KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2011 (1)
Kawża C-503/09
Lucy Stewart
vs
Secretary of State for Work and Pensions
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber)]
“Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Benefiċċji tal-mard – Benefiċċji tal-invalidità – Benefiċċji speċjali mhux kontributorji – Kunċetti – Benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju tal-Istat Membru – Ammissibbiltà – Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 19 u 28 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71”Werrej
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
III – Id-domandi preliminari
IV – Fuq it-trattament tal-istruttura u l-kontenut speċifiku tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju
A – Il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltŕ
B – Il-kundizzjoni tripla tar-residenza u tal-preżenza
V – Ir-residenza, kundizzjoni għall-għoti tal-benefiċċji soċjali li hija a priori suspettuża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni
A – Il-benefiċċji tal-invalidità
B – Il-benefiċċji tal-mard
VI – Il-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa bħala kundizzjoni “kostituttiva” għal rabta ta’ konnessjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni
A – L-eżami tal-possibbiltajiet fil-prinċipju
B – L-eżami tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltŕ
VII – Konklużjoni
1. Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li teżamina jekk, fi kliem estremament sempliċi, ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (2) jippermettix lil-leġiżlatur ta’ Stat Membru li jissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju soċjali għall-kundizzjoni li l-applikant ikun residenti u jkun preżenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fid-data tal-applikazzjoni u li preċedentement ikun irrisjeda fit-territorju msemmi għal ċertu żmien determinat, filwaqt li jkun jaf li l-konfigurazzjoni ta’ dan il-benefiċċju tkun għal kollox partikolari. F’dan il-każ, il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa definit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala deroga mis-sistema tal-benefiċċju tal-invalidità fid-dritt komuni. Il-kundizzjoni tar-residenza kif imsaħħa bil-kundizzjoni tal-preżenza fit-territorju, li għaliha huwa suġġett l-għoti ta’ dan il-benefiċċju soċjali, twassal biex tissostitwixxi, sempliċiment, il-kundizzjoni li wieħed irid ikun ikkontribwixxa għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali li għaliha huwa suġġett ukoll il-benefiċċju tad-dritt komuni. Għaldaqstant, il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà jippreżenta ruħu bħala benefiċċju essenzjalment mhux kontributorju, li huwa suġġett għal kundizzjoni “kostituttiva” ta’ residenza u ta’ preżenza, li tidderoga mill-kundizzjonijiet tad-dritt komuni ta’ benefiċċju li għandu l-karatteristiċi kollha ta’ benefiċċju kontributorju.
2. Jien ser nittratta din is-sitwazzjoni xi ftit paradossali permezz ta’ analiżi f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ser nissuġġetta din il-kundizzjoni tar-residenza, kif imsaħħa bil-kundizzjoni tal-preżenza, għal trattament “ordinarju”, billi neżamina l-kompatibbiltà tagħha mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71. Tali kundizzjoni hija ammissibbli fid-dawl tal-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli tar-residenza, kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, u tal-prinċipju tal-“esportabbiltà” ta’ ċerti benefiċċji soċjali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja? Fit-tieni parti, ser nipprova nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tal-ġurisprudenza “aġġustata” għall-partikolarità tal-kundizzjoni tar-residenza u tal-preżenza u għall-partikolarità tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-regolament imsemmi bil-mod kif ġej:
‘‘1. Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:
a) il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;
b) il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;
[…]
2. Dan ir-Regolament ikun japplika għall-iskemi kollha tas-sigurtà soċjali ġenerali u speċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, u għal skemi li għandhom x’jaqsmu mal-lijabiltà ta’ xi ħadd li jħaddem jew sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1.
2a. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji provduti f’liġi li, minħabba l-ambitu personali tagħha, l-għanijiet tagħha u/jew il-kundizzjonijiet għal dritt taħtha, għandha l-karatteristiċi kemm tal-liġi dwar is-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll ta’ assistenza soċjali.
‛Benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji’ tfisser dawk li:
a) huma ntiżi sabiex jipprovdu:
i) assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat; jew
ii) protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabbiltà, li jkollha x’taqsam mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat, u
b) fejn il-finanzjament ikun derivat esklużivament minn tassazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tkopri l-infiq ġenerali pubbliku u l-kondizzjonijiet sabiex jipprovdu u jikkalkolaw il-benefiċċji mhumiex dipendenti minn kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċċji provduti sabiex jiġi supplimentat benefiċċju kontributorju m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji kontributorji għal din ir-raġuni waħedha; u
ċ) huma elenkati fl-Anness IIa.”
4. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li huma l-Istati Membri li għandhom jispeċifikaw il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a) tar-regolament imsemmi.
5. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza, b’mod partikolari, mill-benefiċċji tal-invalidità. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:
“1. Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas”.
6. Il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 jiġbor id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, fosthom l-Artikolu 19 li jipprovdi li:
“1. Persuna impjegata jew taħdem għal rasha li tabita fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti, li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni fejn hemm bżonn tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, tirċievi fl-Istat li qiegħda tabita:
a) benefiċċji b’xi mod pprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni amministrata mill-istituzzjoni bħallikieku kienet assigurata magħha;
b) benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jkunu japplikaw b’similarità għall-membri tal-familja li jabitaw fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor barra l-Istat kompetenti sakemm mhumiex intitolati għal tali benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu qegħdin jabitaw.
Fejn il-membri tal-familja jabitaw fit-territorju ta’ Stat Membru taħt il-leġislazzjoni ta’ liema d-dritt li jirċievu benefiċċji b’xi mod mhux suġġett għall-kondizzjoni ta’ l-assigurazzjoni jew ta’ l-impjieg, benefiċċji b’xi mod li huma jirċievu jkunu kkunsidrati f’isem l-istituzzjoni li magħha l-impjegat jew dak li jaħdem għal rasu huma nxurjati, sakemm il-parti l-oħra tal-koppja jew il-persuna li tieħu ħsieb l-ulied ma twettaqx attività professjonali jew kummerċjali fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru”.
7. L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa fformulat kif ġej:
“1. Pensjonant li huwa intitolat għall-pensjoni taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew għall-pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri u li huwa intitolat għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorji tiegħu huwa jabita xorta jirċievi tali benefiċċji għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu, dment li huwa jkun intitolat, waqt li kif suppost jittieħdu inkonsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 u ta’ l-Anness VI, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru jew għallinqas ta’ wieħed mill-Istati Membri kompetenti fejn jidħlu l-pensjonijiet kemm-il darba huwa kien jabita fit-territorju ta’ tali Stat. Il-benefiċċji jkunu pprovduti taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:
a) il-benefiċċji b’xi mod ikunu pprovduti f’isem l-istituzzjoni li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 2 mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet pensjonant taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu huwa jabita u kien intitolat għal tali benefiċċji;
b) il-benefiċċji fi flus, fejn suppost, ikunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti kif iddeterminat mir-regoli tal-paragrafu 2, skond il-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8. Il-Liġi tal-1992 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (3)) tistabbilixxi benefiċċju tal-invalidità (“incapacity benefit”) li jiżgura dħul sostituttiv għall-persuni li jkunu għadhom ma laħqux l-età legali tal-irtirar li ma jistgħux jaħdmu minħabba mard jew diżabbiltà. Filwaqt li dan il-benefiċċju tal-invalidità huwa definit mill-Artikolu 20(1)(ċ) tal-SSCBA bħala benefiċċju soċjali ta’ natura kontributorja, huwa jitħallas, skont l-Artikolu 163 tal-Liġi tal-1992 dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà soċjali (Social Security Administration Act) mill-Fond ta’ Assigurazzjoni Nazzjonali [National Insurance Fund, Artikolu 1(1) tal-SSBCA], li l-baġit tiegħu huwa derivanti mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jirċievu dħul, mill-persuni li jħaddmu u minn oħrajn.
