KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI JÄÄSKINEN – KAWŻA C-271/09
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Jääskinen
ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)
Kawża C‑271/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 56 KE – Moviment liberu tal-kapital – Fondi ta’ pensjonijiet li jagħmlu parti minn mekkaniżmu nazzjonali ta’ affiljazzjoni obbligatorja u bbażati fuq sistema ta’ kapitalizzazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita u li tisfavorixxi l-investiment minn dawk il-fondi ta’ kapital f’pajjiżi barranin”
I – Introduzzjoni
1. Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 143, l-Artikolu 136(3), u l-Artikolu 136a(2) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-fondi ta’ pensjonijiet tat-28 ta’ Awwissu 1997 (2), kif emendata (iktar ʼil quddiem “il-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet”), li jirrestrinġu l-investimenti f’pajjiżi barranin tal-fondi ta’ pensjonijiet li jagħmlu parti minn mekkaniżmu nazzjonali ta’ affiljazzjoni obbligatorja u li huma bbażati fuq sistema ta’ kapitalizzazzjoni (imsejħa “Fondi miftuħa ta’ pensjonijiet”), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE, li sar l-Artikolu 63 TFUE (3).
2. Il-leġiżlazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni għandha l-effett li tillimita l-investimenti li jsiru f’pajjiżi barranin mill-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet Pollakki għal 5 % tal-assi tagħhom (4).
3. Prinċipalment, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-applikabbiltà tal‑Artikolu 56 KE. Hija tikkunsidra b’mod partikolari li l-fondi ta’ pensjonijiet ikkonċernati huma korpi pubbliċi assimilati mal-Istat Pollakk u li, għaldaqstant, kull regola ta’ dritt li tillimita l-investiment tagħhom ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.
4. Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, jekk il-leġiżlazzjoni kkonċernata toħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, din hija ġġustifikata.
5. Sabiex tinqata’ din il-kwistjoni, għandu jiġi analizzat fl-ewwel lok jekk l-Artikolu 56 KE huwiex applikabbli għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fl-affermattiv, sussegwentement ikun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, u sussegwentement jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħal dawk irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
II – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
A – Is-sistema tal-pensjonijiet
6. Is-sistema tal-pensjonijiet fis-seħħ fir-Repubblika tal-Polonja, li hija bbażata fuq tliet pilastri, tista’ tinġabar fil-qosor fil-forma ta’ tabella sinottika (5).
Pilastri
L-ewwel pilastru Sistema obbligatorja; ibbażat fuq il-prinċipju ta’ tqassim
It-tieni pilastru Sistema obbligatorja; ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni
It-tielet pilastru Sistema fakultattiva
Legiżlazzjonijiet
Liġi tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali (6)
Liġi tat-28 ta’ Awwissu 1997 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-fondi ta’ pensjonijiet (“Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet ”)
Liġi tal-20 ta’ April 2004 dwar il-kontijiet ta’ rtirar individwali (7)
Istituzzjonijiet
L-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali (Zakład Ubezpieczeń Społecznych, iktar ‘il quddiem iz– “ZUS”)
Erbatax- il kumpannija ta’ amministrazzjoni (Powszechne Towarzystwa Emerytalne, iktar ‘il quddiem – il-“PTE”)
Ikkostitwit minn mekkaniżmi ta’ tfaddil volontarju addizzjonali
Fondi
Fondi ta’ Assigurazzjoni Soċjali (Fundusz Ubezpieczeń Społecznych, iktar ʼil quddiem il-“FUS”)
Erbatax-il fond miftuħ ta’ pensjonijiet (Otwarte Fundusze Emerytalne, iktar ‘il quddiem l-“OFE”
B – Il-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet
7. Skont l-Artikolu 3(1)(2) tal-Liġi tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali, il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet huma ddefiniti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet.
8. Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, l-għan ta’ fond miftuħ ta’ pensjonijiet huwa li jakkumula u li jinvesti riżorsi finanzjarji bil-għan li jħallashom lill-kontribwenti tiegħu wara li jilħqu l-età tal-irtirar.
9. Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, fond miftuħ ta’ pensjonijiet huwa persuna ġuridika kkostitwita fil-forma ta’ fondazzjoni u li għandha assi distinti minn dawk tal-kumpannija li tkun ħolqitha, li tamministraha u li tirrappreżentaha fuq bażi esklużiva fir-relazzjonijiet tagħha ma’ terzi (iktar ʼil quddiem il-“kumpannija li tamministra”). Din il-kumpannija li tamministra teżerċita l-attività tagħha esklużivament fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (Artikolu 27 tal-imsemmija liġi) u bi ħlas (Artikolu 29 ta’ din il-liġi). Kumpannija li tamministra tista’ tamministra fond tal-pensjonijiet miftuħ wieħed biss.
10. Peress li l-kontribwenti għandhom il-fakultà li jagħżlu l-fond tal-pensjonijiet miftuħ tagħhom, iz-ZUS sussegwentement tiffinanzjah sa terz tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar tal-kontribwent ikkonċernat.
11. Skont l-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, it-Teżor Pubbliku jiggarantixxi l-kopertura tal-iżbilanċi tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet taħt ċerti kundizzjonijiet.
12. L-Artikoli 134 sa 137 ta’ din l-istess liġi jiddefinixxu l-mod ta’ finanzjament tal-attività tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma jistgħu jieħdu remunerazzjoni billi jieħdu perċentwal mill-kontribuzzjonijiet imħallsa, qabel ma jinqalbu f’punti ta’ unitajiet u fil-limitu ta’ 3.5 % tagħhom. Huma jistgħu wkoll joħorġu kont għall-ispejjeż tal-ammistrazzjoni tal-fond mill-kumpannija li tamministra, iżda l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż jinħadem skont il-valur tal-assi u ma jistax jaqbeż il-limiti ffissati mill-Artikolu 136(2a) ta’ din il-liġi.
13. Għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-valur tal-assi li jservu bħala bażi sabiex jiġi ddefinit l-ammont tal-imsemmija spejjeż, l-Artikolu 136(3) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jipprovdi li:
“Meta jiġi ddeterminat il-valur tal-assi netti amministrati mill-fondi, imsemmi fil-paragrafi 2 u 2a, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-valur tal-investimenti msemmija fl-Artikolu 141(1)(8), u lanqas l-investimenti f’ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż barrani, imsemmija fl‑Artikolu 143(1).”
