KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
VILLALÓN
ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 2010 (1)
Kawża C‑239/09
SEYDALAND Vereinigte Agrarbetriebe GmbH & Co. KG
vs
BVVG Bodenverwertungs- und -verwaltungs GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (il-Ġermanja)]
“Għajnuna mill-Istat – Programm ta’ privatizzazzjoni ta’ artijiet agrikoli tal-‘Länder il-ġodda’ Ġermaniżi – Kalkolu tal-valur tas-suq”
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawża, il-Landgericht Berlin (il-Ġermanja) qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi diversi metodi ta’ kalkolu tal-valur tas-suq ta’ artijiet agrikoli, li jinsabu fil-“Länder il-ġodda” u suġġetti għal privatizzazzjoni, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 87 KE (li sar l-Artikolu 107 TFUE).
2. L-ewwel nett, din id-domanda teħtieġ li jiġu individwati eżattament dawn il-metodi ta’ kalkolu previsti mid-dispożizzjoni kkontestata – punt li fuqu jidher li hemm opinjonijiet kontrastanti tal-partijiet fil-proċedura – biex imbagħad jiġi eżaminat jekk dawk il-metodi jippermettux, fil-prattika, li jiġi kkalkolat il-valur tas-suq effettiv tal-artijiet ipprivatizzati. Dan l-aħħar element huwa essenzjali biex jiġi ggarantit li fit-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma jinqabiżx l-ammont massimu permess mid-dritt tal-Unjoni għall-għajnuna li jista’ jibbenefika minnha x-xerrej tal-artijiet (il-35 % tal-valur tas-suq).
3. Kif ser jidher iktar ’il quddiem, in-natura teknika ta’ din il-kawża u n-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ wħud mill-elementi prinċipali tagħha jobbligaw, fil-fehma tiegħi, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta kundizzjonali u dinamika għad-domanda magħmula, li tiddependi, minn naħa, minn diversi evalwazzjonijiet tal-fatti li jistgħu jinbidlu maż-żmien u, min-naħa l-oħra, mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali, u bbażata fuq l-applikazzjoni konkreta tad-dispożizzjoni kkontestata f’kull każ speċifiku.
II – Il-kuntest leġiżlattiv
A – Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fuq l-għajnuna mill-Istat
4. Fl-10 ta’ Lulju 1997 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni”) (2), bil-għan li tiċċara l-politika tagħha fir-rigward u biex tnaqqas b’dan il-mod in-numru ta’ każijiet li jiġu eżaminati.
5. Fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima II, punt 2(a) ta’ din il-komunikazzjoni, hemm stabbilit li, jekk l-awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx l-intenzjoni li jużaw il-proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u inkundizzjonata (li wieħed jippreżumi ssir bil-valur tas-suq u għalhekk ma jkollhiex għajnuna mill-Istat) “għandu jkun hemm stima indipendenti magħmula minn nies li jagħmlu valutazzjonijiet indipendenti. Din issir qabel in-negozjati tal-bejgħ sabiex jkun stabbilit il-valur tas-suq skond l-indikazzjonijiet tas-suq u standards ta’ valutazzjonjiet. II-valur tas-suq li jkun stabbilit huwa l-prezz tax-xiri minimu li jista’ jkun hekk deċiż mingħajr ma tingħata għajnuna Statali”. U fil-ħames inċiż hemm speċifikat li “il-‘prezz tas-suq’ ifisser dak il-prezz li għalih jinbiegħu artijiet u bini taħt kuntratti privati bejn xerrej u bejjiegħ indipendenti skond il-valutazzjoni ta’ dik id-data, dejjem jekk ikun miżmum li l-proprjetà hija esposta pubblikament fis-suq, li l-kondizzjonijiet tas-suq jippermettu aljenazzjoni ordinata tal-proprjetà, u li hemm perjodu normali disponibbli għan-negozjati dwar bejgħ”.
6. Ir-Regolament (KE) Nru 950/97 dwar it-titjib tal-effiċjenza tal-istrutturi agrikoli (3), fih ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-politika agrikola. L-Artikolu 7(2)(b) ta’ dan ir-regolament, jipprovdi li l-valur totali tal-għajnuna, espress fil-perċentwali tal-volum tal-investimenti, huwa limitat għal 35 % għall-investimenti f’beni immobbli li jinsabu f’żoni mhux żvantaġġati. Dan ir-regolament ġie emendat u ssostitwit mir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 (4), fejn it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tiegħu jistabbilixxi li l-“ammont totali ta’ sostenn, espress bħala persentaġġ tal-volum ta’ investimenti eliġibbli, huwa limitat għal massimu ta’ 40 % […]”.
B – Id-dritt Ġermaniż
7. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-programm ta’ xiri ta’ artijiet agrikoli ta’ Länder il-ġodda qegħdin fil-Liġi tas-27 ta’ Settembru 1994 dwar il-kumpens mill-Istat għall-konfiski, li ma jistgħux jagħtu lok għal radd lura, effettwati bejn l-1945 u 1949 mis-setgħa ta’ okkupazzjoni Sovjetika, abbażi tad-dritt ta’ okkupazzjoni jew tal-prerogattivi tagħha ta’ okkupazzjoni Sovjetika (Gesetz über staatliche Ausgleichsleistungen für Enteignungen auf besatzungsrechtlicher oder besatzungshoheitlicher Grundlage, die nicht mehr rückgängig gemacht werden können) (5), li, ġiet implementata fuq dan il-punt mir-Regolament tal-20 ta’ Diċembru 1995 fuq l-akkwist ta’ artijiet agrikoli u ta’ foresta, fuq il-proċedura u fuq il-kumitat ikkostitwit skont il-liġi dwar il-kumpens (Verordnung über den Erwerb land- und forstwirtschaftlicher Flächen, das Verfahren sowie den Beirat nach dem Ausgleichsleistungsgesetz) (6).
