KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2010 1(1)
Kawża C‑232/09
Dita Danosa
vs
LKB Līzings SIA
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (Latvja)]
“Direttiva 92/85/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Membru tal-bord tad‑diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Ħaddiem – Eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni – Leġiżlazzjoni li tawtorizza t-tkeċċija mill-kariga ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni t-tqala ta’ tali membru – Trattament ugwali bejn l-irġiel u n‑nisa”
1. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (2) tipprovdi miżuri ta’ protezzjoni speċjali favur il-ħaddiema nisa tqal. Din timponi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tkeċċija tagħhom matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala sat-tmiem tal-leave tal-maternità, ħlief għal raġunijiet mhux relatati mat-tqala permessi mid-dritt nazzjonali.
2. F’din il-kawża għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk din id-dispożizzjoni tad‑Direttiva 92/85 hijiex applikabbli f’sitwazzjoni fejn mara tkun membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju. Għaldaqstant irid jiġi stabbilit jekk din il-mara tistax titqies bħala ħaddiema fis-sens tad-Direttiva 92/85.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kontenut ta’ dan il‑kunċett. B’mod konformi mal-ġurisprudenza, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema fis-sens tad-Direttiva 92/85 għandha bħala karatteristika prinċipali, bħal fil-kuntest tal-Artikolu 39 KE, it-twettiq ta’ servizzi bi ħlas favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha (3).
4. Din il-kawża tirrigwarda preċiżament l-aħħar kriterju ta’ dik id‑definizzjoni. L-Augstākās Tiesas Senāts (Latvja) titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja jekk u sa liema grad, fil-kuntest tad-Direttiva 92/85, il‑membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija jista’ jitqies bħala li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdanha u dan permezz ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni u mhux fil-kwalità ta’ fornitur indipendenti ta’ servizzi.
5. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-dritt nazzjonali tagħha, inkwantu jippermetti t-tneħħija mill-kariga ta’ membru tal-bord tad‑diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr restrizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tat-tqala, huwiex kompatibbli mad-Direttiva 92/85.
6. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li membru femminili ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li twettaq funzjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il-kumpannija bi ħlas għandha titqies bħala ħaddiema fis-sens tad‑Direttiva 92/85 peress li, permezz tal-ħatra tagħha, hija tagħmel parti integrali minn din il-kumpannija, teżerċita l-funzjonijiet tagħha taħt il-kontroll ta’ korpi tal-kumpannija li ma tikkontrollax hija stess, bħal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u l-bord superviżorju, u hija tista’ titneħħa mill-kariga tagħha minn dawn tal-aħħar jekk tintilef il-fiduċja fiha.
7. Ser nindika li huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifika dawn il-kundizzjonijiet.
8. Għat-tieni domanda preliminari, ser nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għandha tkun li d-Direttiva 92/85 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ħaddiema mara li tkun membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju tista’ titneħħa mill-kariga tagħha mingħajr restrizzjoni, sa fejn dik id‑dispożizzjoni tawtorizza dik it-tneħħija għal raġunijiet marbuta mat‑tqala.
9. Barra minn hekk, biex ikun ta’ utilità għall-qorti tar-rinviju, ser nindika l-każijiet fejn hija tista’ tistabbilixxi li s-sitwazzjoni tar‑rikorrenti ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85, jew għaliex din tal-aħħar ma tkunx avżat lil min iħaddimha bit-tqala tagħha skont il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali, jew inkella għaliex ma tkunx f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni fir-rigward tal-kumpannija konvenuta u jkollha titqies bħala ħaddiema indipendenti.
10. B’hekk ser ngħid ukoll li t-terminazzjoni, mill-kumpannija, tar‑relazzjoni ta’ xogħol tagħha mar-rikorrenti abbażi tat-tqala tagħha tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, diskriminazzjoni li tmur kontra l‑prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali, implementat mid‑Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE (4) u, fir-rigward tal-ħaddiema indipendenti, mill-applikazzjoni magħquda ta’ dik id-direttiva u tad-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (5).
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Id-Direttiva 92/85
11. Mid-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma għandhiex tisfavorixxi lin-nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas ma għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.
12. Skont il-ħmistax-il premessa tal-istess direttiva, ir-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu u għandu jkun hemm dispożizzjoni biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar.
13. L-Artikolu 2(a) tal-istess direttiva jiddefinixxi ħaddiema tqila bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.
14. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 huwa fformulat hekk:
“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema [tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu] l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:
1) l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema [tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu], matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;
2) jekk ħaddiema [tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’] tiġi mkeċċa [titkeċċa] waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;
3) l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema [tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu] minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il‑punt 1.”
2. Id-Direttiva 76/207
15. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi li “[i]l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni […] fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-istatus konjugali jew tal-familja”.
16. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li din tal-aħħar “għandha tkun mingħajr preġudizzju għad‑dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità”. Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità fis-sens tad‑Direttiva 92/85/KEE jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tad‑Direttiva 76/207.
17. Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207:
“L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis‑setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:
[...]
ċ) impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji […]”
18. L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“B’dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw illi:
a) kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali tiġi abolita;
b) kull dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li hi inkluża f’kuntratti jew ftehim kollettivi, regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti […] għandha tkun, jew tista’ tiġi dikjarata, nulli [nulla] u bla effett jew tiġi emendata”.
3. Id-Direttiva 86/613
19. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 86/613 jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tassigura, skond id‑dispożizzjonijiet li ġejjin, applikazzjoni fl-Istati Membri tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn irġiel u nisa involuti f'attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li tikkontribwixxi biex tiġi prattikata din l-attività, fir‑rigward ta' dawk l-aspetti mhux koperti bid-Direttivi 76/207 […] u 79/7/KEE (6).”
20. Ħaddiem li jaħdem għal rasu huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 86/613 bħala kull persuna li tipprattika attività li trendi għall-kont proprju, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali.
21. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-finijiet tagħha jimplika n-nuqqas ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess, direttament jew indirettament, b’riferiment b’mod partikolari għall-istatus matrimonjali jew tal-familja.
22. Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw l-eliminazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ trattament ugwali kif definit fid‑Direttiva 76/207/KEE.
23. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 86/613 huwa fformulat hekk:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom li jeżaminaw jekk, u taħt liema kondizzjonijiet, ħaddiema femminili li jaħdmu għal rashom u n‑nisa ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, waqt interruzzjonijiet fl‑attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew qegħdin irabbu t‑tfal,
– jista’ jkollhom aċċess għal servizzi li jfornu sostituzzjonijiet temporanji jew servizzi soċjali nazzjonali eżistenti,
jew
– ikunu intitolati għal benefiċċji fi flus taħt skema tas-sigurtà soċjali jew taħt kwalunkwe sistema pubblika oħra ta’ protezzjoni soċjali.”
4. Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea
24. L-Artikolu 21 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
25. L-Artikolu 23 ta’ din il-karta jipprovdi li “[l]-ugwaljanza bejn in‑nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga”.
B – Id-dritt nazzjonali
1. Il-Kodiċi tax-Xogħol
26. L-Artikolu 3 tal-Kodiċi tax-Xogħol (darba likums) (7) jiddefinixxi ħaddiem bħala persuna fiżika li, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, u għal ħlas miftiehem, tagħmel ċertu xogħol taħt id-direzzjoni tal-persuna li timpjega.
