KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2010 (1)
Kawża C-291/09
Francesco Guarnieri & Cie
vs
Vandevelde Eddy VOF
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van Koophandel te Brussell (il-Belġju)]
“Moviment liberu tal-merkanzija – Cautio judicatum solvi”
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat numru ta’ sentenzi fuq jekk regola nazzjonali li titlob li rikorrenti barranin f’proċeduri legali jipprovdu garanzija għall-ħlas ta’ spejjeż (cautio judicatum solvi) tikkonformax mat-Trattat. Din il-kawża ma hijiex tas-soltu għaliex tikkonċerna l-pożizzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-kuntest, il-cautio judicatum solvi tostakolax il-moviment liberu tal-merkanzija.
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat KE (2)
2. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprovdi: “Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”
3. L-Artikolu 28 KE jipprovdi: “Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”
4. L-Artikolu 29 KE jipprovdi: “Restrizzjonijiet kwantitattiv[i] fuq l-esportazzjoni u kull miżura li ghandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”
5. L-Artikolu 30 KE jipprovdi: “Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 28 u 29 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”.
6. Monako ma huwiex elenkat fl-Artikolu 299 KE bħala wieħed mit-territorji li għalih japplika t-Trattat. Barra minn hekk, b’mod differenti (pereżempju) mir-Repubblika ta’ San Marino (3) ma hemm l-ebda ftehim internazzjonali speċjali ma’ Monako li jirregola r-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu mal-Unjoni Ewropea.
Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità
7. L-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 (4) jipprovdi: “[i]t-territorji li ġejjin li jinsabu barra t-territorju ta’ l-Istati Membri, fid-dawl tal-konvenzjonijiet u t-trattati li huma applikabbli għalihom, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mit-territorju doganali tal-Komunità: [...] (b) Franza[:] It-territorju tal-Prinċipalità ta’ Monako kif definit fil-Konvenzjoni Doganali ffirmata f’Pariġi fit-18 ta’ Mejju 1963”.
Leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti
8. Taħt l-Artikolu 851 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, ċittadin ta’ pajjiż barrani li jagħti bidu għal proċeduri legali jew li jintervjeni fi proċeduri legali għandu, fuq talba tal-konvenut Belġjan, jipprovdi garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż u tad-danni li jirriżultaw mill-proċeduri u li jista’ jiġi ordnat iħallas, ħlief fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati li magħhom teżisti konvenzjoni bilaterali li teżenta ċ-ċittadini tagħhom minn dan l-obbligu.
Il-fatti, il-kawża u d-domanda preliminari
9. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, Francesco Guarnieri & Cie (iktar ’il quddiem, “Guarnieri”), hija soċjetà in akkomandita rregolata mid-dritt ta’ Monako, u l-uffiċċju reġistrat tagħha huwa f’Monako. Il-konvenuta, Vandevelde Eddy VOF (iktar ’il quddiem, “Vandevelde”), għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Belġju.
10. Parti terza, Fourcroy NV, għamlet ordni ma’ Vandevelde għal 21 000 tazza u 10 000 xemgħat żgħar u aċċessorji, fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali għall-bejgħ ta’ fliexken tal-likur “Mandarine Napoléon”. Vandevelde ordnat ix-xemgħat żgħar u t-tazzi mingħand Guarnieri.
11. Meta rċeviet il-prodotti, Vandevelde rrifjutat li tħallas lil Guarneri filwaqt li allegat li l-kunsinna kienet saret tard wisq, li l-ippakkjar tal-plastik għal iktar minn 3 000 oġġett u 65 % tat-tazzi kienu miksurin, li dawk l-oġġetti li kienu intatti kienu maħmuġin ħafna u li l-istikers promozzjonali li kienu maħsubin sabiex jitwaħħlu mat-tazzi kienu tpoġġew fuq in-naħa żbaljata.
12. Għaldaqstant Guarnieri fetħet kawża quddiem ir-Rechtbank van Koophandel te Brussel (it-Tribunal kummerċjali ta’ Brussell) fejn talbet il-ħlas ta’ USD 51 034.98 u EUR 16 345.27 għall-bilanċ tal-fatturi pendenti għall-oġġetti pprovduti flimkien mal-interessi moratorji. Permezz ta’ kontrotalba, Vandevelde talbet il-ħlas għal danni ta’ EUR 31 530.38 għal danni materjali, flimkien mal-interessi legali, u ta’ EUR 60 000 għal danni minħabba telf ta’ dħul, flimkien mal-interessi legali.
13. Vandevelde mbagħad talbet, taħt l-Artikolu 851 tal-Kodiċi ġudizzjarju Belġjan, li Guarnieri tiġi ordnata tipprovdi garanzija ta’ EUR 2 500 għall-ħlas tal-ispejjeż.
14. Guarnieri ssostni li l-ordni li hija tipprovdi garanzija għall-ħlas ta’ spejjeż tmur kontra l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u kontra l-Artikoli 28, 29 u 30 KE. Hija ssostni li, minkejja l-fatt li hija stabbilita f’Monako, hija tgawdi mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.
15. Il-qorti tar-rinviju tinnota li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-merkanzija japplikaw direttament u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:
“L-Artikoli 28, 29 u 30 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tal-25 ta’ Marzu 1957, jipprekludu li rikorrent ta’ nazzjonalità ta’ Monako li jressaq proċeduri legali għall-ħlas ta’ kontijiet maħruġa għall-kunsinna ta’ “twister-glazen” u ta’ xemgħat żgħar u aċċessorji, ikun meħtieġ, fuq talba ta’ konvenut ta’ nazzjonalità Belġjana, jagħti garanzija għall-ħlas ta’ spejjeż u ta’ danni li jirriżultaw mill-proċeduri li huwa jista’ jiġi kkundanat iħallas?”
16. Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma ntalbet li ssir l-ebda seduta u l-ebda waħda ma saret.
Evalwazzjoni
Osservazzjonijiet preliminari
L-oriġini tal-prodotti
17. Il-fatt li Guarnieri hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt ta’ Monako u għalhekk hija ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex ikkontestat. Madankollu, id-digriet tar-rinviju tal-qorti nazzjonali u l-atti tal-proċess tagħha ma jinkludu l-ebda informazzjoni dwar l-oriġini tal-oġġetti inkwistjoni. Il-provenjenza tal-oġġetti hija determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni sostantiva fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.
18. Hemm diversi xenarji possibbli dwar l-oriġini tal-prodotti. L-oġġetti setgħu ġew prodotti f’Monako jew (forsi iktar probabbli) ġew importati f’Monako minn pajjiż terz bħat-Tajwan imbagħad mibgħuta minn Monako lejn il-Belġju. Huma setgħu wkoll daħlu fil-Belġju minn Stat Membru ieħor: pereżempju, setgħu ġew prodotti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew importati ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi minn pajjiż terz imbagħad esportati minn hemm lejn il-Belġju (5). Fl-aħħar nett, l-oġġetti setgħu ġew prodotti fil-Belġju nnifsu jew ġew importati direttament fil-Belġju minn pajjiż terz.
19. Il-provenjenza tal-oġġetti hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiddeċidiha l-qorti nazzjonali. Madankollu, l-analiżi legali tal-kwistjoni legali mqajma mill-qorti tar-rinviju tkun differenti, skont x’risposta tingħata għal din id-domanda fundamentali.
Prodotti li joriġinaw f’Monako
20. Jekk l-oġġetti joriġinaw minn Monako, li ma huwiex territorju li għalih japplika t-Trattat taħt l-Artikolu 299 KE, għandu jiġi eżaminat, b’mod preliminari, jekk l-Artikoli 28 u 30 KE japplikawx għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
21. Ma hemm l-ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni dwar jekk l-oġġetti li joriġinaw minn Monako jgawdux mid-dispożizzjonijiet tal-moviment liberu tat-Trattat. Madankollu, l-Avukat Ġenerali Fennelly indirizza l-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħu Estée Lauder (6). Il-prodott f’dak il-każ (prodott kożmetiku) kien prodott f’Monako u mqassam, minn hemm, fl-Ewropa kollha. Id-domanda magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet jekk l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE kif kienu dakinhar u/jew l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kosmetiċi (7) kinux jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-kompetizzjoni inġusta li kienet tippermetti l-projbizzjoni tal-importazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodott kosmetiku mmanifatturat jew imqassam legalment fi Stat Membru tal-UE għar-raġuni li l-konsumaturi jistgħu jiġu mqarrqin minn ismu u jassumu li kellu effetti dejjiema.
22. L-Avukat Ġenerali Fennelly rrikonoxxa li Monaco huwa tassew pajjiż terz, imma kkunsidra li “peress li l-ebda dritt doganali jew taxxa ta’ effett ekwivalenti ma jista’ jiġi applikat għall-kummerċ bejn Monako u l-Komunità, mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidher li l-oġġetti li joriġinaw minn Monako u li jiġu esportati direttament lejn Stat Membru għandhom jiġu ttrattati daqslikieku kienu ta’ oriġini Komunitarja” (8). Wara li eżamina jekk din il-fehma kinitx ġiet imdgħajfa min-nuqqas ta’ sistema eżawrjenti li tirregola r-relazzjonijiet kummerċjali bejn Monako u l-Komunità, l-Avukat Ġenerali Fennelly kkonkluda: “Nemmen li s-sempliċi fatt li Monako huwa parti mit-territorju doganali tal-Komunità jiġġustifika li l-oġġetti li joriġinaw minn Monako jiġu kkunsidrati li jgawdu mir-regoli fuq il-moviment liberu”. (9)
23. Fis-sentenza Estée Lauder, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq motivi oħrajn u għalhekk ma indirizzatx din il-kwistjoni fl-imsemmija sentenza. Madankollu, insostni b’rispett l-approċċ tal-Avukat Ġenerali Fennelly u naqbel mal-fehma tiegħu li oġġetti li joriġinaw minn Monako, flimkien ma’ oġġetti importati ġewwa Monako minn pajjiż terz u mqegħdin f’ċirkulazzjoni libera hemmhekk (10), għandhom igawdu mid-dispożizzjonijiet tal-libertà ta’ moviment tat-Trattat.
Oġġetti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor
24. Jekk il-qorti nazzjonali ssib li l-oġġetti joriġinaw minn Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 KE sa 30 KE naturalment japplikaw. Oġġetti importati fi Stat Membru ieħor minn pajjiż terz u mqegħdin f’ċirkulazzjoni libera hemmhekk igawdu bl-istess mod minn dawn id-dispożizzjonijiet.
Oġġetti li joriġinaw mill-Belġju
25. B’mod differenti miż-żewġ sitwazzjonijiet ipotetiċi deskritti hawn fuq, jekk l-oġġetti joriġinaw mill-Belġju (jew ġew importati direttament fil-Belġju minn pajjiż terz u mqegħdin għall-ewwel darba f’ċirkulazzjoni libera ġewwa l-Unjoni Ewropea fil-Belġju) id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija huma, fil-fehma tiegħi, irrilevanti.
26. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet, fis-sentenzi Pistre et (11) u Guimont (12), li rinviji għal deċiżjoni preliminari fi proċeduri fejn il-prodotti u l-partijiet involuti kienu ristretti għal Stat Membru wieħed kienu ammissibbli; u ddeċidiet fuq l-interpretazzjoni ta’ dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 30 tat-Trattat KE. Madankollu, dawn iż-żewġ kawżi kienu jikkonċernaw miżuri nazzjonali li setgħu, tal-inqas potenzjalment, ikollhom effett ovvju fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.
27. Fil-kawża Pistre et, il-leġiżlazzjoni Franċiża kienet tipprojbixxi l-inklużjoni tal-isem “muntanja” jew “Monts des Lacaune” fuq it-tikketta ta’ prodotti ta’ laħam imsajjar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti (din l-awtorizzazzjoni dwar l-użu ta’ indikazzjonijiet kienet irriżervata għal żoni muntanjużi). Il-persuni akkużati fil-kawża kienu ċittadini Franċiżi li kienu ġew ipprojbiti milli jipproduċu u jikkummerċjalizzaw il-prodotti ta’ laħam imsajjar tagħhom stess fi Franza. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Artikolu 28 KE li dak iż-żmien kien l-Artikolu 30 tat-Trattat KE “ma jistax jiġi kkunsidrat li ma japplikax sempliċiment għaliex il-fatti kollha tal-każ speċifiku quddiem il-qorti nazzjonali huma ristretti għal Stat Membru wieħed. F’sitwazzjoni bħal din, l-applikazzjoni tal-miżura nazzjonali jista’ jkollha effetti wkoll fuq il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, partikolarment meta l-miżura inkwistjoni tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti ta’ oriġini domestika għad-detriment ta’ oġġetti importati” (13). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-miżura nazzjonali kkontestata kienet tiddiskrimina direttament kontra prodotti importati (għaliex l-isem seta’ japplika biss, fil-prinċipju, għal oġġetti prodotti fi Franza) u ddeċidiet li ma setgħetx tkun iġġustifikata (14).
28. Fil-kawża Guimont, ir-regoli nazzjonali fuq l-ittikkettjar kienu jippenalizzaw l-isem ta’ ġobon prodott fil-pajjiż bħala “Emmenthal” peress li, għalkemm kien jikkonforma taħt aspetti oħrajn mal-ispeċifikazzjoni preskritta fl-imsemmija regoli (15), huwa kien mingħajr qoxra. Ir-regola nazzjonali kkontestata kienet tapplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti importati u domestiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari kien ammissibbli, għaliex “tali risposta tista’ tkun utli [għall-qorti tar-rinviju] jekk id-dritt nazzjonali tagħha jkun jeħtieġ, fi proċeduri bħal dawk f’din il-kawża, li produttur nazzjonali għandu jiġi permess li jgawdi l-istess drittijiet bħal dawk li produttur ta’ Stat Membru ieħor ikollu taħt id-dritt Komunitarju fl-istess sitwazzjoni” (16). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li twieġeb id-domanda preliminari biss f’dak li jikkonċerna l-effetti tar-regola kkontestata fuq il-prodotti importati, fejn qalet li f’dak ir-rigward dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 30 kien jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali (17).
29. Bil-kontra, f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja qed teżamina dispożizzjoni (cautio judicatum solvi) li tifforma parti mir-regoli tal-Istat Membru fuq il-proċedura ċivili. Il-miżura kkontestata ma tikkonċernax direttament il-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti (18). L-effett diskriminatorju tagħha huwa marbut man-nazzjonalità tar-rikorrent, u mhux mal-oriġini tal-oġġetti. Hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti importati u għal dawk domestiċi. Minħabba l-inċertezza dwar l-oriġini eżatta tal-oġġetti, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta lill-qorti nazzjonali; imma bl-istess mod huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija ma japplikawx jekk l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali huma ta’ oriġini Belġjana.
30. Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nibbaża ruħi fuq l-ipoteżi li l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu tqiegħdu legalment fis-suq tal-Unjoni Ewropea, imma hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-oriġini tagħhom qabel ma tista’ tiddeċiedi fuq l-eżitu tal-kawża.
Applikabbiltà tal-Artikolu 29 KE
31. It-tieni kwistjoni preliminari hija jekk l-Artikolu 29 KE (li jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet) huwiex rilevanti f’din il-kwistjoni. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Belġjan isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-analiżi tagħha għall-Artikoli 28 u 30 KE.
32. Fil-prinċipju, jekk l-oġġetti li huma s-suġġett ta’ kawża jkunu tqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera ġewwa Stat Membru wieħed u sussegwentement qasmu, jew hemm il-ħsieb li jaqsmu, il-fruntiera għal Stat Membru ieħor, ma narax għaliex – u dan jiddependi mill-kundizzjonijiet tal-ftehim kuntrattwali li jagħti lok għall-kawża – l-Artikolu 29 KE ma għandux japplika. Wara kollox, l-esportazzjoni minn Stat Membru A għal Stat Membru B huwa sempliċement in-naħa opposta tal-importazzjoni fi Stat Membru B minn Stat Membru A.
33. Wara li ngħad dan, huwa ċar li, abbażi tal-fatti ta’ din il-kawża, il-qorti nazzjonali hija kkonċernata bi kwistjoni li tinvolvi oġġetti li qegħdin fl-istess Stat Membru (il-Belġju) bħall-qorti adita. Jekk jingħad li dawn qasmu fruntiera, il-moviment rilevanti kien importazzjoni fil-Belġju, mhux esportazzjoni mill-Belġju. Huwa għal din ir-raġuni li nikkunsidra li l-Artikoli 28 u 30 KE biss huma rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.
Eżami tas-sustanza
34. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ il-cautio judicatum solvi taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat (19). Madankollu, sa issa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrigwardat rikorrenti f’kawżi prinċipali li kienu ċittadini ta’ Stat Membru, iktar milli rikorrenti li kienu ċittadini ta’ pajjiż terz.
35. B’dan il-mod, pereżempju, il-kawża Data Delecta u Forsberg kienet tirrigwarda kumpannija rreġistrata fir-Renju Unit mitluba li tipprovdi garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż f’kawża mibdija mill-Isvezja għall-ħlas ta’ oġġetti li hija kienet ikkunsinnat. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li: “[m]eta jipprojbixxi ‘kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza’, [l-Artikolu 12 KE] jitlob, fl-Istati Membri, ugwaljanza perfetta fit-trattament ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju u ta’ ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni”. Għaldaqstant, hija qieset li l-leġiżlazzjoni Svediża li skontha ċittadini barranin jistgħu jintalbu jipprovdu garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba ċittadinanza (20).
36. Jidhirli li jirriżultaw żewġ fatturi mis-sentenza Data Delecta u Forsberg u minn kawżi simili. L-ewwel nett, il-cautio judicatum solvi hija inkompatibbli mal-Artikolu 12 KE meta tiddistingwi bejn persuni quddiem qorti nazzjonali “f’sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju” fuq il-bażi tan-nazzjonalità, bi żvantaġġ għal dawk li mhumiex ċittadini. It-tieni nett, regola bħal din tippreġudika d-dritt tar-rikorrent li jgawdi l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, għaliex il-possibbiltà (meta dan ikun meħtieġ) li jsiru talbiet fi proċeduri legali quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni hija korollarju essenzjali għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (21).
37. Ninnota li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 KE ma tqajmitx espressament mill-qorti nazzjonali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din hija rilevanti biex jiġi ddeterminat l-eżitu ta’ din il-kawża.
38. Biex tiġi invokata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-cautio judicatum solvi, huwa biżżejjed li l-oġġetti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu? Jew ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jkun ukoll ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew kumpannija stabbilita fit-territorju tal-Unjoni?
39. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement fis-sentenza Vatsouras li għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet biex japplika l-Artikolu 12 KE: “[d]in id-dispożizzjoni [l-Artikolu 12 KE] tirrigwarda s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, li fihom ċittadin ta’ Stat Membru jiġi suġġett għal trattament diskriminatorju, meta mqabbel maċ-cittadini ta’ Stat Membru ieħor, biss abbażi tan-nazzjonalità tiegħu, u ma tapplikax fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi” (22).
40. Fil-fehma tiegħi, il-formula fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-cautio judicatum solvi, li tirreferi għal “persuni f’sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju” għandha tinqara fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Vatsouras. Għalhekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jissodisfa żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, li s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE; it-tieni nett, li r-rikorrent ikun ċittadin ta’ Stat Membru li ġie suġġett għal trattament diskriminatorju.
41. Billi Guarnieri hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt ta’ Monako, jirriżulta li hija ma tistax tistrieħ fuq l-Artikolu 12 KE.
42. Strettament, dan għandu jkun biżżejjed biex jiġi deċiż il-każ inkwistjoni. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ċ-ċittadinanza tar-rikorrent hija irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12 KE u/jew tixtieq teżamina din il-kwistjoni iktar fid-dettall fid-dawl tal-Artikoli 28 sa 30 KE, ser nevalwa fil-qosor kif jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.
43. Il-cautio judicatum solvi hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-finijiet tal-Artikolu 28 KE?
44. Sa mis-sentenza Dassonville tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ġurisprudenza stabbilita li “kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi” (23).
45. L-Artikolu 851 tal-Kodiċi ġudizzjarju Belġjan jiddistingwi bejn ċittadini Belġjani u barranin abbażi taċ-ċittadinanza. Dan jeħtieġ li ċittadini barranin jipprovdu garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż meta ma jkunx hemm arranġament reċiproku bejn l-Istat ta’ ċittadinanza tagħhom u l-Belġju. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din ma hijiex miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE.
46. Il-cautio judicatum solvi ma hijiex regola dwar il-kummerċ. Hija tirrigwarda ċ-ċittadinanza tar-rikorrent, mhux l-oriġini tal-oġġetti, u l-għan tagħha ma huwiex biex jiġi rregolat il-kummerċ. Lanqas ma hija kundizzjoni li hija marbuta direttament mal-kunsinna ta’ oġġetti bl-istess mod kif regoli fuq l-ippakkjar jew l-ittikkettjar jistgħu jintużaw biex ikun hemm diskriminazzjoni kontra importazzjonijiet barranin u għalhekk jiġi ostakolat il-moviment liberu. Pjuttost hija regola ta’ proċedura ċivili. L-applikazzjoni tagħha tiddependi minn żewġ affarijiet. L-ewwel nett, għandha tqum kwistjoni wara l-konklużjoni ta’ kuntratt (f’dan il-każ, ta’ kunsinna ta’ oġġetti) li twassal għal kawża quddiem il-qrati Belġjani. It-tieni nett, kull azzjoni bħal din għandha tinvolvi ċittadin Belġjan bħala konvenut li jagħżel li jinvoka l-Artikolu 851 tal-Kodiċi ġudizzjarju Belġjan.
47. Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 851 tal-Kodiċi ġudizzjarju Belġjan hija għaldaqstant wisq inċerta u indiretta biex tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija għall-finijiet tal-Artikolu 28 KE (24).
48. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-fehma u tikkunsidra li l-cautio judicatum solvi hija miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk hijiex iġġustifikata minħabba xi waħda mir-raġunijiet ta’ interess pubbliku stabbiliti fl-Artikolu 30 KE. Fir-rigward tal-oġġetti inkwistjoni f’din il-kawża, peress li d-dispożizzjoni nazzjonali ma tiddiskriminax kontra l-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, hija tista’ wkoll tiġi ġġustifikata permezz ta’ wieħed mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (25) (fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ċittadin ta’ Stat terz jista’ wkoll jinvoka l-Artikolu 12 KE (26), id-dispożizzjoni kkontestata, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni manifesta minħabba ċittadinanza, tkun tista’ tiġi ġġustifikata biss permezz tal-Artikolu 30 KE u mhux permezz tal-ġurisprudenza rigward ir-rekwiżiti imperattivi).
49. Il-Belġju jsostni li l-għan tal-Artikolu 851 tal-Kodiċi ġudizzjarju Belġjan huwa li tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali – biex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni xierqa tas-sentenzi tal-qrati Belġjani. L-għan tad-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li ċittadini barranin li ma jkunux suġġetti għal ftehim reċiproku ma jevitawx li jħallsu d-danni u l-interessi meta jiġu ordnati jagħmlu hekk mill-qrati Belġjani. Għalhekk, l-għan huwa li ċittadini barranin jitpoġġew f’pożizzjoni simili għal dik ta’ ċittadini Belġjani li naturalment huma suġġetti b’mod sħiħ għall-ġurisidzzjoni tal-qrati nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni.
50. Filwaqt li nammetti li dispożizzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li tirregola l-ħlas ta’ garanzija għall-ispejjeż tista’, fil-prinċipju, titqies li għandha għan ta’ interess ġenerali, kemm jekk għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, skont l-Artikolu 30 KE, jew għal raġunijiet ta’ “rekwiżiti imperattivi” b’mod konformi mas-sentenza “Cassis de Dijon”, madankollu la d-digriet għar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Belġju ma jinkludu elementi biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli bl-analiżi. Għaldaqtant, nikkunsidra li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-cautio judicatum solvi tistax tiġi ġġustifikata. Fi kwalunkwe eżami ta’ din il-kwistjoni, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk id-dispożizzjoni hijiex il-mezz l-inqas restrittiv biex jintlaħaq l-għan mixtieq u jekk hijiex proporzjonata (27).
Konklużjoni
51. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank van Koophandel te Brussel:
L-Artikolu 28 KE ma jipprekludix li rikorrent li huwa ċittadin ta’ Monako u li jibda proċeduri legali fil-Belġju għall-ħlas ta’ kunsinna ta’ oġġetti jkun meħtieġ, fuq talba ta’ konvenut ta’ ċittadinanza Belġjana, li jipprovdi garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż u tad-danni li jirriżultaw mill-proċeduri, u li huwa jista’ jiġi ordnat iħallas.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Billi l-proċeduri fil-kawża prinċipali nbdew qabel ma t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ, nirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif kienu fis-seħħ f’dak iż-żmien. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 KE issa qegħdin fl-Artikolu 18 TFUE; dawk tal-Artikoli 28, 29 u 30 KE fl-Artikoli 34, 35 u 36 TFUE rispettivament, u dawk tal-Artikolu 299 KE fl-Artikolu 52 TUE u l-Artikolu 355 TFUE. Wieħed għandu josserva wkoll li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28, 29 u 30 KE kienu jinsabu, b’xi varjazzjonijiet, fl-Artikoli 30, 34 u 36 tat-Trattat KE u jsir riferiment għalihom bħala tali fil-ġurisprudenza preċedenti ċċitata. Ir-riferimenti għall-Komunità fil-ġurisprudenza u l-leġiżlazzjoni preċedenti ovvjament għandhom jiġu interpretati bħala riferimenti għall-Unjoni Ewropea f’dan il-kuntest.
3 – Ara l-Ftehim fuq il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU 2002 L 84, p. 43)
4 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4 p. 307), li issa huwa ssostitwit bl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008 L 145, p. 1). Monako ilu parti mit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea mill-inqas mill-1968, meta l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1496/68, tas-27 ta’ Settembru 1968, fuq id-definizzjoni tat-territorju doganali tal-Komunità (ĠU L 238, p. 1) iddikjara li ċerti territorji (inkluż Monako) li jinsabu barra mit-territorju Komunitarju imma li huma elenkati fl-anness tar-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea.
5 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou, (41/76, Ġabra p. 1921, punti 14 sa 18), stabbiliet li l-prodotti f’“moviment liberu” fil-Komunità kienu dawk il-prodotti li, ġejjin minn pajjiżi terzi, ikunu ġew importati debitament f’xi wieħed mill-Istati Membri skont it-Trattat. Dawn il-prodotti kienu ġew assimilati definittivament u għalkollox ma’ prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Artikolu 30 tat-Trattat KE japplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti li joriġinaw mill-Komunità u għal dawk li tpoġġew f’moviment liberu fi kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament minn fejn oriġinaw fil-fatt il-prodotti.
6 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, C‑220/98, Ġabra p. I‑117, punti 12 sa 14 tal-konklużjonijiet.
7 – Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 285).
8 – Konklużjonijiet fil-kawża Estée Lauder, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 12.
9 – Konklużjonijiet fil-kawża Estée Lauder, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 14.
10 – Dan isegwi loġikament mis-sentenza Donckerwolcke u Schou, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5: dawn l-oġġetti, ipotetikament, ġew importati regolarment fit-territorju doganali tal-Komunità u ġew assimilati definittivament u għalkollox mal-oġġetti li joriġinaw minn Monako.
11 – Sentenza tas-7 ta’ Mejju 1997, Kawżi magħquda C‑321/94 sa C‑324/94, Ġabra p. I‑2343.
12 – Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, C‑448/98, Ġabra p. I‑10663.
13 – Sentenza Pistre et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 44 u 45.
14 – Sentenza Pistre et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 49 sa 54.
15 – Il-leġiżlazzjoni rilevanti kienet tiddeskrivi l-ġobon Emmenthal kif ġej: “ġobon iebes, imsajjar, ippressat u mmellaħ fil-wiċċ jew fis-salmura; ta’ kulur bejn l-avorju u l-isfar ċar, b’toqob ta’ daqs bejn ċirasa u ġewża; qoxra iebsa, niexfa, ta’ kulur bejn isfar dehbi u kannella ċar”.
16 – Sentenza Guimont, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 23.
17 – Sentenza Guimont, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 25 sa 35.
18 – Niżviluppa din l-analiżi iktar ’il quddiem x’ħin neżamina jekk ir-regola kkontestata hijiex miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva: ara l-punti 43 et seq.
19 – Sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1993, Hubbard (C‑20/92, Ġabra p. I‑3777) (provvista ta’ servizzi); tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg (C‑43/95, Ġabra p. I‑4661) (provvista ta’ oġġetti); tal-20 ta’ Marzu 1997, Hayes (C‑323/95, Ġabra p. I‑1711) (provvista ta’ oġġetti); u tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C‑122/96, Ġabra 1997, p. I‑5325) (dritt tal-kumpanniji – protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti)
20 – Sentenza Data Delecta u Forsberg, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 16.
21 – Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Hayes, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 7 sa 9.
22 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, Kawżi magħquda C‑22/08 u C‑23/08, Ġabra p. I‑4585, punti 51 u 52.
23 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, (8/74, Ġabra p. 837, punt 5). Għal eżempji ta’ kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-formalitajiet amministrattivi huma miżuri li għandhom effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE; ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (154/85, Ġabra p. 2717, punti 8 sa 12) (dwar rekwiżiti li jirregolaw l-importazzjoni parallela ta’ vetturi); u tal-15 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑54/05, Ġabra p. I‑2473, punti 38 u 39) (dwar sistema ta’ liċenzja ta’ trasferiment applikata biss għall-vetturi importati).
24 – Ara, fl-istess sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, Ġabra p. I‑583, punti 11 u 12); tal-24 ta’ Jannar 1991, Alsthom Atlantique (C‑339/89, Ġabra p I‑107, punti 14 u 15); tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, Ġabra p. I‑5009, punti 10 sa 13); u tat-22 ta’ Ġunju 1999, ED (C‑412/97, Ġabra 1999 p. I‑3845, punti 11 u 12).
25 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, 120/78 (imsejħa “Cassis de Dijon”), Ġabra p. 649, punt 8).
26 Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.
27 – Ara, pereżempju, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 38.
Full & Egal Universal Law Academy