizzazzjoni parzjali bħal din, li ma tistax titneħħa permezz ta’ interpretazzjoni estensiva tad-Deċiżjoni Qafas li tmur kontra l-interpretazzjoni letterali tagħha.
B – Fuq it-tieni domanda preliminari
31. Bit-tieni domanda preliminari l-qorti inkwistjoni tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “reat” taħt l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi r-reati kollha li l-elementi kostituttivi tagħhom f’sens materjali stabbiliti mil-liġi huma sostanzjalment tal-istess tip.
32. Din il-kwistjoni tiskatta mill-fatt li fid-dritt Ungeriż għar-reat ta’ frodi tista’ ssir medjazzjoni anki fil-każ fejn il-vittma tar-reat tkun persuna ġuridika. Mill-banda l-oħra, fir-rigward ta’ danni għall-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea taħt l-Artikolu 314 tal-Kodiċi Kriminali, id-dritt Ungeriż ma jipprovdix għall-medjazzjoni. Dan għaliex il-Kapitolu XVII tal-Kodiċi Kriminali (reati kontra l-kummerċ) fejn tinsab din id-dispożizzjoni legali, mhuwiex inkluż fost dawk li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 221/A tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ medjazzjoni (5).
33. Skont il-qorti inkwistjoni r-reati kriminali tal-frodi u tad-danni għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea huma sostanzjalment identiċi. Jeħtieġ, għalhekk, li wieħed jistaqsi jekk leġiżlatur kriminali nazzjonali huwiex liberu li jagħżel, fir-rigward ta’ reati tal-istess tip, jekk jipprovdix għall-medjazzjoni jew le jew jekk id-dritt Ewropew jimponix trattament uniformi.
34. B’mod preliminari għandu jiġi rrilevat li fil-pożizzjoni li ħa l-Gvern Ungeriż huwa sostna, b’argumenti konvinċenti, li ż-żewġ reati kriminali previsti mid-dritt Ungeriż huma distinti minn xulxin b’mod ċar. Fl-aħħar nett, madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti inkwistjoni li tiċċara b’mod definittiv jekk iż-żewġ reati humiex komparabbli ma’ xulxin.
35. Il-Gvernijiet Ungeriż u Taljan isostnu li t-tieni domanda, meta tiġi kkunsidrata r-risposta għall-ewwel domanda preliminari, hija evidentement ta’ natura ipotetika u għalhekk ma għandhiex tingħata risposta ladarba din tikkonċerna reat kontra persuna ġuridika li, kif diġà ntqal, mhijiex inkluża fid-Deċiżjoni Qafas.
36. Madankollu, il-leġiżlatur Ungeriż, fir-rigward tar-reati kriminali li għalihom ipprovda l-medjazzjoni (6), jippermetti l-medjazzjoni kemm fil-każ li l-vittmi jkunu persuni fiżiċi, u anki fil-każ fejn dawn ikunu persuni ġuridiċi. F’dan il-każ, il-leġiżlatur seta’ għalhekk għażel favur l-hekk imsejjaħ “eċċess ta’ traspożizzjoni” tad-Deċiżjoni Qafas, bil-ħsieb, għalhekk, li jsegwi d-Deċiżjoni Qafas anki fir-rigward tal-medjazzjoni fir-rigward tal-persuni ġuridiċi.
37. Skont ġurisprudenza kostanti f’każ bħal dan ta’ eċċess ta’ traspożizzjoni, domanda li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija ammissibbli. Huwa manifestament fl-interess tas-sistema legali Komunitarja li, sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, kull dispożizzjoni Komunitarja tingħata interpretazzjoni uniformi irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi applikata (7).
38. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssostni li dan huwa każ ta’ eċċess ta’ traspożizzjoni, din għandha tiċċara jekk fi ħdan il-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, Stat Membru huwiex obbligat jipprovdi l-medjazzjoni b’mod uniformi għar-reati kollha tal-istess tip. L-Istat Membru jista’ mbagħad jestendi l-eżitu ta’ dawn ir-riflessjonijiet għar-regolamentazzjoni stipulata minnu għall-persuni ġuridiċi.