8. Skont l-Artikolu 3(7) tal-liġi dwar il-kumpens, il-valur tal-artijiet agrikoli huwa kkalkolat billi jitnaqqas 35 % mill-valur tas-suq.
9. L-Artikolu 5(1) tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet, fil-verżjoni li tapplika f’din il-kawża, kien jipprovdi:
“Il-valur tas-suq tal-uċuħ agrikoli fis-sens tal-ewwel u s-sitt sentenza […] tal-liġi dwar il-kumpens għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli tar-regolament dwar il-valutazzjoni ta’ beni immobbli [Wertermittlungsverordnung] tas-6 ta’ Diċembru 1988 (BGBl. I, p. 2209) […]. Il-valur għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-valuri ta’ referenza reġjonali [regionale Wertansätze] għall-uċuħ koltivabbli u għall-mergħat, meta l-imsemmija valuri jeżistu. Il-valuri ta’ referenza reġjonali huma ppubblikati mill-Ministeru Federali tal-Finanzi fil-Ġurnal ta’ avviżi uffiċjali tal-Gvern Federali. Ix-xerrej jew il-korp ta’ privatizzazzjoni jistgħu jitolbu li ssir valutazzjoni differenti tal-valur tas-suq permezz ta’ perizja tal-kumitat ta’ valutazzjoni kompetenti mwaqqaf in loco [Gutachtersausschuss] taħt l-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Bini [Baugesetzbuch], dejjem jekk jeżistu raġunijiet validi biex jitqies li l-valuri ta’ referenza reġjonali ma jikkostitwixxux bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur” (7).
C – Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema Ġermaniża ta’ privatizzazzjoni tal-artijiet
10. Wara l-ewwel deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni s-sistema ta’ għajnuna mwaqqfa bil-programm Ġermaniż ta’ privatizzazzjoni tal-artijiet (8), l-awtoritajiet Ġermaniżi adottaw ċerti emendi leġiżlattivi, b’mod li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, fis-sens li ntqal iktar ’il fuq, ġiet iddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 87 KE b’deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Jannar 2000 (9).
III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11. Il-Bodenverwertungs- und -verwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem il-“BVVG”), konvenuta fil-kawża prinċipali, hija sussidjarja kkontrollata għal kollox mill-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben, korp pubbliku inkarigat minn xogħlijiet speċifiċi li rriżultaw mill-unifikazzjoni tal-Ġermanja. Dan tal-aħħar kien qabbad lill-BVVG biex tipprivatizza ċerti wċuħ agrikoli u artijiet tal-foresta.
12. Permezz ta’ kuntratt tat-18 ta’ Diċembru 2007, il-BVVG biegħet lil Seydaland ċerti artijiet għall-użu agrikolu li fil-passat kienu l-proprjetà tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża. Il-prezz tal-akkwist kien jammonta kumplessivament għal EUR 245 907.91, li minnhom EUR 210 810.18 kienu jirrigwardaw uċuħ agrikoli.
13. Seydaland ippreżentat rikors kontra l-BVVG quddiem il-Landgericht Berlin, fejn sostniet li l-prezz tal-bejgħ kien eċċessiv, billi qalet li kien ġie kkalkolat abbażi ta’ proċedura irregolari. Skont ir-rikorrenti, li kieku ġew applikati l-valuri ta’ referenza reġjonali, il-prezz kien jammonta għal EUR 146 850.24. Madankollu, il-parti konvenuta tirribatti li bejgħ b’dak il-prezz kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tmur kontra l-Artikolu 87 KE.
14. Billi kkunsidrat li l-eżitu tal-kawża kien jiddependi mill-kwistjoni jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet jiksirx jew le l-Artikolu 87 KE, il-Landgericht Berlin għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“It-tieni u t-tielet [ir-raba’] sentenza tal-Artikolu 5(1) (10) tal-Flächenerwerbsverordnung, adotatti b’implementazzjoni tal-Artikolu 4(3)(1) tal-Ausgleichsleitungsgesetz, li jipprovdu li meta jeżistu kriterji ta’ valutazzjoni reġjonali għall-artijiet użati għar-raba’ u għall-mergħa, il-valur ta’ dawn l-artijiet għandu jiġi stabbilit skont dawn il-kriterji, u li l-kriterji ta’ valutazzjoni reġjonali għandhom jiġu ppubblikati mill-Ministru Federali tal-Finanzji fil-Bundesanzeiger (ġurnal ta’ avviżi uffiċjali tal-Gvern Federali), jiksru l-Artikolu 87 tat-Trattat KE?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. Din id-domanda preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2009.
