KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2011 (1)
Kawżi magħquda C-400/09 u C-207/10
Orifarm A/S,
Orifarm Supply A/S,
Handelsselskabet af 5. januar 2002 A/S, suġġetta għal-proċedura ta’ stralċ,
Ompakningsselskabet af 1. november 2005 A/S (C‑400/09)
vs
Merck & Co. Inc.,
Merck Sharp & Dohme BV,
Merck Sharp & Dohme
u
Paranova Danmark A/S,
Paranova Pack A/S (C‑207/10)
vs
Merck Sharp & Dohme Corp.,
Merck Sharp & Dohme,
Merck Sharp & Dohme BV
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka)]
“Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 7(2) – Ippakkjar mill-ġdid ta’ prodott farmaċewtiku li jkun suġġett ta’ importazzjoni parallela – Kriterji rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ interventi għal dritt ta’ trade mark”
1. Fil-kawżi preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha talbiet għal deciżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (2), kif ukoll il-ġurisprudenza relatata magħha, b’mod partikolari s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche (3), tat-3 ta’ Diċembru 1981, Pfizer (4), kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, MPA Pharma (5), u Bristol-Myers Squibb et (6).
2. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom importatur parallel jista’ jikkummerċjalizza prodotti mediċinali ppakkjati mill-ġdid li jkollhom trade mark, mingħajr ma l-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jopponi ruhu għalihom. Id-domandi li l-Højesteret (Qorti Suprema) (id-Danimarka) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri dik li fuq l-imballaġġ il-ġdid jiġi indikat min wettaq l-ippakkjar mill-ġdid. L-għan ta’ dawn id-domandi huwa, essenzjalment, jekk din il-kundizzjoni teħtiegx li jkun imniżżel l-isem tal-impriża li twettaq l-ippakkjar mill-ġdid jew jekk huwiex biżżejjed li jissemma’ l-isem tal-proprjetarju tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali importat b’mod parallel, li jagħti l-istruzzjonijiet ta’ xiri u ta’ ppakkjar mill-ġdid lill-impriża li twettaq l-ippakkjar mill-ġdid.
3. F’dawn il-konklużjonijiet, nesprimi ruħi favur it-tieni alternattiva stabbilita. Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ riferiment fuq imballaġġ ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid, tal-impriża li pproċediet b’mod konkret għal ippakkjar mill-ġdid tiegħu, ma jippermettix lil proprjetarju tat-trade mark li jopponi ruhu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott ladarba, maġenb l-isem tal-produttur, jidher l-isem tal-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni tal-ippakkjar mill-ġdid u li tassumi r-responsabbiltà għalih.
I – Il-kuntest ġuridiku
4. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi li:
“1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:
a) kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;
b) kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.
2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.
3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:
a) li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;
b) li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;
ċ) jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;
d) juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.
[…]”
5. L-Artikolu 7(1) tad-direttiva, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi:
“1. It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju biex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni ta’ l-merkanzija, speċjalment fejn il-kundizzjoni ta’ l-merkanzija hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdet fuq is-suq”.
6. Id-Direttiva 89/104 tħassret bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95/KE, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (7) li daħlu fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008. Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha seħħew il-fatti, il-kawżi prinċipali jibqgħu rregolati bid-Direttiva 89/104.
7. L-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 89/104 ġew rispettivament trasposti fid-dritt Daniż mill-Artikoli 4 u 6 tal-liġi dwar it-trade marks (Varemaærkeloven) (8).
II – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
A – Il-Kawża C‑400/09
8. Il-kumpanniji Orifarm A/S (iktar ’il quddiem “Orifarm”), Orifarm Supply A/S (iktar ’il quddiem “Orifarm Supply”), Handelsselskabet af 5. januar 2002 A/S, suġġetta għal-proċedura ta’ stralċ (iktar ’il quddiem “Handelsselskabet”), u Ompakningsselskabet af 1. November 2005 A/S (iktar ’il quddiem “Ompakningsselskabet”) jagħmlu parti mill-grupp Orifarm li huwa l-iktar importatur parallel tal-mediċini importanti fil-pajjiżi nordiċi u li fl-2008 kien l-iktar fornitur tal-mediċini importanti fl-ispiżeriji Daniżi. Is-sede ċentrali tal-grupp tinsab f’Odense (id-Danimarka).
