KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2011 (1)
Kawża C‑272/09 P
KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG
KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA
KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA
“Appell – Kompetizzjoni – Ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġu ffissati l-multi – Ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Stħarriġ ġudizzjarju effettiv”
1. Tliet impriżi konnessi pparteċipaw, flimkien ma’ impriżi oħra, fi ftehim ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq u fi prattiċi miftiehma fis-suq tal-pajpijiet industrijali tar-ram, bi ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), u ġew immultati mill-Kummissjoni.
2. Meta ffissat il-multi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterji stipulati fil-linji gwida applikabbli tagħha stess, kif ukoll diversi ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.
3. It-tliet impriżi inkwistjoni mbagħad ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (2) għal tnaqqis sinjifikattiv tal-multi imposti fuqhom, fejn allegaw ħames żbalji speċifiċi mwettqa fil-mod kif ġew ikkalkulati l-ammonti.
4. Ir-rikors tagħhom ġie miċħud għal kollox (3), u issa qegħdin jippreżentaw appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat fuq ħames aggravji, li minnhom l-ewwel erba’ jikkorrispondu għall-ewwel erba’ motivi tagħhom invokati fl-ewwel istanza. Il-ħames aggravju tal-appell, madankollu, iqajjem il-kwistjoni iktar wiesgħa tal-portata u tan-natura tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ sanzjoni pekunjarja.
Il-kuntest ġuridiku
Drittijiet tal-bniedem u fundamentali
5. L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-KEDB”) jipprovdi, b’mod partikolari:
“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]”
6. L-Artikolu 6(2) u (3) jistabbilixxi garanziji addizzjonali speċifiċi għal kull min huwa “akkużat b’reat kriminali”, inkluża l-preżunzjoni tal-innoċenza u d-disponibbiltà ta’ diversi riżorsi li jiżguraw id-difiża tagħhom.
7. L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) (4), bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprovdi, b’mod partikolari:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]”
8. In-nota ta’ spjegazzjoni għal dan l-Artikolu tiddikjara, inter alia, li t-tieni paragrafu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) KEDB, suġġett għall-proviso:
“Fid-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal tribunal ma huwiex limitat għal tilwim konness ma’ drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili. Huwa wieħed mill-konsegwenzi tal-fatt li l-Unjoni hija Komunità ibbażata fuq l-istat tad-dritt kif ġie dikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 294/83, Les Verts vs Il-Parlament Ewropew (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Ġabra 1986, p. 1339). Madankollu, fir-rigward tal-aspetti kollha barra dak tal-kamp tal-applikazzjoni tagħhom, il-garanziji mogħtija mill-KEDB japplikaw b’mod simili għall-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9. It-titolu tal-Artikolu 49 tal-Karta huwa “Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni”. Fir-rigward tal-pieni, l-Artikolu 49(3) jiddikjara: “Is-severità tal-piena m’għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat”. Skont in-nota ta’ spjegazzjoni, dan il-paragrafu “jasserixxi l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità bejn pieni u reati kriminali, li huwa protett mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
10. L-Artikolu 51 tal-Karta jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L‑Artikolu 51(1) jipprovdi:
“ Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom.” (5)
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat
11. L-Artikolu 81(1) KE (li sar, wara emenda żgħira, l-Artikolu 101(1) TFUE), jipprovdi:
“Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:
(a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju;;
[…]
(ċ) it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista;
[…]”
12. L-Artikolu 229 KE (li sar, wara emenda żgħira, l-Artikolu 261 TFUE), jipprovdi:
“Ir-Regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u mill-Kunsill, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, jistgħu jagħtu kompetenza assoluta lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea rigward is-sanzjonijiet li jkunu previsti f’dawn ir-regolamenti.”
13. B’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 230 KE (issa, wara l-emenda, l-Artikolu 263 TFUE) jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni biex tistħarreġ il-legalità ta’ atti tal-istituzzjonijiet, inkluża l-Kummissjoni, “dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom”.
14. Skont l-Artikolu 225(1) KE (li sar, wara l-emenda, l-Artikolu 256(1) TFUE), il-Qorti Ġenerali għandha, fil-prinċipju, ġurisdizzjoni biex tisma’ u tiddetermina proċeduri fl-ewwel istanza, suġġett għal dritt ta’ appell lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta’ liġi biss.
Infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni
15. L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (6), li kien applikabbli fiż-żmien rilevanti, kien jipprovdi, b’mod partikolari:
“2. Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju [d-dħul mill-bejgħ] preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:
(a) dawn jiksru l-Artikolu [81](1) KE / 101(1) TFUE]; jew
[…]
Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.
[…]
4. Deċiżjonijiet meħuda skont il-paragrafu 2 m’għandhomx ikunu ta’ natura ta’ liġi kriminali.” (7)
16. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 kien jipprovdi:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu [229 KE / 261 TFUE] li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta’ penalità perjodiku; din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità perjodika imposta.” (8)
17. Kienu applikabbli wkoll fiż-żmien rilevanti l- Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi (“il-Linji Gwida”) (9). Il-preambolu għal dawk il-linji gwida kien jiddikjara, inter alia:
““Il-prinċipji indikati [mil-linji gwida] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa għandu jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew imnaqqsa biex jieħdu f’kunsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità [attenwanti] [(10)]”.
18. Il-punt 1 tal-Linji Gwida kien jispeċifika li l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.
19. F’dak li jikkonċerna l-gravità, taħt il-punt 1 A, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, “l-impatt reali fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel”, u l-estensjoni tas-suq ġeografiku rilevanti. Kellu jkun hemm tliet kategoriji: ksur minuri, ksur serju u ksur serju ħafna, b’dan tal-aħħar jinkludi restrizzjonijiet orizzontali bħal kartelli tal-prezzijiet u kwoti ta’ tqassim tas-suq, li jattiraw “multi probabbli” ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Huwa possibbli wkoll li “jiġi applikat trattament differenti lill-intrapriżi skond in-natura tal-ksur li jkun sar” u jkun neċessarju li “tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv.”
20. Fir-rigward tat-tul, taħt il-punt 1 B, kellha ssir distinzjoni bejn: ksur għal tul qasir (b’mod ġenerali, inqas minn sena), f’liema każ ma jkun hemm ebda żieda fl-ammont tal-multa stabbilita għall-gravità; għal tul medju (b’mod ġenerali, bejn sena u ħames snin), li jinvolvi żieda sa 50 % f’dan l-ammont; u għal żmien twil (b’mod ġenerali, iktar minn ħames snin), li tinvolvi żieda “sa 10 % kull sena” (11). L-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur, flimkien mal-ammont stabbilit għat-tul tiegħu, jifformaw l-ammont bażiku tal-multa imposta.
21. Skont il-punt 2 l-ammont bażiku jista’ jiżdied f’ċirkustanzi aggravanti, bħal ma hija, pereżempju, ir-reċidiva tal-istess impriża jew tal-istess impriżi għal ksur tal-istess tip.
22. Skont il-punt 3 l-ammont bażiku kellu jitnaqqas fejn kien hemm ċirkustanzi attenwanti partikolari inklużi, inter alia: in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiki illegali (it-tieni inċiż); it-twaqqif tal-ksur malli jsir intervent mill-Kummissjoni (b’mod partikolari meta twettaq kontrolli) (it-tielet inċiż); u l-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċeduri, barra mill-ambitu tal-“Avviż dwar klemenza” tal-Kummissjoni tal-1996 (is-sitt inċiż) (12).
23. Il-Komunikazzjoni dwar klemenza kienet tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni tagħha tal-akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multi, jew jistgħu jingħataw tnaqqis fil-multa li kieku kienet tkun imposta fuqhom.
24. Il-punt 4 tat-Titolu A tal-Komunikazzjoni dwar klemenza kien jipprovdi “Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa fl-interess tal-Komunità li jingħata trattament favorevoli lil impriżi li jikkooperaw magħha fiċ-ċirkustanzi stabbiliti hawn isfel. L-interessi tal-konsumaturi u ċ-ċittadini li jiġi żgurat li tali prattiki jiġu skoperti u pprojbiti huma ikbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni, li b’hekk jippermettulha jew jgħinuha sabiex tiskopri u tipprojbixxi ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-Titoli B, C u D jidentifikaw fid-dettall it-tip ta’ aġir li jippermetti lil impriża li tkun ipparteċipat f’attivitajiet antikompetittivi sabiex madankollu jiġu ttrattati bi klemenza. Dawn huma fformulati kif ġej:
“B. NUQQAS TA’ IMPOŻIZZJONI TA’ MULTA JEW TNAQQIS FERM SOSTANZJALI FL-AMMONT TAGĦHA
Impriża li:
a) tinforma lill-Kummissjoni dwar akkordju sigriet qabel ma din tkun bdiet investigazzjoni, ordnata b’deċiżjoni, tal-impriżi involuti, sakemm ma jkollhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju li dwaru qed issir allegazzjoni;
(b) tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti dwar l-eżistenza tal-akkordju;
(ċ) tkun waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali sa mhux iktar tard mill-mument li fih hija tiddenunzja l-akkordju;
(d) tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti, kif ukoll id-dokumenti u l-provi kollha li hija għandha fir-rigward tal-akkordju u żżomm kooperazzjoni sħiħa, kontinwa u matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni;
(e) ma tkunx ġegħlet impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u lanqas ma kellha rwol ta’ inizjatur jew rwol determinanti fl-attività illegali;
tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75 % mill-ammont ta’ multa li tkun ingħatatilha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, liema tnaqqis jista’ jinżel għan-nuqqas ta’ impożizzjoni totali tal-multa.
C. TNAQQIS SOSTANZJALI FIL-MULTA
Impriża li, tissodisfa l-kundizzjonijiet esposti fit-Titolu B, inċiż b) sa e), tiddenunzja l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni tkun pproċediet għal verifika fuq deċiżjoni għand l-impriżi li huma partijiet fl-akkordju, mingħajr ma din il-verifika setgħet tkun bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura bil-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 50 u 75 % tal-ammont tal-multa.
D. TNAQQIS SINJIFIKATTIV TAL-AMMONT TAL-MULTA
1. Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fit-Titoli B u C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx..
2. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:
– qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur imwettaq;
– wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Impożizzjoni u kalkolu tal-multi f’din il-kawża
25. Fis-16 ta’ Diċembru 2003, wara diversi investigazzjonijiet, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (13) fejn ikkonstatat li sitt impriżi – Wieland Werke AG (iktar ’il quddiem “Wieland”), Outokumpu Oyj, Outokumpu Copper Products OY (iktar ’il quddiem kollettivament, “Outokumpu”), KM Europa Metal AG (iktar ’il quddiem “KME Germany”), Europa Metalli SpA (iktar ’il quddiem “KME Italy”) u Tréfimétaux SA (iktar ’il quddiem “KME France”) – kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE u – mill-1 ta’ Jannar 1994 – l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-ŻEE billi pparteċipaw, bejn it-3 ta’ Mejju 1988 u t-22 ta’ Marzu 2001, f’għadd ta’ akkordji u prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq fis-settur tal-pajpijiet industrijali. KME Germany, KME France u KME Italy (li sa mill-1995 iffurmaw parti mill-Grupp KME; iktar ’il quddiem, kollettivament, “KME”) kienu r-rikorrenti fl-ewwel istanza u huma l-appellanti f’din il-kawża.
26. Ġew imposti fuq KME multi li jammontaw għal total ta’ EUR 39.81 miljun (14). Il-proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni kkalkulat l-ammonti inkwistjoni huwa sinteżizzat skont kif ġej fil-punti 11 sa 22 tas-sentenza appellata:
“11 Fl-ewwel lok, rigward l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur, li sostanzjalment kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim tas-swieq, kien minnu nnifsu, ksur serju ħafna (premessa 294 tad-Deċiżjoni kkontestata).
12 Sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kartell kien affettwa t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (premessa 316 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni barra minn hekk eżaminat l-effetti reali tal-ksur u kkonstatat li l-akkordju kien “globalment, ipproduċa effetti fuq is-suq” (premessa 314 tad-Deċiżjoni kkontestata).
13 Għall-finijiet ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-Kummissjoni bbażata ruħha b’mod partikolari fuq il-provi segwenti. L-ewwel nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni tal-akkordju billi rreferiet għall-fatt li l-parteċipanti kienu kkomunikaw bejniethom il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli ta’ prezzijiet (premessa 300 tad-Deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, xi dokumenti fil-fajl urew li l-prezzijiet kienu tnaqqsu fil-perijodu meta l-ftehim kollużiv ma ġiex osservat ħafna u żdiedu sewwa matul perijodi oħra (premessa 310 tad-Deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Kummissjoni rreferiet għas-sehem tas-suq kollettiv ta’ 75 sa 85 % li kellhom il-membri tal-akkordju (premessa 310 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raba nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ishma mis-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju kienu baqgħu relattivament stabbli matul id-dewmien kollu tal-ksur, anki jekk xi drabi l-klijenti tal-parteċipanti nbiddlu (premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata).
14 Fl-aħħar nett, dejjem fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suq tat-tubi industrijali tar-ram kien jikkostitwixxi settur importanti, li l-valur tiegħu ġie stmat għal EUR 288 miljun f’dak li jikkonċerna ż-ŻEE (premessa 318 tad-Deċiżjoni kkontestata).
15 Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur inkwistjoni kellu jkun ikkunsidrat bħala serju ħafna (premessa 320 tad-Deċiżjoni kkontestata) .
16 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni adottat trattament differenzjat tal-impriżi kkonċernati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull waħda minnhom li tikkawża dannu sostanzjali lill-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat l-eżistenza ta’ differenza bejn l-ishma mis-suq miżmuma fis-suq tat-tubi industrijali fiż-ŻEE, minn naħa, mill-grupp KME, leader fis-suq taż-ŻEE b’sehem mis-suq ta’ [kunfidenzjali] %, u, min-naħa l-oħra, minn Outokumpu u Wieland li għandhom rispettivament ishma mis-suq ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] %. Fid-dawl ta’ din id-differenza, l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Outokumpu u fuq Wieland kien ġie stabbilit għal 33 % ta’ dak impost fuq il-grupp KME, jiġifieri EUR 11.55 miljun għal Outokumpu u għal Wieland u EUR 35 miljun għall-grupp KME (premessi 327 u 328 tad-Deċiżjoni kkontestata).
17 Peress li l-ħolqien tal-grupp KME kien seħħ fl-1995, il-Kummissjoni qassmet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp, jiġifieri EUR 35 miljun, f’żewġ partijiet. L-ewwel parti għall-perijodu bejn l-1988 u l-1995 (billi tiddistingwi lil KME Germany minn KME France u KME Italy) u t-tieni għall-perijodu bejn l-1995 u l-2001 (billi kkunsidrat it-tliet entitajiet bħala li jifformaw grupp). Għaldaqstant, l-imsemmi ammont inizjali kien inqasam kif ġej: EUR 8.75 miljuni għal KME Germany (1988 sa 1995); EUR 8.75 miljuni insolidum għal KME Italy u KME France (1988 sa 1995) u EUR 17.50 miljun għall-grupp KME, jiġifieri insolidum għal KME Germany, KME France u KME Italy (1995 sa 2001) (premessa 329 tad-Deċiżjoni kkontestata).
18 Fit-tielet lok, sabiex jittieħed kont tan-neċessità li l-multa tkun stabbilita f’livell li jiżgura effett dissważiv, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Outokumpu b’50 %, u ġabitu għalhekk għal EUR 17.33 miljun, billi ikkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Outokumpu, ogħla minn EUR 5 biljuni, kien jindika li hija kellha daqs u saħħa ekonomika li kien jawtorizza l-imsemmija żieda (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).
19 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kklassifikat id-dewmien tal-ksur, li dam mit-3 ta’ Mejju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001, bħala “twil”. Il-Kummissjoni għalhekk iġġudikat xieraq li żżid b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-kartell l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żiedet b’55 % l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp KME għall-perijodu bejn l-1995 u l-2001, u b’70 % l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq KME Germany, minn naħa, kif ukoll fuq KME Italy u fuq KME France, min-naħa l-oħra, għall-perijodu bejn l-1988 u l-1995. Għaldaqstant, l-ammont bażiku tal-multi kien ġie stabbilit għal EUR 56.88 miljun għall-grupp KME kollu (premessi 338, 342 u 347 tad-Deċiżjoni kkontestata) [(15)].
20 Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Outokumpu kien ġie miżjud b’50 % minħabba li din kienet instabet ħatja ta’ ksur ripetut, peress li hija kienet destinatarja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftehma tal-produtturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28) (premessa 354 tad-Deċiżjoni kkontestata).
21 Fis-sitt lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni rrilevat li, mingħajr il-kooperazzjoni ta’ Outokumpu, hija setgħet tistabilixxi l-eżistenza tal-komportament li jikkostitwixxi ksur biss għal perijodu ta’ erba’ snin u għalhekk naqqset l-ammont bażiku tal-multa tagħha bi EUR 22.22 miljun, b’mod li l-imsemmi ammont jikkorrispondi għall-multa li kieku kienet tkun imposta fuqha għal dan il-perijodu (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).
22 Fis-seba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, bis-saħħa tat-Titolu D tan-Notifika tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, naqqset l-ammont tal-multi b’50 % għal Outokumpu, b’20 % għal Wieland, u bi 30 % għall-grupp KME (premessi 402, 408 u 423 tad-Deċiżjoni kkontestata).”
Sommarju tas-sentenza appellata
27. It-titolu tar-rikors ta’ KME fl-ewwel istanza kien: “Rikors skont l-Artikoli 225 u 230 KE”. Fih, KME talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex:
– tnaqqas sostanzjalment il-multa ta’ KME;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-drittijiet u l-ispejjeż legali ta’ KME kif ukoll l-ispejjeż kollha li hija għamlet biex tipprovdi garanzija bankarja minflok ma tħallas il-multa sakemm kienet għadha pendenti s-sentenza mill-Qorti Ġenerali; u
– tieħu l-miżuri l-oħra kollha li l-Qorti Ġenerali jidhrilha li jkunu xierqa.
28. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, KME invokat ħames motivi, li lkoll kienu jirrigwardaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa: (a) fuq teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt konkret tal-kartell għall-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa, (b) evalwazzjoni inadegwata tad-daqs tas-suq rilevanti, (ċ) żieda żbaljata tal-multa minħabba t-tul tal-ksur, (d) tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti u (e) applikazzjoni żbaljata tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames motivi u, konsegwentement, ir-rikors fit-totalità tiegħu.
29. Fir-rigward tal-ewwel motiv (teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt konkret tal-kartell), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet intitolata li tagħmel distinzjoni bejn il-parteċipanti skont is-sehem mis-suq ta’ kull wieħed minnhom; li l-akkordji, b’mod partikolari fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq, kienu min-natura tagħhom stess tant serji li kien jistħoqqilhom l-iktar multi severi, irrispettivament mill-impatt fuq is-suq; u li fi kwalunkwe każ u “għal kompletezza”, il-Kummissjoni kienet ipprovat suffiċjentement skont il-liġi l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat.
30. Fit-tieni motiv, KME argumentat li l-Kummissjoni kienet evalwat b’mod żbaljat id-daqs tas-suq tal-produzzjoni tal-pajpijiet tar-ram mid-dħul mill-bejgħ, inkluż il-prezz tal-materja prima (jiġifieri r-ram), meta l-prezz kien iddeterminat, u xi kultant imħallas direttament, mix-xerrej; evalwazzjoni korretta kienet tkun ibbażata fuq il-valur miżjud mill-produtturi. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kien hemm ebda raġuni valida li teżiġi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jiġi kkalkulat bl-esklużjoni ta’ ċerti spejjeż tal-produzzjoni u li, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, id-dħul mill-begħ kien meqjus mil-leġiżlatur kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kriterju adegwat għall-evalwazzjoni tad-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriżi.