14. L-Artikolu 136a tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jipprovdi wkoll:
“1. L-ispejjeż marbuta mal-konservazzjoni tal-assi u mat-twettiq u l-ħlas ta’ tranżazzjonijiet ta’ akkwist jew ta’ ċessjoni tal-assi tal-fond, li jikkorrispondu għall-ħlas dovut lill-kmamar ta’ kumpens li s-servizzi tagħhom iridu jintużaw mill-fond skont dispożizzjonijiet partikolari u li jagħmlu parti mir-remunerazzjoni tad-depożitarju, għandhom jitnaqqsu mill-assi tal-fond skont it-tabella tal-kummissjonijiet u tal-ispejjeż attwalment fis-seħħ tal-kamra ta’ kumpens ikkonċernata.
2. L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 li huma ekwivalenti għall-ħlas dovut lill-kmamar ta’ kumpens barranin jitnaqqsu mill-assi tal-fond sal-ammonti korrispondenti dovuti lill-kmamar ta’ kumpens nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1.”
15. L-Artikoli 139 sa 156 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jittrattaw l-attivitajiet ta’ investiment tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet.
16. L-Artikolu 139 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li l-fondi għandhom jinvestu l-assi tagħhom b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi billi jipprovaw jimmassimizzaw kemm is-sigurtà kif ukoll ir-rendiment ta’ dawn l-investimenti.
17. L-Artikolu 141(1) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet huwa fformulat kif ġej:
“1. L-assi tal-fondi jistgħu jiġu investiti biss, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 146, fil-kategoriji ta’ strumenti is-segwenti:
1) obbligi, bonds u titoli oħrajn maħruġa mit-Teżor Pubbliku jew mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja, kif ukoll self u krediti lil dawn il-korpi;
2) obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn, li huma bbażati fuq benefiċċji fi flus, iggarantiti mit-Teżor Pubbliku jew mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja jew appoġġjati minn dawn il-korpi, kif ukoll depożiti, krediti u self iggarantiti minn dawn il-korpi jew appoġġjati minnhom;
3) depożiti bankarji u titoli maħruġa mill-banek, fil-valuta Pollakka;
3a) depożiti bankarji u titoli maħruġa minn banek fil-valuta ta’ Stat Membru tal-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u ta’ Żviluppi Ekonomiċi (OECD) jew minn Stat ieħor li miegħu r-Repubblika tal-Polonja kkonkludiet ftehim ta’ promozzjoni u protezzjoni reċiproka tal-investimenti, sa fejn dawn il-valuti jistgħu jiġu akkwistati biss bil-għan li jitħallsu l-krediti kurrenti tal-fond;
4) ishma ta’ kumpanniji kkwotati fuq borża regolata, kif ukoll id-drittijiet preferenzjali ta’ abbonament, opzjonijiet fuq ishma u obbligi skambjabbli f’ishma ta’ kumpanniji kkwotati fuq suq borża rregolata;
5) ishma ta’ kumpanniji kkwotati fuq suq mhux irregolat jew ishma intanġibbli b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2005 dwar it-tqegħid f’ċirkolazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, ishma ta’ kumpanniji mhux negozjabbli f’suq irregolat, kif ukoll id-drittijiet preferenzjali ta’ abbonament, opzjonijiet fuq ishma u obbligi skambjabbli f’ishma ta’ kumpanniji kkwotati f’suq mhux irregolat jew ishma intanġibbli, iżda mhux ikkwotati fis-suq irregolat;
6) ishma minn fondi ta’ investiment nazzjonali;
7) ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn fondi ta’ investiment magħluqa;
8) ishma ttrasferiti minn fondi ta’ investiment miftuħa jew ta’ fondi ta’ investiment miftuħa speċjalizzati;
9) obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn maħruġa minn awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja, li jingħataw forma intanġibbli b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija fil-punt 5;
10) strumenti oħrajn minbarra obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn intanġibbli maħruġa minn awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja;
10a) obbligi parteċipattivi msemmija fil-Liġi tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-obbligi (Dz. U. tal-2001, Nru 120, Titolu 1300; Dz. U. tal-2002, Nru 216, Titolu 1824, u Dz. U. tal-2003, Nru 217, Titolu 2124);
11) obbligi intanġibbli b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija fil-punt 5, maħruġa minn korpi differenti mill-awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja, li huma ggarantiti sal-valur sħiħ nominali tagħhom, miżjud bl-interessi li jista’ jkun hemm;
12) strumenti minbarra obbligi intanġibbli u titoli ta’ kreditu oħrajn, maħruġa minn korpi minbarra awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja, li huma ggarantiti sal-valur sħiħ nominali tagħhom, miżjud bl-interessi li jista’ jkun hemm;
13) obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn maħruġa minn kumpanniji pubbliċi, minbarra t-titoli msemmija fil-punti 11 u 12;
13a) obbligi u titoli ta’ kreditu intanġibbli b’mod konformi mal-liġi msemmija fil-punt 5, minbarra dawk imsemmija fil-punti 9 u 11;
13b) ipoteki;
13c) ċertifikati ta’ depożitu, fis-sens tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2005 dwar it-tqegħid f’ċirkolazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, negozjabbli fuq suq irregolat fil-Polonja.
[…]”
18. L-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jiddefinixxi sussegwentement il-kategoriji ta’ strumenti barranin li fihom il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet jistgħu jinvestu l-assi tagħhom. Dan huwa fformulat hekk:
“1. Fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija permezz ta’ digriet mill-ministru responsabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’din l-awtorizzazzjoni, l-assi ta’ fond miftuħ ta’ pensjonijiet jistgħu jiġu investiti f’pajjiż barrani f’titoli maħruġa minn kumpanniji kkwotati fil-boroż ewlenin tal-Istati Membri tal-OECD jew ta’ Stati oħrajn, speċifikati fl-awtorizzazzjoni, kif ukoll fil-bonds tat-Teżor jew titoli maħruġa mill-banek ċentrali ta’ dawn l-Istati u fl-ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li jkollhom is-sede tagħhom f’dawn l-Istati, jekk dawk il-korpi joffru dawn l-ishma lill-pubbliku ġenerali u jieħduhom lura fuq talba tal-investitur.
