Kawża C-47/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata — Ittikkettjar — Żieda tal-kelma ‘pura’ jew tal-espressjoni ‘ċikkulata pura’ fit-tikketti ta’ ċerti prodotti”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Ittikkettjar u preżentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel — Direttivi 79/112, 2000/13 u 2000/36 — Prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/13, Artikolu 2(1)(a), u 2000/36, Artikolu 3(1) u (5); Direttiva tal-Kunsill 79/112)
Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda, tal-Artikoli 3(1) tad-Direttiva 2000/36, rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel, kif ukoll taħt l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36, Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprovdi l-possibbiltà li jiġi kkompletat permezz tal-aġġettiv “pura” l-isem tal-bejgħ tal-prodotti miċ-ċikkulata li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw.
Fil-fatt, id-Direttiva 2000/36, ipproċediet b’armonizzazzjoni totali tal-ismijiet tal-bejgħ tal-prodotti miċ-ċikkulata, filwaqt li l-leġiżlatur Komunitarju ppreveda li ż-żieda ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel sostitutivi timplika mhux l-użu ta’ ismijiet differenti għal dawn il-prodotti, iżda l-preżenza ta’ informazzjoni supplementari fuq it-tikketta. B’hekk, iż-żieda ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw ma’ prodotti mill-kakaw u miċ-ċikkulata li josservaw il-livelli minimi meħtieġa mill-imsemmija direttiva, ma tistax tbiddel sostanzjalment in-natura ta’ dawn il-prodotti, sal-punt li tittrasformahom fi prodotti differenti. L-inklużjoni f’parti oħra tat-tikketta ta’ indikazzjoni newtrali u oġġettiva li tinforma lill-konsumaturi dwar l-assenza, fil-prodott, tax-xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw hija suffiċjenti sabiex tiżgura li tingħata informazzjoni korretta lill-konsumaturi.
(ara l-punti 29, 32, 39, 41, 45, 49 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
25 ta’ Novembru 2010 (*)
“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata – Ittikkettjar – Żieda tal-kelma ‘pura’ jew tal-espressjoni ‘ċikkulata pura’ fit-tikketti ta’ ċerti prodotti”
Fil-Kawża C-47/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart u D. Nardi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2010,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi tipprevedi l-possibbiltà li jiġu kkompletati permezz tal-aġġettiv “pura” jew bir-referenza “ċikkulata pura” it-tikketti tal-prodotti miċ-ċikkulata li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, minn naħa, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ġunju 2000, rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 431) u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 tad-Direttiva 2000/36 u 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 05, p. 75).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 It-tikkettjar tal-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata huwa rregolat minn direttiva “orizzontali”, jiġifieri d-Direttiva 2000/13 u minn direttiva “vertikali” jew “settorjali”, id-Direttiva 2000/36 li tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tad-Direttiva 2000/13.
Id-Direttiva 2000/36
3 Id-Direttiva 2000/36 għandha l-għan, minn naħa, li tistabbilixxi regoli komuni għaż-żieda ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw fil-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata u, min-naħa l-oħra, li twettaq armonizzazzjoni fl-ismijiet tal-bejgħ.
4 Għall-finijiet tal-użu ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, il-premessi 5, 6, 9 u 10 tad-Direttiva 2000/36 huma redatti b’dan il-mod:
“(5) Hija permessa f’ċerti Stati Membri ż-żieda tax-xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw mal-prodotti miċ-ċikkulata sa massimu ta’ 5 %.
(6) Iż-żieda ta’ ċerti xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw mal-prodotti miċ-ċikkulata għandha tiġi permessa fl-Istati Membri kollha sa massimu ta’ 5 %; dawn ix-xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel għandhom ikunu l-ekwivalenti tax-xaħam tal-butir u għalhekk għandhom jiġu ddefiniti skond kriterji tekniċi u xjentifiċi.
[…]
(9) Fil-każ tal-prodotti miċ-ċikkulata li magħhom ikunu ġew miżjuda xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, il-konsumaturi għandhom jiġu ggarantiti tagħrif korrett, newtrali u oġġettiv b’żieda mal-lista ta’ l-ingredjenti.
(10) Mill-banda l-oħra, id-Direttiva 79/112/KEE ma tipprekludix it-tikkettjar tal-prodotti miċ-ċikkulata milli jindika illi jkunu ġew miżjuda xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, sakemm it-tagħrif ikun korrett, newtrali, oġġettiv u ma jqarraqx bil-konsumatur.”
5 Għal dak li jirrigwarda l-ismijiet tal-bejgħ, il-premessa 7 tad-Direttiva 2000/36 tipprovdi dan li ġej:
“Sabiex tiġi ggarantita n-natura waħdiena tas-suq intern, il-prodotti kollha miċ-ċikkulata koperti b’din id-Direttiva jridu jkunu kapaċi jimxu ġewwa l-Komunità bl-ismijiet tal-bejgħ iddikjarati fid-disposizzjonijiet ta’ l-Anness I ma’ din id-Direttiva.”
6 L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. Jistgħu jiżdiedu xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw kif iddefiniti fl-Anness II u elenkati fih ma’ dawk il-prodotti miċ-ċikkulata ddefiniti fl-Anness I(A)(3), (4), (5), (6), (8) u (9). Din iż-żieda ma għandhiex taqbeż il-5 % tal-prodott imlesti, wara li jitnaqqas il-piż totali ta’ kull materja oħra li tittiekel użata skond l-Anness I(B), mingħajr ma jitnaqqas il-kontenut.