16. Seydaland, il-BVVG, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
17. Fit-30 ta’ April 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-Gvern Ġermaniż żewġ mistoqsijiet dwar il-kumitat ta’ esperti tal-proprjetà immobbli stabbilit fl-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Bini, u talbet tweġiba bil-miktub. L-ewwel mistoqsija kienet tirrigwarda r-regoli għall-ħatra tal-membri tal-kumitat u r-regoli ta’ funzjonament li japplika dan tal-aħħar meta jidħol fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ artijiet agrikoli abbażi tal-Artikolu 5 tar-regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet; it-tieni mistoqsija kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk f’kuntest bħal dan, meta jistabbilixxi l-valur ta’ suq ta’ artijiet, il-kumitat ikollux joqgħod mal-valuri ta’ referenza jew jekk, għall-kuntrarju, għandux setgħa diskrezzjonali. Il-Gvern Ġermaniż irrisponda ż-żewġ domandi b’dokument ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2010. Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kumitati ta’ esperti tal-proprjetà immobbli, huwa sostna, fil-qosor, li l-membri tagħhom għandhom ikollhom speċjalizzazzjoni fuq is-suġġett u jkunu indipendenti (pereżempju fis-sens li l-attività prinċipali tagħhom ma tistax tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ immobbli tal-korp lokali kkonċernat) u li r-regoli għall-ħatra ta’ dawn l-esperti huma stabbiliti mid-diversi Länder. Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kumitati ta’ esperti huma entitajiet ħielsa u indipendenti u ma huma marbutin mal-ebda valur ta’ referenza, għalkemm jeżistu ċerti parametri li jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni. Fl-ewwel fażi, jiġu deċiżi l-parametri li għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-art inkwistjoni imbagħad jiġi diskuss il-valur li għandu jingħata lil dawn il-parametri.
V – Id-domanda preliminari. Riformulazzjoni
A – It-termini tal-kawża prinċipali: definizzjoni tal-pożizzjonijiet
18. Fil-kawża prinċipali, il-Landgericht Berlin għandha tistabbilixxi jekk il-BVVG, kumpannija inkarigata mill-privatizzazzjoni tal-artijiet agrikoli tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, aġixxietx skont il-liġi fil-kuntest tat-tranżazzjoni li saret ma’ Seydaland.
19. Impoġġija b’dan il-mod, il-kawża hija bbażata fuq element strumentali tas-sistema ta’ privatizzazzjoni, jiġifieri fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tas-suq li għandu jservi bħala bażi għad-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ tal-artijiet inkwistjoni.
20. Ma huwiex ikkontestat il-fatt li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-ikbar ammont ta’ għajnuna li jista’ jirċievi xerrej huwa ta’ 35 % tal-valur tas-suq tal-artijiet akkwistati (11). Konsegwentement, l-Artikolu 3(7) tal-liġi Ġermaniża dwar il-kumpens stabbilixxa li l-valur tal-artijiet agrikoli għandu jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni għall-valur tas-suq ta’ tnaqqis ugwali għal dak il-limitu massimu ta’ 35 %.
21. Id-differenzi fl-opinjonijiet joħorġu fir-rigward tal-kwistjoni dwar id-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi użat f’każ bħal dan inkwistjoni, biex jinkiseb il-valur effettiv tas-suq tal-artijiet li huma s-suġġett ta’ privatizzazzjoni, billi jiġu rrikonċiljati l-eżiġenzi tad-dritt nazzjonali mar-rekwiżiti imposti mit-Trattati.
22. Seydaland tikkunsidra li, abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist tal-artijiet Ġermaniż, il-BVVG kellha tikkalkola l-prezz tal-bejgħ tal-artijiet billi tuża l-valuri ta’ referenza reġjonali ppubblikati uffiċjalment, jew inkella tirrikorri għall-intervent ta’ kumitat ta’ valutazzjoni taħt l-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Bini. Billi għażlet it-tielet triq mhux prevista espressament fl-Artikolu 5 ċċitat, jiġifieri li l-prezz tal-bejgħ ittieħed mis-sitwazzjoni kurrenti tas-suq skont sistema tagħha ta’ kalkolu, il-konvenuta aġixxiet illegalment.
23. F’dan ir-rigward, il-BVVG tafferma li, fiż-żmien tal-bejgħ, il-valuri ta’ referenza reġjonali ma kinux aġġornati, billi ma kienx possibbli li dawn il-valuri jiġu adottati biżżejjed malajr għas-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq fil-Länder ġodda, li kienet ikkaratterizzata minn żieda straordinarja tal-prezzijiet tal-artijiet agrikoli (12). Il-valuri ċċitati iktar ’il fuq ma kinux jirriflettu sitwazzjoni aġġornata tas-suq, iżda kuntest ta’ prezzijiet iktar baxxi, li kienu jikkorrispondu għas-sitwazzjoni ta’ sena jew sentejn qabel. Għaldaqstant, jekk il-prezz tal-bejgħ kien ġie kkalkolat bl-applikazzjoni tal-valuri ta’ referenza reġjonali, kien jinkiseb valur inferjuri minn dak tas-suq u, ladarba jsir it-tnaqqis ta’ 35 %, kien ikun hemm l-għoti illegali ta’ għajnuna mill-Istat.
24. Barra minn hekk, l-istess Ministeru Federali tal-Finanzi kien jaf b’din is-sitwazzjoni meta fl-10 ta’ Lulju 2007, ordna lill-BVVG li teżamina l-valuri ta’ referenza reġjonali ppubblikati fil-Ġurnal ta’ avviżi uffiċjali tal-Gvern Federali, b’mod li jekk kien hemm differenza ikbar minn 20 % tal-valuri medji applikati f’i trażazzjonijiet analogi fis-suq, dawn il-valuri reġjonali setgħu ma jiġux ikkunsidrati bħala bażi għall-kalkolu tal-valur tas-suq.