31. Fir-rigward tat-tielet motiv (żieda żbaljata tal-multa – ta’ 10 % għal kull sena – minħabba d-dewmien tal-ksur), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, mingħajr ma ħolqot konfużjoni bejn il-gravità u d-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni kienet eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali permissibbli tagħha fil-limiti tar-regoli li kienet imponiet fuqha nfisha fil-Linji Gwida u li ż-żieda ta’ 125 % għal dewmien ta’ 12-il sena u 10 xhur ma kinitx sproporzjonata.
32. Fir-raba’ motiv tagħha, KME ssottomettiet li, kuntrarjament għal-Linji Gwida tagħha stess, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti allegati: (i) il-fatt li, filwaqt li ma astjenitx sistematikament milli timplimenta l-ftehim, KME għamlet dan b’mod limitat; (ii) il-fatt li KME temmet il-ksur, immedjatament u volontarjament, wara l-kontrolli li saru mill-Kummissjoni; (iii) is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli fis-settur tal-pajpijiet industrijali; u (iv) il-fatt li KME kienet ipprovdiet provi deċiżivi jew żiedet mal-provi li kellha l-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, rispettivament, li: (i) KME ma kienet adottat ebda aġir kompetittiv attwali u li l-implementazzjoni limitata ma kinitx fattur mitiganti suffiċjenti; (ii) tnaqqis tal-multa minħabba t-twaqqif ta’ ksur – b’mod partikolari ksur volontarju – malli tintervjeni l-Kummissjoni hija kwistjoni fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni skont l-evalwazzjoni min-naħa tagħha taċ-ċirkustanzi; (iii) il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tittratta l-qagħda finanzjarja ħażina ta’ settur bħala ċirkustanza attenwanti; u (iv) il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti, u ma eżerċitatx dik id-diskrezzjoni b’mod skorrett meta kkunsidrat li kienet Outokumpu, u mhux KME, li kienet ipprovdiet l-informazzjoni importanti.
33. Fil-ħames motiv (tnaqqis insuffiċjenti tal-multa skont in-Notifika dwar kooperazzjoni), KME allegat li: (i) partijiet terzi f’każijiet preċedenti kienu ngħataw trattament iktar favorevoli; (ii) l-informazzjoni pprovduta minn KME kellha twassal għal tnaqqis ta’ iktar minn 30 %; u (iii) il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tat tnaqqis ta’ 50 % lil Outokumpu. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, rispettivament, li: (i) il-fatt li l-Kummissjoni kienet tat fil-passat ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir speċifiku ma kienx jeħtieġ li hija tagħti l-istess rata għal aġir simili fi proċedura sussegwenti; (ii) seta’ jiġi impunjat biss żball ovvju ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra, u f’dan il-każ ma kienx hemm żball ovvju ta’ dan it-tip; u (iii) li ma kien hemm ebda trattament diskriminatorju peress li KME u Outokumpu ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet kumparabbli.
Aggravji
34. KME tressaq ħames aggravji, li jistgħu jiġu sintetizzati skont kif ġej.
35. Fl-ewwel lok, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ipprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq rilevanti, fattur li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa ta’ KME, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“UE”) u tat spjegazzjoni illoġika u inadegwata tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-ewwel motiv. Barra minn hekk, inkwantu aċċettat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-evidenza ekonometrika ta’ KME ma kinitx turi li l-ksur fit-totalità tiegħu ma kellu ebda impatt fuq is-suq, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti u l-provi mressqa quddiemha.
36. Fit-tieni lok, billi approvat id-determinazzjoni mill-Kummissjoni tad-daqs tas-suq affettwat mill-akkordju (pajpijiet industrijali) billi inkludiet id-dħul mill-bejgħ f’suq upstream separat (ram), minkejja l-fatt li l-membri tal-akkordju ma kinux integrati vertikalment f’dak is-suq upstream, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-UE u tat spjegazzjoni inadegwata tar-raġunijiet għalfejn hija ċaħdet it-tieni motiv ta’ KME.
37. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali marret kontra d-dritt tal-UE u tat spjegazzjoni konfuża, illoġika u inadegwata tar-raġunijiet għalfejn aċċettat il-parti rilevanti tad-deċiżjoni inkwistjoni u ċaħdet it-tielet motiv ta’ KME, jiġifieri li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat il-Linji gwida u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ugwaljanza fit-trattament meta imponiet iż-żieda perċentwali massima għall-ammont bażiku tal-multa ta’ KME abbażi tat-tul.
38. Fir-raba’ lok, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-UE billi ċaħdet ir-raba’ parti tar-raba’ motiv tar-rikors u billi kkonfermat il-parti relevanti tad-deċiżjoni inkwistjoni, li fiha l-Kummissjoni rrifjutat lil KME l-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha barra mill-ambitu tal-Komunikazzjoni dwar klemenza, u dan bi ksur tal-Linji gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
39. Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-UE u d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ u effettiv billi naqset milli teżamina l-argumenti ta’ KME b’mod rigoruż u mill-qrib u billi wriet sottomissjoni mhux imparzjali għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.
40. Minn dawn l-aggravji, jidhirli li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok il-ħames u l-aħħar aggravji, peress li l-pożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu dwar il-kwistjoni ġenerali tal-ambitu, il-grad u n-natura tal-istħarriġ li jrid isir mill-Qorti Ġenerali f’każijiet ta’ dan it-tip ser ikollha effett fuq l-approċċ li għandu jiġi adottat fir-rigward tal-ewwel erba’ aggravji, li kull wieħed minnhom jikkritika applikazzjoni speċifika differenti ta’ dak l-istħarriġ.
Il-ħames aggravju: stħarriġ ġudizzjarju effettiv
Siltiet rilevanti mis-sentenza appellata
41. KME tiċċita dawn is-siltiet mis-sentenza appellata insostenn tal-argument tagħha li l-Qorti Ġenerali “ssottomettiet sa grad eċċessiv u mhux raġonevoli għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni”:
“92 [...] il-gravità tal-ksur hija stabbilita b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni […]”
“103 […] hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.”
“115 [...] l-adozzjoni tal-linji gwida ma rrenditx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-Linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali s-sinjifikat ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.”
“129 […] il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti […]”
42. Dawn is-siltiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-“osservazzjoni preliminari” li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza appellata, għalkemm KME ma taċċennax speċifikament għal dawn is-siltiet:
“32 […] għandu jitfakkar, minn naħa, li mill-premessi 290 sa 387 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-ksur ġew imposti bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li minkejja li l-Kummissjoni ma tagħmilx riferiment espliċitament, fid-Deċiżjoni kkontestata, għal-[linji gwida], huwa paċifiku li hija ddeterminat l-ammont tal-multi skont il-metodoloġija ddefinita fihom.
33 Il-linji gwida, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fil-linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jkun irrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-Linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).
35 L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-Linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 267).
36 Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T-241/01, Ġabra p. II-2917, punti 64 u 79).
37 Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tagħha ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal- ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 60 sa 62; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 181).”
Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
L-appell ta’ KME
43. KME tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina bir-reqqa u mill-qrib l-argumenti tagħha fl-ewwel istanza, u dwar is-“sottomissjoni eċċessiva” ta’ dik il-Qorti għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, inkwantu kkonfermat multa sproporzjonata. Dak in-nuqqas, skont KME, imur kontra d-dritt fundamentali għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ, effettiv u ġust tad-deċiżjoni inkwistjoni minn tribunal imparzjali u indipendenti.
44. Id-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni huwa msawwar mill-interazzjoni bejn il-Kummissjoni, bħala investigatur, prosekutur u awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet, u l-ġudikatura, li tipprovdi grad ta’ kontroll estern. Madankollu, il-ġurisprudenza qatt ma ċċarat it-tifsira, l-ambitu jew il-loġika preċiżi tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-bilanċ istituzzjonali bejn it-tnejn.
45. L-istat ta’ din l-interazzjoni ġie influwenzat mill-evoluzzjoni tar-rwol tal-Kummissjoni fl-infurzar tal-politika dwar il-kompetizzjoni sa minn meta ġie adottat ir-Regolament Nru 17. Fl-1962 il-KEE kienet tikkonsisti f’sitt Stati Membri u kien hemm ftit li xejn esperjenza jew aċċettazzjoni tad-dritt Ewropew dwar il-kompetizzjoni. Il-komunikazzjonijiet kienu sors ta’ informazzjoni utli li kien jippermetti lill-Kummissjoni teżerċita kontroll a priori u ssawwar il-politika tagħha tal-infurzar; l-irwol tagħha prinċipali kien li teduka u li tipprovdi ċertezza legali billi tadotta deċiżjonijiet formali ta’ eżenzjoni, ittri ta’ serħan tal-moħħ jew deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni diġà kienet tikkombina setgħat investigattivi, ta’ prosekuzzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kienu relattivament rari, u l-multi kienu tipikament baxxi. F’dan il-kuntest, kien raġonevoli, loġiku u ġust għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif għamlet fis-sentenza Consten u Grundig (16) li, peress li l-eżerċitar tas-setgħat tal-Kummissjoni neċessarjament kien jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ kwistjonijiet ekonomiċi, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawk l-evalwazzjonijiet kellu jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tagħhom billi jkun ristrett għal eżami tar-rilevanza tal-fatti u tal-konsegwenzi legali li l-Kummissjoni tkun iddeduċiet minnhom. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni stess kienet toqgħod lura minn jeddha, kienet inqas kruċjali l-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ konfini ċari għall-eżerċitar tas-setgħat tagħha li timponi multi.
46. Madankollu, huwa arbitrarju, perikoluż u inġust li tiġi applikata l-istess “sottomissjoni ġudizzjarja” għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-reġim preżenti ta’ infurzar tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn multi dejjem ikbar li għandhom impatt ekonomiku u finanzjarju inevitabbli fuq il-kumpanniji, l-azzjonisti u l-impjegati, u li twassal għal “kriminalizzazzjoni” de facto tad-dritt tal-kompetizzjoni. Ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni huma dispożizzjonijiet applikabbli direttament li ma jħallu ebda spazju għal diskrezzjoni bbażata fuq politika fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, sabiex b’hekk hemm lok biss għal grad ferm limitat ta’ sottomissjoni mill-Qrati meta jistħarrġu l-applikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni f’każ speċifiku.
47. Taħt ir-reġim preżenti introdott mir-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 101 TFUE fit-totalità tiegħu issa huwa applikat mhux biss mill-Kummissjoni, iżda wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali. Qatt ma ġie ssuġġerit li qorti nazzjonali li tapplika l-Artikolu 101 TFUE f’każijiet individwali tgawdi minn marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li għaliha għandha tissottometti l-qorti ta’ grad ogħla fl-appell.
48. L-għarfien espert tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet fattwali u/jew ekonomiċi kumplessi ma jistax jiġġustifika li hija tingħata marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, stħarriġ ta’ livell għoli f’każijiet kumplessi jagħmel parti mill-obbligi tal-Qorti Ġenerali, li ġie stabbilit b’reazzjoni għall-kritika li l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li kien qiegħed jiġi eżerċitat dak iż-żmien ma kinitx għadha tilħaq l-istandards meħtieġa minn reġim legali li kien beda jinterferixxi b’mod sinjifikattiv fid-drittijiet individwali bl-infurzar strett tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja spiss għamlu stħarriġ ġudizzjarju partikolarment intensiv ta’ każijiet kumplessi. L-intensità tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ma tonqosx bil-kumplessità tal-fatti inkwistjoni, iżda tiddependi fuq l-evalwazzjoni tagħha ta’ x’tip ta’ eżami huwa meħtieġ u xieraq fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.
49. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward tal-penali imposti f’każijiet ta’ kompetizzjoni. Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, hija ma għandha tirrikonoxxi ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura adegwata u proporzjonata ta’ multa jew il-metodu użat għall-kalkolu tagħha – a fortiori minħabba n-natura de facto kriminali ta’ tali multi u r-rekwiżit tal-KEDB ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li timponi sanzjoni kriminali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-mod kif il-Kummissjoni evalwat il-gravità u t-tul ta’ aġir illeċitu f’kull każ u tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess billi tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa. L-eżerċizzju sħiħ ta’ dik il-ġurisdizzjoni illimitata jinvolvi kontroll mhux biss tal-legalità formali tal-multa iżda wkoll ta’ jekk hijiex adattata, permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti tas-serjetà tal-aġir li għandu jiġi ssanzjonat u tal-ekwità ġenerali tas-sanzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali kollha ta’ kull każ.
50. L-ambitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni (jekk ikun jeżisti) f’każijiet bħal dan preżenti għandu jiġi ddefinit b’mod strett u l-grad ta’ sottomissjoni ġudizzjarja (jekk għandu jkun hemm) għal dik l-evalwazzjoni diskrezzjonali għandu jiġi llimitat b’mod korrispondenti. In-natura teknika ta’ każ ma għandhiex twassal sabiex il-Qorti tabbanduna d-dmir tagħha li tiżgura l-ħarsien tal-liġi.
51. Kwistjoni oħra hija jekk l-istħarriġ ipprovdut fis-sistema ġudizzjarja tal-UE huwiex wiesa’ u intensiv biżżejjed sabiex jiżgura l-grad ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 6(1) KEDB. Id-dibattitu dwar dik il-kwistjoni sar ħafna iktar akut mhux biss fid-dawl tat-taħlita ta’ setgħat investigattivi, ta’ prosekuzzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għandha l-Kummissjoni, iżda wkoll fid-dawl tal-“kriminalizzazzjoni” kontinwa tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ilha li aċċettat li l-infurzar tad-dritt amministrattiv, inkluża l-impożizzjoni ta’ multi, ma huwiex inkumpatibbli mal-Artikolu 6(1) KEDB. Madankollu, għalkemm tali infurzar ma għandux għalfejn ikun totalment “ġudizzjalizzat” sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu, irid ikun hemm garanziji proċedurali li jkunu b’saħħithom biżżejjed, u kontroll ġudizzjarju effettiv b’ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tiġi mistħarrġa d-deċiżjoni amministrattiva. Ir-rekwiżiti li sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju trid tissodisfa sabiex tkun konformi mal-Artikolu 6(1) KEDB għadhom ma ġewx iċċarati għal kollox, iżda ma huwiex ċert jekk is-sistema eżistenti tal-infurzar tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni, inkluż l-istħarriġ ġudizzjarju, tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.
52. Id-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal huwa kristalizzat ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-ġurisprudenza tikkonferma li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi f’każijiet ta’ kompetizzjoni għandhom dritt għal proċess ekwu, u li jinkiser id-dritt tagħhom għal qorti imparzjali jekk ma jkun hemm ebda appell lil qorti b’ġurisdizzjoni sħiħa fit-tifsira tal-KEDB.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
53. Il-Kummissjoni tissottometti, qabel xejn, li l-aggravju huwa wisq ġenerali u impreċiż sabiex jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja (u b’hekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura), u għaldaqstant huwa inammissibbli; sussegwentement, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq il-konstatazzjonijiet pożittivi tagħha stess, u li l-aggravju b’hekk huwa infondat.
54. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ preċiżjoni, KME tissottometti firxa ta’ argumenti favur stħarriġ intensiv tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali, iżda tirrikonoxxi li sistema tal-infurzar tad-dritt amministrattiv flimkien ma’ kontroll ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa hija kumpatibbli mal-Artikolu 6(1) KEDB. Hija tammetti wkoll li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-prinċipju huma kapaċi jwettqu stħarriġ adegwat u fil-prattika għamlu dan. B’hekk hija ma tikkontestax l-istruttura fundamentali għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.
55. Għaldaqstant, KME kien imissha (a) speċifikat liema huma l-elementi tas-sentenza fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza kif suppost fl-osservazzjonijiet tagħha, (b) speċifikat l-istandard li permezz tiegħu għandha tiġi evalwata l-kwalità tal-istħarriġ ta’ dik il-Qorti, u (ċ) uriet kif, fid-dawl ta’ dan l-istandard, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza kif suppost l-osservazzjonijiet ta’ KME. Minflok, hija kkwotat erba’ siltiet mis-sentenza li jirreferu għas-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma spjegat kif dawn juru n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tistħarreġ b’mod adegwat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ KME.
56. Tabilħaqq, l-istandard li permezz tiegħu għandu jiġi evalwat l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 6(1) KEDB ma huwiex ċar, anki jekk tiġi aċċettata l-asserzjoni ta’ KME li l-multi tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni huma ta’ natura “kriminali” għal dawn il-finijiet. KME tevita kwalunkwe diskussjoni dwar dak x’jista’ jimplika għall-istandard propizju ta’ stħarriġ.
57. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlitha ċara li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB ivarjaw anki fi ħdan il-kategorija ġenerali ta’ “akkużi kriminali”. Peress li d-dritt tal-UE jikkaratterizza espressament is-sanzjonijiet pekunjarji tad-dritt tal-kompetizzjoni bħala mhux ta’ natura kriminali, dawn jaqgħu ’il barra mill-qalba tad-dritt kriminali identifikat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-garanziji applikabbli għal proċeduri kriminali mhux neċessarjament japplikaw bl-istrettezza sħiħa tagħhom.
58. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali b’mod ċar għandha “ġurisdizzjoni sħiħa” għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) KEDB (li ma għandhiex tiġi konfuża mal-kunċett tal-UE ta’ ġurisdizzjoni illimitata għall-istħarriġ ta’ sanzjonijiet finanzjarji). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat bħala inadegwat rimedju ġudizzjarju kontra atti amministrattivi li jkun limitat għal stħarriġ ta’ żbalji ta’ liġi u li b’hekk ma jippermettix lill-qorti li tikkoreġi żbalji ta’ fatt. Madankollu, għalkemm jista’ jkun li l-qorti tkun teħtieġ tistarreġ il-proporzjonalità, stħarriġ limitat ta’ ċerti aspetti ma huwiex fih innifsu inkumpatibbli mal-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” taħt l-Artikolu 6(1) KEDB.
59. Fir-rigward tat-tieni argument tagħha, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq il-konstatazzjonijiet affermattivi tagħha stess, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja r-referenzi li saru għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ rigoruż u effettiv tal-kalkolu tal-multa u waslet għall-konklużjonijiet affermattivi tagħha stess li t-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi ta’ KME kienu infondati (17). Fuq dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat u ċaħdet l-argumenti ta’ KME fuq il-mertu tagħhom, fejn qablet b’mod affermattiv mal-Kummissjoni, u ma “ssottomettitx għas-setgħa diskrezzjonali tagħha”. Irrispettivament mill-istandard ta’ stħarriġ implikat mill-Artikolu 6(1) KEDB, il-Qorti Ġenerali laħqet dak l-istandard.
Evalwazzjoni
60. L-argument ta’ KME essenzjalment huwa li, billi aċċettat li diversi evalwazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fl-iffissar tal-multi kienu jaqgħu fis-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ma ppruvatx, għaldaqstant, li tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess f’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali naqset milli tissuġġetta d-deċiżjoni inkwistjoni għall-iskrutinju meħtieġ mill-KEDB u l-Karta.
61. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi stabbilit xi stħarriġ huwa meħtieġ minn dawk l-istrumenti, bl-iktar gwida rilevanti tinstab fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
62. KME tissottometti li l-proċeduri tal-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni bħal dik inkwistjoni, li jinvolvu konstatazzjoni li impriża kienet involuta f’aġir ipprojbit u l-impożizzjoni ta’ multa għal dak l-aġir, huma b’mod ċar ta’ natura kriminali għall-finijiet tal-KEDB. Il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjonijiet tat-tip inkwistjoni huma ddikjarati espressament li ma humiex “ta’ natura tad-dritt kriminali” iżda taċċetta li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan ma huwiex kriterju konklużiv; kieku kellhom jitqiesu li huma ta’ natura tad-dritt kriminali għall-finijiet ta’ din il-ġurisprudenza, fi kwalunkwe każ jaqgħu ’l barra mill-“qalba” tad-dritt kriminali identifikata minn dik il-Qorti. Il-kwistjoni hija importanti peress li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżiġiet garanziji proċedurali iktar stretti u standards ogħla ta’ stħarriġ għal proċeduri kriminali milli għal proċeduri ċivili u, fl-isfera tad-dritt kriminali, għal proċeduri li jaqgħu fil-“qalba” milli għal oħrajn.