39. Ċertament, id-Deċiżjoni Qafas, diġà abbażi tat-tifsira letterali tagħha, tagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali rilevanti fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-medjazzjoni fil-kawżi kriminali. Fil-fatt fiha huwa stipulat biss, fi kliem xejn rigoruż, il-fatt li l-Istati Membri jiżguraw li tiġi promossa l-medjazzjoni. L-Istati Membri għandhom jippromwovu din il-medjazzjoni biss għal dawk ir-reati li huma jsostnu li huma “addattati” għal din it-tip ta’ miżura. Dan il-kriterju ta’ adattezza jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni wiegħsa fl-identifikazzjoni tar-reati li fir-rigward tagħhom hija prevista l-medjazzjoni. Madankollu wieħed jista’ jistaqsi jekk il-prinċipju ta’ trattament ugwali stipulat fid-dritt tal-Unjoni, li l-Istati Membri għandhom josservaw fl-istadju ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, jimponix fuqhom, ladarba jipprovdu il-medjazzjoni għal reati partikolari, li din tiġi introdotta b’mod uniformi għar-reati kollha li sostanzjalment huma tal-istess tip. Fil-każ kuntrarju tista’ sseħħ inugwaljanza fit-trattament ta’ persuni li kienu vittmi ta’ reati sostanzjalment tal-istess tip. Il-vittma ta’ reat partikolari jkollha l-possibbiltà tirrikorri għall-medjazzjoni, filwaqt li għall-vittma ta’ reat li sostanzjalment huwa tal-istess tip, din il-medjazzjoni ma tkunx prevista. F’dan ir-rigward għandu jiġi wkoll ivverifikat jekk tali inugwaljanza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata pereżempju permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni.
40. Madankollu, f’din l-istanza mhuwiex il-ħsieb tiegħi li nidħol f’dawn il-kwistjonijiet, peress li, il-każ preżenti, fil-fehma tiegħi mhuwiex każ ta’ eċċess ta’ traspożizzjoni. Il-leġiżlatur Ungeriż, fil-fatt, fir-rigward tar-reat kriminali, rilevanti għall-każ inkwistjoni, tad-danni għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, reat li tiegħu l-vittma ma tistax tkun persuna fiżika, b’mod konxju għażel li ma jipprevedix il-medjazzjoni. Fil-fatt, dan ir-reat ma jaqax taħt il-kategorija ta’ reati kriminali li fir-rigward tagħhom hija prevista l-medjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 221/A(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż. Għalhekk, fir-rigward ta’ dan wieħed lanqas biss jista’ jitkellem dwar eċċess ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Il-Gvern Ungeriż saħansitra jirrileva li l-medjazzjoni fil-każ preżenti tkun kontra l-liġi. Ġaladarba l-Gvern Ungeriż fir-rigward ta’ reati oħrajn stipula li għandha ssir il-medjazzjoni anki fejn il-vittma tkun persuna ġuridika, huwa għalhekk fi kwalunkwe każ għażel li jagħmel eċċess parzjali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward tar-reat rilevanti fil-każ inkwistjoni u l-kategorija ta’ reati li taħtha jaqa’ r-reat inkwistjoni, ma jirriżulta l-ebda eċċess ta’ traspożizzjoni.
41. Anki l-kunsiderazzjonijiet li saru mill-qorti inkwistjoni fir-rigward tat-tieni domanda preliminari ma jipprovdu ebda element biex wieħed isostni li dik il-qorti fformulat dik id-domanda billi telqet mill-premessa ta’ eċċess ta’ traspożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, il-qorti inkwistjoni bit-tieni domanda qed tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jobbligax lil Stat Membru jipprovdi l-medjazzjoni għall-persuni ġuridiċi fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jikkontemplah għal reat tal-istess tip anki fejn il-vittma tkun persuna ġuridika.
42. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li ma jeżisti ebda obbligu li Stat Membru jipprovdi l-medjazzjoni anki fejn il-vittma tkun persuna ġuridika. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-dritt tal-Unjoni, fil-fatt, jeżisti biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li huwa fil-każ preżenti, delimitat bid-Deċiżjoni Qafas. Id-Deċiżjoni Qafas tinkludi biss dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-persuni fiżiċi vittmi ta’ reati, filwaqt li l-persuni ġuridiċi vittmi ta’ reati ma jidħlux fil-kuntest ta’ applikazzjoni tagħha, u għalhekk, lanqas tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-dritt tal-Unjoni ma jirriżulta ebda obbligu li tiġi stipulata medjazzjoni fil-kawżi kriminali f’dawk il-każi fejn il-vittma tar-reat tkun persuna ġuridika jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi fir-rigward ta’ reat sostanzjalment tal-istess tip tali medjazzjoni anki fil-każ fejn il-vittma tkun persuna ġuridika.
C – Osservazzjoni preliminari dwar it-tielet u r-raba’ domandi preliminari
43. Bit-tielet u r-raba’ domanda preliminari, il-qorti inkwistjoni tixtieq tkun taf xi ħaġa iktar dwar il-forma tal-proċedura ta’ medjazzjoni rregolata bl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas. Uħud mill-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li dawn il-kwistjonijiet huma evidentement ta’ natura ipotetika u għalhekk, ma għandhomx jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba r-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi preliminari diġà wrew li fil-proċeduri prinċipali ma hemmx involuta vittma fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, u li, minkejja li l-vittma hija persuna ġuridika, anki mill-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jirriżulta ebda obbligu li tiġi stipulata l-medjazzjoni għar-reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jien insostni li mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għal dawn id-domandi.
44. F’każ li, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-intenzjoni tiddeċiedi dwar dawn iż-żewġ domandi billi tinvoka l-kunċett, imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 36 tal-konklużjonijiet preżenti, tal-“eċċess ta’ traspożizzjoni”, jeħtieġ minn hawn ’il quddiem li dawn jiġu ttrattati sussidjarjament.
D – Fuq it-tielet domanda preliminari
45. Fir-rigward tal-forma tal-proċedura ta’ medjazzjoni l-qorti inkwistjoni tistaqsi qabel xejn jekk l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li medjazzjoni bejn l-awtur u l-vittma tar-reat għandha tkun possibbli tal-inqas sakemm tingħata s-sentenza fl-ewwel istanza.
46. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar din id-domanda, il-qorti inkwistjoni tirrileva li, fil-fehma tagħha, l-issuġġettar tal-iżvolġiment tal-medjazzjoni għal ammissjoni minn qabel li tkun saret matul l-indaġini jikser id-drittijiet tad-difiża tal-persuna suġġetta għall-indaġini. Fil-fatt, abbażi tad-dritt proċedurali kriminali Ungeriż, għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni huwa meħtieġ fost l-oħrajn li “l-persuna suġġetta għall-indaġini tammetti matul l-indaġini l-fatti kommessi, u tkun disposta u tkun f’qagħda li tirrimedja għad-dannu li jkun sar lill-vittma jew li tagħmel tajjeb mod ieħor għall-konsegwenzi dannużi” (8).
47. It-tielet domanda preliminari hija komposta, għaldaqstant, minn żewġ partijiet. Jeħtieġ li minn banda jiġi verifikat sa liema mument għandha tkun possibbli l-medjazzjoni, u mill-banda l-oħra jekk ikunx konformi mad-Deċiżjoni Qafas li tintalab bħala rekwiżit għall-iżvolġiment tal-medjazzjoni ammissjoni li diġà tkun saret matul l-indaġini.
1. Dwar il-mument meta għandha ssir il-proċedura ta’ medjazzjoni
48. L-Artikolu 10(1), tad-Deċiżjoni Qafas jistipula li kull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi l-medjazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.
49. Għalhekk wieħed jista’ jsostni li l-fatt li Stat Membru jipprovdi l-medjazzjoni matul il-fażi tal-indaġini biss u b’dan il-mod jippromwovi l-medjazzjoni esklużivament fil-fażi inizjali tal-proċeduri mhuwiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.
