KONKLUŻJONIJIET
TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2011 (1)
Kawżi magħquda C‑431/09 u C‑432/09
Airfield NV
Canal Digitaal BV
vs
Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam)
u
Airfield NV
vs
Agicoa Belgium BVBA
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Beroep te Brussel (il-Belġju)]
“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Dritt tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 93/83/KEE – Xandir bis-satellita – Dritt esklussiv tal-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni tax-xogħlijiet tiegħu – Att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita – Korp tax-xandir – Fornitur ta’ pakketti ta’ stazzjonijiet televiżivi bis-satellita”
I – Introduzzjoni
1. Fil-kawżi maqgħuda sottomessi għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Hof van Beroep te Brussel (il-Belġju) tagħmel żewġ domandi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (2), u partikolarment mas-sens li għandu jingħata lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(a) u (ċ) tal-imsemmija direttiva.
2. Il-qorti tar-rinviju qieset, fil-fatt, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita”, kif stabbilit fl-imsemmija direttiva, kien meħtieġ għas-soluzzjoni taż-żewġ kawżi, li għandhom rabta ta’ konnessjoni u huma pendenti quddiemha. Dawn il-kawżi nfetħu, minn naħa, minn Airfield NV (iktar ’il quddiem “Airfield”) u Canal Digitaal BV (iktar ’il quddiem “Canal Digitaal”) kontra l-Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (soċjetà Belġjana tal-awturi, kompożituri u edituri, iktar ’il quddiem “Sabam”) (Kawża C‑431/09) u, min-naħa l-oħra, minn Airfield waħedha, kontra Agicoa Belgium BVBA (iktar ’il quddiem “Agicoa”) (Kawża C‑432/09).
3. Il-kwistjoni tikkonċerna l-punt li jiġi stabbilit jekk Airfield, fornitriċi tat-televiżjoni bis-satellita, li toffri lill-pubbliku abbonamenti għal pakketti ta’ stazzjonijiet televiżivi (iktar ’il quddiem “il-fornitur tal-pakketti bis-satellita”), għandhiex tikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awturi, għall-parteċipazzjoni tagħha, bl-għajnuna tal-kumpannija li magħha hija assoċjata, Canal Digitaal, fit-trażmissjoni simultanja u mingħajr tibdil tal-programmi provduti mill-korp tax-xandir, minkejja li dawn il-korpi jkunu diġà rċevew l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali, relatati ma’ dawn il-programmi. Fi kliem ieħor, irid jiġi stabbilit jekk u sa fejn fornitur tal-pakketti bis-satellita, li jaġixxi f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, iwettaq att ta’ sfruttament li jikkonċerna xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew mid-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.
4. Wara d-dettalji tekniċi tal-kawża, relattivament kumplessi, hemm fil-fatt, kwistjoni legali li hija pjuttost sempliċi. Essenzjalment, din tixtieq tkun taf xi trattament, skont id-Direttiva 93/83, għandu jingħata lil operatur indipendenti fil-konfront tal-korp tax-xandir li jintervjeni, b’mod xi ftit jew wisq sinjifikattiv, fil-katina ta’ komunikazzjoni, li fil-każijiet tipiċi tgħaqqad lill-imsemmi korp mal-pubbliku li huwa d-destinatarju finali tas-sinjali li jwasslu l-programmi trażmessi bis-satellita.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
– Id-Direttiva 93/83
5. Id-Direttiva 93/83 għandha l-għan li timla l-lakuna li ħalliet, fil-kuntest ġuridiku tal-ħolqien tal-spazju awdjoviżiv uniku, id-Direttiva tal-Kunsill 89/552 (3), tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, li ġiet adottata mingħajr ma kien fiha dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur (4).
6. Il-premessa 14 u l-premessa 15 tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxu li:
“(14) […] l-inċertezza legali dwar il-jeddijiet li għandhom ikunu akkwistati li timpedixxi xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra għandha tkun megħluba billi jkun definit il-kunċett ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita fuq livell tal-Komunità; billi din id-definizzjoni għandha fl-istess waqt tispeċifika fejn isir l-att ta’ komunikazzjoni; billi dik it-tifsira hi meħtieġa biex tkun evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal att wieħed ta’ xandir; billi l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ssir biss meta, u fl-Istat Membru fejn, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni [korp] tax-xandir fil-katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja; billi proċeduri tekniċi normali dwar is-sinjali li jwasslu l-programm m’għandhomx ikunu kunsidrati bħal interruzzjonijiet fil-katina tax-xandir;
(15) […] l-akkwist fuq bażi kuntrattwali ta’ jeddijiet esklussivi ta’ xandir għandu jkun konformi ma’ kull leġislazzjoni dwar drittijiet ta’ l-awtur u jeddijiet dwar drittijiet ta’ l-awtur fl-Istati Membri li fihom isseħħ il-komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita;”
7. L-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 93/83, li jinsab fil-Kapitolu I intitolat “Tifsiriet”, jistabbilixxi:
“a) Għall-fini ta’ din id-Direttiva, “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.
b) L-att ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri billi, taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.
(ċ) Jekk is-sinjali li jġorru programmi huma encrypted, allura jkun hemm komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita bil-kondizzjoni li l-mezzi għal decrypting ix-xandir ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha.”
8. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83, intitolat “Xandir ta’ programmi bis-satellita”, jistabbilixxi:
“Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru, għandhom jipprovvdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”
– Id-Direttiva 2001/29
9. Il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (5), tistabbilixxi li din “għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.” (6)
10. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”
B – Id-dritt nazzjonali
11. Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1(1) tal-liġi Belġjana tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati (7) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dritt tal-awtur”), kif emendat, jistabbilxxi li, “[l]-awtur ta’ xogħol litterarju jew artistiku huwa l-uniku li għandu d-dritt li jikkomunikah lill-pubbliku bi kwalunkwe mezz (inkluż li jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalih fil-post u fil-mument li jagħżel individwalment) (8).”
12. L-Artikoli 49 u 50 ta’ din il-liġi, dwar “il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita”, essenzjalment jirriproduċu, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 93/83, mingħajr emenda ulterjuri.
III – Il-kuntest fattwali
13. Airfield, kumpannija Belġjana li topera fil-Belġju taħt l-isem kummerċjali ta’ TV Vlaanderen, twettaq l-attività ta’ fornitur tat-televiżjoni u tar-radju diġitali bis-satellita. Hija toffri pakketti ta’ stazzjonijiet li l-abbonati jistgħu jaraw u jisimgħu simultanjament bis-satellita.
14. Il-pakkett li toffri Airfield lill-pubbliku jinkludi żewġ tipi ta’ stazzjonijiet televiżivi. L-ewwel tip huwa mingħajr ħlas u mhux encrypted, u ġeneralment jissejjaħ “free to air”, li jista’ jinqabad minn kull persuna li jkollha antenna tat-tip li taqbad il-programmi barranin ritrażmessi, permezz tas-satellita kif ukoll riċevitur tas-satellita, mingħajr l-obbligu tal-abbonament. It-tip l-ieħor huwa encrypted u wieħed jista’ jarah biss wara li jkun ġie decrypted, li jirrikjedi li jiġi konkluż kuntratt ta’ abbonament ma’ Airfield, li mbagħad tipprovdi kard lill-klijenti tagħha li tippermetti li jsir id-decrypting u li tissejjaħ “smartcard”.
15. Biex tkun tista’ tipprovdi s-servizzi tagħha, Airfield tirrikorri għas-servizzi tekniċi ta’ Canal Digitaal, kumpannija Olandiża li tagħmel parti mill-istess grupp ta’ Airfield u li toffri servizzi li huma ekwivalenti għal tagħha, immirati lejn konsumaturi Olandiżi.
16. Canal Digitaal ikkonkludiet ftehim mal-kumpannija SES Astra, li topera s-sistema tas-satellita Astra u li abbażi tiegħu tikri lil Canal Digitaal il-kapaċitajiet għat-televiżjoni u għar-radju diġitali fuq is-satellita.
17. Barra minn hekk, Canal Digitaal ikkonkludiet ftehim ta’ servizzi ma’ Airfield, li permezz tiegħu ntrabtet biex, mill-1 ta’ Jannar 2006, tagħtiha b’sullokazzjoni l-kapaċitajiet mikrija fuq is-satellita Astra, għat-trażmissjoni ta’ programmi televiżivi u radjofoniċi fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ programmi televiżivi, Canal Digitaal hija marbuta li tipprovdi s-servizzi tekniċi u partikolarment it-trażmissjoni, il-multiplexing, il-kompressjoni, l-encrypting u t-trażmissjoni tad-data meħtieġa biex Airfield tkun tista’ titrażmetti servizzi televiżivi diġitali fil-Belġju u fil-Lussemburgu.
18. Biex toffri t-televiżjoni diġitali bis-satellita lill-klijenti tagħha fil-Fjandri (il-Belġju), Airfield ikkonkludiet ukoll sensiela ta’ kuntratti ma’ korpi tax-xandir li l-istazzjonijiet tagħhom huma inklużi fil-pakkett li toffri bis-satellita. Fuq livell tekniku, il-mod ta’ kif issir il-kollaborazzjoni ma’ dawn tal-aħħar ivarja skont il-mod ta’ ritrażmissjoni tal-istazzjonijiet televiżivi kkonċernati. Il-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn tliet tipi ta’ twassil ta’ sinjali li jwasslu l-programmi permezz tas-satellita lill-konsumatur fil-Belġju, jiġifieri zewġ modi li huma indiretti u mod li huwa dirett, u tippreċiża li f’kull wieħed minn dawn il-każijiet il-programmi ritrażmessi ma jinbidlux.
