KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fis-17 ta’ Frar 2011 (1)
Kawża C-520/09 P
Arkema SA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-aċidu monokloroaċetiku – Regoli dwar l-imputabbiltà ta’ prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha – Prinċipju ta’ trattament ugwali u dritt għal smigħ xieraq – Multi”
1. Dan l-appell, ippreżentat minn Arkema France SA (iktar ’il quddiem “Arkema” jew l-“appellanti”), huwa intiż għall-annullament tas-sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata” li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) ċaħdet ir-rikors għal annullament tal-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2005 (3) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), li tikkonstata li numru ta’ impriżi, fosthom dik komposta mill-appellanti, li kienet Elf Atochem SA (iktar ’il quddiem “Elf Atochem”), imbagħad Atofina SA (iktar ’il quddiem “Atofina”) u l-kumpannija parent tagħha, Elf Aquitaine SA (iktar ’il quddiem Elf Aquitaine), kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju li jikkonċerna s-suq tal-aċidu monokloroaċetiku (AMCA).
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża, is-sentenza appellata, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
2. Mill-punti 3 et seq tas-sentenza appellata jirriżulta li, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha relatata mas-suq tal-AMCA lejn l-aħħar tal-1999, wara li ġiet informata dwar l-eżistenza ta’ akkordju li jikkonċerna dan is-suq minn waħda mill-impriżi parteċipanti. Fl-14 u l-15 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni wettqet verifiki fuq il-post fil-bini, fost oħrajn, ta’ Elf Atochem. Fis-7 u t-8 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil tnax-il impriża, fosthom Elf Aquitaine u s-sussidjarja tagħha Atofina (punti 3, 4 u 7 tas-sentenza appellata).
3. Il-Kummissjoni imputat lil Elf Aquitaine u lis-sussidjara tagħha Arkema r-responsabbiltà għall-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sas-7 ta’ Mejju 1999. Hija qieset li l-fatt li Elf Aquitaine kienet iżżomm 98 % tal-azzjonijiet f’Atofina kien biżżejjed fih innifsu, biex tiġi imputata lilha r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha. (punt 9 tas-sentenza appellata).
4. L-ammont tal-multi ġie stabbilit mill-Kummissjoni skont il-Linji ta’ gwida [tagħha] dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (4) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) u skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (5) (il-punt 13 tas-sentenza appellata). L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Elf Aquitaine u Arkema huwa ta’ EUR˚45 miljun [Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni u punt 30 tas-sentenza appellata]. Barra minn hekk, peress li kkonstatat li Elf Atochem kienet id-destinatarja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (6), fi żmien meta Elf Aquitaine ma kinitx għadha tikkontrolla lil Atofina, il-Kummissjoni imponiet multa separata unikament fuq din tal-aħħar, biex tieħu konjizzjoni tal-aġir reċediv tagħha. L-ammont ta’ din il-multa huwa ta’ EUR˚13.5-il miljun (Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni u punt 30 tas-sentenza appellata).
5. Fil-25 ta’ April 2005, Arkema ppreżentat rikors għal annulament kontra d-Deċiżjoni. Hija talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha prinċipalment, tannulla l-Artikolu 1(d), l-Artikolu 2(c) u l-Artikolu 4(9) tad-Deċiżjoni, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil Elf Aquitaine u, konsegwentement, temenda l-Artikolu 2(c) u (d) tad-Deċiżjoni, u sussidjarjament, temenda l-Artikolu 2(c) u (d) tad-Deċiżjoni bil-għan li jitnaqqas l-ammont tal-multa. L-appellanti ressqet tmien motivi insostenn tar-rikors tagħha. Insostenn tat-talba għal annullament tagħha hija bbażat l-ewwel motiv fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha u fuq it-trattament diskriminatorju tal-grupp Elf Aquitaine, it-tieni motiv fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija ġuridika u kummerċjali tas-sussidjarja riżultanti mill-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent, it-tielet motiv fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ir-raba’ motiv fuq diskriminazzjoni bejn l-impriżi abbażi tal-organizzazzjoni ġuridika u tad-daqs tagħhom u l-ħames motiv fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Biex issostni t-talba tagħha għal emenda tad-Deċiżjoni, hija invokat is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. Permezz tas-seba’ motiv, l-appellanti invokat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal finijiet ta’ dissważjoni. Permezz tat-tmien motiv, hija invokat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fid-dawl tat-tul tal-ksur. Fl-aħħar nett, l-appellanti qajmet ukoll, sussidjarjament, id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għall-finijiet ta’ dissważjoni sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat darbtejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema (punti 41 sa 43 tas-sentenza appellata).
6. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa kemm prinċipalment kif ukoll sussidjarjament u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.
7. Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 2009, l-appellanti ppreżentat dan l-appell. L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Ir-rappreżentanti tal-partijiet ġew mismugħa fis-seduta tal-25 ta’ Novembru 2010.
II – Dwar l-appell
8. L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta min-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tad-dritt għal smigħ xieraq. Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-teħid inkunsiderazzjoni doppju tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema fid-determinazzjoni tal-bażi tas-sanzjoni.
A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Qorti Ġenerali tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha
9. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li fl-eżaminar tal-provi li hija kienet ipproduċiet biex tipprova l-awtonomija tagħha fis-suq u sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ Elf Aquitaine, il-Qorti Ġenerali kienet imponietilha veru probatio diabolica, bi ksur kemm tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha kif ukoll tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem (KEDB).
10. Infakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 67 sa 69 tas-sentenza appellata, li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja (7), u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita din l-influwenza (8). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (9).
11. L-aggravji mqajma mill-appellanti jikkonċernaw b’mod iktar partikolari l-punt 76 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali tesponi kif ġej:
“Fir-rigward tal-fondatezza tal-provi, prodotti mir-rikorrenti biex turi l-awtonomija tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li Elf Aquitaine hija biss holding mhux operattiva, li tintervjeni minimament fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, ma jistax ikun biżżejjed biex jiġi eskluż li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tar-rikorrenti partikolarment billi tikkoordina l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding li b’mod partikolari tikkoordina l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tiġbor flimkien holdings f’diversi kumpanniji u għandha l-funżjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari, permezz ta’ dan il-kontroll tal-baġit”.
12. Skont l-appellanti, meta kkonfermat li l-holding “għandha l-funżjoni” li tiżgura l-unità fit-tmexxija tas-sussidjarji, il-Qorti Ġenerali rrendiet ġuridikament inkonfutabbli l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent, fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, peress li kull tentattiv biex tiġi ppruvata l-awtonomija tal-aġir fis-suq tas-sussidjarja, imur kontra l-funzjoni stess li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lill-kumpanniji holding u għalhekk ikun predeterminat li jfalli.
13. Preliminarjament, irid jingħad li, bħalma tistqarr il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-appell, Arkema la tikkontesta l-prinċipju ta’ preżunzjoni meqjus mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ Elf Aquitaine u lanqas il-fatt li din il-preżunzjoni tapplika fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti (żamma mill-kumpannija parent ta’ 98 % tal-kapital tas-sussidjarja). Min-naħa l-oħra, l-aggravji tal-appellanti huma intiżi biss kontra r-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali eskludiet li n-natura ta’ holding mhux operattiva ta’ Elf Aquitaine tista’ tkun biżżejjed biex tikkonfuta l-imsemmija preżunzjoni.
14. Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat, l-ewwel nett, li l-fatt li holding ma tintervjenix direttament fis-suq ma jeskludix fih innifsu li influwenza determinanti tagħha fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha ma tistax tiġi eżerċitata permezz ta’ koordinazzjoni tal-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Permezz ta’ din l-affermazzjoni, il-Qorti Ġenerali riedet tikkontesta l-ekwazzjoni, magħmula mill-appellanti, bejn in-natura purament finanzjarja tal-kumpannija parent u n-nuqqas ta’ interferenza fir-rigward tal-aġir, fis-suq tal-kumpanniji operattivi tal-grupp. Issa, l-ilmenti tal-appellanti lanqas ma huma intiżi biex jikkontestaw sostantivament il-konklużjoni li tirriżulta minn din id-dikjarazzjoni, jiġifieri li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tista’ wkoll tiġi applikata għal holding mhux operattiva.
15. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement tiġġustifika din il-konklużjoni billi tafferma “li kumpannija holding li b’mod partikolari tikkoordina l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tiġbor flimkien holdings f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll tal-baġit”. Skont Arkema, huwa b’mod partikolari mid-dikjarazzjoni misjuba fit-tieni parti ta’ din is-sentenza li tirriżulta n-natura de facto inkonfutabbli tal-preżunzjoni applikata għal Elf Aquitaine, peress li, kif tispjega l-appellanti fir-replika tagħha, “il-kriterju ta’ unità fit-tmexxija huwa preċiżament il-kriterju li jippermetti – skont il-Kummissjoni – li l-prattiki ta’ sussidjarja jiġu imputati lill-kumpannija parent tagħha”.
16. L-ewwel nett nirrileva li, li kieku kellu jiġi segwit ir-raġunament ta’ Arkema, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-fatt ikollha portata ħafna usà minn dik li l-appellanti stess tagħtiha u tkun tammonta, essenzjalment, għal affermazzjoni li kull holding, operattiva jew le u indipendentement minn kull kunsiderazzjoni dwar il-livell ta’ holdings tagħha fil-kapital tas-sussidjarji tagħha, għandha tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl biss tal-funzjoni tagħha li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom. Huwa ċar li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma għandhiex din il-portata.
17. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kuntest li fih din tinsab, din għandha, fl-opinjoni tiegħi, tkun meqjusa bħala limitata għall-holdings mhux operattivi u għas-sitwazzjonijiet li fihom jikkonkorru l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni magħmula fil-konfront ta’ Elf Aquitaine.
18. Barra minn hekk, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent (10), fid-dawl partikolarment tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (11). Issa, kuntrarjament għal dak li tidher li qed timplika l-appellanti, il-funzjoni li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi lil holding mhux operattiva li tiżgura l-unità fit-tmexxija tal-kumpanniji ta’ grupp, mhux bilfors timplika interferenza fil-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari fit-termini meħtieġa mill-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq. Din l-interferenza għandha tiġi ppruvata u, skont il-prinċipji applikabbli f’dan ir-rigward u mhux ikkontestati mill-appellanti, din tista’ tiġi preżunta meta l-kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha. Skont dawn l-istess prinċipji, din il-kumpannija jew is-sussidjarji tagħha dejjem ikollhom il-possibbiltà li jipproduċu prova kuntrarja.
19. Bl-istess mod, li jiġi rrikonoxxut, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali, li l-funzjoni ta’ holding mhux operattiva hija dik li tiżgura l-unità fit-tmexxija tas-sussidjarji tagħha ma jċaħħadx lil dawn tal-aħħar jew lill-kumpannija parent tagħhom mill-possibbiltà li jippruvaw jikkonfutaw din il-preżunzjoni billi jippruvaw li din il-funzjoni – sakemm din ma tieħux il-forma ta’ interferenza fil-politika kummerċjali tal-kumpanniji operattivi tal-grupp – ma ġietx konkretament eżerċitata. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq, din il-preżunzjoni tirreferi għall-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent li żżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.
20. Minn dan jirriżulta, kuntrarjament għal dak li tisħaq l-appellanti, li l-affermazzjoni misjuba fil-punt 76 tas-sentenza appellata ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tissanzjona n-natura inevitabbli tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa ta’ kull holding, operattiva jew le, minħabba s-sempliċi fatt li din għandha, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-funzjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom.