50. Il-“medjazzjoni fil-każi kriminali” hija espressament iddefinita fl-Artikolu 1(e) tad-Deċiżjoni Qafas, bħala t-tfittxija, qabel jew matul, il-proċeduri kriminali għal soluzzjoni negozjata bejn il-vittma u l-awtur tar-reat, medjata minn persuna kompetenti. Ċertament il-medjazzjoni tiġi promossa f’termini partikolarment wegħsin jekk din tkun għadha tista’ seħħ sal-għeluq tal-proċeduri kriminali. Madankollu, id-Deċiżjoni Qafas ma toħloqx l-obbligu li tiġi promossa l-medjazzjoni f’termini daqshekk wesgħin. Id-Deċiżjoni Qafas, fil-fatt, tiddefinixxi l-medjazzjoni espliċitament bħala t-tfittxija, qabel jew matul, il-proċeduri kriminali u, għalhekk, tkun sodisfatta mill-fatt li fi kwalunkwe fażi tal-proċeduri tkun teżisti l-possibbiltà tal-medjazzjoni. B’din il-formulazzjoni alternattiva d-Deċiżjoni Qafas tesprimi b’mod ċar li l-medjazzjoni tista’ sseħħ kemm fil-fażi tal-indaġini kif ukoll matul il-proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma hemm għalfejn li tkun possibbli fiż-żewġ fażijiet. Għalhekk l-għażla li tiġi limitata l-possibbiltà tal-medjazzjoni biss għal fażi proċesswali waħda taqa’ fi ħdan is-setgħa diskrezzjonali wiegħsa mogħtija mid-Deċiżjoni Qafas lill-Istati Membri.
51. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż josserva li fid-dritt Ungeriż il-medjazzjoni tkun għadha possibbli anki wara l-għeluq tal-indaġini, matul il-proċeduri ġudizzjarji, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 266(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Bit-tielet domanda preliminari, il-qorti inkwistjoni tixtieq tkun taf, jekk huwa possibbli, f’liema stadju għandha sseħħ l-ammissjoni bħala rekwiżit għall-medjazzjoni. It-tieni parti tat-tielet domanda preliminari hija mmirata għall-istess għan.
2. Dwar l-ammissjoni tal-persuna suġġetta għall-indaġini
52. Fid-dritt Ungeriż, abbażi tal-Artikolu 221/A(3)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, l-iżvolġiment tal-medjazzjoni huwa suġġett għal ammissjoni tal-fatti li seħħ matul l-indaġini. Imbagħad jeħtieġ li jiġi verifikat jekk b’dan il-mod tingħatax kunsiderazzjoni xierqa għall-promozzjoni tal-medjazzjoni, imposta bl-Artikolu 10.
53. Id-Deċiżjoni Qafas ma tispeċifikax kif l-Istati Membri għandhom jirregolaw fid-dettall il-proċedura ta’ medjazzjoni. L-Artikolu 10(1) jobbliga lill-Istati Membri f’termini ġenerali biss jfittxu li jippromwovu l-medjazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Abbażi tas-subartikolu (2) kull Stat Membru għandu jiżgura li jiggarantixxi li ftehim eventwali milħuqa bejn il-vittma u l-awtur tar-reat matul il-medjazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.
54. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas ħalliet lil-leġiżlaturi nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiegħsa fir-rigward tal-forma speċifika tal-medjazzjoni (9). Madankollu, il-metodu konkret tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax ikun tali li jneħħilha fil-parti l-kbira l-effett utli tagħha u b’hekk ma jiġix osservat l-obbligu stipulat fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni li abbażi tiegħu kull Stat Membru għandu jiżgura li fis-sistema legali kriminali tiegħu l-vittmi jkollhom rwol sinjifikattivi u xieraq (10).
55. Anki f’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li mill-perspettiva tal-akkużat jirriżulta li hija iktar attraenti proċedura ta’ medjazzjoni li ma jkollux għalfejn diġà jiddeċiedi dwarha waqt li jkunu għaddejjin l-indaġini, imma li jkun għadu jista’ jagħżel anki wara li jkun ġie akkużat. F’dan il-każ, fil-fatt, l-akkużat għandu l-possibbiltà jistenna l-ewwel l-eżitu li se jaslu għalih l-indaġini. Iktar ma tkun attraenti għall-akkużat il-proċedura ta’ medjazzjoni, iktar u iktar jibbenefika anki l-vittma mill-vantaġġi tal-medjazzjoni, dejjem jekk dan ikun irid.
