KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012 ( 1 )
Kawża C-443/09
CCIAA di Cosenza
vs
Grillo Star Srl
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Cosenza, Sezione fallimentare (l-Italja)]
“Direttiva 2008/7/KE — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Taxxa annwali li għandha titħallas lill-kmamar lokali tal-industrija u tal-kummerċ”
I – Introduzzjoni
1.
Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tippreċiża l-ġurisprudenza Denkavit Internationaal et ( 2 ) tagħha dwar it-taxxi indiretti li d-Direttiva 2008/7/KE ( 3 ) tipprojbixxi li jiġu imposti fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju. Il-kawża prinċipali tirrigwarda taxxa annwali li għandha titħallas lill-kmamar Taljani tal-industrija u tal-kummerċ minn kull impriża iskritta fir-reġistru tal-impriżi miżmum minn dawn il-kmamar.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
2.
Id-Direttiva 2008/7 rriformulat id-Direttiva 69/335/KEE ( 4 ). Għal finijiet ta’ ċarezza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għażel riformulazzjoni fid-dawl tal-għadd ta’ emendi li din d-direttiva kienet suġġetta għalihom diversi drabi fl-imgħoddi. Essenzjalment, madankollu, id-Direttiva 2008/7 tirrepeti t-termini tad-direttiva preċedenti.
3.
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7, taħt it-titolu “Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:
[…]
(ċ)
ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalihom il-kumpanija ta’ kapital tista’ tkun suġġetta minħabba l-forma ġuridika tagħha; […].”
4.
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/7 jipprovdi:
“1. Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin:
[…]
(e)
dazji fil-forma ta’ miżati jew drittijiet; […].”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5.
Id-dispożizzjonijiet Taljani inkwistjoni, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża, jipprevedu:
6.
L-Artikolu 2188(1) tal-Kodiċi Ċivili Taljan stabbilixxa reġistru tal-impriżi fejn l-impriżi industrijali, kummerċjali u finanzjarji kollha għandhom l-obbligu li jkunu iskritti fih. Dan l-obbligu huwa impost kemm fuq l-impriżi b’persuna waħda kif ukoll fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 2200 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Huma obbligati jagħmlu dan anki jekk ma jeżerċitawx attività kummerċjali. Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 580, tad-29 ta’ Diċembru 1993 ( 5 ), ir-reġistru tal-impriżi jinżamm mill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ.
7.
Digriet ministerjali jistabbilixxi minn żmien għal żmien l-ammont li l-impriżi iskritti fir-reġistru tal-impriżi għandhom iħallsu kull sena lill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ. L-Artikolu 3 tad-digriet, ikkunsidrat f’dan ir-rigward għas-sena 2009, juri li t-taxxa annwali kienet tammonta għal ammont fiss ta’ EUR 200 għall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 100 000. Lil hinn minn dan il-limitu, l-ammont tat-taxxa jiġi kkalkulat f’perċentwali tad-dħul mill-bejgħ.
III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
8.
Grillo Star Srl (iktar ’il quddiem, “Grillo Star” ( 6 )) ġiet iddikjarata falluta.
9.
It-Tribunale di Cosenza, Sezione fallimentare (l-Italja), huwa inkarigat li jiddetermina l-passiv tal-proċedura ta’ falliment. La Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura Cosenza (CCIAA) (il-Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġjanat u tal-Agrikoltura ta’ Cosenza) (iktar ’il quddiem, iċ-“CCIAA Cosenza”) ( 7 ) ressqet talba fil-proċedura ta’ falliment għal EUR 200 ( 8 ) abbażi tat-taxxa annwali tal-2009 dovuta lill-kamra tal-industrija u tal-kummerċ minn kull impriża iskritta fir-reġistru tal-impriżi, skont l-Artikolu 2188 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.
10.
Billi t-Tribunale di Cosenza, Sezione fallimentare, kellu xi dubji dwar il-konformità ta’ din it-taxxa annwali mad-Direttiva 2008/7 ( 9 ), huwa ssospenda l-proċedura biex jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1)
Il-kriterji li jiddeterminaw it-taxxa annwali msemmija fl-Artikolu 18(b) tal-Liġi Taljana tad-29 ta’ Diċembru 1993, Nru 580, kif stabbiliti mill-Artikolu 18(3), (4), (5) u (6), huma kompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, peress li t-taxxa annwali ma taqax taħt id-deroga stabbilita mill-Artikolu 6(e) tal-imsemmija direttiva?
2)
B’mod partikolari
a)
it-taxxa annwali, li tiġi ddeterminata b’referenza għal ‘finanzi meħtieġa sabiex il-kmamar tal-kummerċ iwettqu s-servizzi li huma obbligati li jipprovdu fit-territorju kollhu tal-pajjiż’, hija ‘dazj[u] fil-forma ta’ miżati jew drittijiet’?
b)
il-fatt li ġie stabbilit ‘fond għall-ibbilanċjar’, maħsub sabiex jarmonizza fit-territorju nazzjonali kollu t-twettiq tal-‘funzjonijiet amministrattivi’ kollha mogħtija lill-kmamar tal-kummerċ mil-liġi, jeskludi li t-taxxa annwali hija dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?
