Kawża C-25/09
Sió-Eckes kft
vs
Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság)
“Politika agrikola komuni — Regolament (KE) Nru 2201/96 — Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati — Regolament (KE) Nru 1535/2003 — Skema ta’ għajnuna fis-settur tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex — Prodotti pproċessati — Ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew fil-meraq naturali tal-frott — Prodotti lesti”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati — Għajnuna għall-produzzjoni — Ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew fil-meraq naturali tal-frott — Inklużjoni — Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/96, Artikolu 2(1); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2320/89 u Nru 1535/2003)
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati — Għajnuna għall-produzzjoni — Prodott lest — Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/96; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1535/2003, Artikolu 2, punt 1)
1. L‑Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 2201/96, dwar l‑organizzazzjoni komuni tas‑swieq tal‑prodotti tal‑frott u l‑ħxejjex ipproċessati, kif emendati bir‑Regolament tal‑Kummissjoni Nru 386/2004, għandu jiġi interpretat fis‑sens li prodott li, minn naħa, jaqa’ taħt wieħed mill‑kodiċijiet NM elenkati fl‑Anness I ta’ dan ir‑regolament, kif emendat, inkluż il‑kodiċi NM 2008 70 92, u li, min‑naħa l‑oħra, jikkorrispondi għad‑definizzjoni ta’ “ħawħ fix‑xiropp taz‑zokkor u/jew fil-meraq naturali tal‑frott”, fis‑sens ta’ dan ir‑regolament, moqri mar‑Regolament Nru 1535/2003, li jistabbilixxi r‑regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir‑Regolament Nru 2201/96 rigward l‑iskema tal‑għajnuna għall‑prodotti pproċessati mill‑frott u l‑ħxejjex tal‑ikel, kif emendat bir‑Regolament Nru 386/2004, u flimkien mar‑Regolament Nru 2320/89 li jippreskrivi rekwiżiti ta’ kwalità minimi għall‑ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew fil-meraq naturali ta’ frott taħt l‑iskema ta’ għajnuna ta’ produzzjoni, kif emendat bir‑Regolament (KE) Nru 996/2001.
(ara l‑punt 32 u d‑dispożittiv 1)
2. Il‑prodott miksub mid‑diversi fażijiet tal‑ipproċessar tal‑ħawħ jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqies li huwa prodott lest fis‑sens tar‑Regolamenti Nri 2201/96, dwar l‑organizzazzjoni komuni tas‑swieq tal‑prodotti tal‑frott u l‑ħxejjex ipproċessati, u Nru 1535/2003, li jistabbilixxi r‑regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir‑Regolament Nru 2201/96 rigward l‑iskema tal‑għajnuna għall‑prodotti pproċessati mill‑frott u l‑ħxejjex tal‑ikel, kif emendati bir‑Regolament Nru 386/2004, bil‑kundizzjoni li jkollu l‑karatteristiċi ddefiniti fl‑Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 1535/2003.
(ara l‑punt 39 u d‑dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
25 ta’ Frar 2010 (*)
“Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 2201/96 – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati – Regolament (KE) Nru 1535/2003 – Skema ta’ għajnuna fis-settur tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex – Prodotti pproċessati – Ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew fil-meraq naturali tal-frott – Prodotti lesti”
Fil-kawża C‑25/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-25 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura
Sió-Eckes kft
vs
Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin
Avukat Ġenerali: P. Pedro Cruz Villalón,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Sió-Eckes kft, minn A. Törő, ügyvéd,
– għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Vollkommer u A. Sipos, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 83-102) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003, tad-29 ta’ Awissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 555-571), kif emendati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 386/2004, tal-1 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 23-24, iktar ’il quddiem rispettivament ir-“Regolament Nru 2201/96” u r-“Regolament Nru 1535/2004”), kif ukoll tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2320/89, tat-28 ta’ Lulju 1989, għall-rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-ħawħ fil-ġulepp u l-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna produttiva (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 136-138), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 996/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 271-272, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2320/89”).