2. Il-valur totali tal-investimenti li jsiru
(1) minn fond miftuħ ta’ pensjonijiet fi strumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jaqbżu l-5 % tal-valur tal-assi tal-fond.
[…]”
C – Id-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Diċembru 2003
19. Il-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet hija ssupplimentata mill-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi, li jirrigwarda awtorizzazzjoni ġenerali għall-investimenti ta’ fondi ta’ pensjonijiet barra mill-fruntieri nazzjonali, tat-23 ta’ Diċembru 2003 (8), kif emendat (iktar ʼil quddiem id-“Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Diċembru 2003”). Dan jipprovdi, b’mod partikolari fl-Artikolu 1(3) tiegħu, li l-investimenti f’assi barranin għandhom ikunu akkumpanjati b’evalwazzjoni tal-kwalità tal-investiment, li għandha ssir minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni speċjalizzata, rikonoxxuta f’suq ta’ kapital internazzjonali, li għandha tevalwa r-riskju tal-investiment relatat mal-valuri tat-titoli kkunsidrati u l-ħila ta’ min ikun ħareġ dawn it-titoli li jonora, jekk ikun il-każ, l-impenji meħuda.
III – Il-proċedura prekontenzjuża
20. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 56 KE. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143 flimkien mal-Artikolu 141, l-Artikolu 136(3) u l-Artikolu 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, jirrestrinġu l-investimenti f’pajjiżi barranin tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet u, minħabba dan, imorru kontra l-libertà fundamentali tal-moviment tal-kapital stabbilita fl-Artikolu 56 KE.
21. B’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2007, il-Gvern Pollakk irrisponda għall-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni billi sostna li l-Artikolu 56 KE ma huwiex applikabbli għall-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet.
22. Fit-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, fejn hija ċaħdet l-argument tal-awtoritajiet Pollakki dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għall-attività ta’ investiment tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet u baqgħet issostni l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 56 KE minħabba r-restrizzjoni għall-investimenti imposta mill-Artikolu 143 flimkien mal-Artikolu 141, l-Artikolu 136(3) u l-Artikolu 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet.
23. Fl-24 ta’ Novembru 2008, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, il-Gvern Pollakk invoka, minbarra n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għall-attività ta’ investiment tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku, billi tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet imposti fuq l-investiment ta’ dawn il-fondi.
24. Fid-dawl tal-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, fis-16 ta’ Lulju 2009.
25. Fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.
IV – L-analiżi
A – Fuq l-ammissibbiltà
26. Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors għal żewġ motivi.
27. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba d-diverġenzi eżistenti bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-aspetti fattwali tal-kawża u l-elementi li allegatament jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni.
28. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, peress li ma ddeterminatx korrettament u bis-sħiħ il-prinċipju, in-natura u r-reġim ġuridiku applikabbli għall-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, il-Kummissjoni, minn naħa, ma ddefinitx b’mod preċiż is-suġġett tal-kawża matul il-proċedura prekontenzjuża, u, min-naħa l-oħra, kisret l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, l-Istat Membru jirrileva li d-diverġenzi jirrigwardaw il-kwistjoni tal-unifikazzjoni tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet mad-diversi pilastri tas-sistema tas-sigurtà soċjali, in-natura pubblika tal-kapital tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet kif ukoll is-separazzjoni bejn il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet u l-kumpanniji li jamministraw. Rigward b’mod iktar partikolari l-ewwel minn dawn l-elementi, il-Gvern Pollakk isostni li l-fehim żbaljat mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ funzjonament tas-sistema Pollakka ta’ sigurtà soċjali, li jwassluha biex tissepara l-ewwel pilastru mit-tieni pilastru fir-rigward tal-prinċipji li jirregolawhom, filwaqt li assimilat it-tieni u t-tielet pilastri, iservi bħala bażi għall-konklużjoni żbaljata li l-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet għandhom jiġu kkwalifikati bħala korpi li jeżerċitaw attività ekonomika.
29. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, imma wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura prekontenzjuża ser tkun ibbażata fuq suġġett li jkun definit b’mod ċar. Minn dan l-għan jirriżulta li l-ittra ta’ intimazzjoni għandha bħala għan, minn naħa, li tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u li tindika lill-Istat Membru, li jkun mistieden sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, l-elementi meħtieġa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu, u min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-Istat Membru li jikkonforma ruħu qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (9). L-Istat Membru b’hekk ikun jista’ jikkjarifika u jikkoreġi l-fatti ppreżentati mill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża.
30. Madankollu, l-għan ta’ din il-proċedura ma huwiex li l-Kummissjoni u l-Istat Membru jaqblu fuq kull punt ta’ fatti jew fuq l-evalwazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ validament tippreżenta rikors jekk jidhrilha li huwa opportun u sa fejn id-dispożizzjonijiet proċedurali jiġu osservati bis-sħiħ. B’hekk, il-fatt li Stat Membru ma jkunx jaqbel totalment mal-analiżi li tkun saret mill-Kummissjoni ma jwaqqafx lil din tal-aħħar milli tippreżenta rikors għal nuqqas li jitwettaq obbligu. Madankollu, l-oneru tal-prova huwa dejjem fuq il-Kummissjoni.
31. F’dan il-każ, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni waqt il-proċedura prekontenzjuża ġew suffiċjentement iċċarati sabiex jippermettu lir-Repubblika tal-Polonja tressaq l-argument tagħha ta’ difiża, hekk kif jirriżulta mill-iżvolġiment ta’ din il-fażi tal-proċedura.
32. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’hekk għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
33. Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem, fil-kontroreplika tagħha, eċċezzjoni oħra ta’ inammissibbiltà fir-rigward tal-invokazzjoni mill-Kummissjoni, fir-replika tagħha, tad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Diċembru 2003. Skont dan l-Istat Membru, peress li ma ssemmiex matul il-proċedura prekontenzjuża, dan l-element jikkostitwixxi lment ġdid mingħajr ebda rabta ma’ dawk ifformulati inizjalment, u b’hekk ma jistax jikkostitwixxi żvilupp.
34. Ninnota li l-Kummissjoni ma invokatx id-Digriet tat-23 ta’ Diċembru 2003 fil-proċedura prekontenzjuża u invokatu biss fl-istadju tar-replika tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hija tinvokah biss b’risposta għall-kummenti li saru f’dan ir-rigward mir-Repubblika tal-Polonja fir-risposta tagħha. Billi kkummentat dwar dan id-digriet fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ma mmodifikatx l-ilmenti invokati fir-rikors tagħha kontra l-Istat Membru kkonċernat (10).
35. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.
B – Fuq il-mertu
36. Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-ammont u n-natura ta’ investimenti possibbli f’pajjiżi barranin, previsti fl-Artikolu 143(1) u (2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, flimkien mal-Artikolu 141, l-Artikolu 136(3) tal-imsemmija liġi u l-Artikolu 136a(2) ta’ din il-Liġi dwar l-ispejjeż tal-funzjonament tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, li jistgħu jiskoraġġixxu l-imsemmija fondi milli jinvestu l-assi tagħhom barra mit-territorju Pollakk, jikkostitwixxu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.
37. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Artikolu 56 KE ma japplikax għall-attività ta’ investiment tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet. Hija ssostni, essenzjalment, li l-istatus ġuridiku tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet u l-fatt li l-attività tagħhom taqa’ taħt ir-reġim tal-pensjoni ta’ irtirar obbligatorju, jeskludu d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 143, 136(3) u 136a tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat li tikkostitwixxi l-moviment liberu tal-kapital.
38. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 56 KE huwiex applikabbli f’din il-kawża.
1. Fuq l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE
39. Preliminarjament, għandu jitfakkar, li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (11).
40. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat, tal-kunċett ta’ “moviment ta’ kapital” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-nomenklatura tal-moviment ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361/KEE hija ta’ valur indikattiv (12).
41. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jikkostitwixxu moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, inter alia, l-investimenti msejħa “ta’ portafoll”, jiġifieri l-investimenti fil-forma ta’ akkwist ta’ titoli fis-suq tal-kapital li jsiru bl-unika intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi eżerċitata influwenza fuq l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-impriża (13).
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu kkwalifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE dawk il-miżuri nazzjonali li jistgħu jimpedixxu jew jillimitaw l-akkwist ta’ ishma fil-kumpanniji kkonċernati jew li jistgħu jiskoraġġixxu l-investituri ta’ Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil-kapital tal-istess kumpanniji (14).
43. Fil-fehma tiegħi, l-investimenti li jsiru mill-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet jikkorrispondu totalment mad-definizzjoni ta’ investimenti ta’ portafoll. Madankollu r-Repubblika tal-Polonja ssostni li n-natura statali tal-fondi ta’ pensjonijiet teskludihom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE.
44. Qabel ma jiġi eżaminat jekk il-fondi inkwistjoni humiex ta’ tali natura jew le, għandu jiġi vverifikat jekk in-natura statali tal-fondi ta’ pensjonijiet tistax tiżvolġi rwol determinanti fil-moviment liberu tal-kapital, għaliex, jekk dan ma huwiex il-każ, ikun inutli li jiġi analizzat jekk il-fondi inkwisjtoni humiex ta’ natura “privata” jew “statali” (15).
45. Il-liberazzjoni tal-moviment tal-kapital ipprovduta bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, kif prevista fil-verżjoni inizjali tal-Artikolu 67 tat-Trattat KEE, kienet tikkostitwixxi biss objettiv li għandu jintlaħaq permezz ta’ miżuri ulterjuri (16).
46. Rigward il-portata tal-liberazzjoni, it-test oriġinali, billi kien jirreferi għal “persuni residenti fl-Istati Membri”, seta’ jħalli ċerta inċertezza dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, jidhirli li huwa ċar li dan kien jirreferi għall-Istati Membri sa mill-bidu (17), u dan ħareġ ċar mill-emenda li saret bit-Trattat ta’ Maastricht, li neħħiet kull riferiment għal persuni, preċiżament billi neħħiet il-kliem “persuni residenti fl-Istati Membri” (18).
47. B’hekk, l-Artikolu 56 KE japplika għall-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, anki jekk l-attivitajiet tagħhom ikunu “statali”. Konsegwentement, miżuri bħal dawk li jinsabu inkwistjoni f’din il-kawża huma suġġetti għall-ħarsien tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà tal-moviment tal-kapital, irrispettivament mill-fatt jekk l-assi tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet kkonċernati jkunux ta’ oriġini statali jew privata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk il-fondi inkwistjoni humiex ta’ oriġini “statali” kif issostni r-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar min għandu jiġi kkwalifikat bħala l-“proprjetarju” tal-assi miżmuma mill-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa lanqas ma hija rilevanti (19).
2. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
a) L-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet
48. L-ewwel limitazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital allegata mill-Kummissjoni hija s-segwenti. L-Artikolu 143(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jillimita l-valur tal-investimenti barra mill-Polonja li jistgħu jsiru minn fond miftuħ ta’ pensjonijiet.
49. Nikkonstata li, skont din id-dispożizzjoni, l-investimenti f’pajjiżi barranin ma jistgħux jaqbżu l-5 % tal-valur tal-assi tal-fond ikkonċernat. Din id-dispożizzjoni b’hekk tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva tal-moviment tal-kapital. Din hija ekwivalenti għal obbligu li 95 % tal-assi ta’ fond tal-pensjonijiet miftuħ jiġu investiti f’ishma, titoli ta’ kreditu jew depożiti Pollakki u b’hekk joħloq sistema ta’ preferenza nazzjonali għall-investimenti li jsiru minn dawn il-fondi.
50. Barra minn hekk, il-lista ta’ investimenti barranin li tinsab fl-Artikolu 143(1) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet ma tinkludix il-kategoriji kollha ta’ investimenti elenkati fl-Artikolu 141 ta’ din l-istess liġi, li jirreferi għall-investimenti possibbli fit-territorju nazzjonali. L-Artikolu 143(1) tal-imsemmija liġi effettivament jipprevedi biss il-possibbiltajiet li ġejjin ta’ investiment tal-assi tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet barra mit-territorju Pollakk:
– titoli maħruġa minn kumpanniji kkwotati fil-boroż prinċipali ta’ Stat Membru tal-OECD jew Stat speċifikat fl-awtorizzazzjoni ministerjali,
– bonds tat-teżor jew titoli maħruġa mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru tal-OECD jew Stat speċifikat fl-awtorizzazzjoni ministerjali, u
– ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li għandhom is-sede tagħhom barra mill-Polonja, jekk dawn l-ishma jkunu aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali u jittieħdu lura fuq talba tal-investitur.