– Iż-żewġ modi ta’ ritrażmissjoni indiretti, ta’ stazzjonijiet televiżivi inklużi fil-pakkett offrut bis-satellita
19. Skont iż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, fl-ewwel każ ta’ ritrażmissjoni, hekk imsejħa indiretta, misjuba bħala “sitwazzjoni 1”, il-korpi tax-xandir Belġjani, jibagħtu, b’kollegament fiss, sinjali mhux encrypted li jwasslu l-programmi tagħhom lejn l-apparat li Canal Digitaal installat fil-Belġju. Sussegwentement, Canal Digitaal tikkompressa s-sinjali u tagħtihom encryption biex tibagħthom, permezz tal-broad band, lejn l-istazzjon tagħha li jinsab fl-Olanda. Din tiżgura li s-sinjali jiġu trażmessi ’l fuq lejn is-satellita Astra, wara li jkunu ġew encrypted. Iċ-ċavetta li hija meħtieġa biex il-pubbliku jkun jista’ jara l-programmi, tiġi inkorporata fil-kard tad-decrypting li Canal Digitaal tpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ Airfield, li mbagħad tingħata lill-klijenti kollha li jabbonaw ma’ Airfield.
20. It-tieni tip ta’ ritrażmissjoni indiretta, li tikkorrispondi għas- “sitwazzjoni 3” deskritta mill-qorti tar-rinviju, tikkonsisti f’korpi tax-xandir li jittrażmettu lil Canal Digitaal is-sinjali li jwasslu l-programmi tagħhom permezz ta’ satellita oħra, pereżempju Eutelsat, u mhux b’kollegament fiss. Canal Digitaal tirċievi dawn is-sinjali bis-satellita, li huma encrypted u inaċċessibbli għall-pubbliku, fl-Olanda jew fil-Lussemburgu. Jekk ikun meħtieġ, dawn jiġu decrypted, encrypted mill-ġdid u mibgħuta lejn is-satellita Astra. L-abbonati ta’ Airfield jistgħu jagħmlu d-decrypting ta’ dawn is-sinjali permezz ta’ kard speċjali li Canal Digitaal tipprovdi lil Airfield.
21. Airfield ikkonkludiet kuntratti ta’ provvista ta’ televiżjoni bis-satellita, imsejħa “carriage agreements”(9), jew kuntratti ta’ twassil, mal-korpi tax-xandir ikkonċernati, permezz ta’ dawn iż-żewġ modi ta’ trażmissjoni tas-sinjali tagħhom.
22. Skont l-imsemmija kuntratti, Airfield tikri lill-imsemmija korpi l-kapaċitajiet tat-transponder tas-satellita bil-għan li jixxandru programmi televiżivi lit-telespettaturi fil-Belġju, fl-Olanda u fil-Lussemburgu. Airfield tiggarantixxi li rċeviet l-awtorizzazzjoni mill-kumpannija li topera s-satellita Astra biex tissuloka dawn il-kapaċitajiet.
23. Barra minn hekk, Airfield intrabtet li tirċievi s-sinjal tal-programmi televiżivi ta’ dawn il-korpi f’sit ċentrali ta’ trażmissjoni ’l fuq, sabiex sussegwentement tikkompressa dan is-sinjal, tagħmillu l-multiplexing u l-encrypting u tibagħtu lejn is-satellita għat-trażmissjoni u r-riċezzjoni.
24. Abbażi ta’ din il-kirja u ta’ din il-provvista ta’ servizzi, il-korpi tax-xandir iħallsu kumpens lil Airfield. Min-naħa tagħhom, jikkonċedulha l-awtorizzazzjoni biex l-abbonati tal-fornitur tal-pakketti bis-satellita jkunu jistgħu jaraw simultanjament, fil-Belġju, fl-Olanda u fil-Lussemburgu, il-programmi tagħhom trażmessi permezz tas-satellita Astra.
25. Inkambju għad-drittijiet mogħtija mill-korpi tax-xandir lil Airfield u għas-setgħa diskrezzjonali ta’ Airfield li toffri l-programmi televiżivi fil-pakkett tagħha, din tal-aħħar hija marbuta li tħallashom remunerazzjoni abbażi tal-programmi televiżivi li l-abbonati tagħha jirċievu fit-territorju kkonċernat.
– Il-mod ta’ ritrażmissjoni diretta tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni inklużi fil-pakett tas-satellita
26. F’dan il-każ, li jikkorrispondi għas-“sitwazzjoni 2” esposta mill-qorti tar-rinviju, ir-ritrażmissjoni hija msejħa “diretta” għaliex titwettaq mingħajr l-għajnuna teknika ta’ Airfield u ta’ Canal Digitaal. Fil-fatt, il-korpi tax-xandir, huma stess jew permezz ta’ operaturi oħra li ma huwiex Airfield, jagħmlu l-encrypting tas-sinjali li jwasslu l-programmi fil-pajjiż tal-oriġini u jibagħtuhom direttament lejn is-satellita Astra. L-imsemmmija sinjali jerġgħu jintbagħtu lejn l-art. Il-kontribuzzjoni ta’ Canal Digitaal hija limitata għall-provvista taċ-ċwievet lill-operaturi biex jitwettaq l-encrypting, b’mod li jiġu applikati l-kodiċi korretti biex iktar ’il quddiem jippermettu lil kull abbonat ta’ Airfield jara l-programmi permezz tal-kard tiegħu tad-decrypting.
27. Airfield ikkonkludiet kategorija oħra ta’ kuntratti ma’ dan il-grupp ta’ korpi tax-xandir, imsejħa “heads of agreement”. Dawn jistabbilixxu li l-imsemmija korpi jagħtu lil Airfield l-awtorizzazzjoni sabiex l-abbonati tagħha jirċievu u jaraw simultanjament, fil-Belġju u l-Lussemburgu, il-programmi televiżivi tagħhom trażmessi permezz tas-satellita Astra.
28. Inkambju għad-drittijiet mogħtija mill-korpi tax-xandir lil Airfield u għas-setgħa diskrezzjonali ta’ Airfield li toffri l-programmi televiżivi fil-pakkett tagħha, din tal-aħħar hija marbuta li tħallashom remunerazzjoni abbażi tal-programmi televiżivi li l-abbonati tagħha jirċievu fit-territorju kkonċernat
IV – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
29. Sabam hija soċjetà kooperattiva Belġjana li bħala soċjetà amministrattiva, tirrapreżenta lill-awturi billi tawtorizza l-użu, minn terzi, tax-xogħlijiet protetti tagħhom u billi tirċievi remunerazzjoni għal dan l-użu.
30. L-Agicoa (10) hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Belġjana li tirrappreżenta lill-produtturi Belġjani u internazzjonali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, li tamministra d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fuq films u xogħlijiet oħra awdjoviżivi, minbarra video clips. F’dan il-kuntest, hija tirċievi r-remunerazzjonijiet dovuti lil dawn il-produtturi.
31. Sabam u Agicoa qiesu li Airfield, bħala entità indipendenti mill-korpi tax-xandir, tkun qiegħda tittrażmetti mill-ġdid, programmi televiżivi li jkunu diġà ġew trażmessi minn dawn il-korpi, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berna (11). Huma qiesu li minħabba din il-komunikazzjoni ġdida lill-pubbliku, Airfield kellha tikseb awtorizzazzjoni supplimentari minbarra dik mogħtija lill-korpi tax-xandir, biex tkun tista’ tuża r-repertorji tal-awturi, li d-drittijiet tagħhom huma miżmuma minn Sabam u Agicoa rispettivament.
32. Bħala tweġiba, Airfield u Canal Digitaal sostnew li huma ma kinux qed jittrażmettu mill-ġdid iżda sempliċiment kienu qed joffru lill-pubbliku programmi televiżivi bis-satellita f’isem il-korpi tax-xandir. Fl-opinjoni tagħhom, ma hemmx ħlief trażmissjoni waħda u unika bis-satellita, żgurata mill-korpi tax-xandir stess, li għaliha jirrikorru għas-servizzi ta’ Airfield u Canal Digitaal fuq livell purament tekniku. Il-konvenuti sostnew li huma biss il-korpi tax-xandir li jaġixxu b’mod li huwa relevanti għall-ġbir tad-drittijiet tal-awtur, kif iddefinit bl-Artikoli 49 u 50 tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur, li ttrasponiet id-Direttiva 93/83 fil-liġi Belġjana.
33. Peress li ma ntlaħaq l-ebda ftehim, Sabam bdiet il-proċeduri kontra Airfield u Canal Digitaal (Kawża C‑431/09), filwaqt li l-Agicoa bdiet il-proċeduri kontra Airfield (Kawża C‑432/09), abbażi tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur, quddiem il-President tal-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Qorti tal-Prim’istanza ta’ Brussell). Dan tal-aħħar iddeċieda li Airfield u Canal Digitaal kienu kisru d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, li tagħhom Sabam u Agicoa jiżguraw l-amministrazzjoni, u dan billi kkomunikaw lit-telespettaturi li huma abbonati tal-programmi ta’ Airfield, xogħlijiet protetti li jagħmlu parti mir-repertorju ta’ kull waħda mill-attriċi, mingħajr ma kisbu l-awtorizzazzjoni preliminari tagħhom.
34. Airfield u Canal Digitaal ippreżentaw appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress li ma kinitx f’qagħda li twieġeb b’mod ċar għall-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li qamu fil-kuntest taż-żewġ kawżi pendenti quddiemha, il-Hof van Beroep te Brussel iddeċiediet li jissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma abbozzati bl-istess mod fil-Kawżi C‑431/09 u C‑432/09:
“1) Id-Direttiva 93/83/KEE tipprekludi l-ħtieġa li fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita għandu jikseb l-awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-dritt tal-awtur fil-każ fejn korp tax-xandir jittrażmetti s-sinjali tiegħu li jwasslu programm, b’kollegament fiss jew b’sinjal encrypted bis-satellita, lil fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita li huwa indipendenti mill-korp tax-xandir, u li dan il-fornitur għandu dawn is-sinjali encrypted u mxandra fuq satellita minn kumpannija assoċjata mal-fornitur, u sussegwentament dawn is-sinjali huma mxandra mill-ġdid, bl-awtorizzazzjoni tal-korp tax-xandir, bħala parti minn pakkett ta' programmi televiżivi u għalhekk miġbura flimkien, lill-abbonati tal-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita, li jistgħu jaraw il-programmi simultanjament u fil-verżjoni oriġinali permezz ta’ dekowder jew smartcard ipprovduta mill-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita?