2 Din it-talba ġiet saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Sió-Eckes kft (iktar ’il quddiem “Sió-Eckes”) u l-Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve (Uffiċċju tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali, iktar ’il quddiem il-“Hivatal”) fir-rigward ta’ għajnuna li minnha bbenefikat Sió-Eckes fis-sena tal-marketing 2004/2005 għall-produzzjoni tal-polpa tal-ħawħ.
Il-Kuntest Ġuridiku
Ir-Regolament Nru 2201/96
3 L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/96 jgħid:
“Skema ta’ għajnuna Komunitarja qiegħda tiġi introdotta biex tassisti lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jissuplixxu tadam, ħawħ u lanġas maħsuda fil-Komunità għall-produzzjoni tal-prodotti proċessati elenkati fl-Anness I.”
4 Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:
“L-iskema msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ibbażata fuq kuntratti bejn, minn naħa waħda, organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jew awtorizzati proviżorjament taħt ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 u, minn naħa l-oħra, proċessuri approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.
[…]”
5 L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2201/96 jgħid:
“Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 2 sa 5, u b’mod partikolari regoli li jirregolaw l-approvazzjoni ta’ proċessuri, konklużjoni ta’ kuntratti ta’ proċessar, ħlas ta’ għajnuna, miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet, snin tal-kummerċ, karatteristiċi minimi tal-materja prima fornita għall-ipproċessar, rekwiżiti ta’ kwalità minima għal prodotti finali u l-konsegwenzi finanzjarji jekk jinqabżu l-limiti, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 29.”
6 Skont l-Artikolu 6a(4) ta’ dan ir-regolament:
“Għajnuna għall-produzzjoni għandha tingħata biss lil proċessuri għal prodotti proċessati li:
a) jkunu saru minn materja prima maħsuda fil-Komunità, fir-rigward ta’ liema l-applikant ikun ħallas ta’ mill-inqas il-prezz minimu msemmi fl-Artikolu 6a(2);
b) jissodisfaw rekwiżiti minimi ta’ kwalità.”
7 L-Anness I tar-Regolament Nru 2201/96 jelenka, taħt it-titolu “Il‑Prodotti msemmija fl-Artikolu 2”, il-kodiċijiet NM ex 2008 70 61, ex 2008 70 69, ex 2008 70 71, ex 2008 70 79, ex 2008 70 92 u ex 2008 70 98, li jikkorrispondu għall-isem “Ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott”.
Ir-Regolament Nru 1535/2003
8 It-tielet premessa tar-Regolament Nru 1535/2003 tgħid:
“Sabiex jiġi żgurat illi l-iskema tiġi applikata b’mod uniformi, għandhom jiġu ddefiniti l-prodotti elenkati fl-Artikolu 6a(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u l-Anness I ta’ miegħu, is-snin tas suq li japplikaw għal dawn il-prodotti u l-perjodi taż-żmien tal-kunsinna tal-materji [materja] prima.”
9 Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1535/2003, intitolat “Il-prodotti mlestija [lesti]”:
“Il-prodotti elenkati fl-Artikolu 6a(1) u fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2201/96 ifissru l-prodotti li ġejjin:
1) il-ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott: il-ħawħ sħiħ jew biċċiet tal-ħawħ, mingħajr il-qoxra, li jkunu għaddew minn trattament tas-sħana, ippakkjati f’kontenituri ssiġillati ermetikament b’kisja likwida tax-xiropp taz-zokkor jew tal-meraq naturali tal-frott u li jidħlu fil-kodiċijiet tan-NM (Nomenklatura Magħquda) bin-numri ex 2008 70 61, ex 2008 70 69, ex 2008 70 71, ex 2008 70 79, ex 2008 70 92, ex 2008 70 94 u ex 2008 70 99;
[…]”
10 L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1535/2003 b’mod partikolari jgħid:
“Għajr fil-każijiet ta’ forza maġġuri, meta jinstab illi l-kwantità sħiħa tad-tadam, tal-ħawħ jew tal-lanġas aċċettata għall-proċessar skond il-kuntratt ma tkunx ġiet ipproċessata f’wieħed mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 6a(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u fl-Anness I ta’ miegħu, il-proċessur għandu jħallas lill-awtoritajiet kompetenti ammont egwali għal darbtejn l-ammont ta’ l-unità immoltiplikat bil-kwantità tal-materja prima interessata li ma tkunx ġiet ipproċessata, flimkien ma’ l-imgħax ikkalkolat skond l-Artikolu 33(1).”