ċ)
l-għażla mogħtija lil kull kamra tal-kummerċ li żżid it-taxxa annwali sa 20 % sabiex tikkofinanzja inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jżidu l-produttività u jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi tat-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, hija kompatibbli mal-interpretazzjoni li t-taxxa fiha nnifisha hija dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?
d)
in-nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar il-metodi meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet finanzjarji, tal-kmamar tal-kummerċ, marbuta maż-żamma u l-aġġornament tar-reġistrazzjonijiet u noti fir-reġistru tal-impriżi, jipprekludi l-verifika ta’ jekk it-taxxa annwali hijiex dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?
e)
il-fatt li t-taxxa annwali hija stabbilta abbażi ta’ rata fissa, u fid-dawl tal-fatt li m’hemmx dispożizzjonijiet dwar il-verifika ‘f’intervalli regolari’ ta’ jekk din tirriflettix l-ispiża medja tas-servizz, huwa kompatibbli mal-interpretazzjoni li t-taxxa hija dazju fil-forma ta’ miżati jew drittijiet?”
11.
B’deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2010, it-Tribunale di Cosenza, Sezione fallimentare, issupplimenta r-rinviju biż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
“1)
L-obbligu li tħallas it-taxxa tal-kmamar li jkollha kumpannija b’kapital azzjonarju li ma teżerċita [l-ebda attività ekonomika] — u li qatt ma eżerċitat attività ekonomika — imma li min-naħa l-oħra hija ‘inattiva’, imur kontra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE [...]?
2)
Peress li n-natura kostituttiva tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-impriżi, għall-ordinament ġuridiku nazzjonali Taljan, hija essenzjalment marbuta mal-kisba tal-personalità ġuridika tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u, b’hekk, mal-ħlas tat-‘taxxa annwali’ li huwa marbut ma’ dan, dawn imorru kontra d-direttiva [2008/7]?”
12.
Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Grillo Star, iċ-CCIAA Cosenza, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Iċ-CCIAA Cosenza, Grillo Star, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni kienu preżenti waqt is-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2011.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
A – L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
13.
Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet lill-partijiet, iċ-CCIAA Cosenza qajmet, għall-ewwel darba, motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-kwalità tal-qorti li allegatament għamlet rinviju mingħajr ma hija setgħet tagħmel dan. It-tardività ta’ dan il-motiv ma huwiex rilevanti peress li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika ex officio jekk il-qorti tar-rinviju setgħetx tressaq talba għal deċiżjoni preliminari jew le.
14.
Il-kawża prinċipali tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-passiv ta’ Grillo Star. Iċ-CCIAA Cosenza tikkunsidra li, fl-istadju tal-proċedura ta’ falliment, il-qorti tar-rinviju għandha biss funzjoni ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Hija tikkonkludi li ma hemmx kawża peress li l-qorti ma tagħtix deċiżjonijiet fi proċedura kontradittorja.
15.
Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qrati kollha tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari. Il-kunċett ta’ qorti ingħata definizzjoni awtonoma partikolari għad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat għadd ta’ kriterji li abbażi tagħhom il-kwalità tal-qorti għandha tiġi evalwata b’mod globali. Dawn jeżiġu l-indipendenza tal-korp, l-oriġini legali tiegħu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura u l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt ( 10 ).
16.
Huwa abbażi ta’ dawn il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qrati ta’ arbitraġġ jew qrati sedenti bħala awtoritajiet amministrattivi. Pereżempju, dawn kienu korpi mitluba jagħtu deċiżjonijiet dwar talba għal approvazzjoni tal-istatuti ta’ kumpanniji sabiex din tkun tista’ tiġi iskritta fir-reġistru tal-kummerċ ( 11 ) jew dwar il-ħatra ta’ likwidatur ġudizzarju “supplimentari” ( 12 ). Fil-kawżi ta’ din ix-xorta, hija biss il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors li tista’ tagħmel rinviju ( 13 ).
17.
F’dan il-kuntest, ma hemm l-ebda dubju li l-korp tar-rinviju jissodisfa r-rekwiżiti proċedurali meħtieġa biex ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, għandu jiġi stabbilit jekk il-kawża prinċipali għandhiex natura kontradittorja u jekk hija tirriżultax f’deċiżjoni ġudizzjarja.
1. Proċedura kontradittorja
18.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li r-rekwiżit ta’ proċedura kontradittorja ma huwiex kriterju assolut ( 14 ). Fi proċedura ta’ kontroll tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, hija kkunsidrat li kien suffiċjenti li l-partijiet għall-proċedura quddiem il-korp ta’ kontroll tal-kuntratti pubbliċi jkunu nstemgħu qabel. Il-varjetà tal-proċeduri fl-Istati Membri u l-awtonomija proċedurali tagħhom huma ta’ inċentiv sabiex il-kriterju tal-proċedura kontradittorja ma jiġix ikkonċepit b’mod riġidu żżejjed. Inkella jkun hemm ir-riskju li, fil-kawżi li jidhru identiċi mil-lat sostantiv, jinġibdu konklużjonijiet arbitrarji dwar il-leġittimità li jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-mod li bih tkun konkretament organizzata l-proċedura nazzjonali.
19.
Anki jekk, f’din il-kawża prinċipali, kif jista’ jindika t-titolu tad-deċiżjoni tar-rinviju, żewġ partijiet ma għandhomx uffiċjalment jidhru kontra xulxin bħala rikorrent u konvenut, jidher li l-partijiet, jiġifieri l-kuratur tal-proċedura ta’ falliment u l-kredituri, madankollu għandhom b’mod ċar il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem il-qorti tar-rinviju. Kemm iċ-CCIAA Cosenza kif ukoll Grillo Star setgħu għalhekk jintervjenu fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari bħala partijiet għall-kawża prinċipali. Għaldaqstant, għandu jiġi ammess li l-kriterju tal-proċedura kontradittorja ġie sodisfatt.
2. Deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja
20.
Huwa iktar diffiċli li tingħata tweġiba lill-mistoqsija jekk il-qorti tar-rinviju hijiex qed taġixxi biss bħala awtorità amministrattiva jew hijiex qed tagħti deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja f’kawża.
21.
Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinstab l-ebda definizzjoni espliċita tal-kriterju tad-“deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li d-deċiżjoni mogħtija tista’ tikseb is-saħħa ta’ res judicata ( 15 ).
22.
Fl-osservazzjonijiet orali tagħhom, iċ-CCIAA Cosenza u Grillo Star adottaw pożizzjonijiet diverġenti dwar is-saħħa ta’ res judicata tad-deċiżjoni inkwistjoni tal-qorti tar-rinviju. Iċ-CCIAA Cosenza ċaħdet kull saħħa ta’ res judicata lid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju filwaqt li Grillo Star aċċettatha billi kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, hija “setgħet tiġi infurzata”.
23.
Irrispettivament mill-kwistjoni teknika tas-saħħa ta’ res judicata, nikkunsidra li d-deċiżjoni, fi kwalunkwe każ, għandha natura ġudizzjarja. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet li tat iċ-CCIAA Cosenza mingħajr ma ġiet kontradetta, fil-kawża prinċipali l-qorti għandha l-kompitu li tiddetermina d-djun inklużi fil-passiv f’deċiżjoni motivata mogħtija wara li tkun semgħet lill-partijiet waqt is-seduta. Billi tistabbilixxi l-perċentwali ta’ ħlas tal-krediti, id-deċiżjoni għandha effetti fuq il-kredituri l-oħra kollha. Id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju dwar l-inklużjoni fil-passiv tal-allegata talba għat-taxxa annwali li hija s-suġġett tal-kawża bejn il-partijiet, għandha natura ġudizzjarja sa fejn hija jkollha effetti legali inevitabbli.
24.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qalet li n-natura ġudizzjarja tad-determinazzjoni tal-passiv kienet ferm kontroversjali fid-duttrina Taljana. Ċerti awturi jaraw fiha att ta’ amministrazzjoni, persuni prominenti oħrajn jikkunsidraw, skont il-Kummissjoni, li d-determinazzjoni tad-djun hija att sewwasew ġudizzjarju. Fid-dawl ukoll tal-inċertezzi fir-rigward tal-kwalifika li għandha tingħata lil din il-proċedura rregolata mid-dritt intern, meta jkun hemm xi dubju għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra jekk il-qorti tkunx tista’ tagħmlilha domandi preliminari.
25.
Fl-aħħar nett, nixtieq nerġa’ nsemmi argument prattiku bbażat fuq l-effett li ċ-ċaħda, f’dan il-każ, tal-leġittimità kieku jkollha fuq l-interpretazzjoni ta’ test legali ieħor. Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 ( 16 ) jinkludi fil-fatt dispożizzjonijiet dwar it-tressiq ta’ talbiet għal ħlas fil-proċedura. Biex ikunu jistgħu jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000 mill-ewwel fażi tal-proċedura, fil-kuntest tad-determinazzjoni ġudizzjarja tal-passiv il-kriterji ta’ leġittimità ma għandhomx jiġu stabbiliti b’mod strett iżżejjed. Fil-fatt, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jħeġġu sabiex it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja titressaq mill-iktar fis possibbli fil-proċedura sabiex jiġi evitat li jkollu jiġi ppreżentat rikors sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari ( 17 ).
26.
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.
B – Risposta għad-domandi
27.
Permezz tal-ewwel domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-taxxa annwali li għandha titħallas lill-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija hijiex taxxa “fil-forma ta’ miżati jew drittijiet”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 2008/7.
28.
Madankollu, qabel xejn għandu jiġi ppreċiżat jekk din hijiex sewwasew taxxa indiretta pprojbita mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7. Fil-fatt, huwa biss jekk it-taxxa imposta fl-Italja hija taxxa indiretta ta’ din ix-xorta li wieħed għandu sussegwentement jistaqsi jekk din hijiex awtorizzata, b’deroga, bħala taxxa fil-forma ta’ miżati jew drittijiet. Billi huwa regola derogatorja, l-Artikolu 6 fil-fatt huwa intiż sabiex jiġi applikat biss meta t-taxxa inkwistjoni taqa’ taħt waħda mit-taxxi indiretti pprojbiti mill-Artikolu 5 ( 18 ). Iż-żewġ domandi supplimentari tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ukoll il-kwalifika tat-taxxa indiretta fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7.
1. Taxxa indiretta fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7
29.
F’dan il-każ, hija l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 li għandha tiġi kkunsidrata. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħu jimponu l-ebda taxxa indiretta fuq ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel l-eżerċizzju ta’ attività li l-kumpannija b’kapital azzjonarju tista’ tkun suġġetta għaliha minħabba l-forma ġuridika tagħha. B’hekk, biħsiebni neżamina t-taxxa annwali inkwistjoni fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ kriterji tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva billi nivverifika jekk din it-taxxa annwali hijiex taxxa indiretta fuq ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa (punt a) u jekk hijiex marbuta mal-forma ġuridika tal-kumpannija (punt b).
a) Taxxa fuq ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa
30.