25. Skont il-kalkoli magħmula mill-konvenuta, din is-sitwazzjoni ġrat f’dan il-każ. Għal din ir-raġuni, u minħabba d-diffikultajiet li kien joħloq it-twettiq ta’ valutazzjoni indipendenti għal kull bejgħ fil-kuntest ta’ programm ta’ privatizzazzjoni daqshekk kbir, il-BVVG użat kumpless ta’ valuri ta’ referenza li hija stess kienet stabbilit abbażi tat-tagħrif miksub f’bejgħ ieħor ta’ artijiet magħmul reċenti, kif ukoll abbażi ta’ tagħrif ipprovdut mill-istess kumitat ta’ esperti kkostitwit skont l-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Bini.
26. Fl-intervent tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-BVVG u l-Gvern Ġermaniż sostnew li l-BVVG aġixxiet b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fil-limiti fejn id-determinazzjoni ta’ valur tas-suq aġġornat u effettiv jikkostitwixxi rekwiżit inevitabbli ta’ dan tal-aħħar (partikolarment, tal-Artikolu 87 KE u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1997). Barra minn hekk, dawn jikkonfermaw ir-regolarità tal-aġir tal-konvenuta anki fid-dawl tad-dritt nazzjonali, peress li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet ma jipprekludix l-użu ta’ metodu ta’ valutazzjoni differenti miż-żewġ metodi ċċitati espressament hemmhekk.
27. Dan stabbilit, fid-domanda preliminari l-Landgericht Berlin ma espremietx dubji, jekk mhux b’mod indirett, dwar ir-regolarità tal-aġir tal-BVVG f’dan il-każ partikolari. Dak li trid tiċċara l-qorti tar-rinviju huwa jekk it-“tieni u t-tielet [ir-raba’] sentenzi tal-Artikolu 5(1)” tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet huwiex, fil-prinċipju, kompatibbli mal-Artikolu 87 KE.
28. Għalhekk ma hijiex kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-metodu ta’ kalkolu użat f’dan il-każ mill-BVVG jippermettix li jinkiseb il-valur tas-suq tal-artijiet (li ma jidhirx li hemm kwistjoni dwaru), iżda pjuttost jekk anki l-metodi l-oħrajn espressament previsti mill-Artikolu 5 ċċitat iktar ’il fuq jippermettux li dan jinkiseb. Huwa biss f’każ ta’ risposta affermattiva li jkun possibbli li jiġi ddikjarat li din id-dispożizzjoni hija mad-dritt tal-Unjoni (13).
29. Qabel ma nibdew din l-analiżi, hemm bżonn li d-domanda tiġi fformulata mill-ġdid.
B – Formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda
30. Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Landgericht Berlin tirreferi biss għat-tieni u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(1) li fil-verżjoni fis-seħħ meta ġie stipulat il-kuntratt, kienu jindikaw espressament żewġ metodi tal-valutazzjoni, rispettivament, il-valuri ta’ referenza reġjonali u l-kumitat ta’ valutazzjoni taħt l-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Bini.
31. Għaldaqstant, fil-prinċipju l-Landgericht Berlin eskludiet mid-domanda preliminari l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 li tgħid “Il-valur tas-suq tal-uċuħ agrikoli […] għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli tar-Regolament dwar il-valutazzjoni ta’ beni immobbli tas-6 ta’ Diċembru 1988”. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li dik il-parti tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija indispensabbli biex tiġi interpretata b’mod korrett l-istess dispożizzjoni, u speċjalment biex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà sħiħa tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, biex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, inqis li huwa opportun li jiġi inkluż fl-analiżi l-Artikolu 5(1) kollu tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet.
32. Fit-tieni lok, wieħed għandu jiftakar li, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi direttament fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, ir-riferiment għall-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet għandu jkun indirett.
33. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d-domanda preliminari inkwistjoni tista’ tiġi fformulata mill-ġdid fit-termini li ġejjin:
“Dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 5(1) tal- Flächenerwerbsverordnung tmur kontra l-Artikolu 87 KE”.
VI – Analiżi tad-domanda preliminari
A – Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-metodi ta’ kalkolu taħt l-Artikolu 5(1) jippermettux li jiġi kkalkolat il-valur tas-suq reali
34. Kif għidt fil-punti preċedenti, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet mal-Artikolu 87 KE teħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-metodi ta’ kalkolu kkontemplati minn dik id-dispożizzjoni humiex xierqa biex jiġi ddeterminat il-valur reali tas-suq tal-artijiet agrikoli inkwistjoni. Huwa biss f’każ ta’ risposta affermattiva li jkun possibbli li jiġi ggarantit li ma jiġix iffissat prezz tant baxx li jkun iwassal għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur ix-xerrej.
35. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, jidhirli li huwa opportun li jsiru xi kunsiderazzjonijiet preliminari.