11 L-Artikolu 41 tar-regolament Nru 1535/2003 jiddisponi li “[i]r-Regolament (KE) Nru 449/2001 huwa hawnhekk imħassar […] [u li] r-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal dan ir-Regolament [...].”
Ir-Regolament Nru 2320/89
12 Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2320/89:
“Dan ir-Regolament jippreskrivi r-rekwiżiti ta’ kwalità minimi li l-ħawħ ippreservat f’ġulepp u/jew meraq naturali ta’ frott, kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 449/2001, għandhom jissodisfaw.”
13 L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2320/89 b’mod partikolari jiddisponi:
“Għall-fabbrikazzjoni tal-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott, biss ħawħ ta’ l-ispeċi Prunus persica L. għandu jintuża, eskluż iċ-ċiprisk. […]”
14 Skont l-Artikolu 3(1), (2) u (6) ta’ dan ir-regolament:
“1. Il-ħawħ fil-ġulepp u/jew fis-sugu naturali tal-frott għandu jiġi fabbrikat f’wieħed mill-istili definiti fil-paragrafu 2.
2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament l-istili huma definiti kif segwit:
(a) ‘frotta sħiħa’ tfisser il-frotta sħiħa, mingħajr ma l-għadma ġiet maqlugħa;
(b) ‘nofsijiet’ ifisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa vertikalment f’żewġ partijiet bejn wieħed u ieħor indaqs;
(ċ) ‘kwartijiet’ ifisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa f’erba’ partijiet bejn wieħed u ieħor indaqs;
(d) ‘flieli’ jfisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa f’iktar minn erba’ partijiet forma ta’ felli;
(e) ‘dadi’ jfisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa f’partijiet forma ta’ kubi.
[…]
6. Il-ħawħ fil-ġulepp għandu jkun prattikament ħieles minn:
(a) materjal barrani ta’ oriġini veġetali;
(b) qoxra;
(ċ) entitajiet imtabba’.
Frott sħiħ, nofsijiet u kwartijiet għandhom ukoll ikunu prattikament ħielsa minn entitajiet mekkanikament imħassra.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 Sió-Eckes hija, sa mis-snin ta’ marketing 2004/2005, proċessur awtorizzat fis-sens tar-Regolament Nru 2201/96.
16 Matul verifika fil-lok li saret fil-5 ta’ Ottubru 2005, il-Hivatal ikkonstata li Sió-Eckes kienet immanifatturat, mill-ħawħ kollha mixtrija taħt kuntratt ta’ pproċessar li kien is-suġġett ta’ għajnuna matul is-sena ta’ marketing 2004/2005, polpa tal-ħawħ li jaqa’ taħt il-kodiċi ex 2008 70 92. Permezz ta’ talba tat-30 ta’ Marzu 2006, il-Hivatal talab lil Sió-Eckes tagħtih iktar informazzjoni u dikjarazzjoni dwar il-prodotti lesti b’dan il-mod.
17 Id-dikjarazzjoni ta’ Sió-Eckes, il-formula ta’ pproċessar ippreżentata minnha, kif ukoll dokumenti oħra mehmuża kkonfermaw il-konstatazzjoni magħmula fil-post, li kienet tgħid li l-prodotti inkwistjoni kienu ħawħ li jaqgħu taħt il-kodiċi ex 2008 70 92.
18 Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Hivatal ikkonstata, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2006, li Sió-Eckes kienet, matul is-sena ta’ marketing inkwistjoni, immanifatturat, mill-ħawħ mixtri taħt kuntratt ta’ pproċessar, prodotti lesti li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tibbenefika għall-għajnuna. B’applikazzjoni tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1535/2003, huwa għalhekk talab lil Sió-Eckes tħallas is-somma ta’ HUF 45 484 064, miżjuda bl-imgħax, minħabba l-irregolarità kkonstatata.