L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 jipprojbixxi kwalunkwe taxxa indiretta fuq ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel l-eżerċizzju ta’ attività. B’hekk, din għandha tkun parti minn reġistrazzjoni jew minn kwalunkwe formalità oħra meħtieġa li barra minn hekk għandha ssir qabel l-eżerċizzju ta’ attività. It-tieni kundizzjoni ma għandhiex tinftiehem f’sens purament kronoloġiku b’tali mod li ma huwiex rilevanti li r-reġistrazzjoni ssir qabel ma l-kumpannija teżerċita attività. Din il-kundizzjoni anzi għandha tinftiehem fis-sens li r-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa hija rekwiżit biex kumpannija tagħti bidu għall-attivitajiet tagħha jew sabiex ikollha kapaċità ġuridika.
31.
Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda taxxa annwali li kull impriża iskritta fir-reġistru tal-impriżi għandha tħallas lill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ.
32.
Il-Gvern Ġermaniż ġustament qal li ma jirriżultax, għall-inqas mill-ewwel deċiżjoni tar-rinviju, li t-taxxa inkwistjoni tabilħaqq tiġi imposta minħabba r-reġistrazzjoni tal-kumpannija. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika biss espressament li t-taxxa għandha titħallas mill-impriżi iskritti fir-reġistru tal-impriżi. F’din il-formulazzjoni ma jirriżultax ċar jekk l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-impriżi hijiex indipendenti mit-taxxa li għandha titħallas u jekk ir-referenza għall-impriżi iskritti fir-reġistru tal-impriżi sservix biss sabiex jiġu ddefiniti l-entitajiet li għandhom iħallsu t-taxxa annwali. Jista’ wkoll ikun il-każ li r-reġistru tal-impriżi jiffunzjona fl-istess ħin bħala reġistru tal-kummerċ li l-kumpanniji b’kapital azzjonarju għandhom ikunu rreġistrati fih b’tali mod li t-taxxa annwali li għandha titħallas tkun ukoll rekwiżit għar-reġistrazzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ.
33.
Id-deċiżjoni tar-rinviju supplimentari madankollu donnha turi li, fi kwalunkwe każ, l-ewwel taxxa mħallsa lill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ hija marbuta mal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-impriżi u li dik l-iskrizzjoni taffettwa min-naħa tagħha l-personalità ġuridika ta’ kumpannija.
34.
It-taxxa annwali li għandha titħallas fl-Italja b’hekk tixbah lis-sistema Olandiża inkwistjoni fis-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq ( 19 ). Din kienet kontribuzzjoni li kellha titħallas kull sena lil kamra tal-industrija u tal-kummerċ abbażi tal-iskrizzjoni ta’ impriża, iskrizzjoni li kienet tgħodd ukoll bħala iskrizzjoni tal-kumpannija b’kapital azzjonarju li kienet il-proprjetarja tagħha. Ir-reġistru tal-impriżi b’hekk kellu wkoll il-funzjoni ta’ reġistru tal-kummerċ kif donnu huwa wkoll il-każ skont id-dispożizzjonijiet Taljani.
35.
F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat mingħajr dettalji oħrajn li l-kontribuzzjoni annwali Olandiża kienet taxxa imposta fuq l-iskrizzjoni qabel l-eżerċizzju ta’ attività. Hija ma eżaminatx b’mod espliċitu jekk il-kontribuzzjoni kinitx marbuta maż-żamma tal-iskrizzjoni tal-kumpannija fir-reġistru biex b’hekk ġiet affettwata l-kapaċità ġuridika tagħha ( 20 ). B’mod partikolari, hija ma għamlitx distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni dovuta għall-ewwel iskrizzjoni u l-kontribuzzjonijiet dovuti biex l-iskrizzjoni tiġi mġedda minn sena għall-oħra. F’dan il-każ, l-ewwel kriterju tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7 għandu jiġi kkunsidrat ukoll bħala sodisfatt fil-każ inkwistjoni.
36.
Madankollu, jidher li għandha ssir distinzjoni bejn it-taxxa mħallsa mal-ewwel iskrizzjoni u t-taxxa mħallsa sussegwentement kull sena. F’dan il-każ, din ma hija xejn fil-fatt ħlief taxxa li għandha titħallas kull sena. Biex it-taxxa annwali tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala taxxa fuq ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel l-eżerċizzju ta’ attività, ikollu jintwera li din it-taxxa hija marbuta maż-żamma tal-iskrizzjoni tal-kumpannija u li taffettwa l-kapaċità ġuridika sussegwenti tagħha. Dan ma jidhirx ċar f’dan il-każ.
37.
Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ewwel deċiżjoni tar-rinviju, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni enfasizzaw li t-taxxa annwali li għandha titħallas lill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ ma taffettwax iż-żamma tal-iskrizzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-impriżi. In-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa ma jwassalx biex il-kumpannija tinqata’ mir-reġistru u lanqas ma titlef il-personalità ġuridika tagħha. It-taxxa li għandha titħallas b’hekk ma taffettwax lill-kumpannija milli tkompli teżerċita l-attivitajiet tagħha.
38.
