KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2011 (1)
Kawża C-402/09
Ioan Tatu
vs
Statul român prin Ministerul Finanţelor şi Economiei,
Direcţia Generală a Finanţelor Publice Sibiu,
Administraţia Finanţelor Publice Sibiu,
Administraţia Fondului pentru Mediu
u
Ministerul Mediului
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu, Secţia comercială şi de contencios administrativ (ir-Rumanija)]
“Moviment liberu tal-merkanzija – Taxxa fuq it-tniġġis imposta, mal-ewwel reġistrazzjoni, fuq vetturi użati importati – Kompatibbiltà mal-Artikolu 110 TFUE”
1. B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunalul Sibiu, Secţia comercială şi de contencios administrativ (Qorti Reġjonali, Sibiu, Kamra tal-Proċeduri Kummerċjali u Amministrattivi) (ir-Rumanija), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi gwida dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 110 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 90 KE (2)) ta’ taxxa (deskritta bħala taxxa fuq it-tniġġis) fuq vetturi bil-mutur użati importati.
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
2. L-Artikolu 110 TFUE jipprovdi:
“Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.
Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra.”
Standards tal-Emissjonijiet
3. L-istandards Ewropej tal-emissjonijiet jistabbilixxu l-limiti aċċettabbli tal-emissjonijiet tal-exhaust ta’ vetturi bil-mutur ġodda mibjugħa fl-Istati Membri. F’dak li jirrigwarda l-vetturi għall-użu ħafif ta’ taħt it-3.5 tunellati, l-ewwel waħda minn dawn l-istandards (komunement magħrufa bħala Euro 1) ġiet introdotta permezz tad-Direttiva 91/441 (3), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992. Minn dak iż-żmien, ir-regoli saru progressivament iżjed stretti, bil-għan illi tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea.
Id-dritt nazzjonali
4. L-Artikolu 3 tal-Ordonanţă de Urgenţă a Guvernului (“OUG”) Nru 50/2008 introduċa taxxa (imsejħa “taxxa fuq it-tniġġis”) għall-vetturi bil-mutur fil-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3 (4).
5. Skont l-Artikolu 4(a) tal-OUG Nru 50/2008, it-taxxa kienet pagabbli mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur ġewwa r-Rumanija, filwaqt illi l-leġiżlazzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn vetturi bil-mutur immanifatturati fir-Rumanija u dawk immanifatturati barra l-pajjiż, jew bejn vetturi ġodda jew użati.
6. L-Artikolu 6(1) tal-OUG Nru 50/2008 stabbilixxa l-mod li bih kellha tiġi kkalkolata t-taxxa. Dan kien jipprovdi li:
“1. L-ammont tat-taxxa li għandu jitħallas għandu jiġi stmat abbażi tal-fatturi stipulati fl-Annessi 1 sa 4 u għandu jiġi kkalkolat skont kif ġej:
(a) għal vetturi bil-mutur fil-kategorija M1 u li jissodisfaw l-istandard tal-emissjonijiet Euro 3, Euro 4, Euro 5 jew Euro 6:
1. Għal vetturi li jissodisfaw l-istandard tal-emissjonijiet Euro 4 jew Euro 3, it-taxxa għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-emissjonijiet tad-diossidu karboniku (CO2) tal-vettura, u t-taxxa speċifika mfissra f’euro għal kull gramma ta’ CO2, imsemmija fl-Anness I, flimkien mal-klassi ta’ tniġġis u ,mat-taxxa speċifika mfissra f’euro għal kull ċentimetru kubu msemmija fl-Anness 2, u billi jitnaqqas minnhom xi tnaqqis muri fil-kolonna 2 tal-Anness 4, skont il-formula segwenti:
Ammont pagabbli = [(A x B x 30/100) + (C x D x 70/100)] x (100 - E)/100,
fejn:
A = emissjonijiet CO2 ikkombinati, imfissra fi grammi/km;
B = it-taxxa speċifika, imfissra f’euro għal kull gramma ta’ CO2, imsemmija fil-kolonna 3 tal-Anness 1;
C = daqs tal-magna (kapaċità kubika);
D = it-taxxa speċifika fuq id-daqs tal-magna msemmija fil-kolonna 3 tal-Anness 2;
E = il-perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa indikata fil-kolonna 2 tal-Anness 4;
2. Għall-vetturi li jissodisfaw l-istandard tal-emissjonijiet Euro 5 jew Euro 6, it-taxxa għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-formula stabbilita fil-punt 1, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tar-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi;
(b) għall-vetturi bil-mutur fil-kategorija M1 li għandhom standard ta’ tniġġis non-Euro, Euro 1 jew Euro 2, skont il-formula segwenti:
Ammont = C x D x (100-E) / 100
fejn:
C = daqs tal-magna (kapaċità ċilindrika);
D = taxxa speċifika fuq id-daqs tal-magna msemmija fit-tielet kolonna tat-tabella tal-Anness 2;
E = perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa indikata fit-tieni kolonna tat-tabella tal-Anness 4;
[…]”
7. L-Artikolu 6(3) tal-OUG Nru 50/2008 ikkonċerna d-deprezzament tal-vettura. Dan ipprovda li:
“Il-perċentwali ta’ tnaqqis imsemmi fl-Anness 4 ġie ffissat skont l-età tal-vettura bil-mutur, l-ammont medju ta’ kilometri annwali, il-kundizzjoni mekkanika u t-tagħmir tal-vettura bil-mutur. Wara li tiġi kkalkolata t-taxxa għandu jingħata tnaqqis ieħor fuq is-somma ffissata meta l-fatturi li abbażi tagħhom l-ammont ikun ġie ffissat ivarjaw minn dak l-istandard, skont il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stipulati f’regolamenti għall-implementazzjoni ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.”
8. L-Artikolu 10 tal-OUG Nru 50/2008 ppermetta li tista’ ssir kontestazzjoni minn persuna li ssostni li l-valur tal-vettura kien iddeprezza b’perċentwali illi kien ikbar minn dak indikat fl-iskala stipulata fil-kolonna 2 tal-Anness 4. Fil-qosor, imbagħad kienet issir valutazzjoni tal-vettura minn espert indipendenti, li l-ħlas tiegħu kien jiġi ffissat skont tariffa standard. Hekk kif il-kontribwent jippreżenta r-rapport tal-espert, l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu biex jerġgħu jaħdmu t-taxxa. Jekk il-kontribwent ma jkunx sodisfatt bir-riżultat, jista’ jagħmel kawża quddiem il-qrati li huma kompetenti f’din il-kwistjoni.
9. L-Artikolu 14 tal-OUG Nru 50/2008 għamel provediment biex id-digriet jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008. It-taxxa kienet pagabbli biss għal dak li jirrigwarda vetturi bil-mutur irreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija wara dik id-data. Ma kinitx tapplika għal vetturi li kienu ġew irreġistrati qabel u li kienu diġà fit-toroq.