19 Sió-Eckes ressqet rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni, li ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2006 tal-president tal-Hivatal (Dipartiment Ungeriż tal-agrikoltura).
20 Fit-3 ta’ Awwissu 2006, Sió-Eckes ressqet appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Bíróság. Hija sostniet li l-prodotti lesti li kienet immanifatturat jaqgħu fil-fatt taħt il-kodiċi ex 2008 70 92 imsemmi fl-Artikolu 2 (1) tar-Regolament Nru 1535/2003, imma l-prodotti li jidhru f’din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu materja prima (prodotti nofshom lesti) għal prodotti oħrajn jew prodotti lesti mmanifatturati għall-konsumaturi finali.
21 Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hivatal sostna li, barra l-fatt li l-kodiċi ex 2008 70 92 ma jsemmix preċiżament il-polpa tal-ħawħ, il-prodott immanifatturat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3 (1), (2) u (6) tar-Regolament Nru 2320/89. Huwa jżid li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna għall-produzzjoni għall-ipproċessar tal-ħawħ, il-“ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott” għandu jiġi ppreżentat skont wieħed mill-modi msemmija fl-Artikolu 3(2). Il-Hivatal isostni, barra minn hekk, li l-argumentazzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali insostenn tal-kunċett ta’ “prodotti nofshom lesti” hija infondata peress li, minn naħa, fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-iskema ta’ għajnuna, ir-rikorrenti kienet talbet u kisbet awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ prodotti lesti bl-isem ta’ “ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott” li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2008 70 92, u b’hekk ma kinitx awtorizzata, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna, tipproduċi prodotti oħra u, min-naħa l-oħra, kien jidher ċar li din kienet kwistjoni, f’dan il-każ, ta’ prodott lest ippakkjat, b’għatu, u mhux prodott intermedjarju li huwa parti minn proċess industrijali.
22 Peress li l-eżitu tal-kawża quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83, il-Fővárosi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/961 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fuq il-bażi tal-Anness I, l-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni hija intiża, barra għall-ħawħ fil-ġulepp u/jew is-sugu naturali tal-frott li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM ex 2008 70 61, ukoll għall-prodotti elenkati taħt il-kodiċijiet NM oħrajn (ex 2008 70 69 etc), li jinsabu fl-anness?
2) Il-proċessur ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2008 70 92 jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-regolament?
3) L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni 1535/20012 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2008 70 61, ex 2008 70 69, ex 2008 70 71, ex 2008 70 79, ex 2008 70 92, ex 2008 70 94 kif ukoll ex 2008 70 99 huma wkoll prodotti lesti skont ir-regolament?
4) Sa fejn, fuq il-bażi tar-risposti għad-domandi hawn fuq, huwa biss il-ħawħ, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2320/89/KEE […] li huwa prodott lest, għalfejn il-kodiċijiet NM li jikkonċernaw prodotti oħra jissemmew fid-dispożizzjonijiet iktar ’il fuq?
5) Skont ir-regolamenti msemmija iktar ’il fuq, għandhom jiġu kkkunsidrati bħala prodotti lesti kull prodott - li jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod indipendenti - miksub f’kull stadju tal-ipproċessar tal-ħawħ (pereżempju, il-polpa)?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel erba’ domandi
23 Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk prodott li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2008 70 92 jikkwalifikax għall-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/96.
24 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/96, l-iskema ta’ għajnuna mwaqqfa minn dan ir-regolament għandha tapplika għall-prodotti elenkati fl-Anness I ta’ dan tal-aħħar, liema anness jelenka, taħt it-titolu “Il-Prodotti msemmija fl-Artikolu 2”, il-kodiċijiet NM ex 2008 70 61, ex 2008 70 69, ex 2008 70 71, ex 2008 70 79, ex 2008 70 92 u ex 2008 70 98, li jikkorrispondu għall-isem “ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott”.