9. Il-benefiċċju tal-invalidità huwa magħmul minn benefiċċju mogħti għal żmien qasir, kif previst fl-Artikolu 30A(4) tal-SSCBA li jista’ jitħallas għal żmien massimu ta’ 364 ġurnata, u minn benefiċċju għal żmien twil, kif previst fl-Artikolu 30A(5) tal-SSCBA.
10. Il-benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir jitħallas b’rata inqas matul l-ewwel 196 ġurnata, u sussegwentement jitħallas b’rata ikbar, iżda li tibqa’ dejjem inqas mir-rata tal-benefiċċju tal-invalidità għal żmien twil. Il-ħlas tal-benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir ma jingħatax, skont il-paragrafu 1 tal-Anness 12 tal-SSCBA, jekk l-applikant jirċievi allowance legali tal-mard (“statutory sick pay”), li tista’ tingħata għal perijodu massimu ta’ 28 ġimgħa (196 ġurnata). L-ammont tal-benefiċċju tal-invalidità jista’ jitnaqqas bl-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar li għalihom ikun intitolat l-applikant.
11. Id-dritt għall-benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir jiddependi essenzjalment fuq l-istat tal-kontribuzzjonijiet tal-applikant.
12. L-applikanti li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet iżda li ma jkunux jistgħu jaħdmu jistgħu jitolbu suppliment għad-dħul tagħhom, li huwa benefiċċju marbut mal-mezzi.
13. Barra minn hekk, mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati jirriżulta li, skont l-Artikolu 30A(1) tal-SSCBA, il-persuni li ma jkunux jistgħu jaħdmu iżda li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet, b’mod partikolari minħabba li kienu jsofru minn diżabbiltà qabel ma laħqu l-età legali (16-il sena) biex jaħdmu, dawn ma setgħu qatt iħallsu l-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ sigurtà soċjali li jintitolawhom għall-benefiċċju tal-invalidità li jingħata għal żmien qasir, iżda xorta waħda għandhom dritt għall-istess benefiċċju mingħajr ma jkollhom juru l-istat tal-kontribuzzjonijiet tagħhom u dan dejjem jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30A(2A) tal-SSCBA, li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ April 2001 (4).
14. L-Artikolu 30A(1) tal-SSCBA jipprovdi li:
“Skont id-dispożizzjonijiet segwenti ta’ dan l-artikolu, persuna li:
a) jew tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 iktar ’il quddiem; jew ma tkun tissodisfa ebda waħda minn dawk il-kundizzjonijiet;
b) tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha elenkati fis-subparagrafu 2A iktar ’il quddiem;
għandha d-dritt li tirċievi benefiċċju tal-invalidità li jingħata għal żmien qasir għal kull ġurnata li fiha hija kienet fl-inkapaċità li taħdem […] li taqa’ taħt il-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol.”
15. L-Artikolu 30A(2A) tal-SSCBA jipprovdi li:
“(2A) Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) iktar ’il fuq huma s-segwenti:
a) [l-applikant] għandu età ta’ sittax-il sena jew iktar fid-data kkonċernata;
b) għandu inqas minn 20 sena jew, fil-każijiet previsti, 25 sena f’data li taqa’ fil-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol;
ċ) ma setax jaħdem għal perijodu ta’ 196 ġurnata konsekuttiva li jiġi immedjatament qabel id-data kkonċernata, jew f’data preċedenti matul il-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol li fiha huwa kellu 16-il sena jew iktar;
d) fid-data kkonċernata huwa jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet definiti fir-rigward tar-residenza fil-Gran Brittanja, jew fir-rigward tal-preżenza f’dak il-pajjiż; u
e) f’dik id-data, ma jkunx persuna li tkun qiegħda tieħu kors ta’ tagħlim full-time”.
16. Il-benefiċċju tal-invalidità mogħti taħt dawn il-kundizzjonijiet, li jissostitwixxi l-benefiċċju għal diżabbiltà serja, huwa ppreżentat għaldaqstant bħala “benefiċċju ta’ invalidità għal żgħażagħ b’diżabbiltà”.
17. Il-benefiċjarju tal-benefiċċju tal-invalidità li jingħata għal żmien qasir jista’, skont l-Artikolu 30A(5) tal-SSCBA, jibbenefika mill-benefiċċju tal-invalidità għal żmien twil jekk il-marda jew id-diżabbiltà tibqa’ hemm. Din l-aħħar dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
“Meta skont [l-Artikolu 30A(4) tal-SSCBA], id-dritt tal-benefiċjarju għal benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir jiskadi, dan jakkwista d-dritt għal benefiċċju tal-invalidità għal żmien twil għal kull ġurnata sussegwenti li taqa’ taħt l-istess perijodu ta’ invalidità u li matulu huwa ma jkunx għalaq l-età legali tal-irtirar.”
18. Il-kundizzjoni tar-residenza jew tal-preżenza prevista fl-Artikolu 30A(2A)(d) tal-SSCBA hija definita mill-Artikolu 16(1) tar-Regolamenti tas-Sigurtà Soċjali (Benefiċċju tal-Invalidità) tal-1994 [Social Security (Incapacity Benefit) Regulations 1994 (5)], li jinsab ifformulat b’dan il-mod:
“16. Kundizzjonijiet marbutin mar-residenza jew mal-preżenza
1) Il-kundizzjonijiet imposti għall-finijiet tal-Artikolu 30A(2A)(d) [tal-SSCBA] fir-rigward tar-residenza jew tal-preżenza fil-Gran Brittanja huma dawk tad-data li fiha, il-persuna, fid-data kkonċernata:
a) tkun normalment tirrisjedi fil-Gran Brittanja;
b) ma tkunx persuna suġġetta għall-kontroll tal-immigrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 115(9) tal-Immigration and Asylum Act 1999 [il-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil] […];
ċ) tkun preżenti fil-Gran Brittanja; u
d) kienet preżenti fil-Gran Brittanja għal perijodu jew perijodi li jirrappreżentaw dewmien totali ta’ mill-inqas 26 ġimgħa matul it-52 ġimgħa immedjatament preċedenti dik id-data.”
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
19. Lucy Stewart, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija ċittadina Britannika li twieldet fl-20 ta’ Novembru 1989, ilha tgħix fi Spanja mal-ġenituri tagħha minn Awwissu tas-sena 2000. Peress li hija tbati bis-sindrome ta’ Down, hija qatt ma ħadmet u huwa stabbilit li x’aktarx hija ma tista’ qatt teżerċita attività professjonali, għall-inqas waħda normali.
20. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibbenefika minn allowance għas-sussistenza ta’ persuni b’diżabbiltà (“disability living allowance (6)) u dan b’effett minn April 1992 meta kienet inħolqot l-istess allowance. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li qabel hija kienet probabbilment irċeviet allowance għall-għajnuna mingħand terza persuna. Dawn l-allowances ingħatawlha fi Spanja taħt l-Artikolu 95b tar-Regolament Nru 1408/71. L-allowance għas-sussistenza ta’ persuni b’diżabbiltà tista’, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, tingħata għal żmien indefinit, jiġifieri sakemm ma jinbidlux iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal dak id-dritt.
21. Omm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ilha tirċievi pensjoni ta’ rtirar mill-25 ta’ Lulju 2005 u, qabel, kienet tibbenefika minn benefiċċju ta’ invalidità.
22. Missier ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-aħħar li ħadem kien fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq matul is-sena fiskali 2000/2001, jirċievi pensjoni professjonali u, b’effett minn Ottubru 2009, jirċievi pensjoni ta’ rtirar mingħand dan l-Istat Membru.
23. Fil-31 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet irrappreżentata minn ommha, applikat biex, b’effett minn għeluq is-sittax-il sena tagħha, tingħata l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir għal żgħażagħ b’diżabbiltà previst fl-Artikolu 30A(2A) tal-SSCBA.
24. Fl-24 ta’ Novembru 2005, is-Secretary of State for Work and Pensions, il-parti konvenuta fil-kawża prinċipali, ċaħad din it-talba minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali “ma [kinitx] preżenti fil-Gran Brittanja”.
25. Huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx tissodisfa la l-kundizzjoni tar-residenza, la l-kundizzjoni tal-preżenza u lanqas il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti, li huma previsti fl-Artikolu 16(1)(a), (ċ) u (d) tal-SSIBR rispettivament.
26. Wara rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dejjem irrappreżentata minn ommha, is-Secretary of State for Work and Pensions reġa’ rreveda u kkonferma d-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2005. Filwaqt li enfasizza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet għexet fi Spanja fil-ħames snin ta’ qabel l-applikazzjoni tagħha, is-Secretary of State for Work and Pensions indika li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni li teżiġi li hija kellha tkun preżenti fil-Gran Brittanja fl-ewwel ġurnata li minnha hija riedet tibda tibbenefika mill-benefiċċju tal-invalidità. Huwa żied jgħid li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma setgħetx tgħinha tissodisfa din il-kundizzjoni.
III – Id-domandi preliminari
27. Kienu dawn iċ-ċirkustanzi li fihom, il-qorti tar-rinviju, l-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber), li kellha quddiemha l-appell minn din l-aħħar deċiżjoni, iddeċidiet, fis-16 ta’ Novembru 2009, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1 Benefiċċju bil-karatteristiċi ta’ benefiċċju tal-invalidità mogħti fiż-żgħożija għal żmien qasir huwa benefiċċju tal-mard jew benefiċċju tal-invalidità għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Nru 1408/71’)?
2 Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li tali benefiċċju għandu jitqies bħala benefiċċju tal-mard:
a) Persuna, bħal omm ir-rikorrenti, li waqfet definittivament milli twettaq kwalunkwe attività bħala impjegata jew għal rasha peress li rtirat, hija ‘persuna impjegata’ għall-finijiet tal-Artikolu 19 minħabba li qabel kienet twettaq attività bħala impjegata jew għal rasha, jew ir-regoli applikabbli huma dawk stabbiliti fl-Artikoli 27 sa 34 (pensjonanti)?
b) Persuna, bħal missier ir-rikorrenti, li mill-2001 qatt ma wettaq attività bħala impjegat jew għal rasu, huwa, madankollu, ‘persuna impjegata’ għall-finijiet tal-Artikolu 19 minħabba li qabel kien iwettaq attività bħala impjegat jew għal rasu?
ċ) Rikorrent [Applikant] għandu jitqies bħala ‘pensjonant’ għall-finijiet tal-Artikolu 28 minħabba l-għoti ta’ benefiċċju miksub skont l-Artikolu 95b tar-Regolament Nru 1408/71, minkejja l-fatt li: (i) ir-rikorrent [l-applikant] inkwistjoni qatt ma kien persuna impjegata skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71; (ii) ir-rikorrent [l-applikant] ma jkunx laħaq l-età ta’ rtirar stabbilita mill-Istat; u (iii) ir-rikorrent [l-applikant] jaqa’ biss taħt l-applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71 bħala membru tal-familja?
d) Jekk pensjonant jaqa’ taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, membru tal-familja ta’ dak il-pensjonant, li jkun dejjem għix ma’ u fl-istess Stat bħall-pensjonant, jista’, skont l-Artikolu 28(1), flimkien mal-Artikolu 29, jitlob li jingħata benefiċċju tal-mard fi flus kontanti mill-istituzzjoni kompetenti stabbilita mill-Artikolu 28(2), fejn tali benefiċċju (jekk dovut) ikun pagabbli lill-membru tal-familja (u mhux pagabbli lill-pensjonant)?
e) Jekk applikabbli (minħabba r-risposta għad-domandi (a) sa (d)), l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali nazzjonali li tillimita l-kisba inizjali ta’ dritt għal benefiċċju tal-mard għal dawk li jkunu kkompletaw perijodu meħtieġ ta’ residenza preċedenti fl-Istat Membru kompetenti fi żmien preċedenti definit, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u/jew 28 tar-Regolament Nru 1408/71?
3 Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li tali benefiċċju għandu jitqies bħala benefiċċju tal-invalidità, il-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 li jirreferi għal benefiċċji ‘miksuba skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar’ ifisser li l-Istati Membri jibqa’ jkollhom id-dritt, taħt ir-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-kisba inizjali ta’ tali benefiċċji tal-invalidità li huma bbażati fuq ir-residenza fl-Istat Membru jew fuq prova tal-preżenza passata matul perijodi meħtieġa fl-Istat Membru, b’mod li rikorrent [applikant] ma jistax l-ewwel isostni li għandu dritt għal tali benefiċċju minn Stat Membru ieħor?” (7).
IV – Fuq it-trattament tal-istruttura u l-kontenut speċifiku tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju
28. Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li, matul ir-risposta tiegħi, irrid neċessarjament nanalizza kemm l-istruttura kif ukoll ir-rilevanza tad-diversi domandi li saru, li ser jingħaddu minn għarbiel biex jitqassru. Fi kliem sempliċi, ser ngħaddi biex nuri kif id-distinzjoni bejn il-benefiċċju tal-mard u l-benefiċċju tal-invalidità, li hija s-suġġett tal-ewwel domanda u li fuqha huma bbażati l-bqija tad-domandi, hija fil-prattika mingħajr effett; ser nipprova nuri kemm hu diffiċli li l-kundizzjoni tar-residenza tiġi ttrattata b’mod indipendenti mill-kundizzjoni tal-preżenza; fl-aħħar nett, ser nipprova nuri li l-punt kruċjali mqajjem minn din il-kawża huwa dak tar-“residenza ordinarja” u li huwa biss f’dan il-kuntest li jkun verament possibbli li wieħed jaħseb, meta jkun il-każ, fuq l-istat tar-rikorrenti, fuq il-kwalità tagħha bħala membru tal-familja ta’ persuna intitolata għall-pensjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. Il-problema hija li din ir-“rikostruzzjoni” tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tistax sempliċiment issir fil-bidu tar-risposta li ser nipproponi li tingħata; hija tista’ tirriżulta biss mir-raġunament li għandu jsegwi. Għal dan il-għan, trid qabel kollox tiġi identifikata s-singolarità ta’ dak li hawnhekk jissejjaħ il-“benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà”.