27. L-Artikolu 4 tal-Kodiċi tax-Xogħol jiddefinixxi persuna li timpjega bħala persuna fiżika jew ġuridika, jew soċjetà ta’ persuni b’personalità ġuridika, li timpjega ta’ mill-inqas ħaddiem wieħed abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol.
28. L-Artikolu 44(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:
“Għandu jsir kuntratt ta’ xogħol għall-membri ta’ korpi ta’ tmexxija ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, ħlief jekk ikunu impjegati abbażi ta’ kuntratt ieħor taħt il-liġi ċivili. Jekk il-membri tal-korpi ta’ tmexxija ta’ kumpannija jinħatru abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, dan għandu jkun għal perjodu indefinit.”
29. L-Artikolu 109 tal-Kodiċi tax-Xogħol, bit-titolu “Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet imposti fuq il-persuna li timpjega fir-rigward ta’ terminazzjoni”, jipprovdi:
“1) Huwa pprojbit li l-persuna li timpjega xxolji l-kuntratt ta’ xogħol ta’ mara matul it-tqala tagħha kif ukoll matul is-sena ta’ wara l-ħlas u, f’każ li tkun tredda’, matul dak il-perijodu kollu, ħlief fil-każijiet previsti fl‑Artikolu 101(1) punti 1, 2, 3, 4, 5 u 10.
[…]”
2. Il-Kodiċi tal-Kummerċ
30. L-Artikolu 221 tal-Kodiċi tal-Kummerċ (komerclikums) (8) huwa fformulat hekk:
“1) Il-bord tad-diretturi huwa l-organu eżekuttiv tal-kumpannija, li jmexxi lill-kumpannija u jirrappreżentaha.
[…]
5) Il-bord tad-diretturi huwa obbligat jipprovdi informazzjoni lil‑laqgħa ġenerali tal-azzjonisti dwar l-atti konklużi bejn il-kumpannija u azzjonist, membru tal-bord superviżorju u membru tal-bord tad‑diretturi.
6) Il-bord tad-diretturi huwa obbligat li jipprovdi lill-bord superviżorju , ta’ mill-inqas darba kull trimestru, rapport dwar l-attività u dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija, u li jinforma lill-bord superviżorju mingħajr dewmien dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija jew ċirkustanzi oħrajn essenzjali dwar l‑attività kummerċjali tal-kumpannija.
[…]
8) Il-membri tal-bord tad-diretturi għandhom dritt għal remunerazzjoni li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet tagħhom u għall-istat tal-finanzi tal-kumpannija. L-ammont tar-remunerazzjoni huwa ddeterminat b’deċiżjoni tal-bord superviżorju jew, jekk dan ma jkunx ikkostitwit, mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti.”
31. L-Artikolu 224 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, bit-titolu “Nomina u revoka tal-membri tal-bord tad-diretturi”, jipprovdi:
“1) Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tinnomina u tneħħi lill-membri tal-bord tad-diretturi. Hija għandha tibgħat lir-Reġistru tal‑kummerċ notifika dwar it-tneħħija tal-mandat tal-membri tal‑bord, il-modifika tad-drittijiet tagħhom ta’ rappreżentanza jew in-nomina ta’ membri ġodda. Ma’ dik in-notifika għandha tiġi mehmuża kopja tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li tinkludi d-deċiżjoni inkwistjoni.
[…]
3) Il-membri tal-bord tad-diretturi huma maħtura għal tliet snin, ħlief jekk l-istatut jipprovdi għal perijodu iqsar.
4) Il-membri tal-bord tad-diretturi jistgħu jitneħħew b’deċiżjoni tal‑laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Jekk il-kumpannija jkollha bord superviżorju, dan jista’ jissospendi lill-membri tal-bord tad-diretturi mill-funzjonijiet tagħhom sal-laqgħa tal-azzjonisti iżda biss għal terminu ta’ mhux iktar minn xahrejn.
[…]
6) L-istatut jista’ jipprovdi li l-membri tal-bord tad-diretturi jistgħu jitneħħew biss għal raġuni serja. Raġuni serja tfisser ksur tal-mandat, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, impossibbiltà li titmexxa l-kumpannija, azzjoni kontra l-interessi tal-kumpannija, kif ukoll telf ta’ fiduċja.”
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
32. Latvijas Krājbanka AS, kumpannija b’responsabbiltà limitata, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment tal‑kumpannija b’responsabbiltà limitata LKB Līzings SIA (9), innominat lil D. Danosa (10) bħala l-unika membru tal-bord tad-diretturi ta’ din l‑aħħar kumpannija.
33. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2007, il-bord superviżorju tal‑kumpannija konvenuta ffissa r-remunerazzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija kif ukoll kundizzjonijiet oħrajn relatati u inkarigat lill-president tal-bord superviżorju biex jikkonkludi l-kuntratti meħtieġa sabiex jiġu eżegwiti dawn id-dispożizzjonijiet.
34. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ma ġiex konkluż kuntratt taħt id‑dritt ċivili dwar it-twettiq tal-funzjoni ta’ membru tal-bord tad‑diretturi. Il-kumpannija konvenuta tikkontesta din il-konstatazzjoni u ssostni li kien ġie konkluż kuntratt ta’ mandat mar-rikorrenti. Din tal‑aħħar kienet xtaqet tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol iżda l-kumpannija konvenuta ppreferiet tagħtiha l-pożizzjoni ta’ membru tal-bord tad‑diretturi abbażi ta’ mandat.
35. Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-kumpannija konvenuta ddeċidiet, fit-23 ta’ Lulju 2007, li tneħħi lir-rikorrenti mill-kariga tagħha ta’ membru tal-bord tad-diretturi. Hija ngħatat kopja ċċertifikata tal‑minuti tal-laqgħa fl-24 ta’ Lulju 2007.
36. Ir-rikorrenti, peress li kienet tal-fehma li t-tneħħija tagħha mill‑kariga ta’ membru tal-bord tad-diretturi kienet illegali, ippreżentat rikors fil-31 ta’ Awwissu 2007 quddiem ir-Rīgas pilsētas Centra rajona tiesa (qorti tad-distrett ċentrali ta’ Riga) kontra l-kumpannija konvenuta.
37. Ir-rikorrenti ssostni li, wara l-ħatra tagħha, hija wettqet korrettament l-obbligi professjonali tagħha kif previsti fl-istatut tal‑kumpannija u fir-regolament tal-bord tad-diretturi tagħha. Hija sostniet ukoll li, peress li kienet irċeviet remunerazzjoni għal xogħolha u ħadet il-leave, kellha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, fuq il-bażi li l-partijiet ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol mhux bil-miktub. Hija sostniet li t-tneħħija tagħha saret bi ksur tal-Artikolu 109 tal-Kodiċi tax-Xogħol dwar il-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal peress li hija kienet fil-11-il ġimgħa tat-tqala tagħha fil‑mument tat-tkeċċija.
38. Skont ir-rikorrenti, jeżisti kunflitt bejn l-Artikolu 224(4) tal‑Kodiċi tal-Kummerċ, li jawtorizza lil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti biex tneħħi f’kull mument lill-membri tal-bord tad-diretturi tal‑kumpannija, u l-Artikolu 109(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li jagħti ċerti garanziji soċjali lill-ħaddiema tqal. Fil-kunflitt inkwistjoni, kellu jingħata prijorità l-Artikolu 109 tal-Kodiċi tax-Xogħol, li jipprojbixxi x‑xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ nisa tqal.