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kodiċi NM 2008 70 ikopri mhux biss il-ħawħ, imma wkoll iċ-ċiprisk. Issa, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2320/89, li jippreskrivi r-rekwiżiti ta’ kwalità minimi għall-ħawħ ippreżervat f’ġulepp u/jew meraq naturali ta’ frott fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni, jipprevedi espressament li, għall-produzzjoni tal-ħawħ ippreżervat f’ġulepp u/jew meraq naturali ta’ frott, “biss ħawħ ta’ l-ispeċi Prunus persica L. għandu jintuża, eskluż iċ-ċiprisk.”
26 B’hekk, sa fejn prodotti oħra barra minn dawk imsemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 2201/96 jistgħu jaqgħu taħt il-kodiċijiet indikati, il-prefiss “ex” li jiġi qabel dawn tal-aħħar għandu l-għan li jippreċiża liema huma dawk, fosthom, li huma kkonċernati mill-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni.
27 Dan jirriżulta barra minn hekk minn diversi regolamenti. B’hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 899/2007, tas-27 ta’ Lulju 2007, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġġustament tal-kodiċi NM għal ċerti sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu u taħlitiet li jkun fihom sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu biex jitqiesu l-emendi għan-Nomenklatura Magħquda stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (ĠU L 196, p. 24), jgħid li “‘ex’ qabel il-kodiċi tfisser li taħt dik is-subintestatura jista’ jkun hemm ukoll sustanzi oħra minbarra dawk imsemmija fil-kolonna ‘Deskrizzjoni’”. Mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1329/2003, tal-21 ta’ Lulju 2003, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 992/95 fir-rigward ta’ kwoti ta’ tariffi għal ċerti prodotti agrikoli u tas-sajd li joriġinaw fin-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 459-462) jirriżulta wkoll li “Meta l-kodiċi ex NM huma ndikati, l-iskema preferenzjali għandha tkun iddeterminata bl-applikazzjoni tal-kodiċi NM u d-deskrizzjoni korrespondenti meħuda flimkien”.
28 Isegwi li prodott li, minn naħa, jaqa’ taħt il-kodiċi NM li jidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 2201/96 u li, min-naħa l-oħra, jikkorrispondi għad-deskrizzjoni tal-prodotti indikati fir-rigward tal-imsemmi kodiċi, jista’ jibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna mwaqqfa permezz tal-Artikolu 2(1) tal-istess regolament.
29 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1535/2003 li jippreċiża li, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/96, b’“ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott” wieħed għandu jifhem il-ħawħ sħiħ jew biċċiet tal-ħawħ, mingħajr il-qoxra, li jkunu għaddew minn trattament tas-sħana, ippakkjati f’kontenituri ssiġillati ermetikament b’kisja likwida tax-xiropp taz-zokkor jew tal-meraq naturali tal-frott u li jidħlu fil-kodiċijiet tan-NM ex 2008 70 61, ex 2008 70 69, ex 2008 70 71, ex 2008 70 79, ex 2008 70 92, ex 2008 70 94 u ex 2008 70 99.
30 Għandu jintqal ukoll li l-Artikolu 6ċ(4)(b) tar-Regolament 2201/96 jipprevedi li l-għajnuna għall-produzzjoni għandha tingħata biss lil proċessuri għal prodotti proċessati li “jissodisfaw rekwiżiti minimi ta’ kwalità”. Ir-Regolament Nru 2320/89, li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-ħawħ fil-ġulepp u l-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott, kif inhuma ddefiniti mir-Regolament Nru 1535/2003, fl-Artikolu 3 tiegħu jispeċifika l-mod kif għandhom jiġu ppreżentati, jiġifieri fil-forma ta’ frotta sħiħa, nofsijiet, kwartijiet, flieli, jew dadi.
31 Mill-kunsiderazzjonijiet li ntqal jirriżulta li l-“ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott” li jissodisfa mhux biss id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1535/2003, imma wkoll l-eżiġenzi minimi ta’ kwalità stabbiliti mir-Regolament Nru 2320/89, jista’ jitqies li huwa prodott ipproċessat fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/96.