A – Il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà
29. Is-singolarità tal-benefiċċju tal-invalidità li jingħata għal żmien qasir lil persuni b’diżabbiltà, li ġie introdott fl-2001 (8), tinsab fil-fatt li dan jikkostitwixxi benefiċċju essenzjalment mhux kontributorju (9) li huwa ċentrali għal dispożittiv iktar ġenerali, il-benefiċċju ta’ invalidità tad-dritt komuni, li jippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ benefiċċju kontributorju.
30. Fil-fatt, il-benefiċċju tal-invalidità tad-dritt komuni jingħata taħt il-kundizzjoni, prinċipalment, li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet fl-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali, filwaqt li, b’deroga minn din il-kundizzjoni, il-benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà jingħata indipendentement minn kull kontribuzzjoni iżda taħt il-kundizzjoni li l-applikant ikun jissodisfa kundizzjoni tripla (10) tar-residenza u tal-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru.
31. Fil-fatt, huwa jista’ jingħata, b’mod personali, bħala dħul sostituttiv, lil kull persuna li, wara li tkun laħqet l-età legali biex taħdem, issib ruħha fl-inkapaċità li taħdem minħabba mard jew diżabbiltà u ma tistax tibbenefika mill-benefiċċju tal-invalidità tad-dritt komuni għaliex ma tkunx ħallset il-kontribuzzjonijiet qabel. Din hija s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, żagħżugħa b’diżabbiltà li ma ħadmet qatt, li applikat biex tieħu l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà minn meta għalqet 16-il sena.
B – Il-kundizzjoni tripla tar-residenza u tal-preżenza
32. B’mod iktar konkret, il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà huwa suġġett għall-kundizzjoni tripla li l-applikant irid ikun jirrisjedi b’mod ordinarju fit-territorju tal-Istat Membru (il-kundizzjoni tar-residenza ordinarja), irid ikun preżenti fid-data tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju msemmi (il-kundizzjoni tal-preżenza attwali) u jrid ikun preżenti f’dak l-istess territorju matul tal-inqas 26 ġimgħa mit-52 ġimgħa ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni (il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti). Għaldaqstant din hija kundizzjoni ta’ residenza ordinarja b’xi mod “imsaħħa” b’kundizzjoni doppja ta’ preżenza.
33. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, jekk l-applikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet miċħuda minħabba li hija ma kinitx tissodsifa l-kundizzjoni tal-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru fid-data tal-applikazzjoni, hija kellha daqstant ieħor tiġi miċħuda jekk hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tar-residenza jew il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti. Barra minn hekk, jidher li mid-domanda 2(e), li tirrigwarda biss il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti, u mit-tielet domanda, li tirrigwarda kemm il-kundizzjoni tar-residenza kif ukoll il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn il-kundizzjonijiet huma “indipendenti”, li japplikaw b’mod indipendenti u li, konsegwentement, għandhom jinftiehmu b’mod indipendenti.
34. F’dan il-każ, għandu jsir enfasi fuq il-fatt li ż-żewġ kundizzjonijiet tal-preżenza ma jagħmlux sens, fuq livell sistematiku, ħlief fir-rigward tal-kundizzjoni tar-residenza. Fil-fatt, jidher li għandu jiġi eskluż li l-leġiżlatur nazzjonali seta’ jikkontempla l-possibbiltà li l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà jingħata biss abbażi tal-preżenza preċedenti u/jew tal-preżenza attwali tal-applikant, jiġifieri f’każ fejn l-applikant, filwaqt li ma jkollux ir-residenza ordinarja fit-territorju tal-Istat Membru, jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra. Dan ifisser li, għalkemm wieħed jista’ jargumenta dwar il-kompatibbiltà ta’ kundizzjoni tal-preżenza preċedenti mad-dritt tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni kostanti li l-kundizzjoni tar-residenza ordinarja hija dejjem inkompatibbli mal-istess dritt tal-Unjoni, huwa ċar li l-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti, fi ħdan l-istruttura tal-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, ma tista’ qatt teżisti b’mod indipendenti.
35. Bħala konklużjoni, id-distinzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju bejn il-benefiċċji tal-mard u l-benefiċċji tal-invalidità ma twassalx, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet rispettivi inkwistjoni, jiġifieri l-kundizzjoni tar-residenza ordinarja f’każ wieħed u l-kundizzjonijiet tar-residenza ordinarja u tal-preżenza preċedenti f’każ ieħor, għal ebda konsegwenza, tal-inqas jekk il-kundizzjoni tar-residenza ordinarja tirriżulta li hija illegali kemm f’każ kif ukoll fl-ieħor, liema ħaġa ser insostni fl-ewwel lok.
V – Ir-residenza, kundizzjoni għall-għoti tal-benefiċċji soċjali li hija a priori suspettuża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni
36. Il-kundizzjonijiet tar-residenza huma, fil-prinċipju, “suspettużi” fid-dritt tal-Unjoni. B’mod ġenerali, dawn jitqiesu li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li japplikaw għall-benefiċċji tal-mard kif ukoll għall-benefiċċji tal-invalidità, dejjem meta dawn jiġu imposti b’mod “addizzjonali”, jiġifieri b’żieda mal-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-drittijiet, liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri. Kif għidt qabel, f’dan l-ewwel stadju ser nipprova nippreżenta d-dritt li japplika daqslikieku qegħdin nittrattaw klawżola ta’ residenza ordinarja.
A – Il-benefiċċji tal-invalidità
37. L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi l-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza (11) u jiżgura l-“esportabbiltà” tal-benefiċċji tal-invalidità, huwa intiż, b’mod partikolari, li jiffavorixxi, skont l-Artikolu 42 KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema billi jipproteġi lill-persuni kkonċernati mill-preġudizzji li jistgħu jirriżultaw mit-trasferiment tar-residenza tagħhom minn Stat Membru għal ieħor (12).
38. Din id-dispożizzjoni timplika mhux biss li l-persuni kkonċernati jibqagħlhom id-dritt li jibbenefikaw mill-pensjonijiet, renti u allowances akkwistati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, anki wara li jkunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll, ħaġa li hija partikolarment importanti f’dan il-każ, li l-akkwist ta’ dak id-dritt ma jistax jiġi rrifjutat lilhom minħabba r-raġuni waħdanija li huma ma joqogħdux fit-territorju tal-Istat fejn tkun tinsab l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas (13). Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Stanton Newton (14), iċċitata iktar ’il fuq, kieku tali distinzjoni kienet ammessa, kien ikun wisq faċli li tiġi evitata l-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71: “kien ikun biżżejjed għal-leġiżlatur li jqiegħed il-kundizzjonijiet tar-residenza fost il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju biex jippermetti lill-istess kundizzjonijiet li jevitaw dik il-projbizzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Il-benefiċċji tal-mard
39. L-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru kompetenti jibbenefika, fl-Istat Membru ta’ residenza, minn benefiċċji fi flus ipprovduti fl-Istat Membru kompetenti, sakemm ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-istess Stat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji msemmija.