10. L-iskala stabbilita fl-Anness 4 kienet skala fissa. Din kellha żewġ kolonni, l-ewwel waħda tirreferi għall-età tal-vettura u t-tieni waħda tistabbilixxi perċentwali ta’ tnaqqis għal kull kategorija ta’ età. Għal karozza li kellha inqas minn xahar, it-tnaqqis applikabbli kien ta’ 3 %. It-tnaqqis massimu, applikabbli għal karozza li kellha iżjed minn 15-il sena, kien ta’ 95 %.
11. Ir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 6(3) tal-OUG Nru 50/2008 ġew stabbiliti fin-Norma Metodologica de aplicare a Ordonanţei de urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule (Regolamenti għall-applikazzjoni tal-OUG Nru 50/2008) (“ir-Regolamenti”) tal-24 ta’ Ġunju 2008, ippubblikati fil-Monitorul Oficial (Ġurnal Uffiċjali) tat-30 Ġunju 2008. Il-Kapitolu IV tar-Regolamenti (intitolat “kalkolu tat-taxxa”) kellu fih dispożizzjonijiet li jelaboraw il-bażi li fuqha kellu jinħadem il-perċentwali ta’ tnaqqis imsemmi fil-kolonna 2 tal-Anness 4 tal-OUG Nru 50/2008. B’mod partikolari, dan stabbilixxa s-suppożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-kilometri annwali, il-kundizzjoni u t-tagħmir li fuqhom kienet ibbażata l-iskala. Ma ttieħed ebda kont tal-marka jew tal-mudell tal-karozza jew tal-metodu ta’ propulsjoni tagħha. Il-Kapitolu V (intitolat “id-determinazzjoni tad-deprezzament attwali ta’ vettura bil-mutur użata”) kopra s-sitwazzjoni fejn il-persuna li tkun qed tħallas it-taxxa ssostni illi l-valur tal-vettura kien iddeprezza b’iżjed mill-perċentwali speċifikat fil-kolonna 2 tal-Anness 4.
12. L-OUG Nru 50/2008 ġie emendat bl-OUG nr. 218/2008 privind modificarea Ordonanţei de urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule bl-OUG Nru 208/2008 pentru stabilirea unor măsuri privind taxa pe poluare pentru autovehicule (li jimplementa ċerti miżuri li jikkonċernaw it-taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi bil-mutur). Skont dak id-digriet, dawk il-vetturi b’magna li ma teċċedix l-2000 cc, u li jkunu rreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea mill-15 ta’ Diċembru 2008 ’il quddiem, kienu eżentati mill-obbligu tal-ħlas tat-taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi bil-mutur msemmija fl-OUG Nru 50/2008. Dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2009.
13. L-OUG Nru 208/2008 tħassar bl-OUG nr. 218/2008 privind modificarea Ordonanţei de urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule (OUG Nru 218/2008 li jemenda l-OUG Nru 50/2008 li introduċi taxxa fuq it-tniġġis tal-vetturi bil-mutur), li għal darba oħra emenda l-OUG Nru 50/2008. Dan id-digriet stabbilixxa, inter alia, ċerti eżenzjonijiet oħra fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi rreġistrati għall-ewwel darba (kemm jekk ġewwa r-Rumanija kif ukoll jekk fi Stati Membri oħra) bejn il-15 ta’ Diċembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14. I. Tatu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, xtara karozza użata Mercedes Benz fil-Ġermanja f’Lulju 2008. Il-karozza kienet immanifatturata fl-1997. Din kienet taqa’ fil-kategorija M1, kellha magna tad-daqs ta’ 2155cc u kienet tissodisfa l-istandard tal-emissjonijiet Euro 2. Il-prezz li bih inxtrat kien ta’ EUR 6 600.
15. Skont l-OUG Nru 50/2008, I. Tatu ħallas it-taxxa fuq it-tniġġis mitluba mill-awtoritajiet Rumeni fis-27 ta’ Ottubru 2008. Skont osservazzjonijiet bil-miktub ta’ I. Tatu, it-taxxa ammontat għal RON 7 595 (bejn wieħed u ieħor EUR 2 054).
16. Minħabba li hu deherlu li t-taxxa inkwistjoni kienet tmur kontra, inter alia, l-Artikolu 90 KE (issa l-Artikolu 110 TFUE), I. Tatu għamel kawża quddiem it-Tribunalul Sibiu, fejn ressaq talba għar-rimbors tal-ammont ta’ taxxa li ħallas. B’mod partikolari, huwa jsostni illi t-taxxa inkwistjoni tiddiskrimina kontra vetturi użati importati minn Stati Membri oħra, minħabba li, fil-każ ta’ vetturi importati, it-taxxa tiġi imposta kollha kemm hi mal-ewwel reġistrazzjoni fir-Rumanija, filwaqt illi għal dawk li kienu ġew irreġistrati fir-Rumanija qabel l-introduzzjoni tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa jkun, effettivament, xejn.
17. It-Tibunalul Sibiu ddeċieda jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:
“Huma d-dispożizzjonijiet tal-O.U.G Nru 50/08 kif emendata sussegwentement inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-[Artikolu 110 TFUE], u jikkostitwixxu miżura manifestamentament [manifestament] diskriminatorja?”
18. I. Tatu, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tar-Rumanija u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta, I. Tatu, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni ġew irrappreżentati u għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.
Kunsiderazzjonijiet preliminari
Il-bażi korretta tat-Trattat
19. Għalkemm id-domanda magħmula tirreferi biss għal dak li issa huwa l-Artikolu 110 TFUE, it-talba tal-qorti tar-rinviju tinnota wkoll l-osservazzjonijiet magħmula minn I. Tatu fil-kawża prinċipali li għandhom x’jaqsmu ma’ artikoli oħra tat-Trattat, jiġifieri l-Artikoli 30 TFUE u 34 TFUE (li kienu l-Artikoli 25 KE u 28 KE). Bil-għan li l-affarijiet isiru kif suppost, jiena ser nindirizza dawk l-artikoli fil-qosor fil-kuntest tal-applikabbiltà tagħhom fit-tilwima fil-kawża prinċipali.
20. Huwa ċar illi t-taxxa inkwistjoni ma hijiex dazju fis-sens strett. Madankollu, meta ħlas fi flus (irrispettivament ta’ kif jissejjaħ jew jiġi applikat) jiġi impost unilateralment fuq oġġetti minħabba l-fatt illi dawn jaqsmu fruntiera, dan il-ħlas jikkostitwixxi ħlas illi għall-iskopijiet tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 23 KE u 25 KE) ikollu effett ekwivalenti (5).