Madankollu, wieħed jista’ jinterpreta s-suppliment tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal deċiżjoni preliminari fis-sens li l-ħlas tat-taxxa annwali jaffettwa l-eżistenza ġuridika sussegwenti tal-kumpannija b’kapital azzjonarju. Jekk dan huwa l-każ, it-taxxa annwali taffettwa l-kapaċità ġuridika tal-kumpannija u taqa’ taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7 jekk wieħed jassumi li hija tkun involuta minħabba l-forma ġuridika tal-kumpannija. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, Grillo Star osservat li fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa annwali, il-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ ma jirrediġux ċerti attestazzjonijiet li impriża tkun teħtieġ għall-kummerċ. Dawn l-attestazzjonijiet jistgħu wkoll ikunu formalitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-kumpannija.
39.
Fin-nuqqas ta’ informazzjoni konkreta dwar dan il-punt, ma tistax issir evalwazzjoni definittiva ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti xi kjarifiki dwar l-ilment imqajjem.
40.
Jekk it-taxxa annwali ma taffettwax l-attività tal-kumpannija, għaldaqstant hija ma tkunx, għal din is-sempliċi raġuni, taxxa indiretta fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7. Jekk, min-naħa l-oħra, hija taffettwaha, hija tkun ipprojbita biss jekk tiġi imposta minħabba l-forma ġuridika tal-kumpannija b’kapital azzjonarju. Biħsiebni neżamina dan l-aspett fil-punti li ġejjin.
b) L-issuġġettar tal-kumpannija għall-ħlas tat-taxxa minħabba l-forma ġuridika tagħha
41.
Biex jinftiehem dan il-kriterju, qabel xejn, għandu jiġi kkunsidrat l-għan tad-Direttiva 2008/7. L-għan ta’ din tal-aħħar huwa li tiffavorixxi l-moviment liberu tal-kapital ( 21 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva bil-fatt li, għalkemm it-taxxi inkwistjoni ma jikkonċernawx il-kontribuzzjonijiet tal-kapital fihom infushom, dawn xorta waħda jinġabru minħabba formalitajiet marbuta mal-forma ġuridika tal-kumpannija, jiġifieri l-mezz użat sabiex jinġabar il-kapital, b’tali mod li ż-żamma tagħhom toħloq riskju li jitqiegħdu f’dubju anki l-għanijiet tal-imsemmija direttiva ( 22 ).
i) Is-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq
42.
Fis-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fid-dawl ta’ dan l-għan tad-Direttiva 2008/7, il-kontribuzzjoni Olandiża għar-reġistru tal-kummerċ, li kellha titħallas kull sena abbażi tal-iskrizzjoni ta’ impriża ma’ kamra tal-industrija u tal-kummerċ, iskrizzjoni li kienet tgħodd ukoll bħala iskrizzjoni tal-kumpannija b’kapital azzjonarju li kienet il-proprjetarja tagħha. F’dak il-każ, l-iskrizzjoni konkomitanti tal-kumpannija b’kapital azzjonarju ma wasslet għall-ebda żieda fil-kontribuzzjoni inkwistjoni.
43.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li l-kontribuzzjoni Olandiża ma kinitx taxxa pprojbita mid-Direttiva 2008/7. Dak li kien pjuttost determinanti kien li s-sistema Olandiża ma kinitx rabtet it-taxxa mal-iskrizzjoni tal-kumpannija, proprjetarja ta’ impriża, imma mal-iskrizzjoni tal-impriża nfisha ( 24 ). B’hekk, il-kontribuzzjoni ma tinġabarx, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-forma ġuridika tal-kumpannija b’kapital azzjonarju. Din hija taxxa li tolqot, abbażi tal-kapital tagħhom stess, l-entitajiet kollha li jipparteċipaw fi skambji ekonomiċi.
44.
Biex tistabbilixxi li l-kontribuzzjoni Olandiża hija indipendenti mill-forma ġuridika tal-kumpannija, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li din kienet tinġabar irrispettivament minn jekk l-impriża kinitx tappartjeni lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika, lil soċjetà jew lil kumpannija b’kapital azzjonarju. L-issuġġettar tas-soċjetajiet u tal-persuni fiżiċi kien jixhed li t-taxxa ma kinitx eżattament ibbażata fuq il-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju.
ii) Applikazzjoni tal-kriterji f’dan il-każ
45.
Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, f’dan il-każ għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li t-taxxa annwali inkwistjoni ma tiġix imposta minħabba l-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju.
46.
Sa fejn il-ftit indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju jippermettu li ssir dikjarazzjoni definittiva, it-taxxa imposta fl-Italja essenzjalment għandha l-istess karatteristiċi tal-kontribuzzjoni Olandiża. Huma l-impriżi u mhux il-kumpanniji li huma suġġetti għaliha. L-istess bħas-sistema Olandiża, fejn l-iskrizzjoni jew iż-żamma tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-impriżi għandha wkoll il-funzjoni ta’ reġistru tal-kummerċ għall-kumpanniji, dan ma jagħtix lok għal żieda fit-taxxa li għandha titħallas.
47.
Ħlief għal Grillo Star, il-partijiet kollha fil-kawża jindikaw li, fid-dritt Taljan ukoll, il-kontribuzzjoni għar-reġistru tal-kummerċ ma għandhiex titħallas biss mill-kumpanniji b’kapital azzjonarju imma wkoll mis-soċjetajiet. Skont huma, minn dan jirriżulta li t-taxxa li għandha titħallas ma hijiex marbuta mal-forma ġuridika tal-kumpannija imma mal-impriża.