21. Fit-test kontroversjali, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha fil-fatt tafferma li ma huwiex eskluż li, minkejja l-fatt li ma tintervjenix direttament fis-suq, holding mhux operattiva tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ tmexxija finanzjarja li hija għandha, u li, għaldaqstant, in-natura effettiva ta’ tali eżerċizzju tista’ tiġi preżunta fil-każ ta’ holding totali jew kwazi totali ta’ din tal-aħħar fil-kapital tas-sussidjarji tagħha. Dan huwa għaliex, fil-loġika tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex biżżejjed li tiġi invokata n-natura mhux operattiva tal-kumpannija parent biex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, li tibqa’ preżunzjoni sempliċi, kif enfasiżżat il-Qorti Ġenerali stess, billi ċċitat, barra minn hekk, il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, f’siltiet oħra tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari, fil-punti 67 u 82.
22. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha minħabba li l-Qorti Ġenerali affermat in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma mill-kumpannija parent tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha ma huwiex fondat, peress li dan jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.
23. L-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali huwa wkoll infondat peress li, minkejja li l-appellanti naqset milli tiżviluppah, dan jista’ biss jinqara bħala li huwa bbażat fuq l-istess premessa żbaljata li tgħid li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrendiet ġuridikament impossibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata.
24. Nissuġġerixxi għalhekk, li l-ewwel aggravju tal-appell jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.
B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
25. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tisħaq li l-affermazzjoni mill-Qorti Ġenerali dwar in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma mill-kumpannija parent tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha wkoll tammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-parteċipanti f’akkordju, skont jekk dawn jiffurmawx parti minn grupp jew le. Peress li dan jirriżulta mill-istess qari tas-sentenza appellata – li fl-opinjoni tiegħi huwa żbaljat – li fuqu huwa msejjes l-ewwel aggravju, inqis li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.
C – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tad-dritt għal smigħ xieraq
26. Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tisħaq, essenzjalment, li b’risposta għall-ħames motiv tagħha, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-argumenti mressqa minn Elf Aquitaine u mhux minnha, u b’hekk kisret id-dritt għal smigħ xieraq tagħha u l-prinċipju ta’ trattament ugwali. L-aggravju huwa intiż kontra l-punti 122 sa 129 tas-sentenza appellata.
27. L-istess bħall-Kummissjoni, insib xi diffikultajiet nifhem kompletament is-suġġett ta’ dan l-aggravju.
28. Fil-fatt, il-punti 122 sa 129 tas-sentenza appellata jirrispondu għall-ilmenti li l-appellanti kienet qajjmet fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-motiv tagħha bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni. Madankollu, fil-kritika tal-imsemmija punti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ma tidhirx tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tissanzjona dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew li interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni kellha, iżda iktar li naqset milli tipproċedi għal eżami sostantiv tal-argumenti mressqa minn Atofina biex turi l-awtonomija tal-aġir fis-suq tagħha.
29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandi d-dubji tiegħi kemm l-espożizzjoni tal-imsemmi aggravju tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ċarezza meħtieġa għall-ammissibbiltà tiegħu (12).
30. Fir-rigward tal-mertu, u fuq il-preżunzjoni li l-aggravju preżenti għandu jiġi interpretat bħala li jsostni nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tissanzjona allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-provi prodotti minn Atofina jew nuqqas ta’ motivazzjoni taċ-ċaħda tar-rilevanza jew tas-suffiċjenza tagħhom li jaffettwaw id-Deċiżjoni, nirrileva li, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tafferma li, “sakemm ir-risposta tal-Kummissjoni mogħtija fir-rigward tal-punti essenzjali tal-argumenti ta’ Elf Aquitaine […] ma tistax tiddiferixxi skont jekk hijiex inkwistjoni il-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha, hija ma kellhiex għalfejn tirrispondi b’mod separat għall-argumenti tar-rikorenti”. L-imsemmi punt jirreferi għall-punt 75 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat, fil-punt preċedenti, li “l-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex jippruvaw l-awtonomija tagħha tressqu wkoll mill-kumpannija parent tagħha […] biex jiġi ppruvat in-nuqqas ta’ eżerċizzju minnha ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha”, ikkonkludiet li, “meta rrifjutat l-argumenti ppreżentati mill-kumpannija parent, il-Kummissjoni rrispondiet globalment liż-żewġ kumpanniji […]”.