21. Madankollu, taxxa bħal dik inkwistjoni ma hijiex imposta minħabba li l-vettura taqsam il-fruntiera tal-Istat Membru li jimponi t-taxxa, iżda fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vettura fit-territorju ta’ dan l-Istat bil-għan illi titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.
22. Għalhekk it-taxxa taqa’ taħt is-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni interna fuq il-merkanzija u għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 110 KE (6).
23. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 30 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita illi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-artikolu ma jestendix għal ostakoli għall-kummerċ koperti minn dispożizzjonijiet oħra speċifiċi (7). Minħabba li l-Artikolu 110 TFUE japplika għat-taxxa inkwistjoni, l-Artikolu 30 TFUE ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ.
Il-formulazzjoni tad-domanda preliminari
24. Skont kliemha, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali, jiġifieri tad-dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 50/2008. Hija ġurisprudenza stabbilita li din il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju f’kawżi magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE. L-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali hija kwistjoni tal-qrati nazzjonali biss (8). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi l-għajnuna kollha tagħha f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea meħtieġa biex ikun possibbli għal dik il-qorti li tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli nazzjonali humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (9). Għal dan l-iskop, jista’ jkun meħtieġ illi domanda magħmula tiġi fformulata mill-ġdid (10).
25. Fl-istess waqt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija rilevanti għall-każ fil-kawża prinċipali hija l-OUG Nru 50/2008 fil-forma oriġinali tagħha u mhux fil-verżjoni emendata . Għalhekk, meta wieħed iqis il-kwistjonijiet imqajma mid-digriet tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra l-verżjoni mhux emendata tal-liġi, u mhux il-verżjonijiet sussegwenti tagħha. Għalhekk il-kliem “kif sussegwentement emendata” fid-domanda preliminari għandha tiġi injorata.
26. Għalkemm id-domanda preliminari tuża l-espressjoni “manifestamentament diskriminatorja”, imkien fis-sentenzi tagħha relatati mal-Artikolu 110 TFUE ma l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi huwa meħtieġ illi d-diskriminazzjoni tkun “manifesta” sabiex dak l-artikolu jkun ġie miskur. Il-kriterju huwa sempliċement jekk teżistix diskriminazzjoni. Il-kelma “manifestamentament” għandha għalhekk tiġi injorata meta tingħata r-risposta għad-domanda magħmula.
27. Jien inżid illi ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jindika illi l-intaxxar ta’ karozzi użati akkwistati fi Stat Membru li ma huwiex ir-Rumanija jipprovdi protezzjoni indiretta lil prodotti li ma humiex vetturi bil-mutur. Huwa biss fejn ikun hemm tassazzjoni interna li tipprovdi dik it-tip ta’ protezzjoni illi għandu japplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE (11). Meta dan ikun minnu, ikun ċar illi huwa l-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu li huwa rilevanti għall-każ quddiem il-qorti tar-rinviju.
28. Għalhekk jidher illi l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi taxxa ġdida, illi tiġi imposta mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur użati minn Stat Membru ieħor, meta vetturi ekwivalenti li diġà kienu fis-suq lokali qabel ma ġiet introdotta t-taxxa ma ġewx intaxxati.
29. Jien ser nindirizza d-domanda fuq dik il-bażi.
Analiżi
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE
30. L-Artikolu 110 TFUE huwa maħsub biex jiggarantixxi l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, billi jipprojbixxi kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ taxxi interni ta’ natura diskriminatorja fuq merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex ikopri l-proċeduri kollha tat-tassazzjoni li jistgħu, kemm direttament kif ukoll indirettament, jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ prodotti lokali u prodotti importati. Għalhekk il-projbizzjoni li hemm f’dan l-artikolu għandha tiġi applikata kull meta jkun probabbli illi l-ġbir ta’ taxxa fi flus x’aktarx illi ser jiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra a favur tal-produzzjoni lokali jew tal-oġġetti disponibbli fis-suq lokali (13).
31. Huwa stabbilit sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja illi l-Artikolu 110 TFUE għandu effett dirett (14).
32. Ma huwiex l-għan tal-Artikolu 110 TFUE li jimponi xi sistema partikolari ta’ tassazzjoni interna fuq l-Istati Membri, li jibqgħu jżommu livell għoli ta’ libertà u awtonomija f’dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ taxxi u dazji u fuq ir-rati imposti. Dak li jagħmel l-Artikolu 110 TFUE huwa li jipprojbixxi tassazzjoni interna li tiddiskrimina, b’mod dirett jew indirett, kontra prodotti importati u favur prodotti lokali.
33. Din id-dispożizzjoni hija neċessarja, mhux minħabba illi tipprova b’xi mod tarmonizza s-sistemi ta’ tassazzjoni interni tal-Istati Membri, iżda minħabba illi, mingħajrha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 sa 30 TFUE jiġu mingħajr effett. Li kieku kull Stat Membru seta’ jimponi taxxa diskriminatorja fuq prodotti importati ladarba dawn ikunu fit-territorju tiegħu, ir-regoli li jipprojbixxu l-imponiment ta’ dazji minħabba li dawk il-prodotti jkunu qasmu fruntiera interna jistgħu faċilment jiġu mgħelba.
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur użati importati
34. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher ċar ħafna illi r-regoli kontra d-diskriminazzjoni stabbiliti bl-Artikolu 110 TFUE jistgħu jiġu applikati għall-karozzi użati importati fi Stat Membru, fejn ir-riżultat tal-impożizzjoni tat-taxxa inkwistjoni jkun illi jirrendi l-importazzjoni ta’ vetturi bħal dawn inqas attraenti mill-akkwist ta’ prodott lokali. Bl-istess mod, huwa ċar illi mhux kull taxxa jew dazju interni li għandhom l-effett li jgħollu l-prezz ta’ karozzi użati importati ser jiksru dak l-artikolu.
35. Fil-Konklużjonijiet tiegħi f’Nádasdi (15), jien eżaminajt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja minn żmien Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka(16) fl-1990 sa Weigel (17) fl-2004. Qed nirreferi għal dawk il-Konklużjonijiet fl-interess li nżomm kemm jista’ jkun fil-qosor u ma inix ser nirrepeti dik l-analiżi hawn. Minn żmien Weigel, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet erba’ sentenzi oħra dwar każijiet li jinvolvu karozzi użati importati (18). Dawn ikkonfermaw il-ġurisprudenza ta’ qabel u komplew jiżviluppawha sa ċertu punt.
36. Il-konklużjonijiet tiegħi segwenti jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-kwistjonijiet imqajma fil-kawża prinċipali.