39. Ir-rikors tar-rikorrenti ġie miċħud kemm mill-qorti tal‑prim’istanza kif ukoll mill-qorti tal-appell. Hija b’hekk ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
40. Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrenti sostniet li hija kellha titqies bħala ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament minn jekk titqiesx hekk jew le taħt id-dritt Latvjan. Barra minn hekk, fid-dawl tal‑projbizzjoni ta’ tkeċċija li tinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 u tal-interess eminenti li dik id-dispożizzjoni timmira li tipproteġi, fir‑relazzjonijiet ġuridiċi ta’ kull tip fejn il-karatteristiċi ta’ relazzjoni ġuridika ta’ xogħol jistgħu jiġu identifikati, l-Istat Membru jrid jiżgura, b’kull mezz inklużi dawk ġudizzjarji, li l-ħaddiema tqal igawdu l‑garanziji ġuridiċi u soċjali previsti.
41. Il-kumpannija konvenuta sostniet, min-naħa l-oħra, li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma jipprovdux servizzi taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra u b’hekk ma jistgħux jitqiesu bħala “ħaddiema” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Hija targumenta li huwa għal kollox iġġustifikat li jkun hemm livell ta’ protezzjoni differenti għall-ħaddiema u għall-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju meta titqies il-fiduċja marbuta max-xogħol ta’ membru ta’ tali bord. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jagħmel distinzjoni ċara bejn il‑persuni li jwettqu d-dmirijiet tagħhom taħt id-direzzjoni ta’ min iħaddem u dawk li jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali, li fundamentalment huma r-rappreżentanti ta’ min iħaddem u mhux is-subordinati.
42. Il-qorti tar-rinviju tindika li jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ ħaddiem, kif ukoll mill-għan tad-Direttiva 92/85 fir-rigward tal-protezzjoni ta’ mara tqila kontra t-tkeċċija, li meta membru femminili tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija tkun taqa’ taħt dak il-kunċett ta’ ħaddiem, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva japplika għaliha, minkejja l-fatt li l-Artikolu 224(4) tal‑Kodiċi tal-Kummerċ ma jipprovdi ebda restrizzjoni fir-rigward tat‑tneħħija ta’ persuni mill-karigi tagħhom u li l-membru tal-imsemmi kumitat ikollux jew le kuntratt ta’ xogħol.
43. Skont dik il-qorti, kemm id-Direttiva 76/207 kif ukoll id‑Direttiva 92/85 jipprojbixxu t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ mara tqila.
44. Peress li dehrilha li l-kawża li tinsab quddiemha tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“1) Membru ta’ bord li jmexxi kumpannija b’kapital azzjonarju għandu jitqies bħala ħaddiem skont id-dritt [tal-Unjoni Ewropea]?
2) Il-fatt li l-Artikolu 224(4) tal-Kodiċi tal-Kummerċ Latvjan jippermetti t-tneħħija ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr ebda restrizzjoni, u b’mod partikolari mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni t-tqala ta’ tali membru, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 92/85 […] u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja?”
III – Analiżi
45. Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti tistax titqies bħala ħaddiema fis-sens tad-Direttiva 92/85, u, jekk dan huwa l-każ, x’inhi l‑portata tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija mill-Artikolu 10 tagħha.
46. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 92/85, b’mod partikolari l-protezzjoni kontra t‑tkeċċija prevista fl-Artikolu 10 tagħha, tapplika, skont l-Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva, għall-ħaddiema tqal li jkunu avżaw lil min iħaddimhom bl-istat tat-tqala tagħhom b’mod konformi mal‑leġiżlazzjoni jew il-prassi fis-seħħ fl-Istat Membru.
47. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma tagħtix indikazzjoni dwar il-kwistjoni jekk id-dritt intern tagħha jissuġġettax, u jekk huwa l-każ taħt liema termini, il-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun informat minn qabel lil min iħaddimha bit-tqala tagħha. Il-kumpannija konvenuta ssostni, min-naħa tagħha, li r‑rikorrenti avżatha bit-tqala tagħha biss xi ftit jiem wara li l‑bord superviżorju neħħiha mill-kariga tagħha bħala membru tal-bord tad‑diretturi.
48. Il-kwistjoni dwar jekk din iċ-ċirkustanza hijiex ta’ tali natura li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-benefiċċju tal-protezzjoni speċjali mogħtija mid-Direttiva 92/85 tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u mill-evalwazzjoni tal-fatti, bħal stat ta’ tqala evidenti, li jaqgħu taħt il‑kompetenza tal-qorti tar-rinviju.
49. Fi kwalunkwe każ, l-inċertezza li teżisti dwar dan il-punt ma għandhiex tpoġġi f’dubju l-preżunzjoni ta’ rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali li minnha għandha tgawdi d-deċiżjoni tar-rinviju b’mod konformi mal-ġurisprudenza (11), u li f’din il-kawża ma hijiex ikkontestata.
50. B’hekk ser neżamina d-domandi billi nitlaq mill-premessa li l‑kundizzjoni dwar l-informazzjoni li trid tingħata lill-persuna li timpjega skont ir-regoli fis-seħħ fid-dritt intern kienet sodisfatta.
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
51. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf jekk membru ta’ bord tad-diretturi bħar‑rikorrenti, li kienet tinsab tqila meta l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-kumpannija konvenuta ddeċidiet li tneħħiha mill-kariga tagħha, tistax tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl‑Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85.
52. Il-kwistjoni b’hekk hija jekk u sa liema grad membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju jista’ jitqies bħala ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 92/85.
53. Kif fakkret ġustament il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tad-Direttiva 92/85 ġie ddefinit fis-sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, li ttrasponiet għal din id-direttiva d-definizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 39 KE. Skont din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 92/85, b’hekk għandu jkollu kontenut uniformi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-karatteristika essenzjali tiegħu hi li jridu jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi, bi ħlas, favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra (12).
54. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija biss l-aħħar waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li hija suġġetta għal kontestazzjoni bejn il-partijiet. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija minn dik il-qorti, effettivament, ir‑rikorrenti ssostni, mingħajr ma hija kkontestata, li wettqet il-kompiti bħala l-uniku membru tal-bord tad-diretturi assenjati lilha mill-istatuti tal-kumpannija u mir-regoli ta’ dak il-bord, li jista’ jikkorrispondi perfettament mal-eżerċizzju ta’ attività li għandha valur ekonomiku ċert, u ma hijiex nieqsa minn karattru reali u effettiv fis-sens tal‑ġurisprudenza (13).
55. Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-rikorrenti rċeviet ħlas u li l‑kwalifikazzjoni ta’ dak il-ħlas għar-relazzjoni tax-xogħol, kif ukoll il‑modalitajiet tiegħu, huwa irrelevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala ħaddiem (14).
56. Il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata b’hekk tirrigwarda l-punt dwar jekk dawk is-servizzi mħallsin ipprovduti lill-kumpannija konvenuta kinux taħt id-direzzjoni tagħha. Din hija r-raġuni għalfejn nipproponi li l-ewwel domanda preliminari tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk u sa liema grad membru femminili tal‑bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li twettaq il‑funzjonijiet tagħha ta’ tmexxija ta’ dik il-kumpannija bi ħlas, tipprovdix dawk is-servizzi fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni u, b’hekk, tistax titqies bħala ħaddiema fis-sens tad-Direttiva 92/85.