40. Din id-dispożizzjoni tipprekludi wkoll kull dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċji tal-mard għal kundizzjoni ta’ residenza (15).
41. Bl-istess mod, il-membru tal-familja ta’ ħaddiem, għandu d-dritt, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jitlob, fl-Istat Membru ta’ impjieg tal-ħaddiem imsemmi, li jingħata l-benefiċċji tal-mard fi Stat Membru ieħor fejn huwa jkollu r-residenza tiegħu, u dan sakemm huwa jkun jissodisfa hemmhekk il-kundizzjonijiet kollha għall-għoti u sakemm ma jkollux dritt għal benefiċċju simili skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fit-territorju tiegħu huwa jkun jgħix (16).
42. Fis-sentenza Hosse, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż, b’mod partikolari sabiex l-għoti ta’ benefiċċji tal-mard ma jkunx suġġett għall-kundizzjoni ta’ residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru kompetenti, sabiex ma jiskoraġġix lill-ħaddiem Komunitarju milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun “kontra l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1408/71 li t-tifla ta’ ħaddiem tiġi miċħuda mill-vantaġġ ta’ benefiċċju li għalih hija kellha dritt li kieku hija kienet tgħix fl-Istat Membru kompetenti” (17).
43. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja irrikonoxxiet ukoll id-dritt, taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-mard u dan anki lil persuni intitolati għal pensjoni jew renta (18).
44. Fid-dawl tal-loġika tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jista’ jiġi aċċettat, fl-aħħar nett, li dan id-dritt għall-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-mard għandu jiġi rikonoxxut ukoll lill-membri tal-familja ta’ persuna intitolata għal pensjoni.
45. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu, kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit, li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, fl-ewwel lok, tiddeċiedi li dixxendent dipendenti fuq ħaddiem migrant ma setax, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem, jippretendi li jingħata l-allowance għal persuni b’diżabbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala dritt proprju tiegħu stess (19), madankollu, hija llimitat b’mod ħafna iktar serju l-portata ta’ din il-ġurisprudenza (20).
46. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-distinzjoni bejn id-drittijiet proprji tal-ħaddiem u d-drittijiet derivati tal-membri tal-familja tiegħu ma hijiex rilevanti ħlief meta l-membru tal-familja jinvoka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li japplikaw esklużivament għall-ħaddiema, bl-esklużjoni tal-membri tal-familja tagħhom (21).
47. Konsegwentement, jekk il-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 jew il-prinċipju tal-“esportabbiltà” tal-benefiċċji tal-mard espress permezz tal-ġurisprudenza fuq l-Artikoli 19 u 28 tar-regolament imsemmi kienu rigorożament, u biex ngħidu hekk, applikati mekkanikament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà għandu jingħata lir-rikorrenti fil-kawża msemmija.
48. Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi, skont din il-ġurisprudenza kollha, li l-Artikolu 10 jew l-Artikoli 19 u 28 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, għal persuna fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ kundizzjoni ta’ residenza msaħħa kif inhi dik tal-kawża prinċipali, jew ukoll li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jkollu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza preċedenti fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.
49. Huwa taħt dan l-aspett, u qabel ma ngħaddi għall-analiżi segwenti, li jeħtieġ li ssir enfasi fuq il-fatt li l-kundizzjoni tar-residenza msaħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex rwol “addizzjonali” biex tassumi, min-naħa l-oħra, funzjoni kompletament ta’ natura oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kieku din kellha tkun ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju, il-konsegwenza ma tkunx żgħira. Biex tiġi meqjusa kompletament din l-għażla, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, fl-assenza tal-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa, kull ċittadin ta’ Stat Membru li jsib ruħu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri li għandu bejn 16 u 20 sena (sa massimu ta’ 25 sena) iżda li huwa inkapaċi li jaħdem fil-196 ġurnata preċedenti d-data ta’ għeluq is-16-il sena tiegħu, u li ma jkunx jattendi għal tagħlim full-time, jista’ jitlob u jirċievi l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, mingħajr ma kien qatt affiljat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali f’dak l-Istat Membru.
50. Dan iwassal biex tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat b’mod li jista’ jobbliga Stat Membru biex jagħżel inevitabbilment bejn it-tneħħija tal-benefiċċju soċjali hekk magħruf, fejn il-kundizzjonijiet għall-għoti jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa raġonevoli, u t-trasformazzjoni tal-benefiċċju soċjali msemmi b’mod li jkun jista’ jiġi kklassifikat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala benefiċċju soċjali ta’ natura kontributorja. M’iniex tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni jimponi tali għażla.
VI – Il-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa bħala kundizzjoni “kostituttiva” għal rabta ta’ konnessjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni
51. Mill-ġurisprudenza kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li fil-każijiet kollha fejn il-kundizzjonijiet ta’ residenza ġew ikkunsidrati bħala inkompatibbli ma’ dak li jippreskrivi d-dritt tal-Unjoni, huma kienu japplikaw essenzjalment bħala kundizzjonijiet “addizzjonali” jew supplimentari għall-kundizzjonijiet biex jiġi akkwistat id-dritt għall-benefiċċji soċjali, ġeneralment il-kundizzjonijiet dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ sigurtà soċjali, u għaldaqstant kienu jwettqu prinċipalment funzjoni biex jeskludu lill-benefiċjarji li jkunu użaw id-dritt għall-moviment liberu tagħhom. Huwa ġustament f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-ġurisprudenza rriżultat li hija eżiġenti b’mod partikolari fl-applikazzjoni tagħha tal-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza jew tal-prinċipju ta’ “esportabbiltà” tal-benefiċċji soċjali.
52. Madankollu, il-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha f’din il-kawża, tippreżenta ruħha f’kuntest għal kollox differenti. Huwa minn dan l-aspett li għandu jiġi evalwat l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit, fejn isostni li l-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa hija kundizzjoni biex jiġi akkwistat id-dritt għall-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, li fl-interess tal-benefiċjarji tiegħu, tissostitwixxi l-kundizzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tad-dritt komuni.
53. F’dan ir-rigward, u qabel kollox, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Istati Membri kienu żammew il-kompetenza tagħhom biex jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, taħt il-kundizzjoni li huma jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni (22). Din il-kompetenza timplika li huwa l-obbligu tagħhom li jiddefinixxu kemm il-perimetru tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-benefiċċji soċjali mogħtija fil-kuntest tas-sistema msemmija, sakemm dawk il-kundizzjonijiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod prinċipali li ma jkunux diskriminatorji. Huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddefinixxu l-portata tas-solidarjetà nazzjonali u l-kundizzjonijiet li fihom din għandha ssib l-espressjoni tagħha. Huwa l-obbligu tagħhom, b’mod partikolari, li jagħmlu distinzjoni fost id-diversi benefiċċji mogħtija, bejn dawk li jkunu ta’ natura kontributorja u dawk li jkollhom il-karatteristiċi ta’ benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, dejjem filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni (23).
54. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 għandu l-għan biss li, skont l-Artikolu 42 KE, jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u mhux li jarmonizzahom. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tad-dritt jew tal-obbligu tal-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali jew ma’ xi parti jew oħra tal-iskema msemmija, inkwantu dawn il-kundizzjonijiet ma jagħmlu ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra (24).
55. Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandha tiġi eżaminata din il-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa li għaliha huwa suġġett il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, inkwantu din tissostitwixxi l-kundizzjoni tal-kontribuzzjonijiet taħt id-dritt komuni u tissodisfa, konsegwentement, il-funzjoni tar-rabta ta’ konnessjoni normalment mogħtija lil din tal-aħħar. Minn dan l-aspett, ser nipprova, fl-ewwel lok, neżamina jekk, fil-prinċipju, huwiex possibbli li tali kundizzjoni ta’ residenza tiġi aċċettata biex, sussegwentement, fit-tieni lok, nipprova nislet il-kundizzjonijiet li għalihom hija għandha tkun suġġetta.
A – L-eżami tal-possibbiltajiet fil-prinċipju
56. Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 1408/71 ma jeskludix b’mod assolut li r-residenza tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tikkostitwixxi kriterju ta’ konnessjoni mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, bħalma huwa perijodu ta’ impjieg. Xhieda ta’ dan huwa, b’mod partikolari, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1408/71, li jikkontempla l-possibbiltà li leġiżlazzjoni nazzjonali “tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji kkondizzjonat mit-tkomplija ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew residenza” (25).
57. Barra minn hekk, l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi espressament il-fakultà li l-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja għal kundizzjoni ta’ residenza.
58. Fuq nota oħra, jekk il-kundizzjonijiet ta’ residenza jitqiesu ġeneralment bħala restrizzjonijiet għal-libertà tal-moviment fis-sens tal-Artikolu 18 KE, huwa rikonoxxut ukoll, b’mod partikolari, li huma jistgħu jkunu ġġustifikati biss (26), fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, meta jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u meta jkunu proporzjonati għall-għan leġittimu segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (27).
59. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-użu tar-residenza, min-naħa tal-leġiżlatur nazzjonali, bħala kriterju biex jiġi limitat iċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ benefiċċju soċjali u għaldaqstant il-portata tal-obbligu ta’ solidarjetà li tiegħu dan huwa xhieda, seta’, bħala manifestazzjoni tal-grad tar-rabta li l-persuni inklużi għandhom mas-soċjetà li wasslet għal dan l-isforz ta’ solidarjetà, jikkostitwixxi kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali (28) tali li tiġġustifika li tiġi limitata l-libertà ta’ moviment tal-persuni.
60. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li n-natura minnha nfisha essenzjalment mhux kontributorja tal-benefiċċji tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà tieħu l-importanza tagħha.
61. Taħt diversi aspetti, fil-fatt, il-kundizzjonijiet stess għall-għoti tal-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, bħala derogi mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-invalidità, taħt id-dritt komuni, li huma bbażati fuq il-prinċipju tal-ħlas minn qabel tal-kontribuzzjonijiet, jikkostitwixxu l-manifestazzjoni ta’ sforz ta’ solidarjetà li jirrifletti mingħajr ebda dubju kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, f’dan il-każ il-ħtieġa li jiġu protetti l-ħaddiema żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jaħdmu u li ma jkunux koperti bl-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard taħt id-dritt komuni.
62. Hekk kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit, għalkemm il-kundizzjoni tar-residenza msaħħa sservi effettivament bħala kundizzjoni biex jiġi akkwistat id-dritt għall-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, dan huwa biss biex jittaffa n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet minn qabel mill-benefiċjarji tiegħu.
63. Dak li huwa rilevanti ma huwiex wisq il-fatt li l-benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà huwa essenzjalment mhux kontributorju, iżda r-rwol li l-kundizzjoni tar-residenza msaħħa hija intiża li jkollha meta ma jkunux tħallsu kontribuzzjonijiet, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn ma jkun hemm ebda rabta ta’ konnessjoni bejn il-benefiċċju u l-benefiċjarju tiegħu, u lanqas bejn l-Istat Membru meqjus bħala kompetenti u l-applikant għall-benefiċċju.
64. Fi kliem ieħor, il-kundizzjoni tar-residenza msaħħa sservi biex tissostitwixxi l-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ sigurtà soċjali (29); hija tapplika bħala rabta ta’ konnessjoni indispensabbli u huwa b’dan il-mod li hija trid tiġi analizzata, jiġifieri bħala rabta ta’ konnessjoni bejn il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà u l-benefiċjarji tiegħu. Hija twettaq għaldaqstant funzjoni mhux “addizzjonali” għall-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għall-benefiċċju iżda “kostituttiva” tar-rabta ta’ konnessjoni bejn l-iskema ta’ sigurtà soċjali li taħtha jaqa’ l-benefiċċju, u l-benefiċjarji tagħha li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.
65. Minn dan l-aspett, din il-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa hija intiża bil-għan li, fiċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-benefiċċju tal-invalidità b’mod ġenerali, jiġu inklużi ż-żgħażagħ b’diżabbiltà li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet u mhux biex teskludi mill-benefiċċju liż-żgħażagħ b’diżabbiltà li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.
66. Madankollu, il-fatt biss li l-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa ma għandha ebda għan diskriminatorju ma jimplikax li hija trid titqies awtomatikament bħala li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Irid xorta waħda jiġi żgurat li hija ma għandha ebda effett diskriminatorju u li l-applikazzjoni tagħha tkun perfettament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li tqum il-kwistjoni inevitabbli dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tagħha.
B – L-eżami tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà
67. Kundizzjoni ta’ residenza msaħħa bħalma hija dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, jekk ikun il-każ, tkun iġġustifikata ħlief jekk ma tkunx suġġetta għall-kundizzjoni doppja li hija sservi bħala rabta ta’ konnessjoni u li hija ma tistax hekk isservi ħlief fin-nuqqas ta’ kull rabta’ ta’ konnessjoni oħra.
68. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kundizzjoni ta’ residenza ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi sinjal suffiċjentement indikattiv tar-rabta tal-applikanti mal-Istat Membru li qed jagħti l-benefiċċju, peress li dan jista’ jwassal għal riżultati diverġenti għal persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li l-livell ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju kkonċernat huwa paragunabbli f’kull aspett (30).
69. Huwa taħt dan l-aspett li għandha tiġi eżaminata d-domanda 2(e) tal-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-fatt, jekk il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti, li hija tikkunsidra iżolatament mingħajr ma tikkunsidra l-kundizzjonijiet l-oħra u b’mod partikolari l-kundizzjoni tar-residenza ordinarja, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u/jew 28 tar-Regolament Nru 1408/71. F’dan il-każ, anki jekk wieħed jippreżumi li l-kundizzjoni ta’ residenza preċedenti tista’ tiġi applikata indipendentement mill-kundizzjoni tar-residenza ordinarja (31), hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk u sa fejn hija tista’ twettaq il-funzjoni ta’ rabta’ ta’ konnessjoni u titqies bħala li hija suffiċjenti biex turi l-grad ta’ integrazzjoni meħtieġ.
70. Il-kundizzjoni tar-residenza li ġiet sussegwentement aċċettata bħala rabta ta’ konnessjoni ma tistax, barra minn hekk, tiġi invokata kontra persuna li tkun diġà intitolata għall-benefiċċju tal-mard jew tal-invalidità, jekk mhux bi ksur tal-ġurisprudenza dwar il-prinċipji tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza u tal-“esportabbiltà” tal-benefiċċji msemmija iktar ’il fuq.