63. Sabiex tiddeċiedi jekk proċeduri li jirrigwardaw imġiba ħażina kellhomx jiġu kkategorizzati bħala ta’ natura “kriminali” jew le, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi għat-tliet “kriterji Engel”, hekk imsejħa wara s-sentenza fejn ġew ifformulati għall-ewwel darba (18). Qabel xejn, hemm il-klassifikazzjoni formali fis-sistema legali kkonċernata, iżda dik titqies espliċitament bħala “xejn iktar mill-punt ta’ tluq”. Fis-sentenza Engel, bħal f’sentenzi sussegwenti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat ferm iktar importanza – sal-punt li injorat il-klassifikazzjoni taħt id-dritt nazzjonali – għat-tieni u t-tielet kriterji tagħha, jiġifieri n-natura tal-ksur u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tkun fir-riskju li teħel. F’dan ir-rigward hija kkunsidrat bħala rilevanti jekk il-multa imposta taħt regola ġenerali tkunx indirizzata liċ-ċittadini kollha iktar milli lil grupp li jkollu status speċjali u jekk tkunx intiża essenzjalment bħala kastig jew bħala deterrent kontra r-reċidiva iktar milli bħala kumpens finanzjarju għad-danni (19).
64. Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, ma nsibx wisq diffikultà biex nikkonkludi li l-proċedura li permezz tagħha tiġi imposta multa għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ akkordji dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq fl-Artikolu 81(1) KE taqa’ taħt il-“kategorija kriminali” tal-Artikolu 6 KEDB kif iddefinita b’mod progressiv mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (20). Il-projbizzjoni u l-possibbiltà li tiġi imposta multa huma kkristalizzati wkoll f’leġiżlazzjoni primarja u sekondarja ta’ applikazzjoni ġenerali; il-ksur jinvolvi aġir li ġeneralment jitqies bħala illeċitu, għad-detriment tal-pubbliku ġenerali, karatteristika li għandhom ukoll ir-reati kriminali b’mod ġenerali u li ġġorr stigma ċara (21); ma hemm ebda dubju li multa sa massimu (22) ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali hija bla dubju waħda severa, u tista’ saħansitra twassal biex impriża tfalli; u l-intenzjoni hija espliċitament sabiex tikkastiga u li sservi bħala deterrent (23), b’ebda element ta’ kumpens għad-danni.
65. Huwa minnu wkoll li, kif irrimarkat il-Kummissjoni, fis-sentenza Neste (24), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li ċerti aspetti tal-infurzar tad-dritt Russu tal-kompetizzjoni jaqgħu ’l barra mill-isfera kriminali. Madankollu, il-fatturi li ħadet inkunsiderazzjoni f’din il-kawża jidhru li kienu ferm differenti minn dawk fis-sitwazzjoni li għandna quddiemna f’din il-kawża. Hija enfasizzat li r-regoli rilevanti ta’ kontra l-monopolji japplikaw biss għal relazzjonijiet li jinfluwenzaw il-kompetizzjoni fi swieq tal-prodotti bażiċi u b’hekk kienu ristretti fl-applikazzjoni tagħhom; li kienu mmirati lejn il-protezzjoni u r-ristabbiliment tal-kompetizzjoni; u li l-miżuri li setgħu jiġu imposti ma kinux “sanzjonijiet per se”, iżda inġunzjonijiet, flimkien mal-konfiska ta’ qligħ illeċitu intiża sabiex tipprovdi kumpens finanzjarju għad-danni iktar milli sanzjoni intiża bħala deterrent kontra r-reċidiva.
66. Ċertament, f’din id-deċiżjoni il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat ukoll li ċerti tipi ta’ aġir monopolistiku jistgħu jiġu awtorizzati jekk ikun ippruvat li dawn iservu l-ġid komuni (possibbiltà li hija prevista taħt l-Artikolu 81(3) KE, ta’ mill-inqas fit-teorija, anki għal ftehim ipprojbiti ta’ iffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq), filwaqt li aġir ġenwinament kriminali normalment ma jkunx suġġett għal tali ġustifikazzjoni utilitarja; u li l-libertà tal-kompetizzjoni fis-suq hija valur relattiv li jvarja skont is-sitwazzjoni, u li l-indħil f’dik il-libertà ma huwiex intrinsikament ħażin fih innifsu. Rigward l-ewwel waħda minn dawk il-kunsiderazzjonijiet, madankollu, nirrimarka – b’kull rispett għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – li ma huwiex diffiċli li wieħed isib aġir inkontestabbilment kriminali li jista’ madankollu jiġi awtorizzat f’ċirkustanzi xierqa. Il-pussess ta’ armi tan-nar jista’ jkun reat kriminali b’mod ġenerali iżda huwa awtorizzat f’ċerti sitwazzjonijiet għal protezzjoni pubblika; il-bejgħ ta’ ċerti drogi jista’ jkun reat kriminali b’mod ġenerali, iżda huwa awtorizzat għal skopijiet mediċi stabbiliti; et cetera. Fir-rigward tat-tieni kunsiderazzjoni, l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq għandhom riperkussjonijiet għall-konsumatur, u b’hekk għall-pubbliku ġenerali, li jmorru ferm lil hinn mill-“indħil fil-libertà tal-kompetizzjoni” li taffettwa lill-komunità tan-negozju.
67. Jekk il-proċedura ta’ mmultar f’din il-kawża b’hekk taqa’ fl-isfera kriminali għall-finijiet tal-KEDB (u tal-Karta), xorta waħda naqbel li, fil-kliem tas-sentenza Jussila (25), “dan ivarja mill-qalba tad-dritt kriminali; konsegwentement, il-garanziji taħt il-kategorija kriminali mhux neċessarjament japplikaw bl-istrettezza sħiħa tagħhom”. Dan jimplika, b’mod partikolari, li jista’ jkun kumpatibbli mal-Artikolu 6(1) KEDB li l-penali kriminali jiġu imposti, fl-ewwel istanza, mhux minn “tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi” iżda minn korp amministrattiv jew extra-ġudizzjarju li huwa stess ma jkunx jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni, kemm-il darba d-deċiżjoni ta’ dak il-korp tkun suġġetta għal kontroll sussegwenti minn korp ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni sħiħa u jkun jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti (26). Fi kliem ieħor, irid ikun ċar li l-forom ta’ appell disponibbli jippermettu li jiġu rrimedjati d-difetti kollha fil-proċeduri tal-ewwel istanza (27).
68. Sar ammont konsiderevoli ta’ kritika kontra l-irwol triplu tal-Kummissjoni bħala investigatur, prosekutur u awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet fi proċeduri ta’ infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni, u KME ċċitat parti minn dik il-kritika fl-appell tagħha (28). Madankollu, għalkemm jista’ jkun hemm raġunijiet validi sabiex wieħed jieħu l-pożizzjoni li l-Kummissjoni ma hijiex, f’dan ir-rigward, “tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi”, jidhirli li tali kunsiderazzjonijiet huma, fir-realtà, estraneji għal dan l-appell. L-argument ta’ KME fil-fatt ma huwiex ibbażat fuq l-inadegwatezza tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, iżda fuq dik li hija tikkunsidra bħala l-inadegwatezza tal-isħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-eżitu ta’ dik il-proċedura. Il-fatt li l-Kummissjoni hija korp amministrattiv, u l-fatt li ma tkunx kapaċi tissepara għal kollox it-tliet funzjonijiet tagħha fil-proċedura (29), ma huwiex qed jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell. Il-kwistjoni hija jekk il-Qorti Ġenerali eżerċitatx “ġurisdizzjoni sħiħa” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (30).
69. Din il-Qorti ddeskriviet il-“ġurisdizzjoni sħiħa” fis-sens li tinkludi “is-setgħa li tannulla f’kull aspett, fuq kwistjonijiet ta’ fatt u liġi, id-deċiżjoni tal-korp inferjuri”. Korp ġudizzjarju inkarigat minn stħarriġ “għandu jkollu b’mod partikolari ġurisdizzjoni biex jeżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-kawża quddiemu” (31). L-istess Qorti sostniet ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk qorti tat-tieni istanza għandhiex “ġurisdizzjoni sħiħa”, jew tipprovdix “stħarriġ suffiċjenti” biex tirrimedja nuqqas ta’ indipendenza fl-ewwel istanza, għandhom jitqiesu fatturi bħas-“suġġett tad-deċiżjoni appellata, il-mod kif ittieħdet din id-deċiżjoni u l-mertu tat-tilwima, inklużi l-aggravji mixtieqa u attwali” (32).
70. Jidhirli li ma hemmx wisq dubju li l-“ġurisdizzjoni sħiħa” mogħtija lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 229 KE u Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 tissodisfa dawn ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ appelli kontra l-ammont tal-multa imposti, anki jekk hija, kif tissottometti l-Kummissjoni, kunċett differenti mill-kriterju ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha tittieħed li tkopri wkoll appelli kontra, pereżempju, il-konstatazzjoni attwali ta’ ksur (li l-Qorti Ġenerali tista’ u fil-fatt tikkunsidra wkoll – għalkemm b’mod ristrett – jekk dik tkun il-bażi tal-kawża quddiemha). Hawnhekk, madankollu, ninsabu kkonċernati biss b’appell kontra l-ammont ta’ multa, u nipproponi li nillimita l-analiżi tiegħi għal dan il-każ partikolari. F’dan il-kuntest, ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jiġi kkanċellat, imnaqqas jew miżjud l-ammont, b’ebda restrizzjoni fir-rigward tat-tip ta’ bażijiet (ta’ fatt jew ta’ liġi) li fuqhom tista’ tiġi eżerċitata, trid neċessarjament, fil-fehma tiegħi, tipprovdi l-garanzija meħtieġa mill-Artikolu 6 KEDB – ta’ mill-inqas fit-teorija.
71. Madankollu tista’ tqum il-kwistjoni jekk, fi kwalunkwe każ partikolari, il-Qorti Ġenerali fil-fatt eżerċitatx b’mod adegwat din il-ġurisdizzjoni, u hija appuntu din id-domanda li KME qed tqajjem hawnhekk.
72. Din hija domanda leġittima, iżda l-kunsiderazzjoni tagħha għandha, fil-fehma tiegħi, tkun suġġetta għal numru ta’ caveats, kemm ġenerali kif ukoll partikolari, u l-mod kif ġiet imqajma għandu jiġi skrutinizzat fid-dawl ta’ ċerti kritiki tal-Kummissjoni.
73. Qabel xejn, jidhirli li l-iktar ħaġa importanti hija l-mod kif il-Qorti Ġenerali attwalment wettqet l-istħarriġ tagħha, u li l-mod kif iddeskriviet dak l-istħarriġ huwa inqas rilevanti. B’hekk, wieħed mhux neċessarjament għandu jikkonkludi minn referenzi għall-grad tal-marġni ta’ diskrezzjoni, għażla jew libertà disponibbli għall-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali naqset mid-dmir tagħha li tevalwa, b’risposta għall-argumenti ta’ KME, il-mod kif ġiet iffissata l-multa. Lanqas, min-naħa l-oħra, ma jista’ jiġi konkluż mill-użu tal-kliem “fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni illimitata tagħha” li l-Qorti tabilħaqq eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Kull każ għandu jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-kontenut attwali tiegħu.
74. Punt li jsegwi minn dan huwa li, hu x’inhu l-grad tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali huma ta’ natura kontradittorja. Ma hemm xejn fl-Artikolu 6 KEDB jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jeħtieġ li t-“tribunal indipendenti u imparzjali” jinvestiga, ex officio, kwistjonijiet li ma jiġux imqajma quddiemu. Naturalment, il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti stess teħtieġ li ċerti kwistjonijiet ta’ politika pubblika (essenzjalment relatata ma’ garanziji proċedurali) jiġu ssollevati b’dak il-mod iżda, f’aspetti oħra, l-eżerċizzju min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jrid jiġi mkejjel fir-rigward tal-kontenut tal-argumenti li fuqhom tkun intalbet biex tiġġudika.
75. Madankollu, ninnota li l-Qorti Ġenerali fil-fatt talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi numru ta’ dokumenti fil-fajl amministrattiv tagħha, u li l-Kummissjoni pproduċiet ferm iktar minn 500 paġna b’risposta. Dan ta’ mill-inqas jissuġġerixxi stħarriġ rigoruż li huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-KEDB u tal-Karta. Madankollu, għad irid jiġi vverifikat, mis-sentenza nfisha, jekk dak ir-rekwiżit kienx tat-tip meħtieġ. Fi kliem ieħor, kien ristrett għal verifika li l-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, jew kien hemm ukoll kunsiderazzjoni (meta mitluba minn KME) tal-evalwazzjoni li saret f’dawn il-limiti?
76. Issa ser nindirizza żewġ kritiki speċifiki li saru mill-Kummissjoni fir-rigward tal-argumenti mqajma minn KME.
77. Punt formali li l-Kummissjoni qajmet biss matul is-seduta huwa li r-rikors ta’ KME fl-ewwel istanza kien iddikjarat espliċitament li qed isir skont l-Artikolu 230 KE, u mhux skont l-Artikolu 229 KE. Konsegwentement, deher li s-suġġeriment kien li KME ma kinitx qed titlob lill-Qorti Ġenerali biex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u b’hekk ma kinitx f’pożizzjoni li tikkritika l-allegat nuqqas tagħha li tagħmel dan.
78. Bħala tali, ma jidhirlix li dak huwa suġġeriment serju. Ir-referiment għall-Artikolu 230 KE jinsab biss fl-intestatura tar-rikors. Is-sempliċi fatt li KME talbet tnaqqis tal-multa tagħha huwa biżżejjed biex jagħmilha ċara li hija kienet qiegħda tibbaża fuq il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-penali, iktar milli fuq stħarriġ tal-legalità waħdu. Tali stħarriġ, kieku favorevoli għar-rikorrenti, seta’ wassal biss għal annullament tal-multa, biex b’hekk il-Kummissjoni jkollha timponi multa skont il-bażi tas-sentenza. Ir-rikors, madankollu, jinsisti fil-partijiet kollha tiegħu fuq tnaqqis tal-multa, li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwaru biss fuq il-bażi tal-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17.
79. Min-naħa l-oħra, ma għandux jintesa l-fatt li KME ma talbitx lil din il-Qorti speċifikament biex tevalwa mill-ġdid dik il-multa a novo, iżda sabiex taġġusta l-ammont fid-dawl ta’ difetti allegati fid-deċiżjoni inkwistjoni.
80. It-tieni lment tal-Kummissjoni jidher li huwa iktar serju. Hija tirrimarka, essenzjalment, li irrispettivament minn kemm KME ppreżentat sew l-argument ġenerali għal eżerċizzju rigoruż mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha f’każijiet bħal dan preżenti, hija naqset milli tidentifika standard speċifiku ta’ stħarriġ ġudizzjarju li kien imissu ġie osservat, jew il-partijiet tas-sentenza appellata fejn dak l-istandard ma ġiex osservat.
81. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni. Il-ħames aggravju ta’ KME huwa ppreżentat iktar bħala kritika ġenerali tas-sistema sħiħa tal-infurzar tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni u tar-rwol tal-Qorti Ġenerali fi ħdan dik is-sistema milli bħala identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet speċifiċi mwettqa fis-sentenza appellata, minn din il-Qorti. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali mressqa speċifikament (33).
82. Normalment, konstatazzjoni ta’ tali difett f’aggravju twassal sabiex dan sempliċement jiġi miċħud bħala inammissibbli. Jidhirli, madankollu, li tali approċċ ma jkunx totalment xieraq f’din il-kawża. Huwa minnu li, bħala sottomissjoni awtonoma, il-ħames aggravju ta’ KME ma jipprovdix lill-Qorti tal-Ġustizzja b’indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi sabiex tiddeċiedi jekk, u sa liema grad, il-Qorti Ġenerali setgħet naqset speċifikament milli twettaq stħarriġ adegwat. Madankollu, huwa argument li jista’ jipprovdi kejl ulterjuri li bih jistgħu jiġu evalwati l-aggravji l-oħra – kif fil-fatt ġie ttrattat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, inkwantu eżaminatu fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravji.
83. Għaldaqstant nipproponi li jiġi injorat il-ħames aggravju bħala sottomissjoni separata iżda li għandhom jiġu kkunsidrati l-argumenti ppreżentati meta jiġu eżaminati l-ewwel erba’ aggravji. Hekk kif nagħmel dan, madankollu ser nillimita ruħi – kif indikajt iktar ’il fuq – għall-modi kif il-Qorti Ġenerali fil-fatt eżaminat il-motivi mqajma quddiemha, u li l-lingwa użata sabiex tiddeskrivi dan l-eżami hija biss indikazzjoni waħda f’dak ir-rigward.
L-ewwel aggravju: impatt konkret fuq is-suq
Siltiet rilevanti tas-sentenza appellata
84. Fl-evalwazzjoni tagħha tal-ewwel motiv ta’ KME (fuq teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq), il-Qorti Ġenerali l-ewwel iddikkjarat ammissibbli bħala provi tliet studji ekonometriċi sottomessi minn KME, u mbagħad għamlet dawn il-konstatazzjonijiet:
“60 […] ir-rikorrenti jikkontestaw […] kemm l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq) kif ukoll it-trattament differenzjat li għamlet din tal-aħħar abbażi tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).
61 Qabel kollox, fir-rigward tat-trattament differenzjat tal-impriżi inkwistjoni, il-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar dan tirreferi b’mod partikolari għal ħsieb li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant tal-effett reali tal-komportament illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, anki fin-nuqqas ta’ prova ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha dritt tagħmel trattament differenzjat, skont l-ishma miżmuma fis-suq ikkonċernat, bħal dak imsemmi fil-premessi 326 sa 329 tad-deċiżjoni kkontestata.
62 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sehem mis-suq ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien is-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jikkwantifika b’mod tajjeb ir-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom f’dak li jikkonċerna d-dannu potenzjali tal-imsemmija prattika fir-rigward tal-andament normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 197).
63 Bl-istess mod, rigward l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandu wkoll jiġi rrilevat li, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx ippruvat li l-akkordju kellu impatt reali fuq is-suq, dan ma kellux effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u għaldaqstant fuq l-ammont tal-multa.
64 F’dan ir-rigward, mis-sistema Komunitarja tas-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 17 u interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt konkret tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq għola minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, mhuwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 120 u 129; tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33; tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 68 sa 77, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punti 129 u 130; is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 225, ara, ukoll, il-konklużjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, I‑9858, punti 95 sa 101).
65 Għandu jingħad li mil-Linji gwida jirriżulta li l-ftehim jew il-prattiki miftehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, sabiex jiffissaw il-prezzijiet u għat-tqassim tal-klijentela jistgħu jiġu kklassifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna”, mingħajr mhuwa neċessarju li tali komportamenti jkunu kkaratterizzati minn impatt jew daqs ġeografiku partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur “serju” tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur “serju ħafna”, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt reali fuq is-suq u lanqas ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150).
66 Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ppruvat suffiċjentement skont il-liġi impatt reali tal-akkordju fuq is-suq kkonċernat.
67 F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fil-każ li hija tinvoka impatt reali tal-akkordju sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, tkun meħtieġa turi b’mod xjentifiku l-eżistenza ta’ effett ekonomiku tanġibbli fuq is-suq u rabta kawżali bejn l-impatt u l-ksur, kienet ġiet miċħuda mill-ġurisprudenza.
68 Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-impatt konkret ta’ akkordju fuq is-suq għandu jitqies bħala suffiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tipproduċi provi konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 122, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 159 sa 161; Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 153 sa 155; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punti 176 sa 178; Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 73 sa 75).
69 F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestawx il-materjalità tal-fatti, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddikjara l-eżistenza ta’ impatt reali tal-akkordju fuq is-suq, jiġifieri l-fatt li l-prezzijiet tnaqqsu fil-perijodu meta l-akkordju kollużiv ma ġiex osservat ħafna u żdiedu sewwa f’perijodi oħra, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ skambju ta’ data dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli tal-prezzijiet, is-sehem mis-suq sinjifikanti li l-membri kollha tal-akkordju kellhom u l-fatt li l-ishma mis-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju baqgħu relattivament stabbli matul id-dewmien kollu tal-ksur.