57. Fi kliem ieħor, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti għandhiex titqies, fir-rigward ta’ dik id-direttiva, bħala ħaddiema impjegata, li tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minnha, jew inkella bħala fornitriċi ta’ servizzi indipendenti li taqa’ taħt id-Direttiva 86/613. Id‑dritt soċjali tal-Unjoni Ewropea, effettivament, s’issa għadu ma jipprovdix skema speċjali għad-diretturi ta’ kumpannija fir-rigward tal‑implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa jew, b’mod iktar speċifiku, il-protezzjoni tat-tqala. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti b’hekk għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ din l‑alternattiva u abbinata ma’ waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji.
58. Il-kumpannija konvenuta kif ukoll il-Gvern Grieg u Latvjan isostnu li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema fis-sens tad-dritt tal‑Unjoni Ewropea u li b’hekk ma jistgħux jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85.
59. Il-kumpannija konvenuta ssostni li qatt ma ġie konkluż kuntratt ta’ xogħol bejnha u r-rikorrenti u li ġuridikament ma kienx hemm relazzjoni ta’ xogħol bejniethom. Hija ssostni li r-rikorrenti wettqet l‑obbligi tagħha bħala membru tal-bord tad-diretturi fuq il-bażi ta’ mandat, b’mod awtonomu, u li hija ma rċeviet struzzjonijiet mingħand ħadd, b’differenza mill-kapijiet tas-setturi u d-dipartimenti, li huma suġġetti għall-awtorità ta’ superjur jew ta’ bord tad-diretturi u li jridu jirrispettaw id-direttivi u l-istruzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess stabbilixxiet ir-regoli interni tal-bord tad‑diretturi.
60. Il-Gvern Grieg, fl-istess sens, jissottometti li membru ta’ bord tad-diretturi bħar-rikorrenti, li jkun ukoll l-uniku amministratur, ma joffrix is-servizzi tiegħu taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra, iżda għall‑kuntrarju, huwa l-persuna li taħt id-direzzjoni tiegħu l-impjegati tal‑kumpannija jaqdu dmirijiethom.
61. Il-Gvern Latvjan, min-naħa tiegħu, jargumenta wkoll li, anki jekk il-membri tal-bord tad-diretturi jwettqu l-funzjonijiet tagħhom għal terminu indefinit u jaġixxu fl-interess tal-kumpannija, l-attività tagħhom ma hijiex ta’ natura subordinata iżda hija ta’ natura indipendenti. Il-bord tad-diretturi huwa l-korp eżekuttiv tal-kumpannija li jmexxiha u jirrappreżentaha. Huwa ma jipprovdix servizzi taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra u ma jridx jimxi mal-istruzzjonijiet mogħtija minn persuna oħra. Huwa jsostni li l-attività tal-bord tad-diretturi għandha titqies bħala l-konkretizzazzjoni tal-fiduċja mogħtija lilu mill-azzjonisti tal‑kumpannija b’kapital azzjonarju.
62. Bl-istess mod, l-istabbiliment ta’ bord superviżorju ma huwiex obbligu għal kumpannija b’kapital azzjonarju. Barra minn hekk, tali bord ma għandux dritt li minnu jirriżulta dmir ta’ subordinazzjoni mill‑bord tad-diretturi. Ma għandux mezzi ġuridiċi li jippermettulu jkollu influwenza reali fuq l-attivitajiet tal-imsemmi bord fuq bażi kwotidjana.
63. Finalment, il-Gvern Latvjan jenfasizza li r-relazzjoni bejn is-soċji jew azzjonisti ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ dik il-kumpannija hija bbażata fuq il-fiduċja, b’mod li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawk il-membri għandha tkun tista’ tiġi mitmuma meta tintilef dik il-fiduċja.
64. Jiena ma naqbilx mal-analiżi ta’ dawn il-partijiet intervenjenti. Bl-istess mod bħar-rikorrenti u l-Gvern Ungeriż, jiena tal-fehma li membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti jista’ jitqies li qed jeżerċita l‑funzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni u, għaldaqstant, li għandu l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 92/85. Jiena nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq il-motivi segwenti, li jirrigwardaw, minn naħa waħda, il-karatteristiċi tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, l-għan segwit permezz tal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85.
1. Il-karatteristiċi tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet
65. Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “ħaddiem” imsemmi mid‑dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, fis-sens tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi tar-relazzjoni tax-xogħol, waqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati (15).
66. Ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem b’hekk ma jistax jiddependi mill-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol mill-partijiet inkwistjoni u lanqas mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, in-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta’ xogħol fir-rigward tad-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (16). Hija ddeċidiet ukoll li l‑klassifikazzjoni formali ta’ ħaddiem indipendenti fir-rigward tad-dritt nazzjonali ma teskludix li persuna għandha tiġi kkwalifikata bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jekk l-indipendenza tagħha tkun biss fittizzja (17).
67. Iċ-ċirkustanza, f’din il-kawża, li l-partijiet ma kkonkludewx kuntratt ta’ xogħol u kkonkludew kuntratt ta’ mandat b’hekk ma tistax tiddetermina l-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħala impjegata jew indipendenti, fir-rigward tad-Direttiva 92/85.
68. B’mod konformi mal-ġurisprudenza, din il-klassifikazzjoni tiddependi, f’kull każ, mill-evalwazzjoni tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet (18). Huwa paċifiku wkoll li l-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt tal-Unjoni Ewropea ma għandux ikun suġġett għal interpretazzjoni restrittiva (19). Barra minn hekk, huwa rikonoxxut li dan il-kunċett ma huwiex univoku u li, jekk ikun il-każ, jista’ jvarja skont il-qasam ta’ applikazzjoni inkwistjoni (20).
69. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn naf jien, s’issa qatt ma kellha l-opportunità li tippreċiża n-natura u l-importanza tal-kontroll li għandu jkun suffiċjenti biex jikkaratterizza tali relazzjoni.
70. Hija tat deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpannija fis-sentenza Asscher (21), fejn hija stabbilixxiet li d-direttur ta’ kumpannija li jkun l-uniku azzjonarju tagħha ma jeżerċitax l-attività tiegħu fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, b’tali mod li ma jistax jitqies bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 39 KE (22). L-avukat ġenerali Léger, fil-konklużjonijiet li ssottometta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kien iġġustifika dik il-pożizzjoni bil-fatt li tali direttur ma kien jinsab taħt id-direzzjoni ta’ ebda persuna jew korp ieħor tal-kumpannija li ma kienx jikkontrolla huwa stess (23).
71. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, sussegwentement, li dik is‑soluzzjoni ma setgħetx tiġi trasposta awtomatikament għall-mara ta’ tali direttur, peress li r-relazzjonijiet personali u patrimonjali bejn il‑miżżewġin li jirriżultaw miż-żwieġ ma jeskludux l-eżistenza, fil‑kuntest tal-organizzazzjoni tal-impriża, ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni li tikkaratterizza relazzjoni ta’ xogħol (24).
72. Hija ddeċidiet ukoll li l-fatt li ħaddiema ta’ kumpanniji tal-port inkarigati minn operazzjonijiet ta’ żbark ta’ merkanzija jkunu membri ta’ dawn il-kumpanniji fil-kwalità ta’ azzjonisti ma jipprekludix li huma jkunu f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni fil-konfront tal-impriża (25).