71. Għaldaqstant, kundizzjoni “kostituttiva” ta’ residenza ma hijiex ammissibbli ħlief biex isservi għall-inklużjoni, bħala kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għall-benefiċċju. Ġaladarba l-funzjoni tagħha bħala rabta ta’ konnessjoni tiġi eżawrita, hija ma ma tkunx tista’ tibqa’ sservi bħala tali.
72. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ iwassluni biex neżamina l-kwistjoni dwar jekk rabta indiretta ta’ affiljazzjoni tistax titqies bħala rabta ta’ konnessjoni suffiċjenti b’tali mod li teskludi li, f’dan il-każ, tkun tista’ tiġi invokata l-kundizzjoni ta’ residenza.
73. Huwa possibbli li jiġi aċċettat li l-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrenti fil-kawża msemmija, inkwantu r-rabtiet ta’ parentela tagħha ma’ persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jikkostitwixxu rabta indiretta ta’ konnessjoni mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit?
74. Wieħed jista’ jinduna faċilment li huwa taħt dan l-aspett li l-kwistjoni tal-istat tar-rikorrenti fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, u ta’ dak tal-ġenituri tagħha fir-rigward tal-iskema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit, tqum b’intensità partikolari, fejn dawn tal-aħħar iridu jiġu eżaminati filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-benefiċċju tal-invalidità għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà.
75. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tinvoka l-“esportazzjoni” ta’ benefiċċju, li għalih għandha dritt personalment, filwaqt li tuża l-kwalità tagħha ta’ membru tal-familja ta’ persuna li hija intitolata għal pensjoni li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li tibbaża fuq rabta ta’ konnessjoni li tgħaqqad lil dik il-persuna mal-iskema ta’ sigurtà soċjali li tħallas?
76. Għandu jiġi mfakkar li, kif għadni kif urejt, Stat Membru jista’, fil-prinċipju, jorganizza skema ta’ sigurtà soċjali li tissuġġetta benefiċċju soċjali, kemm jekk ikun benefiċċju tal-mard kemm jekk benefiċċju tal-invalidità, għall-kundizzjoni li l-applikant irid ikun jissodisfa kundizzjoni ta’ residenza, sakemm dik il-kundizzjoni jkollha l-għan biss li tistabbilixxi rabta ta’ konnessjoni bejn l-applikant imsemmi mal-iskema msemmija u tkun tista’ tiġi invokata biss f’każ li ma jkunx hemm rabta ta’ konnessjoni simili oħra.
77. Bl-istess mod u a fortiori, huwa għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar l-intensità u n-natura tar-rabta ta’ konnessjoni meħtieġa. Kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, peress li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-affiljazzjoni mal-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali u biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt għall-benefiċċju, sakemm dawn ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, jista’ jiġi dedott minn dan li normalment huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu, b’mod ġenerali u jekk ikun il-każ, jidentifika r-rabtiet ta’ konnessjoni li eventwalment jistgħu jissostitwixxu r-rabtiet tradizzjonali ta’ impjieg jew tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet (32).
78. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rabta ta’ parentela tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tistax tikkostitwixxi tali rabta ta’ konnessjoni u, konsegwentement, titqies bħala suffiċjenti biex tiġi prekluża l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ residenza msaħħa u biex tissostitwiha. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-fatt, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-qorti tar-rinviju sabiex tistabbilixxi jekk, fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà jingħata b’mod personali lill-persuni li jkunu fl-inkapaċità li jaħdmu, huwa jistax jew għandux jingħata lil persuna fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan biss minħabba li hija membru tal-familja ta’ persuni affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru inkwistjoni u hija dipendenti fuqhom.
VII – Konklużjoni
79. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lilha mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) bil-mod kif ġej:
“1) Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju soċjali bħalma huwa l-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, għal kundizzjoni ta’ residenza, kemm jekk l-istess benefiċċju jiġi kklassifikat bħala benefiċċju tal-invalidità kemm jekk bħala benefiċċju tal-mard skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, sakemm dik il-kundizzjoni, hekk kif applikata bħala deroga mill-kundizzjoni tal-ħlas minn qabel tal-kontribuzzjonijiet u li tissostitwixxi lil din tal-aħħar, isservi biss, fl-ewwel lok bħala rabta ta’ konnessjoni bejn l-applikant u l-iskema ta’ sigurtà soċjali li taħtha jaqa’ l-imsemmi benefiċċju u fit-tieni lok, ma tistax tiġi invokata kontra persuni li jistgħu jsibu ġustifikazzjoni abbażi ta’ rabta ta’ konnessjoni ta’ valur paragunabbli.
2) Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk jistax jitqies li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari l-kwalità tagħha ta’ membru tal-familja ta’ persuna li hija intitolata għal pensjoni fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, tippermettix li jiġi konkluż li teżisti rabta ta’ konnessjoni suffiċjenti biex tipprekludi li tiġi invokata kontriha l-imsemmija kundizzjoni ta’ residenza.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Ir-Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
3 – Kif emendat bis-Social Security (Incapacity for Work) Act 1994, Artikolu 1(1) u bil-Welfare Reform and Pensions Act 1999, Artikolu 64; iktar ’il quddiem l-“SSCBA”.
4 – Welfare Reform and Pensions Act 1999, Artikolu 64.
5 – Iktar ’il quddiem l-“SSIBR”.
6 – Iktar ’il quddiem id-“DLA”.
7 – Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li l-Kummissjoni kienet bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza preċedenti li għaliha huwa suġġett l-għoti tal-benefiċċji ta’ invalidità kklassifikati bħala benefiċċji tal-mard. Madankollu, hija indikat espressament li hija ma dehrilhiex li kellha tbiddel id-domandi preliminari tagħha biex tieħu dan inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, minn komunikat għall-istampa (Sécurité sociale: l’UE prend des mesures pour garantir le versement de prestations aux Britanniques résidant à l’étranger, Communiqué de presse IP/10/7999, 24 ta’ Ġunju 2010) jirriżulta li l-Kummissjoni ordnat uffiċjalment lir-Renju Unit biex jagħti liċ-ċittadini tiegħu stess li jabitaw fi Stat Membru ieħor, ċerti benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. Hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, kemm kontra r-Regolamenti Nru 1408/71 u 883/2004, kif ukoll kontra d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u l-moviment liberu tal-persuni, il-kundizzjoni tal-preżenza preċedenti, li għaliha huma suġġetti l-allowance għas-sussistenza ta’ persuni b’diżabbiltà (“disability living allowance”), l-allowance għall-għajnuna minn terza persuna (“attendance allowance”) u l-allowance għal min jieħu ħsieb l-invalidi (“carer’s allowance”), meqjusin bħala “benefiċċji tal-mard fi flus” intiżi li jipproteġu l-persuni li għandhom bżonn kura partikolari, kif ukoll lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Dawn it-tliet benefiċċji kienu ġew ikklassifikati bħala benefiċċji speċjali mhux kontributorji u hekk imniżżla fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71 qabel ma ġew riklassifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑299/05, Ġabra p. I‑8695).
8 – Il-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, stabbilit bis-saħħa tal-Welfare Reform and Pensions Act 1999, section 64, li jemenda l-Artikolu 30A tal-SSCBA, u li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ April 2001.