2) Id-Direttiva 93/83/KEE tipprekludi l-ħtieġa li fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita għandu jikseb l-awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-dritt tal-awtur fil-każ fejn korp tax-xandir jittrażmetti s-sinjali tiegħu li jwasslu programm għal satellita, skont l-istruzzjonijiet ta’ fornitur tat-televiżjoni diġitali li huwa indipendenti mill-korp tax-xandir, u li sussegwentament dawn is-sinjali huma mxandra mill-ġdid, bl-awtorizzazzjoni tal-korp tax-xandir, bħala parti minn pakkett ta’ programmi televiżivi u għalhekk miġbura flimkien, lill-abbonati tal-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita li jistgħu jaraw il-programmi simultanjament u fil-verżjoni oriġinali permezz ta' dekowder jew smartcard ipprovduta mill-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita?”
35. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Jannar 2010, il-Kawżi C‑431/09 u C‑432/09 ngħaqdu kemm għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
36. Airfield u Canal Digitaal, Sabam, kif ukoll Agicoa għamlu l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali u wieġbu bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan li jiġi kkjarifikat il-kuntest fattwali. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali. Il-Gvern Finlandiż ippreżenta biss l-osservazzjonijiet bil-miktub.
V – L-analiżi
A – Dwar l-ammissibbiltà
37. Preliminarjament, Agicoa tissottometti li d-Direttiva 93/83 ma għandhiex tapplika għall-kawża prinċipali u li konsegwentement iż-żewġ domandi preliminari huma inammissibbli, peress li l-interpretazzjoni mitluba mhix utli għall-qorti tar-rinviju biex tippermettilha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni li ntalbet tirriżolvi (12). Hija ssostni li huwa meħtieġ, għall-kuntrarju, li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, moqrija inkonnessjoni ma’ dawk tal-Artikolu 11A(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (13).
38. Insostenn tal-pretensjonijiet tagħha, hija tisħaq, fl-ewwel lok, li l-grupp ta’ ħidma dwar ix-xandir bis-satellita (14) rrakkomanda, waqt il-laqgħa tas-6 ta’ Mejju 2003 (15), li tiġi stabbilita distinzjoni ċara bejn “l-operatur ta’ pakkett bis-satellita [u] l-korp tax-xandir, sa fejn l-attività tiegħu hija kkostitwita minn pakkett ta’ servizzi li joriġina minn Stat Membru”, kif huwa l-każ ta’ Airfield fil-kawża preżenti. Hija tiddeduċi, mingħajr spejgazzjonijiet ulterjuri, li jkun inutli li jiġi invokat il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” u li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tagħti r-risposti għad-domandi magħmula.
39. L-Agicoa ssostni, barra minn hekk, li l-kawża prinċipali li tikkonċernha ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 93/83, peress li l-kwistjoni mhix waħda ta’ satellita fis-sens tal-Artikolu 1 tagħha (16).
40. Fl-aħħar nett, hija tqis li d-Direttiva 93/83 ma tistax tiġi applikata minħabba l-fatt li fil-kawża prinċipali, il-karattru transkonfinali previst fid-Direttiva 93/83 jew tal-inqas, dan l-element qatt ma ġie ppreċiżat minn Airfield.
41. Fir-rigward tal-ewwel motiv, li jipprovdi li d-domandi preliminari magħmula ma għandhom l-ebda rabta mal-għan tal-kawżi prinċipali jew huma ipotetiċi, infakkar li fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju hija, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa kemm il-ħtieġa tal-imsemmi rinviju biex tkun f’qagħda li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (17). Sakemm dawn ikunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tagħti deċiżjoni, ben konxja li skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jibbenefikaw mill-preżunzjoni tar-rilevanza (18).
42. Fil-kawża preżenti, ma jistax jiġi sostnut, mingħajr ma tiġi prodotta prova opportuna biex isaħħaħ din it-teżi, li ma huwiex utli, għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, li tingħata risposta għad-domandi li l-qorti tar-rinviju qieset kemm meħtieġa kif ukoll ġuridikament rilevanti illi tressaq sabiex tiddetermina kif għandha timplementa d-dritt applikabbli fil-Belġju, u partikolarment il-liġi relatata mad-dritt tal-awtur, fid-dawl tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/83, li ta’ min ifakkar, kif jenfasizzaw iż-żewġ deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ġiet trasposta fl-imsemmi Stat Memrbu permezz tal-imsemmija liġi.
43. It-tieni u t-tielet argumenti mressqa minn Agicoa, lanqas ma huma sostnuti. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-problema tan-nuqqas ta’ natura transkonfinali (19), ma tikkonċernax l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà, iżda hija kwistjoni ta’ fondatezza (20). Barra minn hekk, ma jidhirlix li fil-kawża preżenti, l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal konfini ta’ Stat Membru wieħed (21). Id-domanda għal deċiżjoni preliminari lanqas ma tista’ għalhekk tiġi ddikjarata inammissibbli fuq din il-bażi.
44. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni qal li hija ħassra li l-Hof van Beroep te Brussel ma kinitx iktar espliċita dwar il-fatti li taw lok għaż-żewġ kawżi prinċipali. Huwa qal li kien biss waqt il-qari tal-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawżi prinċipali li l-Kummissjoni waslet biex fehmet bis-sħiħ iċ-ċirkustanzi tal-kawża u xtaqet għalhekk li tikkompleta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (22). Konsegwentement wieħed bir-raġun jistaqsi jekk kull waħda mid-domandi għal deċiżjoni preliminari ġietx abbozzata b’mod li huwa suffiċjentement preċiż biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tippronunċja ruħha.
45. Fid-dawl tal-elementi li inizjalment ġew ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl ta’ dawk li immedjatament inġiebu għall-attenzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub u dik orali, fl-opinjoni tiegħi l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet il-kuntest fattwali li fih jidħlu d-domandi li hija ressqet skont ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja (23). Fil-fatt, l-informazzjoni fattwali, kif deskritta mill-Hof van Beroep te Brussel, għalkemm xi ftit kumplessa, mhix ekwivoka u tali li tinganna lill-qarrej. Id-diffikultà tal-Kummissjoni ġejja, fl-opinjoni tiegħi, mill-presuppożizzjoni illi għamlet, li l-kawżi inkwistjoni ma setgħux jikkonċernaw ħlief forma waħda ta’ attività.
46. Konsegwentement, inqis illi hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari hawn fuq indikati, u dan kif ġew magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/83.
47. Il-proposti illi ser inressaq għal dan il-għan, wara xi osservazzjonijiet ġenerali, ser isegwu d-distinzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju bejn, minn naħa, il-modi ta’ trażmissjoni li abbażi tagħhom il-korpi tax-xandir jirritrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programmi televiżivi tagħhom lejn is-satellita bil-kollaborazzjoni ta’ Airfield u ta’ Canal Digital (l-ewwel domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, il-mod ta’ kif ixandru l-programmi tagħhom, mingħajr l-għajnuna ta’ dan il-fornitur tal-pakketti bis-satellita u tal-kumpannija li magħha huma assoċjati (it-tieni domanda preliminari), b’konformità maċ-ċirkustanzi kif deskritti fl-espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali.
B – Osservazzjonijiet preliminari
48. Kif tispjega l-Qorti tar-rinviju biex tiġġustifika t-talba doppja tagħha għal deċiżjoni preliminari, meta adotta l-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 93/83, il-leġiżlatur ried jiddefinixxi l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” previst f’din id-direttiva, kunċett li huwa fil-mira tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, biex tiġi stabbilta ċertezza legali fuq livell Komunitarju.
49. Fil-fatt, mill-premessa 14 tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li l-għan tal-imsemmi artikolu huwa dak li jelimina l-inċertezza legali relatata mad-drittijiet li jridu jiġu kweżiti, li hija ta’ ostakolu għar-ritrażmissjoni transkonfinali ta’ programmi bis-satellita (24). Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett “fuq livell Komunitarju” dehret li hija meħtieġa biex tiġi evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ għadd ta’ liġijiet nazzjonali għall-istess att ta’ xandir, fid-dawl tal-impatt wiesgħa territorjali li trażmissjoni bis-satellita jista’ jkollha(25).
50. L-Artikolu 1(2) jagħti definizzjoni preċiża ħafna ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” fis-sens tad-Direttiva 93/83, li jindika wkoll il-post tal-att ta’ komunikazzjoni u li jżomm bħala l-uniku punt ta’ konnessjoni l-pajjiż tal-oriġini tax-xandira, u dan mingħajr ma jirreferi għal-liġi tal-Istati Membri. Dan il-kunċett awtonomu, jiġifieri li jappartjeni lid-dritt tal-Unjoni, għandu għalhekk ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi. Skont ġurisprudenza stabbilta (26) dan il-kunċett għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tat-termini kollha użati fid-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll skont l-għanijiet tiegħu (27), hawn fuq imfakkra, u fid-dawl tal-kuntest tiegħu, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-suġġett u l-atti konnessi tad-dritt tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2001/29 (28).
51. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, dwar il-punt li jiġi stabbilit jekk, fil-każijiet ta’ trażmissjonijiet ta’ programmi televiżivi, kif iddefiniti fiż-żewġ domandi preliminari, li xi ftit jew wisq jinvolvu, b’mod sinjifikattiv, lill-fornitur tal-pakketti bis-satellita, għandux jiġi kkunsidrat li:
– teżisti komunikazzjoni waħda lill-pubbliku bis-satellita, li tista’ tiġi attribwita lill-korp tax-xandir, li għalhekk ikun l-uniku li jkollu jikseb id-drittijiet tal-awtur relatati mal-programmi hekk imxandra,
– jew, kuntrarjament, li jeżistu żewġ komunikazzjonijiet lill-pubbliku bis-satellita, li huma distinti, tal-ewwel toriġina mill-korp tax-xandir lejn il-pubbliku tax-xandira primarja, it-tieni toriġina mingħand il-fornitur tal-pakkett bis-satellita lejn il-pubbliku li huwa kkostitwit mill-abbonati tiegħu (29), li jkun jimplika li d-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu osservati għal kull waħda minn dawn l-azzjonijiet.