56. Madankollu, fil-każ preżenti, il-parametri wiegħsin mogħtija lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma jidhirx li ġew maqbuża, ladarba l-metodu ta’ traspożizzjoni kif adottat mid-dritt Ungeriż ma jneħħix mid-Deċiżjoni Qafas il-parti l-kbira tal-effett utili tagħha. Minn banda jeżisti kuntest wiesa’ ta’ applikazzjoni sostanzjali għall-proċedura ta’ medjazzjoni, u mill-banda l-oħra jistgħu jiġu adottati anki raġunijiet biex tiġi inċentivata medjazzjoni fl-iktar stadju kmieni matul l-indaġini. B’dan il-mod, pereżempju, wieħed ikun jista’ jevita mill-bidu li l-vittma tgħaddi minn proċeduri ġudizzjarji li jistgħu jkunu onerużi għaliha, u anki minn perspettiva politiko-kriminali l-effetti tat-tnaqqis tal-kwantum tal-piena, li d-dritt Ungeriż jorbot mal-medjazzjoni, jew saħansitra l-arkivjazzjoni tal-proċeduri jirriżultaw tant iktar ġustifikati iktar ma kmieni l-akkużat jammetti l-akkużi u jfittex li jintlaħaq ftehim mal-vittma. F’dan is-sens il-Gvern Ungeriż sostna li r-rekwiżit ta’ ammissjoni fil-ħin propizju ġie introdott biex tiġi evitata mġiba strumentalizzata u abbużiva min-naħa tal-persuna suġġetta għall-indaġini.
57. Il-qorti inkwistjoni ssostni li l-issuġġettar tal-iżvolġiment tal-medjazzjoni għar-rekwiżit li ssir ammissjoni matul l-indaġini jikser id-dritt tal-akkużat li jibqa’ sieket (nemo tenetur se ipsum accusare). Il-qorti inkwistjoni tosserva li jeżisti l-perikolu li l-persuna suġġetta għall-indaġini tiġi kostretta inġustament tammetti u għalhekk tinkrimina ruħha.
58. Il-Gvern Franċiż jiċħad li hemm ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu abbażi diġà tal-Artikolu 221/A(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż. Din id-dispożizzjoni tistipula li d-dikjarazzjonijiet rilaxxati fil-kuntest tal-proċedura ta’ medjazzjoni mill-persuna suġġetta għall-indaġini u mill-vittma fir-rigward taċ-ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-proċeduri ma jistgħux jingħataw valur bħala prova. Madankollu, hawnhekk qegħdin nittrattaw, l-ammissjoni tal-persuna suġġetta għall-indaġini mogħtija matul l-indaġini qabel l-iżvolġiment tal-proċeduri tal-medjazzjoni. Għalhekk, ammissjoni bħal din, meta jiġi kkunsidrat il-mument meta tiġi mogħtija, tista’ ma taqax fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata. Id-domanda preliminari, għalhekk, mhijiex diġà għal dik ir-raġuni ta’ natura ipotetika.
59. Id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali (11). Fil-kuntest preżenti wieħed għandu jżomm f’moħħu qabel kollox id-dritt għal smigħ xieraq, previst fl-Artikolu 6 KEDB u fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (12).
60. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-prinċipju tal-libertà li wieħed jibqa’ sieket jikkostitwixxi n-nukleju ċentrali tad-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (13). Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, ir-raġunament warajh huwa partikolarment il-ħarsien tal-akkużat milli jintuża sfurzar abbużiv fuqu min-naħa tal-awtoritajiet. Skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu jikkonċerna qabel xejn l-osservanza tar-rieda tal-akkużat li ma jweġibx. Dan id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu jimplika barra dan li l-akkuża f’kawża kriminali għandha tibbaża l-produzzjoni tal-provi tagħha mingħajr ma tirrikorri għal provi miksuba mingħand l-akkużat kontra r-rieda tiegħu permezz ta’ sfurzar jew pressjonijiet (14).