37. L-ewwel nett, ma hemm ebda regola fid-dritt tal-Unjoni Ewropea li żżomm lill-Istati Membri milli jintroduċu sistema ġenerali ta’ taxxi interni imposti skont kriterji oġġettivi għal kategorija partikolari ta’ oġġetti, bħalma huma l-vetturi bil-mutur (19). Madankollu, fejn Stat Membru jimponi taxxa fuq karozzi użati importati, l-Artikolu 110 TFUE għandu jfisser illi s-sistema ta’ taxxa inkwistjoni ma għandhiex tiddiskrimina kontra dawk il-vetturi billi tiffavorixxi, b’mod dirett jew indirett, vetturi minn dak l-Istat Membru (20). Dak huwa l-prinċipju l-iżjed importanti, li minnu jirriżultaw il-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha (21).
38. It-tieni nett, meta t-taxxa inkwistjoni tkun diskriminatorja fin-natura tagħha, il-fatt illi l-iskop ta’ u r-raġuni għat-taxxa jista’ jkun ambjentali fin-natura tiegħu jew biex jipprova jnaqqas it-tniġġis, ma għandu ebda effett fuq il-fatt illi jkun sar ksur tal-liġi. Il-miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet ambjentali għandhom, naturalment, jiġu inkoraġġiti. Iżda ma għandhomx isiru b’tali mod li jwassal għal diskriminazzjoni kontra oġġetti importati (22).
39. It-tielet nett, biex wieħed jiddetermina jekk taxxa fuq karozzi użati importati hijiex diskriminatorja, huwa neċessarju illi jqis, mhux biss ir-rata tat-taxxa, iżda anki l-bażi li fuqha din tiġi stmata u r-regoli ddettaljati dwar l-impożizzjoni tat-taxxa (23). Meta l-kunsiderazzjoni ta’ dawk il-fatturi twassal għall-konklużjoni illi t-taxxa imposta fuq vetturi użati importati hija ogħla mit-taxxa imposta fuq vetturi ekwivalenti lokali, it-taxxa inkwistjoni tkun diskriminatorja u għalhekk tkun qed tikser l-Artikolu 110 TFUE (24).
40. Ir-raba’ nett, fejn jiġi impost ħlas ta’ taxxa waħda, abbażi tal-ewwel reġistrazzjoni, huwa neċessarju wkoll, biex wieħed jiddetermina teżistix diskriminazzjoni, illi jittieħed kont tar-residwu tat-taxxa inkorporat fil-valur ta’ vetturi użati importati fis-suq lokali li għalihom tkun digà tħallset it-taxxa. Il-valur residwu tat-taxxa għandu jonqos b’mod proporzjonat mad-deprezzament tal-vettura. Għalhekk it-taxxa imposta fuq karozzi importati ekwivalenti għandha tieħu kont tad-deprezzament attwali (25).
41. Il-ħames nett, meta jkun qed jiġi ddeterminat il-valur ta’ vettura użata importata għall-iskopijiet ta’ taxxa, ma huwiex il-prezz imħallas għall-karozza mill-importatur jew il-valur tagħha fl-Istat minn fejn tkun ġiet esportata illi għandhom ikunu rilevanti. Pjuttost, huwa l-valur tal-karozza fl-Istat fejn din tkun ġiet importata illi għandu jitqies, minħabba illi fuq dik il-bażi biss jista’ wieħed jgħid li ma hemm ebda diskriminazzjoni bejn vetturi użati importati u vetturi simili fis-suq lokali (26). Huwa għal din ir-raġuni illi l-kwistjoni ta’ ħlas ta’ taxxa fl-Istat li jkun qed jesporta hija irrilevanti. Il-valur residwu ta’ taxxa bħal din ma għandhiex tibqa’ inkoprorata fil-valur tal-vettura meta din tasal fl-Istat li jkun qed jimportaha.
42. Is-sitt nett, meta wieħed ikun qed jevalwa d-deprezzament, ma huwiex neċessarju li ssir stima jew eżami minn espert ta’ kull vettura importata koperta bit-taxxa. Kieku kellu jsir hekk, il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kien ikun kunsiderevoli. Dawk l-awtoritajiet għalhekk jistgħu jiffissaw l-iskali, ibbażati fuq kriterji bħalma huma l-età, il-kilometri li jkunu saru, il-kundizzjoni ġenerali, il-metodu ta’ propulsjoni u l-marka u l-mudell (27) sabiex jistabbilixxu valur għal mudelli użati – valur illi, bħala regola ġenerali, ikun viċin ħafna tal-valur attwali tagħhom. Dawk il-kriterji ma humiex eżawrjenti (28). Jista’ jkun hemm metodi oħra li wkoll jiksbu riżultat adegwat (29). Madankollu, sistema bħal din ikollha tiġi organizzata billi wieħed jaħseb għall-approssimazzjonijiet raġonevoli inerenti fi kwalunkwe sistema ta’ dak it-tip, sabiex jiġi eskluż kwalunkwe effett diskriminatorju (30).
43. Is-seba’ nett, ir-rekwiżit biex is-sistema tiġi organizzata b’tali mod illi teskludi kull effett diskriminatorju jfisser illi l-kriterji li fuqhom jiġi bbażat il-metodu ta’ deprezzament għandhom jiġu mgħarrfa lill-pubbliku u illi s-sid ta’ karozza użata importata minn Stat Membru ieħor għandu jkollu l-possibbiltà li jikkontesta l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolazzjoni b’rata fissa għal dik il-vettura (31). L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu dritt għall-użu tal-proċedura għall-ilmenti rilevanti, sakemm dak id-dritt ma jiġix iffissat f’livell li jservi ta’ deterrent kontra li jitressaq ilment (32).
44. Fl-aħħar nett, meta t-taxxa inkwistjoni tkun waħda ġdida, il-fatt illi jista’ diġà jkun hemm vetturi jiċċirkulaw fl-Istat Membru li jkun qed jimponi t-taxxa li ma jkunux ġew suġġetti għaliha, bir-riżultat illi l-ammont residwu ta’ dik it-taxxa ma jkunx inkorporat fil-valur użat tagħhom, huwa irrilevanti u ma jammontax għal diskriminazzjoni (33).
L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-kawża prinċipali
45. F’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju illi għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 50/2008 jissodisfawx jew le l-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq.
46. Madankollu, sabiex nagħti tweġiba utli lill-qorti tar-rinviju, jien se nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin, li kollha kemm huma huma bbażati fuq, u fuq dan biss, il-materjal disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri quddiemha.
47. L-ewwel nett, kriterju li għandu jiġi applikat għall-iskopijiet tal-Artikolu 110 TFUE għandu jkun wieħed oġġettiv. It-taxxa inkwistjoni tiddiskrimina, fil-fatt, kontra prodotti importati? Huwa biss jekk din tagħmel hekk li tkun qed tikser dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, jirriżulta illi argumenti bħal dawk ippreżentati f’isem I. Tatu waqt is-seduta (u li ma ġewx aċċettati mill-Gvern Rumen) li jippruvaw juru illi l-motiv kien li tiġi protetta l-industrija awtomobilistika nazzjonali, ma humiex rilevanti.