52. L-ewwel u qabel kollox, nenfasizza li jrid jiġi eliminat kull riskju ta’ nuqqas ta’ ftehim marbut mal-kunċett ta’ trażmissjoni simultanja. Kuntrarjament għal trażmissjoni mhux diretta, tali “ritrasmissjoni”, li wkoll tikkwalifika bħala “ritrasmissjoni diretta”, kif ippreċiżat Sabam waqt is-seduta, issir b’mod parallel, jiġifieri fl-istess waqt, u bl-istess kontenut bħat-trażmissjoni inizjali tal-programmi, imsejħa “xandira primarja” fis-sens tad-Direttiva 89/552 (30), li għandha rabtiet stretti mad-Direttiva 93/83. Minkejja n-natura simultanja u mhux suċċessiva tagħhom, dawn iż-żewġ trażmissjonijiet għandhom jiġu distinti fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur li għalihom jistgħu jagħtu lok (31).
53. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni qalet li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija kkunsidrat il-possibbiltà ta’ trażmissjoni primarja ta’ programmi maħruġa direttament minn Airfield, li l-attività tagħha, sostnuta minn sempliċi produtturi ta’ materjal li jista’ jiġi trażmess, tista’ titqabbel ma’ dik ta’ korp tax-xandir, li mingħajr dubju jkollu, f’dan il-każ, jikseb l-awtorizzazzjoni tal-awturi biex iwettaq il-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita. Madankollu, fid-dawl tal-mod ta’ kif huma abbozzati d-domandi preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li l-ipotesi tal-qorti tar-rinviju hija għal kollox differenti, jiġifieri li hija biss waħda ta’ ritrażmissjoni diretta minn Airfield, li tirdoppja dik magħmula oriġinarjament u b’mod parallel, mill-korp tax-xandir. Fil-fatt, dawn iż-żewġ domandi jippreċiżaw li l-abbonati ta’ Airfield jaraw il-programmi b’mod “simultanju u mingħajr tibdil”, bl-implikazzjoni li dawn huma aċċessibbli fl-istess waqt bħalma huma l-programmi, permezz ta’ sistema tat-trażmissjoni li hija differenti minn dik ta’ Airfield, maħruġa mill-korp tax-xandir li “jforni” lil din tal-aħħar.
54. Fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-korp tax-xandir u l-fornitur tal-pakketti bis-satellita huma operaturi distinti fuq il-livelli strutturali u ekonomiċi, iżda x’inhi s-sitwazzjoni fuq il-livell ġuridiku, jiġifieri dwar l-isfruttament tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur? L-implikazzjoni tar-risposta li għandha tingħata hija sinjifikattiva peress li fl-ewwel każ hawn fuq indikat, l-awturi, permezz tad-dritt tagħhom li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-isfruttament, idaħħlu biss remunerazzjoni waħda li titħallas mill-korpi tax-xandir, filwaqt li fit-tieni każ, jibbenefikaw ukoll minn remunerazzjoni li titħallas mill-fornitur tal-pakketti bis-satellita.
55. Nosserva li l-Gvern Finlandiż iqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/83 ma jippermettux li tingħata risposta għad-domandi magħmula fiż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju preliminari u li għandu jsir riferiment għal-liġijiet tal-Istati Membri, kif stabbilit fis-sentenza Egeda (32), biex jiġi ddeterminat liema hija l-entità li twettaq il-“komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” u li għalhekk għandha tikseb l-awtorizzazzjoni tal-awturi tal-programmi televiżivi. Ma nikkondividix din l-opinjoni għaliex kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/83 kellu l-għan li jistabbilixxi kemm l-att tat-trażmissjoni tal-programmi li jikkostitwixxi l-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita kif ukoll il-persuna li hija reponsabbli għal dan l-att, li jkun ifisser għal din tal-aħħar, li jkollha tikseb id-drittijiet ta’ sfruttament (33).
C – Dwar l-awtorizzazzjoni li għandha tinkiseb fil-kuntest ta’ ritrażmissjoni indiretta ta’ stazzjonijiet televiżivi inklużi fil-pakkett bis-satellita
56. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Hof van Beroep te Brussel essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/83 tipprekludix li fornitur tal-pakketti bis-satellita għandu jikseb l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet relatati mal-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ ritrażmissjoni indiretta ta’ stazzjonijiet televiżivi minn korp tax-xandir, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali.
57. In-natura indiretta tal-operazzjonijiet ikkonċernati(34) hija marbuta mal-fatt li l-korp tax-xandir jipprovdi s-sinjali li jwasslu l-programmi, kemm b’kollegament fiss kif ukoll b’sinjal encrypted bis-satellita, mhux waħdu, iżda permezz tal-intermedjarju ta’ Airfield, li, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, hija indipendenti mill-imsemmi korp. Konkretament, dan il-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita jqabbad kumpannija li hija assoċjata tiegħu biex tagħmel l-encrypting tas-sinjali, jiġifieri Canal Digitaal, u jiżgura li dawn jiġu trażmessi ’l fuq lejn is-satellita Astra.
58. Biex tingħata risposta għad-domandi magħmula, wieħed irid ifakkar li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxi li l-awtur ta’ xogħol li huwa protett mid-drittijiet tal-awtur li tagħhom huwa d-detentur, għandu s-setgħa esklussiva li jawtorizza l-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita tal-imsemmi xogħol. Id-dispożizzjonijiet relevanti, għall-kawża preżenti, tad-Direttiva 93/83 huma dawk tal-Artikolu 1(2)(a) u (ċ), li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” fis-sens tal-istess direttiva.
59. Il-mod ta’ kif huma abbozzati d-dispożizzjonijiet juri li hemm bosta kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex l-attività inkwistjoni tkun tista’ tikkwalifika bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” u b’hekk tkun tinħtieġ l-awtorizzazzjoni min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet relatati max-xogħol trażmess.
60. Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar is-sensiela tal-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina, iżda mhux dwar ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari. Minn naħa, Airfield u Canal Digitaal iqisu li d-Direttiva 93/83 ma timponix l-obbligu fuq il-fornitur tal-pakkett bis-satellita li jikseb l-awtorizzazzjoni speċifika min-naħa tal-awturi tal-programmi, għar-raġuni li l-intervent ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxi servizzi tekniċi sempliċi. Min-naħa l-oħra, Agicoa u Sabam isostnu l-kuntrarju, billi jisħqu li l-“komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” titwettaq mhux biss mill-korpi tax-xandir iżda wkoll mill-imsemmi fornitur tal-pakketi bis-satellita.
61. L-ewwel nett, nosserva li l-kunċett ta’ “sinjali li jġorru l-programmi” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/83 ma jippreżenta l-ebda problema. Fil-fatt, ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li s-sinjali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali.
62. Agicoa u Sabam jargumentaw li l-imsemmija sinjali huma ddestinati għall-fornitur tal-pakketti bis-satellita, u mhux għall-pubbliku bħala tali, filwaqt li skont Airfield u Canal Digitaal, ma huwiex l-imsemmi fornitur li jittrażmetti lill-pubbliku, speċjalment fil-fażi tat-trażmissjoni ’l fuq.
63. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “pubbliku” li jistabbilixxi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/83, jirreferi għall-pubbliku inġenerali, u mhux għall-professjonisti (35). Għalhekk wieħed irid jeskludi mill-kwalifika ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita”, dik il-parti tal-atti tar-ritrażmissjoni li tikkorrispondi għas-sinjali riċevuti minn professjonista bħalma hija Airfield. L-ipotesi msemmija mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna dik l-attività li tibda bil-provvista tas-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha permezz ta’ korp tax-xandir u li twassal biex l-abbonati tal-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita jkunu jistgħu finalment jaraw il-programmi kkonċernati fl-integralità tagħhom, fl-istess waqt u mingħajr bidla fin-natura tagħhom. Fl-opinjoni tiegħi, huwa biss l-imsemmi pubbliku, anki jekk huwa sempliċiment potenzjali (36), li huwa relevanti fir-rigward tad-domanda preliminari.
64. Fil-kawża preżenti, il-pubbliku li huwa kkonċernat mill-attività ta’ Airfield huwa dak ikkostitwit mill-persuni li abbonaw magħha. Il-korp tax-xandir seta’ perfettament jiffoka fuq pubbliku differenti minn dan tal-aħħar peress li għandu jiġi ppreċiżat li l-ebda mill-korpi li l-programmi tagħhom huma riprodotti fil-pakkett ta’ Airfield ma rriżervaw esklussivament id-distribuzzjoni ta’ dawn is-sinjali lilu. Issa, din il-pożizzjoni dwar l-eżistenza ta’ “pubbliku ġdid” ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, li tikkonċerna l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tss-satellita” kif prevista mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (37), li essenzjalment għandha l-għan li tissotitwixxi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 (38). Fil-kawża preżenti, jista’ jiġi kkunsidrat li għandha ssir distinzjoni bejn il-komunikazzjoni lill-pubbliku li ssir inizjalment mill-korp tax-xandir u li tista’ tinqabad mingħajr ħlas minn kwalunkwe persuna li jkollha għad-dispożizzjoni taghha l-apparat idoneju li jagħti aċċess, u dik imwettqa mill-fornitur tal-pakketti bis-satellita, li mhix aċċessibbli ħlief mill-abbonati li tkun ingħatatilhom il-kard tad-decrypting. Peress li l-pubbliku tagħhom huwa differenti, l-interessi ekonomiċi ta’ dawn iż-żewġ operaturi, li skont it-termini taż-żewġ d-deċiżjonijiet tar-rinviju huma indipendenti, huma wkoll distinti (39).