31. Il-Qorti Ġenerali għalhekk bla dubju ta’ xejn ibbażat ruħha fuq il-premessa li l-argumenti mressqa minn Atofina u minn Elf Aquitaine matul il-proċedura amministrattiva kienu jikkoinċidu u li l-eżami tal-argumenti ta’ waħda kien jimplika l-eżami tal-argumenti tal-oħra. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti lanqas biss tipprova tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-premessa. B’mod partikolari, hija ma tippreċiżax liema huma l-elementi, barra dawk imressqa minn Elf Aquitaine, speċifikament miġjuba minn Atofina, li l-Kummissjoni kienet naqset li teżamina jew naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għaċ-ċaħda tagħhom, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali ma ssanzjonat tali nuqqas jew tali nuqqas ta’ motivazzjoni.
32. F’dawn iċ-ċirkustanzi u sakemm għandu jiġi interpretat fis-sens ippreċiżat fil-punt 30 iktar ’il fuq, dan l-aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.
33. L-istess konklużjoni għandha tirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, anki fl-ipotesi fejn l-imsemmi aggravju huwa intiż li jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx hija stess il-fondatezza tal-provi prodotti minn Atofina matul il-proċedura amministrattiva sabiex tipprova l-awtonomija tagħha fis-suq. Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 76 sa 80 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali tassew wettqet dan l-eżami, billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-argument imsejjes fuq in-natura ta’ holding mhux operattiva ta’ Elf Aquitaine (punt 76), l-affermazzjoni li Atofina qatt ma implementat, favur Elf Aquitaine, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq tal-AMCA (punt 78), l-argument li l-attività tal-AMCA kienet żgħira fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine (punt 79) u l-fatt li ż-żewġ kumpanniji kienu joperaw fi swieq distinti u ma kellhomx rabtiet bħala fornituri lill-klijenti (punt 80).
34. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tad-dritt għal smigħ xieraq, ma jistax ireġġi.
D – Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità
35. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta vvalidat il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-komponent kostituttiv tas-sanzjoni pekunjarja relatata mar-reċedività ta’Arkema. Dan il-metodu jimplika teħid inkunsiderazzjoni doppju tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema, fil-kalkolu tal-bażijiet rispettivi li fir-rigward tagħhom huma applikati l-koeffiċċjenti ta’ multiplikazzjoni użati għal Elf Aquitaine u Arkema bħala fattur ta’ dissważjoni. Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx l-eżistenza ta’ dan il-kalkolu doppju, iżda ġġustifikatu bil-ħtieġa tal-Kummissjoni li timxi mal-metodu ta’ kalkolu tal-linji gwida, u b’hekk tat, lil dawn tal-aħħar “saħħa vinkolanti assoluta” li huma ma għandhomx.
36. Fil-punt 198 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li mid-Deċiżjoni jirriżulta li, fil-mument tal-ksur, Elf Atochem diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni f’każ li kien jikkonċerna akkordju, fi żmien meta Atofina ma kinitx għadha kkontrollata minn Elf Aquitaine (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni applikat fil-konfront ta’ Elf Atochem ċirkustanza aggravanti abbażi tar-reċedività, f’forma ta’ żieda ta’ 50˚% tal-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha (13). Biex “tiżola” dan il-komponent kostituttiv tas-sanzjoni, il-Kummissjoni adottat il-metodu ta’ kalkolu segwenti, espost fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 222 tad-Deċiżjoni u li jsir riferiment għalih fil-punt 199 tas-sentenza appellata:
“Iż-żieda għar-reċedività tapplika biss għal Atofina (Atochem) u mhux għall-kumpannija parent, Elf Aquitaine, peress li din tal-aħħar ma kinitx tikkontrolla lil Atofina fiż-żmien tal-ksur. Il-fattur ta’ multiplikazzjoni applikat għal Elf, ta’ 2.5, ma huwiex inkluż fil-kalkolu. Minfloku, fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5, li kien jiġi applikat li kieku Atofina kienet l-unika destinatarja tad-deċiżjoni (fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha ta’ EUR˚17.8-il miljun) ser jintuża għall-finijiet [tal-] kalkolu tar-reċedività. Għalhekk ser tkun indirizzata multa separata lil Atofina biss għal dan l-ammont ”.