9 – Madankollu, dan huwa kklassifikat bħala kontributorju mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u, konsegwentement, mill-qorti tar-rinviju, u għandu jitqies ukoll li ma huwiex benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71, sakemm ma jinsabx fil-lista tal-Anness IIa tar-regolament imsemmi u sakemm ma jistax hekk ikun fin-nuqqas li jiġi emendat ir-regolament imsemmi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u dan kif jirriżulta wkoll mill-Artikoli 5 u 97 tar-Regolament Nru 1408/71. Madankollu, jidher li dan in-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ma għandu ebda effett, la fuq il-finanzjament tal-benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà, u lanqas fuq il-modi tal-ħlas tiegħu mill-Fondi tal-assigurazzjoni nazzjonali.
10 – Ħlief għal dak li ser jingħad iktar ’il quddiem.
11 – Madankollu, fin-nuqqas ta’ proċeduri speċjali għall-applikazzjoni fis-sens tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 1990, Winter-Lutzins (C‑293/88, Ġabra p. I‑1623) u tal-25 ta’ Frar 1986, Spruyt (284/84, Ġabra p. 685). F’dan il-każ, l-Anness VI tar-regolament imsemmi ma jinvolvi ebda proċedura speċjali li tikkonċerna l-benefiċċju soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew inkella s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
12 – Taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3, tal-25 ta’ Settembru 1958, dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 30, p. 561), ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1973, Smieja (51/73, Ġabra p. 1213, punti 14 u 15); għall-benefiċċji tax-xjuħija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1983, Piscitello (139/82, Ġabra p. 1427, punt 15); is-sentenza Winter-Lutzins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, de Wit (C‑282/91, Ġabra p. I‑1221, punt 18).
13 – Taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3, ara s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1982, Camera (92/81, Ġabra p. 2213, punt 14); għall-benefiċċji tal-invalidità, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1986, van Roosmalen (300/84, Ġabra p. 3097, punt 39); u tal-20 ta’ Ġunju 1991, Stanton Newton (C‑356/89, Ġabra p. I‑3017, punti 23 u 24); għal benefiċċju speċifiku, li jixbah il-benefiċċju tax-xjuħija u l-benefiċċju tal-invalidità, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 1987, Giletti et (379/85 sa 381/85 u 93/86, Ġabra 1987 p. 955, punti 14 sa 16); tat-12 ta’ Lulju 1990, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑236/88, Ġabra p. I‑3163, punt 11) u tas-6 ta’ Lulju 2000, Movrin (C‑73/99, Ġabra p. I‑5625, punt 33).
14 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 1991, punt 23.
15 – Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C‑160/96, Ġabra p. I‑843, punti 38 u 39) u tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch (C‑215/99, Ġabra p. I‑1901).
16 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse (C‑286/03, Ġabra p. I‑1771, punti 47 sa 56).
17 – Ibidem, punt 55.
18 – Sentenza Molenaar, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 38 u 39). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-kawża da Silva Martins, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-388/09, punti 69 u s-segwenti).
19 – Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1976, Kermaschek (40/76, Ġabra p. 1669, punti 6 sa 9); tal-20 ta’ Ġunju 1985, Deak (94/84, Ġabra p. 1873, punti 12 sa 14); tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C‑78/91, Ġabra p. I‑4839, punt 25) u tas-27 ta’ Mejju 1993, Schmid (C‑310/91, Ġabra p. I‑3011, punti 12 sa 14); għal ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru, ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1992, Taghavi (C‑243/91, Ġabra p. I‑4401).
20 – Sentenzi tat-30 ta’ April 1996, Cabanis-Issarte (C‑308/93, Ġabra p. I‑2097) u tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow (C‑245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I‑4895).
21 – Dan il-prinċipju ma japplikax fil-każ tal-benefiċċji familjari; ara, apparti ż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2001, Offermanns (C‑85/99, Ġabra p. I‑2261, punt 34). Lanqas ma japplika fil-każ ta’ benefiċċji tal-mard; ara s-sentenza Hosse, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53).
22 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punti 17 sa 19); tat-28 ta’ April 1998, Decker (C‑120/95, Ġabra p. I‑1831, punti 21 sa 23); tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punti 34 u 35); tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, Ġabra p. I‑10409, punt 33); tas-7 ta’ Lulju 2005, van Pommeren-Bourgondiën (C‑227/03, Ġabra p. I‑6101, punt 39) u tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 43).
23 – F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni kemm li tikkonferma (ara s-sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Snares, C‑20/96, Ġabra p. I‑6057) kif ukoll li tiċħad, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2001, Leclere u Deaconescu, C‑43/99, Ġabra p. I‑4265) kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑299/05, Ġabra p. I‑8695), il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju.
24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1979, Brunori (266/78, Ġabra p. 2705); tal-24 ta’ April 1980, Coonan (110/79, Ġabra p. 1445, punt 12); tal-24 ta’ Settembru 1987, de Rijke (43/86, Ġabra p. 3611, punt 12); tat-18 ta’ Mejju 1989, Hartmann Troiani (368/87, Ġabra p. 1333, punt 21); tal-21 ta’ Frar 1991, Daalmeijer (C‑245/88, Ġabra p. I‑555, punt 15); tal-20 ta’ Ottubru 1993, Baglieri (C‑297/92, Ġabra p. I‑5211, punt 13) u tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C‑493/04, Ġabra p. I‑2369, punt 32).
25 – Ir-riferiment għall-perijodi ta’ “impjieg jew residenza” jirriżulta diġà mill-emenda ta’ din id-dispożizzjoni bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2864/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 162). Din l-emenda kienet meħtieġa minħabba t-tendenzi rreġistrati fil-parti VII tal-Anness II tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni u l-aġġustamenti tat-trattati, anness mal-atti dwar l-adeżjoni mal-Komunitajiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, tar-Renju tan-Norveġja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 73, p. 143).
26– Apparti l-“limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-disposizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq”, fi kliem l-Artikolu 18(1) KE.
27 – Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, punt 40) u tal-4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka-Weyhermüller (C‑221/07, Ġabra p. I‑9029, punt 37).
28 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, (C‑192/05, Ġabra p. I‑10451, punt 34).
29 – Il-Gvern tar-Renju Unit jirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod għal kollox sinjifikattiv għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Daalmeijer (C‑245/88, Ġabra p. I‑555).
30 – Sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38. F’dik il-kawża, il-benefiċċju inkwistjoni kien suġġett għall-kundizzjoni li l-applikant irid ikun jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru fid-data tal-applikazzjoni, kundizzjoni li ma setgħetx tippermetti li tiġi stabbilita l-konnessjoni tal-applikant mas-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru u għaldaqstant biex isservi verament bħala rabta ta’ konnessjoni. Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Kokott (punti 66 sa 68).
31 – Kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, din l-ipoteżi tidher diffiċli biex tiġi kkontemplata, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi fuq dan il-punt.
32 – F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod iktar ġenerali, li huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom u jiddefinixxu t-tendenzi ġenerali tal-għanijiet soċjali li huma jkunu jridu jilħqu billi jiddeċiedu, b’mod partikolari, filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni, it-tqassim tal-isforzi ta’ solidarjetà tagħhom bejn benefiċċji soċjali, benefiċċji speċjali mhux kontributorji u għajnuna soċjali.
Full & Egal Universal Law Academy