65. Waqt is-seduta, Airfield ammettiet li l-awtorizzazzjoni speċjali tal-awturi, li twassal għal remunerazzjoni oħra favur tagħhom, tkun meħtieġa fl-ipotesi mhux ivverifikata fil-kawża preżenti, fejn ikun hemm diskrepanza fiż-żmien bejn ir-ritrażmissjoni tagħha u dik imwettqa mill-korpi tax-xandir. Madankollu, kif qalu Sabam u l-Kummissjoni, mhux daqshekk importanti li t-trażmissjoni mill-fornitur tal-pakketti bis-satellita ma tkunx diretta jew, kif huwa l-każ tal-kawżi prinċipali, tkun simultanja. Il-kriterju essenzjali, biex ikun hemm atti separati ta’ sfruttament, huwa li Airfield aġixxiet b’tir partikolari, jiġifieri l-pubbliku li kien speċifikament fil-mira tagħha u dan permezz tat-tqassim tal-programmi fi gruppi, li joffri żieda fil-valur ekonomiku lill-fornitur tal-pakketti bis-satellita.
66. Airfield tiddefinixxi l-pubbliku tagħha bil-formazzjoni ta’ pakketti ta’ stazzjonijiet televiżivi, li huma, skont id-definizzjoni, prodott awdjoviżiv differenti mill-istazzjonijiet individwali li minnhom huma komposti. Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, tista’ tkun kemm xandira primarja maħruġa minn Airfield, kif ukoll ritrażmissjoni, iżda fiż-żewġ każijiet, il-fornitur tal-pakkett bis-satellita għandu jkollu l-awtorizzazzjoni tiegħu mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. L-unika eċċezzjoni li tista’ tiġi aċċettata, fl-opinjoni tiegħi, hija dik li fiha, skont il-ftehim kuntrattwali magħmul mal-awturi u f’konformità mal-liġi nazzjonali (40), il-korp tax-xandir seta’ jagħmel ċessjoni tal-awtorizzazzjoni tiegħu lill-fornitur tal-pakketti bis-satellita li jwettaq ritrażmissjoni li tkun simultanja. Issa, din il-possibbiltà tidher li hija eskluża fil-kawża preżenti fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija minn Sabam matul is-seduta, li ppreċiżat li l-kuntratti ġenerali ta’ awtorizzazzjoni u ta’ remunerazzjoni li hija kkonkludiet mal-korpi tax-xandir kkonċernati kienu jeżiġu li dawn jiżguraw huma stess it-trażmissjoni tax-xogħlijiet protetti u kienu jeskludu espressament il-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jirrikorru għand terzi biex jiddistribwixxu jew jittrażmettu mill-ġdid il-programmi li fir-rigward tagħhom tkun ingħatatilhom l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
67. Wara li enfasizzaw li d-Direttiva 93/83 ma tiddefinixxix b’mod ċar il-kunċett tal-“att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni [korp] tax-xandir” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tal-imsemmija direttiva, Airfield u Canal Digitaal iqisu li huma jintervjenu fil-kwalità ta’ sempliċi sotto-kuntratturi, li ma jagħmlux ħlief jagħtu għajnuna teknika lill-korpi tax-xandir u dan peress li huma la jiddeċiedu dwar il-kontenut tal-programmi mxandra u lanqas dwar il-ħin tat-trażmissjoni (41).
68. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kienet tal-fehma illi l-fornitur tal-pakkett bis-satellita kien qed jaġixxi madankollu bħala korp tax-xandir, inkwantu huwa jagħti, minn tal-inqas, l-istruzzjonijiet u jopera grupp ta’ stazzjonijiet televiżivi. Agicoa u Sabam jirrifjutaw ukoll l-analiżi ta’ Airfield u ta’ Canal Digitaal għar-raġuni li dawn tal-aħħar għandhom ir-rwol li “jiffaċilitaw” fir-rigward tal-korpi tax-xandir li magħhom ġew konklużi l-kuntratti.
69. Nosserva fil-kawża preżenti, li skont l-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala ċert il-fatt li “[l-]korp tax-xandir jittrażmetti s-sinjali tiegħu li jwasslu programm, […] lil fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita”. Minn dan jirriżulta li huwa sewwasew l-imsemmi korp li jidher li huwa l-oriġini tal-proċess ta’ komunikazzjoni. Għad irid jiġi magħruf jekk huwiex hu, u mhux Airfield, li jwettaq “l-att ta’ introduzzjoni” relatat mal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita, fis-sens tad-Direttiva 93/83, jew jekk jillimitax ruħu, bħala sempliċi produttur ta’ materjal li jista’ jiġi trażmess, għall-provvista tal-kontenut awdjoviżiv, li t-trażmissjoni tiegħu bis-satellita hija ġuridikament u teknikament imwettqa taħt il-kontroll ta’Airfield u Canal Digitaal.
70. Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta tinsab fil-kuntratti ta’ twassil li Airfield tikkonkludi mal-korpi tax-xandir. Fil-fatt, mill-paragrafu 7.2 tal-“carriage agreement” li jinsab fil-proċess jirriżulta li Airfield għandha s-setgħa diskrezzjonali li tagħżel il-programmi televiżivi li tixtieq tinkludi fl-offerta tagħha, vantaġġ dan li l-akkwist tiegħu jitħallas b’remunerazzjoni. Għalhekk huwa l-fornitur tal-pakketti bis-satellita li jiddefinixxi l-kontenut ta’ dak li jiġi trażmess ’l fuq. Konsegwentement, bħala dak responsabbli mill-komunikazzjoni lill-pubbliku, huwa għandu jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.
71. Infakkar li l-effettività tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83 hija li tiddefinixxi l-att ta’ sfruttament li huwa relevanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-kuntest tax-xandira bis-satellita. Is-soluzzjoni adottata mil-leġiżltur Komunitarju tagħmel sens biss jekk il-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita tinftiehem bħala sekwenza kawżali unika u magħluqa, li tikkonsisti fl-att ta’ introduzzjoni ta’ sinjali, segwit minn trażmissjoni ’l fuq lejn is-satellita, imbagħad minn trażmissjoni ’l isfel, u dan kollu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tal-korp tax-xandir li jkun wettaq ix-xandira primarja.
72. Il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li fid-dawl tal-għan taċ-ċertezza legali msemmi fid-Direttiva 93/83, ikun jaqbel li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha ma tkunx tiddependi mill-inċertezzi tekniċi marbuta mas-satellita. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa meħtieġ li s-sistema tat-trażmissjoni tkun magħluqa, fis-sens li l-pubbliku ma għandux ikollu aċċess għas-sinjali li jwasslu l-programmi, sakemm jidħlu fil-katina tal-komunikazzjoni (42). Inqis li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti, peress li l-ebda interċetazzjoni minn terz ma hija possibbli għaliex is-sinjal trażmess huwa encrypted.
73. Airfield u Canal Digitaal isostnu li peress li l-interventi tagħhom huma limitati għal “proċeduri tekniċi normali”, huma ma jistgħux jitqiesu bħala li jistgħu jirrappreżentaw interruzzjoni tas-sinjal (43), skont is-dispożizzjonijiet tal-premessa 14 tad-Direttiva 93/83 (44). Waqt is-seduta, il-partijiet ikkonċernati argumentaw li l-kompożizzjoni tal-pakketti bis-satellita ma tikkawżax interruzzjoni peress li l-programmi huma ritrażmessi kif ikunu ġew riċevuti mill-korp tax-xandir, mingħajr tibdil fil-kontenut jew fil-ħin tat-trażmissjoni tagħhom, u li x-xogħlijiet tekniċi li jwettqu ma jikkostitwixxux għalhekk atti li jagħtu lok għal dritt ta’ ġbir tad-drittijiet tal-awtur.
74. Fid-dawl ta’ kliem id-domanda preliminari u l-elementi li jinsabu fil-proċess, nikkondividi l-analiżi kuntrarja ta’ Agicoa u ta’ Sabam li tipprovdi li l-imsemmija interventi (45) jeħtieġu adattament tekniku tas-sinjali trażmessi mill-korpi tax-xandir, bil-konsegwenza li jkun hemm interruzzjoni fil-katina ta’ komunikazzjoni. Għandu jiġi osservat li Airfield, bl-għajnuna teknika ta’ Canal Digitaal, timmodifika n-natura tas-sinjali trażmessi mill-korpi tax-xandir u tuża l-frekwenza tagħha biex tittrażmetti l-programmi televiżivi, u dan jippermetti li wieħed iqis li dan il-fornitur tal-pakketti bis-satellita jaġixxi b’mod awtonomu fir-rigward tal-imsemmi korp. Inqis li dawn l-atti jmorru lil hinn mill-“proċeduri tekniċi normali” (46), li hemm interruzzjoni fil-katina ta’ komunikazzjoni li inizjalment kienet infetħet mill-korpi tax-xandir u li katina ġdida hija għalhekk maħluqa u ddefinita minn Airfield. Dan jippermettilha li torjenta r-ritrażmissjoni bis-satellita tal-programmi kkonċernati lejn pubbliku differenti minn dak tal-korp tax-xandir li jkun wettaq ix-xandira primarja, anki jekk it-trażmissjoni ta’ dawn il-programmi hija simultanja u l-kontenut tagħhom huwa għal kollox identiku.
75. Meta wieħed jaqra ż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, jidher li l-qorti nazzjonali titlaq mill-ipotesi li dawn is-sinjali li jwasslu l-programmi, huma trażmessi f’forma encrypted li tiġi riċevuta f’dan l-istat mill-abbonati tal-fornitur tal-programmi bis-satellita, li tingħatalhom kard li tippermettilhom illi s-sinjali jiġu decrypted. Il-każ ipotetiku kkunsidrat jaqa’ għalhekk fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 93/83.
76. Airfield tindika li l-korpi tax-xandir qablu li hija tbiegħ dawn il-kards lill-klijenti tagħha. Skont Agicoa u Sabam, il-prova ta’ dan l-allegat kunsens ma ġietx madankollu prodotta mill-partijiet ikkonċernati. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk inġabux il-provi suffiċjenti.