9. Orifarm u Handelsselskabet huma jew kienu proprjetarji ta’ liċenzji ta’ tqegħid fis-suq u ta’ bejgħ tal-mediċini inkwistjoni, filwaqt li Orifarm Supply u Ompakningsselskabet, li meta kienet tippakkja mill-ġdid u tbigħ il-preparazzjonijiet inkwistjoni kienet tissejjaħ Medipack A/S (iktar ’il quddiem “Medipack”), wettqu b’mod konkret l-ippakkjar mill-ġdid u huma, jew kienu proprjetarji tal-liċenzja tal-ippakkjar mill-ġdid.
10. Kull deċiżjoni dwar il-provvista, il-preżentazzjoni, it-trattament u l-bejgħ tittieħed minn Orifarm, filwaqt li Ompakningsselskabet tixtri u tippakkja mill-ġdid il-prodotti, u tassumi r-responsabbiltà li tosserva d-direttivi tal-Lægemiddelstyrelsen (l-Aġenzija Daniża tal-Mediċini) iddestinati għal min jippakkja mill-ġdid. Ompakningsselskabet (Medipack) għandha persunal ta’ 210 li jieħdu ħsieb il-loġistika, il-ħażna u l-ippakkjar mill-ġdid effettiv, filwaqt li Orifarm timpjega bejn 15 u 20 persuna, b’mod partikolari għall-kummerċ ta’ mediċini.
11. Merck & Co. Inc., Merck Sharp & Dohme BV u Merck Sharp & Dohme (iktar ’il quddiem, flimkien, “Merck”) kollha jagħmlu parti mill-grupp Merck. Dan huwa wieħed mill-iktar gruppi importanti fid-dinja għall-produzzjoni ta’ mediċini oriġinali.
12. Il-grupp Merck iffabbrika l-mediċini inkwistjoni, li l-grupp Orifarm importa b’mod parallel fis-suq Daniż. Il-grupp Merck huwa wkoll proprjetarju tad-drittijiet tat-trade mark tal-prodotti msemmija jew abilitat li jibda proċeduri fil-kuntest ta’ ftehim ta’ liċenzji konklużi mal-proprjetarji tad-drittijiet ta’ trade mark.
13. Mill-bidu tal-importazzjoni parallela u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-mediċini, Orifarm u Handelsselskabet ġew ippreżentati bħala pakkeġġaturi mill-ġdid fuq l-imballaġġ tal-prodotti mediċinali inkwistjoni li għalihom kellhom awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq, minkejja li l-ippakkjar mill-ġdid fiżiku twettaq, skont il-każ u skont l-istruzzjonijiet mogħtija minn Orifarm u/jew Handelsselskabet, minn Ompakningsselskabet (Medipack), Orifarm Supply jew minn pakkeġġaturi mill-ġdid esterni. Madankollu, din l-aħħar ipoteżi ma seħħitx fil-każ inkwistjoni.
14. Minkejja li, mis-sena 2006, il-grupp Orifarm beda jindika “Ippakkjat mill-ġdid minn Medipack A/S għal Orifarm A/S” fuq il-prodotti tal-grupp Merck, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-mediċini li l-imballaġġ tagħhom ma kienx jindika lill-awtur effettiv tal-ippakkjar mill-ġdid, iżda biss l-ismijiet tad-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq u tal-fabbrikant, b’indikazzjoni tat-tip:
“Importat u ppakkjat mill-ġdid minn Orifarm A/S […]
Fabbrikant: Merck Sharp & Dohme”
15. Merck ippreżentat żewġ rikorsi quddiem is-Sø- og Handelsretten (Qorti marittima u tal-kummerċ) kontra, rispettivament, Orifarm u Orifarm Supply, kif ukoll Handelsselskabet u Ompakningsselskabet, fejn ikkontestat in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-awtur effettiv tal-ippakkjar mill-ġdid fuq l-imballaġġ tal-prodotti mediċinali inkwistjoni. F’sentenzi mogħtija rispettivament fil-21 ta’ Frar 2008 u fl-20 ta’ Ġunju 2008, is-Sø- og Handelsretten ikkonstatat li l-konvenuti kienu kisru d-drittijiet ta’ trade mark ta’ Merck billi ma indikawx il-pakkeġġatur mill-ġdid effettiv u kkundannathom iħallsu kumpens lil Merck.