61. Il-fatt li l-akkużat irid jammetti fil-ħin propizju bla dubju jqiegħed ċerta pressjoni fuqu fejn dan jaf li jekk ma jagħmilx l-ammissjoni jew jekk jagħmilha biss wara mhuwiex se jkun jista’ jibbenefika mill-vantaġġi tal-medjazzjoni. Madankollu, il-fatt li l-leġiżlatur iun ippreveda, speċjalment fil-kuntest tal-għoti tal-piena, inċentivi pożittivi li għandhom jinkoraġġixxu lill-akkużat jammetti kemm jista’ jkun malajr ma jammontax għal pressjoni jew sfurzar li mhuwiex permess. Anki barra minn din l-ipoteżi, fil-fatt, normalment fir-rigward tal-ammissjoni jiġi rikonoxxut effett attenwanti fil-kuntest tal-għoti tal-piena. Għalhekk, kif ġie rilevat b’mod korrett mill-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, forma tal-porċedura ta’ medjazzjoni bħal dik tal-Ungerija ma tiksirx id-dritt għal smigħ xieraq.
A – Fuq ir-raba’ domanda preliminari
62. Bir-raba’ domanda preliminari l-qorti inkwistjoni tixtieq tkun taf jekk skont l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandux ikun ġeneralment possibbli, fejn ikunu sodisfatti r-rekwiżiti legalii, li wieħed jaċċedi mingħajr eċċezzjoni għall-proċeduri ta’ medjazzjoni u b’mod li dan l-aċċess ma jkunx suġġett għal xi deċiżjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti. Il-qorti inkwistjoni tagħmel referiment f’dan ir-rigward għall-Artikolu 221/A(3)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni l-prosekuzzjoni tirrikorri għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni jekk, meta tiġi kkunsidrata n-natura tar-reat, tal-mod ta’ kif twettaq l-istess reat, kif ukoll tal-personalità tal-indagat, tkun tista’ ssir rinunzja għall-iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji jew jekk ikun hemm motivi fondati biex jiġi sostnut li l-qorti fil-fażi tal-għoti tal-piena se tivvaluta b’mod pożittiv l-indiema pożittiva.
63. Skont il-qorti inkwistjoni l-leġiżlazzjoni Ungeriża tħalli spazju għall-evalwazzjonijiet suġġettivi mill-awtoritajiet inkarigati bl-applikazzjoni tal-liġi kriminali fid-deċiżjoni dwar jekk jeżistux ir-rekwiżiti għall-medjazzjoni, u b’dan il-mod tintroduċi ostakolu possibbli għall-iżvolġiment tal-medjazzjoni. Dan ma jikkontribwixxix għall-promozzjoni tal-medjazzjoni, bi ħsara għall-vittmi.
64. Fir-risposta għal din id-domanda preliminari wieħed għandu għal darb’oħra jirrileva li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas ma jipprovdi ebda indikazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-forma tal-proċedura ta’ medjazzjoni. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni, lanqas ma jista’ jiġi dedott direttament jekk l-aċċess għall-medjazzjoni jistax jiġi mqiegħed għad-diskrezzjonalità tal-awtoritajiet kompetenti. Id-Deċiżjoni Qafas timponi fuq l-Istati Membri obbligu ġeneriku biss li jippromwovu l-medjazzjoni. L-Istati Membri għalhekk għandhom setgħa diskrezzjonali wiegħsa fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-proċedura ta’ medjazzjoni u tal-kundizzjonijiet neċessarji tagħha (15).
65. Madankollu, il-metodu konkret ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas lanqas ma jista’ jkun tali li jneħħilha ħafna mill-effetti utli tagħha (16). L-obbligu stipulat fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas li tiġi promossa l-medjazzjoni għandu, għalhekk, jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi traspożizzjoni li tiżgura fil-prattika kuntest ta’ applikazzjoni sostanzjali.