70 Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiddeduċi, abbażi tal-provi ċċitati fil-punt preċedenti, li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 78, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, punt 68 iktar ’il fuq, punt 165; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, punt 68 iktar ’il fuq, punt 181; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 285 sa 287).
71 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-fajl jinkludi eżempji ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim kollużivi, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-ftehim ma kinux dejjem ġew osservati mill-membri tal-akkordju mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż impatt fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 65, iktar’il fuq, punt 148).
72 L-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw fuq il-komportament tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, il-komportament effettiv li impriża tallega li kellha mhuwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq, għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-ksur inġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 167). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kkonstatat, fil-premessa 303 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-rapport inizjali ma kienx jippermetti li jiġu rribattuti l-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti reali tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, l-analiżi ekonometrika inkluża fih tikkonċerna biss id-data ċifrata li tirrigwarda lir-rikorrenti.
73 Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
74 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li mhemmx lok li titqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa stabbilita skont il-gravità, kif magħmula mill-Kummissjoni.”
Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
L-appell ta’ KME
85. KME tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni pprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat u li setgħet tieħu inkunsiderazzjoni dak l-impatt biex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa. Il-Linji gwida kienu jeħtieġu li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni tliet elementi, inkluż “l-impatt attwali fuq is-suq, meta dan jista’ jiġi mkejjel”. Konsegwentement, setgħet tieħu inkunsiderazzjoni dan l-impatt attwali biss jekk, u sal-punt li, setgħet tistabbilixxi u tikkwantifika dan l-impatt. Ma kienx imissha tħalliet tirrikorri – wara t-tarka ta’ “probabbiltà raġonevoli” stabbilita fis-sentenza Roquette Frères (34) – għal preżunzjonijiet li jippermettulha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-impatt fuq is-suq anki fejn ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza jew il-grad ta’ tali impatt b’mod konformi mal-Linji gwida. Jekk titħalla tirrikorri għal tali preżunzjonijiet, tkun qed tiġi nnegata kwalunkwe possibbiltà li ssir distinzjoni bejn ksur fuq il-bażi tal-impatt fuq is-suq. Il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 68 u 70 tas-sentenza appellata hija manifestament żbaljata.
86. Barra minn hekk, jekk parteċipant wieħed fil-kartell jipprovdi provi ekonometriċi li l-kartell fit-totalità tiegħu ma kellu ebda impatt fuq il-prezzijiet tas-suq, u li l-parteċipanti l-oħra jagħmlu allegazzjonijiet simili, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun intitolata li tinjora dawk il-provi u tikkonstata li l-ksur kellu tali impatt – u li tieħu inkunsiderazzjoni dak il-fattur meta tiffissa l-ammont inizjali ta’ multa taħt il-Linji gwida – unikament fuq il-bażi ta’ prova indiretta bħal dik diskussa fil-punt 69 tas-sentenza appellata. F’tali xenarju l-Kummissjoni għandha tippreżenta prova diretta li l-kartell fil-fatt kellu impatt fuq is-suq.
87. Il-prova ekonometrika ppreżentata minn KME kienet ibbażata fuq data komprensiva dderivata mill-informazzjoni tagħha kollha dwar fatturi u klijenti għal iktar minn għaxar snin, li turi li (i) l-akkordju ma kellu ebda impatt statistikament sinjifikattiv fuq il-prezzijiet imposti minn KME u (ii) dik l-analiżi kienet tgħodd għall-akkordju fit-totalità tiegħu. In-nuqqas ta’ impatt kien ikkonfermat bi provi fl-atti tal-proċess ta’ nuqqas ta’ konformità mid-diversi parteċipanti. Finalment, in-nuqqas ta’ kwalunkwe dannu għall-utenti finali kien ikkonfermat mill-fatt li l-pajpijiet inkwistjoni rrappreżentaw biss madwar 2 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti finali li fihom kienu inkorporati.
88. Mil-lat ta’ liġi, il-Kummissjoni kien imissha pproduċiet kontroprova diretta, ibbażata fuq fatturi ekonomiċi oġġettivi relatati mas-suq rilevanti u l-kuntest ekonomiku, sabiex tissostanzja l-eżistenza u l-grad tal-impatt allegat fuq is-suq; iżda ma kinitx intitolata tikkonstata li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq unikament fuq il-bażi ta’ prova indiretta li ntużat bħala bażi fid-deċiżjoni inkwistjoni.
89. Is-sentenza appellata hija vvizzjata wkoll b’motivazzjoni illoġika u inadegwata. Il-Qorti Ġenerali, waqt li kienet qiegħda tevalwa l-merti tal-allegazzjoni ta’ KME li l-prova ekonometrika li hija pprovdiet kienet turi n-nuqqas ta’ kwalunkwe impatt fuq is-suq, (i) irreferiet biss għar-rapport inizjali, li jistabbilixxi li l-akkordju ma kellu ebda impatt fuq il-prezzijiet ta’ KME, b’hekk (ii) naqset milli tikkunsidra ż-żewġ rapporti sussegwenti, li kienu jikkonkludu li l-kartell fit-totalità tiegħu ma kellu ebda impatt fuq is-suq; u (iii) finalment ċaħdet l-allegazzjoni ta’ KME fuq il-bażi li l-prova ekonometrika ma kinitx turi li l-akkordju fit-totalità tiegħu ma kellu ebda impatt fuq is-suq. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali, waqt li laqgħet bħala ammissibbli l-provi li juru nuqqas ta’ impatt fuq is-suq, ċaħdet l-allegazzjoni ta’ KME fuq il-bażi li hija ma pprovdiet ebda evidenza ta’ dan it-tip – u b’hekk żnaturat manifestament il-fatti u l-provi mressqa quddiemha.
90. B’hekk, billi naqset milli tirrikonoxxi l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-UE. KME b’hekk tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha terġa’ tikkalkula l-ammont inizjali tal-multa billi teskludi mill-kalkolu l-fattur tal-impatt fuq is-suq.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
91. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni teċċepixxi li l-aggravju, peress li huwa indirizzat kontra raġunament kumplimentari li ma huwiex essenzjali, huwa inoperattiv.
92. Il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni pprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-akkordju kellu impatt attwali fuq is-suq saret espliċitament għall-finijiet ta’ kompletezza. Hija ġurisprudenza stabbilita li sentenza ma tistax tiġi annullata biss fuq il-bażi ta’ kontestazzjoni indirizzata kontra tali konstatazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kull wieħed miż-żewġ elementi tad-deċiżjoni inkwistjoni li għalihom KME allegat li l-impatt attwali kien rilevanti irrispettivament minn jekk tali impatt setax jiġi stabbilit jew le. Fir-rigward tat-trattament differenzjat tal-impriżi parteċipanti, hija kkonstatat li, anki mingħajr prova ta’ impatt attwali fuq is-suq, il-Kummissjoni kienet intitolata li tagħmel distinzjoni b’riferiment għall-ishma mis-suq; u, fir-rigward tas-serjetà tal-ksur, li, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx ipprovat effett konkret fuq is-suq, dak kien ikun irrilevanti għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u b’hekk għall-ammont tal-multa. KME lanqas ma ssemmi xi waħda minn dawk il-konstatazzjonijiet ewlenin ta’ prinċipju, li b’hekk jaqgħu ’l barra mill-ambitu tal-appell. Il-kritiki tagħha tal-kostatazzjoni addizzjonali, li saru għall-finijiet ta’ kompletezza, ma jistgħux jirriżultaw fl-annullament tas-sentenza appellata.
93. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju huwa inammissibbli peress li jikkontesta evalwazzjonijiet fattwali.
94. KME sempliċement targumenta li l-Qorti Ġenerali (i) ikkonstatat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet intitolata tnaqqas impatt fuq is-suq attwali mill-provi elenkati fil-punt 69 tas-sentenza tagħha; (ii) kien imissha tat iktar importanza fil-punt 71 lil provi li skont KME jissuġġerixxu nuqqas ta’ impatt u nuqqas ta’ konformità minn membri tal-akkordju; (iii) kien imissha tat iktar importanza fil-punt 72 lill-istudji ekonometriċi li skont KME jissuġġerixxu li ma kien hemm ebda impatt statistikament importanti; u (iv) kien imissha eżiġiet “prova diretta” tal-eżistenza u l-grad ta’ kwalunkwe impatt li seta’ kien hemm.
95. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ġurisdizzjoni la biex tistabbilixxi l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi milqugħa mill-Qorti Ġenerali. Huwa fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar li tevalwa l-valur tal-provi, kemm-il darba jkunu nkisbu kif suppost u jkunu ġew osservati r-regoli u l-prinċipji rilevanti. Sakemm ma jkunux ġew żnaturati l-provi, din l-evalwazzjoni ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.
96. Il-prova ta’ impatt attwali li fuqha ġiet ibbażata d-deċiżjoni inkwistjoni, u l-konklużjonijiet idderivati minnha, ġew diskussi fid-dettal quddiem il-Qorti Ġenerali, li ssintetizzat il-provi fil-punt 69 tas-sentenza tagħha, u kkonkludiet fil-punt 70 li l-Kummissjoni kienet intitolata tiddeduċi li l-akkordju kellu impatt konkret, u pproċediet fil-punti 71 u 72 sabiex tiċħad l-argumenti ta’ KME li elementi oħra kienu jpoġġu f’dubju dik il-konstatazzjoni.
97. Barra minn hekk, minbarra l-fatt li l-argumenti ta’ KME kienu bbażati biss fuq l-aġir tagħha stess, l-istudji ekonometriċi li hija pproduċiet kienu fundamentalment impoġġija f’dubju minn numru ta’ kwistjonijiet li ġew diskussi bis-sħiħ quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ma kellhiex bżonn tiddeċiedi fuq dawk il-kwistjonijiet peress li ċaħdet l-argumenti ta’ KME fi kwalunkwe każ, iżda l-Kummissjoni tissintetizzahom skont kif ġej.
98. L-istudji pprovaw jidderivaw konklużjonijiet dwar l-impatt tal-akkordju billi jqabblu prezzijiet li huwa ammess li kienu miftehma, ma’ prezzijiet f’perjodi u/jew pajjiżi “kompetittivi”. Madankollu, dak inkluda ħafna oqsma fejn kien hemm prova diretta tal-aġir ta’ kartell. Akkordju wieħed dwar prezzijiet kien jinvolvi żidiet speċifiċi għal pajjiżi msemmija u 8 % għal “kwalunkwe pajjiż ieħor mhux imsemmi”, li kien jissuġġerixxi li l-bejgħ kollu ta’ KME kien affettwat mill-akkordju u li ma kienx hemm “pajjiżi kompetittivi” disponibbli għal tqabbil.
99. Fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-kalkoli statistiċi indikaw li r-riżultati allegati kienu wkoll konsistenti mal-fatt li l-akkordju kien żied il-prezzijiet. Il-mudell ta’ KME ma setax jeskludi żieda medja ta’ 10,5 % għal kull sena u wera li l-prezzijiet ta’ KME Germany żdiedu b’medja ta’ 29,9 % għal kull sena matul l-akkordju. F’aspetti oħrajn, l-istudji pproduċew riżultati mhux tas-soltu li KME ma setgħetx tispjega.
100. B’hekk il-Qorti Ġenerali eżaminat kif suppost il-provi li ntużaw bħala bażi fid-deċiżjoni inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit impatt attwali, u l-argumenti kollha ta’ KME li jikkontestaw dik il-konklużjoni. Fuq il-bażi ta’ provi speċifiċi, kredibbli u adegwati, li jmorru sostanzjalment lil hinn mill-fatt li ġew implementati ftehim dwar prezzijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien ġie stabbilit impatt konkret.
101. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu mmotivati b’mod adegwat.
102. L-argument ta’ KME – li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet illoġika u inadegwata meta kkonstatat li l-provi ekonometriċi ta’ KME ma wrewx li l-ksur fit-totalità tiegħu ma kellu ebda impatt fuq is-suq, li jirreferi għar-rapport inizjali li kien relatat biss mal-prezzijiet ta’ KME iżda li ma jsemmix iż-żewġ rapporti addizzjonali li jirrigwardaw l-akkordju fit-totalità tiegħu – huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 72 tas-sentenza.
103. Quddiem il-Qorti Ġenerali, KME argumentat li l-istudji mwettqa dwar il-prezzijiet tagħha stess ipprovaw li l-akkordju ma kellu ebda impatt konkret fuq is-suq. Madankollu, kemm l-istudju inizjali (ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni) kif ukoll iż-żewġ studji addizzjonali (ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali) kienu relatati biss mal-bejgħ ta’ KME. Fil-punt 72 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ KME fl-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti u l-provi, u insistiet li l-aġir ta’ impriża individwali ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fit-totalità tiegħu. Ma hemm ebda inkonsistenza f’din il-loġika.
104. L-importanza li jiġi eżaminat l-effett tal-akkordju fit-totalità tiegħu hija ċara f’din il-kawża. Fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni enfasizzat li l-akkordju kien jinkludi l-allokazzjoni ta’ klijenti u sistema taħt liema, qabel żjarat lil klijenti, il-parteċipanti kellhom jikkuntattjaw lill-kumpannija prinċipali f’kull suq sabiex jistaqsu dwar liema kwantità setgħet tinbiegħ b’liema prezz. B’hekk id-data dwar il-prezzijiet ta’ KME ma tistax tiġġustifika konklużjonijiet dwar dawk ta’ membri oħra tal-akkordju – pereżempju, fejn KME ma pprovatx tbiegħ lill-klijenti minħabba l-arranġament ta’ allokazzjoni. KME ssuġġeriet li hija ma mxietx mal-arranġamenti, iżda sabiex l-istudji ekonometriċi tagħha jkunu informattivi f’dan ir-rigward, hija kien ikollha ġġib prova li ma mxietx mal-arranġamenti fir-rigward ta’ kull klijent allokat lil parteċipant ieħor. KME lanqas ippruvat tagħmel dan, la quddiem il-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali.
105. L-aħħar sentenza tal-punt 72 tas-sentenza appellata tirreferi biss għar-rapport inizjali peress li KME argumentat li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet żbaljata meta ċaħdet ir-rilevanza ta’ dan ir-rapport. Ir-rapporti addizzjonali ma kinux jeżistu fil-ħin tad-deċiżjoni inkwistjoni, u ma setgħux jittieħdu f’konsiderazzjoni. Il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod ċar it-tliet studji ekonometriċi kollha sabiex tasal għall-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-argumenti ta’ KME bbażati fuq analiżi tal-prezzijiet tagħha. Dawk l-argumenti ġew miċħuda għal raġuni komuni għat-tliet studji – li kienu relatati mal-prezzijiet ta’ KME biss.
Evalwazzjoni
106. L-ewwel kwistjoni hija dwar jekk l-aċċettazzjoni mill-Qorti Ġenerali kemm tal-evalwazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni bħala “serju ħafna” kif ukoll tal-iffissar konsegwenti min-naħa tagħha tal-ammont inizjali tal-multa tistax tiġi ġġustifikata min-natura tal-ksur (ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq) weħidha, irrispettivament minn prova tal-impatt konkret fuq is-suq.
107. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet tagħha (a) li l-ksur kien “serju ħafna” minħabba (i) in-natura tiegħu, (ii) l-impatt tiegħu fuq is-suq u (iii) id-daqs ġeografiku ta’ dak is-suq u (b) li s-sehem mis-suq ta’ KME kien madwar tliet darbiet ikbar minn dak ta’ Outokumpu jew Wieland. Hija ffissat ammont inizjali totali ta’ EUR 58.1 miljun – EUR 35 miljun għal KME u EUR 11.55 miljun għal kull waħda mill-oħrajn.
108. KME argumentat fl-ewwel istanza li, kemm fl-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur u fl-allokazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa fost il-parteċipanti fil-kartell, il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt attwali fuq is-suq; hija kienet irraġunat sempliċement li l-eżistenza ta’ impatt fuq is-suq kien ġie stabbilit iżda ma setax jiġi kkwantifikat u li l-ammont inizjali seta’ jiġi allokat validament fuq il-bażi tas-sehem mis-suq. KME eċċepiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet meħtieġa legalment li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq meta dan seta’ jiġi mkejjel, li f’dan il-każ seta’ jiġi mkejjel u li l-istudju ekonometriku ppreżentat minn KME kien juri li dan kien statistikament insinjifikattiv; li l-ammont inizjali totali b’hekk kellu jiġi ffissat lejn in-naħa l-baxxa tal-iskala applikabbli (li tibda minn EUR 20 miljun għal ksur “serju ħafna”).
109. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 63 tas-sentenza tagħha, li “anki li kieku l-Kummissjoni ma ipprovatx li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq, dan ma kienx jaffettwa l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u għaldaqstant ma [kienx] jaffettwa l-ammont tal-multa”, b’motivazzjoni addizzjonali f’sens simili fil-punti 64 u 65.
110. Quddiem din il-Qorti, l-argumenti ta’ KME huma indirizzati prinċipalment lejn il-konstatazzjonijiet sussegwenti fil-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, “[g]ħal kompletezza,” li l-Kummissjoni kienet ipprovat b’mod suffiċjenti l-impatt konkret tal-kartell fuq is-suq.
111. Il-Kummissjoni ssostni, għaldaqstant, li l-aggravju huwa inoperattiv peress li KME ma kkontestatx il-konstatazzjoni ewlenija fil-punt 63; anki kieku l-argumenti tagħha dwar l-impatt attwali fuq is-suq kellhom jiġu aċċettati, il-konstatazzjoni dwar in-natura “serja ħafna” tal-kartell tibqa’ valida u s-sentenza ma tkunx tista’ tiġi annullata inkwantu ċaħdet l-ewwel motiv.
112. Ma nista’ nsib ebda difett f’dak ir-raġunament, iżda ma jidhirlix li l-premessa, li KME ma kkontestatx il-konstatazzjoni ewlenija fil-punt 63, tista’ neċessarjament tiġi aċċettata.
113. Huwa ċertament minnu li KME ma kkontestatx il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra l-ksur bħala “serju ħafna” fuq il-bażi tan-natura tiegħu biss. Tabilħaqq, hija tirrimarka (għalkemm f’nota ta’ qiegħ il-paġna) li ma kinitx sabet oġġezzjoni għal dak il-punt fl-ewwel istanza; hija minflok argumentat li, peress li l-impatt attwali tal-kartell fuq is-suq kien wieħed limitat, l-ammont inizjali tal-multa kien imissu ġie ffissat, b’mod ġenerali, fin-naħa l-baxxa tal-iskala għal ksur “serju ħafna” – jiġifieri, skont il-Linji gwida, EUR 20 miljun – minflok EUR 58.1 miljun. Meta jitqies f’dan il-kuntest, jidhirli li wieħed għandu jħares lejn l-ewwel aggravju ta’ KME bħala li neċessarjament (għalkemm, għandu jingħad, mhux b’mod daqstant espliċitu daqs kemm kien ikun mixtieq) jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, minħabba li l-impatt konkret fuq is-suq kien irrilevanti għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”, kien irrilevanti wkoll għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa.
114. Naqbel, madankollu, li jekk il-konstatazzjonijiet fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata jiġu aċċettati, kontestazzjoni għall-konstatazzjonijiet ulterjuri fil-punti 66 sa 72, anki jekk tirnexxi, tkun inutli. Huwa ċar mill-kliem introduttorju għall-punt 66 (35) li dak li segwa kien imur oltre minn dak li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija motivazzjoni suffiċjenti. Barra minn hekk, hija kwistjoni ta’ loġika jekk, “minħabba n-natura tagħhom stess, il-kartelli jistħoqqilhom l-iktar multi iebsin”, irrispettivament mill-effett attwali tagħhom fuq il-prezzijiet tas-suq, u jekk il-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza iktar milli l-grad preċiż ta’ dak l-effett meta ffissat l-ammont inizjali tal-multa, allura dak l-ammont ma jistax jiġi kkontestat b’tenattiv li titressaq prova li l-effett kien limitat.
115. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li dan l-aggravju huwa inammissibbli għaliex jikkonċerna biss konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali.
116. Hawnhekk ukoll, minix konvinta għal kollox. Bosta aspetti tal-argument ta’ KME fil-fatt jidhru li jikkonċernaw konstatazzjonijiet ta’ fatt – b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punti 18 sa 20 u 22 tal-appell, u l-punti 87 u 89 iktar ’il fuq – iżda oħrajn huma argumenti legali indirizzati lejn inadegwatezzi allegati fis-sentenza appellata (għalkemm, għal darb’oħra, setgħu ġew ifformulati b’mod iktar adegwat). Essenzjalment, KME targumenta li, fil-konfront ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-konklużjonijiet li kellhom jiġu dderivati mill-provi disponibbli, il-Qorti Ġenerali ma kienx imissha sempliċement ippermettiet lill-Kummissjoni tibbaża fuq preżunzjonijiet derivati minn “evidenza li tindika bi probabbiltà raġonevoli li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] iżda kien imissha ta’ mill-inqas eżiġiet li din tal-aħħar tirribatti b’mod sodisfaċenti l-kontroprovi ta’ KME. Kif spjegajt fil-punt 113 iktar ’il fuq, dan l-argument għandu jitqies, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni għall-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, mhux li l-impatt attwali fuq is-suq kien irrilevanti għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”, iżda li kien ukoll irrilevanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa.
117. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-ewwel aggravju ma għandux jiġi miċħud bħala inoperattiv, jew inammissibbli inkwantu jikkontesta biss konstatazzjonijiet ta’ fatt.
118. Min-naħa l-oħra, inkwantu jqajjem kwistjonijiet ta’ liġi, ma nipproponix li għandu jiġi aċċettat. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza tagħha, li l-impatt konkret ta’ akkordju ma huwiex fattur deċiżiv għall-iffissar tal-livell ta’ multi, hija appoġġjata ampjament mill-ġurisprudenza li hija tiċċita (36). Tali impatt huwa ċertament wieħed biss minn għadd ta’ fatturi – mhux ristrett għat-tlieta elenkati fil-Linji gwida – li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Sal-punt fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet, fid-deċiżjoni inkwistjoni, li kien hemm xi impatt (punt li ma huwiex miċħud minn KME), hija tista’ tuża dik il-konstatazzjoni bħala wieħed mill-fatturi li fuqu għandha tibbaża l-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa. Barra minn hekk, inkwantu billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma ppreżumitx li l-grad tal-impatt jinsab f’xi livell speċifiku – għall-kuntrarju, hija pproċediet fuq il-bażi espliċita li l-impatt ma setax jiġi kkwantifikat b’mod preċiż (37) – hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma identifikatx b’mod preċiż dan il-livell, u l-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkritikata talli aċċettat l-approċċ tal- Kummissjoni.
119. Nixtieq inżid li, jekk l-impriżi jagħżlu li jissottomettu studji ekonometriċi biex jappoġġjaw l-argumenti tagħhom, il-Kummissjoni hija naturalment meħtieġa debitament tikkunsidra dawk il-provi fl-evalwazzjoni ġenerali tagħha. Jekk, madankollu, ma taċċettax il-provi fit-totalità tagħhom, hija ma hijiex meħtieġa tipproduċi kontrostudju ekonometriku biex tipprova l-kuntrarju.
120. Kif indikajt fil-punt 83 iktar ’il fuq, għad irid jiġi kkunsidrat, jekk l-iskrutinju mill-Qorti Ġenerali tal-motiv setax naqas milli jissodisfa l-istandard meħtieġ mill-KEDB u l-Karta.
121. F’dan ir-rigward, ninnota li KME ma tidhirx li qiegħda tallega tali nuqqas. L-ebda waħda mis-siltiet iċċitati fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha ma hija meħuda mill-parti rilevanti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Tabilħaqq, din il-parti tas-sentenza lanqas ma tuża t-tip ta’ formulazzjoni li għaliha KME toġġezzjona b’mod partikolari, jiġifieri riferiment għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni.
122. Barra minn hekk, jidhirli li l-Qorti Ġenerali indirizzat l-ewwel motiv b’mod konformi mal-mod kif ġie ssollevat minn KME.
123. L-argument ta’ KME kien ibbażat essenzjalment fuq l-asserzjoni li l-Kummissjoni kienet marbuta, skont il-Linji gwida tagħha stess, jew li tkejjel l-impatt konkret tal-kartell fuq is-suq u li tiddependi fuq dan il-kejl jew li toqgħod lura totalment milli tibbaża fuq l-impatt fuq is-suq. Il-Qorti Ġenerali indirizzat dan l-argument, u – għalkemm dehrilha li kien superfluwu li tagħmel dan – eżaminat kemm il-provi li kellha l-Kummissjoni kif ukoll ir-rapporti ekonometriċi sussegwenti sottomessi minn KME, u kkonkludiet li r-riferiment tal-Kummissjoni għall-impatt fuq is-suq u l-użu ta’ dan ir-riferiment għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa ma setgħux jiġu kkritikati. B’hekk, anki jekk setgħu jitqajmu kwistjonijiet oħra – dwar, pereżempju, il-ħtieġa possibbli li jiġi spjegat għalfejn l-ammont inizjali totali kien ta’ EUR 58.1 miljun, minflok EUR 20 miljun jew EUR 100 miljun – dawn ma tqajmux, u l-Qorti Ġenerali indirizzat il-kwistjonijiet li tqajmu b’tali manjiera li b’ebda mod ma’ tissuġġerixxi li ma kinitx qiegħda teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha kif meħtieġ mill-KEDB.
It-tieni aggravju: id-daqs tas-suq
Siltiet rilevanti mis-sentenza appellata
124. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet ikkalkulat id-daqs tas-suq rilevanti billi inkludiet il-prezz tar-ram użat fil-manifattura tal-pajpijiet. KME argumentat fl-ewwel istanza li tali kalkolu kien jinjora r-realtà tas-suq. Fil-fatt, ix-xerrejja tal-pajpijiet infushom jiddeterminaw il-prezz tar-ram li għandu jintuża u dak il-prezz, li jirrappreżenta madwar żewġ terzi tal-prezz finali tal-pajpijiet, sempliċement jingħadda lilhom. Il-piż ekonomiku reali tas-suq kien limitat għall-marġni tal-ipproċessar, madwar terz tal-valur ta’ EUR 288 miljun użat fid-deċiżjoni inkwistjoni.
125. Fil-punti 86 sa 89 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Kummissjoni kienet intitolata, iżda mhux meħtieġa, li tirreferi għad-daqs tas-suq meta tiddetermina l-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar l-ammont inizjali tal-multa; li f’dan il-każ hija kienet għamlet dan, għalkemm bħala wieħed biss mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni; u li b’hekk kien meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk il-Kummissjoni kinitx żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram f’dak ir-rigward. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tinsab fil-punti 91 sa 94:
“91 […] l-ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jkun ikkalkolat billi jkunu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla, imma li jikkostitwixxu xorta waħda element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu eskluzi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jkun iffissat l-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II‑491 punti 5030 u 5031). Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikanti mill-prezz finali tat-tubi industrijali jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna iżjed għoli milli għal materji primi oħra ma jannullax din il-konklużjoni.
92 […] rigward id-diversi ilmenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jaffermaw li, minflok wieħed jirrikorri għall-kriterju tad-dħul mill-bejgħ tas-suq rilevanti, ikun iktar opportun, fid-dawl tal-għan dissważiv tal-multi u tal-prinċpji ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-ammont tagħhom jiġi ffissat skont il-qligħ tas-settur affettwat jew il-valur miżjud relatat magħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn mhumiex rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-gravità tal-ksur hija stabbilita b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 65), peress li l-ebda lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni ma kienet ġiet stabbilta f’dan ir-rigward (sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 129) mhijiex il-qorti Komunitarja, iżda l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u skont il-limiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mir-Regolament Nru 17, il-fatturi u d-data ċċifrata li hija tieħu inkunsiderazzjoi sabiex timplementa politika li tassigura l-osservanza tal-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 81 KE.
93 Sussegwentement huwa inkontestabbli li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jew ta’ suq huwa, inkwantu fattur tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, neċessarjament vag u imperfett. Ma ssirx distinzjoni la bejn is-setturi b’valur miżjud qawwi u s-setturi b’valur miżjud dgħajjef, u lanqas bejn l-impriżi li jrendu qligħ u dawk li jrendu inqas. Madankollu, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, d-dħul mill-bejgħ huwa meqjus, fil-preżent, kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kriterju xieraq, fil-kunest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 121, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-premessa 10 u l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 40)].
94 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram sabiex tiddetermina d-daqs tas-suq ikkonċernat.”
Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
L-appell ta’ KME
126. KME tikkunsidra li l-verżjoni tagħha tal-karatteristiċi tas-suq rilevanti, inkwantu ma ġietx ikkontestata fis-sentenza appellata, għandha titqies bħala fatti stabbiliti għall-finijiet tal-appell. Hija ssostni madankollu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi u tat motivazzjoni inadegwata billi ma rrikonoxxietx li l-Kummissjoni hija intitolata li tinterpreta “dħul mill-bejgħ” bħala dħul mill-bejgħ “nett” meta jiġi kkalkulat il-valur tas-suq.
127. Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza u l-prattika tal-Kummissjoni juru li, fil-kalkolu tal-ammont inizjali ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq jew tal-impriżi kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali stabbilixxew li hija tista’ tiddevja mill-prattika ġenerali tagħha li tibbaża l-kalkolu tagħha fuq id-dħul mill-bejgħ matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, jekk din is-sena ma tkunx rappreżentattiva tad-daqs u l-qawwa ekonomika veri ta’ dik l-impriża u tal-iskala tal-ksur. Fir-rigward tal-kalkolu tal-multa massima, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, f’kull każ speċifiku, u meta jitqiesu kemm il-kuntest kif ukoll l-għanijiet tal-iskema ta’ multi, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt maħsub fuq l-impriża inkwistjoni, b’mod partikolari waqt li tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti l-qagħda ekonomika reali tal-impriża matul il-ksur. Fil-prattika reċenti tagħha, il-Kummissjoni sikwit ibbażat fuq il-possibbiltà fil-Linji gwida li tiddevja mir-regola li jintuża bejgħ matul l-aħħar sena tan-negozju sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur meta tali devjazzjoni tkun iġġustifikata mill-fatti speċifiċi tal-każ jew minn fatturi esterni oħrajn. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-Kummissjoni tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha ta’ kapaċità ekonomika effettiva biex tikkawża dannu sinjifikattiv fuq data relatata mad-dħul mill-bejgħ u s-sehem mis-suq, ħlief jekk ċirkustanzi partikolari, bħall-karatteristiċi tas-suq, inaqqsu b’mod notevoli s-sinjifikat ta’ tali data u jkunu jeħtieġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħrajn.
128. Fit-tieni lok, il-fatt li l-prezz tar-ram jiddependi biss fuq id-deċiżjoni tal-konsumatur li jixtri f’ġurnata partikolari jagħmel l-industrija tal-pajpijiet tar-ram waħda unika li ma tistax titqabbel ma’ industriji oħra, bl-istess mod bħal ma r-ram ma jistax jitqabbel ma’ inputs oħra – bħall-enerġija, l-ilma u t-tagħmir – li l-prezzijiet tagħhom huma stabbiliti kuntrattwalment bejn il-produttur u l-fornitur rilevanti. Iżda l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma kien hemm ebda raġuni valida sabiex jiġi eskluż il-prezz tar-ram mid-daqs tas-suq affettwat mill-kartell għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Billi għamlet dan, hija kisret ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni – li jistabbilixxi li sitwazzjonijiet differenti għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti – u tal-proporzjonalità. F’dan l-aħħar rigward, il-multa ta’ KME kienet tirrappreżenta madwar 2 % tad-dħul mill-bejgħ globali totali tagħha fl-2002, 40 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha fiż-ŻEE fis-suq tal-pajipijiet industrijali fuq il-bażi tal-prezz sħiħ inkluż ir-ram, 80 % tad-dħul mill-bejgħ tal-konverżjoni f’dan is-suq, 42 % tal-profitt operattiv gross ikkonsolidat tagħha fl-2003 u 16 % u tal-valur nett ikkonsolidat tagħha f’Ġunju 2003.
129. Fit-tielet lok, kieku l-Kummissjoni mmultat lil KME għal parteċipazzjoni f’kartell fl-istess suq, li waqaf fl-2007, u kkalkulat il-valur tas-suq fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ totali għal dik is-sena, l-ammont inizjali tal-multa kien ikun ferm ogħla sempliċement minħabba ż-żieda enormi fil-prezzijiet tar-ram bejn l-2003 u l-2007.
130. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ibbażat b’mod żbaljat fuq is-sentenza tagħha Cimenteries CBR (38): f’din il-kawża, l-ispejjeż rilevanti tal-inputs, bħall-ispejjeż għat-trasport u l-forniment ta’ basktijiet, kienu taħt il-kontroll tal-membri tal-kartell, filwaqt li f’din il-kawża l-prezz tar-ram ma kienx taħt il-kontroll tal-produtturi tal-pajpijiet. Barra minn hekk, hija bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-ġurisprudenza li tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tagħżel il-fatturi li hija tuża sabiex tistabbilixxi l-gravità ta’ ksur inkluż, bħala regola ġenerali, id-dħul mill-bejgħ, peress li d-dħul mill-bejgħ globali ma huwiex indikatur siewi tal-gravità ta’ ksur fis-suq tal-pajpijiet industrijali. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-għażla ta’ dawk il-fatturi ma tistax testendi sal-punt li tibbaża fuq elementi li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċjali tal-kuntest ekonomiku, ma għandhom ebda effett fuq il-gravità tal-ksur. Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-kriterji użati mill-Kummissjoni kinux rilevanti u adegwati.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
131. Il-Kummissjoni ssostni li l-asserzjonijiet ta’ KME dwar kif ġew iffissati l-prezzijiet tar-ram u l-mod kif jinbiegħu l-pajpijiet industrijali ma humiex fatti stabbiliti għall-finijiet tal-appell. Il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi dwar dawn id-dettalji. Il-konstatazzjonijiet tagħha ma jappoġġjawx il-karatterizzazzjoni tal-membri tal-akkordju minn KME bħala aġenti xerrejja tal-metall u l-Kummissjoni argumentat speċifikament fl-ewwel istanza li, għar-raġunijiet finalment adottati fis-sentenza appellata, l-asserzjonijiet ta’ KME li hija spiss aġixxiet bħala aġent għall-klijenti tagħha kienu irrilevanti. Kif spjegat il-Kummissjoni, kull meta l-klijent attwalment xtara r-ram u talab lil KME sabiex tikkonvertih, il-prezz tar-ram ma kienx ikun inkluż fid-dħul mill-bejgħ ta’ KME. Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-daqs tas-suq tal-pajpijiet industrijali huma inkompatibbli mas-suġġeriment li l-produtturi tal-pajpijiet industrijali simultanjament għamlu bejgħ fuq suq tar-ram kompetittiv u suq tal-konverżjoni li huwa s-suġġett tal-ftehim; hemm biss suq wieħed – dak tal-pajpijiet industrijali.
132. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni ta’ KME li s-suq tal-pajpijiet industrijali huwa uniku minħabba nuqqas ta’ kontroll fuq il-prezzijiet tal-inputs, mingħajr ma ħasset li kien hemm bżonn li tagħmel konstatazzjonijiet fuq l-allegazzjonijiet dettaljati ta’ KME. Hija stabbilixxiet fil-punt 91 tas-sentenza tagħha li ma kien hemm ebda raġuni valida sabiex teħtieġ li d-dħul mill-bejgħ tas-suq jeskludi ċerti spejjeż tal-produzzjoni, u kkonstatat bħala fatt li l-industriji kollha għandhom spejjeż inerenti fil-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla iżda li madankollu huma element essenzjali tan-negozju tiegħu fit-totalità tiegħu. Dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu esklużi mid-dħul mill-bejgħ meta jiġi ffissat l-ammont inizjali ta’ multa. Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikattiv mill-prezz finali tal-pajpijiet industrijali jew li r-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna iżjed għoli milli għal materji primi oħra ma jinvalidax din il-konklużjoni.
133. Dan l-aggravju sempliċement jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel evalwazzjoni differenti dwar jekk l-industrija tal-pajpijiet industrijali hijiex unika. KME ittenni l-allegazzjonijiet li għamlet fl-ewwel istanza dwar id-drittijiet kuntrattwali tal-konsumaturi fir-rigward tal-prezz tar-ram, id-daqs tal-prezz tar-ram meta mqabbel mal-prezz totali tal-pajp, u l-volatilità tal-prezzijiet tar-ram. Dak l-argument mhux talli huwa inammissibbli, iżda fil-fatt xejn ma jiddistingwi lill-produtturi ta’ pajpijiet industrijali minn produtturi oħra li jixtru materja prima, utilitajiet jew tagħmir. Ebda impriża mhux dominanti ma tista’ tikkontrolla l-prezz ta’ prodotti input. Kwalunkwe kuntratt huwa r-riżultat tal-għażla tal-manifatturi stess – bil-benefiċċju li r-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-prezz tar-ram jgħaddi fuq il-konsumatur.
134. Fil-punt 93, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, bħala fattur biex tiġi evalwata s-serjetà tal-ksur, id-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jew ta’ suq huwa neċessarjament vag u imperfett. Hija ddistingwiet li d-dħul mill-bejgħ ma jiddistingwix bejn setturi b’valur miżjud għoli jew baxx jew bejn impriżi li huma bejn wieħed u ieħor profittabbli. L-evalwazzjoni tagħha kienet madankollu li d-dħul mill-bejgħ huwa kriterju adegwat, fil-kuntest tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, għall-evalwazzjoni tad-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriżi kkonċernati. L-argumenti ta’ KME, min-naħa l-oħra, sempliċement jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. Din l-evalwazzjoni ġiet ibbilanċjata, wara ħafna diskussjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub u matul is-seduta, u ppreferiet l-oġġettività tad-dħul mill-bejgħ milli l-potenzjal ta’ kontroversja bla tmiem, suġġettività u imprevedibbiltà li jkunu implikati mill-proposta ta’ KME għat-tnaqqis ta’ spejjeż li l-membri tal-akkordju ma jikkontrollawx.
135. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet korretta. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirreżisti s-suġġeriment ta’ KME li għandha tevalwa mill-ġdid il-multa fuq il-bażi ta’ ċifri relatati mal-2002 jew l-2003. Dawn l-argumenti huma f’lokhom biss quddiem il-Qorti Ġenerali.
136. Rigward l-adegwatezza tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tinnota li (fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, iżda b’riferiment għat-trattament tat-tieni motiv tagħha fl-ewwel istanza) KME tiċċita l-punt 92 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Madankollu, fil-punt 91, dik il-Qorti kkonstatat b’mod affermattiv li “ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ manifattura”, li “fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, imma li xorta waħda jikkostitwixxu element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu eskluzi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa”, u li “[i]l-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikattiva mill-prezz finali tat-tubi industrijali jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna għola milli għal materji primi oħra ma jdgħajjifx din il-konklużjoni”. Fil-punt 93, hija kkonkludiet b’mod affermattiv li “minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, d-dħul mill-bejgħ huwa meqjus, fil-preżent, kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kriterju xieraq, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati”. Finalment, fil-punt 94, il-Qorti Ġenerali ddikjarat: “Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta [...]”.
Evalwazzjoni
137. Il-kwistjoni sottostanti hawnhekk hija jekk, meta tuża d-daqs tas-suq (jiġifieri, il-volum tal-bejgħ pjuttost milli l-firxa ġeografika) bħala wieħed mill-kriterji li permezz tiegħu hija tevalwa l-gravità ta’ ksur, il- ummissjoni għandhiex tirreferi f’kull każ għall-prezzijiet sħaħ jew jekk tistax tirreferi biss għal dik il-parti tal-prezz li fuqha jistgħu jeżerċitaw influwenza dawk li jikkommettu ksur.