32 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel sar-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott li, minn naħa, jaqa’ taħt wieħed mill-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, inkluż il-kodiċi NM 2008 70 92, u li, min-naħa l-oħra, jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, moqri mar-Regolamenti Nri 1535/2003 u 2320/89, huwa eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna msemmija minn din id-dispożizzjoni.
Fuq il-ħames domanda
33 Bil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk il-prodott miksub wara kull fażi ta’ pproċessar tal-ħawħ u li jista jiġi kkummerċjalizzat b’mod indipendenti għandux jitqies li huwa prodott lest fis-sens tar-Regolamenti Nri 2201/96 u 1535/2003.
34 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/96, huma b’mod partikolari eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni l-prodotti pproċessati li jidhru fl-Anness I tal-imsemmi regolament, li tagħhom huma parti l-“ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott”.
35 Ir-Regolament Nru 1535/2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 2201/96, jinkludi l-Artikolu 2, intitolat “Il-prodotti mlestija [lesti]”, li bis-saħħa tiegħu l-prodotti msemmija fl-Anness I ta’ dan l-aħħar regolament għandhom ikollhom ċerti karatteristiċi. B’hekk, il-“ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott”, għandhom jiġu ppreżentati taħt forma ta’ ħawħ sħiħ jew biċċiet tal-ħawħ, mingħajr il-qoxra, li jkunu għaddew minn trattament tas-sħana, ippakkjati f’kontenituri ssiġillati ermetikament u li jaqgħu taħt wieħed mill-kodiċijiet MN indikati fl-Artikolu 2(1).
36 Isegwi li l-prodotti li jkollhom il-karatteristiċi indikati fl-Artikolu 2 tar- Regolament Nru 1535/2003 għandhom jitqiesu li huma prodotti pproċessati fis-sens tar-Regolament Nru 2201/96.
37 Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tar-Regolamenti Nri 2201/96 u 1535/2003, kif ukoll mill-istruttura tagħhom, ma jirriżultax li l-prodotti miksuba biss mill-aħħar fażi tal-proċess ta’ produzzjoni u intiżi għall-konsumaturi finali jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnunna stabbilita mir-Regolament Nru 2201/96.
38 Mill-istruttura tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1535/2003, u b’mod partikolari mill-paragrafi (9) u (11) sa (15) tiegħu, dwar il-prodotti tat-tadam, jirriżulta bil-kontra li l-prodott miksub mid-diversi fażijiet tal-ipproċessar jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqies li huwa prodott lest fis-sens ta’ dan ir-regolament.
39 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lill-ħames domanda għandha tkun li l-prodott miksub mid-diversi fażijiet tal-ipproċessar jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqies li huwa prodott lest fis-sens tar-Regolamenti Nri 2201/96 u 1535/2003, bil-kundizzjoni li jkollu l-karatteristiċi ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1535/2003.
Fuq l-ispejjeż
40 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 386/2004 tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott li, minn naħa, jaqa’ taħt wieħed mill-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, inkluż il-kodiċi NM 2008 70 92, u li, min-naħa l-oħra, jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “ħawħ fix-xiropp taz-zokkor u/jew meraq naturali tal-frott”, fis-sens ta’ dan ir-Regolament, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003, tad-29 ta’ Awwissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex tal-ikel, kif emendat bir-Regolament Nru 386/2004, u flimkien mar-Regolament(KE) Nru 2320/89 tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Lulju 1989, li jippreskrivi rekwiżiti ta’ kwalità minimi għall-ħawħ f’ġulepp u/jew f’meraq naturali ta’ frott taħt l-iskema ta’ għajnuna ta’ produzzjoni, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 996/2001 tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Mejju 2001.
2) Il-prodott miksub mid-diversi fażijiet tal-ipproċessar tal-ħawħ jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqies li huwa prodott lest fis-sens tar-Regolamenti Nri 2201/96 u 1535/2003, kif emendati, bil-kundizzjoni li jkollu l-karatteristiċi ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1535/2003, kif emendat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
Full & Egal Universal Law Academy