16. Wara li semgħet l-appelli fil-kassazzjoni ppreżentati minn Orifarm, Orifarm Supply, Handelsselskabet u Ompakningsselskabet kontra dawn is-sentenzi tas-Sø- og Handelsretten, il-Høojesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif tirriżulta mis-sentenzi tagħha [iċċitati iktar ’il fuq] MPA Pharma […] u […] Bristol-Myers Squibb et […], għandha tinfthiem fis-sens li importatur parallel, li huwa fil-pussess tal-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel u li jippossjedi informazzjoni dwar dan il-prodott, u li jagħti lil impriża indipendenti istruzzjonijiet għax-xiri u għall-ippakjar mill-ġdid ta’ prodott mediċinali, kif ukoll għall-preżentazzjoni dettaljata tal-ippakkjar u għad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodott mediċinali, jippreġudika d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark billi jindika lilu nnifsu bħala dak li jwettaq l-ippakkjar mill-ġdid fuq l-ippakkjar estern tal-prodott mediċinali importat b’mod parallel, minflok ma jindika l-isem tal-impriża indipendenti li tinsab fil-pussess tal-awtorizzazzjoni tal-ippakkjar mill-ġdid, u li importat il-prodott mediċinali u li fil-verità kienet hi li wettqet l-ippakkjar mill-ġdid, b’mod partikolari billi qiegħdet (mill-ġdid) it-trade mark ikkonċernata?
2) Jekk jiġi ammess li l-fatt, għal min jinsab fil-pussess tal-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jippreżenta ruħu bħala dak li wettaq l-ippakkjar mill-ġdid, minflok l-impriża li – fuq ordni – fil-verità wettqet l-ippakkjar mill-ġdid, ma joħloqx ir-riskju li l-konsumatur/l-utenti finali jista’ jasal jemmen b’mod żbaljat li l-proprjetarju tat-trade mark huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott mediċinali inkwistjoni, dan jaffettwa r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda?
3) Jekk jiġi ammess li r-riskju li wieħed jista’ jemmen li l-proprjetarju tat-trade mark huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott mediċinali huwa eskluż billi jiġi indikat bħala dak li fil-verità wettaq l-ippakkjar mill-ġdid l-impriża li wettqet l-ippakkjar mill-ġdid, dan ikollu inċidenza fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda?
4) Ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija ddeterminata mis-sempliċi riskju li wieħed jista’ jemmen b’mod żbaljat li l-proprjetarju tat-trade mark huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott mediċinali, jew huma rilevanti wkoll kunsiderazzjonijiet oħra tal-proprjetarju tat-trade mark, bħal […], a) il-fatt li l-impriża li timporta l-prodott mediċinali u li twettaq konkretament l-ippakkjar mill-ġdid billi qiegħed (mill-ġdid) it-trade mark fuq l-ippakkjar estern tal-prodott mediċinali jista’ b’hekk jippreġudika, b’mod indipendenti, id-dritt tat-trade mark tal-prorjetarju, u b) il-fatt li, minħabba ċirkustanzi li għalihom huwa responsabbli dak li wettaq l-ippakkjar mill-ġdid, l-ippakkjar mill-ġdid jista’ jkollu inċidenza fuq l-istat oriġinali tal-prodott mediċinali jew il-preżentazzjoni tal-prodott mediċinali ppakkjat mill-ġdid hija tali li wieħed jista’ jikkunsidra li tippreġudika r-reputazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bristol-Myers Squibb et (iċċitata iktar ’il fuq)]?
5) Il-fatt li l-proprjetarju tal-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-suq li ppreżenta ruħu bħala dak li wettaq l-ippakkjar mill-ġdid jagħmel, fil-mument tan-notifika tal-proprjetarju tat-trade mark qabel il-kummerċjalizzazzjoni prevista għall-prodott mediċinali importat b’mod parallel li jkun ġie ppakkjat mill-ġdid, parti mill-istess grupp (bħala sister company) bħal dak li fil-verità wettaq l-ippakkjar mill-ġdid, għandu inċidenza fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda?”
B – Il-Kawża C‑207/10
17. Paranova Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Paranova Danmark”) u Paranova Pack A/S (iktar ’il quddiem “Paranova Pack”) huma kumpanniji sussidjarji ta’ Paranova Group A/S li teżerċita attività ta’ importazzjoni parallela ta’ prodotti mediċinali lejn id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja. Is-sede tal-grupp tinsab f’Ballerup (id-Danimarka) fejn huma stabbiliti wkoll iż-żewġ kumpanniji sussidjarji.
18. Paranova Danmark hija l-proprjetarja tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali inkwistjoni.
19. Paranova Pack twettaq l-ippakkjar mill-ġdid għall-grupp kollu u b’hekk ipproċediet għall-ippakkjar mill-ġdid fiżiku tal-prodotti mediċinali inkwistjoni. Hija l-proprjetarja tal-awtorizzazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid tal-prodotti mediċinali.