138. Is-sottomissjoni ta’ KME ma hijiex li d-daqs tas-suq qatt ma kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, jew li huwa dejjem żbaljat li wieħed jirreferi għall-prezzijiet sħaħ, iżda li s-suq tal-pajpijiet tar-ram għandu karatteristiċi speċifiċi li minħabba fihom ikun żbaljat li jsir hekk f’dan il-każ. Hija b’hekk tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi u tat motivazzjoni inadegwata meta kkonstatat li d-dħul mill-bejgħ gross kien kejl validu tad-daqs tas-suq.
139. Fil-fehma tiegħi l-Kummissjoni kienet korretta meta argumentat li KME qiegħda sa grad konsiderevoli titlob lil din il-Qorti sabiex tagħmel konstatazzjonjiet ta’ fatt dwar il-karatteristiċi tas-suq, li ma għandhiex kompetenza li tagħmel f’appell. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat bħala fatti biss li “il-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikanti mill-prezz finali tat-tubi industrijali” u “li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna iżjed għoli milli għal materji primi oħra”. KME ma allegatx li, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, din il-Qorti żnaturat it-tifsira ċara tal-provi. Huwa b’hekk fuq dik il-bażi fattwali li għandu jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx żball ta’ liġi jew tatx motivazzjoni inadegwata.
140. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali għamlet erba’ konstatazzjonijiet biex issejjes il-konklużjoni legali tagħha: id-daqs ta’ kwalunkwe suq, meta mkejjel f’termini ta’ volum ta’ bejgħ, jinkludi xi spejjeż li l-produtturi ma jistgħux jikkontrollaw; il-karatteristiċi tas-suq tal-pajpijiet industrijali tar-ram ma humiex eċċezzjonali f’dan ir-rigward; il-Kummissjoni għandha ċerta libertà li tagħżel il-fatturi li tieħu inkunsiderazzjoni; u d-dħul mill-bejgħ gross huwa gwida aċċettata, għalkemm imperfetta, għad-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriżi.
141. Ma nista’ nsib ebda nuqqasijiet f’dak ir-raġunament. Huwa minnu li l-kawża Cimenteries CBR, li għaliha rreferiet il-Qorti Ġenerali, kienet tinvolvi spejjeż anċillari li mingħajr ebda dubju kienu inqas sinjifikattivi mill-prezz tar-ram f’din il-kawża, iżda d-differenza fil-grad ma tipprekludix żvilupp tal-ġurisprudenza eżistenti sabiex tkopri spejjeż iktar sinjifikattivi. Barra minn hekk, jidhirli, li huwa inevitabli li l-proporzjon ta’ dħul mill-bejgħ irrappreżentat minn materja prima jvarja b’mod sinjifikattiv bejn settur u ieħor. Kieku kien permessibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ gross f’xi każijiet iżda mhux f’oħrajn, ikun neċessarju li jiġi stabbilit xi livell ta’ limitu, probabbilment fil-forma ta’ proporzjon bejn id-dħul mill-bejgħ nett u d-dħul mill-bejgħ gross, li jiskatta d-differenza fit-trattament. Iżda jkun diffiċli sabiex jiġi applikat tali livell ta’ limitu, u jagħti lok għal tilwim li ma jispiċċa qatt u li ma jistax jissolva, inklużi allegazzjonijiet ta’ differenza fit-trattament. Wieħed għandu jiftakar, barra minn hekk, li mid-deċiżjoni inkwistjoni ma tirriżulta ebda rabta matematika bejn id-daqs tas-suq u l-ammont inizjali totali tal-multa, u l-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat li d-daqs tas-suq kien biss wieħed mill-fatturi użati mill-Kummissjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx irraġonevoli li wieħed jaċċetta li l-Kummissjoni tista’ tibbaża fuq kejl “approssimattiv” – iżda li jista’ jintuża faċilment – sabiex jitkejjel id-daqs tas-suq, bħala wieħed minn taħlita ta’ kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat id-daqs ta’ ksur. Fi kwalunkwe każ, KME ma ppreżentat ebda raġuni adegwata biex tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet tagħmel dan.
142. Issa ser nindirizza l-kwistjoni jekk l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv fl-ewwel istanza kienx adegwat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
143. Fl-ewwel lok, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-motivazzjoni tagħha, li “l-gravità tal-ksur hija stabbilita b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni” u li “mhijiex il-qorti Komunitarja, iżda l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha […] il-fatturi u d-data ċċifrata li hija tieħu inkunsiderazzjoni”. KME bbażat ta’ mill-inqas fuq l-ewwel waħda minn dawk is-siltiet biex tallega, fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali wriet “sottomissjoni eċċessiva” għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.
144. Madankollu, huwa ċar mit-tieni aggravju, fejn KME tasserixxi li “l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-għażla tal-fatturi li għandhom jintużaw sabiex tiġi ddeterminata l-gravità ta’ kartell ma tistax testendi sal-punt li tibbaża fuq elementi li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċjali tal-kuntest ekonomiku, ma jkollhom ebda effett fuq il-gravità tal-ksur”, li KME fil-fatt taċċetta l-eżistenza ta’ dik id-diskrezzjoni, u li ma taqbilx mal-Qorti Ġenerali sempliċement dwar il-grad ta’ dik id-diskrezzjoni. Dan, fil-fehma tiegħi, ma jistax jifforma bażi adegwata għal allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa fl-istħarriġ tad-deċiżjoni inkwistjoni.
145. Huwa wkoll minnu li l-konstatazzjonijiet rilevanti tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 91 sa 93 tas-sentenza tagħha, huma qosra. Dan mhux neċessarjament jimplika, madankollu, li jirriflettu nuqqas li jiġu eżaminati l-argumenti b’reqqa. Għall-kuntrarju, huwa ċar mill-espożizzjoni fit-tul tal-argumenti ta’ KME (punti 75 sa 82), u miċ-ċaħda (fil-punt 88) tal-argument tal-Kummissjoni li d-daqs tas-suq ma kien ta’ ebda rilevanza għall-ammont tal-multa, li t-tieni motiv ġie eżaminat b’reqqa. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma għal kollox konsistenti mal-konklużjoni li hija waslet għall-pożizzjoni tagħha stess dwar li kien xieraq li jiġu inklużi l-prezzijiet tar-ram fl-evalwazzjoni tad-daqs tas-suq għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, u fil-fehma tiegħi, KME ma ressqet ebda argument konvinċenti li jpoġġi dik il-konklużjoni f’dubju.
It-tielet aggravju: żieda perċentwali abbażi tad-dewmien
Siltiet rilevanti mis-sentenza appellata
146. Fl-ewwel istanza, KME argumentat fit-tielet motiv tagħha li, jekk il-Linji gwida jippermettu żieda sa massimu ta’ 10 % fis-sena (b’hekk, bejn 0 % u 10 %) abbażi tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni kien imissha aġġustat din iż-żieda sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità varjabbli tal-akkordju matul it-tul u n-nuqqas ta’ impatt tiegħu fuq il-prezzijiet, minflok ma applikat żieda b’rata fissa tal-massimu ta’ “10 % għal kull sena tat-tul, jiġifieri b’total ta’ 125 %”. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv bħala infondat. Hija kkonstatat, fil-punti 100 sa 104 tas-sentenza appellata, li:
“100 […] żieda fil-multa għad-dewmien mhijiex limitata għall-każ fejn ikun hemm relazzjoni diretta bejn id-dewmien u dannu ikbar ikkawżat lill-għanijiet Komunitarji previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 278, u l-ġurisprudenza ċċitata).
101 Barra minn hekk, mil-linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur.
102 Għall-kuntrarju, fl-ewwel lok, mill-istruttura tal-linji gwida jirriżulta li dawn jipprevedu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali sabiex jiġi stabbilit ammont inizjali ġenerali tal-multa. Fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur hija analizzata fid-dawl tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, fatt li jista’ jagħti lok għal bilanċ tal-ammont inizjali, għat-tqassim tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku. Fit-tielet lok, it-tul tal-ksur huwa meħud inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont bażiku u, fir-raba’ lok, il-linji gwida jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li jiġi aġġustat l-ammont inizjali, b’mod partikolari abbażi tar-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċeranti fit-twettiq tal-ksur.
103 Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat, fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.
104 F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari fil-premessi 335 u 340 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-grupp KME kien ipparteċipa fil-ksur għal perijodu ta’ tnax il-sena u għaxar xhur, jiġifieri tul twil fis-sens tal-linji gwida, u konsegwentement żiedet il-multa b’125 %. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma tbegħditx mir-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha fil-linji gwida. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din iż-żieda ta’ 125 % mhijiex, f’dan il-każ, manifestament sproporzjonata.”
Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
L-appell ta’ KME
147. KME tissottometti li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija oskura, illoġika u inadegwata, peress li ma tistabbilixxi ebda regola ċara.
148. L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tas-Sezzjoni 1 B tal-Linji gwida ta’ sikwit ġew diskussi fil-ġurisprudenza – li, madankollu, tonqos milli tartikola l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom, għal ksur ta’ iktar minn 5 snin, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-ammont inizjali tal-multa fi ħdan medda ta’ 0 % sa 10 % għal kull sena ta’ ksur. Jidher li din sempliċement tindika li żieda abbażi tad-dewmien ma hijiex limitata għal każijiet li juru relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu iktar serju għall-objettivi Komunitarji segwiti mir-regoli tal-kompetizzjoni – fi kliem ieħor, l-ammont inizjali jista’ jiżdied abbażi tat-tul anki meta d-dannu għall-għanijiet intiżi mir-regoli tal-kompetizzjoni ma jkunx aggravat bħala effett dirett ta’ dan il-fattur, jew ikun għal kollox nieqes. Dak l-approċċ huwa bilfors żbaljat.
149. Fl-ewwel lok, jikkontradixxi t-termini ċari tas-Sezzjoni 1 B, li titkellem dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi fuq restrizzjonijiet li “kellhom impatt dannuż fuq il-konsumaturi għal perjodu twil” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni stess b’hekk stabbiliet ir-rekwiżit ta’ konnessjoni diretta bejn it-tul u l-effett dannuż, li l-eżistenza tagħha ilha rikonoxxuta fil-ġurisprudenza. Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li, meta l-Kummissjoni tiddetermina l-ammont inizjali skont il-gravità wara li tikkunsidra l-impatt attwali fuq is-suq, dak l-impatt għandu “jiġi pprovat pjenament matul it-tul kollu ta’ l-akkordju”, u li fin-nuqqas ta’ dan l-ammont inizjali għandu jitnaqqas (39).
150. Fit-tieni lok, billi ddikjarat li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx sovrapożizzjoni jew interdipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur fil-Linji gwida, il-Qorti Ġenerali aċċettat l-argument tal-Kummissjoni li l-ammont taż-żieda abbażi tad-dewmien jirrifletti biss it-tul tal-ksur, mhux il-gravità tiegħu, sabiex b’hekk kwalunkwe fattur rilevanti li jirrigwarda l-intensità tal-ksur diġà jkun ittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tiegħu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni, meta evalwat il-gravità, tatx l-importanza mistħoqqa lill-fatt li l-kartell varja fl-intensità u l-effettività matul iż-żmien u li kien hemm perjodi sinjifikattivi ta’ tensjoni u devjazzjoni. Minflok ma’ aċċettat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li xtaqet tevita li tgħodd l-istess fatturi darbtejn għall-benefiċċju tal-membri tal-kartell, il-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminat jekk dak kienx fil-fatt il-każ fid-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt il-Kummissjoni darbtejn naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet fl-intensità, inklużi żewġ perjodi ta’ inattività: darba fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali abbażi tal-gravità u darba’oħra fid-determinazzjoni taż-żieda abbażi tat-tul.
151. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kienet loġikament żbaljata meta kkonkludiet li ż-żieda ta’ 10 % kienet konsistenti mal-prinċipji stabbiliti fil-Linji gwida, sempliċement għaliex il-Linji gwida jipprovdu għal żieda sa massimu ta’ 10 % għal kull sena. Din kienet tkun korretta li kieku pprevedew żieda ta’ (minflok sa massimu ta’) 10 %. Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiffissa sanzjonijiet bejn valur massimu u minimu ma hijiex assoluta, u għalhekk għandha tispjega l-għażla tagħha b’riferiment għall-karatteristiċi ta’ kull każ, suġġett għall-istħarriġ mill-Qrati. L-applikazzjoni taż-żieda massima ma kienx imissha ġiet approvata mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma l-ewwel tevalwa kif il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha.
152. Finalment, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata wkoll meta kkonstatat li ż-żieda ta’ 125 % fl-ammont inizjali ma kinitx manifestament sproporzjonata. Il-Kummissjoni ammettiet fid-deċiżjoni inkwistjoni li l-kartell varja fl-intensità u l-effettività u li kien hemm perjodi sinjifikattivi ta’ tensjoni u devjazzjoni, iżda applikat iż-żieda massima abbażi tat-tul. KME b’hekk kienet tiġi ttrattata bl-istess mod anki kieku l-kartell żamm intensità u effettività sħaħ matul il-perjodu kollu. Peress li naqset milli tirrikonoxxi u tagħti importanza lil dik ir-realtà, u li tikkoreġi l-iffissar taż-żieda mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
153. KME għalhekk tikkunsidra li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni illimitata tagħha sabiex tiffissa żieda perċentwali xierqa iktar baxxa abbażi tad-dewmien, waqt li terġa’ tiffissa l-ammont inizjali, u b’hekk l-ammont totali tal-multa.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
154. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li hija ma kinitx obbligata tiffissa ż-żieda abbażi tat-tul b’riferiment għall-intensità jew l-effetti tal-akkordju, jew is-serjetà tal-ksur. L-aggravju ta’ KME sempliċement ma jaqbilx ma’ din l-evalwazzjoni u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwiha bl-evalwazzjoni tagħha stess. Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa inammissibbli.
155. Il-Qorti Ġenerali tat spjegazzjoni ċara u loġika għall-evalwazzjoni tagħha, li rrispondiet għall-argumenti legali kollha ta’ KME. Hija stabbilixxiet li żieda abbażi ta’ tul taż żmien ma hijiex limitata għal każijiet fejn ikun hemm relazzjoni diretta bejn id-dewmien u l-ħsara ikbar għall-objettivi tal-Komunità segwiti mir-regoli tal-kompetizzjoni. Hija mbagħad spjegat li l-Linji gwida ma stabbilixxew ebda sovrapożizzjoni jew interdipendenza bejn l-evalwazzjonijiet tal-gravità u t-tul ta’ żmien. Minflok, huma jistabbilixxu erba’ passi distinti. Il-Kummissjoni għandha:
(a) tevalwa s-serjetà tal-ksur bħala tali sabiex tiffissa l-ammont inizjali;
(b) tanalizza s-serjetà tal-ksur f’relazzjoni mal-karatteristiċi ta’ kull impriża, li tista’ tagħti lok għal piż tal-ammont inizjali;
(ċ) tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur għall-iffissar tal-ammont bażiku; u
(d) tikkunsidra ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu l-aġġustament tal-multa.
156. B’hekk is-serjetà tal-ksur jew l-intensità jew l-effetti tal-akkordju ma humiex neċessarjament parti miż-żieda għal dewmien fit-tielet pass. Peress li l-argumenti ta’ KME li ż-żieda kien imissha kienet inqas minn 10 % għal kull sena kienu bbażati totalment fuq dawk l-elementi, dawk l-argumenti kienu infondati. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ż-żieda riżultanti ta’ 125 % ma kinitx manifestament sproporzjonata.
157. KME issa targumenta li l-evalwazzjoni kienet inġusta u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tissostitwiha bl-evalwazzjoni tagħha stess. Madankollu, “[...] f’appell, l-iskop tal-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa, fl-ewwel lok, li teżamina sa liema grad il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod legalment korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità tal-aġir partikolari [...] u, fit-tieni lok, li tikkunsidra jekk il-Qorti Ġenerali rrisponditx b’mod suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellant bil-għan li l-multa tiġi kkanċellata jew imnaqqsa [...]. Rigward in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa, […] ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, fuq il-bażi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Qorti Ġenerali li tkun qiegħda teżerċita l-ġurisdizzjoni illimitata tagħha sabiex tiddeċiedi dwar l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi għal ksur tad-dritt tal-[UE]” (40).
158. Għaldaqstant, it-tielet aggravju ta’ KME huwa inammissibbli. Barra minn hekk, għar-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali, huwa infondat.
159. Rigward l-adegwatezza tal-eżami tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tinnota li (fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, iżda b’riferiment għat-trattament tat-tielet motiv tagħha fl-ewwel istanza) KME tiċċita l-punt 103 tas-sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali tirreferi, fil-kuntest tal-Linji gwida, għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda li għandha tiġi applikata fir-rigward tad-dewmien ta’ ksur. Madankollu, fil-punt 100, il-Qorti Ġenerali kienet diġà għamlet il-konstatazzjoni affermattiva li “żieda fil-multa abbażi tat-tul ma hijiex limitata għall-każ fejn hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu ikbar (41) ikkawżat lill-għanijiet Komunitarji previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni”. Fir-rigward tal-argument ta’ KME li l-Kummissjoni kienet illimitat lilha nfisha f’dan ir-rigward billi adottat il-Linji gwida, fil-punt 102 il-Qorti Ġenerali spjegat is-sistema ta’ dawn il-Linji gwida u, fil-punt 103, hija waslet għall-konklużjoni affermattiva li “[m]inn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat, fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha […] ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur”. B’hekk il-Qorti Ġenerali kkunsidrat l-argument ta’ KME li l-Kummissjoni kienet intrabtet b’mod partikolari billi adottat il-Linji gwida u kkonkludiet b’mod affermattiv li fil-fatt ma kinitx għamlet dan.
Evalwazzjoni
160. Karatteristika mhux mistennija ta’ dan l-aggravju (u tal-motiv korrispondenti fl-ewwel istanza, u anki tal-parti rilevanti tad-deċiżjoni inkwistjoni) hija li jirriżulta li l-kwistjoni kollha hija bbażata totalment fuq żball aritmetiku elementari li jidher ċar mis-sentenza appellata, għalkemm jidher li qabeż l-attenzjoni ta’ dawk kollha kkonċernati.
161. L-ilment ta’ KME sa mill-bidu kien li l-multa tagħha ġiet miżjuda b’125 %, proporzjon li hija tikkunsidra eċċessiv, abbażi tat-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni ma kkontestatx dik il-premessa b’ebda mod (li mingħajr dubju hija r-raġuni għalfejn ġiet aċċettata mingħajr ebda domanda mill-Qorti Ġenerali) u donnha kienet taħt l-impressjoni li fil-fatt żiedet il-multa ta’ KME b’125 % fid-deċiżjoni inkwistjoni. Iżda fil-fatt ma għamlitx hekk.
162. Il-fatt li ż-żieda kienet konsiderevolment inqas jirriżulta b’mod ċar mingħajr ma hemm għalfejn nirrikorru għal kalkolu kumpless. Jekk somma tiżdied b’100 %, tiġi rduppjata; għalhekk, jekk tiżdied b’125 %, tkun iktar milli rduppjata. Madankollu, jekk inqabblu ċ-ċifri totali mogħtija għall-grupp KME kollu fil-punti 17 u 19 tas-sentenza appellata (EUR 35 miljun u EUR 56.88 miljun rispettivament) (42), nistgħu naraw li ż-żieda ddettaljata fil-punt 19 wasslet sabiex l-ammont inizjali jkun inqas mid-doppju. Fil-fatt, iż-żieda vera kienet ta’ 62,5 % (43), eżattament nofs dak li ġie allegat, preżunt jew aċċettat matul il-kawża. Effettivament, il-Kummissjoni ttrattat l-aġir ta’ KME bħala parteċipazzjoni f’żewġ ksur separati, wieħed ta’ seba’ snin u wieħed ta’ ħames snin u nofs, li jwasslu għal żieda totali iktar baxxa għad-dewmien milli fil-każ ta’ Outokumpu u Wieland, minkejja li l-aġir dam ta’ mill-inqas 12-il sena u 10 xhur għall-parteċipanti kollha (44).