48. It-tieni nett, l-Artikolu 6(1)(b) tal-OUG Nru 50/2008 pprovda illi t-taxxa applikabbli għall-karozzi fl-istess kategorija bħal dik tal-vettura ta’ I. Tatu kellha tiġi kkalkolata b’riferiment għall-kategorija tal-vettura bil-mutur rilevanti (f’dak il-każ, M1), l-istandard Ewropew tal-emissjonijiet tal-egżost (Euro 2), id-daqs tal-magna tal-vettura, in-numru ta’ ċilindri u l-età tagħha. Jidhirli illi dawn kollha huma fatturi li jissodisfaw ir-rekwiżit tal-oġġettività msemmi fil-punt 37 iktar ’il fuq (34).
49. It-tielet nett, sal-punt fejn il-kontestazzjoni tat-taxxa inkwistjoni hija bbażata fuq l-argument illi dik it-taxxa hija diskriminatorja (minħabba li vetturi użati importati minn Membri Stati oħra għandhom jiġu intaxxati wara li din tkun ġiet introdotta, filwaqt li vetturi ekwivalenti mibjugħa fis-suq lokali li kienu rreġistrati għall-ewwel darba qabel ma ġiet introdotta t-taxxa ma jiġux), il-pretensjoni ma tistax tirnexxi minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq.
50. Għandi nżid ngħid, f’dan il-kuntest, illi waqt is-seduta, l-avukat ta’ I. Tatu sostna illi n-numru ta’ reġistrazzjonijiet ta’ vetturi ġodda fir-Rumanija kien żgħir ħafna, b’reġistrazzjonijiet annwali totali li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 5 % tan-numru totali ta’ vetturi fil-pajjiż. Jistgħu għalhekk jilħqu jgħaddu bosta snin qabel ma jsiru disponibbli mezzi vera, fil-forma ta’ karozzi użati fis-suq lokali li kienu ġew intaxxati, biex ikun jista’ jsir paragun. Sadanittant ikun hemm, wieħed jimmaġina, eċċess ta’ karozzi użati ekwivalenti f’dak is-suq li ma kinux ġew intaxxati, u x’aktarx, għal raġunijiet ovvji, illi dawn il-karozzi jkunu preferuti mix-xerrejja għad-detriment ta’ vetturi importati.
51. Il-prinċipju illi l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jintroduċu taxxi ġodda bl-istess karatteristiċi tat-taxxa inkwistjoni huwa wieħed assolut? Jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn dak il-prinċipju jkollu jiġi trattat bħala inapplikabbli, meta wieħed iqis il-konsegwenzi prattiċi tal-introduzzjoni tat-taxxa? Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, fuq kollox (35), illi l-vetturi użati diġà fis-suq nazzjonali u dawk akkwistati fi Stat Membru ieħor huma prodotti “simili”. Madankollu, filwaqt li vetturi lokali bħal dawn jistgħu jkunu simili, ma jistgħux iservu ta’ mezzi biex ikun jista’ jsir paragun u għalhekk ma humiex “komparabbli”.
52. Huwa ċar illi l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jista’, f’ċirkustanzi bħal dawn, joħloq sitwazzjonijiet li huma prima facie diskriminatorji. Għalhekk, għandi ftit tas-simpatija lejn l-argument imressaq f’isem I. Tatu.
53. Madankollu, ma naħsibx illi din il-proposta tista’ tiġi aċċettata.
54. Biex dan jirnexxi, ikun meħtieġ, jew illi wieħed jipperswadi l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha dwar l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda, kif stabbilit f’Nádasdi u Németh, jew li tistabbilixxi bażi kredibbli u prattika li fuqha jistgħu jiġu applikati l-eċċezzjonijiet għal dik il-ġurisprudenza. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn, ma nista’ nara ebda bażi li fuqha jista’ jiġi ġġustifikat xi tibdil fil-ġurisprudenza. L-Istati Membri jkomplu jżommu b’mod ġenerali livell kunsiderevoli ta’ awtonomija fil-qasam tat-tassazzjoni. Xejn ma ġara biex tinbidel il-pożizzjoni minn meta nqatgħtet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2006.
55. Fir-rigward tat-tieni possibbiltà, ikun neċessarju illi wieħed jiddetermina l-parametri għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni illi jkunu kemm kredibbli, fis-sens illi jiġġustifikaw l-eċċezzjoni, kif ukoll prattiċi, fis-sens illi jkun ċar meta dawn ikunu japplikaw. Tal-ewwel jista’ jkun relattivament faċli illi wieħed jispeċifikah. Ikun suffiċjenti illi wieħed jistabbilixxi illi l-impożizzjoni tat-taxxa inkwistjoni rriżultat f’diskrepanza sinjifikattiva bejn il-prezz tal-karozzi użati importati u vetturi użati simili fis-suq lokali. It-tieni jkun kunsiderevolment iżjed diffiċli u, fil-fehma tiegħi, x’aktarx illi jkun impossibbli. Ikun neċessarju illi wieħed juri illi t-taxxa, kif introdotta, wasslet għal dawn id-diskrepanzi, mhux fuq perijodu ta’ żmien qasir (illi f’dak il-każ, sakemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tiġix imdgħajfa serjament, ikun permissibbli), iżda fuq perijodu ta’ zmien twil (li ma jkunx). B’mod iżjed problematiku, ikun neċessarju illi wieħed juri b’ċertezza adegwata illi dawn id-diskrepanzi fuq tul ta’ żmien kienu inerenti fis-sistema tat-tassazzjoni fiż-żmien illi t-taxxa inkwistjoni ġiet introdotta.
56. Fil-fehma tiegħi, hemm wisq inċertezzi biex il-kriterju ta’ prattikabbiltà jiġi sodisfatt. Ikun spiss diffiċli, jekk mhux impossibbli, illi l-impatt li jista’ jkollha taxxa fuq is-suq tal-beni jitkejjel b’mod li joqrob lejn il-preċiżjoni. Jidhirli illi proposta bħal din tqiegħed lill-Istati Membri u, saħansitra, lill-qrati, meta mitluba tiddeċiedi fuq numru ta’ kawżi li wieħed jista’ jimmaġina li jkun kbir, f’pożizzjoni impossibbli.
57. Għalhekk nikkonkludi, anki jekk kontra qalbi, illi r-regola li permezz tagħha l-Istati Membri għandhom il-libertà li jintroduċu taxxi ġodda li għandhom il-karatteristiċi tat-taxxa inkwistjoni għandha tiġi meqjusa bħala waħda assoluta.