73. Minn dawn l-elementi kollha nistgħu niddeduċu l‑kunsiderazzjonijiet segwenti.
74. Fl-ewwel lok, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija ma jeskludix, fih innifsu, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni. Fis-sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq, kif nifhimha jien, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni fir-rigward tad-direttur ta’ kumpannija inkwistjoni ġiet eskluża mhux minħabba n-natura tal-funzjonijiet tiegħu, iżda minħabba l-fatt li l-individwu kkonċernat kien l-uniku azzjonist tal‑kumpannija, b’tali mod li, fil-kwalità tiegħu bħala direttur, kien jagħti rendikont tal-ġestjoni tiegħu biss lilu nnifsu. Il-kwalità ta’ direttur, bħala tali, b’hekk ma tistax teskludi li l-individwu kkonċernat, meta titqies l-organizzazzjoni tal-impriża, ikun suġġett għall-awtorità tagħha.
75. Fit-tieni lok, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ tali direttur, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal‑impriża u għandha tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ dik l‑evalwazzjoni, in-natura tal-funzjoni tiegħu. L-eżistenza ta’ tali relazzjoni b’hekk għandha tikkunsidra l-fatt li l-funzjoni tiegħu, min‑natura tagħha stess, timplika l-eżerċizzju ta’ setgħat ferm estiżi u li ma għandux superjur ġerarkiku fost l-impjegati.
76. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, fil-fehma tiegħi għandha tingħata importanza partikolari lill-kundizzjonijiet li fihom id-direttur inkwistjoni jkun ġie rreklutat, lill-kontroll li għalih ikun ġie ssuġġettat u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu.
77. Meta neżaminaw dawn il-kriterji f’din il-kawża, nirrilevaw, fir‑rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom ġiet irreklutata r-rikorrenti, li hija nħatret bħala membru tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija konvenuta għal terminu fiss ta’ tliet snin u li hija ġiet inkarigata biex tamministra l-beni ta’ dik il-kumpannija, li tmexxiha u li tirrappreżentaha fir-relazzjonijiet tagħha kollha ma’ terzi. Mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju u l-gvern Latvjan jirriżulta wkoll li hija kienet tifforma parti integrali mill-kumpannija konvenuta.
78. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, f’dan l-aspett, b’hekk kienet distinta b’mod ċar minn dik ta’ mandatarju bħal avukat jew espert tal‑kontabbiltà, li jirċievi mingħand kumpannija l-mandat biex iwettaq kompitu speċifiku, iżda li jibqa’ terza persuna fil-konfront tagħha.
79. Fir-rigward, sussegwentement, tal-kontroll li għalih kienet suġġetta r-rikorrenti, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill‑osservazzjonijiet tal-partijiet li hija kellha tagħti rendikont tal‑ġestjoni tagħha lill-bord superviżorju u tikkollabora miegħu. Huwa wkoll stabbilit li r-rikorrenti, matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, f’diversi okkażjonijiet ħejjiet rapporti u noti informattivi għall‑attenzjoni ta’ dak il-bord.
80. Għal dak li jirrigwarda, finalment, is-setgħa ta’ tneħħija mill‑kariga, mill-proċess jirriżulta li l-membri tal-bord tad-diretturi setgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom b’deċiżjoni tal-azzjonisti, jekk ikun il‑każ, wara li jkunu ġew sospiżi mill-kariga tagħhom mill-bord superviżorju. Jidher ukoll li dik it-tneħħija mill-kariga setgħet tkun ibbażata sempliċement fuq telf ta’ fiduċja.
81. Ċertament, kif enfasizza l-gvern Latvjan, ma jirriżultax minn dawn l-indikazzjonijiet li l-bord superviżorju jew l-azzjonisti kienu f’pożizzjoni li jagħtu struzzjonijiet fuq bażi kwotidjana lill-membri tal‑bord tad-diretturi.
82. Għaldaqstant, jidhirli li huwa diffiċli li jingħad li l-membri ta’ dak il-kumitat, sottomessi għal dawk il-kundizzjonijiet, kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod għal kollox indipendenti. Effettivament, inkwantu kellhom jagħtu rendikont tal-azzjonijiet tagħhom lil korp li ma kinux jikkontrollaw huma stess, setgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom għal sempliċi telf ta’ fiduċja u dan seta’ jirriżulta minn sempliċi nuqqas ta’ qbil min-naħa tal-azzjonisti mal-mod kif kienet immexxija l‑kumpannija, huma kienu fir-realtà obbligati li jiddeterminaw id‑deċiżjonijiet tagħhom ta’ ġestjoni tal-kumpannija skont l-aspettattivi tal-membri tal-bord superviżorju u tal-azzjonisti.
83. Fid-dritt u fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi b’hekk toqrob iktar lejn dik ta’ impjegat milli lejn dik ta’ ħaddiem indipendenti, peress li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-kumpannija setgħet tiġi mitmuma jekk din tal-aħħar, permezz tal-azzjonisti tagħha, ma kinitx taqbel mad-deċiżjonijiet li jkunu ħadu fl-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tagħhom.
84. L-eżami tal-elementi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bħar-rikorrenti mal-kumpannija konvenuta, suġġett għall-verifika tagħhom mill-qorti nazzjonali jwassal, fil-fehma tiegħi, biex ir‑rikorrenti tiġi kkwalifikata bħala ħaddiema (26).
85. Din l-analiżi hija fis-sens tal-għan segwit permezz tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85.
2. L-għan segwit permezz tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85
86. Fir-rigward tal-għan segwit permezz tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, dik id-dispożizzjoni loġikament tapplika fil-kuntest tar‑relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Gvern Latvjan u l-kumpannija konvenuta taw x’jifhmu fl‑osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 għal tali relazzjoni ta’ xogħol ma għandhiex bħala konsegwenza obbligatorja t-tneħħija tad-dritt tas-soċji jew tal-azzjonisti ta’ kumpannija li jtemmu l-kuntratt tad-diretturi tagħha f’każ ta’ telf ta’ fiduċja.
87. Fuq l-ewwel punt, mit-tmien u mill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/85 kif ukoll mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħaddiema tqal għandhom jiġu protetti kontra r-riskju ta’ tkeċċija bbażata fuq it-tqala tagħhom, peress li tali tkeċċija jista’ jkollha effetti dannużi fuq is‑sitwazzjoni fiżika u mentali tagħhom u li għandu jiġi evitat li huma jkunu mħeġġa li jtemmu volontarjament it-tqala tagħhom sabiex ma jitilfux l-impjieg tagħhom (27).
88. Meta tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ direttriċi ta’ kumpannija bħar-rikorrenti, jidhirli li l-fattur determinanti hu li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha, li permezz tagħha hija tifforma parti integrali minn dik il-kumpannija, tista’ tiġi mitmuma b’deċiżjoni meħuda minn korp li, bħala ipoteżi, hija ma tikkontrollax u li dik il-volontà ta’ revoka b’hekk tiġi imposta kontriha.
89. Din is-sitwazzjoni fil-fatt tikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għall‑kuntest li fih għandu japplika l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, għaliex f’dan il-każ jeżisti riskju li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mara mal‑kumpannija li minnha tkun tifforma parti integrali tiġi mitmuma minħabba t-tqala tagħha. Direttriċi ta’ kumpannija, li l-mandat tagħha jista’ jiġi rrevokat fi kwalunkwe mument kontra l-volontà tagħha, tista’ wkoll tkun imħeġġa li tagħmel abort bħal kwalunkwe impjegata f’kariga subordinata jekk hija tkun tista’ taħseb li l-istat ta’ tqala tagħha jista’ jwassal biex hija titlef xogħolha.
90. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont kif ninterpreta l‑ġurisprudenza tagħha, impenjat ruħha li tiggarantixxi l-effettività tal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85. B’hekk, hija ddeċidiet, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix biss in-notifika ta’ tkeċċija bbażata fuq it-tqala matul it-terminu sħiħ ta’ dik it-tqala u tal‑leave tal-maternità. Hija tipprojbixxi wkoll l-adozzjoni ta’ miżuri preparatorji għat-tkeċċija minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija (28).
91. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri ma jistgħux jimmodifikaw il-portata tal-kunċett ta’ “tkeċċija”, b’mod li jagħmlu ineffettiva l-protezzjoni offruta minn dik id-dispożizzjoni u jikkompromettu l-effettività tagħha (29).
92. Fl-istess sens, fis-sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiema li tkun bil-leave tal-ġenituri tibqa’, matul dak il-perijodu, ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod li hija tista’ tinterrompi dak il-leave bil-għan li tibbenefika minn leave tal‑maternità skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85. Il-Qorti tal‑Ġustizzja b’hekk kienet tal-fehma li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn il‑ħaddiem u l-persuna li timpjega matul il-leave tal-ġenituri tinżamm, anki meta dak il-ħaddiem ma jibqax jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu u r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni, għaldaqstant, tkun iddgħajfet (30).
93. L-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 għar-relazzjoni ta’ xogħol jidhirli li hija konsistenti mal-ġurisprudenza.
94. Finalment, it-tieni punt tal-argument tiegħi jirrigwarda l-fatt li tali interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 ma tobbligax lill-Istati Membri li jneħħu d-dritt tas-soċji jew azzjonisti ta’ kumpannija li jirrevokaw fi kwalunkwe mument il-mandat tad-diretturi tal-kumpannija tagħhom meta huma ma jkollhomx fiduċja f’dawn tal‑aħħar.
95. Kif ser naraw mill-ġdid fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma jimponix li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu b’mod assolut it-tkeċċija ta’ mara waqt li tkun tqila sat-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha. Huwa jobbligahom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tali tkeċċija ma tkunx ibbażata fuq it‑tqala jew it-twelid ta’ tarbija u li tkun tista’ ssir biss fil-każijiet rikonoxxuti mil-liġijiet u l-prassi nazzjonali.
96. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 b’hekk ma huwiex intiż biex ipoġġi inkwistjoni d-dritt tal-Istati Membri jew tal-Unjoni Ewropea li jirregola d‑drittijiet u l-obbligi tal-amministraturi ta’ kumpanniji kif ukoll il‑kundizzjonijiet biex jitneħħew mill-kariga tagħhom (31). Huwa intiż biex jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu miżuri intiżi biex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li jistabbilixxi li t-tkeċċija ta’ mara bbażata fuq it-tqala tagħha tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess (32).
97. Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 92/85, Stat Membru b’hekk jista’ jipprovdi li l-azzjonisti ta’ kumpannija li jidhirlhom li għandhom jirtiraw il-fiduċja tagħhom fl-amministratriċi tagħhom għandhom id‑dritt li jtemmu dik ir-relazzjoni ta’ xogħol anki jekk hija tkun tinsab tqila. Dak l-Istat Membru għandu jipprovdi, madankollu, b’mod konformi mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-Direttiva, li dawk l-azzjonisti għandhom jiddikjaraw ir-raġuni għat-tkeċċija bil-miktub. Skont l‑Artikolu 10(3) tal-imsemmija direttiva, għandu jimplementa wkoll miżuri li jippermettu lill-amministratriċi mkeċċija li tistħarreġ, jekk ikun il-każ quddiem il-qrati, il-fatt li din ir-raġuni fil-fatt ma hijiex ibbażata fuq it-tqala tagħha. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal‑Kunsill 97/80/KE (33), l-Istat Membru għandu jieħu wkoll il-miżuri meħtieġa sabiex, meta persuna tħossha inġurjata min-nuqqas ta’ ħarsien fil‑konfront tagħha tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tistabbilixxi, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, l-oneru tal-prova li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jaqa’ fuq il-konvenuta (34).
98. L-oġġezzjoni ssollevata mill-kumpannija konvenuta u l-Gvern Latvjan, li tgħid li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għall-amministraturi ta’ kumpannija tikkostitwixxi interferenza mhux ġustifikata fid-drittijiet tal-azzjonisti, hija, fil-fehma tiegħi, infondata.
99. Fil-qosor, membru femminili tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju bħar-rikorrenti għandha titqies bħala ħaddiema jekk ikunu sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet segwenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom ġiet irreklutata, li hija kienet tifforma parti integrali mill-kumpannija; fit-tieni lok, li hija kienet teżerċita l-funzjonijiet tagħha taħt il-kontroll ta’ korpi bħal‑laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew il-bord superviżorju li hija ma kinitx tikkontrolla jew fejn hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti, u, fit-tielet lok, hija setgħet titneħħa mill‑kariga tagħha minn wieħed minn dawn il-korpi għas-sempliċi raġuni li dawn tal-aħħar jirtiraw il‑fiduċja tagħhom fiha.
100. B’mod konformi mal-ġurisprudenza, huwa fil-kompetenza tal‑qorti nazzjonali li tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti (35).
101. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, jiena nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li membru femminili ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li twettaq funzjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il-kumpannija bi ħlas, tista’ titqies bħala ħaddiema fis-sens tad-Direttiva 92/85 u, għaldaqstant, tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl‑Artikolu 10 ta’ din id-direttiva meta, permezz tal-ħatra tagħha, hija tkun tifforma parti integrali minn din il-kumpannija, tkun twettaq il‑funzjonijiet tagħha taħt il-kontroll ta’ korpi ta’ din il-kumpannija li ma tkunx tikkontrolla hija stess, bħal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u l-bord superviżorju, u hija tkun tista’ titneħħa mill-kariga tagħha minn dawn tal-aħħar għas-sempliċi raġuni li huma jirtiraw il-fiduċja tagħhom fiha.
B – Fuq it-tieni domanda preliminari
102. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu mingħajr ebda restrizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat ta’ tqala.
103. Diġà weġibt parzjalment għal din id-domanda.
104. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, kif diġà rajna, jobbliga lill‑Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jipprojbixxu t-tkeċċija ta’ ħaddiema għal raġunijiet marbuta mat-tqala tagħha. Madankollu, ma hijiex ipprojbita t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ protezzjoni ta’ ħaddiema previst f’dak l‑Artikolu 10 jekk din it-terminazzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet oħrajn, previsti mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi nazzjonali.
105. Jiena tal-fehma, bl-istess mod bħall-gvernijiet li intervjenew f’din il-kawża, li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema differenzjata bejn l-amministraturi ta’ kumpanniji u ħaddiema nisa oħrajn li ma jkollhomx l-istess poteri u lanqas l-istess responsabbiltajiet u li, konsegwentement, ma jkunux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Madankollu hija r-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru biex jiggarantixxi fil-każijiet kollha l-projbizzjoni tat-tkeċċija għal raġunijiet marbuta mat-tqala.
106. Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dispożizzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 224(4) tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li ma tipprovdix restrizzjoni tad-dritt tal-azzjonisti li jneħħu lill-membri tal-bord tad-diretturi mill-kariga tagħhom tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea biss jekk tawtorizza tali tneħħija għal raġunijiet marbuta mat-tqala.