163. Hija ħaġa inkwetanti li tali diskrepanza ta’ kważi EUR 22 miljun (45) ma ġietx osservata. Forsi l-kontabilisti ta’ KME ma vverifikawx il-kalkoli fid-deċiżjoni inkwistjoni, jew ma rawx il-bżonn li jiġbdu l-attenzjoni għal din il-kwistjoni, u l-avukati tagħha forsi ma kellhomx il-ħiliet matematiċi bażiċi rilevanti jew sens ta’ kwistjonijiet ta’ daqs. Jista’ jkun ukoll li ċ-ċifri qatt ma ġew ivverifikati mill-Kummissjoni, kemm fl-istadju tal-kalkolu tal-multa jew matul il-proċeduri quddiem il-Qorti. Jekk (kif jidher improbabbli) l-intenzjoni tabilħaqq kienet li tiġi applikata żieda totali ta’ 62.5 %, jidher li ta’ mill-inqas ma kien hemm ebda komunikazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni bejn dawk responsabbli għall-iffissar tal-multa u dawk responsabbli sabiex jiddefendu l-kawża mressqa minn KME.
164. Fi kwalunkwe każ, ir-riżultat nett jidher li huwa li, waqt li l-multi għal Outokumpu u Wieland tabilħaqq ġew miżjuda b’125 % (total kumulattiv ta’ ftit inqas minn 10 % għal kull sena tal-ksur) f’dan l-istadju tal-kalkolu, il-multi għal KME ġew miżjuda biss bi 62.5 % (ftit inqas minn 5 % għal kull sena), minkejja li pparteċipat fl-akkordju, jew bħala grupp jew bħala kumpanniji differenti, għall-istess tul ta’ żmien (46). Dan jesponi dak li jidher li kien difett fid-deċiżjoni inkwistjoni li, kieku ġie nnotat, seta’ ġie kkontestat minn Outokumpu jew Wieland jew seta’ wassal lill-Qorti Ġenerali biex iżżid il-multa kontra KME.
165. Il-kwistjoni hi, madankollu: dan kif jaffettwa l-aggravju preżenti?
166. Fil-fehma tiegħi, dan jidher, li jagħmel l-aggravju inoperattiv. Tabilħaqq, jidher li jagħmel il-motiv oriġinali fl-ewwel istanza inoperattiv, u l-argumenti tal-Kummissjoni, flimkien mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, irrilevanti. L-argument ta’ KME huwa li l-Kummissjoni ma misshiex applikat iż-żieda massima ta’ 10 % għal kull sena tal-ksur fir-rigward ta’ dewmien preżunt ta’ (pjuttost iktar minn) 12-il sena u nofs, li rriżultat f’żieda totali ta’ 125 %. Il-Kummissjoni ma għamlitx hekk, u l-kwistjoni għandha tieqaf hemmhekk.
167. Fit-teorija, huwa minnu li huwa possibbli li tiġi indirizzata separatament il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kienx imissha applikat iż-żieda massima ta’ 10 % għal kull sena bil-mod kif għamlet, li rriżulta f’żieda totali ta’ 62,5 %. Madankollu, kemm ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kif ukoll l-argument ta’ KME fl-appell huma bbażati fuq il-preżunzjoni li ż-żieda totali kienet ta’ 125 %. Tkun purament spekulazzjoni jekk tiġi indirizzata l-kwistjoni fid-dawl ta’ x’setgħu kienu dak ir-raġunament u dak l-argument kieku ġiet ikkunsidrata ż-żieda vera.
168. Jista’ jingħad li n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tinnota d-diskrepanza jsostni l-eċċezzjoni ta’ KME li l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju kien inadegwat. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għamlet xejn iktar għajr li bbażat is-sentenza tagħha fuq premessa li kienet aċċettata miż-żewġ partijiet. Barra minn hekk, kieku dik il-Qorti stabbilixxiet li l-premessa kienet żbaljata, ir-riżultat ma kienx ikun iktar favorevoli għal KME – li ma tistax, għaldaqstant, tallega li d-drittijiet tagħha kienu b’xi mod affettwati ħażin.
Ir-raba’ aggravju: tnaqqis tal-multa abbażi ta’ kooperazzjoni
Siltiet rilevanti mis-sentenza appellata
169. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni naqqset il-multa ta’ Outokumpu sabiex tikkunsidra l-fatt li hija kienet ressqet provi li jippermettu li t-tul tal-ksur jiġi stabbilit bħala 12-il sena u 10 xhur, minflok erba’ snin biss. It-tnaqqis poġġa lil Outokumpu fl-istess pożizzjoni daqs li kieku ż-żieda għat-tul kienet biss ta’ 40 % minflok 125 %.
170. Fir-raba’ parti tar-raba’ motiv tagħha fl-ewwel istanza, KME argumentat li, bi ksur tal-Linji gwida u tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjoni tagħhom sabiex jiġi stabbilit it-tul totali tal-ksur. Peress li kienet l-ewwel waħda li pprovdiet lill-Kummissjoni bi provi deċiżivi (għall-kuntrarju ta’ sempliċi informazzjoni) għal żewġ perijodi tal-ksur (Mejju 1988 sa Novembru 1992 u Mejju 1998 sat-tmiem tal-1999), KME kien imissha bbenefikat minn tnaqqis fil-multa tagħha għal dawk il-perjodi, bl-istess mod kif ġiet imnaqqsa l-multa ta’ Outokumpu.
171. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fil-punti 123 sa 133 tas-sentenza tagħha:
“123 […] għandu jiġi kkonstatat li, skont in-Notifika tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, la Outokumpu u lanqas ir-rikorrenti ma setgħu jibbenefikaw minn tnaqqis ogħla minn 50 % tal-ammont finali tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom, peress li huma ma kinux żvelaw il-ksur lill-Kummissjoni qabel ma din kienet bdiet tagħmel investigazzjonijiet li pprovdewlha raġunijiet biżżejjed sabiex tibda l-proċedura ta’ ksur li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.
124 Huwa wkoll paċifiku li huwa b’memorandum ta’ Outokumpu tat-30 ta’ Mejju 2001 li l-Kummissjoni kienet ġiet informata, għall-ewwel darba, dwar id-dewmien totali tal-kartell. Fil-fatt, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta preċedentement mill-kumpannija Mueller Industries, il-Kummissjoni kienet biss f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn Mejju 1994 sa Mejju 1998. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li huwa bis-saħħa tal-informazzjoni li huma bagħtu lill-Kummissjoni f’Otubru 2002 li din tal-aħħar setgħet tipprova b’mod definittiv l-eżistenza tal-kartell għall-perijodi bejn Mejju 1988 u Novembru 1992 u Mejju 1998 u l-aħħar tas-sena 1999.
125 Billi stabbiliet id-dewmien addizzjonali tal-ksur, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li żżid l-ammonti inizjali tal-multi imposti fuq dawk li wettqu l-ksur b’125 % minflok b’40 %, bis-saħħa tal-Punt 1B tal-Linji gwida. Għaldaqstant l-impriżi li kienu pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq id-dewmien addizzjonali tal-ksur ħadu r-riskju li jaraw l-ammont inizjali tal-multi tagħhom miżjud b’85 % iktar.
126 Dan huwa paradoss inerenti għan-Notifika tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, fis-sens li impriża li taqa’ taħt il-Punt D tal-imsemmija Komunikazzjoni u li tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni tieħu r-riskju li tiġi ssanzjonata b’mod iktar iebes milli fil-każ fejn li hija ma tkunx ipprovdiet din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-Linji gwida, li abbażi tiegħu “kollaborazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċediment [fil-proċedura], barra l-għan [mill-kamp ta’ applikazzjoni] [tan-Notifika tal-1996 dwar il-kooperazzjoni]” tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, jippermetti li jiġi rrimedjat dan il-paradoss.
127 F’dan il-każ, billi applikat, mingħajr ma semmitu, is-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tat, fil-fatt, immunità lil Outokumpu f’dak li jikkonċerna d-dewmien addizzjonali tal-akkordju, li hija kienet injorat qabel ma rċeviet il-memorandum tagħha tat-30 ta’ Mejju 2001 (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).
128 Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata, jew bis-saħħa tas-sitt inċiż tal-Punt 3 tal-Linji gwida, jew skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tagħti wkoll tnaqqis lir-rikorrenti għall-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni, iktar minn sittax -ilxahar wara Outokumpu, dwar il-perijodi bejn l-1988 u l-1992 u l-1998 u l-1999.
129 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 307).
130 Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li huwa inerenti għal-loġika tal-immunità minn multi li wieħed biss mill-membri ta’ akkordju jista’ jibbenefika minnha, peress li l-effett imfittex huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi jkun inkoraġġut l-iiżvelar tagħhom lill-Kummissjoni. Issa, din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed minnhom biss jista’ jibbenefika minn immunità minn multa billi jiżvela l-parteċipanti l-oħra fil-ksur, u b’hekk jesponihom għar-riskju li jiġu imposti fuqhom multi iktar iebsin.
131 F’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn il-Kummissjoni taf li jeżisti akkordju, iżda m’għandhiex ċerti elementi essenzjali li jistgħu jistabbilixxu d-dewmien totali ta’ dan il-ksur, huwa partikolarment mixtieq li jkun hemm rikors għal tali mekkaniżmu, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li dawk li wettqu l-ksur ma jaqblux bejnithom fuq il-ħabi tal-imsemmija elementi.
132 Sitwazzjoni bħal din hija differenti minn dik fejn il-Kummissjoni digà taf bil-provi, iżda tipprova tikkomplethom. F’din l-ipoteżi tal-aħħar, l-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa lil dawk li wettqu l-ksur minflok immunità minn multa lil impriża waħda huwa ġġustifikat mill-fatt li l-għan mhuwiex iktar li tirrileva ċirkustanza ta’ natura li twassal għal żieda fil-multa imposta, iżda li tiġbor kemm jista’ jkun possibbli provi sabiex tiġi rinfurzata l-kapaċità tal-Kummissjoin li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni.
133 F’dak li jikkonċerna l-allegat trattament inugwali bejn Outokumpu u r-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huma ma kinux jinstabu f’sitwazzjoni simili peress li dik tal-ewwel ipprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tirrigwarda d-dewmien addizzjonali ta’ tmien snin u nofs tal-akkordju iktar minn sena qabel ir-rikorrenti.”
Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
L-appell ta’ KME
172. KME tosserva li ċ-ċirkustanza attenwanti ta’ “kooperazzjoni barra mill-Komunikazzjoni dwar klemenza” timla lakuna fil-Komunikazzjoni dwar klemenza tal-1996 – li ġiet irrimedjata fl-2002 – billi tiżgura li kumpannija li tipprovdi lill-Kummissjoni bi provi dwar fatti li qabel ma kinitx taf dwarhom, relatati mal-gravità u/jew it-tul tal-ksur, ma tiġix immultata b’mod iktar iebes milli kieku ma tkunx għamlet dan. Tali kumpannija tingħata immunità parzjali fir-rigward ta’ aspetti tal-ksur li qabel ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni, li hija ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi. Per definizzjoni, kumpannija waħda biss tista’ tibbenefika. Peress li KME ma kkontestatx dan il-prinċipju, kien fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tat-talba tagħha li l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx meħtieġa “tagħti wkoll tnaqqis lir-rikorrenti għall-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni, iktar minn sittax–il xahar wara Outokumpu, dwar il-perijodi ta’ bejn l-1988 u l-1992 u l-1998 u l-1999”.
173. KME tqis li hemm żewġ testijiet alternattivi għall-applikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti: din tapplika għall-ewwel kumpannija li tipprovdi lill-Kummissjoni (a) bl-informazzjoni jew (b) bi prova li qabel ma kinitx taf biha li jkollha impatt fuq il-gravità jew it-tul ta’ ksur. Hija tikkunsidra li t-tieni test huwa dak korrett, u li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat applikat l-ewwel test meta evalwat liema wieħed miż-żewġ membri tal-kartell li kkooperaw – KME jew Outokumpu – kienu jikkwalifikaw biex jibbenefikaw. Nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq il-kunsiderazzjonijiet segwenti:
(i) id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u l-2006 (47) t-tnejn jindikaw b’mod ċar li hija biss impriża li tissottometti provi (u mhux sempliċement informazzjoni) lill-Kummissjoni li tista’ tibbenefika minn immunità parzjali;
(ii) il-Kummissjoni ma għamlet xejn ġdid fil-politika tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ multi wara l-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u l-2006, u b’hekk ma għandhiex tinterpreta “kooperazzjoni barra mill-Komunikazzjoni dwar klemenza” fil-Komunikazzjoni tal-1996 b’mod inkonsistenti mal-Komunikazzjoni tal-2006;
(iii) skont il-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u l-2006, il-fatt li l-Kummissjoni seta’ kellha xi għarfien dwar attività ta’ kartell ma twaqqafx lil applikant għal klemenza milli jingħata immunità sħiħa minn multi anki meta tali għarfien ikun suffiċjenti sabiex issir spezzjoni fuq is-sit (iżda insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur); bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni seta’ kellha xi għarfien ta’ aġir antikompetittiv għal ċertu perjodu – inkluż bħala riżultat ta’ informazzjoni mhux sostanzjata pprovduta minn parteċipant f’kartell – ma għandux iwaqqaf lil applikant għall-klemenza milli jingħata immunità parzjali jekk sussegwentement jipprovdi prova adegwata ta’ tali aġir li tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-kartell għal dak il-perjodu;
(iv) finalment, l-impriżi jkunu ħafna inqas disposti li jikkooperaw mal-Kummissjoni jekk ikunu qegħdin jibżgħu li jiġu mmultati għal perjodi li fir-rigward tagħhom huma kienu l-uniċi li pprovdew il-provi meħtieġa; mingħajr il-kooperazzjoni ta’ KME, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-ksur kontinwu mill-1988 sal-2001; ir-ratio li ġġustifika l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti rilevanti għal Outokumpu għall-perijodi 1988-1993 u 1999-2001 kien japplika wkoll għal KME għal dawk il-perjodi; għaldaqstant kien inġust għal KME, wara li pprovdiet lill-Kummissjoni bi provi li ma kinux magħrufa qabel relatati kemm mad-dewmien kif ukoll mal-gravità tal-ksur, li tiġi ppenalizzata għal ksur itwal, li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi (u mhux biss tissuspetta) minħabba l-kooperazzjoni ta’ KME.
174. KME għalhekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali naqset milli tistabbilixxi li KME għandha tibbenefika minn tnaqqis tal-multiplikatur għad-dewmien applikat għall-ammont inizjali tal-multa għall-perjodi minn Mejju 1988 sa Novembru 1992 u minn Mejju 1998 sat-tmiem tal-1999, sabiex tannulla l-parti rilevanti tad-deċiżjoni inkwistjoni u tikkalkula l-multa mill-ġdid b’mod korrispondenti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
175. Il-Kummissjoni ssostni li, għall-evalwazzjoni tagħha ta’ meta immunità parzjali – għall-kuntrarju ta’ tnaqqis fil-multa għal kooperazzjoni – għandha tkun disponibbli, il-Qorti Ġenerali pprovdiet spjegazzjoni ċara u loġika li tispjega l-argumenti legali kollha ta’ KME. Fil-punti 123 sa 127 tas-sentenza tagħha, hija spjegat li, peress li żvelat it-tul kollu tal-akkordju lill-Kummissjoni, Outokumpu kienet ippermettiet lill-Kummissjoni li żżid l-ammont inizjali fuq il-multa tagħha b’85 %, waqt li t-tnaqqis massimu mill-multa għal kooperazzjoni kien ta’ 50 %. Il-Kummissjoni indirizzat dan il-paradoss billi tat lil Outokumpu tnaqqis mill-multa ekwivalenti għal immunità parzjali għad-dewmien addizzjonali li żvelat. Fil-punti 131 u 132, il-Qorti Ġenerali spjegat kif tali sitwazzjoni hija differenti minn dik ta’ impriżi li sempliċement jipprovdu evidenza fir-rigward ta’ perjodu tal-akkordju diġà magħruf mill-Kummissjoni.
176. KME titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali bit-test preferit ta’ KME. Dan mhux talli huwa inammissibbli iżda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija manifestament korretta waqt li KME hija manifestament żbaljata. Meta Outokumpu pprovdiet informazzjoni mhux magħrufa lill-Kummissjoni, hija żvelat id-dewmien sħiħ tal-akkordju u l-Kummissjoni setgħet għall-ewwel darba tinvestiga u tfittex provi li juru t-tul kollu. Mingħajr dan l-iżvelar, ma kien ikun hemm ebda possibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ ksur fir-rigward tas-snin mhux magħrufa. KME sempliċement ipprovdiet prova li, waqt li fiha nfisha kienet għadha mhux fil-pussess tal-Kummissjoni, kienet relatata ma’ elementi tal-ksur li kienu diġà magħrufa (matul it-tul diġà żvelat minn Outokumpu) u b’hekk ma kellhiex impatt daqstant fundamentali fuq l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni diġà kienet qiegħda tinvestiga u tfittex provi biex tipprova t-tul tal-akkordju, u setgħet tikseb tali provi anki mingħajr l-assistenza ta’ KME. KME ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni, iżda xejn iktar minn hekk.
177. Id-distinzjoni ta’ KME bejn informazzjoni u provi ma hijiex deċiżiva. Fir-realtà, l-“informazzjoni” pprovduta minn Outokumpu kienet ukoll prova. Il-memorandum ta’ Outokumpu tat-30 ta’ Mejju 2001, li għalih isir riferiment fil-punt 124 tas-sentenza appellata, intuża bħala prova fid-deċiżjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-“prova” pprovduta minn KME b’mod ċar tat lill-Kummissjoni informazzjoni dwar ċerti dettalji tal-akkordju. Il-fattur deċiżiv huwa jekk xi “informazzjoni” jew “prova” turix għall-ewwel darba element tal-akkordju li taffettwa l-gravità jew it-tul tiegħu li ma setax jiġi investigat mingħajr il-kontribuzzjoni tal-impriża kkonċernata.
178. Barra minn hekk, KME ma kinitx tingħata immunità parzjali taħt il-Komunikazzjoni dwar klemenza tal-2002, li hija tiċċita. Dik il-Komunikazzjoni toffri immunità parzjali lil impriża li “jipprovdi prova dwar il-fatti li qabel ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni li għandhom effett dirett fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju ssuspettat”. L-evidenza pprovduta minn KME kienet relatata ma’ fatti li qabel kienu magħrufa mill-Kummissjoni, jiġifieri d-dewmien sħiħ tal-akkordju.
179. It-test alternattiv ta’ KME jiddupplika – u jrendi mhux prattiku – it-test għall-għoti ta’ tnaqqis għal kooperazzjoni fis-Sezzjoni D tal-Komunikazzjoni dwar klemenza tal-1996, li taħtu kumpannija li tipprovdi “informazzjoni, dokumenti jew provi oħrajn li jikkontribwixxu b’mod materjali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % sa 50 %. It-test ta’ KME jagħti immunità meta l-Komunikazzjoni dwar klemenza tipprovdi espliċitament għal tnaqqis massimu ta’ 50 %, u b’hekk teqred is-sistema maħluqa mill-Komunikazzjoni dwar klemenza. KME ġiet ippremjata b’mod adegwat għall-kooperazzjoni tagħha bi tnaqqis ta’ 30 % tal-multa, li ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali u ma ġiex ikkontestat fl-appell.