37. Fil-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistabbilixxi kif ġej il-kalkolu applikat mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-ammont bażiku ipotetiku li għalih ġiet applikata ż-żieda ta’ 50˚% minħabba r-reċedività ta’ Atofina:
“12-il miljun (ammont inizjali) × 1.5 (koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal finijiet ta’ dissważjoni ddeterminat fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema) = 18-il miljun + (18-il miljun × 150˚%) (żieda minħabba t-tul tal-ksur) = EUR˚45 miljun”.
38. Wara l-applikazzjoni għal dan l-ammont taż-żieda minħabba r-reċedività u tat-tnaqqis ta’ 40˚% abbażi tal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza, l-ammont tal-multa li finalment ġie applikat għal Arkema, skont l-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni, kien ta’ EUR˚13.5-il miljun.
39. Irid jingħad, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tqis l-appellanti, li d-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema ma tteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-“bażijiet” li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni applikat il-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni għal finijiet ta’ dissważjoni rispettivament għal Elf Aquitaine/Arkema (14) u għal Arkema biss, iżda meta ġew iddeterminati l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni nfushom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 279 et seq tad-Deċiżjoni, l-ammont inizjali tal-multa applikata għal Arkema/Elf Aquitaine u taż-żieda applikata minħabba r-reċedività ta’ Atofina (EUR˚12-il miljun) ġie kkalkolat fid-dawl tal-gravità tal-ksur u tal-piż rispettiv tal-impriżi li pparteċipaw fih, meqjus abbażi tal-ishma tas-suq tagħhom. Għal dan l-ammont inizjali ġew applikati fatturi ta’ multiplikazzjoni biex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv. Għal Arkema/Elf Aquitaine, dan il-fattur ġie stabbilit għal 2.5 fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha ta’ EUR˚84.5 miljun (punti 299 u 300 tad-Deċiżjoni), filwaqt li, fir-rigward taż-żieda waħda għar-reċedività, applikata għal Arkema, ġie applikat fattur ta’ multiplikazzjoni inqas għoli, ta’ 1.5, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha ta’ EUR˚17.8-il miljun (nota ta’ qiegħ il-paġna 222 tad-Deċiżjoni).
40. Għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li, “skont il-punti 2 u 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni, wara li tkun iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa b’referiment għall-gravità u għat-tul tal-ksur, għandha tipproċedi, jekk ikun il-każ, għal żieda u għal tnaqqis tal-imsemmi ammont abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti”. L-aġġustamenti riżultanti li jsiru lill-ammont bażiku jikkorrispondu normalment għal perċentwali ta’ dan l-istess ammont (żieda ta’ 50˚% tal-ammont bażiku minħabba r-reċedività u tnaqqis ta’ 40˚% tal-ammont bażiku għall-klemenza fil-każ tal-appellanti). Konsegwentement, ir-riżultat globali ta’ dawn iż-żidiet jew ta’ dan it-tnaqqis jista’ jvarja, f’termini reali, abbażi tal-fatturi kollha li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku u, għalhekk, mhux biss tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża (id-dħul mill-bejgħ tagħha), iżda wkoll tar-rwol li għandha fis-suq inkwistjoni (l-ishma tagħha tas-suq) u, b’mod iktar ġenerali, tal-gravità u tat-tul tal-ksur.
41. Konsegwentement, li wieħed jaqbel mat-teżi tal-appellanti jwassal biex jiġi affermat li kull żieda abbażi ta’ ċirkustanza aggravanti tirriżulta f’kalkolu doppju tal-varji elementi li jikkostitwixxu l-ammont bażiku, fatt li ma jistax jiġi aċċettat.