58. Ir-raba’ nett, I. Tatu xtara l-vettura fix-xahar li fih ġiet introdotta t-taxxa, jiġifieri f’Lulju 2008, u rreġistraha fir-Rumanija ftit żmien wara (36). F’ċirkustanzi bħal dawn, huwa possibbli, u jista’ jkun anki probabbli, li ma jkunx hemm biżżejjed vetturi użati ekwivalenti fis-suq lokali li tkun ġiet imposta fuqhom l-istess taxxa biex ikun jista’ jsir paragun ibbażat fuq il-valuri attwali.
59. F’każ bħal dan, il-qorti nazzjonali għandha tagħmel estimu teoretiku ’il quddiem maż-żmien, u tiddetermina jekk f’dak id-dawl tkunx qed issir tassazzjoni diskriminatorja ta’ vetturi użati ġejjin minn Stati Membri oħra (37).
60. Fi kliem ieħor, huwa neċessarju illi tiġi pparagunata vettura intaxxata meta ġdida fir-Rumanija wara l-introduzzjoni tat-taxxa u li tiġi sussegwentement mibjugħa użata fir-Rumanija, ma’ vettura tal-istess età u tip mixtirja użata fi Stat Membru ieħor u mdaħħla fir-Rumanija, jekk wieħed jassumi illi ż-żewġ tranżazzjonijiet isiru fl-istess żmien (fil-futur). Il-paragun għandu jsir bejn l-ammont residwu tat-taxxa fil-valur tal-ewwel vettura, u l-ammont tat-taxxa imposta fuq it-tieni. Jekk tal-aħħar ikun ogħla, tkun teżisti diskriminazzjoni.
61. Il-ħames nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tuża skala fissa bħala l-bażi tagħha biex tivvaluta karozza użata importata. Din il-bażi, per se, ma hijiex oġġezzjonabbli (38).
62. Madankollu, l-iskala inkwistjoni għandha tirrifletti l-valur tal-vettura importata u għandu jkun hemm dritt effettiv għal kontestazzjoni (39).
63. F’dak li jirrigwarda l-ewwel minn dawn, l-iskala stabbilita fl-Anness 4 tal-OUG Nru 50/2008 hija bbażata fuq, u fuq dan biss, l-età tal-vettura. Madankollu, l-Artikolu 6(3) tal-OUG Nru 50/2008 jistipula illi l-perċentwali ta’ tnaqqis stabbilit f’dik l-iskala ġie ffissat b’tali mod illi jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-età iżda anki l-ammont medju annwali ta’ kilometri magħmula, il-kundizzjoni mekkanika u t-tagħmir tal-vetturi li tapplika għalihom (40). Dispożizzjonijiet oħra li jirriflettu dawk l-aspetti ma jinsabux fl-OUG Nru 50/2008 innifsu iżda fir-Regolamenti (41).
64. Dawk il-parametri huma suffiċjenti meta wieħed iqis ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja? (42)
65. Fl-opinjoni tiegħi, ma humiex.
66. Il-lista stabbilita f’Gomes Valente (43) tinkludi wkoll il-metodu ta’ propulsjoni kif ukoll il-marka jew il-mudell tal-vettura fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati. Jien diġà indikajt illi ma nqisx illi dik il-lista hija eżawrjenti (44). Jista’ jkun proprju possibbli illi wieħed iżid xi punti ta’ riferiment oħra u/jew ibiddel dawk il-punti ta’ riferiment billi jissostitwihom b’oħrajn filwaqt illi jibqa’ konformi mar-rekwiżit l-iżjed importanti illi l-indikaturi użati jirriflettu (sa fejn jista’ qatt ikun possibbli illi wieħed jagħmel hekk permezz ta’ skala fissa) il-valur attwali tal-vettura importata.
67. Jidhirli illi mingħajr riferiment għall-metodu ta’ propulsjoni u l-marka u/jew il-mudell tal-vettura, jew għal xi ħaġa ekwivalenti għal dawn li tkun aċċettabbli, l-iskala fissa ta’ hawn ma tistax tipprovdi approssimazzjoni mill-qrib sodisfaċenti tal-valur attwali tal-vettura użata importata inkwistjoni.
68. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirreferi għal skala li ma tissodisfax ir-rekwiżit l-iżjed importanti illi jeżiġi li l-iskala għandha tipprovdi approssimazzjoni mill-qrib sodisfaċenti tal-valur attwali tal-vettura użata importata, jidhirli illi l-fatt illi dik id-dispożizzjoni hija magħmula biex ikun hemm dritt ta’ kontestazzjoni ma huwiex biżżejjed biex irendi l-leġiżlazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni (45).
69. Il-ġurisprudenza teżiġi illi jkun hemm dritt ta’ kontestazzjoni tar-riżultati kkreati meta tiġi applikata l-iskala. Teżiġi dan minħabba illi huwa inerenti f’arranġamenti bħal dawn illi r-riżultati li tipproduċi huma approssimazzjonijiet tal-valur awtentiku (46). Xerrej li ma jkunx sodisfatt bl-applikazzjoni tal-iskala fil-każ partikolari tiegħu għandu jkun jista’ jibda l-proċeduri meħtieġa biex jiżgura illi jintlaħaq ir-riżultat il-korrett. Iżda, biex wieħed jittratta l-kwistjonijiet mit-tarf oppost tal-ispettru u biex isostni illi, ladarba jeżisti dritt ta’ kontestazzjoni, ma jimpurtax illi l-iskala hija bbażata fuq kriterji li huma biss parzjalment kompleti, huwa, fil-fehma tiegħi, intrinsikament ibbażat fuq idea żbaljata.
70. Il-proċedura biex wieħed jikkontesta l-ammont iffissat mill-iskala fissa, u, b’mod partikolari, jekk din tippermettix illi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti, hija kwistjoni illi għandha tiġi ddeterminata mill-qrati nazzjonali.
71. Jien għalhekk inqis illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi liġi ġdida dwar taxxa li tiġi imposta fuq l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur użati li ddaħħlu minn Stat Membru ieħor ma tmurx kontra l-Artikolu 110 TFUE biss minħabba l-fatt illi vetturi ekwivalenti li diġà kienu fis-suq lokali qabel ma ġiet introdotta t-taxxa ma ġewx intaxxati.
72. Madankollu, din it-tip ta’ taxxa hija projbita mill-Artikolu 110 TFUE jekk l-ammont ta’ taxxa imposta fuq vettura użata importata jeċċedi l-ammont residwu tat-taxxa inkluż fil-prezz tal-bejgħ ta’ vettura użata ekwivalenti li ġiet intaxxata meta ġiet irreġistrata għall-ewwel darba bħala ġdida.
73. Sabiex jiġi żgurat illi ma jkunx hemm dan il-ħlas eċċessiv, l-ammont ta’ taxxa imposta fuq vetturi reġistrati għall-ewwel darba bħala vetturi użati għandu jonqos, mill-qrib kemm jista’ jkun, u b’mod parallel mad-deprezzament tal-prezz tal-vettura bħala ġdida. Kull skala fissa ta’ deprezzament li hija bbażata esklużivament fuq l-età tal-vettura, u li ma tieħux kont tal-mili magħmula jew ta’ fatturi oħra li jaffettwaw id-deprezzament, x’aktarx illi ma tkunx suffiċjenti għal dak l-iskop.