48.
B’differenza għall-kawża li tat lok għas-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tislet argument mill-issuġġettar ta’ soċjetajiet għall-kontribuzzjoni fis-sistema Olandiża li fid-dawl ta’ dan ma tintaxxax lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju minħabba l-forma ġuridika tagħhom, dan l-argument ma jistax iktar ikollu rwol fil-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva 2008/7.
49.
Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/7, kwalunkwe kumpannija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika oħra li topera għal profitt għandha, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, titqies bħala kumpannija b’kapital azzjonarju. Id-Direttiva 69/335 ( 25 ) preċedenti kienet tinkludi fil-fatt regola identika fl-Artikolu 3(2) tagħha, filwaqt li kienet għadha tippermetti li l-Istati Membri jirrinunzjaw għal din l-assimilazzjoni ta’ kumpanniji oħrajn mal-kumpannija b’kapital azzjonarju. Minħabba f’hekk, is-soċjetajiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati iktar bħala grupp ta’ referenza.
50.
Madankollu, dan ma għandu l-ebda rilevanza f’dan il-każ peress li, skont l-Artikolu 2195 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, mhux biss il-kumpanniji li joperaw għal profitt għandhom l-obbligu ta’ iskrizzjoni fir-reġistru Taljan tal-impriżi imma anki l-persuni fiżiċi u l-impriżi b’persuna waħda u huma suġġetti, minħabba f’hekk, għat-taxxa annwali li għandha titħallas lill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ. L-issuġġettar tal-persuni fiżiċi, bħala impriżi b’persuna waħda, għat-taxxa annwali b’hekk jista’ jiġi prodott bħala prova tal-fatt li t-taxxa annwali li għandha titħallas lill-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ ma hijiex marbuta mal-forma tal-kumpannija imma mal-impriża, li tkun proprjetà tal-kumpannija.
51.
Għaldaqstant, it-taxxa annwali inkwistjoni, bħala prinċipju, ma tikkostitwixxix taxxa indiretta pprojbita mill-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7.
iii) Domanda preliminari supplimentari — l-issuġġettar għat-taxxa tal-kumpanniji inattivi
52.
Fid-deċiżjoni tar-rinviju supplimentari tagħha, il-qorti tar-rinviju enfasizzat aspett ieħor tas-sistema Taljana. Fiha staqsiet jekk l-issuġġettar għat-taxxa annwali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li qatt ma eżerċitat attività ekonomika huwiex konformi mal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju spjegat li Grillo Star qatt ma eżerċitat attivitajiet ekonomiċi.
53.
L-idea tal-qorti tar-rinviju li għamlet din id-domanda hija li ma jistax jingħad li t-taxxa inkwistjoni hija marbuta mal-iskrizzjoni tal-impriża u mhux mal-kumpannija, fis-sens tas-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, jekk kumpannija inattiva tkun taxxabbli. Fir-rigward ta’ kumpannija inattiva, fejn allura fi ħdanha ma jkun hemm l-ebda impriża, il-fatt li jagħti lok għat-taxxa jista’ jkun biss il-kumpannija nfisha u mhux l-impriża. Skont il-qorti tar-rinviju dan ma huwiex konformi mad-Direttiva 2008/7. Għalhekk, il-qofol tad-domanda supplimentari huwa jekk id-Direttiva 2008/7 teżiġix li l-kumpanniji inattivi jiġu eżentati mill-ħlas tat-taxxa annwali.
54.
Il-qorti tar-rinviju donnha qed tibbaża l-argument tagħha fuq silta mis-sentenza Denkavit Internationaal et. Fl-eżami tas-sistema Olandiża, is-sentenza ssemmi l-fatt li l-issuġġettar obbligatorju għas-sistema Olandiża ma jkoprix “il-kumpanniji ‘vojta’ [shell companies], jiġifieri li ma jkollhomx assi u b’hekk lanqas ma jeżerċitaw attività” ( 26 ). Qabel xejn wieħed għandu jeżamina jekk din l-allużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kinitx motiv determinanti tas-sentenza. Għaldaqstant, din ma għandhiex tiġi trasposta bl-amment għal każijiet oħrajn.
55.
Wieħed jista’ jinterpreta d-domanda supplimentari tal-qorti tar-rinviju dwar l-issuġġettar obbligatorju għat-taxxa tal-kumpanniji inattivi fis-sens li hija qed tirreferi għas-sistema tal-kumpanniji msejħa prekostitwiti, jiġifieri kumpanniji li ma jeżerċitaw l-ebda attività imma li, bil-kontra tal-kumpanniji “vojta” msemmija fis-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, ikollhom sewwasew xi assi. Il-ħsieb wara dawn il-kumpanniji prekostitwiti hija li ma jagħtux bidu għal attività ekonomika immedjata imma sussegwentement, pereżempju permezz ta’ ċessjoni. Jekk il-kumpanniji prekostitwiti jistgħux ikunu suġġetti għat-taxxa annwali bla ebda dubju hija kwistjoni interessanti. Għandhom jiġu ppreċiżati, b’mod partikolari, il-portata li fl-aħħar mill-aħħar għandha tingħata lill-allużjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt imsemmi u, jekk ikun il-każ, jekk jirriżultax mis-silta l-oħra tas-sentenza Denkavit Internationaal et, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li “kull ħolqien ta’ kumpannija għandu, bħala prinċipju, l-għan li jopera impriża” ( 27 ), li huwa suffiċjenti li kumpannija prekostitwita jkollha b’mod jew ieħor l-għan li teżerċita attività ekonomika futura, pereżempju wara akkwist.