51. B’paragun mal-kategoriji ta’ investimenti li jistgħu jsiru fil-Polonja, li huma elenkati fl-Artikolu 141(1) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet b’hekk ma jistgħux jinvestu f’pajjiżi barranin, b’mod partikolari f’dawn l-istrumenti:
– self u krediti mogħtija lill-gvern ta’ Stat Membru ieħor jew lill-bank ċentrali tiegħu [ara l-Artikolu 141(1)(1)],
– obbligi u titoli oħrajn, b’mod partikolari depożiti u self ta’ korpi oħrajn iggarantiti mill-gvern ta’ Stat Membru ieħor jew mill-bank ċentrali tiegħu [ara l-Artikolu 141(1)(2)],
– obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn maħruġa minn awtorità lokali ta’ Stat Membru ieħor [ara l-Artikolu 141(1)(9) sa (12)],
– ishma ta’ kumpanniji kkwotati f’Borża oħra apparti s-suq ewlieni [ara l-Artikolu 141(1)(5)] u l-obbligi skambjabbli [ara l-Artikolu 141(1)(4)], u
– id-drittijiet preferenzjali ta’ abbonament, opzjonijiet fuq ishma u obbligi skambjabbli f’ishma ta’ kumpanniji kkwotati f’suq mhux irregolat jew ishma intanġibbli, iżda mhux ikkwotati fis-suq irregolat [ara l-Artikolu 141(1)(5)].
52. Ir-Repubblika tal-Polonja stess irrikonoxxiet li l-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jimponi limitu fuq l-investimenti tal-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa.
53. Fil-fehma tiegħi, lista ta’ investimenti possibbli f’pajjiżi barranin li hija iktar ristretta minn dik tal-investimenti possibbli fit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi mhux biss restrizzjoni għall-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, iżda wkoll diskriminazzjoni fir-rigward ta’ investimenti f’titoli barranin meta mqabbla mat-titoli nazzjonali.
b) L-Artikolu 136(3) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet
54. It-tieni limitazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital allegata mill-Kummissjoni hija s-segwenti. Skont l-Artikolu 136(3) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, il-valur tal-investimenti mwettqa minn fond tal-pensjonijiet miftuħ f’ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv (fondi ta’ investiment) li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż barrani u li jissemmew fl-Artikolu 143(1) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-assi netti tal-fond ikkonċernat. Madankollu, l-ammont dovut lill-kumpannija li tamministra fir-rigward ta’ spejjeż tal-amministrazzjoni tal-fond miftuħ ta’ pensjonijiet jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-valur tal-assi netti tal-fond, b’mod konformi mal-Artikolu 136(2a) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet. Għal dan il-fatt, il-kumpannija li tamministra b’hekk ma tistax titlob l-ispejjeż għall-amministrazzjoni tal-assi ta’ fond tal-pensjonijiet miftuħ investiti f’fondi ta’ investiment li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż barrani, irrispettivament mill-kategorija.
55. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE, inkwantu tiskoraġġixxi lill-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet milli jinvestu l-assi tagħhom f’fondi ta’ investiment barranin. Din tikkostitwixxi restrizzjoni diretta.
56. Barra minn hekk, din tirrestrinġi indirettament il-moviment tal-kapital billi tillimita l-investimenti li l-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet jistgħu jagħmlu fil-fondi ta’ investiment nazzjonali li, min-naħa tagħhom, jinvestu l-kapital tagħhom f’pajjiżi barranin (20).
57. B’hekk, dik id-dispożizzjoni tippenalizza l-investimenti f’fondi ta’ investiment barranin meta mqabbla ma’ dawk li jsiru mill-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet f’fondi ta’ investiment nazzjonali mhux elenkati fl-Artikolu 141(1)(8) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet (pereżempju fondi ta’ investiment magħluqa), li fuqhom il-kumpannija li tamministra tista’ tiġbor l-ispejjeż tal-amministrazzjoni.
c) L-Artikolu 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet
58. It-tielet limitazzjoni għall-moviment liberu tal-kapital allegata mill-Kummissjoni hija s-segwenti. L-Artikolu 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jipprovdi li l-ispejjeż ta’ tranżazzjonijiet dovuti lill-kmamar ta’ kumpens barranin jistgħu jiġu koperti mill-assi ta’ fond miftuħ ta’ pensjonijiet biss b’mod korrispondenti mal-ispejjeż dovuti lill-kmamar ta’ kumpens nazzjonali.
59. Jidhirli li din id-dispożizzjoni tista’ wkoll tiskoraġġixxi lill-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet milli jinvestu f’pajjiżi barranin, inkwantu ma jistgħux ikopru l-ispejjeż kollha ta’ dawn it-tranżazzjonijiet bl-assi tagħhom, kif jista’ jsir f’każ ta’ investimenti fit-territorju nazzjonali. B’dak il-mod, l-Artikolu 136a(2) tal-imsemmija liġi mhux biss jirrestrinġi l-moviment tal-kapital, iżda jippenalizza wkoll l-investimenti barranin tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet.
3. Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital
60. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni toħloq restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu ġġustifikati permezz tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm ikunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan intiż tagħhom u ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (21). Huwa evidenti li ċerti dispożizzjonijiet derogatorji oħrajn tat-Trattat jistgħu jiġu invokati wkoll, bħalma għamlet ir-Repubblika tal-Polonja. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati l-Artikoli 58 KE, 86(2) KE, 137(4) KE u 295 KE, li ġew invokati mir-Repubblika tal-Polonja, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kontenut tagħhom jippermettix ġustifikazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet ikkonstatati.
61. Min-naħa tagħha, mingħajr ma tikkontesta n-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-mezzi finanzjarji akkumulati fil-kontijiet tal-pensjonijiet tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu ġġustifikati, la abbażi tal-Artikolu 58(1)(b) KE, jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra ċċitata, u lanqas abbażi tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jikkostitwixxu l-ekwilibriju finanzjarju tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet u l-protezzjoni tal-kontribwenti tagħhom, minħabba n-natura diskriminatorja tagħhom, u li dawn huma, fi kwalunkwe każ, sproporzjonati.
62. Ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax in-natura restrittiva tal-miżuri inkwistjoni, iżda ssostni li dawn huma ġġustifikati. Għaldaqstant għandha ssir analiżi tal-ġustifikazzjonijiet invokati.
a) Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 58 KE
63. Ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem żewġ tipi ta’ raġunijiet ibbażati fuq l-Artikolu 58 KE sabiex tiġġustifika trattament iktar strett tal-investimenti li jsiru mill-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet f’pajjiżi barranin meta mqabbla ma’ dawk li jsiru fil-Polonja. Hija tirreferi, minn naħa waħda, għar-riskju ta’ varjazzjoni fir-rati tal-kambju u, min-naħa l-oħra għad-diffikultajiet li allegatament iltaqgħet magħhom sabiex tikseb informazzjoni dwar is-swieq tal-kapital barranin u l-istrumenti tagħhom, u li minnhom tirriżulta “asimetrija ta’ informazzjoni”.
64. Infakkar li, skont l-Artikolu 58(1)(b) KE, l-Artikolu 56 KE ma jikkawżax dannu għad-dritt li għandhom l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha indispensabbli sabiex jimpedixxu l-ksur tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam fiskali jew fir-rigward tal-kontroll prudenzjali tal-istabbilimenti finanzjarji, li jipprevedu proċeduri ta’ dikjarazzjoni tal-moviment tal-kapital għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew statistika jew li jieħdu miżuri ġġustifikati minn motivi marbuta mal-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika (22).
65. Ma jidhirlix li l-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet Pollakki jistgħu jiġu kkwalifikati bħala stabbilimenti finanzjarji anki jekk il-leġiżlazzjoni kkonċernata tista’ titqies li taqa’ taħt il-kontroll prudenzjali ta’ dawn il-fondi. Fil-fatt, l-argumenti kollha tar-Repubblika tal-Polonja għandhom l-iskop li juru li l-fondi ta’ pensjonijiet huma emanazzjoni tal-Istat Pollakk, li fil-fehma tiegħi jeskludi preċiżament il-possibbiltà li dawn jiġu kkwalifikati bħala stabbilimenti finanzjarji. Barra minn hekk, l-Istat Membru ma invokax eċċezzjoni ġġustifikata minn motivi marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika u, fil-fehma tiegħi, lanqas ma jista’ jagħmel dan. Id-derogi l-oħrajn previsti fl-imsemmija dispożizzjoni ma jidhrux li huma rilevanti.
66. B’hekk, dawn ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital ma jistgħux jiġu ġġustifikati fuq il-bażi tal-Artikolu 58(1)(b) KE.
b) Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 86(2) KE
67. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għandha tiġi eliminata wkoll fuq il-bażi tal-Artikolu 86(2) KE, inkwantu l-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet huma impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.
68. Nirrileva li l-applikabbiltà tal-Artikolu 86(2) KE teħtieġ l-eżistenza ta’ impriża li tiffunzjona fis-suq billi toffri b’mod partikolari prodotti jew servizzi. Huwa possibbli li ċerti prerogattivi statali jiġu ddelegati lil impriża għal dan il-fini (23).
69. F’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Polonja ddefinixxiet il-fondi kkonċernati bħala emanazzjonijiet tal-Istat li jservu għanijiet ta’ natura soċjali. Fil-fehma tiegħi, dan jeskludi l-possibbiltà li jiġu kkwalifikati bħala impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, li hija kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 86(2) KE.
70. Madankollu, fil-prinċipju ma huwiex eskluż li jiġi kkunsidrat li l-kumpanniji li jamministraw l-imsemmija fondi, meħuda individwalment, kif ukoll il-korpi komposti mill-kumpanniji li jamministraw u l-fondi tagħhom, jitqiesu bħala impriżi minkejja li jikkonsistu f’sistema ta’ pensjonijiet legali, peress li dawn l-impriżi joperaw fis-suq.
71. Madankollu, kumpannija li tamministra ma toffrix is-servizzi tagħha lil ċirku ta’ klijenti miftuħ peress li l-leġiżlazzjoni Pollakka teżiġi li kumpannija li tamministra, tamministra fond tal-pensjonijiet miftuħ wieħed biss. Dan jidhirli li jeskludi li l-attivitajiet tagħhom jiġu kkwalifikati bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja l-fatt li l-leġiżlatur probabbilment tahom l-iskop li jagħmlu qligħ sabiex jintensifika l-kompetizzjoni fil-qasam tal-pensjonijiet legali.
72. Fir-rigward tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, li l-benefiċjarji tagħhom huma l-kontribwenti, l-attività tagħhom tista’ tiġi kkwalifikata bħala servizz ta’ interess ġenerali sa fejn tikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ kapital sabiex ikunu jistgħu jittrasmettu attivi likwidi liz-ZUS, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ sussegwentement tħallas lill-persuni intitolati l-pensjonijiet korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet kapitalizzati. Min-naħa l-oħra, il-parti l-oħra tal-attività tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, li tikkonsisti fl-investiment ta’ attivi, ma hijiex distinta mill-attivitajiet ta’ investituri istituzzjonali oħrajn suġġetti għall-kontroll prudenzjali strett, bħall-kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja.
73. Bħala konklużjoni, anki jekk nitilqu mill-ipoteżi li s-soċjetajiet ġestjonarji meħuda individwalment, jew flimkien mal-fondi li jiġġestixxu, huma impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma wrietx kif ir-restrizzjonijiet ikkonċernati huma neċessarji sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-objettivi segwiti minn dawk il-fondi. Effettivament hija ma wrietx li preferenza nazzjonali fil-qasam tal-investimenti hija neċessarja sabiex jinkiseb l-objettiv tal-fondi, li huwa sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi ta’ amministrazzjoni tal-kapital għas-sistema tal-pensjonijiet legali.
74. Għal dawn ir-raġunijiet, dik il-ġustifikazzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.
c) Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 137(4) KE
75. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li skont l-Artikolu 137(4) KE, hija biss għandha l-kompetenza sabiex tiddefinixxi l-prinċipji tal-funzjonament tas-sistema tas-sigurtà soċjali obbligatorja, li b’hekk ma taqax taħt l-Artikolu 56 KE.
76. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
77. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu, skont ġurisprudenza stabbilita, li huwa fil-kompetenza tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-obbligu ta’ affiljazzjoni ma’ sistema tas-sigurtà soċjali u, għaldaqstant, il-metodu ta’ finanzjament ta’ dik is-sistema, l-Istati Membri għandhom madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt Komunitarju, inkluż il-moviment liberu tal-kapital (24).