36. Biżżejjed jiġi mfakkar li l-importanza li jiġi ddeterminat il-valur tas-suq ta’ dawn l-artijiet tiġi mill-fatt li l-Ġermanja għażlet li tapplika għall-prezz tal-bejgħ tagħhom it-tnaqqis massimu permess, f’dan il-każ il-35 %, ikkalkolat fuq dan il-valur (14). Li kieku dan l-Istat Membru għażel l-applikazzjoni ta’ tnaqqis sostanzjalment iżgħar, kien jonqos konsiderevolment ir-riskju li determinazzjoni żbaljata tal-valur tas-suq tal-artijiet tinbidel minnufih f’għajnuna illegali mill-Istat. Għall-kuntrarju, bħal f’dan il-każ, meta l-Istat jiddeċiedi li juża t-tnaqqis sħiħ li għandu l-permess jagħmel, kull darba li jista’ jingħad legalment li d-determinazzjoni tal-prezz tas-suq tal-artijiet ma tirriflettix il-valur reali tas-suq, billi jirriżulta inferjuri għal dan tal-aħħar, din id-diskrepanza tinbidel f’għajnuna illegali.
37. Huwa ċar li l-ebda metodu ta’ determinazzjoni ex ante tal-valur tas-suq ma huwa infallibbli; huwa evidenti wkoll li mhux il-metodi kollha possibbli jirriżultaw adegwati bl-istess mod. Fil-verżjoni oriġinali tad-dispożizzjoni kkontestata, il-Ġermanja kienet irrinunzjat kemm għall-kompetizzjoni pubblika kif ukoll għall-valutazzjoni individwali, u għażlet żewġ proċeduri, waħda prinċipali, li tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-hekk imsejħa valuri ta’ referenza reġjonali, u l-oħra, ta’ natura sussidjarja, li tinvolvi l-valutazzjoni tal-artijiet min-naħa tal-kumitat tal-istess isem li, tal-inqas parzjalment, jidher li jirriferi wkoll għat-tabella ta’ valuri tiegħu.
38. Ma hemmx dubju li l-aħjar mod biex jinkiseb valur tas-suq jikkonsisti fis-sottomissjoni tat-tranżazzjoni għal proċedura ta’ offerta miftuħa u mingħajr kundizzjoni. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 1997 tippreżumi li dan il-bejgħ bl-irkant isir dejjem bil-valur tas-suq, u għalhekk li ma jkollu l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat. Iżda jekk ma tiġix segwita l-proċedura ta’ rkant, l-imsemmija komunikazzjoni tesprimi b’mod ċar preferenza għal valutazzjoni individwalizzata tal-beni, magħmula “skond l-indikazzjonijiet tas-suq u standards ta’ valutazzjonjiet”.
39. Għaldaqstant, il-fatt biss li l-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet ma jipprevedix f’dawn il-każijiet l-użu ta’ proċedura ta’ offerta – li diffiċilment tista’ tiġi implementata fil-kuntest ta’ programm ta’ privatizzazzjoni tant wiesa’ bħal dak inkwistjoni – ma jinvolvix l-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.
40. Min-naħa l-oħra naħseb li l-anqas l-użu ta’ tabelli jew ta’ valuri ta’ referenza ma jikkostitwixxi fih innifsu fattur determinanti biex wieħed jikkonkludi li l-metodu ta’ kalkolu partikolari ma huwiex xieraq biex jiġi stabbilit il-valur tas-suq: kif rajna, l-istess komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirriferi għal “indikazzjonijiet tas-suq” u ta’ “standards ta’ valutazzjonjiet”. Issa, l-imsemmija komunikazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li dawn l-indikaturi jew kriterji għandhom jiġu aġġornati kemm jista’ jkun, biex jiġi evitat li dawn jitilfu l-validità jew l-attwalità tagħhom minħabba ċirkustanzi ġodda tas-suq (15). Ir-riskju li jiġri dan huwa mingħajr dubju ikbar f’kuntest ta’ prezzijiet li għandhom tendenza li jogħlew bħal kif ġara f’dan il-każ.
41. Fl-aħħar nett, il-probabbiltà massima jew minima li proċedura partikolari ta’ kalkolu tal-valur tas-suq tilħaq l-għan tagħha ġġib magħha, mingħajr dubju, konsegwenzi mil-lat ta’ kompatibbiltà tal-metodu użat mad-dritt tal-Unjoni. Issa, billi d-domanda ġiet ifformulata, bħal f’dan il-każ, f’termini ta’ ġudizzju ġenerali u astratt fuq proċedura ddeterminata, għandu jiġi rrilevat ċertu grad ta’ “improbabbiltà” li r-riżultat mixtieq, jiġifieri d-deteminazzjoni tal-valur tas-suq, jista’ jinkiseb qabel ma jista’ jiġi ddikjarat ksur tad-dritt tal-Unjoni.
42. Il-fatt li din l-“improbabbiltà” ma tkunx tista’ tiġi evalwata f’termini ġenerali ma jfissirx li kwalunkwe modalità ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, ir-risposta li tista’ tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ tista’ ma tkunx xierqa biex issolvi l-problemi kollha li jistgħu jitfaċċaw quddiem il-qorti nazzjonali minħabba l-applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, tkun proprju dik il-qorti li jkollha teżamina jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, hemmx jew le l-ipoteżi ta’ għajnuna legali.
43. Minn dan l-angolu u minn dan l-aspett dinamiku għandhom jiġu eżaminati l-metodi ta’ kalkolu msemmija espressament mill-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet.