Osservazzjonijiet finali
74. Għalkemm il-qorti nazzjonali ma tqajjimx speċifikament din il-kwistjoni fid-digriet tar-rinviju, jiena jidhirli li għandi nżid, sabiex nipprovdi tweġiba kompleta, illi, li kieku t-taxxa inkwistjoni kellha titqies bħala diskriminatorja, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi illi l-individwi huma intitolati għar-rimbors tal-ħlasijiet nazzjonali imposti li jiksru d-dritt tal-Unjoni (47). Huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru illi għandu jaħtar il-qrati u t-tribunali li għandhom il-kompetenza u li għandhom jistabbilixxu r-regoli proċedurali ddettaljati illi għandhom jirregolaw dawn il-kwistjonijiet (48).
75. Fl-aħħar nett, nosserva illi, filwaqt li dawn il-Konklużjonijiet jittrattaw biss il-proċeduri mibdija minn I. Tatu biex jikkontesta t-taxxa imposta fuq il-karozza użata li hu importa mill-Ġermanja, huwa impossibbli illi wieħed ma jkunx konxju tan-numru kbir ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati Rumeni li jinvolvu l-istess domanda. Li kieku t-taxxa ġiet imposta b’rata iktar baxxa, għandu mnejn kienet titqajjem inqas kontroversja u inqas litigazzjoni. Fil-każ inkwistjoni ma hemm ebda dubju illi t-taxxa, li tammonta, bħal ma jidher illi huwa l-każ, għal 30 % tal-valur tal-vettura importata, bla ebda dubju ġiet iffissata f’livell sinjifikattiv. Madankollu, ir-rati li bihom jiġu ffissati t-taxxi nazzjonali huma kwistjoni li taqa’ kollha kemm hi f’idejn l-Istat Membru kkonċernat. Peress illi l-Artikolu 110 TFUE ma jipprovdix bażi biex jirregola l-eċċessività fil-livelli tat-tassazzjoni illi jista’ jadotta Stat Membru għal prodotti partikolari, dan ma huwiex punt illi jista’ jkollu xi effett fuq il-konklużjonijiet stipulati iktar ’il fuq (49).
Konklużjoni
76. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni illi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunalul Sibiu, Secţia comercială şi de contencios administrativ:
(1) Leġiżlazzjoni nazzjonali illi tintroduċi taxxa ġdida illi tiġi imposta fuq l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur bil-mutur użati importati minn Stat Membru ieħor ma tmurx kontra l-Artikolu 110 TFUE biss minħabba l-fatt illi vetturi ekwivalenti li diġà kienu fis-suq lokali qabel ma ġiet introdotta t-taxxa ma ġewx intaxxati.
(2) Madankollu, taxxa bħal din hija pprojbita mill-Artikolu 110 TFUE jekk l-ammont tat-taxxa imposta fuq vettura użata importata jeċċedi l-ammont residwu tat-taxxa inkluża fil-prezz tal-bejgħ ta’ vettura użata ekwivalenti li kienet ġiet intaxxata meta rreġistrata għall-ewwel darba bħala vettura ġdida.
(3) Sabiex jiġi żgurat illi ma jkunx hemm dan il-ħlas eċċessiv ta’ taxxa, l-ammont tat-taxxa imposta fuq il-vetturi rreġistrati għall-ewwel darba bħala użati għandu jonqos, mill-qrib kemm jista’ jkun, u b’mod parallel mad-deprezzament tal-prezz tal-vettura bħala ġdida. Kwalunkwe skala ta’ deprezzament fissa li hija bbażata esklużivament fuq l-età tal-vettura, mingħajr ma tieħu kont tal-kilometraġġ li jkun sar jew ta’ fatturi oħra li jaffettwaw id-deprezzament, x’aktarx li ma tkunx suffiċjenti għal dak il-għan.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Għalkemm il-ġrajjiet fil-kawża prinċipali seħħew qabel ma ġew enumerati mill-ġdid l-Artikoli tat-Trattat mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, jien użajt l-enumerazzjoni kurrenti biex wieħed ikun jista’ jagħmel riferiment faċli.
3 – Ir-regolamenti huma kumplessi u ma nissuġġerixxix illi nippreżenta sommarju komplet tagħhom hawn. F’dak li jirrigwarda l-vettura partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istandard Euro 2 ġie introdott b’effett mill-1 ta’ Jannar 1996 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/441/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1991, li temenda d-Direttiva 70/220/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 329). Il-leġiżlazzjoni sussegwenti introduċiet standards ġodda, bl-istandard applikabbli bħalissa magħruf bħala ‘Euro 5’, filwaqt li l-istandard il-ġdid ‘Euro 6’ mistenni jidħol fis-seħħ fl-2014 [ara r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007 L 171, p. 1)]. Ara wkoll ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi l-istandards ta’ rendiment minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, p. 1).
4 – Il-Kategorija “M” tikkonsisti f’“Vetturi bil-mutur b’tal-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr tal-passiġġieri”. Il-Kategorija “N” tikkonsisti f’‘vetturi bil-mutur b’ tal-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr tal-merkanzija”. Ara l-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, p.1). Dawk il-kategoriji jkomplu jiġu suddiviżi skont in-numru ta’ postijiet fejn tpoġġi u l-massa massima (Kategorija M) u l-massa massima biss (Kategorija N).
5 – Ara, inter alia, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu (C‑213/96, Ġabra p. I-1777, punt 20).
6 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh (C‑290/05 u C‑333/05, Ġabra p. I-10115, punt 41).
7 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C‑313/05, Ġabra p. I‑513, punt 50).
8 – Ara, inter alia, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1994, Lamaire (C‑130/93, Ġabra p. I-3215, punt 10, u s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C‑37/92, Ġabra p. I-4947, punt 7).
9 – Ara, inter alia, Lamaire, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 10.
10 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, Ġabra p. I‑6325, punt 32).
11 – Ara, inter alia, Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 30.
12 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawżi magħquda tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I-5293, punt 86).
13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1988, Bergandi (252/86, Ġabra p. 1343, punt 25).
14 – Ara, inter alia, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1996, Lütticke (57/65, Ġabra p. 293, 303) u s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente (C‑393/98, Ġabra p. I‑1327, punt 33).
15 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006 (C‑290/05, Konklużjonijiet fl-[2006] Ġabra p. I‑10118). Ara l-punti 4 sa 22.
16 – Sentenza tat-11 ta’ Diċembru 1990 (C‑47/88, Ġabra p. I‑4509).