66. Isegwi għalhekk li, kif irrilevaw anki il-Gvernijiet Taljan u Franċiż, id-Deċiżjoni Qafas bħala regola ġenerali ma tostakolax l-għoti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ marġini ta’ diskrezzjoni fid-deċiżjoni jekk jingħatax bidu għal proċedura ta’ medjazzjoni. L-Artikolu 10(1) ma għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi żgurat fir-rigward tal-vittma dritt ġenerali u inkundizzjonat għall-medjazzjoni. Fil-fatt jirriżulta li jkun opportun li ssir deċiżjoni minn każ għal każ mill-awtoritajiet inkarigati bl-applikazzjoni tal-liġi kriminali, peress li b’dan il-mod tiġi żgurata speċifikament kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari kollha ta’ kull każ speċifiku, li jistgħu jinkludu minbarra l-interess tal-vittma fil-medjazzjoni, anki evalwazzjonijiet u previżjonijiet importanti oħrajn. Tali deċiżjoni individwali ma tneħħix minn qabel l-effett utli tal-proċedura ta’ medjazzjoni.
67. Is-setgħa diskrezzjonali mogħti lill-awtoritajiet, għandu madankollu jkun fondat fuq kriterji oġġettivi, għandu jirrispetta id-drittijiet fundamentali u ma għandux fil-fatt jostakola t-triq għall-medjazzjoni. Għalhekk, fejn ikun hemm il-kunsens tal-vittma għall-medjazzjoni din ħafna drabi għandha tkun ammissibbli.
68. Madankollu, meta jiġi kkunsidrat li mal-iskop tal-piena mill-Istat mhumiex assoċjati biss kunsiderazzjonijiet inerenti għall-protezzjoni tal-vittma, imma wkoll li l-piena hija indirizzata b’mod partikolari biex il-ħati jiġi riintegrat fis-soċjetà u għal skopijiet preventivi, għandu mingħajr dubju jkun ammissibbli r-rifjut tal-medjazzjoni minkejja l-preżenza tal-kunsens tal-vittma.
VI – Konklużjoni
69. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-opinjoni li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Szombathelyi Városi Ügyészség:
1. Il-vittmi fis-sens tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill, 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, huma, anki fir-rigward tal-medjazzjoni fil-kawżi kriminali rregolata bl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas, esklużivament il-persuni fiżiċi.
2. Mid-dritt tal-Unjoni ma joħroġx l-obbligu li tiġi stipulata l-medjazzjoni fil-kawżi kriminali f’każijiet fejn pesuna ġuridika tkun il-vittma ta’ reat, lanqas jekk id-dritt nazzjonali għal reat sostanzjalment tal-istess tip jipprevedi l-medjazzjoni anki fil-każijiet fejn il-vittma tkun persuna ġuridika.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Deċiżjoni Kwadru [Qafas], tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72: minn issa ’l quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2001/220”)
3 – Punt 60.
4 – Ara l-punti 52 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq
5 – Mill-banda l-oħra r-reat ta’ frodi huwa inkluż taħt il-Kapitolu XIII (reati kontra l-proprjetà) u fir-rigward tiegħu l-Kodiċi Kriminali Ungeriż jikkontempla l-medjazzjoni.
6 – Dawn ir-reati huma elenkati fl-Artikolu 221/A(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż.
7 – Ġurisprudenza kostanti li bdiet mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C-297/88 u C‑197/89, Ġabra I-3763, punti 36 u 37; b’referiment speċifiku għad-Direttiva 90/434, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142) ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C-28/95, Ġabra I-4161, punti 32 u 34), u tal-15 ta’ Jannar 2002, Andersen og Jensen (C-43/00, Ġabra I-379, punti 18 u 19); ara fl-aħħar nett is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra I-10893, punti 21 u 22).
8 – Artikolu 221/A(3)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż.
9 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C-404/07, Ġabra p. I-7607, punt 46).
10 – Sentenza Katz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 47).
11 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra I‑5285, punt 59), u Katz (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 48).
12 – Il-Karta pproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), kif emendata fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 303, p. 1).
13 – Qorti Ewropea tad-D.B. sentenza Jalloh vs Il-Ġermanja tal-11 ta’ Lulju 2006, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2006-IX § 97 et seq.
14 – Qorti Ewropea tad-D.B. sentenza Jalloh vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, § 100).
15 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Katz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 46).
16 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Katz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 47).
Full & Egal Universal Law Academy