1. Il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq “valuri ta’ riferenza reġjonali” (“regionale Wertansätze”)
44. Il-punt debboli ta’ kwalunkwe valur ta’ referenza, u dan għadu kif ġie diskuss, jikkonsisti fin-“nuqqas ta’ aġġornament” possibbli u kważi prevedibbli, jiġifieri fin-nuqqas li l-valur stess jirrifletti l-iżvilupp tas-suq, jew, f’termini oħrajn, fir-riġidità ċara tiegħu fil-kuntest ta’ fenomenu li essenzjalment jinbidel. Jirriżulta li l-possibbiltà li “jiġu aġġornati” dawn il-valuri tassumi importanza kruċjali, u dan indipendentement mill-fatt li qatt ma tista’ tiġi ggarantita l-adegwatezza ta’ dawn l-aġġornamenti.
45. Il-proċess ftit fih informazzjoni konkreta dwar il-proċedura ta’ stabbiliment tal-valuri ta’ referenza reġjonali (16) u, dak li huwa l-iktar importanti, ma hemmx indikat b’liema frekwenza jew tempestività jiġu aġġornati dawn il-valuri (din hija informazzjoni li tista’ tvarja skont il-Land).
46. Seydaland ippreżentat ittra tal-Landesamt für Vermessung (Uffiċju Reġjonali ta’ Serverjor) tal-Land de Sachsen-Anhalt, fejn jafferma li jsiru aġġornamenti regolari (tal-inqas annwali) tal-valuri ta’ referenza tal-immobbli (“Bodenrichtwerte”) taħt l-Artikolu 196 tal-Kodiċi tal-Bini fuq il-bażi tal-valuri ta’ referenza reġjonali. Anki jekk dan jiġi kkonfermat, dan jirrifletti biss is-sitwazzjoni li teżisti fl-imsemmi Land.
47. Barra minn hekk, ftit issemma fil-proċeduri li, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkontestat, it-tabelli ppubblikati uffiċjalment ma kinux jirriflettu l-valur attwali tas-suq. Għaldaqstant, minn dan l-aspett dinamiku, jista’ jiġi konkluż li l-imsemmija valuri ta’ referenza reġjonali jistgħu ma jikkorrispondux mal-valur tas-suq meta ma jiġux aġġornati b’biżżejjed regolarità, speċjalment f’kuntest ta’ prezzijiet li għandhom it-tendenza li jogħlew.
2. Il-kalkolu għandu jagħmel “Kumitat ta’ valutazzjoni” (Gutachtersausschuss)
48. Madankollu, l-istess Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet jidher li jelimina dan l-aħħar inkonvenjent, billi jipprevedi l-possibbiltà li, f’dawk il-każijiet, il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-valuri ta’ referenza reġjonali, li għandu jiġi applikat primarjament, jiġi ssostitwit mill-intervent ta’ kumitat ta’ valutazzjoni kompetenti mwaqqaf in loco, li jagħmel stima tal-valur tas-suq skont l-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Bini.
49. L-intervent ta’ dawn il-kumitati ta’ valutazzjoni jista’ jkun strument iktar flessibbli, b’kapaċità ikbar ta’ adattament fil-varjazzjonijiet rapidi tal-livell tal-prezzijiet. Madankollu, mill-proċess ma tirriżultax opinjoni unanima f’dan ir-rigward.
50. Minn naħa, il-Landgericht Berlin tafferma li l-kumitati jikkalkolaw il-valur tas-suq “abbażi mhux tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq, iżda ta’ lista tal-prezzijiet ta’ akkwist li, taħt l-Artikolu 195 tal-Kodiċi tal-Bini, hija amministrata mill-kumitat u jista’ jkollha xi snin fuqha”. Il-kumitati ta’ valutazzjoni jaħdmu wkoll, fil-fatt, b’tabelli ta’ valuri stabbiliti minn qabel u li jistgħu jikkawżaw l-istess problema ta’ nuqqas ta’ attwalità tal-valuri ta’ referenza reġjonali (17).
51. Madankollu, f’dan il-kuntest il-Gvern Ġermaniż isostni li l-membri tal-kumitat ta’ valutazzjoni ma huma marbutin mal-ebda valur ta’ referenza u jistgħu jadattaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-valur fid-dawl ta’ ċirkustanzi oħrajn. B’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-istess Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet, skont il-Gvern Ġermaniż (18), tippermetti lill-kumitat tal-valutazzjoni li japplika metodi ta’ valutazzjoni differenti u iktar flessibbli. Iżda nerġa’ niġi għal din il-possibbiltà iktar ’il quddiem.
52. Anki b’dawn il-fatturi favorevoli, dan il-metodu ta’ kalkolu jista’ jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mal-Artikolu 87 KE bil-kundizzjoni biss li dan jippermetti, ladarba jiġi applikat fil-każ konkret, li jinkiseb riżultat adegwat. Għal darb’oħra, għandu jkun il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi sa liema punt l-indiċijiet jew it-tabelli li jkun applika l-kumitat ta’ valutazzjoni huma aġġornati biżżejjed jew jekk l-istess kumitat igawdix minn libertà biżżejjed biex eventwalment iwarrab dawn il-valuri stabbiliti minn qabel.
B – Fuq jekk l-Artikolu 5(1) jikkontemplax metodi oħrajn ta’ kalkolu alternattivi
53. Anki jekk naslu għall-konklużjoni li l-metodi ta’ kalkolu eżaminati iktar ’il fuq ma jippermettux li tiġi ggarantita b’mod adegwat valutazzjoni korretta tal-valur tas-suq, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet jista’ jirriżulta wkoll kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-sinjifikat letterali tiegħu ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu alternattiv għad-determinazzjoni tal-valur tas-suq imsemmi iktar ’il fuq (pereżempju, il-metodu applikat mill-BVVG).