107. Is-sempliċi fatt li dik id-dispożizzjoni tkun inqas protettiva mir‑regoli nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema l-oħrajn ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85. Din id‑differenza fit-trattament, kemm-il darba ma tkunx tapplika għal ħaddiema nisa li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti (36), tista’ tkun konformi mas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jagħti espressament lill-Istati Membri.
108. B’hekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu mingħajr ebda restrizzjoni meta din il-leġiżlazzjoni tawtorizza din it‑tneħħija għal raġuni marbuta mat-tqala.
109. B’mod konkret, huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk ir-raġuni jew raġunijiet għat-tneħħija tar-rikorrenti mill‑kariga tagħha humiex marbuta jew le mat-tqala tagħha. Jekk jidhrilha li dan huwa l-każ, tali tkeċċija ma tistax tkun ibbażata legalment fuq l-Artikolu 224(4) tal-Kodiċi tal-Kummerċ.
110. Ċertament, kif enfasizzat il-kumpannija konvenuta, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma jistax jiġi applikat direttament f’kawża bejn individwi waqt li jista’ jiġi invokat f’kawża mal-persuna li timpjega li jkun awtorità pubblika (37). Madankollu, għandu jitfakkar li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt intern tagħha safejn ikun possibbli b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jinkiseb ir-riżultat previst minnu u, jekk tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, ma għandhiex tapplika d-dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni Ewropea jekk hija jkollha tali setgħa fir-regoli proċedurali tagħha (38).
111. Għandu jingħad ukoll li, b’mod konformi mas-sentenza Kücükdeveci (39), inkwantu l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 sempliċement jikkonkretizza l-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa billi jipprojbixxi t-tkeċċija ta’ mara tqila fuq il-bażi tat-tqala tagħha, il-qorti nazzjonali, li ma jkollhiex fid-dritt proċedurali intern tagħha r-riżorsi suffiċjenti biex twarrab id‑dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tiġġustifika tali tkeċċija, tidderiva tali setgħa mis-supremazija tal-prinċipju fundamentali (40).
C – Osservazzjonijiet addizzjonali
112. Inkwantu l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 fil-kawża prinċipali hija suġġetta għall-verifika, mill-qorti nazzjonali, tal-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tippreċiża fis-sentenza li għandha tingħata u peress li, konsegwentement, f’dan l-istadju din l-applikazzjoni hija kundizzjonali, jista’ eventwalment jirriżulta li huwa neċessarju għall-qorti tar-rinviju li tieħu pożizzjoni dwar l-effetti possibbli, għas-soluzzjoni tal-kawża, tad‑Direttivi 76/207 u 86/613 (41).
113. Għandu jitfakkar li d-Direttiva 76/207, fl-Artikolu 2(1) tagħha tipprovdi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika n-nuqqas ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, jew direttament, jew inkella indirettament, b’riferiment, b’mod partikolari, għall-istat matrimonjali jew tal-familja. L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir‑rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tat‑tkeċċija, timplika li għandhom jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-irġiel u għan-nisa, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
114. Kif indikajna qabel, hija ġurisprudenza stabbilita li t-tkeċċija ta’ ħaddiema minħabba t-tqala tagħha tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li tmur kontra l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207 (42).
115. F’każ li l-qorti tar-rinviju tkun tal-fehma li r-rikorrenti, għalkemm għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 92/85, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha minħabba li ma avżatx lill-kumpannija konvenuta bit-tqala tagħha taħt il-kundizzjonijiet preskritti mid-dritt nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni tagħha hija koperta bid-Direttiva 76/207 u li t-terminazzjoni tal-kuntratt tagħha, jekk kienet ibbażata fuq it-tqala tagħha, għandha titqies bħala illegali u tiġi ppenalizzata.
116. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri, permezz tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 u b’mod konformi mal‑ġurisprudenza, għandhom jintroduċu fis-sistema ġuridika interna tagħhom il-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu lill-persuni vittmi ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi kif ukoll rimedju għad-dannu li jkunu ġarrbu (43).
117. F’każ li, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tkun tal-fehma li r‑rikorrenti kienet qed twettaq l-attivitajiet tagħha bħala ħaddiema indipendenti, is-sitwazzjoni tagħha tkun koperta bid-Direttiva 86/613, li, skont l-Artikolu 2 tagħha, tapplika għal kull persuna li twettaq attività bi qligħ f’isimha stess taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.
118. Id-Direttiva 86/613 tirreferi espressament, fl-Artikolu 4 tagħha, għall-prinċipju ta’ trattament ugwali kif iddefinit mid-Direttiva 76/207, li, għandu jitfakkar, tipprojbixxi, fl-Artikolu 3 tagħha, kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Barra minn hekk, id-Direttiva 76/207 timponi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett id‑dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-regoli li jirregolaw il-professjonijiet indipendenti. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea lil ħaddiema indipendenti teħtieġ interpretazzjoni magħquda tad-Direttivi 76/207 u 86/613 (44).
119. Ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-leġiżlatur tal‑Unjoni Ewropea rrikonoxxew li t-tkeċċija ta’ ħaddiema impjegata minħabba t‑tqala tagħha tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li fil-konfront tagħha huwa ġġustifikat li jiġu previsti miżuri ta’ protezzjoni speċjali huma trasponibbli għar-revoka ta’ mandat ta’ ħaddiema indipendenti bbażata fuq l-istess raġuni.
120. Effettivament, ir-revoka unilaterali mill-mandant ta’ mandat qabel it-terminu inizjalment previst mill-partijiet u li tkun ibbażata fuq l-istat ta’ tqala tal-mandatarja tista’ taffettwa biss lin-nisa u b’hekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Barra minn hekk, ir‑riskju għas-saħħa fiżika u mentali ta’ mara tqila li jista’ jirriżulta minn tali revoka ma jidhirx li huwa inqas minn dak ikkawżat mit‑terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Fiż-żewġ każijiet, dan huwa riskju maħluq mill-biża’ li wieħed jitlef il-mezzi tal-għajxien tiegħu.
121. Finalment, l-inkonvenjenzi li jistgħu jirriżultaw, għall-mandant, mill-istat ta’ inkapaċità tal-mandatarja marbuta mat-tqala u wara l-ħlas ma jidhrux wisq differenti minn dawk li ġew invokati minn min iħaddem biex jiġġustifikaw it-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol u li l‑Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat sistematikament, minħabba l-importanza tal-prinċipji ggarantiti mid-Direttiva 76/207.
122. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 26 tas-sentenza Webb (45), li, jekk id-disponibbiltà tal-impjegat tkun neċessarjament kundizzjoni essenzjali għal min iħaddem għall-eżekuzzjoni tajba ta’ kuntratt ta’ xogħol, il-protezzjoni ggarantita mid-dritt tal-Unjoni Ewropea lill‑mara matul it-tqala, u wara l-ħlas, ma tistax tiddependi mill‑kwistjoni jekk il-preżenza tal-persuna kkonċernata, matul il‑perijodu li jikkorrispondi għal-leave tal-maternità tagħha, huwiex indispensabbli għall-ħidma tajba tal-impriża li magħha tkun impjegata. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni kuntrarja tneħħi l‑effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207.
123. Hija ppreċiżat, fis-sentenza Tele Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, li dik l-analiżi tista’ tiġi trasposta meta l-kuntratt ta’ xogħol ikun ġie konkluż għal terminu fiss (46).