78. Barra minn hekk, l-Artikolu 137(4) KE jinkwadra d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont dak l-Artikolu. Dan ma huwiex intiż sabiex jidderoga mil-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat.
79. Għaldaqstant, dik il-ġustifikazzjoni għandha tiġi miċħuda.
d) Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 295 KE
80. Fir-rigward tal-Artikolu 295 KE, li jistabbilixxi li “it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi artikolu ma għandux l-effett li jippermetti lir-reġimi tal-proprjetà eżistenti fl-Istati Membri jaħarbu mir-regoli fundamentali tat-Trattat u ma jistax, għaldaqstant, jiġi invokat sabiex jiġġustifika ostakli għal-libertajiet fundamentali previsti minnu (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat dan il-prinċipju fil-kuntest tar-reġim tal-“golden shares” li ċerti Stati Membri jirriżervaw fl-impriżi privatizzati.
81. Madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlatur fir-rigward tal-iskop tal-investimenti ta’ portafoll tal-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa ma jidhirlix li jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti mir-reġim tal-proprjetà fl-Istat Membru kkonċernat.
82. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.
e) Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali
83. Ir-Repubblika tal-Polonja invokat bħala argument prinċipali n-natura u l-oriġini pubbliċi tal-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa. Ma neskludix li r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-investimenti ta’ dawk il-fondi jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mal-missjonijiet u l-objettivi ta’ dawk il-fondi fis-sistema tas-sigurtà soċjali (26). Huwa evidenti li, għal dawk ir-raġunijiet, l-investimenti f’fond tal-pensjonijiet miftuħ għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti f’termini ta’ likwidità u sigurtà sabiex is-sistema tal-pensjonijiet tkun tista’ tipprovdi lill-pensjonanti l-pagamenti dovuti.
84. Nosserva fl-ewwel lok li kull investitur istituzzjonali raġonevoli jiddefinixxi l-politika ta’ investiment tiegħu f’termini ta’ riskji u ta’ volatilità aċċettabbli, kif ukoll skont id-dħul mixtieq mill-investiment. Element neċessarju tad-definizzjoni ta’ dik il-politika jikkonsisti fit-tqassim tal-investimenti f’kategoriji differenti ta’ oġġetti ta’ investiment, u li jiġu ddiversifikati lejn swieq ġeografiċi differenti.
85. Fil-każ ta’ investituri pubbliċi, bħalma huma l-Istati, il-banek ċentrali, is-suġġetti l-oħrajn tad-dritt pubbliku, kif ukoll l-istabbilimenti jew il-korpi li jagħmlu parti mis-sistema tas-sigurtà soċjali, jidhirli huwa normali li l-qafas ġenerali tal-politika ta’ investiment tista’ tiġi ddefinita b’mod leġiżlattiv, regolamentarju jew amministrattiv, li huwa l-każ għall-istabbilimenti soġġetti għal kontroll prudenzjali (27).
86. Barra minn hekk, fir-rigward tas-suġġetti tad-dritt pubbliku, jidhirli li huwa ġġustifikat ukoll li r-regolamenti dwar il-politiki tagħhom ta’ investiment jistgħu jmorru lil hinn mill-prinċipji prudenzjali applikati mill-investituri privati għall-politiki ta’ investiment tagħhom jekk dan ikun meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-missjonijiet speċifiċi tagħhom, marbuta pereżempju mal-politika finanzjarja, monetarja jew soċjali. Dawn it-tipi ta’ restrizzjonijiet jistgħu jimponu rekwiżiti fir-rigward tal-likwidità jew is-sigurtà tal-investimenti, jew limitazzjonijiet fit-teħid ta’ ċerti riskji.
87. Madankollu, f’din il-kawża, il-limitazzjonijiet imposti mil-leġiżlatur fuq il-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa ma jidhirlix li huma koerenti jew proporzjonati. Bħala eżempju, ninnota li l-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi r-riskji marbuta ma’ ċerti tipi ta’ investimenti fir-rigward ta’ investimenti Pollakki iżda mhux meta dawn ikunu jikkonsistu f’investimenti komparabbli fl-Istati Membri l-oħrajn (28).
88. Mill-perspettiva tal-amministrazzjoni tar-riskji, dawn ir-restrizzjonijiet jimponu fuq il-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa l-obbligu li kważi l-investimenti kollha tagħhom jiġu kkonċentrati fuq is-suq tal-kapital Pollakk. Waqt li huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix obbligu fuq l-investituri pubbliċi tal-Istati Membri li jiddiversifikaw l-investimenti tagħhom, regolamentazzjoni nazzjonali li, b’mod evidenti, iżżid pjuttost milli tnaqqas il-livell tar-riskji tal-investimenti, ma tistax titqies bħala ġustifikazzjoni marbuta mal-kontroll prudenzjali ta’ dawk il-fondi.
89. Għal dawn ir-raġunijiet, nikkonkludi li r-restrizzjonijiet ikkonċernati lanqas ma jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mal-kompiti u l-objettivi speċjali tal-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa.
V – Konklużjoni
90. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ l-Artikoli 143, 136(3) u 136a(2) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-fondi ta’ pensjonijiet (Ustawa o organizacji i funkcjonowaniu funduszy emerytalnych) tat-28 ta’ Awwissu 1997, li jirrestrinġu l-investimenti f’pajjiżi barranin tal-fondi ta’ pensjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE, u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Ustawa o organizacji i funkcjonowaniu funduszy emerytalnych (Dz. U. tal-2004, Nru 159, Titolu 1667).
3 – Peress li l-opinjoni mmotivata li l-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja hija datata 23 ta’ Settembru 2008, ser isir referiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE skont in-numerazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.
4 – Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Polonja, fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-fondi ta’ pensjonijiet miftuħa investew bejn 0 % u 4.5 % tal-attivi tagħhom f’pajjiżi barranin: ħamsa minnhom ma investew xejn f’pajjiżi barranin. Il-kapital globali tal-fondi huwa stmat li jammonta għal PLN 147 000 miljun, li huwa ekwivalenti għal madwar EUR 35 000 miljun [informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-data ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-kummissjoni ta’ kontroll finanzjarju Pollakka (, fid-29 ta’ Mejju 2009)]. Fil-fehma tiegħi, minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li l-investimenti ta’ fondi miftuħa ta’ pensjonijiet għandhom importanza konsegwenti għal-likwidità tas-suq tal-kapital kif ukoll għall-finanzjament tal-impriżi u l-korpi tad-dritt pubbliku fil-Polonja.