54. Mill-proċess ma jirriżultax b’mod ċar jekk dan il-metodu ta’ kalkolu alternattiv huwiex possibbiltà kkontemplata impliċitament fl-imsemmi Artikolu 5, jew jekk, minflok, kienx meħtieġ li ma tiġix applikata din id-dispożizzjoni biex tinstab soluzzjoni li tkun konformi mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 87 KE.
55. Il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni jitilqu mill-premessa li l-Artikolu 5(1) jikkontempla żewġ metodi biss ta’ kalkolu tal-valur tas-suq. Għall-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq jippermetti li jiġu applikati metodi oħrajn ta’ kalkolu għaliex, fl-ewwel sentenza, jirreferi għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-regolament fuq il-valutazzjoni ta’ beni immobbli (Wertermittlungsverordnung), li fih tliet metodi ta’ valutazzjoni addizzjonali. Il-BVVG, min-naħa tagħha, iżżid tgħid li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 5 ma jeskludix li ssir valutazzjoni individwalizzata tal-artijiet, magħmula minn espert skont ir-regoli ġenerali li jirregolaw il-kwistjonijiet f’materja ċivili (Artikolu 404(2) taz-Zivilprozessordnung, Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
56. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni mill-ġdid tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Lulju 2009, tikkontempla diġà espressament il-possibbiltà li ssir valutazzjoni tal-valur tas-suq magħmula minn perit, li għandu jikkunsidra l-“aħħar varjazzjonijiet tal-valur irreġistrati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rkant għall-bejgħ ta’ artijiet simili” (19).
57. L-għażla ta’ waħda jew l-oħra taż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli tad-dispożizzjoni kkontestata, anki jekk jiġi ammess li hija essenzjali biex tingħata risposta għad-domanda preliminari fit-termini li tkun ġiet ifformulata, ma hijiex tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda hija kompitu tal-qorti nazzjonali tar-rinviju.
58. Irrispettivament minn dak li jippreċedi, hemm lok li jitfakkar li l-ġurisprudenza indikat b’mod kostanti li l-qorti nazzjonali għandha tagħti lil-liġi nazzjonali interpretazzjoni kemm jista’ jkun konformi mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (20). Il-Gvern Ġermaniż u l-BVVG jipproponu, kif indikajt, interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet li tikkonforma mal-imsejħa rekwiżiti, iżda hija l-Landgericht Berlin li għandha tistabbilixxi jekk dik l-interpretazzjoni hijiex possibbli jew le.
VII – Konklużjoni
59. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Berlin kif ġej:
“1) Proċeduri biex jiġu ddeterminati l-valuri tas-suq tal-artijiet agrikoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-1995 fuq l-akkwist ta’ artijiet agrikoli u ta’ foresta, fuq il-proċedura u fuq il-kumitat ikkostitwit skont il-liġi dwar il-kumpens (Verordnung über den Erwerb land- und forstwirtschaftlicher Flächen, das Verfahren sowie den Beirat nach dem Ausgleichsleistungsgesetz) tal-20 ta’ Diċembru 1995, ma jmorrux kontra l-Artikolu 87 KE, sa fejn:
a) il-valuri ta’ referenza previsti bħala l-ewwel kriterju għad-determinazzjoni tal-valur tas-suq ikunu aġġornati bil-frekwenza meħtieġa mill-iżvilupp tas-suq, jew
b) l-intervent tal-kumitat ta’ valutazzjoni indipendenti previst b’mod sussidjarju mhuwiex neċessarjament marbut minn kriterji ta’ valutazzjoni li jistgħu ma jkunux aġġornati mal-iżvilupp tas-suq.
Hija l-qorti nazzjonali li għanda tistabbilixxi, każ b’każ, jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet fis-subparagrafi a) u b).
2). Il-kwistjoni dwar jekk regola nazzjonali bħal dik li hemm fir-regolament iċċitat iktar ’il fuq tawtorizzax jew le l-użu ta’ kriterji oħra ta’ determinazzjoni tal-valur differenti minn dawk previsti espressament fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, fil-każ li l-imsemmija kwistjoni tkun rilevanti fid-dawl tal-preċedenti, għandha tiġi solvuta mill-qorti nazzjonali, abbażi ta’ interpretazzjoni li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 143.
3 – Regolament tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 (ĠU L 142, p. 1).
4 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25 p. 391)
5 – BGBl. 1994 I, p. 2624, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kumpens”.
6 – BGBl. 1995 I, p. 2072, iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq l-akkwist ta’ artijiet”.