20. Dak kollu li jikkonċerna l-għażla tal-prodotti għall-bejgħ u għax-xiri u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq, b’mod partikolari l-forom ta’ ppakkjar, jiġi deċiż minn Paranova Danmark. Paranova Pack tipproċedi bix-xiri fiżiku u bl-ippakkjar effettiv tal-prodotti mediċinali billi tosserva l-kundizzjonijiet imposti fuq il-kumpanniji ta’ ppakkjar mill-ġdid mil-Lægemiddelstyrelsen u terġa’ tqiegħedhom għall-bejgħ b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni farmaċewtika filwaqt li tassumi r-responsabbiltà għalihom. L-espert li pproċeda bir-rilaxx definittiv tal-lott kien inizjalment impjegat minn Paranova Danmark u f’punt minnhom ġie ttrasferit lil Paranova Pack. Fl-2003, Paranova Danmark kienet timpjega 11-il kollaboratur u Paranova Pack kienet timpjega 164 minnhom. Dan it-tqassim issokta wkoll matul is-snin l-oħra rilevanti għall-kawża preżenti.
21. Paranova Danmark ippreżentat lilha nnifisha bħala l-pakkeġġatur mill-ġdid fuq l-imballaġġ tal-prodotti mediċinali inkwistjoni li għalihom kellha awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, minkejja li l-ippakkjar mill-ġdid fiżiku kien sar, skont il-każ, minn Paranova Pack jew minn pakkeġġaturi mill-ġdid esterni għal-grupp Paranova. Madankollu, din it-tieni ipoteżi ma seħħitx fil-każ inkwistjoni.
22. Merck iffabbrikat il-prodotti mediċinali inkwistjoni li l-grupp Paranova importa b’mod parallel fid-Danimarka. Merck hija wkoll il-proprjetarja tad-drittijiet tat-trade mark tal-prodotti inkwistjoni importati b’mod parallel jew hija abilitata li tibda proċeduri fil-kuntest ta’ ftehim ta’ liċenzji konklużi mal-proprjetarji tad-drittijiet ta’ trade mark.
23. Merck ippreżentat żewġ rikorsi kontra Paranova Danmark u Paranova Pack, fejn ikkontestat in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-isem tal-awtur effettiv tal-ippakkjar mill-ġdid fuq l-imballaġġ tal-prodotti mediċinali inkwistjoni. Wara dawn ir-rikorsi, Paranova Danmark u Paranova Pack ġew preklużi – rispettivament b’digriet tas-26 ta’ Ottubru 2004 mogħti mill-Fogedretten i Ballerup, ikkonfermat fl-appell fil-15 ta’ Awwissu 2007 mis-Sø- og Handelsretten, kif ukoll b’sentenza ta’ din l-aħħar qorti tal-31 ta’ Marzu 2008 – milli jbiegħu l-imsemmija prodotti mediċinali, għar-raġuni li l-imballaġġ tagħhom ma kienx jindika lill-pakkeġġatur mill-ġdid reali.
24. Peress li ġew quddiemha l-appelli fil-kassazzjoni ppreżentati minn Paranova Danmark u Paranova Pack kontra dawn is-sentenzi tas-Sø- og Handelsretten, il-Højesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1 L-Artikolu 7(2) tal-[…] Direttiva […] 89/104/KEE […] u l-ġurisprudenza relatata miegħu, b’mod partikolari s-sentenzi [iċċitati iktar ’il fuq] Hoffmann-La Roche […], Pfizer […] u Bristol-Myers Squibb et […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ dritt ta’ trade mark jista’ jinvoka dan id-dritt sabiex jipprekludi kumpannija ta’ bejgħ ta’ prodotti ta’ importazzjoni parallela, li hija proprjetarja ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali fi Stat Membru, milli tbiegħ dan il-prodott mediċinali billi tindika li l-prodott huwa ppakkjat mill-ġdid mill-kumpannija ta’ bejgħ, minkejja li din tal-aħħar tkun fdat l-ippakkjar mill-ġdid effettivament f’idejn kumpannija oħra, il-kumpannija li twettaq l-ippakkjar mill-ġdid, li l-kumpannija ta’ bejgħ tkun tagħtha istruzzjonijiet fir-rigward tax-xiri, tal-ippakkjar mill-ġdid, tad-diżinn iddettaljat tal-imballaġġ tal-prodotti mediċinali kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet oħra relatati ma’ dan il-prodott mediċinali, li hija l-proprjetarja ta’ awtorizzazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid u li twaħħal it-trade mark fuq l-imballaġġ il-ġdid fil-kuntest tal-ippakkjar mill-ġdid?