77. Waqt is-seduta, Airfield saħqet, fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, li l-korpi tax-xandir jitolbu l-għajnuna teknika tagħha biex il-programmi jiġu encrypted, preċiżament biex dawn ma jkunux jistgħu jiġu riċevuti ħlief fit-territorju magħżul, jiġifieri l-Fjandra Belġjana, u ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali (47). Fl-opinjoni tiegħi, dan juri, li l-intervent tal-fornitur tal-pakketti bis-satellita għandu impatt sinjifikattiv fuq l-orjentament tal-“komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita” fis-sens tad-Direttiva 93/83. Fl-opinjoni tiegħi, l-awtorizzazzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jagħtu lill-korp għall-att ta’ sfruttament li jikkonsisti fit-trażmissjoni ta’ xandiriet primarji bis-sattellita ma tistax titqies li tkopri r-ritrażmissjoni tal-istess programmi minn operatur indipendenti lill-klijenti tiegħu li jikkostitwixxu pubbliku differenti.
78. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis li l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta fin-negattiv, jiġifieri li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 93/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma huwiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li d-dritt ta’ Stat Membru jeżiġi li fornitur ta’ pakketti bis-satellita jikseb awtorizzazzjoni partikolari biex juża sinjali li jwasslu programmi li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, meta dawn is-sinjali huma ritrażmessi b’mod indirett minn korp tax-xandir, li jimplika parteċipazzjoni rinforzata tal-imsemmi fornitur, f’ċirkustanzi bħala huma dawk tal-kawżi prinċipali.
D – Dwar l-awtorizzazzjoni li trid tinkiseb fil-kuntest ta’ ritrażmissjoni diretta ta’ stazzjonijiet televiżivi inklużi fil-pakkett bis-satellita
79. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-Hof van Beroep te Brussel essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/83 tipprekludix li fornitur ta’ pakketti bis-satellita għandu jikseb l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet relatati mal-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti fil-kuntest tar-ritrażmissjoni diretta ta’ stazzjonijiet televiżivi minn korp tax-xandir fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża inkwistjoni.
80. L-elementi li jagħmlu lil din id-domanda preliminari differenti minn tal-ewwel ma jirrigwardawx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni, għaliex il-kwistjoni tibqa’ dejjem waħda li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva, iżda mal-informazzjoni fattwali tal-kawżi prinċipali li hija fil-mira tad-domanda għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, fil-każ ipotetiku li tirreferi għalih fis-“sitwazzjoni 2”, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra qsim tar-rwoli differenti fejn il-korp tax-xandir huwa iktar attiv fit-trażmissjoni tal-istazzjonijiet televiżivi proposti mill-fornitur tal-pakketti bis-satellita, b’mod iktar preċiż matul l-istadju inizjali tal-proċess li jikkostitwixxi t-trażmissjoni ’l fuq (48).
81. F’din l-ipotesi, ir-ritrażmissjoni tista’ tikkwalifika bħala “diretta”, għaliex il-korp tax-xandir jiżgura huwa stess, jew bl-għajnuna ta’ terzi, li s-sinjali li jwasslu l-programmi jiġu encrytpted u mibgħuta lejn is-satellita, mingħajr l-intervent ta’ Airfield u Canal Digitaal. Il-fornitur tal-pakketti bis-satellita u l-impriża assoċjata miegħu sempliċiment jagħtu lill-imsemmi korp l-“istruzzjonijiet”, skont it-terminoloġija użata fit-tieni domanda preliminari.
82. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoniet tal-Artikolu 1(2)(a) u (ċ) tad-Direttiva 93/83, li ġew analizzati fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari japplikaw ukoll f’dan ir-rigward. Għalkemm, il-kundizzjonijiet ġenerali li ġew preċedentement żviluppati fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet jibqgħu validi anki hawnhekk, dawn għandhom, min-naħa l-oħra, ikunu s-suġġett ta’ eżami konkret li jirrigwarda din is-sitwazzjoni,, fid-dawl tad-differenzi li jirriżultaw meta din titqabbel mas-sitwazzjonijiet l-oħra esposti mill-qorti tar-rinviju.
83. Il-partijiet fil-kawża prinċipali jadottaw l-istess pożizzjonijiet kuntrarja bħal dik fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari. Fid-dawl tal-fatt li l-involviment tal-fornitur tal-pakketti bis-satellita fis-sitwazzjoni kkonċernata huwa, ex hypothesi, iktar limitata f’dan il-każ milli fil-każ ippreżentat fid-domanda preċedenti, jekk jirriżulta li kienet ingħatat risposta fl-affermattiv għal din tal-aħħar, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha a fortiori tqis li ma tistax teżiġi mill-imsemmi fornitur li jikseb awtorizzazzjoni minħabba ritrażmissjoni żgurata b’mod iktar attiv mill-korp tax-xandir. Minn issa nippreċiża li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 93/83 interpretazzjoni li twassal għal risposta opposta fiż-żewġ każijiet ipotetiċi.
84. Kif ġie espost fir-rigward tal-ewwel domanda, huwa permess li jiġi kkunsidrat li s-sinjali li jwasslu l-programmi televiżivi li l-korp tax-xandir jittrażmetti, din id-darba b’mod dirett, fil-fażi tat-trażmissjoni ’l fuq ma humiex maħsuba bħala tali li biex jinqabdu mill-pubbliku, minkejja li huma maħsuba li jinqabdu fil-fażi tat-trażmissjoni ’l isfel. Madankollu, dawn is-sinjali jolqtu, fi tmiem il-katina tal-komunikazzjoni, li trid tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha, il-pubbliku speċifiku, u għalhekk ġdid fuq il-livell ekonomiku, li huwa kkostitwit mill-klijenti ta’Airfield.
85. Fl-opinjoni tiegħi, anki hawnhekk il-fornitur tal-pakketti bis-satellita jintervjeni sa mill-ewwel stadju tat-trażmissjoni, anki jekk b’mod iktar sommarju milli fl-ipotesijiet imsemmija fl-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, skont iż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, huwa jagħti l-“istruzzjonijiet” tiegħu lill-korpi tax-xandir ikkonċernati biex dawn jużaw, waqt il-proċess tal-encrypting li għalih huma stess huma responsabbli, l-istess kodiċijiet bħal tiegħu biex sussegwentement il-klijenti ta’ Airfield ikunu jistgħu jagħmlu d-decrypting tas-sinjali permezz tal-kard li hija tipprovdilhom, u jaraw il-programmi tal-imsemmija korpi.
86. F’dan il-każ ipotetiku, ma jistax jiġi kkontestat li s-sinjali li jwasslu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-korp tax-xandir għaliex, u din hija d-differenza l-iktar notevoli bejn din is-sitwazzjoni u dik meqjusa preċedentement, l-imsemmi korp jibgħat dawn is-sinjali lejn is-satellita permezz tal-mezzi tiegħu. Dan l-att jidher għalhekk li seta’ jiġi attribwit lill-korp tax-xandir u mhux lill-fornitur, peress li ġie mfakkar li l-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn huma entitajiet indipendenti waħda mill-oħra.
87. Madankollu, il-korpi tax-xandir jitilfu l-kontroll tal-operazzjonijiet minħabba l-involviment ta’ Airfield. Konkretament, din tal-aħħar tipprovdi iktar minn sempliċi sostenn tekniku, għaliex hija tiddefenixxi, minn naħa, iċ-ċwievet għall-encrypring u, min-naħa l-oħra, il-kompożizzjoni tal-pakketti tal-programmi, taħt il-kundizzjonijiet vinkolanti previsti fil-“heads of agreement” li hija tikkonkludi ma’ kull wieħed mill-korpi tax-xandir li jagħżlu trażmissjoni hekk imsejħa diretta. B’mod partikolari, il-paragrfu 3.1 tal-imsemmija kuntratti jipprovvdi li Airfield għandha s-setgħa diskrezzjonali li tinkludi jew le l-programmi televiżivi fl-offerta tagħha, bil-ħlas ta’ remunerazzjoni għall-vantaġġ hekk konċess. F’dawn il-kundizzjonijiet jidhrli li l-korpi kkonċernati ma għandhomx il-kontroll totali, u għalhekk lanqas ma għandhom ir-responsabbiltà sħiħa tal-azzjonijiet relatati mat-trażmissjoni ’l fuq, iżda tal-inqas jaqsmu dawn l-attributi mal-fornitur tal-pakketti bis-satellita, b’dan tal-aħħar ikun id-detentur uniku tagħhom.
88. Skont Airfield, l-intervent limitat tagħha fil-katina ta’ komunikazzjoni huwa proċedura teknika normali u ma jikkostitwixxix kawża għall-interruzzjoni tagħha. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-“istruzzjonijiet” illi tagħti ma humiex negliġibbli għaliex dawn huma frekwenti (49) u, fuq kollox, għaliex huma dawn li, minn naħa, jiggarantixxu li l-pubbliku identifikat mill-imsemmi fornitur, jiġifieri l-persuni li jkunu abbonaw miegħu, ikun jista’ jirċievi l-programmi trażmessi u jagħmel id-decrypting (50) tagħhom, u min-naħa l-oħra, jippermettu li dawn il-programmi jitpoġġew fi gruppi ta’ pakketti komposti skont l-għażla magħmula mill-fornitur.
89. Issa, l-awtorizzazzjoni għall-komunikazzjoni lill-pubbliku li l-awtur ta’ programm televiżiv jagħti lill-korp tax-xandir mhux bilfors li tikkorrispondi għall-kunsens biex dan tal-aħħar isib ruħu assoċjat, permezz tal-mod ta’ kif Airfield tagħżel li tiġbor flimkien il-programmi, ma’ programmi oħra li n-natura u l-għan tagħhom jistgħu jidhru li ftit li xejn huma kompatibbli mal-pubbliku li l-awtur tal-imsemmi xogħol protett kellu fil-mira tiegħu (51). Il-fatt li l-fornitur tal-pakketti bis-satellita għandu wkoll l-obbligu li jikseb l-awtorizzazzjoni tal-awtur jippermettilu li jżomm kemm l-interessi finanzjarji tiegħu kif ukoll id-drittijiet legali fuq il-programm trażmess fi grupp.