7 – Din il-verżjoni baqgħet fis-seħħ sal-10 ta’ Lulju 2009. Il-verżjoni l-ġdida, fis-seħħ mill-11 ta’ Lulju 2009, tgħid dan li ġej (l-emendi huma sottolineati): “Il-valur tas-suq tal-uċuħ agrikoli fis-sens tal-ewwel u s-sitt sentenza […] tal-liġi dwar il-kumpens għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli tar-regolament dwar il-valutazzjoni ta’ beni immobbli (Wertermittlungsverordnung) tas-6 ta’ Diċembru 1988 (BGBl. I, p. 2209) […]. Il-valur għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-valuri ta’ referenza reġjonali (regionale Wertansätze) għall-uċuħ koltivabbli u għall-mergħat, meta l-imsemmija valuri jeżistu. Il-valuri ta’ referenza reġjonali huma ppubblikati mill-Ministeru Federali tal-Finanzi fil-Ġurnal ta’ avviżi uffiċjali tal-Gvern Federali (Bundesanzeiger) […]. Jekk jeżistu raġunijiet validi biex jitqies li l-valuri ta’ referenza reġjonali ma jikkostitwixxux bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur, il-korp tal-privatizzazzjoni għandu jagħmel sejħa għal offerti filwaqt li jikkunsidra l-iżvilupp tal-valur. Ix-xerrej jew il-korp ta’ privatizzazzjoni jistgħu jitolbu li ssir valutazzjoni differenti tal-valur tas-suq permezz ta’ perizja tal-bord ta’ valutazzjoni kompetenti mwaqqaf in loco taħt l-Artikolu 192 Baugesetzbuch, jew ta’ perit fuq ġurament, fejn bl-istess mod għandhom jitqiesu l-aħħar varjazzjonijiet tal-valur reġistrati fil-kuntest tal-proċeduri b’irkant għall-bejgħ ta’ artijiet simili”.
8 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/268/KE, tal-20 ta’ Jannar 1999, dwar l-akkwist ta’ art taħt l-Att Ġermaniz dwar il-kumpens (ĠU L 107, p. 21).
9 – Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat Nru N 506/99 – Ġermanja.
10 – Għalkemm fil-verżjoni oriġinali tad-domanda preliminari hemm indikat “it-tieni u t-tielet sentenza”, dan huwa żball.
11 – Lanqas ma hemm dubju dwar il-fatt li l-użu ta’ prezz ta’ bejgħ inferjuri minn dak tas-suq jikkostitwixxi f’dan il-każ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-ġurisprudenza, billi jissodisfa r-rekwiżiti kollha taħt l-Artikolu 87 KE. Eżempju ieħor ta’ dan it-tip ta’ għajnuna huwa pprovdut fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret 2008, (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363).
12 – Il-kovenuta ssostni li l-prezzijiet kienu żdiedu bi 18 % fl-2007 u bi 15 % fl-2008.
13 – L-argument li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2000 kienet approvata iż-żewġ metodi ta’ kalkolu stabbiliti fl-Artikolu 5 huwa irrilevanti għal dan l-iskop, għaliex xejn ma jimpedixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tesprimi f’din is-sede opinjoni kuntrarja għal dik l-approvazzjoni teoretika min-naħa tal-Kummissjoni. Għaldaqstant ma jidhirlix li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat is-sinjifikat ta’ deċiżjoni tali. Fi kwalunkwe każ, kif jammettu l-istess Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, dik id-deċiżjoni ma approvatx il-metodi ċċitati ta’ kalkolu b’mod inkundizzjonat, imma bil-kundizzjoni li huma kienu jippermettu, meta jiġu applikati f’każ konkret, li jinġabar il-valur tas-suq tal-artijiet inkwistjoni.
14 – Artikolu 3(7) tal-liġi dwar il-kumpens.
15 – Għal din ir-raġuni fil-ħames paragrafu tat-Taqsima II, punt 2(a) tal-komunikazzjoni hemm indikat li l-valur tas-suq huwa kkostitwit mill-prezz li l-artijiet jistgħu jinbiegħu liberament “skond il-valutazzjoni ta’ dik id-data”.
16 – Minbarra l-fatt li huma bbażati fuq ċerti “valuri ta’ referenza tal-immobbli” (Bodenrichtwerte) taħt l-Artikolu 196 tal-Kodiċi tal-Bini. Il-valuri ta’ referenza reġjonali u dawn il-valuri ta’ referenza tal-immobbli tal-aħħar jidhru li jkunu differenti skont iż-żona territorjali koperta taħt wieħed jew l-ieħor (ara f’dan is-sens C. Columbus Die Gemeinschaftskonformität des regionalen Wertansatzes, Briefe zum Agrarrecht 1/2009, 14, 15).
17 – Fil-fatt, il-lista ta’ prezzijiet ta’ akkwist imħejjija bl-applikazzjoni tal-Artikolu 195 tal-Kodiċi tal-Bini (Kaufpreissammlung) isservi biex tistabbilixxi l-“valuri tal-immobbli ta’ referenza” taħt l-Artikolu 196 tal-istess liġi (Bodenrichterte), li, min-naħa tagħhom, iservu ta’ bażi tal-valuri ta’ referenza reġjonali (regionale Wertansätze) (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti).
18 – Din l-opinjoni ġiet espressa mill-Gvern Ġermaniż fl-ewwel osservazzjonijiet ta’ intervent tiegħu f’din il-proċedura.
19 – Huwa ċar li l-emenda tad-dispożizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala indikatur tal-preżenza ta’ lakuni fil-formulazzjoni ta’ qabel, imma l-Gvern Ġermaniż isostni li r-riforma ċċarat unikament is-sinjifikat letterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni, mingħajr ma wessgħet il-kontenut.
20 – Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht (C‑262/97, Ġabra p. I‑7321, punt 39); tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, Ġabra p. I-265, punt 138); tat-13 ta’ April 2010, Wall (C‑91/08, Ġabra p. I-2815, punt 70), u tat-22 ta’ Ġunju 2010, Kawżi magħquda Aziz Melki u Sélim Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I-5667, punti 49 u 50).
Full & Egal Universal Law Academy