124. Ċertament, id-Direttiva 86/613 ma tinkludix il-firxa ta’ drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 92/85, bħad-dritt għall-organizzazzjoni tax‑xogħol, għal-leave tal-maternità u ż-żamma tad-drittijiet marbuta ma’ kuntratt ta’ xogħol matul it-tqala u dan il-leave. Xorta jibqa’ l-fatt li l-effettività tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess tkun kompromessa li kieku mandant kellu d-dritt li jirrevoka unilateralment mandat qabel it-terminu miftiehem għal raġuni marbuta mat-tqala.
125. F’każ ta’ inkapaċità tal-mandatarja marbuta mat-tqala tagħha u matul il-perijodu ta’ din l-inkapaċità, mandat li jkun qed jiġi eżegwit, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi sospiż iżda mhux itterminat.
126. Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mar-rieda tal-leġiżlatur tal‑Unjoni Ewropea li jqarreb kemm jista’ jkun is-sitwazzjoni tan-nisa li jwettqu attività indipendenti ma’ dik tan-nisa li jwettqu attività bħala impjegati. B’hekk, id-Direttiva 86/613, fl-ewwel stadju, stiednet lill-Istati Membri biex jeżaminaw jekk u f’liema ċirkustanzi n-nisa li jwettqu attività indipendenti jistgħu, matul l-interruzzjoni tal-attività tagħhom minħabba tqala jew maternità, ikollhom aċċess għal servizzi ta’ sostituzzjoni li jippermettulhom jinterrompu l-attivitajiet professjonali tagħhom jew li jirċievu benefiċċji fi flus.
127. L-abbozz ta’ direttiva proposta biex tissostitwixxi d-Direttiva 86/613 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li n-nisa li jwettqu attività indipendenti għandhom jibbenefikaw minn leave tal-maternità bi ħlas taħt kundizzjonijiet li jagħtuhom protezzjoni paragunabbli għal dik tal-impjegati (47).
128. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li t‑terminazzjoni, mill-kumpannija konvenuta, tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mar-rikorrenti li hija bbażata fuq it-tqala tagħha tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, diskriminazzjoni li tmur kontra l-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali, implementat mid-Direttiva 76/207 u, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema indipendenti, mill-applikazzjoni magħquda ta’ dik id-direttiva u tad-Direttiva 86/613.
D – Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tas-sentenza li ser tingħata
129. Il-Gvern Latvjan jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tillimita ratione temporis is-sentenza li għandha tingħata jekk din twassal għal dikjarazzjoni li l-Artikolu 224(4) tal-Kodiċi tal-Kummerċ tiegħu jmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dan il-gvern jibbaża din it-talba fuq il-fatt li, skont dan it-test, kumpanniji ta’ kapital Latvjani neħħew mill-karigi tagħhom membri tal-bord tad-diretturi tagħhom meta kienu tilfu l‑fiduċja f’dawk il-persuni, mingħajr ma kkunsidraw l-istat ta’ tqala tagħhom.
130. Inkwantu jiena tal-fehma li tali tkeċċijiet, billi ma humiex ibbażati fuq l-istat ta’ tqala, ma jmorrux kontra l-Artikolu 10 tad‑Direttiva 92/85, it-talba inkwistjoni, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-pożizzjoni tiegħi, għandha titqies bħala irrilevanti.
IV – Konklużjoni
131. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li jingħataw dawn ir-risposti għad-domandi preliminari:
1) “Membru femminili ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li twettaq funzjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il‑kumpannija bi ħlas, tista’ titqies bħala ħaddiema fis-sens tad‑Direttiva 92/85 u, għaldaqstant, tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva meta, permezz tal-ħatra tagħha, hija tkun tifforma parti integrali minn din il-kumpannija, tkun twettaq il-funzjonijiet tagħha taħt il‑kontroll ta’ korpi ta’ din il-kumpannija li ma tkunx tikkontrolla hija stess, bħal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u l-bord superviżorju, u hija tkun tista’ titneħħa mill-kariga tagħha minn dawn tal-aħħar għas-sempliċi raġuni li huma jirtiraw il-fiduċja tagħhom fiha.
2) L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu mingħajr ebda restrizzjoni meta din il-leġiżlazzjoni tawtorizza din it-tneħħija għal raġuni marbuta mat-tqala.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Direttiva tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).
3 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 25).
4 – Direttiva, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/207”).
5 – Direttiva, tal-11 ta’ Diċembru 1986, dwar l-applikazzjoni tal-principju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività, inkluża l-agrikoltura, b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta’ nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 330).
6 – Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).
7 – Latvijas Vēstnesis, 2001, nru 105, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”.
8 – Latvijas Vēstnesis, 2000, nru 158/160, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kummerċ”.
9 – Iktar ’il quddiem il-“kumpannija konvenuta”.
10 – Iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”.
11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar (C‑438/99, Ġabra p. I‑6915, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 – Sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).
13 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, Ġabra p. 2121, punti 20 u 21).
14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1989, Agegate (C‑3/87, Ġabra p. 4459, punt 36).
15 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lawrie-Blum (punt 17) u Kiiski (punt 25). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, Ġabra p. I‑5939, punt 36).
16 – Sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, Ġabra p. I‑873, punt 79).
18 – Sentenzi Agegate, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36), u tal-4 ta’ Frar 2010, Genc (C‑14/09, Ġabra p. I-931, punti 26 u 27).
19 – Sentenza Genc, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 31).
21 – Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1996 (C‑107/94, Ġabra p. I‑3089).
22 – Punt 26.
23 – Punt 29 tal-konklużjonijiet.
24 – Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, Ġabra p. I‑3289, punt 15).
25 – Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C‑179/90, Ġabra p. I‑5889, punt 13).
26 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice (C‑350/96, Ġabra p. I‑2521, punt 30).
27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay (C‑460/06, Ġabra p. I‑8511, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 – Ibid, (punt 33).
29 – Ibid, (punt 32).
30 – Sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq (punti 31 u 32).
31 – Ara, fir-rigward tal-membri tal-korp ta’ tmexxija tal-kumpannija Ewropea, l‑Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 4, p251).
32 – Sentenza Paquay, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 – Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 3, p. 264).
34 – Dan jista’ jkun il-każ jekk, pereżempju, amministratriċi ta’ kumpannija, li l-azzjonisti jkunu regolarment ġeddu l-fiduċja fiha, titneħħa mill-kariga tagħha wara li tkun ħabbret it-tqala tagħha.
35 – Sentenza Raccanelli, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).
36 – Għandu jitfakkar li l-Istati Membri, meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali fosthom il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609, punt 19, u tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
37 – Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza Jiménez Melgar, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kien direttament applikabbli (punt 34).
38 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 116).
39 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010 (C‑555/07, Ġabra p. I-365).
40 – Punt 56.
41 – Il-partijiet li intervenew matul il-proċedura orali ġew mistiedna mill-Qorti tal‑Ġustizzja biex jagħmlu sottomissjonijiet dwar ir-relevanza ta’ dawn id-direttivi f’din il-kawża.
42 – Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark (C‑109/00, Ġabra p. I‑6993, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 – Sentenza Paquay, iċċitata iktar ’il fuq (punti 43 sa 46).
44 – Sentenza tas-6 ta’ April 2000, Jørgensen (C‑226/98, Ġabra p. I‑2447, punt 26).
45 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994 (C‑32/93, Ġabra p. I‑3567).
46 – Sentenza Tele Danmark, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).
47 – Ara l-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jwettqu attività indipendenti u li tħassar id-Direttiva 86/613 [COM(2008) 636 finali].
Full & Egal Universal Law Academy