2) Ir-risposta għall-ewwel domanda tista’ tkun differenti jekk jiġi ammess li l-konsumatur jew l-utent finali mhuwiex imqarraq rigward l-oriġini tal-merkanzija u ma jistax jasal li jemmen li l-propretarju tat-trade mark huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid, minħabba l-indikazzjoni tal-isem tal-manifattur ħdejn l-indikazzjoni ċċitata iktar ’il fuq dwar l-identità tal-kumpannija responsabbli għall-ippakkjar mill-ġdid?
3) Huwa biss ir-riskju ta’ qerq tal-konsumatur jew tal-utent final rigward ir-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade mark għall-ippakkjar mill-ġdid li huwa rilevanti għar-risposta tal-ewwel domanda, jew tista’ tkun rilevanti kunsiderazzjoni oħra li tirrigwarda l-proprjetarju tat-trade mark, pereżempju, a) il-fatt li l-entità li effettivament twettaq ix-xiri, l-ippakkjar mill-ġdid u t-twaħħil tat-trade mark tal-proprjetarju fuq l-imballaġġ tal-prodotti mediċinali tista’, b’dan il-mod, tikser hija stess, f’dan il-każ, id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark u li dan jista’ jiġi attribwit għal fatturi li għalihom l-entità li effettivament wettqet l-ippakkjar mill-ġdid tassumi r-responsabbiltà, b) li l-ippakkjar mill-ġdid jaffettwa l-istat oriġinali tal-prodott mediċinali, jew ċ) li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid hija tali li għandu jiġi ammess li ġġarrab ħsara lit-trade mark jew lir-reputazzjoni tal-proprjetarju?
4) Jekk, fir-risposta għad-domanda 3, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa wkoll rilevanti li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kumpannija responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid tista’ tikser hija stess id-drittijiet ta’ trade mark tal-proprjetarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tindika jekk huwiex rilevanti għal din ir-risposta li l-kumpannija ta’ bejgħ tal-importatur parallel u l-kumpannija responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid ikunu responsabbli in solidum skont id-dritt nazzjonali għall-ksur tad-drittijiet ta’ trade mark tal-proprjetarju?
5) Ir-risposta għall-ewwel domanda tiġi influwenzata mill-fatt li l-importatur parallel, li huwa l-proprjetarju tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq u li ddikjara li huwa responsabbli għall-ippakkjar mill-ġdid, ikun parti, meta tkun saret in-notifika mill-proprjetarju tat-trade mark qabel il-bejgħ previst tal-prodott mediċinali ppakkjat mill-ġdid, mill-istess grupp tal-kumpannija li wettqet l-ippakkjar mill-ġdid (sister company)?
6) Il-fatt li kumpannija responsabbli għall-ippakkjar mill-ġdid tissemma’ bħala manifattur fuq il-fuljett tal-imballaġġ huwa rilevanti għar-risposta tal-ewwel domanda?”
III – L-analiżi tiegħi
25. Id-domandi magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Højesteret, li jkun jaqbel li jiġu eżaminati flimkien (9), għandhom l-għan, essenzjalment, li jinstab jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni fuq l-imballaġġ ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid tal-impriża li pproċediet b’mod konkret għall-ippakkjar mill-ġdid ta’ dan il-prodott, jippermetti jew le lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jopponi ruhu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott ladarba, maġenb l-isem tal-fabbrikant, ikun jidher l-isem tal-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni tal-ippakkjar mill-ġdid u li tassumi r-responsabbiltà għaliha.
26. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-ippakkjar mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali bi trade mark, operata minn importaturi paralleli mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, issib l-għeruq tagħha fis-sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar ’il fuq, li stabbilixxiet il-prinċipji bażiċi f’dan il-qasam. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-problematika mill-aspett tal-preklużjoni tal-miżuri restrittivi għall-importazzjoni stabbilita fl-Artikolu 30 tat-Trattat KEE u tal-ġustifikazzjoni ta’ tali miżuri għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, stabbilita fl-Artikolu 36 tat-Trattat KEE.
27. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 36 tat-Trattat KEE ma jippermettix derogi mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija ħlief sa fejn dawn ikunu ġġustifikati mill-protezzjoni tad-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett speċifiku tal-proprjetà industrijali u kummerċjali. F’dan il-kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott kopert mit-trade mark, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott minn dawk ta’ oriġini differenti. Din il-garanzija ta’ oriġini timplika li l-konsumatur jew l-utent finali jista’ jkun ċert li prodott kopert minn trade mark li jiġi offrut lilu ma kienx suġġett, fi stadju preċedenti għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, ta’ intervent minn terz mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, li bidel l-istat oriġinali tal-prodott.
28. Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li huwa rrikonoxxut lill-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jopponi ruhu għal kull użu minn trade mark li jista’ jdgħajjef il-garanzija tal-oriġini inkluża fiha, huwa derivanti mis-suġġett speċifiku tad-dritt tat-trade marks u konsegwentement, huwa ġġustifikat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36, tat-Trattat KEE, li jiġi rrikonoxxut lill-proprjetarju d-dritt li jopponi li importatur ta’ prodott kopert minn trade mark, wara ppakkjar mill-ġdid ta’ dan il-prodott, iwaħħal it-trade mark, mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, fuq l-imballaġġ il-ġdid (10).
29. Mill-punt 14 tas-sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li hija ġġustifikata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 tat-Trattat KEE, l-oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ dritt għal trade mark, protett f’żewġ Stati Membri fl-istess ħin, li prodott, legalment kopert mit-trade mark f’wieħed minn dawn l-Istati, jitqiegħed fis-suq fl-Istat Membru l-ieħor, wara li ġie ppakkjat mill-ġdid f’imballaġġ ġdid li t-trade mark ġiet imniżżla fuqu minn terz. Madankollu, minn dan jirriżulta wkoll li tali oppożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 tat-Trattat KEE, jekk is-segwenti ċirkustanzi jkunu sodisfatti:
– jekk jiġi stabbilit li l-użu tad-dritt ta’ trade mark mill-proprjetarju fid-dawl tas-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni applikata minnu, jikkontribwixxi sabiex is-swieq bejn l-Istati Membri jingħalqu artifiċjalment;
– jekk jiġi stabbilit li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jaffettwa l-istat oriġinali tal-prodott;
– jekk il-proprjetarju tat-trade mark ikun avżat minn qabel bit-tqegħid għal bejgħ tal-prodott ippakkjat mill-ġdid, u
– jekk fuq l-imballaġġ il-ġdid ikun indikat minn min ikun sar l-ippakkjar mill-ġdid (11).
30. L-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar kundizzjoni hija fiċ-ċentru tal-kawżi preżenti. Fil-punt 12 tas-sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat l-eżistenza tal-imsemmija kundizzjoni, kif ukoll dik li tikkonsisti fl-għoti ta’ avviż minn qabel lill-proprjetarju tat-trade mark, fir-rigward tal-interess ta’ dan tal-aħħar li l-konsumatur ma jitwassalx għal żball dwar il-provenjenza tal-prodott.
31. Fil-ġurisprudenza ulterjuri tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet u ppreċiżat il-kundizzjonijiet li l-importatur parallel għandu josserva sabiex ikun jista’ jopera ppakkjar mill-ġdid tal-prodotti mediċinali koperti minn trade mark. Din għamlet hekk fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/104 li jirregola b’mod sħiħ il-kwistjoni tal-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark fir-rigward tal-prodotti li tpoġġew fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hemm lok li jitqies li l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-istess bħall-Artikolu 36 tat-Trattat KE, għandu l-għan li jgħaqqad l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark u dawk tal-moviment liberu ta’ merkanzija fis-suq komuni, b’mod li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li għandhom l-għan li jaslu għall-istess riżultat, għandhom jiġu interpretati b’mod identiku (12).
32. B’hekk, hi u tistabbilixxi u tippreċiża l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tagħha Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet bi dritt, fis-sentenza tagħha Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ b’mod leġittimu jopponi ruhu għal kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodott farmaċewtiku, ladarba l-importatur ikun ippakkja mill-ġdid il-prodott u jerġa’ jindika fuqu t-trade mark, sakemm ma jkunux ġew osservati kundizzjonijiet oħra, fosthom, fir-rigward ta’ dak li huwa ta’ interess fil-kuntest tal-kawżi preżenti, “li jkun indikat b’mod ċar fuq l-imballaġġ il-ġdid l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u l-isem tal-fabbrikant tiegħu [(13)], fejn dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu stampati b’tali mod li persuna b’vista normali u ta’ ċerta attenzjoni tkun kapaċi li tifhimhom. Bl-istess mod, l-oriġini ta’ oġġett supplementari mhux provenjenti mill-proprjetarju tat-trade mark għandu jkun indikat b’tali mod li jneħħi kull impressjoni li l-proprjetarju tat-trade mark huwa responsabbli minnu. Min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li jiġi indikat li l-ippakkjar mill-ġdid sar mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (14).
33. Il-ġustifikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni tidher b’mod ċar fil-punt 70 tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ’il fuq. Din hija kwistjoni ta’ protezzjoni tal-interess tal-proprjetarju tat-trade mark li l-konsumatur jew l-utent finali ma jkunx jista’ jitwassal li jemmen li huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid.