17 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C‑387/01, Ġabra p. I‑4981).
18 – Ara Nádasdi u Németh, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑74/06, Ġabra p. I‑7585) u s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev (C‑2/09, Ġabra p I‑4939).
19 – Ara, inter alia, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1995, Nunes Tadeu (C‑345/93, Ġabra p. I‑479, punt 11).
20 – Ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 9.
21 – Dan jirrifletti l-prinċipju ġenerali stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE, jiġfieri illi l-“għan tal-Artikolu [110 TFUE] inġenerali huwa li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali billi tiġi eliminata kull forma ta’ protezzjoni illi tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni illi jiddiskriminaw kontra prodotti minn Stati Membri oħra” (ara Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 9).
22 – Ara l-punt 53 ta’ Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6. Ara wkoll il-punt 66 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’Nádasdi, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.
23 – Ara, inter alia, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 18.
24 – Ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 21.
25 – Ara, f’dan is-sens, Nunes Tadeu, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 12 et seq. Ara wkoll il-punt 14 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’dak il-każ, fejn huwa qal: “huwa ċar minn Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka illi t-taxxa imposta fuq karozza użata importata ma għandiex teċċedi t-taxxa residwa inkoporata fil-valur ta’ karozza użata lokali li għandha l-istess karatteristiċi. Sabiex tiġi kkalkolata t-taxxa residwa inkorporata fil-valur ta’ karozza użata lokali huwa neċessarju illi wieħed iħares lejn il-valur kummerċjali tagħha, minħabba illi wieħed għandu jassumi illi l-ammont tat-taxxa residwa jonqos b’mod proporzjonali dirett mal-valur tal-karozza. Għalhekk jekk il-valur ta’ karozza ġdida mqiegħda fis-suq fil-Portugall fl-1987 kienet jiswa ESC 1 000 000 inkluż taxxa fuq il-karozza ta’ ESC 200 000, u jekk fl-1990 il-valur tal-karozza kien ta’ ESC 600 000, it-taxxa residwa inkorporata f’dak il-valur tammonta għal ESC 120 000 [...]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] It-taxxa residwa, meta wieħed iħares lejha bħala parti mill-valur kapitali tal-vettura inkwistjoni, tibqa’ kostanti bħala proporzjon ta’ dak il-valur wara d-deprezzament (ara l-Konklużjonijiet tiegħi fi Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 41).
26 – Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Nunes Tadeu, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 18. Sa fejn dawk il-Konklużjonijiet jissuġġerixxu illi r-rivalutazzjoni fl-Istat li jkun qed jimporta jista’ jsir sempliċement jekk wieħed ikun irid, jien bir-rispett kollu ma naqbilx, sakemm, naturalment, jista’ jintwera illi l-valur tal-vetturi użati fl-Istat li jkun qed jesporta u fl-Istat li jkun qed jimporta jkunu tant simili illi jitqiesu identiċi għall-iskop li tinħadem it-taxxa.
27 – Ara Gomes Valente, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 28. Nifhem il-kriterju stabbilit mir-riferiment għal skala “fissa” li jirreferi għal skala ta’ valuri stabbiliti fuq il-bażi ta’ serje ta’ valuri li huma ffissati b’mod li ma tvarjax skont iċ-ċirkustanzi individwali imma li għandha tiġi applikata b’mod konsistenti fil-każijiet kollha tal-istess tip.
28 – Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 37.
29 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 44.
30 – Ara Gomes Valente, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 24 u 26.
31 – Ara s-sentenza tat-19 ta’ Settembru 2002, Tulliasiamies u Siilin (C‑101/00, Ġabra p. I‑7487, punti 87 u 88).
32 – Ara Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 52 et seq.
33 – Ara Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 49. Ara wkoll il-punt 51 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’Nádasdi, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, fejn osservajt illi d-differenzi li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida huma inevitabbli u illi, minħabba s-sovranità tal-Istati Membri f’dan il-kamp, il-kriterju fid-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jkun jekk kull (rata ta’) taxxa suċċessiva hijiex diskriminatorja fiha nfisha. Li kieku l-karozzi użati importati kellhom jitqiesu li huma komparabbli ma’ vetturi użati li diġà qegħdin fit-triq fl-Istat Membru qabel ma tkun ġiet introdotta t-taxxa, qatt ma jkun possibbli għal Stat Membru illi jintroduċi taxxa bħalma hi t-taxxa inkwistjoni.
34 – Jien konxju illi jista’ jiġi argumentat illi sabiex wieħed jipprovdi, f’dak illi suppost huwa taxxa fuq it-tniġġis, l-ammont tat-taxxa li għandu jiġi mnaqqas abbażi tal-età tal-vettura, jista’ jkun diffiċli illi jiġi rrikonċiljat mal-kunċett illi, iżjed ma jkollha żmien il-karozza, iżjed ikun hemm iċ-ċans illi tniġġes l-ambjent. Filwaqt illi wieħed ma jistax jgħid illi dan l-argument ma għandux saħħa, huwa diffiċli illi wieħed jista’ jifhem kif il-leġiżlatura Rumena setgħet għaddiet il-liġi mod ieħor, minħabba li hemm ir-rekwiżit ċar stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja illi għandu jittieħed kont tad-deprezzament ta’ vettura. L-età tal-vettura għandha, b’neċessità, tkun fattur rilevanti f’dak il-kuntest.
35 – Ara, pereżempju, Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 30.
36 – L-ordni tar-rinviju ma jiżvelax id-data preċiża illi fiha kienet saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Rumen, id-data inkwistjoni kienet is-27 ta’ Ottubru 2008.
37 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’Nádasdi, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 51.
38 – Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.
39 – Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.
40 – Ma huwiex kompletament ċar kif jintlaħaq dan ir-riżultat. Jien nassumi illi dak li hu mifhum huwa illi l-kalkolu tal-perċentwali ta’ tnaqqis fil-kolonna 2 tal-Anness 4 jieħu kont tal-kundizzjoni mekkanika u tat-tagħmir li s-soltu jinsab f’vetturi tal-istess età tal-vettura inkwistjoni. Hija naturalment il-qorti tar-rinviju illi għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali u li tiddetermina t-tifsira proprja ta’ din id-dispożizzjoni.
41 – Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.
42 – Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.
43 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.
44 – Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.
45 – Ara f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 43.
46 – Ara f’dan is-sens, Tulliasiamies u Siilin, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 89. Ara wkoll, inter alia, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, illi tirreferi għall-iskop ta’ skala fissa bħala wieħed illi jipproduċi riżultat li “bħala regola ġenerali, ikun qrib ħafna tal-valur reali [tal-vettura]” (punt 29).
47 – Ara, f’dan is-sens, inter alia, Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 30.
48 – Ibid., punt 34. Għal iżjed osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Nunes Tadeu, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 23.
49 – Ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 10.
Full & Egal Universal Law Academy