90. Il-mekkaniżmu tad-decrypting li huwa meħtieġ biex wieħed ikun jista’ jara x-xandiriet ikkonċernati u li l-fornitur tal-pakketti bis-satellita jagħti lill-abbonati tiegħu, jidher li jsir bi ftehim mal-korp tax-xandir. Peress li dan il-fatt huwa kkontestat, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk il-prova fir-rigward tiġix prodotta.
91. Dan l-aħħar element ma jiddisturbax l-analiżi tiegħi li l-fornitur tal-pakketti bis-satellita jwettaq, fil-fatt, att ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet protetti kemm mid-drittijiet tal-awtur, kif ukoll mid-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, li huwa distint minn dak tal-korp tax-xandir u li jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” fis-sens tad-Direttiva 93/83 (52).
92. Għalhekk, inqis li t-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta fin-negattiv, kif ingħatat għall-ewwel domanda preliminari, anki jekk is-sinjali li jwasslu l-programmi huma, f’dan il-każ, ritrażmessi direttament mill-korp tax-xandir, għaldaqstant bl-intervent iktar moderat tal-fornitur tal-pakketti bis-satellita, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.
VI – Konklużjoni
93. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq esposti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari mressqa mill-Hof van Beroep te Brussel:
“Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, ma tipprekludix li fornitur ta’ pakketti ta’ stazzjonijiet televiżivi bis-satellita jkun obbligat jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, jew tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, għal operazzjonijiet li fihom korp tax-xandir jipprovdilu s-sinjali li jwasslu l-programmi tiegħu f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1,p. 134
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224, Din id-direttiva ġiet emendata fl-1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321) u fl-2007 (ĠU L 332, p. 27)
4 – Ara il-premessi 4, 5 u 12 tad-Direttiva 93/83.
5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230
6 – Fis-sentenza tas-7 ta’ Diċemrbu 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li filwaqt li d-Direttiva 93/83 kienet tipprevedi biss armonizzazzjoni minima ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita jew ta’ ritrażmissjoni bil-cable ta’ xandiriet li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra, id-Direttiva 2001/29 tapplika għall-komunikazzjonijiet kollha lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti.
7 – Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297. L-imsemmija liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 1994.
8 – L-element iċċitat bejn il-parentiżi ġie miżjud permezz tal-liġi tat-22 ta’ Mejju 2005, li ttrasponiet fid-dritt Belġjan id-Direttiva 2001/29.
9 – Il-qorti tar-rinviju tindika li ġiet ippreżentata biss il-verżjoni Ingliża tal-imsemmija kuntratti.
10 – B’mod iktar preċiż, Agicoa Belgium, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twettaq din l-attività b’eżekuzzjoni tal-mandati ta’ amministrazzjoni fdati lilha kemm mill-“assoċjazzjoni għall-amminsitrazzjoni internazzjonali kollettiva ta’ xogħlijiet awdjoviżivi”, fil-qosor l-AGICOA, assoċjazzjoni stabbilita skont il-liġijiet tal-Iżvizzera, kif ukoll mill-“beheers‑en belangenvennootschap voor audiovisuele producenten”, fil-qosor il-BAVP, kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata stabbilita skont il-liġijiet tal-Belġju.
11 – Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-ħarsien ta’ xogħlijiet litterarji u artistiċi, Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ‘il quddiem “Il-Konvenzjoni ta’ Berna”).
12 – F’dan ir-rigward, Agicoa tirreferi għas-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, Ġabra p. I‑607, punt 19) u tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punt 22) li jistipulaw, b’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, li “r-rifjut li tingħata deċiżjoni għal domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali mhix possibbli ħlief meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitraju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u tad-dritt meħtieġa biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
13 – “L-awturi ta’ xogħlijiet litterarji u artistiċi għandhom igawdu mid-dritt esklussiv li jawtorizzaw: […] ii) kwalunkwe komunikazzjoni pubblika, permezz tal-wajer jew fl-arja, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni titwettaq minn korp ieħor għajr dak tal-oriġini;” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
14 – Il-minuti tal-laqgħa li l-imsemmi grupp ta’ ħidma kellu, fit-28 ta’ Novembru 2002, jfakkru li “[i]l-konsultazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kkonċernti […] tħabbret fir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-[Direttiva 93/83]”. Dawn il-minuti huma accessibili fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni:‑cable/working‑group‑satellite_fr.pdf,).
15 – Il-minuti tat-tieni laqgħa, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni: ‑cable/working‑group‑satellite‑05‑03_fr.pdf.
16 – Kunċett li l-imsemmi artikolu jiddefinixxi kif ġej: “kull satellita li taħdem fuq faxxi ta’ frekwenza li, skond il-liġi ta’ telekomunikazzjoni, jkunu riservati għax-xandir ta’ sinjali għal reception mill-pubbliku jew li jkunu riservati għal komunikazzjoni magħluqa, point-to-point.” Dwar dan is-suġġett, ara l-punt 33 et seq. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lagardère Active Broadcast (C‑192/04, Ġabra. p. I‑7199)
17 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, SGAE (C‑467/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 21 et seq., kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u punti 48 et seq. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fl-imsemmija kawża.
18 – Preżunzjoni li reċentiment ġiet imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).
19 – Nippreċiża li hija din il-problema li l-grupp ta’ ħidma dwar ix-xandir bis-satellita invoka waqt it-tieni laqgħa tiegħu, li seħħet fl-2003. Fil-fatt, l-estratt iċċitat mill-Agicoa, imsemmi iktar ’il fuq, ikompli hekk: “F’dan ir-rigward, is-servizzi tal-Kummissjoni fakkru li huma biss dawk l-attivitajiet li għandhom dimensjoni transkonfinali li jistgħu jitqiesu fil-kuntest tad-[Direttiva 93/83] u li l-attività tar-ritrażmissjoni ta’ stazzjonijiet nazzjonali minn operatur ta’ pakkett tas-satellita għar-riċezzjoni mill-publiku fil-limiti tal-fruntieri nazzjonali, ma setgħetx taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-imsemmija [d]irettiva imsejsa fuq l-Artikoli 43 u 49 tat-Tratta KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-provvediment liberu tas-servizzi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
20 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK Heimdienst (C‑254/98, Ġabra p. I‑151, punti 14 u 15).
21 – Fil-fatt, skont iż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, il-fornitur tal-pakketti bis-satellita huwa kumpannija Belġjana, li tikkolabora ma’ kumpannija Olandiża, fejn is-sinjali li jwasslu l-programmi huma riċevuti kemm fl-Olanda kif ukoll fil-Lussemburgu, u l-programmi trażmessi permezz tas-satellita joriġinaw minn għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni u l-pubbliku li jista’ jarahom jista’ jkun stabbilit f’territorji differenti, partikolarment fil-Belġju u fil-Lussemburgu.
22 – Il-Kummissjoni indikat li, peress li għandha id-dubji tagħha dwar il-punt li jiġi stabbilit jekk it-trażmissjonijiet operati minn Airfield kinux xandiriet primarji, kif hija kienet ippreżumiet fin-noti tagħha, jew, inkella, ritrażmissjonijiet, ma għandhiex l-intenzjoni li tbiddel il-pożizzjoni inizjali tagħha, kemm-il darba l-qorti tar-rinviju kellha tqis li l-kawża inkwistjoni tikkonċerna xandiriet primarji, iżda li żżid xi elementi biex twieġeb ukoll għall-ipoteżi l-oħra.
23 – Jiġifieri, skont ġurisprudenza stabbilita (partikolarment is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’mod li mhux biss il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tagħti risposti utli biex jissolvew il-kawżi prinċipali, iżda wkoll li l-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll partijiet oħra interessati, kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
24 – L-imsemmi għan huwa wkoll stipulat fil-premessa 5 tad-Direttiva 93/83.
25 – Ara l-proposta tal-Kummissjoni li kienet wasslet għad-Direttiva 93/83, COM(91) 276 finali, p. 33 et seq., ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, COM(2002) 430 finali, speċifikament p. 6 sa 8, kif ukoll is-sentenzi tat-3 ta’ Frar, Egeda (C‑293/98, Ġabra p. I‑629, punti 15, 20 u 21) u tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast (C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punti 41 u 42).
26 – Partikolarment is-sentenza SGAE (C‑467/08, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
27 – Ara, pereżempju, is-sentenza Lagardère Active Broadcast (iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 et seq.).
28 – Ara, partikolarment, il-Konvenzjoni ta’ Berna u t-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur adottat f’Ġinevra, fl-20 ta’ Diċembru 1996, mill-Organizzazzjoni dinjija tal-propjetà intelletwali (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittjiet tal-awtur”). Dwar ir-rabtiet eżistenti bejn il-kunċett tal-“komunikazzjoni lill-pubbliku” misjub f’dawn it-testi u l-istess kunċett fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ara l-punti 35 et seq. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża SGAE (iċċitata iktar ’il fuq), kif ukoll, il-punti 127 et seq. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Football Association Premier League et, C‑403/08, li għadha pendenti.
29 – Nosserva li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/83, relatat mal-“akkwist tad-drittijiet tax-xandir”, jipprovvdi li “Stat Membru jista’ jipprovvdi li ftehim kollettiv bejn soċjetà li tiġbor u organizzazzjoni [korp] tax-xandir dwar xi kategorija partikolari ta’ xogħlijiiet jista’ jkun estiż għal dawk li jkollhom jeddijiet tal-istess kategorija li ma jkunux rappreżentati mis-soċjetà li tiġbor, sakemm il-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita tkun bħala xandir terrestri mill-istess xandar […]”. F’dan il-kuntest, il-korp tax-xandir jibbenefika biss mis-sistema msemmija jekk kien hemm trażmissjoni primarja b’mod parallel mal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita.