34. Issa, jiena tal-fehma li dan l-interess huwa mħares ladarba fuq l-imballaġġ tal-prodott mediċinali jidher b’mod ċar l-isem tal-impriża responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid (15) kif ukoll dak tal-fabbrikant. Din id-differenza hija tali li tneħħi kull dubju fil-ħsieb tal-konsumatur dwar ir-rwoli rispettivi ta’ dawn iż-żewġ entitajiet fil-fabrikazzjoni u fl-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott. Huwa importanti, min-naħa waħda, li l-konsumatur ikun jaf min huwa responsabbli mill-operazzjoni tal-ippakkjar mill-ġdid u lil min jistgħu jiġu attribwiti xi eventwali difetti fil-prodott ikkawżati minn din l-operazzjoni, u min-naħa l-oħra, li jkun konvint li l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid ma tkunx saret taħt il-kontroll tal-proprjetarju tat-trade mark.
35. F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jissemma’ l-isem tal-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid, billi jingħataw lill-impriża eżekutriċi l-istruzzjonijiet li għandha ssegwi, u li tassumi r-responsabbiltà ta’ din l-operazzjoni. Fir-rigward tal-importatur parallel, l-indikazzjoni li tgħid li l-prodott huwa ppakkjat mill-ġdid minn dan tal-aħħar hija biżżejjed sabiex tiġi evitata kull konfużjoni lill-konsumaturi u sabiex dawn tal-aħħar, kif ukoll il-proprjetarju tat-trade mark, ikunu jafu min kellu l-inkarigu tal-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, jekk ikun jidher li din l-operazzjoni tkun saret b’mod kompletament indipendenti minn impriża ta’ ppakkjar mill-ġdid u li din l-impriża tassumi r-responsabbiltà għaliha, allura huwa proprju l-isem ta’ din l-impriża li għandu jidher fuq l-imballaġġ maġenb l-isem tal-fabbrikant.
36. Peress li “l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid” skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna lill-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid u li tassumi r-responsabbiltà għaliha, hija din tal-aħħar li għandha l-obbligu li tħares li l-ippakkjar mill-ġdid ma jaffettwax l-istat oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ u li l-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ma tkunx tali li tkun tista’ tippreġudika r-reputazzjoni tat-trade mark.
37. Il-kwistjoni jekk, fil-kawżi prinċipali, l-impriża li ġiet indikata fuq l-imballaġġ tal-prodotti mediċinali bħala awtriċi tal-ippakkjar mill-ġdid kellhiex l-inkarigu tal-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid u assumietx ir-responsabbiltà għaliha hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju. Sabiex jiġu stabbiliti r-rapporti bejn l-importatur parallel u l-impriża ta’ ppakkjar mill-ġdid, huwa importanti li jiġi vverifikat min jiddetermina l-metodi konkreti ta’ ppakkjar mill-ġdid. Iċ-ċirkustanza li ż-żewġ impriżi jappartjenu lill-istess grupp ma jidhirx, f’dan ir-rigward, determinanti, iżda jista’ biss ikollu valur indikattiv dwar in-natura tar-relazzjonijiet bejn dawn l-impriżi.
38. Jekk jiġi impost li, meta l-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid u li tassumi r-responsabbiltà għaliha u dik li twettaq b’mod konkret l-ippakkjar mill-ġdid jikkostitwixxu żewġ entitajiet differenti, għandu jiġi indikat l-isem ta’ din tal-aħħar, fil-fehma tiegħi, dan ikun imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li l-konsumatur ikun jista’ jitwassal biex jemmen li l-proprjetarju tat-trade mark huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid.
39. Merck issostni, b’mod kuntrarju, li l-informazzjoni lill-konsumatur għandha tkun l-iktar kompleta possibbli u li, konsegwentement, il-protezzjoni ta’ dawn teżiġi li l-imballaġġ ta’ prodott mediċinali jkun jindika l-isem tal-pakkeġġatur effettiv.
40. Fir-rigward ta’ dan it-tentattiv li jinħoloq motiv supplimentari li jippermetti lil proprjetarju ta’ trade mark li jopponi ruhu għal importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali, għandu jitfakkar, hekk kif għamlu qabli l-Avukati Ġenerali Jacobs (16) u Sharpston (17), li, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, kull deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija għandha tiġi interpretata b’mod strett u tista’ tiġi invokata biss sabiex tiġġustifika restrizzjonijiet neċessarji għall-protezzjoni tal-għan speċifiku ta’ dritt ta’ proprjeta industrijali. Għalhekk, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat b’mod strett.