42. Barra minn hekk, il-metodu li mxiet miegħu l-Kummissjoni fil-każ preżenti, li pproċediet għal kalkolu ġdid tal-ammont bażiku għal Arkema biss, ried jevita li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu ta’ żieda ta’ multa li għaliha Atofina biss kienet responsabbli, komponent, (il-fattur ta’ multiplikazzjoni applikat għall-entità Arkema/Elf Aquitaine) li ma jirriflettix is-sitwazzjoni reali ta’ din l-impriża. Metodu bħal dan, li kellu l-konsegwenza li jinnewtralizza fir-rigward ta’ Arkema ż-żieda tal-ammont bażiku dovuta għall-kapaċità finanzjarja ikbar ta’ Arkema/Elf Aquitaine, ma jidhirlix li huwa fih innifsu ta’ min joġġezzjonah.
43. Dwar l-għażla tal-fatturi ta’ multiplikazzjoni, applikati għal finijiet ta’ dissważjoni rispettivament għal Arkema/Elf Aquitaine u għal Arkema biss, nosserva li l-appellanti la tikkontesta l-mod ta’ kif dawn ġew iddeterminati, u lanqas il-livell tagħhom, peress li essenzjalment tillimita ruħha tafferma li l-applikazzjoni tagħhom wasslet għal kalkolu doppju tad-dħul mill-bejgħ tagħha (15).
44. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li kemm l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll dak ibbażat fuq żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali interpretat il-linji gwida tal-Kummissjoni bħala li għandhom saħħa vinkolanti assoluta, huma fattwalment infondati.
45. Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.
III – Konklużjoni
46. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009 (T-168/05, Ġabra p. II-180).
3 – C(2004) 4876 finali – AMCA.
4 – ĠU 1998, C 9, p. 3.
5 – ĠU 1996, C 207, p. 4.
6 – ĠU L 239, p. 14.
7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punti 136 u 137), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 60).
8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 50); tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29) u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).
9 – Ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).
10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 132 u 133); tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni (52/69, Ġabra p. 787, punt 44); tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, Ġabra p. 215, punt 15); Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26), u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).
11 – Ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).
12 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-178/00, Ġabra p. I-303, punt 6), u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, (C-199/03, Ġabra p. I-8027, punt 50).
13 – Ara l-punt 314 tad-Deċiżjoni.
14 – Bħala tfakkira, l-ammont li għalih Arkema u Elf Aquitaine huma responsabbli in solidum, ġie kkalkolat kif ġej: – Ammont inizjali: 12-il miljun (punt 296 tad-Deċiżjoni); – Applikazzjoni tal-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 2.5 (punt 300 tad-Deċiżjoni) għall-ammont inizjali: 30 miljun (ammont intermedjarju mhux imsemmi fid-Deċiżjoni); – Żieda minħabba t-tul (miżjuda b’150˚%) tirriżulta fl-ammont bażiku ta’: 75 miljun (punt 303 tad-Deċiżjoni); – Ebda ċirkustanza aggravanti (nota ta’ qiegħ il-paġna 222 tad-Deċiżjoni); – Applikazzjoni tal-klemenza permezz ta’ tnaqqis ta’ 40˚% (punti 340 u 341 tad-Deċiżjoni) tal-ammont bażiku: 45 miljun (it-tielet inċiż punt 348, tad-Deċiżjoni).
15 – F’dan ir-rigward infakkar, sa fejn jista’ jkun utli, li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm huwa permissibbli, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li jitqies id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jagħti indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha, ma għandhiex tingħata lil din iċ-ċifra importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni, peress li l-iffissar ta’ multa adatta ma jistax jirriżulta minn sempliċi kalkolu imsejjes fuq id-dħul mill-bejgħ globali [ara s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 100)]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax, billi tuża esklużivament u mekkanikament formuli aritmetiċi, tirrinunċja għas-setgħa diskrezzjonali tagħha fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa [ara s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, punt 47)].
Full & Egal Universal Law Academy