56.
Ċertament, ma nikkondividix il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni f’din il-proċedura meta kkunsidrat li l-kumpanniji inattivi ta’ spiss jintużaw għal finijiet ta’ evażjoni tat-taxxa u ta’ ħasil ta’ flus u għaldaqstant ma jixirqilhom l-ebda trattament favorevoli. Il-kumpanniji prekostitwiti jistgħu, fil-fatt, ikollhom finijiet għalkollox leġittimi u b’hekk jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali. Għalhekk jista’ jkun iktar sempliċi għal investitur jew għal imprenditur barrani li jikkostitwixxi impriża fi Stat Membru ieħor fejn huwa jakkwista għal dan il-għan kumpannija prekostitwita biex b’hekk jevita telf ta’ ħin u diffikultajiet li jistgħu jkunu inerenti fil-kostituzzjoni u fl-iskrizzjoni ta’ kumpannija.
57.
Kif ser jiġi spjegat iktar ’l isfel, din il-kwistjoni tas-sistema tal-kumpanniji prekostitwiti madankollu ma għandhiex tingħata risposta f’dan il-każ peress li hawnhekk hija għandha natura ipotetika billi Grillo Star ma hijiex kumpannija inattiva ta’ din ix-xorta.
58.
Fid-deċiżjoni tar-rinviju supplimentari tagħha, il-qorti tar-rinviju qalet b’mod ferm vag li Grillo Star qatt ma eżerċitat attività ekonomika. Il-Kummissjoni ġustament kellha d-dubji tagħha dwar kif wieħed jista’ jikkonċepixxi li Grillo Star qatt ma eżerċitat tassew attività ekonomika. Jekk wieħed jikkunsidra li l-kumpannija kellha mill-bidu nett il-kapital minimu meħtieġ, wieħed jista’ diffiċilment jimmaġina kif hija setgħet tfalli mingħajr qatt ma eżerċitat attività ekonomika. Jiena nikkondividi din il-kritika.
59.
Meta sarulha xi mistoqsijiet dwar dan is-suġġett waqt is-seduta, Grillo Star ikkonċediet li l-kumpannija kienet eżerċitat ċertu tip ta’ attività li kienet limitata għal operazzjonijiet preparatorji għall-attività kummerċjali prevista. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan spjega li Grillo Star diġà kienet akkwistat proprjetà immobbli u merkanzija sabiex tiftaħ lukanda.
60.
F’dan il-każ, b’hekk għandha tingħata risposta mhux għad-domanda jekk id-Direttiva 2008/7 teżiġix li l-kumpanniji inattivi jiġu eżentati mit-taxxa annwali, imma iktar minn hekk jekk hija teżiġix li l-impriżi li jwettqu biss operazzjonijiet preparatorji, imma li ma jkunux għadhom bdew l-attività kummerċjali tabilħaqq prevista, għandhomx jiġu eżentati mit-taxxa annwali. B’hekk, għandu jiġi ppreċiżat jekk wieħed jistax jgħid jew le li t-taxxa annwali hija marbuta wkoll mal-impriża u mhux mal-kumpannija fir-rigward ta’ kumpanniji li jwettqu biss operazzjonijiet preparatorji f’dan is-sens.
61.
Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, is-sentenza Denkavit Internationaal et tenfasizza, minn naħa, fl-eżami tas-sistema Olandiża, li “kull ħolqien ta’ kumpannija għandu, bħala prinċipju, l-għan li jopera impriża”. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex deċiżiv li t-taxxa tkun marbuta ma’ attività ekonomika effettiva tal-kumpannija. Il-Qorti tal-Ġustizzja anzi tikkunsidra li t-taxxa hija marbuta wkoll mal-impriża u mhux mal-kumpannija nfisha meta kumpannija tiġi kkostitwita bl-għan li topera impriża.
62.
Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, id-definizzjoni Taljana tal-kunċett ta’ impriża lanqas ma tirreferi għall-attività ekonomika effettiva, iżda tirreferi għall-possibbiltà li fil-ġejjieni tiġi eżerċitata attività ekonomika. B’hekk, għandu jkun iktar minn suffiċjenti li kumpannija tkun diġà qed twettaq operazzjonijiet preparatorji għall-attività kummerċjali tagħha u b’hekk tkun diġà bdiet twettaq l-attività prevista għall-impriża tagħha.
63.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-kunċett ta’ impriża, fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7, jiġi ddefinit abbażi tad-dritt nazzjonali ( 28 ). Din hija wkoll ir-raġuni għaliex hija ċaħdet il-motiv li l-attività ta’ kumpannija holding, li tiġġestixxi biss is-sussidjarja tagħha, ma hijiex attività ta’ impriża fis-sens proprju tal-kelma.
64.