180. Rigward l-adegwatezza tal-iskrutinju tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tosserva li (fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, iżda b’riferiment għat-trattament tar-raba’ motiv tagħha fl-ewwel istanza), KME tiċċita l-punt 115 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni vinkolanti fil-Linji gwida, il-Kummissjoni żammet grad ta’ latitudni dwar ċirkustanzi attenwanti, u l-punt 129, fejn innotat għal darb’oħra li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, dawn l-osservazzjonijiet saru fil-kuntest tal-argumenti ta’ KME li Kummissjoni kienet kisret il-punt 3 tal-Linji gwida meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti. Il-kwistjoni għall-Qorti Ġenerali kienet jekk dawk l-argumenti kinux jirrigwardaw kwistjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni kienet intrabtet fil-Linji gwida jew li dwarhom kienet żammet is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Dan ma jindikax nuqqas li jiġi pprovdut stħarriġ ġudizzjarju adegwat, iżda sempliċement jirrifletti n-natura tal-argumenti li KME ppreżentat fl-ewwel istanza. Fir-rigward tal-ilment li KME kellha tingħata immunità parzjali minflok “sempliċi” tnaqqis fil-multa għal kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe każ ikkonstatat b’mod affermattiv li dak kien ikun żbaljat, u ddikjarat, pereżempju, fil-punt 132, li “l-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa lil dawk li wettqu l-ksur minflok immunità minn multa lil impriża waħda huwa ġġustifikat mill-fatt li l-għan ma huwiex iktar li tirrileva ċirkustanza ta’ natura li twassal għal żieda fil-multa imposta […]”.
Evalwazzjoni
181. Nosserva li, kieku l-multa ta’ KME tnaqqset fid-deċiżjoni inkwistjoni b’mod li, effettivament, tinnewtralizza ż-żieda abbażi tad-dewmien għall-perijodi li jammontaw għal sitt snin u xahar li fir-rigward tagħhom hija tallega li pprovdiet lill-Kummissjoni bi “provi deċiżivi”, ir-riżultat kellu jkun ekwivalenti għall-applikazzjoni ta’ żieda fir-rigward tas-sitt snin u disa’ xhur li jifdal tal-ksur biss. Kieku r-rata annwali nżammet fil-livell ta’ 10 %, bħal ma kienet għall-parteċipanti l-oħra, dan kien jimplika żieda ta’ 67.5 % – jiġifieri, 5 % iktar miż-żieda totali applikata attwalment (u forsi mhux volontarjament) (48). B’hekk, għal darb’oħra, ikun jidher plawżibbli li, kieku l-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni, ir-riżultat seta’ ma kienx ta’ benefiċċju għal KME anki kieku rnexxielha b’dak l-argument partikolari.
182. Inkwantu dan huwa l-każ, jista’ jitqies possibbli li jittieħed l-istess approċċ li jiena ssuġġerejt għat-tielet aggravju, biex b’hekk jiġi kkonstatat li dan l-aggravju (flimkien mal-argument fl-ewwel istanza) huwa inoperattiv. Hawnhekk, madankollu, jidhirli li l-kwistjoni jekk KME kellhiex tiġi ttrattata daqs li kieku ma pparteċipatx fl-akkordju matul perjodi li fir-rigward tagħhom ipprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza ma hijiex magħquda b’mod inseparabbli mal-kwistjoni tal-perċentwal ta’ żieda, u b’hekk tista’ tiġi indirizzata separatament.
183. L-argument ta’ KME huwa bbażat, essenzjalment, fuq tliet proposti, li kollha kemm huma għandhom jiġu stabbiliti fil-prinċipju sabiex jintlaqa’ l-argument: (a) informazzjoni li tiżvela perjodu ta’ ksur għandha tiġi distinta minn provi li juru li l-ksur seħħ matul dan il-perjodu; (b) meta l-ewwel tiġi pprovduta informazzjoni minn parti waħda u sussegwentement jiġu pprovduti provi minn parti oħra, hija din tal-aħħar biss li għandha tibbenefika minn kwalunkwe immunità fir-rigward tal-perjodu kkonċernat; u (ċ) fir-rigward tal-perjodi minn Mejju 1988 sa Novembru 1992 u minn Mejju 1998 sat-tmiem tal-1999, KME pprovdiet provi waqt li Outokumpu preċedentement kienet ipprovdiet biss informazzjoni.
184. Rigward (a), naqbel mal-Kummissjoni li ebda distinzjoni valida ma tista’ ssir bejn informazzjoni (li permezz tagħha KME tidher li qed tifhem dikjarazzjonijiet ibbażati fuq memorja) u prova (li permezz tagħha tidher li qed tifhem dokumenti jew oġġetti tanġibbli oħrajn li minnhom jistgħu jiġu dderivati konklużjonijiet). Fil-fatt, informazzjoni tipprovdi prova (għaliex kieku mhux hekk, qatt ma jkun hemm skop biex jinstemgħu xhieda fi proċeduri legali) u prova tipprovdi informazzjoni (mingħajrha ma tkun tiswa xejn). Il-Qorti Ġenerali b’hekk ma kinitx żbaljata meta ttrattat il-kontribuzzjonijiet ta’ Outokumpu u KME fuq l-istess livell fir-rigward tan-natura tal-utilità tagħhom għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
185. Rigward (b), anki jekk, b’mod ġenerali, informazzjoni u provi ma jistgħux jiġu distinti min-natura tagħhom f’termini tal-utilità tagħhom għal investigazzjoni, huwa pjuttost possibbli għal kontribuzzjonijiet differenti, kemm jekk ta’ “informazzjoni” jew “provi”, li jvarjaw bil-kbir fl-utilità fil-kuntest ta’ investigazzjoni speċifika. B’hekk huwa possibbli li parteċipant wieħed f’akkordju jipprovdi informazzjoni jew provi ta’ perjodu ta’ ksur li jkunu tant vagi u inkonklużivi li ma jkunu ta’ ebda użu prattiku għall-Kummissjoni, u għal ieħor li sussegwentement jipprovdi informazzjoni jew provi dettaljati li jkunu ta’ importanza deċiżiva sabiex jiġi stabbilit li l-ksur seħħ matul il-perjodu inkwistjoni. F’tali każ, ma jkunx jidher xieraq kieku l-Kummissjoni kellha tagħti tnaqqis fil-multa f’dan ir-rigward, favur dan tal-aħħar, u kieku kellha minflok tiffavorixxi lil tal-ewwel, tal-aħħar ġustifikabbilment jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ l-approċċ fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għalkemm l-eżitu jkun jiddependi fuq l-evalwazzjoni tal-fatti minn dik il-Qorti. Fi kwalunkwe każ, huwa inkontestat li l-“loġika ta’ immunità minn multi” li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 130 tas-sentenza tagħha timmilita favur li jiġi ppremjat biss l-ewwel parteċipant li jipprovdi informazzjoni jew provi adegwati.
186. Rigward (ċ), il-kwistjoni jekk il-“prova” ta’ KME kinitx ta’ importanza deċiżiva sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-akkordju kien qed jiffunzjona matul il-perijodi inkwistjoni, waqt li l-“informazzjoni” iktar bikrija ta’ Outokumpu ma kinitx tali li tippermetti li tintlaħaq xi konklużjoni, hija kwistjoni ta’ fatt li ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell. Huwa ċar, barra minn hekk, mill-punti 128 u 131 sa 133 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat f’dan ir-rigward li Outokumpu pprovdiet informazzjoni essenzjali li tista’ tistabbilixxi t-tul totali tal-ksur, li KME ssupplimentat, iktar minn 16-il xahar wara, bi provi li saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti. Fuq il-bażi ta’ tali evalwazzjoni fattwali, ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-raba’ parti tar-raba’ motiv ta’ KME.
187. Finalment, fir-rigward tal-kwistjoni tal-adegwatezza tar-reviżjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, huwa ċar li d-dikjarazzjonijiet li saru minn din il-Qorti fir-rigward tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni meta ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni fatturi attenwanti b’ebda mod ma waqqfuha milli teżamina u tirrispondi b’mod korrett għall-argumenti ta’ KME, u li l-konklużjoni tagħha ntlaħqet fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni reali tal-fatti u l-argumenti quddiemha.
Spejjeż
188. Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2), il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fil-każ preżenti, jien nikkunsidra li l-appell għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni għamlet talba għall-ispejjeż. Għaldaqstant KME għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.
Konklużjoni
189. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej:
– l-appell huwa miċħud; u
– KME Germany AG, KME France SAS u KME Italy SpA huma kkundannati għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Il-Qorti Ġenerali kienet tissejjaħ, f’dak iż-żmien, qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, il-“Qorti tal-Prim’Istanza”. Għall-finijiet ta’ sempliċità u peress li l-bidla kienet purament formali, ser nuża l-isem attwali tagħha f’dawn il-konklużjonijiet.
3 – Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany AG et vs Il-Kummissjoni (T-127/04, Ġabra p. II‑1167) (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”). Il-parteċipanti l-oħra fil-ftehim, li ġew immultati fl-istess deċiżjoni, ukoll ikkontestaw dik id-deċiżjoni, u r-rikorsi tagħhom ukoll ġew miċħuda fl-istess jum: ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke AG vs Il-Kummissjoni (T-116/04, Ġabra p. II‑1087) u s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, Outokumpu Oyj u Luvata Oy vs Il-Kummissjoni (T-122/04, Ġabra p. II‑1135).
4 – Ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1). Verżjoni aġġornata ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Novembru 2007, wara li tneħħew ir-referenzi għal Kostituzzjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1); l-iktar verżjoni kkonsolidata reċenti – ta’ wara Liżbona – hija ppubblikata fil-ĠU 2010, C 83, p. 389.
5 – Verżjoni oriġinali (2000). It-tieni sentenza issa hija fformulata hekk: “Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati”.
6 – L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). B’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolament Nru 17 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ttrasferixxa parti kbira mir-responsabbiltà għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE lill-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.
7 – Sostanzjalment l-istess dispożizzjonijiet issa jinsabu fl-Artikolu 23(2), (3) u (5) tar-Regolament Nru 1/2003.
8 – Sostanzjalment l-istess dispożizzjoni issa tinsab fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.
9 – Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171). Il-Linji Gwida tal-1998 ġew issostitwiti sa mill-1 ta’ Settembru 2006 bil-Linji Gwida dwar il-metodu għall-iffissar ta’ multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2). Il-Linji Gwida tal-2006 jadottaw approċċ pjuttost differenti, li essenzjalment jiffissa ammont bażiku kkalkulat ġeneralment bħala 30 % tal-valur annwali tal-bejgħ li magħhom ikun relatat il-ksur (aġġustat fejn xieraq skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha), immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni u aġġustat ulterjorment fid-dawl ta’ ċirkustanzi aggravanti, ċirkustanzi attenwanti u element ta’ deterrent, kollha fi ħdan il-massimu legali ta’ 10 % tal-fatturat annwali u suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli tal-klemenza (ara l-punt 22 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’l isfel), bil-possibbiltà eċċezzjonali li titnaqqas multa li kieku tkun fatali għal impriża.
10 – Imsejħa wkoll “mitiganti”.
11 – Kif ser jidher fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ aggravji tal-appell, jista’ jkun utli li jiġi speċifikat li dan ifisser (u hija interpretazzjoni li, sa fejn naf jien, qatt ma ġiet ikkontestata) żieda tal-ammont sħiħ b’(≤10 x n)%, fejn n = numru ta’ snin tat-tul tal-ksur. Ara wkoll il-punt 19 tas-sentenza appellata, fil-punt 26 iktar ’l isfel, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’l isfel.
12 – Komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4), applikabbli fiż-żmien rilevanti. Din il-komunikazzjoni ġiet issostitwita mill-14 ta’ Frar 2002 permezz tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tagħhom f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3), li ġiet issostitwita hi stess fl-2006 bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17).
13 – C(2003) 4820 finali (Każ COMP/E-1/38.240 – Pajipijiet industrijali) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata” jew “id-deċiżjoni inkwistjoni”). Sommarju ġie ppubblikat fil-ĠU 2004, L 125, p. 50.
14 – Kompost minn EUR 10,41 miljun għal KME Germany, EUR 10,41 miljun in solidum għal KME France u KME Italy (iż-żewġ somom fir-rigward tal-perjodu mit-3 ta’ Mejju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995), u EUR 18,99 miljun għat-tliet kumpanniji in solidum fir-rigward tal-perjodu mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001.
15 – Għalkemm mhux iddikjarat fis-sentenza appellata, id-deċiżjoni inkwistjoni żiedet l-ammont inizjali b’125 % għal Outokumpu u Wieland, rispettivament minn EUR 17,33 miljun għal EUR 38,98 miljun u minn EUR 11,55 miljun għal EUR 25,99 miljun (premessi 328, 334 u 347 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
16 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra 1966 p. 429, punt 12.
17 – Il-Kummissjoni tidher li qiegħda tirreferi hawnhekk biss għat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi peress li s-siltiet mis-sentenza ċċitati minn KME (ara l-punt 41 iktar ’il fuq) huma relatati biss ma’ dawk il-motivi.
18 – Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi - 22 (8.6.76), punt 82.
19 – Ara, pereżempju, Jussila vs Il-Finlandja GC, Nru 73053/01, QEDB 2006-XIV – (23.11.06).
20 – Ara wkoll l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bot tas-26 ta’ Ottubru 2010, Kawża C‑352/09 P, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, punti 48 sa 52) li jiena nikkonferma kompletament, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
21 – Ma huwiex neċessarju li wieħed jiddeċiedi jekk – kif ġie mistoqsi matul is-seduta – dik l-istigma hijiex akbar mill-istigma relatata mal-evażjoni tat-taxxa, għalkemm is-sempliċi fatt li tqajjem il-punt ma jagħmilx ġieħ lill-perċezzjoni tal-moralità tan-negozju.
22 – Ma jidhirlix li huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet ta’ KME dwar iż-żieda konsiderevoli fil-livell ta’ multi imposti mill-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin; ma hijiex is-severità tas-sanzjonijiet realment imposti li tiddefinixxi n-natura tal-ksur iżda l-firxa ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti.
23 – Il-Linji gwida jitkellmu dwar “l-objettivi segwiti fil-penalizzazzjoni ta’ ksur” u jirreferu għall-iffissar tal-multa “f’livell li jiżgura li għandha effett ta’ deterrent suffiċjenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
24 – Deċiżjoni tat-Tielet Sezzjoni, tat-3 ta’ Ġunju 2004, dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi Nri 69042/01, 69050/01, 69054/01, 69055/01, 69056/01 u 69058/01, OOO Neste St Petersburg et vs Ir-Russja.
25 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 43 tas-sentenza, li jiċċita Société Stenuit vs Franza, sentenza - Nru 232-A (27.2.92), b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.
26 – Ara wkoll Albert u Le Compte vs Il-Belġju – 58 (10.2.83).
27 – Ara Belilos vs L-Isvizzera – 132 (29.4.88).
28 – KME tiċċita, pereżempju, D. Slater et, Competition law proceedings before the European Commission and the right to a fair trial: no need for reform?, GCLC Working Paper 04/08; u S. Wisking, Does the European Commission Provide Parties with a Proper Opportunity to be Heard on the Level of Fines?, GCP – The Online Magazine for Global Competition Policy (edizzjoni Ġunju 2009(2)).
29 – Għalkemm għandu jiġi rrikonoxxut li ttieħdu passi f’diversi punti fiż-żmien sabiex tiġi pprovduta separazzjoni aħjar tal-funzjonijiet, bl-iktar eżempju notevoli forsi jkun id-deċiżjoni li jinħatar uffiċjal indipendenti tas-seduti biex jippresjedi matul is-seduta, minflok direttur tad-direttorat li jkun qed imexxi l-investigazzjoni, kif kien il-każ qabel (ara l-Ħdax-il Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (1981), punt 26).
30 – L-istess ikun minnu anki jekk il-proċeduri jkunu jirrigwardaw tilwima purament “ċivili” (ara, pereżempju, Obermeier vs L-Awstrija – 179 (28.6.90), li jinkludu tilwim taħt id-dritt amministrattiv.
31 – Ara Valico S.r.l. vs L-Italja (deċ.), Nru 70074/01, QEDB 2006-III, p. 20 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.
32 – Ara Crompton vs Ir-Renju Unit, Nru 42509/05, – (27.10.09), punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.
33 – Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 24).
34 – Iċċitata fil-punt 68 tas-sentenza appellata, punt 73.
35 – Li, anki jekk jagħti lok għal xi eżitazzjoni bl-Ingliż, huwa l-ekwivalenti tal-frażi inekwivoka “[à] titre surabondant” fil-verżjoni Franċiża b’liema lingwa l-Qorti Ġenerali fformulat is-sentenza tagħha.
36 – Nirreferi b’mod partikolari għas-sommarji fil-punt 95 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo mogħtija fis-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, u l-punti 129 u 130 tas-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, it-tnejn iċċitati fil-punt 64 tas-sentenza appellata, ikkwotata fil-punt 84 iktar ’il fuq.
37 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 299 sa 301 u 314 tad-deċiżjoni inkwistjoni.
38 – Iċċitata fil-punt 91 tas-sentenza appellata.
39 – Sentenza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni (T-279/02, Ġabra 2006 p. II‑897, punti 247 u 254).
40 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni (C-359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punti 47 u 48).
41 – Il-verżjoni Ingliża tas-sentenza appellata tuża “acute” hawnhekk, iżda l-verżjoni Franċiża (b’liema lingwa s-sentenza ġiet ifformulata oriġinarjament) tuża “accru” – jiġifieri, “increased” (miżjud). Fil-ġurisprudenza preċedenti, “accru” ġiet tradotta bħala “serious” (serju). Forsi “aggravated” (aggravat) tkun traduzzjoni aħjar.
42 – Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.
43 – Iktar preċiżament, din kienet ftit iktar minn 62,5 % peress li, wara li għamlet il-kalkoli tagħha, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ’il fuq għad-dritt taċ-ċifra riżultanti minn EUR 56.875 miljun għal EUR 56.88 miljun; madankollu, kien hemm aġġustament kumpensatorju għad-dritt fi stadju sussegwenti meta ġie applikat tnaqqis ta’ 30 %. L-ammonti li bihom ħadmet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni kollha jidhru li huma aġġustati għad-dritt sal-eqreb EUR 10 000.
44 – Peress li l-Grupp KME ġie ffurmat bħala tali biss fl-1995 (għalkemm l-entitajiet kostitwenti tiegħu pparteċipaw fl-akkordju matul il-perjodu sħiħ), il-Kummissjoni qasmet il-multa totali f’żewġ partijiet ugwali: waħda, għall-perjodu mill-1988 sal-1995, sottodiviża ulterjorment bejn id-diversi entitajiet; l-oħra, għall-perjodu mill-1995 sal-2001, għall-grupp bħala ħaġa sħiħa. Għall-ewwel parti, il-Kummissjoni applikat żieda ta’ 70 % u għat-tieni parti żieda ta’ 55 % – biex b’hekk laħqet, kif jidher li ħasbet, total ta’ 125 %, li kienet iż-żieda li fil-fatt applikat għall-ammonti inizjali għal Outokumpu u Wieland (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq). Fil-fatt, madankollu, meta nofs ammont jiżdied b’perċentwal wieħed u n-nofs l-ieħor b’perċentwal differenti, l-ammont totali jiżdied mhux bis-somma, iżda bil-medja, taż-żewġ perċentwali. Dan jidher iktar biċ-ċar jekk nimmaġinaw li kull nofs jiżdied bl-istess perċentwal – ngħidu aħna 55 % f’kull każ; b’mod ċar iż-żieda totali tibqa’ ta’ 55 %, mhux 110 %.
45 – Kieku l-ammont inizjali ta’ EUR 35 miljun kien miżjud b’125%, ir-riżultat kien ikun EUR 78.75 miljun, EUR 21.87 miljun iktar mit-total attwali ta’ EUR 56.88 miljun.
46 – Skont il-kalkolu tiegħi, kieku l-multa ta’ KME kienet suġġetta għall-istess żieda, il-multa totali tagħha wara t-tnaqqis sussegwenti ta’ 30 % kienet tammonta għal EUR 55.125 miljun (35 + 125 % = 78.75; 78.75 – 30 % = 55.125) minflok EUR 39.81 miljun. Dak it-total imbagħad seta’ jiġi mqassam, sal-grad meħtieġ, skont il-proporzjon ta’ 7:5.5, li jirrappreżenta ż-żewġ perjodi mill-1988 sal-1995 u l-1995 sal-2001.
47 – Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq.
48 – Ara l-punt 161 et seq iktar ’il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy