KONKLUŻJONIJIET CRUZ VILLALÓN – KAWŻA C-346/09
DENKAVIT NEDERLAND ET
I - 24
I - 25
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2010 (1)
Kawża C‑346/09
Staat der Nederlanden
vs
Denkavit Nederland BV, Cehave Landbouwbelang Voeders BV, Arie Blok BV et Internationale Handelsmaatschappij “Demeter” BV
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Agrikoltura – Saħħa tal-annimali – Verifiki veterinarji – Direttiva 90/425/KEE – Miżuri protettivi kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina – ESB – Deċiżjoni 94/381/KE – Deċiżjoni 2000/766/KE – Projbizzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija – Miżuri protettivi nazzjonali – Implementazzjoni antiċipata tal-leġiżlazzjoni Komunitarja – Projbizzjoni estiża għal prodotti eżentati mill-projbizzjoni Komunitarja”
Werrej
I – Il-qafas ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
III – Id-domandi preliminari
IV – Osservazzjonijiet preliminari
V – Fuq il-kompetenza tal-Istat Membru sabiex jadotta l-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali pproċessati
A – Fuq l-eżistenza ta’ kompetenza residwa tal-Istati Membri sabiex jipprojbixxu l-użu tal-proteini mill-annimali pproċessati
B – Fuq il-kompetenza tal-Istati Membri għall-projbizzjoni tal-użu tal-proteini mill-annimali pproċessati fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni istitwit mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 li jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri protettivi nazzjonali
1. L-osservanza tal-kundizzjonijiet li jattivaw il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425
a) Fuq id-distinzjoni bejn Stat Membru tat-tluq u Stat Membru tad-destinazzjoni
b) Fuq il-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ miżuri protettivi fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425
i) L-eżistenza ta’ periklu
ii) L-eżistenza ta’ urġenza
2. L-osservanza tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri meħuda
VI – Fuq il-kompetenza tal-Istat Membru sabiex jadotta l-projbizzjoni provviżorja tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju
VII – Konklużjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata biex jiġi mminimizzat ir-riskju tat-tixrid tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (2) u, iktar preċiżament, tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni mill-Istati Membri, matul perijodu qasir, mill-15 ta’ Diċembru sal-31 ta’ Diċembru 2000, tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990 (3), tad-Deċiżjoni 94/381/KE tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 1994 (4), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE, tal-4 ta’ Diċembru 2000 (5), u tad-Deċiżjoni 2001/9/KE tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Diċembru 2000 (6).
2. Il-problema mqajma f’din il-kawża, għalkemm apparentement teknika ħafna, toħloq kwistjoni delikata fil-qasam dejjem sensittiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Jista’ Stat Membru jiddeċiedi li jmexxi ’l quddiem id-data tal-implementazzjoni u li jemenda l-portata tal-miżuri protettivi kontra l-ESB deċiża mill-Komunità Ewropea?
I – Il-qafas ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3. It-tieni premessa tad-Direttiva 90/425 tgħid hekk:
“[b]illi l-ħidmiet armonjużi ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-annimali u prodotti ta’ oriġini ta’ l-annimali jimplika t-tneħħija tal-barrieri zootekniċi u veterinarji għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti konċernati; billi, f’dan ir-rigward, il-moviment ħieles ta’ l-annimali u l-prodotti agrikoli hu aspett fundamentali għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq u għandha tiffaċilita l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola u l-aqwa użu tal-fattturi ta’ produzzjoni”.
4. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, tad-Direttiva 90/425 jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-iċċekkjar, veterinarju li għandhom isiru fuq annimali ħajjin u prodotti li huma koperti bid-Direttivi elenkati fl-Anness A jew fuq dawk li għalihom saret referenza fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 u liema huma maħsuba għall-kummerċ mhumiex, aktar imħarsa, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, fil-fruntieri imma mwettqa b’mod konformi ma’ din id-Direttiva.”.
5. L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 jgħid:
“Kull Stat Membru għandu minnufih jinnotifika l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni b’kull tifqiegħa fit-territorju tiegħu, b’żieda ma’ dan kull tifqiegħa tal-mard li għalih saret referenza fid-Direttiva 82/894/KEE, ta’ kull żonożi, marda jew kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi kull periklu serju għall-annimali u għas-saħħa umana.
L-Istat Membru tat-tluq għandu minnufih jimplimenta l-kontroll jew il-miżuri ta’ prekawzjoni li hemm provdut għalihom fir-regoli tal-Komunità, b’mod partikolari d-determinazzjoni taz-żoni ta’ lqugħ li hemm provdut f’dawk ir-regoli, jew jaddottaw kull miżura oħra li jidhrilha xierqa.
L-Istat Membru tad-destinazzjoni jew vjaġġ li, fil-kors ta’ kull iċċekkjar, li għalih saret referenza fl-Artikolu 5, stabbilixxa l-eżistenza ta’ wieħed mill-mard jew kawżi li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu jista’ jekk meħtieġ, jieħu l-miżuri prekawtivi li hemm provdut għalihom fil-Komunità, inkluż l-kwarantini ta’ l-annimali.
Sakemm jittieħdu l-miżuri b’mod konformi mal-paragrafu 4, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, fuq raġunijiet serji pubbliċi jew ta’ saħħet-l annimali, jieħu miżuri protettivi fir-rigward ta’ ażjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet konċernati jew, fil-każ ta’ mard epiżootiku, fir-rigward ta’ żona ta’ lqugħ li hemm provduta fir-regoli tal-Komunità.
Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom ikunu innotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru l-ieħor mingħajr dewmien.”
6. L-Anness A tad-Direttiva 90/425 jelenka l-leġiżlazzjoni veterinarja u żooteknika li tippermetti li jiġu ddeterminati, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-annimali ħajjin u l-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
7. L-Anness B ta’ din l-istess direttiva, bl-isem “L-annimali u l-prodotti bla ħsara għall-armoniżazzjoni imma kummerċ f’liema għandu jkun bla ħsara għall-iċċekkjar, li hemm provdut f’din id-direttiva” issemmi “fdalijiet ta’ annimali pproċessati bħala ingredjenti għall-għalf tal-annimali”.
8. L-Artikolu 1(1) u(2) tad-Deċiżjoni 94/381 tal-Kummissjoni huwa fformulat kif ġej:
“1. Fi żmien tletin jum min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta’ proteini ġejjin mit-tessuti tal-mammiferi fl-għalf ta’ ruminanti.
2. Madankollu, l-Istati Membri li huma f’pożizzjoni li japplikaw sistema li tippermetti li jintgħażlu l-proteini annimali ġejjin minn ruminanti minn dawk ġejjin minn dawk li mhumiex ruminanti huma awtorizzati mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 90/425/KEE, li jippermettu l-għalf ta’ ruminanti bi proteini ġejjin minn speċi li ma jkunux ruminanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
9. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2000/766 tal-Kunsill jgħid:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija miżmuma, imsemmna jew imrobbija għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel.
2. Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tapplikax għall-użu:
– ta’ ħut imqadded mitħun (fishmeal) fl-għalf ta’ annimali li ma jkunx ruminanti, skont miżuri ta’ verifika li għandhom jiġu ffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/622/KEE […],
[…]
– ta’ fosfat tad-dikalċju u proteini idrolizzati miksuba skont kundizzjonijiet li jiġu ffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662/KEE,
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
10. L-Artikolu 3(1) tal-istess deċiżjoni jistabbilixxi:
“Bl-eċċezzjoni tad-derogi stabbiliti fl-Artikolu 2(2), l-Istati Membri:
a) għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-kummerċ, l-importazzjoni ġejja minn pajjiż terz u l-esportazzjoni lejn pajjiż terz ta’ proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf ta’ annimali tat-trobbija li jinżammu, jissemmnu jew jitrabbew għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel;
b) jagħmlu mod li l-proteini mill-annimali kollha pproċessati intiżi għall-għalf ta’ annimali tat-trobbija li jinżammu, jissemmnu jew jitrabbew għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel jiġu rtirati mis-suq, mill-kanali tad-distribuzzjoni u mill-installazzjonijiet ta’ ħażna fl-irziezet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
11. L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2001/9 jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf tal-annimali li ma jkunux ruminanti, iżda taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I biss.
2. L-Istati Membri għandhom jawtortizzaw l-użu ta’ fosfat tad-dikalċju fl-għalf tal-annimali li ma jkunux ruminanti, iżda taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II biss [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
12. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE,(7) jgħid hekk:
“1. Id-Direttiva 90/425/KEE tapplika, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-aġġornament fuq il-verifiki magħmula mill-Istat Membru destinatarju u l-miżuri protettivi li għandhom jiġu applikati [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13. L-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni provviżorja fuq il-projbizzjoni tal-proteini mill-annimali fl-għalf kollu għall-annimali tat-trobbija (8), adottata fit-8 ta’ Diċembru 2000, jistabbilixxi:
“1. Permezz ta’ deroga għall-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni fuq il-projbizzjoni ta’ materjal minn annimali mitħun fl-għalf għall-annimali, huwa pprojbit li jiġu ppreparati, ipproċessati, ipprovduti, irċevuti, ikkonsenjati, ittrasportati, imqiegħda għall-bejgħ, mixtrija jew ittrasferiti proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija.
2. L-ewwel paragrafu ma japplikax għall-prodotti li ġejjin:
– ħut imqadded mitħun fl-għalf tal-annimali li mhumiex ruminanti, skont il-miżuri ta’ verifika ffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662/KEE […],
– il-ġelatina ta’ annimali mhux ruminanti għall-addittivi għal kisi […],
– il-fosfat tad-dikalċju u l-proteini idrolizzati miksuba f’konformità mal-kundizzjonijiet iffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/622/KEE,
– il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.”
14. L-Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni provviżorja tipprovdi:
“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, huwa pprojbit mill-1 ta’ Jannar 2001
a) li jintużaw proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija;
b) li jiġu importati jew esportati proteini mill-annimali pproċessati;
c) li jinżammu jew ikun hemm fi stokk proteini mill-annimali pproċessati fl-irziezet li jkollhom annimali tat-trobbija kif ukoll fl-impriżi li jipproduċu, jikkummerċjalizzaw, jaħżnu jew jittrasbordaw għalf għal annimali tat-trobbija.
2. Ma huwiex suġġett għall-projbizzjoni li hemm fil-paragrafu 1(c) sal-1 ta’ Marzu 2001, id-detentur jew proprjetarju ta’ proteini mill-annimali pproċessati li, għas-sodisfazzjon tal-ministru tagħna, jiddikjara lir-Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees (servizz nazzjonali ta’ spezzjoni tal-bhejjem u tal-laħam) in-natura, il-kwantità u l-post tal-proteini mill-annimali pproċessati fil-pussess tiegħu u jikkommunika immedjatament lis-servizz ċċitat iktar ’il fuq kull modifika tan-natura, il-kwantità u l-post tagħhom.”
15. Skont l-Artikolu 4 tal-leġiżlazzjoni provviżorja, din daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2000.
II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
16. Fis-27 ta’ Ġunju 1994, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/381 li l-għan prinċipali tagħha kien li jipprojbixxi l-użu ta’ proteini ġejjin minn tessuti ta’ mammiferi fl-għalf ta’ ruminanti. Madankollu, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni jawtorizza lill-Istati Membri li huma f’pożizzjoni li japplikaw sistema li tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-proteini mill-annimali ġejjin minn ruminanti minn dawk ġejjin minn annimali li mhumiex ruminanti, biex jippermettu l-għalf ta’ ruminanti mal-proteini ġejjin minn speċi oħrajn li mhumiex ruminanti.
17. Billi ġew osservati każijiet ta’ ESB f’annimali li twieldu wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 94/381, il-kumitat xjentifiku tat-tmexxija ta, fis-27 u t-28 ta’ Novembru 2000 parir li għall-ewwel darba semma “riskju ta’ kontaminazzjoni tal-għalf għall-bovini mal-għalf intiż għal annimali oħra li kien fihb proteini mill-annimali li potenzjalment setgħu kienu kkontaminati mill-aġent tal-ESB” u rrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda.
18. Għalhekk, fl-4 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta ,d-Deċiżjoni 2000/766, li tipprojbixxi l-użu ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija miżmumin, imsemmna jew imrobbija għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel. Skont l-Artikolu 4 tagħha, din id-deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 u tkun applikabbli għal sitt xhur. Din il-projbizzjoni kellha diversi derogi, fosthom waħda li kienet tikkonċerna l-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf ta’ annimali li ma kinux ruminanti u oħra dwar l-użu tal-fosfat tad-dikalċju. Il-projbizzjoni kienet tkopri t-tqegħid fis-suq, in-negozju, l-importazzjoni ġejja minn pajjiż terz u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ proteini mill-annimali pproċessati (9) u kienet timponi l-obbligu li dawn tal-aħħar jiġu rtirati mis-suq, mill-kanali ta’ distribuzzjoni u mill-installazzjonijiet ta’ ħażna fl-irżieżet (10).
19. Fit-8 ta’ Diċembru 2000, erbat ijiem iktar tard, il-Ministru tal-Agrikultura, tan-Natura u tas-Sajd tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali. L-Artikolu 2(1) ta’ din il-leġiżlazzjoni provviżorja kien jipprojbixxi li jiġu ppreparati, ipproċessati, ipprovduti, irċevuti, ikkonsenjati, ittrasportati, imqegħda għall-bejgħ, mixtrija jew ittrasferiti proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija. L-Artikolu 2(2) tagħha kien jistabbilixxi derogi għal din il-projbizzjoni, b’mod partikolari, għall-ħut imqadded mitħun u l-fosfat tad-dikalċju, imma li l-applikazzjoni tagħha kienet suġġetta għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ verifika stabbiliti bid-Deċiżjoni 2000/766.
20. Skont l-Artikolu 4 tagħha, il-leġiżlazzjoni provviżorja Olandiża stabbiliet id-dħul fis-seħħ tagħha għall-15 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri 15-il jum qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2000/766 tal-Kunsill. Din ġiet ikkommunikata lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2001.
21. Mill-ispjegazzjoni tal-motivi tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali jirriżulta li l-applikazzjoni antiċipata tagħha kienet intiża sabiex iġġib fix-xejn il-proċessi ta’ produzzjoni li kienu jeżistu u li kienu ppjanati biex jiġu evitati għall-impriżi l-ispejjeż u l-isforzi marbutin mal-ħtieġa li jiġu rkuprati, mill-1 ta’ Jannar 2001, prodotti li eventwalment jiġu mmanifatturati u mibjugħa.
22. Fl-aħħar nett, fid-29 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/9, li kienet tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom kellu jsir użu, b’mod partikolari, ta’ ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju fl-għalf tal-annimali.
23. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li huma produtturi ta’ għalf għall-annimali (Denkavit Nederland BV, Cehave Landbouwbelang Voeders BV, Arie Block BV), jew id-distributuri tal-materja prima għall-għalf tal-annimali jiġifieri Internationale Handelsmaatschappij “Demeter” BV (11), ikkontestaw il-validità tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali quddiem ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi). Huma sostnew, primarjament, li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet timponilhom, matul il-perijodu mill-15 ta’ Diċembru 2000 sal-1 ta’ Jannar 2001, miżuri ta’ projbizzjoni dwar l-għalf għall-annimali li kienu jmorru lil hinn mill-miżuri stabbiliti bid-Deċiżjoni 94/381. Huma sostnew, sussidjarjament, li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet illegali meta kienet timponi, matul l-istess perijodu, miżuri ta’ projbizzjoni dwar il-fosfat tad-dikalċju, il-ħut imqadded mitħun u l-għalf għall-annimali li ma kienx fihom proteini mill-annimali oħra ħlief il-fosfat tad-dikalċju u/jew il-ħut imqadded mitħun.
24. Huma jridu wkoll jiksbu kumpens għad-dannu li soffrew bid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali meta tnaqqas prematurament il-valur tal-ħażniet ta’ proteini mill-annimali tagħhom, ħażniet li normalment setgħu jintużaw bejn il-15 u l-31 ta’ Diċembru 2000.
25. Ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage laqgħet it-talbiet prinċipali tal-konvenuti fil-kawża prinċipali. Hija kkonstatat li filwaqt li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2000/766 stabbilixa d-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta’ Jannar 2001, hija ddeduċiet li l-miżuri ta’ projbizzjoni ma kellhomx jidħlu fis-seħħ la qabel u lanqas wara l-1 ta’ Jannar 2001.
III – Id-domandi preliminari
26. Huwa fil-kuntest tal-appell ippreżentat mill-iStaat der Nederlanden kontra s-sentenza tar-Rechtbank te ’s-Gravenhage li l-Gerechtschof ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, id-Direttiva 90/425/KEE, id-Deċiżjoni 94/381/KE u d-Deċiżjoni 2000/766/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni provviżorja li, għall-finijiet ta’ protezzjoni kontra l-ESB, tipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati, intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija, hija kompatibbli ma’ dawn id-dipożizzjonijiet meta tali miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni
– daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2000 (u għaldaqstant, qabel id-Deċiżjoni 2007/766/KE) u
– kienet tapplika wkoll provviżorjament (sad-[Deċiżjoni 2001/9/KE] (12) tad-29 ta’ Diċembru 2000) għall-ħut imqadded mitħun (fishmeal) u l-fosfat tad-dikalċju?”
27. Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, lill-Gvernijiet tal-Istati Membri li għamlu osservazzjonijiet, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll lill-Kummissjoni biex jirrispondu, matul is-seduta li saret fis-7 ta’ Settembru 2010, għal diversi mistoqsijiet.
IV – Osservazzjonijiet preliminari
28. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali iqisu li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta pożittiva. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha, skont dawn tal-aħħar, tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, kemm fir-rigward tal-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali kif ukoll il-projbizzjoni provviżorja tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju.
29. L-Istati Membri li għamlu osservazzjonijiet jikkunsidraw li, għall-kuntrarju, għandha tingħata risposta negattiva għaż-żewġ partijiet tad-domanda preliminari. Il-Kummissjoni taqbel ma’ dan il-parir, imma tirriferi lill-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni provviżorja Olandiża kinitx meħtieġa u proporzjonata.
30. Għal raġunijiet li ser jidhru iktar ’il quddiem fil-kunsiderazzjonijiet li ser isiru, nikkunsidra li huwa opportun li tiġi eżaminata d-domanda preliminari billi ssir distinzjoni fi ħdan il-leġiżlazzjoni provviżorja Olandiża, kif fuq kollox għamlet formalment il-qorti tar-rinviju, bejn il-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali pproċessati u l-projbizzjoni provviżorja tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju.
V – Fuq il-kompetenza tal-Istat Membru sabiex jadotta l-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali pproċessati
31. L-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, u għamlu żewġ settijiet ta’ kunsiderazzjonijiet. Skont l-ewwel sett, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma kinitx eżawrjenti u għalhekk ħalliet intatta l-kompetenza tal-Istati Membri biex jadottaw miżuri bħal-leġiżlazzjoni temporanzja nazzjonali (13). Skont it-tieni sett, il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali setgħet tiġi kkunsidrata bħala rilevanti għall-miżuri protettivi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) (14). Il-konvenuti fil-kawża prinċipali isostnu, minn naħa, li d-Direttiva 90/425 u d-Deċiżjoni 94/381 iwettqu armonizzazzjoni kompleta li ċċaħħad lill-Istati Membri minn kull kompetenza li jadottaw miżuri bħal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali. Huma jikkonsidraw, min-naħa l-oħra, li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet sostanzjali u formali li għalihom kienet suġġetta l-adozzjoni tal-miżuri protettivi taħt l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.
32. Qabel xejn għandu jiġi indikat li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ma tistax taqa’ fl-istess ħin taħt dawn iż-żewġ każijiet inkwistjoni. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jwassluni biex nittratta suċċessivament żewġ kwistjonijiet ta’ natura totalment differenti. L-ewwel waħda sabiex isir magħruf jekk, fin-nuqqas ta’ arminizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhomx kompetenza sabiex jadottaw miżuri bħal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, u speċifikament, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 30 KE (li sar l-Artikolu 36 TFUE) (15). Huwa biss f’każ ta’ risposta negattiva, jiġifieri fl-ipoteżi fejn il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali tidħol f’qasam armonizzat li għalhekk tqum it-tieni domanda, jiġifieri li jsir magħruf jekk din tistax tiġi kkunsidrata li taqa’ taħt l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.
Fuq l-eżistenza ta’ kompetenza residwa tal-Istati Membri sabiex jipprojbixxu l-użu tal-proteini mill-annimali pproċessati
33. Kif diġà għidt, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li l-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għalf tal-annimali kienet eżawrjenti u li l-Istati Membri ma setgħux iktar, sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/381, jadottaw miżuri ħlief dawk previsti fl-imsemmija deċiżjoni. Billi din id-deċiżjoni kienet tawtorizza l-proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf għal annimali mhux ruminanti, l-Istati Membri ma kellhomx dritt li jipprojbixxuhom.
34. Il-Gvern Olandiż u dak Svediż, kuntrarjament, isostnu li l-qasam ikkunsidrat ma ġiex armonizzat b’mod eżawrjenti. Billi d-Deċiżjoni 94/381 tkopri biss l-użu ta’ tessuti ta’ mammiferi fl-għalf tar-ruminanti, l-Istati Membri kellhom il-kompetenza sabiex jadottaw miżuri dwar suġġetti oħra.
35. Il-Kummissjoni tqis ukoll, imma b’mod iktar sfumat, li sa fejn id-Deċiżjoni 94/381 tipprojbixxi biss l-użu ta’ proteini ġejjin mit-tessuti tal-mammiferi fl-għalf tar-ruminanti, ma jistax jiġi kkunsidrat li din għamlet armonizzazzjoni kompleta tal-miżuri tal-ġlieda kontra l-ESB fuq livell Komunitarju. Madankollu, din il-fehma hija sostnuta fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet li juru li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali tikkositwixxi miżura protettiva fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.
36. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li d-Direttiva 90/425 għamlet armonizzazzjoni sħiħa tal-miżuri protettivi kontra t-tixrid tal-mard ta’ natura li jikkostitwixxu periklu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, billi ddefiniet b’mod preċiż l-obbligi u l-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni f’dan il-qasam (16).
37. Hija osservat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni biss, taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425, kellha s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa biex tilqa’ kontra kull periklu gravi għall-annimali u s-saħħa tal-bniedem. L-imsemmija direttiva ħalliet biss lill-Istati Membri l-possibbiltà li jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jekk isibu marda matul verifika, jew li jieħdu, għal motivi gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa, miżuri protettivi strettament limitati fl-istennija ta’ miżuri li għandha tieħu l-Kummissjoni. Hija kienet iddeduċiet li l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni stabbilit b’dan il-mod ma kienx jippermetti, b’mod partikolari, li Stat Membru jipprojbixxi provviżorjament, b’mod ġenerali, l-importazzjoni ta’ annimali ġejjin minn Stat Membru ieħor.
38. Għalhekk id-Direttiva 90/425 kellha bħala għan li tiggarantixxi, fil-perspettiva li jintlaħaq is-suq intern, il-moviment liberu ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti koperti mid-direttivi elenkati fl-Anness A tagħha, billi torganizza b’mod komplet u eżawrjenti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, il-verifiki veterinarji u żootekniċi applikabbli fl-iskambji intra-Komunitarji. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 jneħħi lill-Istati Membri l-kompetenza tagħhom biex jadottaw miżuri awtonomi ta’ projbizzjoni għall-annimali u l-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
39. Il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija għalhekk mhux tant li jsir magħruf jekk l-armonizzazzjoni mwettqa bid-Direttiva 90/425 kinitx kompleta iżda li jsir magħruf jekk il-prodotti milquta mil-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kinux jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qagħdet attenta li tindika fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (17), iċċitata iktar ’il fuq, li l-armonizzazzjoni magħmula fil-qasam ikkunsidrat kienet kompleta, dan kien biex tiġi eskluża l-applikabbiltà, fil-każ inkwistjoni, tal-Artikolu 30 KE. Fi kliem ieħor, l-armonizzazzjoni inkwistjoni kienet ikkunsidrata bħala kompleta f’dan is-sens, u fil-fehma tiegħi f’dan is-sens biss, li l-Istati Membri ma setgħux iktar jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ projbizzjonijiet jew miżuri restrittivi barra l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni stabbilit bid-Direttiva 90/425, għall-annimali jew il-prodotti kollha koperti b’din l-istess direttiva.
40. Huwa essenzjali li wieħed iżomm f’moħħu li l-għan tad-Direttiva 90/425, kif jirriżulta mit-tieni premessa tagħha, kien li jiġi żgurat li jgħibu l-ostakoli veterinarji u żootekniċi fl-iżvilupp tal-iskambji intra-Komunitarji tal-annimali u tal-prodotti ta’ oriġini annimali kkonċernati, sabiex jiġi ggarantit funzjonament armonjuż tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq. Fi kliem ieħor, hija l-liberalizzazzjoni tal-iskambji tal-annimali u l-prodotti li tikkostitwixxi l-prinċipju, u l-projbizzjoni ta’ dawn l-iskambji, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, li tikkostitwixxi l-eċċezzjoni, u mhux bil-maqlub.
41. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-proteini mill-annimali milquta mil-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/425. Jekk dawn ma jaqgħux taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, allura għandu jiġi ammess li l-Istati Membri kellhom dritt jadottaw miżura bħall-imsemmija leġiżlazzjoni, b’riżerva li din tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 30 KE. Jekk dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, allura għandu jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri jistgħux jadottaw miżura bħal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali.
42. Din il-kwistjoni hija ta’ importanza sa fejn id-deċiżjonijiet 94/381 u 2000/766 kienu ġew adottati preċiżament fuq il-bażi tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 90/425, l-ewwel waħda mill-Kummissjoni u t-tieni waħda mill-Kunsill. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li, għaż-żewġ istituzzjonijiet, il-proteini mill-annimali, kemm jekk ġejjin minn mammiferi u kemm jekk le, ċertament jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/425. Dan huwa wkoll dak li jirriżulta b’mod ċar mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tqis li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali taqa’ taħt miżuri protettivi li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425. Madankollu, x’inhi eżattament il-pożizzjoni?
43. Fil-verità, id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/425, hija ferm inqas faċli milli jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat il-fatt li d-Direttiva 90/425 kienet tapplika biss għall-annimali u l-prodotti li kienu s-suġġett ta’ regoli armonizzati (18), li kienu ġew elenkati fl-Anness A tagħha. Madankollu, l-Anness B tad-Direttiva 90/425 jinkludi, fost l-annimali u l-prodotti mhux suġġetti għall-armonizzazzjoni imma li l-iskambji tagħhom kienu ġew suġġetti għall-verfiki stabbiliti minn din l-istess direttiva, “fdalijiet ta’ annimali pproċessati bħala ingredjenti għall-għalf tal-annimali”. Fi kliem ieħor, anki jekk wieħed kellu jikkonkludi li l-prodotti milquta bil-leġiżlazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostanzjali tad-Direttiva 90/425, wieħed xorta irid jistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, minkejja dan, dawn setgħux jiġu kkunsidrati bħala fdalijiet ta’ annimali pproċessati bħala ingredjenti għall-għalf għall-annimali pproċessati u għalhekk jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni funzjonali ta’ din l-istess direttiva. Madankollu, l-ewwel domanda li għandha ssir f’dan ir-rigward hija dwar liema prodotti, eżattament, kienu milquta mil-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali.
44. Id-Deċiżjoni 94/381 kienet tipprojbixxi biss l-użu ta’ proteini ġejjin minn tessuti ta’ mammiferi għall-għalf tar-ruminanti. Id-Deċiżjoni 2000/766 ipprojbixxiet, min-naħa tagħha, l-użu tal-proteini mill-annimali pproċessati kollha fl-għalf tal-annimali tat-trobbija kollha maħsuba għall-produzzjoni tal-ikel. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali estendiet il-projbizzjoni tad-Deċiżjoni 94/381 għall-użu, minn naħa, tal-proteini ġejjin mit-tessuti tal-mammiferi għall-għalf ta’ annimali mhux ruminanti, u, min-naħa l-oħra, tal-proteini ġejjin minn tessuti ta’ annimali mhux mammiferi għall-għalf tar-ruminanti jew annimali li mhumiex.
45. La l-Kummissjoni, la l-Istati Membri li għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom, u lanqas il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma esprimew ruħhom b’mod preċiż u dettaljat fuq dan il-punt. Fl-aħħar nett, jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat li l-proteini mill-annimali pproċessati taħt id-Deċiżjonijiet 94/381 u 2000/766 ġew integrati fil-kamp ta’ applikazzjoni sostanzjali tad-Direttiva 90/425 b’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet stess (19), mingħajr dan ma jwassal għal effetti ġuridiċi. Fil-fatt dawn iż-żewġ deċiżjonijiet saru definittivi u, fi kwalunkwe każ, il-validità tagħhom ma ġiet iddubitata fl-ebda mument u minn ħadd.
46. Fil-verità, jiena tal-opinjoni li s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/425, minkejja li dan huwa partikolarment diffiċli li jiġi stabbilit b’ċarezza u preċiżjoni fid-dawl tal-kumplessità tal-leġiżlazzjoni li tista’ tiġi applikata għall-proteini mill-annimali pproċessati, kemm jekk jiġu kkunsidrati bħala skart tal-annimali, kif ukoll jekk jiġu kkunsidrati bħala komponenti tal-għalf għall-annimali, jew ukoll, jekk tiġi kkunsidrata l-projbizzjoni li kienu suġġetti għaliha f’dan il-każ.
47. Qabel xejn, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 90/667, li temenda l-Anness A tad-Direttiva 90/425, kien jistabbilixxi li l-prodotti kkonċernati kellhom jiġu sottomessi għar-regoli tal-verifiki veterinarji u, eventwalment, għall-miżuri protettivi stabbiliti mid-Direttiva 90/425. Skont l-Artikolu 1, l-għan tad-Direttiva 90/667 kien li minn naħa, jiġu stabbiliti regoli tas-saħħa u s-sigurtà dwar l-eliminazzjoni u/jew it-trasformazzjoni tal-iskart tal-annimali minħabba l-qerda ta’ aġenti patoġeni li jista’ jkollhom fihom, kif ukoll il-produzzjoni ta’ għalf għall-annimali ta’ oriġini annimali skont il-metodi għall-prevenzjoni tal-preżenza ta’ aġenti patoġeni eventwali f’dan l-għalf u, min-naħa l-oħra, ir-regoli tat-tqegħid fis-suq tal-fdalijiet tal-annimali intiżi għal użu ieħor li ma jkunx għall-konsum mill-bniedem. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva kien jiddefinixxi l-fdalijiet tal-annimali bħala “il-karkassi jew partijiet ta’ annmali jew ta’ ħut, jew il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali mhux intiżi għal konsum dirett mill-bniedem, bl-esklużjoni ta’ eskrementi tal-annimali u fdalijiet tal-ikel mill-ikliet [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
48. Sussegwentement, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1992 (20), jistabbilixxi ukoll li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 kien japplika għall-prodotti li kienet taffettwa, jiġifieri għall-prodotti ta’ oriġini tal-annimali mhux suġġetti, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tas-saħħa dwar l-iskambji u l-importazzjonijiet ġewwa l-Komunità, għar-regolamenti Komunitarji speċifiċi taħt l-Anness A, Kapitolu I tad-Direttiva 89/662 (21) u, fir-rigward tal-aġenti patoġeni, tad-Direttiva 90/425. L-Artikolu 2(1)(e) tad-Direttiva 92/118 kien jipprovdi wkoll l-ewwel definizzjoni Komunitarja ta’ proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali bħala “proteina proċessata ta’ l-annimali maħsuba għall-konsum mill-annimali tfisser proteina illi tkun ġiet trattata sabiex tirrendi lilha nnifisha tajba għall-użu dirett bħala għalf jew bħala ingredjent fl-għalf ta’ l-annimali” u bħala li tinkludi, b’mod partikolari, “ikel mill-ħut”.
49. Fl-aħħar nett, għandu jiġi indikat li, fost l-atti numerużi li jirregolaw l-għalf għall-annimali (22) u li jixhdu l-armonizzazzjoni avanzata fis-suġġett, id-Deċiżjoni 91/516/KEE tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Settembru 1991 (23) għandha ċertament element ta’ risposta għad-domanda li għandi quddiemi. Fil-fatt din id-deċiżjoni kienet stabbiliet il-lista ta’ ingredjenti li l-użu tagħhom kien ipprojbit fl-għalf kompost għall-annimali. Issa, il-proteini mill-annimali ġejjin minn mammiferi ma jidhrux fil-lista ta’ ingredjenti li l-użu tagħhom huwa pprojbit fl-għalf kompost għall-annimali qabel l-emenda bid-Deċiżjoni 97/582/KE tal-Kummissjoni (24), adottata biss fit-28 ta’ Lulju 1997. Hija din l-aħħar deċiżjoni li, għall-ewwel darba, issemmi l-ħtieġa li jiżdiedu ma’ din il-lista il-“Prodotti proteiċi, ġejjin minn tessuti ta’ mammiferi, bħala ingredjenti fl-għalf għal ruminanti”. Is-sitt premessa ta’ din id-deċiżjoni tindika, f’dan ir-rigward, li din l-inklużjoni hija meħtieġa għal “raġunijiet prattiċi u sabiex ikun hemm koerenza ġuridika”, iktar speċifikament minħabba l-projbizzjoni li kien hemm fid-Deċiżjoni 94/381.
50. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sal-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/766, fl-4 ta’ Diċembru 2000, fil-fehma tiegħi ma kienx possibbli għal Stat Membru li jipprojbixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi residwi, la l-użu ta’ proteini ġejjin minn tessuti ta’ mammiferi għall-għalf ta’ annimali mhux ruminanti u lanqas l-użu ta’ proteini ġejjin minn tessuti ta’ annimali mhux ruminanti tal-inqas ’il barra mill-mekkaniżmu ta’ protezzjoni stabbilit mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425.
Fuq il-kompetenza tal-Istati Membri għall-projbizzjoni tal-użu tal-proteini mill-annimali pproċessati fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni istitwit mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 li jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri protettivi nazzjonali
51. Jista’, minkejja dan, jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425?
52. Il-Gvernijiet Olandiż, Svediż u Ġermaniż isostnu li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet tikkostitwixxi miżura protettiva fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 u li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, l-ESB kienet tippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annmali, b’mod li kienu jeżistu motivi gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali. It-tieni nett, il-Kummissjoni kienet għadha ma adottatx miżuri fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, b’mod li din kienet ġiet adottata fl-istennija ta’ miżuri li kellhom jittieħdu. It-tielet nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija miżura protettiva. Ir-raba’ nett, din ġiet ikkommunikata lill-Kummissjoni, u d-dewmien li bih saret din in-notifika ma kellhiex effett fuq il-validità tagħha.
53. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-Deċiżjoni 2000/766/KE ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw, qabel l-1 ta’ Jannar 2000, fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425/KEE, miżuri protettivi kontra l-ESB dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija. Il-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien biss innotifikalha tard il-miżuri sanċiti fil-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425/KEE, ma jaffettwax il-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru sabiex jadotta dawn il-miżuri. Hija tqis ukoll li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kinitx ġustifkata u proporzjonata.
54. L-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri protettivi għandha, skont il-ġurispridenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, issir fl-osservanza tal-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tal-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 (25).
55. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat, jekk il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 interpretati fid-dawl tal-għanijiet imfittxa minn dik id-direttiva.
56. Jekk wieħed jissopponi li din l-ewwel kwistjoni tiġi mwieġba fl-affermattiv, ikun jeħtieġ li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk tikkonformax mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fit-tielet u l-aħħar lok, wieħed irid jistaqsi dwar il-portata tal-obbligu tan-notifika taħt l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, kif ukoll fuq il-konsegwenzi jekk tiġi injorata eventwalent minn Stat Membru.
57. Huma dawn it-tliet aspetti tal-approċċ li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fis-sentenza tagħha Lennox (26), għalkemm f’ordni differenti.
L-osservanza tal-kundizzjonijiet li jattivaw il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425
58. L-ewwel nett għandu jiġi ppreċiżat li d-diskussjoni essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali hijiex koperta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425. Huwa biss il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li staqsa, fl-osservazzjonijiet tiegħu, dwar il-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni tiegħu setgħetx taqa’ wkoll alternattivament jew simultanjament, taħt il-paragrafu 2 tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.
59. F’dan il-każ inqis li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ma setgħetx tiġi adottata bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, imma ma huwiex inutli li wieħed jeżamina malajr id-distinzjoni hekk stabbilita bejn Stat Membru tat-tluq u Stat Membru tad-destinazzjoni.
Fuq id-distinzjoni bejn Stat Membru tat-tluq u Stat Membru tad-destinazzjoni
60. Dawn iż-żewġ paragrafi, li jistabbilixxu distinzjoni bejn l-Istat Membru tat-tluq, jiġifieri dak li minnu jintbagħtu l-annimali jew il-prodotti, u l-Istat Membru tad-destinazzjoni, jiġifieri dak li lejh jintbagħtu l-annimali jew il-prodotti, jistabbilixxu l-possibbiltà għal Stat Membru li jadotta miżuri nazzjonali fi kwalità waħda jew l-oħra, imma taħt kundizzjonijiet u skont ċerti proċeduri li ma humiex l-istess, b’mod li, normalment, għandhom jiċċirkoskrivu s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom rispettiv.
61. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna, f’dan ir-rigward, li din id-distinzjoni ma kinitx rilevanti f’dan il-każ, billi l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ma kinitx intiża biex tirregola l-kummerċ intra-Komunitarju imma, b’mod iktar ġenerali, il-produzzjoni u l-kumerċjalizzazzjoni ta’ għalf għall-annimali. Għalhekk il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet ġiet adottata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kwalità doppja tiegħu ta’ Stat Membru tat-tluq u tad-destinazzjoni. Fi kwalunkwe każ, billi l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra usa’ skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(1) milli skont ir-raba’ paragrafu tal-istess Artikolu 10(1), ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-intervent tagħhom fil-kwalità tagħhom ta’ Stat Membru tad-destinazzjoni jiġġustifikaw, a fortiori, l-intervent tagħhom bħala Stat Membru tat-tluq.
62. L-ewwel nett għandi nenfasizza li ma naqbilx għal kollox mal-analiżi tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. Miżura nazzjonali tista’ tkun ammissibbli fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 u ma tkunx hekk fir-rigward tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, id-distinzjoni tista’ tkun deċiżiva għal Stat Membru.
63. Madankollu, f’dan il-każ, id-distinzjoni hija effettivament ta’ inqas importanza fid-dawl tal-portata tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali. Fil-fatt, il-projbizzjoni li fiha, taffettwa kemm l-esportazzjonijiet tal-għalf għall-annimali kif ukoll l-importazzjoni tal-għalf għall-annimali u għalhekk tista’ titqies kemm bħala miżura adottata bħala Stat Membru tat-tluq kif ukoll Stat Membru tad-destinazzjoni. Minn dan l-aspett, jista’ jiġi enfasizzat ukoll li l-osservanza tal-kundizzjonijiet, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, għandha importanza partikolari ħafna għall-esportaturi stabbiliti fl-Istati Membri oħra.
Fuq il-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ miżuri protettivi fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425
64. L-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet. Qabel xejn, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, intervent bħal dak huwa possibbli biss fil-każ li “tfeġġ kull żonożi, marda jew kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi kull periklu serju għall-annimali u għas-saħħa umana”. Sussegwentement, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 jawtorizza biss min-naħa tal-“Istat Membru tad-destinazzjoni” “miżuri protettivi” li jistgħu jirrigwardaw biss “ażjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet konċernati jew, fil-każ ta’ mard epiżootiku, fir-rigward ta’ żona ta’ lqugħ li hemm provduta fir-regoli tal-Komunità” u li huma ġġustifikati minn “raġunijiet serji pubbliċi jew ta’ saħħet l-annimali”. Fl-aħħar nett, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati biss “[s]akemm jittieħdu l-miżuri” skont l-Artikolu 10(4) tal-imsemmija direttiva.
65. Mingħajr dubju, dawn il-kundizzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom l-istess importanza u ċertament jistgħu jinġabru skont relazzjonijiet loġiċi li huma għandhom ma’ xulxin. B’mod sempliċi, wieħed jista’ jgħid li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri tad-destinazzjoni għandhom joqogħdu fuq konstatazzjoni doppja, dik tal-eżistenza ta’ periklu u dik tal-eżistenza ta’ urġenza, fin-nuqqas ta’ intervent tal-awtoritajiet tal-Unjoni, u jibqgħu proporzjonati.
66. L-intervent tal-Istati Membri tad-destinazzjoni fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 għandu qabel xejn ikun ibbażat fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju, ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali. Barra minn hekk għandu jkun ta’ natura protettiva, jiġifieri jirrispondi għal kunsiderazzjonijiet ta’ urġenza filwaqt li tiġi rrimedjata sitwazzjoni provviżorjament mhux regolata fil-livell Komunitarju imma li ser tkun hekk irregolata. Fl-aħħar nett, dan għandu jkun proporzjonat, jiġifieri jinżamm fil-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, li huwa li jittaffa b’urġenza riskju identifikat.
67. Ċertament dan huwa s-sens tal-kundizzjoni li taħtha miżuri protettivi għandhom jaffettwaw biss “l-ażjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet kkonċernati” jew, fil-każ ta’ mard epiżootiku “żona ta’ lqugħ li hemm provduta fir-regoli tal-Komunità”, li ma tirrigwardax la l-konstatazzjoni ta’ periklu u lanqas dik ta’ urġenza.
68. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-kwistjoni jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, li tipprovi għal projbizzjoni ġenerali li taffettwa l-kanali kollha ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-għalf għall-annimali, li ma taqbiżx dak awtorizzat fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 ma ġietx eżaminata la mill-Kummissjoni, la mill-Istati Membri li għamlu osservazzjonijiet u lanqas mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess qatt ma ħadet pożizzjoni fuq din il-kwistjoni.
69. Madankollu jista’ jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ diskussjoni fuq dan il-punt ma jagħtix lok għal konsegwenzi billi huwa ammess li l-kontroll tal-osservanza ta’ din il-kundizzjoni huwa assorbit mill-kontroll tal-proporzjonalità.
L-eżistenza ta’ periklu
70. Il-ħtieġa tal-eżistenza ta’ periklu hija espressa l-ewwel nett fil-kundizzjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 dwar “b’kull tifqiegħa fit-territorju tiegħu, b’żieda ma’ dan kull tifqiegħa tal-mard […] ta’ kull żonożi, marda jew kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi kull periklu serju għall-annimali u għas-saħħa umana” li tiġi applikata fl-adozzjoni kemm ta’ miżuri ta’ protezzjoni Komunitarji kif ukoll, fin-nuqqas ta’ dawn tal-aħħar, fl-adozzjoni ta’ miżuri protettivi nazzjonali. Hija espressa wkoll fil-kundizzjoni, li hemm fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, li tissuġġetta l-intervent tal-Istati Membri għall-eżistenza ta’ “raġunijiet serji pubbliċi [ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika] jew ta’ saħħet-l annimali”.
71. Din il-kundizzjoni doppja għandha, f’dan il-każ, tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta, għall-istess raġunijiet.
72. Kif osservat il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (27) li din il-kundizzjoni tista’ tiġi sodisfatta “meta informazzjoni ġdida timmodifika b’mod sinjifikattiv il-perċezzjoni tal-periklu li tikkostitwixxi marda”.
73. F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-ewwel tliet premessi tad-Deċiżjoni 2000/766 tal-Kunsill, kienu ġew ikkonstatati każijiet ta’ ESB fuq annimali li twieldu fl-1995, wara l-adozzjoni, fis-27 ta’ Ġunju 1994, tad-Deċiżjoni 94/381, li kienet tinkludi l-ewwel regoli Komunitarji dwar il-verifika tal-proteini tal-mammiferi pproċessati użati fl-għalf tar-ruminanti. Il-parir li ngħata fis-27 u 28 ta’ Novembru 2000 mill-kumitat xjentifiku tat-tmexxija f’dan il-kuntest, li għall-ewwel darba semma “riskju ta’ kontaminazzjoni inkroċjata tal-għalf tal-bovini minn għalf intiż għal annimali oħrajn u li fih proteini mill-annimali li jistgħu jiġu kkontaminati mill-aġent tal-ESB” jista’ jiġi kkunsidrat li mmodifika b’mod importanti l-perċezzjoni tal-periklu li tikkostitwixi l-ESB.
74. L-adozzjoni stess tad-Deċiżjoni 2000/766 tal-Kunsill, li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kkunsidrat espressament u li kellha bħala għan li timplementa, tistrieħ, għalhekk, fuq konstatazzjoni tal-ħtieġa, bħala prekawżjoni, li tipprojbixxi provviżorjament l-użu tal-proteini mill-annimali kollha fl-għalf tal-annimali kollha (28). Il-parir tal-kumitat xjentifiku tat-tmexxija, li kienet tiġġustifika l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/766, għalhekk setgħet ukoll - kif sostnew kemm il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Ġermanja u tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom - jiġġustifika l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali.
L-eżistenza ta’ urġenza
75. Il-ħtieġa tal-eżistenza ta’ urġenza hija espressa permezz tal-kundizzjoni li l-intervent tal-Istati Membri ta’ destinazzjoni, minn naħa, għandha natura “protettiva” u, min-naħa l-oħra, iseħħ “[s]akemm jittieħdu l-miżuri”.
76. Jista’ jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kellha natura protettiva, kellha effettivament għan protettiv?
77. L-għan stess tal-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kien li tiġi ggarantita l-implementazzjoni antiċipata ta’ miżuri ta’ protezzjoni deċiżi mill-Kunsill u trasposti fl-Artikolu 3 tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Ċertament jista’ jiġi kkunsidrat li din il-forma ta’ għaġla kienet tirrifletti preokkupazzjonijiet dwar l-urġenza tas-sitwazzjoni.
78. Hawnhekk għandu jiġi osservat li l-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ma għandhiex għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali imma għan purament organizzattiv li jikkonsisti f’li jinġieb fix-xejn il-proċess ta’ produzzjoni eżistenti, ma jidhirlix li huwa ta’ natura li jippermetti li tiġi ddubitata din il-kunsiderazzjoni. Hawnhekk ma hijiex kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk l-għanijiet, reali jew dikjarati, insegwiti mill-Istat Membru jikkorrispondux mal-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni provviżorja dwar l-eżistenza ta’ periklu, imma sempliċiment li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħtieġa urġenti għall-Istat Membru li jintervjeni. L-eżami li għandu jsir f’dan ir-rigward huwa għalhekk relativament sempliċi. Jikkonsisti unikament fid-determinazzjoni ta’ jekk il-miżuri Komunitarji kinux jeżistu.
79. Min-naħa l-oħra, diffiċilment jista’ jiġi sostnut li l-leġiżlazzjoni provviżorja kienet ġiet adottata “[s]akemm jittieħdu l-miżuri”, meta l-miżuri Komunitarji kienu “ttieħdu” erbat ijiem qabel.
80. Huwa veru li, mitluba tiddeċiedi kwistjoni simili għal dak li tirrigwarda dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 89/662 (29) fis-sentenza tagħha Eurostock(30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċediet li “l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li l-applikazzjoni tagħha mhijiex immedjata lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata, bħala tali, li tipprojbixxi lil Stat Membru li jieħu huma stess miżuri protettivi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/662”. Madankollu, kif enfasizzaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-fatti inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Eurostock huma differenti fuq punt essenzjali ta’ dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti.
81. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Eurostock, iċċitata iktar ’il fuq, id-dħul fis-seħħ tal-miżura Komunitarja kien ġie differit diversi drabi, matul perijodu ta’ qrib it-tliet xhur li jibdew mill-adozzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-miżura nazzjonali kienet ġiet adottata biss wara l-posponiment tad-dħul fis-seħħ tal-miżura Komunitarja. Iżda, f’din il-kawża l-miżura Komunitarja, adottata ftit żmien wara l-konstatazzjoni ta’ periklu, kellha tidħol fis-seħħ anqas minn xahar wara, u effettivament hekk ġara.
82. Fi kwalunkwe każ, l-Avukat Ġenerali Mischo adotta pożizzjoni opposta fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (31), fir-rigward tal-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/662. Meta indaga l-kwistjoni jekk Stat Membru setax jadotta miżura ta’ protezzjoni nazzjonali, abbażi tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/662, bil-għan li tingħata qawwa ikbar lil miżura ta’ protezzjoni Komunitarja, adottata fuq il-bażi tal-istess dispożizzjoni, huwa jikkonsidra li din l-eventwalità hija inaċċettabbli. Fil-fatt josserva li “jekk Stat Membru ma jkunx sodisfatt b’miżura ta’ protezzjoni Komunitarja, għandu jieħu l-kontestazzjoni tiegħu quddiem qorti li għandha tiddeċiedi. Huwa ma għandux jaġixxi unilateralment” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalkemm din ir-risposta hija mingħajr ambigwità, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża mhijiex assolutament l-istess bħal dik inkwistjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq. Il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ma kellhiex bħala għan li tagħti qawwa ikbar lill-miżura ta’ protezzjoni Komunitarja, imma sempliċement, tal-inqas fir-rigward tal-projbizzjoni antiċipata, li tantiċipa, jiġifieri tħaffef, l-implementazzjoni tagħha.
83. Jiena nqis, fiċ-ċirkustanzi tal-kawza prinċipali, li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet tirrispondi għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-urġenza. Fi kliem aħjar, jidhirli li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ma seħħitx “[s]akemm jittieħdu l-miżuri” imma meta dawn l-istess miżuri kienu “ttieħdu” u għalhekk bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 u hija l-qorti li quddiemha għandha l-kawża prinċipali li għandha tevalwa l-konsegwenzi.
84. F’dan ir-rigward, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li, adottata fl-4 ta’ Diċembru 2000, wara l-parir mogħti mil-kumitat xjnetifiku ta’ tmexxija tas-27 u 28 ta’ Novembru 2000, id-deċiżjoni tal-Kunsill daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Għaldaqstant l-intervent Komunitarju jixhed ċerta għaġla. B’paragun, jista’ jiġi enfasizzat li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 94/381 kien iffissa għall-Istati Membri terminu ta’ tletin jum, li jibda jiddekorri min-notifika tagħha, għall-projbizzjoni tal-użu tal-proteini ġejjin minn tessuti ta’ mammiferi fl-għalf tar-ruminanti. Il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, min-naħa tagħha, ġiet adottata fit-8 ta’ Diċembru 2000, meta l-urġenza tas-sitwazzjoni kienet diġà ġiet kkunsidrata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imma daħlet fis-seħħ biss fil-15 ta’ Diċembru 2000, mingħajr ma l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mistoqsi fuq dan il-punt fis-seduta, ipprovda indikazzjoni fuq ir-raġuni għal din id-diskrepanza.
85. Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, ma huwiex indispensabbli li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa importanti li jsiru ċerti preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-obbligu ta’ komunikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.
L-osservanza tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri meħuda
86. Skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri, fil-kwalità tagħhom ta’ Stati tat-tluq kif ukoll bħala Stati tad-destinazzjoni, għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra. F’dan il-każ partikolari, il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali ġiet adottata fit-8 ta’ Diċembru 2000, imma nnotifikata lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2001 biss. Tali dewmien ta’ 33 jum jista’ jiġi kkusidrat raġonevolment bħala konformi mad-Direttiva 90/425? Jekk le, x’tista’ tkun is-sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu? Kif ukoll, x’jista’ jiġi dedott min-nuqqas ta’ kull informazzjoni dwar in-notifika lill-Istati Membri oħra?
87. Il-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvernijiet Olandiż u Ġermaniż, sostanzjalment iqisu li, jekk diffiċilment jista’ jiġi kkunsidrat li din in-notifika saret “mingħajr dewmien” fis-sens tad-Direttiva 90/425, dan id-dewmien ma jaffettwax madankollu l-kompetenza tal-Istat Membru sabiex tiġi adottata miżura bħal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali u lanqas, għaldaqstant, fuq il-validità tagħha.
88. Fis-sentenza tagħha Lennox, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala raġonevoli dewmien ta’ 16-il jum. Barra minn hekk, hija għamliet domanda lill-Istat Membru kkonċernat prinċipalment mill-miżura protettiva kkunsidrata, adottata minn Stat Membru ieħor dwar il-punt jekk dik il-miżura kinitx ġiet innotifikata lilu (32). Iżda, qatt ma tat deċiżjoni fuq is-sanzjoni eventwali u lanqas dwar dewmien mhux raġonevoli u lanqas dwar in-nuqqas ta’ notifika lill-Istati Membri oħrajn taħt din id-dispożizzjoni. Madankollu, huwa korrett jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ħtieġa ta’ din in-natura, f’dan il-każ dik stabbilita fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 90/425 ma setax jikkontesta l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet (33).
89. Huwa evidenti li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, imma l-qrati kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni, li għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali. L-iktar li tista’ tagħmel, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa li tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-direttiva tal-aġir ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ miżuri protettivi mingħajr ma jinnotifikahom lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri l-oħjn. Minn dan l-aspett, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tal-Istat Membru ta’ notifika impost mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 jista’ jiġi pparagunat man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, jiġifieri tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali li jispira l-Artikolu 10 KE.
90. Madankollu, dan it-tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jfisser li l-ksur eventwali ta’ dan l-obbligu jitneħħilu kull sanzjoni jew ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi f’dan ir-rigward?
91. Għandha ssir distinzjoni, presumibbilment, minn naħa, bejn in-nuqqas ta’ kull notifika ta’ dewmien ta’ notifika u, min-naħa l-oħra, in-notifika lill-Kummissjoni u n-notifika lill-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, għandha tiġi apprezzata l-importanza ta’ dan l-obbligu u jiġu ddeterminati l-konsegwenzi tal-ksur eventwali tiegħu, u li jitpoġġa fil-kuntest tiegħu.
92. Kif osserva l-Gvern Olandiż, dan l-obbligu ta’ notifika ma jistax ikollu bħala għan li tinkiseb kwalunkwe awtorizzazzjoni preliminari mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri oħra, anzi bil-kuntrarju. Xorta jibqa’ l-fatt li l-għan tagħha huwa li tingħata informazzjoni indispensabbli għal intervent Komunitarju ulterjuri, li ma hu xejn inqas indispensabbli sa fejn dan biss jista’ jwettaq b’effettività l-konċiljazzjoni meħtieġa bejn il-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali fuq it-territorju kollu Komunitarju u l-moviment liberu tal-annimali u l-prodotti milquta. Id-Deċiżjoni 2000/766 tirrifletti din ir-realtà meta ssemmi fil-premessi tagħha l-eżistenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni adottati mill-Istati Membri (34). Minn dan l-aspett, in-notifika ta’ informazzjoni relevanti għall-Kummissjoni hija l-ewwel stadju ta’ proċess ta’ tranżizzjoni minn sitwazzjoni ta’ urġenza, immexxija għall-protezzjoni minn Stat Membru, għal sitwazzjoni kontrollata, immexxija kollettivament fil-livell Komunitarju. Din il-komunikazzjoni tikkorrispondi għalhekk għall-konstatazzjoni ta’ urġenza li tikkundizzjona l-adozzjoni tal-miżuri protettivi minn naħa ta’ Stat Membru.
93. In-notifika ta’ informazzjoni rilevanti lill-Istati Membri oħra ma hijiex inqas importanti meta din għandha preċiżament bħala għan li tgħarrafhom bil-periklu jew bir-riskju fl-oriġini tas-sitwazzjoni ta’ urġenza. Għalhekk din in-notifika tikkostitwixxi l-konstatazzjoni tal-periklu li tikkundizzjona, anki din, l-adozzjoni ta’ miżuri protettivi minn Stat Membru.
94. Jeħtieġ li wieħed jinsisti hawnhekk fuq il-fatt li n-notifika magħmula fl-10 ta’ Jannar 2001 mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi saret meta, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni 2000/766 flimkien ma’ dawk tad-Deċiżjoni 2001/9 kienu kompletament applikabbli u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni provviżorja ma kinitx. Din in-notifika fuq l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja, li kienet partikolarment importanti għaliex immodifikat il-kamp ta’ applikazzjoni sostanzjali u temporali tal-miżuri Komunitarji li kienu għadhom kif ittieħdu, mhux biss kienet tardiva imma, fuq kollox, totalment inutli.
95. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm mhux possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tissanzjona, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, il-ksur ta’ dan l-obbligu partikolari ta’ informazzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-poter tagħhom li jadottaw miżuri protettivi, madankollu hija tista’ tinsisti fuq l-importanza tiegħu, billi tfakkar pereżempju li, huma, b’mod partikolari, il-qrati nazzjonali li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-Istati Membri tal-obbligi Komunitarji tagħhom.
96. Fl-aħħar nett, u mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kinitx perfettament kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inqis li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kellux dritt jadotta miżura bħal dik fil-kawża prinċipali li tipprojbixxi minn qabel poteini tal-annimali pproċċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija.
VI – Fuq il-kompetenza tal-Istat Membru sabiex jadotta l-projbizzjoni provviżorja tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju
97. Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali testendi l-projbizzjoni tagħha għall-ħut imqadded mitħun u għall-fosfat tad-dikalċju, billi huwa preċiżat li, minn naħa, id-Deċiżjoni 2000/766 kienet tistabbilixxi, fl-Artikolu 2(2), derogi għall-projbizzjoni tal-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf għall-annimali li ma humiex ruminanti u tal-fosfat tad-dikalċju b’mod partikolari u, min-naħa l-oħra, li l-użu ta’ dawn iż-żewġ prodotti kien suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri li kellhom jiġu adottati billi tiġi segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662 li saru fl-aħħar bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/9.
98. L-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni eżaminaw id-domanda preliminari li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma saret distinzjoni, fi ħdan il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, bejn il-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali pproċessati u l-projbizzjoni provviżorja tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju. Huma, b’mod ġenerali, jikkunsidraw li ż-żewġ miżuri jaqgħu taħt il-miżuri protettivi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.
99. Ċertament huwa possibbli li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali fl-assjem tagħha, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ aspetti. Madankollu, teżisti differenza netta ħafna bejn dawn iż-żewġ aspetti. Il-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali pproċessati kienet tikkorrespondi, ħlief għal dak li jikkonċerna d-data tad-dħul is-seħħ tagħha, mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2000/766. Madankollu, il-projbizzjoni provviżorja tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni.
100. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, f’dan ir-rigward, ma kienx possibbli għalih li jantiċipa l-kundizzjonijiet stretti ħafna ta’ użu ta’ ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju stabbiliti fl-aħħar mid-Deċiżjoni 2001/9 u li, fir-rigward tar-riskji stabbiliti għas-saħħa pubblika, ir-riċerka għal bilanċ tal-interessi differenti inkwistjoni kienet timmilita favur il-projbizzjoni tal-użu tagħhom, fl-istennija tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni.
101. Dan l-argument ma jidhirlix li huwa konvinċenti.
102. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2000/766 fil-fatt jeskludi mingħajr l-iċken ambigwità mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni l-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf tal-annimali mhux ruminanti kif ukoll l-użu tal-fosfat tad-dikalċju inġenerali. Ċertament, din id-deroga saret, b’xi mod, verament effettiva biss bl-intervent tal-miżuri ta’ implementazzjoni li kellhom jakkumpanjawha, u għalhekk bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/9, li seħħet fid-29 ta’ Diċembru 2000, wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali.
103. Madankollu, l-unika data li verament kienet importanti fil-każ inkwistjoni kienet id-data tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni, li neċessarjament kienet tikkondizzjona dik tad-derogi. Ġara li, f’dan il-każ partikolari, id-dati tad-dħul fis-seħħ taż-żewġ Deċiżjonijiet 2000/766 u 2001/9 kienu l-istess u li d-dati tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni u tad-derogi tagħha kienu jikkoinċidu.
104. Issa, l-applikazzjoni tad-derogi għall-projbizzjoni antiċipata sanċita mil-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali, b’applikazzjoni mill-15 ta’ Diċembru 2000, kienet suġġetta għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni stabbiliti bid-Deċiżjoni 2000/766. Id-derogi dwar l-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf tal-annimali mhux ruminanti kif ukoll l-użu ta’ fosfat tad-dikalju ma kinux għalhekk applikabbli bejn il-15 ta’ Diċembru 2000 u l-1 ta’ Jannar 2001.
105. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali kienet tfisser projbizzjoni ta’ użu ta’ ħut mitħun imqadded fl-għalf ta’ annimali mhux ruminanti kif ukoll tal-fosfat tad-dikalċju meta l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma kinitx tipprojbixxihom u kienet stabbilixxiet b’mod ċar li ma kinitx tipprojbihom.
106. Għalhekk, jidher li mhux biss il-projbizzjoni provviżorja tal-użu tal-ħut imqadded mitħun fl-għalf ta’ annimali mhux ruminanti kif ukoll tal-fosfat tad-dikalċju ġibdet l-istess kritika bħal dik fir-rigward tal-projbizzjoni antiċipata tal-proteini mill-annimali pproċessati, imma wkoll, sa fejn din kienet tikkontradixxi direttament regola Komunitarja, din ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dmir ta’ lealtà li jobbligaw l-Istati Membri taħt l-Artikolu 10 KE.
VII – Konklużjoni
107. Bħala konklużjoni, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Gerechtshof ’s-Gravenhage fit-termini li ġejjin:
“Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/381/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tikkostitwixxi bidla fil-kampi ta’ applikazzjoni temporali u sostanzjali tal-projbizzjoni sanċita mid-Deċiżjoni 2000/766/KE”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Iktar ’il quddiem “l-ESB”.
3 – Direttiva dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138),
4 – Deċiżjoni dwar ċerti miżuri protettivi relattivi għall-enċefalopatija sponġiformi bovina u għall-għalf abbażi ta’ proteini li ġejjin minn mammiferi, (ĠU L 172, p. 23), kif emendata bid-Deċiżjoni 1999/129/KE, tad-29 ta’ Jannar 1999, (ĠU L 41, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 94/381”).
5 – Deċiżjoni dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli u l-użu ta’ proteini mill-annimali fl-għalf tal-annimali (ĠU L 306, p. 32).
6 – Deċiżjoni dwar miżuri ta’ verifika meħtieġa għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE (ĠU L 2, p.32).
7 – Direttiva li tistabbilixxi regoli veterinarji għar-rimi u l-ipproċessar ta’ skart mill-annimali, għat-tpoġġija tiegħu fis-suq u għall-prevenzjoni ta’ patoġeni fl-għalf ta’ oriġini minn annimali jew ħut u li temenda d-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 363, p. 51).
8 – Tijdelijke regeling verbod dierlijke eiwitten in alle diervoerders landbouwhuisdieren, (Nederlandse Staatscourant 2000, Nru 239, iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni provviżorja nazzjonali”).
9 – Artikolu 3(1)(a) tad-Deċiżjoni 2000/766.
10 – Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/766.
11 – Iktar ’il quddiem “il-konvenuti fil-kawża prinċipali”.
12 – Fit-tieni inċiż tagħha, id-domanda preliminari tirriferi għad-Deċiżjoni 2000/766/CE, imma huwa ċar li dan huwa lapsus calami u r-referenza għandha tkun għad-Deċiżjoni 2001/9/KE.
13 – Din il-pożizzjoni jiddifendiha primarjament il-Gvern Svediż, il-Gvern Olandiż jiddefendiha sussidjarjament. Kif ser naraw iktar ’l isfel, il-Kummissjoni ukoll tqajjem din il-kwistjoni imma b’mod iktar sfumat.
14 – Din il-fehma jiddefenduha kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvernijiet tal-Istati Membri li għamlu osservazzjonijiet.
15 – Ara, f’dan ir-rigward, it-tnax-il premessa tad-Direttiva 90/425, li tippreċiża li, “invista ta’ l-istat attwali ta’ l-armonizzazzjoni u sakemm r-regoli tal-Komunità, annimali u prodotti li mhumiex, is-suġġett tar-regoli armonizzati għandhom jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ l-Istat tad-destinazzjoni kemm-il darba ta’ l-aħħar huma konformi ma’ l-Artikolu 36 tat-Trattat [li sar l-Artikolu 30 KE, imbagħad l-Artikolu 36 TFUE]”.
16 – Sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, (C‑52/92, Ġabra p. I‑2961, punti 9 u 19).
17 – C‑52/92, iċċitata iktar ’il fuq.
18 – Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 90/425.
19 – Wieħed jista’ jifhem f’dan is-sens l-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 2000/766, li tindika li, “ir-regoli Komunitarji għar-rigward tal-verifika ta’ ċerti proteini mill-annimali pproċessati użati fl-għalf tar-ruminanti daħlu fis-seħħ f’Lulju 1994” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
20 – Id-Direttiva li tipprovdi għal rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti mhux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f’regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, fejn jidħlu l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425/KEE, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 14, p. 51).
21 – Id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 214).
22 – Mingħajr ma wieħed ikun eżawrjenti, jistgħu jiġu ċċitati pereżempju d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-marketing ta’ għalf kompost (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 50) kif ukoll id-Direttiva 96/25/KE tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 1996, dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ materjali tal-għalf tal-bhejjem, li temenda d-Direttiva 70/524/KEE, 74/63/KEE, 82/471/KEE u 93/74/KEE u li tħassar id-Direttiva 77/101/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 96).
23 – Deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-ingredjenti li l-użu tagħhom huwa pprojbit fl-għalf kompost għall-annimali (ĠU L 281, p. 23).
24 – Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni 91/516/KEE (ĠU L 237, p. 39).
25 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C‑96/03 u C‑97/03, Ġabra p. I‑1895, punt 52).
26– Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003 (C‑220/01, Ġabra p. I‑7091, punti 71 sa 82).
27 – Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et (C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punti 28 sa 32); Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punti 51 sa 53) kif ukoll Lennox, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72.
28 – Premessa 6 tad-Deċiżjoni 2000/766/KE.
29 – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662, huwa abbozzat f’termini identiċi għal dawk tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li ż-żewġ direttivi għandhom dispożizzjonijiet simili, id-Direttiva 90/425 tikkompleta d-dispożizzjonijiet implementati bid-Direttiva 89/662 għall-annimali ħajjin u prodotti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, f’dan ir-rigward, it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 89/662).
30– Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000 (C-477/98, Ġabra p. I-10695).
31 – Punti 162 sa 164 tal-imsemmija konklużjonijiet (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001C‑1/00, Ġabra p. I‑9989).
32 – Sentenza Lennox iċċitata iktar ’il fuq, punt 73.
33 – Sentenza tat-8 ta’ Jannar 2002, van den Bor (C‑428/99, Ġabra p. I‑127, punti 45 sa 47).
34 – Ara il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2000/766.
Full & Egal Universal Law Academy