Minn dan isegwi wkoll li l-leġiżlatur Taljan għandu kull dritt jikkunsidra li l-operazzjonijiet preparatorji għall-attivitajiet ta’ impriża jistgħu jagħtu lok għat-taxxa annwali. Dwar dan il-punt, kunsiderazzjonijiet prattiċi jistgħu wkoll iħeġġu lil-leġiżlatur sabiex jikkunsidra kumpannija li tagħmel tali operazzjonijiet bħala impriża għaliex jista’ jkun fastidjuż li ssir distinzjoni bejn operazzjonijiet preparatorji u l-attività li tilħaq l-għan kummerċjali u li l-verifiki ta’ din ix-xorta jistgħu jwasslu għal xogħol amministrattiv kunsiderevoli.
65.
Għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax ikun mod ieħor anki meta jiġi kkunsidrat l-argument imressaq minn Grillo Star waqt is-seduta li jgħid li fi kwalunkwe każ il-kumpannija ma tistax tiġi kkunsidrata iktar bħala impriża fid-dawl tal-falliment u tal-waqfien ta’ kull attività ekonomika li dan jimplika. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li kumpannija żżomm il-kwalità tagħha ta’ impriża anki meta n-negozju tagħha ma jkunx sejjer tajjeb mil-lat ekonomiku u għal din ir-raġuni hija tnaqqas jew twaqqaf l-attività kummerċjali tagħha.
66.
Anki meta kumpannija tillimita ruħha li twettaq operazzjonijiet preparatorji sabiex tagħti bidu għall-attività kummerċjali li hija qiegħda tabilħaqq tipprevedi, ikun plawżibbli li t-taxxa li għandha titħallas tkun marbuta mal-iskrizzjoni tal-impriża u mhux mal-iskrizzjoni tal-kumpannija.
67.
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ taxxa pprojbita mill-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/7, ma hemmx iktar lok li jiġi vverifikat jekk it-taxxa hijiex fil-forma tad-dazji u tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tad-direttiva.
V – Konklużjoni
68.
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li d-domandi tat-Tribunale di Cosenza, Sezione fallimentare, jingħataw ir-risposta li ġejja:
“L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, ma jipprekludix taxxa annwali li kull impriża iskritta fir-reġistru tal-impriża għandha tħallas lil kamra tal-industrija u tal-kummerċ u li tkun marbuta mal-iskrizzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li hija neċessarja għall-eżerċizzju ta’ attività, meta l-fatt li jagħti lok għat-taxxa huwa l-iskrizzjoni tal-impriża u mhux l-iskrizzjoni tal-kumpannija b’kapital azzjonarju, li tkun il-proprjetarja tal-impriża. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala impriża l-kumpanniji li jillimitaw ruħhom li jwettqu operazzjonijiet preparatorji għall-attività kummerċjali vera tagħhom.”
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1996, Denkavit Internationaal et (C-2/94, Ġabra p. I-2827).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11).
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11).
( 5 ) Liġi dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kmamar tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġjanat u tal-agrikoltura, GURI Nru 6, tal-11 ta’ Jannar 1994.
( 6 ) Din in-nota tirrigwarda l-verżjoni bil-Ġermaniż.
( 7 ) Din in-nota tirrigwarda l-verżjoni bil-Ġermaniż.
( 8 ) B’interessi ta’ EUR 113.39.
( 9 ) L-applikazzjoni tad-direttiva fir-rigward ta’ din il-kumpannija b’responsabbiltà limitata tirriżulta direttament mill-punt 12 tal-Anness I għad-Direttiva 2008/7 fir-rigward tas-“società a responsabilità limitata”.
( 10 ) Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Koller (C-118/09, Ġabra p. I-13627, punt 22), u tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et (C-196/09, Ġabra p. I-5105, punt 37). Fil-frattemp, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet abbandunat b’mod espliċitu l-kriterju li kien jeżiġi proċedura kontenzjuża jew kontradittorja, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 12), tad-19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C-111/94, Ġabra p. I-3361, punt 9), u tal-15 ta’ Jannar 2002, Lutz et (C-182/00, Ġabra p. I-547, punt 13).
( 11 ) Sentenza Job Centre (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 9).
( 12 ) Digriet tat-12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin (C-497/08, Ġabra p. I-101, punt 19).
( 13 ) Digriet Amiraike Berlin (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 20).
( 14 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 31).
( 15 ) Sentenzi Dorsch Consult (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 37), u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst (C-165/03, Ġabra p. I-5637, punt 26).
( 16 ) Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).
( 17 ) Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C-53/03, Ġabra p. I-4609), kif ukoll, f’kuntest ieħor, il-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Tedesco (C-175/06, Ġabra p. I-7929), u l-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński (C-283/09, Ġabra p. I-601).
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Fantask et (C-188/95, Ġabra p. I-6783, punt 20) dwar id-dispożizzjoni b’kontenut identiku għad-Direttiva 69/335 preċedenti (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 19 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ April 1993, Ponente Carni u Cispadana Costruzioni (C-71/91 u C-178/91, Ġabra p. I-1915, punt 31). Fil-fehma tiegħi, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra wkoll b’mod impliċitu li l-kontribuzzjoni inkwistjoni sservi sabiex tiġġedded l-iskrizzjoni tal-kumpannija.
( 21 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2008/7.
( 22 ) Sentenza Denkavit Internationaal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 23).
( 23 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
( 24 ) Sentenza Denkavit Internationaal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 24).
( 25 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Sentenza Denkavit Internationaal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 29).
( 27 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 29.
( 28 ) Sentenza Denkavit Internationaal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 32) dwar id-dispożizzjoni preċedenti tad-Direttiva 69/335 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
Full & Egal Universal Law Academy