5 – Sistema fis-seħħ mal-iskadenza tat-terminu li ġie ffissat mill-opinjoni mmotivata tal-Kummissjoni, datata t-23 ta’ Settembru 2008. Ninnota li f’Jannar 2011 tnediet konsultazzjoni pubblika mill-Gvern Pollakk bil-għan li tiġi mmodifikata s-sistema [ara d-dokument Analizy Nru 2(46) tat-2 ta’ Frar 2011, imħejji mill-uffiċċju ta’ analiżi tal-Parlament Pollakk, disponibbli fuq is-sit ].
6 – Ustawa o systemie ubezpieczeń społecznych (Dz. U. tal-2007, Nru 11, Titolu 74).
7 – Ustawa o indywidualnych kontach emerytalnych (Dz. U. Nru 116, Titotlu 1205).
8 – Rozporządzenie Ministra Finansów w sprawie ogólnego zezwolenia na lokowanie aktywów funduszy emerytalnych poza granicami kraju (Dz. U. Nru 229, Titolu 2286).
9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑442/06, Ġabra p. I‑2413, punt 22).
10 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑287/00, Ġabra p. I‑5811, punt 24).
11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C-283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑112/05, Ġabra p. I‑8995, punt 17).
12 – Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu rrevokat bit-Trattat ta’ Amsterdam], (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).
13 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 – Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, Ġabra I‑4731, punti 45 u 46); tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I ‑4781, punt 40); tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra I‑4581, punti 61 u 62); tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punti 47 u 49); tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑174/04, Ġabra p. I‑4933, punti 30 u 31), kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 20).
15 – Nosserva madankollu li n-natura “pubblika” jew “privata” ta’ dawn il-fondi jista’ jkollha effett fuq il-kwistjoni jekk ir-restrizzjonijiet humiex iġġustifikati oġġettivament jew le, kwistjoni li ser tiġi indirizzata iktar ‘il quddiem.
16 – L-Artikolu 67(1) tat-Trattat KEE, li jipprovdi li “Matul il-perjodu transitorju u sal-limitu neċessarju għall-operat effettiv tas-suq komuni, l-Istati Membri għandhom jabolixxu, progressivament bejniethom, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital li jappartjeni lil persuni residenti fl-Istati Membri, kif ukoll kull trattament diskriminatorju minħabba ċittadinanza jew post ta’ residenza tal-partijiet, jew tal-post fejn il-kapital jinsab investit.”
17 – Ara, f’dan ir-rigward, dak li kien l-Artikolu 68(3) tat-Trattat KEE (imħassar bit-Trattat ta’ Maastricht tal-1 ta’ Jannar 1994), li kien jipprovdi li “Self intiż għall-iffinanzjar dirett jew indirett ta’ Stat Membru jew ta’ awtoritajiet lokali fit-territorju tiegħu, m’għandux jingħata jew jitqiegħed fi Stati Membri oħra ħlief meta l-Istati kkonċernati jkunu qablu dwar dan. Din id-disposizzjoni m’għandhiex tostakola l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment”. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni kienet tkun superfluwa kieku l-operazzjonijiet tal-Istati Membri fis-swieq tal-kapital ma kinux jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE dwar il-moviment liberu tal-kapital.
18 – Ara l-Artikolu 73 B(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56(1) KE), li jipprovdi li “[f]il-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”
19 – Għandu jiġi enfasizzat li, għall-moviment liberu tal-kapital, it-Trattat ma jipprevedix eċċezzjoni fir-rigward ta’ “awtorità pubblika”, kif huwa l-każ għall-moviment liberu tal-persuni skont l‑Artikolu 39(4) KE, għad-dritt ta’ stabbiliment skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE, u għas-servizzi skont l-Artikolu 55 KE.
20 – L-Artikolu 136(3) tal-imsemmija liġi, li jirreferi għall-Artikolu 141(1)(8) tal-istess liġi, jittratta b’dan il-mod biss l-investimenti f’fondi ta’ investimenti miftuħa nazzjonali u fondi ta’ investimenti miftuħa speċjalizzati.
21 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑543/08, Ġabra p. I‑11241, punt 83), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
22 – Barra minn hekk, skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 la għandhom jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja, u lanqas restrizzjoni moħbija tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti kif iddefinit fl-Artikolu 56 KE.
23 – Huwa utli, f’dan ir-rigward, li jitfakkar li l-Avukat Ġenerali Jacobs kiteb dwar l-approċċ funzjonali fil-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I‑2493, punt 25), jiġifieri li, “[r]igward l-istatus tal-fondi tal-mard, il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiddeċiedi jekk entità partikolari hijiex impriża fis-sens tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, issegwi approċċ li jista’ jiġi deskritt bħala funzjonali, inkwantu hija tibbaża fuq it-tip ta’ attività mwettqa, u mhux fuq il-karatteristiċi tal-atturi ta’ dik l-attività, l-objettiv soċjali assoċjat magħha jew l-arranġamenti regolatorji jew finanzjarji li għalihom hija soġġetta dik l-entità fi Stat Membru partikolari […]. Jekk attività tkun ta’ natura ekonomika, il-persuni involuti fiha jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.”
24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau (C‑350/07, Ġabra p. I‑1513, punt 74).
25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, Ġabra p. I‑6817, punt 64), u l-ġurisprudenza ċċitata.
26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 69). Ara wkoll il-punti 59 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak tat-8 ta’ Marzu 2011, ippreżentati fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑10/10), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
27 – Il-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempju, l-Artikolu 18(5)(b) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350) li tistabbilixxi regola prudenzjali ta’ dan it-tip, billi tiffissa għal 30 % il-livell massimu tal-investimenti f’attivi denominati f’valuti oħrajn apparti dawk li fihom huma ddenominati l-impenji tal-istabbiliment finanzjarju.
28 – Mill-perspettiva tal-proporzjonalità, l-obbligu li ta’ mill-inqas 95 % tal-attivi jiġu investiti fis-suq domestiku ma jistax jiġi kkwalifikat bħala mezz adegwat sabiex jiġu protetti l-investimenti kontra r-riskji ta’ varjazzjoni fil-valuri.
Full & Egal Universal Law Academy