41. Bħal ma indikat b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (18), “jekk jistgħu jsiru derogi mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija f’każijiet fejn il-proprjetarju ta’ trade mark jopponi abbażi ta’ din it-trade mark għall-ippakkjar mill-ġdid tal-prodotti mediċinali importati b’mod parallel, dan għandu jsir sa fejn din il-fakultà tippermetti lill-proprjetarju li jipproteġi drittijiet derivanti mis-suġġett speċifiku tat-trade mark, fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (19). Meta proprjetarju ta’ trade mark jinvoka, sabiex jopponi għal ippakkjar mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali importati b’mod parallel, motivi li jmorru lil hinn mill-protezzjoni stretta tas-suġġett speċifiku u mill-funzjoni essenzjali tat-trade mark tieghu, tali motivi ma jkunux xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija.
42. Konsegwentement, sa fejn la s-suġġett speċifiku tat-trade mark u lanqas il-funzjoni essenzjali tagħha bħala garanzija ta’ oriġini ma huma kompromessi mill-indikazzjoni flimkien tal-ismijiet tal-impriża responsabbli mill-ippakkjar u tal-fabbrikant, inqis li proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jibbaża ruhu fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 sabiex jitlob kumpens mingħand importatur parallel minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-isem tal-pakkeġġatur mill-ġdid effettiv fuq il-prodott ippakkjat mill-ġdid, meta dan l-importatur ikun jikkontrolla u jassumi r-responsabbiltà tal-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid.
43. Din is-soluzzjoni tidher li hija ta’ natura li tippreserva l-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tat-trade marks u l-moviment liberu tal-merkanzija, filwaqt li tippermetti informazzjoni adegwata lill-konsumaturi. Il-proprjetarju tat-trade mark jara li l-funzjoni essenzjali ta’ din it-trade mark bħala garanzija tal-provenjenza tiġi protetta u r-reputazzjoni tat-trade mark ma tkunx tista’ tiġi ppreġudikata minħabba ppakkjar mill-ġdid difettuż. Fl-istess ħin, il-proprjetarju tat-trade mark kif ukoll il-konsumaturi jkunu jafu lil min għandha tiġi attribwita l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid f’każ li din tkun difettuża.
44. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ indikazzjoni fuq l-imballaġġ ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid ta’ isem l-impriża li pproċediet b’mod konkret għall-ippakkjar mill-ġdid ta’ dan il-prodott ma jippermettix lill-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi ruhu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott ladarba maġenb l-isem tal-fabbrikant ikun jidher isem l-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid u li tassumi responsabbiltà għaliha.
IV – Konklużjoni
45. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Højesteret:
“L-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ indikazzjoni fuq l-imballaġġ ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid ta’ isem l-impriża li pproċediet b’mod konkret għall-ippakkjar mill-ġdid ta’ dan il-prodott ma jippermettix lill-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi ruhu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott ladarba maġenb l-isem tal-fabbrikant ikun jidher isem l-impriża li tikkontrolla l-operazzjoni ta’ ppakkjar mill-ġdid u li tassumi responsabbiltà għaliha.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92.
3 – 102/77, Ġabra p. 1139,
4 – 1/81, Ġabra p. 2913.
5 – C‑232/94, Ġabra p. I‑3671.
6 – C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, Ġabra p. I‑3457.
7 – ĠU L 299, p. 25.
8 – Ara d-digriet ikkonsolidat Nru 782, tat-30 ta’ Awwissu 2001, kif emendat.
9 – B’eċċezzjoni għas-sitt domanda fil-Kawża C‑207/10 li, kif ikkonfermat waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, tippreżenta natura ipotetika u għalhekk hija inammissibbli.
10 – Sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar ’il fuq (punti 7 u 8).
11 – Enfasi miżjuda.
12 – Ara sentenza Bristol-Myers Squibb et iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).
13 – Enfasi miżjuda.
14 – Sentenza Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 79).
15 – Barra minn hekk, ninnota li fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot (C‑349/95, Ġabra p. I‑6227), huwa proprju “dak li huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid” li huwa kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja (punt 30) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
16 – Punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda li waslu għas-sentenza Bristol-Myers Squibb et, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fil-kawżi magħquda li waslu għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Eurim-Pharm (C‑71/94 sa C‑73/94, Ġabra p. I‑3603), u fil-kawża li tat lok għas-sentenza MPA Pharma, iċċitata iktar ’il fuq.
17 – Punt 13 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, Ġabra p. I‑3391).
18 – C‑143/00, Ġabra p. I‑3759.
19 – Punt 28.
Full & Egal Universal Law Academy