30 – L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 93/83, kien jiddikjara li, “[g]ħall finijiet ta’ din id-direttiva, “xandir bit-televiżjoni” tfisser it-trasmissjoni inizjali [primarja] permezz tal-wajer jew fl-arja, fissa jew bis-satellita, fil-forma bla code jew bil-code, ta’ programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku. Tinkludi l-komunikazzjoni ta’ programmi bejn intrapriżi bl-iskop li dawn jiġu trażmessi lill-pubbliku. […]”. Min-naħa l-oħra, jidhirli li d-Direttiva 93/83 ma tapplikax għal xandiriet primarji bis-satellita, peress li għandu jitfakkar li din tirregola wkoll ir-ritrażmissjoni bil-cable.
31 – Wieħed irid iqabbel l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83, dwar it-trażmissjoni bil-cable, li jistabbilixxi li “[g]ħall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘ritrasmissjoni bil-cable’ tfisser it-ritrasmissjoni simultanja, mhux alterata u mhux imqassra bil-cable jew sistema ta’ microwave għal reception mill-pubbliku għal trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-wire jew over the air, inkluża dik bis-satellita, jew programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku.”
32 – Iċċitata iktar ’il fuq (punt 25 et seq.). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
33 – Ara l-proposta inizjali tad-Direttiva, COM(91) 276 finali, p. 33, punt 3, u l-proposta emendata tad-Direttiva, COM(92) 526 finali, speċifikament. p. 7.
34 – Jiġifieri s“-sitwazzjoniiet 1 u 3” esposti mill-qorti tar-rinviju, kif opposti għas-“sitwazzjoni 2” li l-kontenut tagħha ġie mfakkar supra, fil-kuntest fattwali.
35 – Dwar il-kunċett ta’ “pubbliku” fis-sens tad-Direttiva 93/83, ara s-sentenza Lagardère Active Broadcast (iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 et seq.), li tikkwota s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel (C‑89/04, Ġabra p. I‑4891, punt 30), li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fis-sens tad-Direttiva 89/552. Il-Qorti tal-Ġustizzja irreferiet għal dawn iż-żewġ sentenzi biex tinterpreta l-istess kunċett fis-sens tad-Direttiva 2001/29, fis-sentenza SGAE (C‑306/05, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 et seq.).
36 – Ma jaffettwax il-fatt jekk il-programmi trażmessi intwerewx jew le, l-istess bħall-każ tal-ktieb, huwa l-att tal-lettur potenzjali li jgħodd biex jiġġustifika l-ħlas tad-drittijiet tal-awtur f’każ ta’ bejgħ.
37 – Fis-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna, tistabbilixxi li “[it]-trażmissjoni [ta’ xogħlijiet ikkomunikati permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar tal-lukandi] ssir lil pubbliku differenti mill-pubbliku intiż mill-att ta' komunikazzjoni oriġinali tax-xogħol, jiġifieri pubbliku ġdid”. Peress li l-qbid tax-xandiriet ikkonċernati jsir bl-intenzjoni ta’ udjenza iktar vasta, permezz ta’ att indipendenti li bih ix-xogħol trażmess jiġi kkomunikat lill-pubbliku ġdid, din ir-riċezzjoni pubblika tagħti lok għad-dritt esklussiv tal-awtur li jawtorizza. Ara wkoll d-Digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon (C-136/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 et seq.), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokoyy fil-Kawża Football Association Premier League et iċċitata iktar ’il fuq (punti 118 et seq.).
38 – F’dan is-sens B. Hugenholtz, (“Nouvelle lecture de la Directive Satellite‑Câble: passé, présent, avenir”, IRIS Plus 2009‑8, Convergence, droit d’auteur et télévision transfrontière, pubblikazzjoni tal-Osservatorju Ewropew tal-awdjoviżiv, Strassburgu, p. 10), li jindika li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li l-mod ta’ kif huwa abbozzat tant huwa ġenerali li x’aktarx li jiġbor fih l-atti tax-xandir bis-satellita. Nosserva wkoll li l-premessa 23 tal-imsemija direttiva tistipula li dan id-dritt għandu jiġi intiż f’sens wiesgħa u jkopri kwlaunkwe trażmissjoni jew ritrażmizzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni, partikolarment ix-xandira.
39 – Dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-atti autonomi mwettqa minn operatur u dwar il-vantaġġ li jieħu minnhom, ara l-konkluzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, li tirreferi għall-pożizzjoni meħuda f’dan ir-rigward mill-Avukat Ġenerali fil-Kawża Egeda, iċċitata iktar ’il fuq. In-natura lukrattiva tal-komunikazzjoni ġiet aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża SGAE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
40 – Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 93/83.
41 – Il-kriterji għal deċiżjoni inekwivoka, kemm għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut kif ukoll mat-trażmissjoni huma effettivament importanti fid-dawl tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 93/83 [ara COM(91) 276 finali, p. 33 et seq., kif ukoll COM(92) 526 finali, p. 7].
42 – Fil-punt 39 tas-sentenza Lagardère Active Broadcast, iċċitata iktar ’il fuq, hemm ipprovdut li “[I]d-Direttiva tikkonċerna sistema ta' komunikazzjoni magħluqa, fejn is-satellita tikkostitwixxi l-element ċentrali, essenzjali u mhux sostitwibbli, b'tali mod li, f'każ li s-satellita ma taħdimx tajjeb, it-trażmissjoni ta' sinjali tkun teknikament impossibbli u li, konsegwentement, il-pubbliku ma jirċievi l-ebda trażmissjoni”. Fil-kawża preżenti, mhux ikkontestat li s-satellita tirrapreżenta l-element essenzjali tas-sistema kollha.
43 – Il-punti 41, 42 tas-sentenza Lagardère Active Broadcast (iċċitata iktar ’il fuq) jagħtu eżempju ta’ interruzzjoni fil-katina ta’ komunikazzjoni.
44 – Il-proposta kif emendata li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 93/83 (COM(92) 526 finali, p. 7) tippreċiża li m’hemmx interruzzjoni sakemm il-proċedura teknika użata hija normali u sakemm il-komunikazzjoni tibqa’ taħt il-kontroll tal-korp tax-xandir. Dwar in-natura kontinwa tal-katina, ara wkoll il-proposta tad-direttiva inizjali, (COM(91) 276 finali, punt 4).
45 Jiġifieri, b’mod partikolari, l-attività ta’ kompressjoni, ta’ multiplexing, ta’ encrypting u tal-għażla tas-sinjali maħsub li jifformaw parti mill-pakketti trażmessi minn Airfield, imorru lil hinn minn sempliċi “mezz tekniku sabiex tiġi ggarantita jew imtejba r-riċezzjoni tat-trażmissjoni oriġinali” u tikkostitwixxi “intervent tekniku […] li jippermetti lill-klijent li jkollu s-sinjali […] u jaċċedi għax-xogħol protett”, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42) u fid-Digriet Organismos Sillogikis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40 et seq).
46 – Kunċett li għandu jitqabbel, b’analoġija, mad-dikjarazzjoni komuni li tikkonċerna l-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-dritt tal-awtur, li jistabbilixxi li “[h]uwa mifhum li s-sempliċi fornitura ta’ installazzjonijiet li huma maħsuba biex jippermettu jew iwettqu komunikazzjoni lill-pubbliku ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tat-trattat jew tal-Konvenzjoni ta’ Berna.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
47 – Fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/83 stabbilit fl-2002 (op. cit., punt 3.1.1), il-Kummissjoni osservat li l-użu tal-encrypting, assoċjat mad-dispożizzjoni limitata ta’ mekkaniżmi mitluba għad-decrypting, iwassal biex jattribbwixxi għal esklussivitajiet territorjali u, b’hekk, biex jifframenta is-suq intern, kuntrarjament għall-għanijiet stabbiliti mid-direttiva.
48 – Nosserva li ż-żewġ domandi preliminari huma, min-naħa l-oħra, abbozzati b’mod li huwa għal kollox identiku fir-rigward tal-qasam mal-informazzjoni relatata mat-trażmissjoni ’l isfel.
49 – Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ Airfield ippreċiża li l-kowds jinbidlu kull xahar, li jfisser li l-operatur għaldaqstant, jagħti regolarment struzzjonijiet ġodda lill-korpi tax-xandir dwar il-metodu tal-encrypting li għandhom jużaw.
50 Agicoa ġustament tosserva li Airfield, li waħedha hija responsabbli mis-sinjali, tista’ tiddeċiedi li twaqqaf it-trażmissjoni tagħha lil wieħed mill-klijenti tagħha, mingħajr l-ebda intervent mill-korpi tax-xandir, fil-każ li l-parti kkonċernata ma tkunx ħallset l-abbonament tagħha.
51 – Bl-istess mod, awtur litterarju jista’ jopponi li l-ktieb tiegħu jinbiegħ f’lott indiviżibbli, li jifforma prodott ġdid u li jista’ jinkludi xogħlijiet li fl-opinjoni tiegħu jistgħu jagħtu immaġini ħażina tiegħu.
52 – F’dan is-sens, nosserva li waqt il-laqgħa ta’ ħidma li saret fl-2003 mill-grupp ta’ ħidma dwar ix-xandir bis-satellita, li ddeċieda fuq l-istazzjonijiet barranin ta’ bla ħlas mhux encrypted trażmessi bis-satellita minn Stat Membru iżda li r-riċezzjoni tagħhom hija possibbli fl-Istati Membri kollha, il-maġġoranza tal-parteċipanti kienet qieset li ftehim kuntrattwali bejn il-fornitur tal-pakketti bis-satellita u x-xandar biex stazzjon bħal dan ikun jifforma parti integrali mill-pakkett (għal viżibiltà aħjar tal-pakkett permezz tal-pożizzjoni fuq il-gwida elettronika tal-programmi) kien ftehim ekwivalenti għal awtorizzazzjoni mogħtija mix-xandar, li jimplika r-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittiijet (il-minuti huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni, op. cit.). Fl-opinjoni tiegħi, jekk ftehim tal-istess tip jikkonċerna trażmissjoni transkonfinali ta’ stazzjonijiet li ma humiex ta’ bla ħlas, il-fornitur tal-pakketti bis-satellita, li mill-attività jieħu vantaġġ finanzjarju li huwa iktar ċert, għandu a fortiori jillibera ruħu mill-obbligi tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.
Full & Egal Universal Law Academy