2. Il-prodotti miċ-ċikkulata li, skond il-paragrafu 1, ikun fihom xaħmijiet oħra mill-ħxejjex ta’ l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw jistgħu jinbigħu fis-suq fl-Istati Membri kollha, sakemm it-tikkettjar tagħhom, kif ipprovdut fl-Artikolu 3, jiġi ssupplimentat bid-dikjarazzjoni prominenti u li tinqara biċ-ċar ta’: ‘fih xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel b’żieda mal-butir tal-kawkaw’. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun fl-istess firxa tal-vista bħal-lista ta’ l-ingredjenti, separata biċ-ċar minn din il-lista, f’ittri għall-inqas kbar u ħoxnin daqshom u bl-isem tal-bejgħ maġenbhom; minkejja din il-ħtieġa, l-isem tal-bejgħ jista’ jidher post ieħor ukoll.”
7 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36 jipprovdi:
“Id-Direttiva 79/112/KEE għandha tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
1) L-ismijiet tal-bejgħ elenkati fl-Anness I għandhom japplikaw biss għall-prodotti rriferiti fih u jridu jiġu wżati fil-kummerċ sabiex jiddenominawhom.
[…]
5) L-ismijiet tal-bejgħ ‘ċikkulata’, ‘ċikkulata tal-ħalib’, ‘ċikkulata għall-kisi’ speċifikati fl-Anness I jistgħu jiġu ssupplimentati b’tagħrif jew deskrizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-kriterji tal-kwalità, sakemm il-prodotti jkun fihom:
– fil-każ taċ-ċikkulata, mhux inqas minn total ta’ 43 % ta’ solidi niexfa tal-kawkaw, li jinkludi mhux inqas minn 26 % ta’ butir tal-kawkaw,
– fil-każ taċ-ċikkulata tal-ħalib, total ta’ mhux inqas minn 30 % ta’ solidi niexfa tal-kawkaw u mhux inqas minn 18 % ta’ solidi niexfa tal-ħalib miksuba bid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, il-ħalib xkumat jew nofsu xkumat, jew minn krema, butir jew grass tal-ħalib iddeidrati parzjalment jew totalment, li jinkludu mhux inqas minn 4,5 % ta’ grass tal-ħalib,
– fil-każ taċ-ċikkulata għall-kisi, mhux inqas minn 16 % ta’ solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam.”
8 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/36 jipprovdi:
“Għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw disposizzjonijiet nazzjonali mhux ipprovduti f’din id-Direttiva.”
Id-Direttiva 2000/13
9 Id-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1978, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsumatur finali kif ukoll ir-reklamar li jsir fir-rigward tagħhom (ĠU 1979 L 33, p. 1), ġiet abbrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2000/13. Ir-riferimenti magħmula għad-direttiva abbrogata għandhom b’hekk jiġu interpretati bħala magħmula għad-Direttiva 2000/13.
10 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi:
“1. Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:
a) ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:
i) għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;
ii) billi tattribwixxi lill-prodott ta’ l-ikel effetti jew kwalitajiet li ma jipposjedix;
iii) billi tissuġerixxi li l-prodott ta’ l-ikel jipposjedi karatteristiċi speċjali meta infatti l-prodotti kollha ta’ l-ikel li huma simili jipposjedu karatteristiċi simili;
b) soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabli għall-ilma naturali minnerali u oġġetti ta’ l-ikel għall-użu ta’ nutriment partikolari, jattribwixxi lil kwalunkwe prodott ta’ l-ikel il-kwalità li jipprevjeni, jittratta jew jikkura marda umana, jew jirreferi għal kwalitajiet simili.”
Id-dritt nazzjonali
11 L-Artikolu 28(1) tal-Liġi Nru 39, tal-1 ta’ Marzu 2002, dwar dispożizzjonijiet relatati mal-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tal-Italja għall-Komunitajiet Ewropej – Liġi Komunitarja 2001 (Suppliment ordinarju fil-GURI Nru 72, tas-26 ta’ Marzu 2002, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 39/2002”) jipprovdi:
“Implementazzjoni tad-Direttiva 2000/36/KE rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem
1. L-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ġunju 2000, rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem, għandha tissodisfa l-prinċipji u l-kriterji ta’ gwida segwenti:
a) tiggarantixxi li t-tikkettjar tal-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata jiżgura mhux biss it-trasparenza, iżda jinkludi indikazzjoni differenti skont jekk il-prodott ġiex prodott biż-żieda ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw jew bl-użu esklussiv tal-butir tal-kawkaw; fl-ewwel każ, it-tikketta għandha tinkludi r-referenza ‘ċikkulata’ filwaqt li fit-tieni każ, tista’ tintuża r-referenza ‘ċikkulata pura’;
b) tiddetermina mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità għall-prodotti tipiċi li jużaw esklużivament il-butir tal-kawkaw għall-produzzjoni taċ-ċikkulata.”
12 L-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178, tat-12 ta’ Ġunju 2003, li jimplementa d-Direttiva 2000/36/KE rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (GURI Nru 165, tat-18 ta’ Lulju 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003”), jipprovdi:
“Użu tar-referenza ‘ċikkulata pura’
1. Il-prodotti miċ-ċikkulata previsti fil-punti 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10 tal-Anness I, li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, bl-eċċezzjoni tal-mili jekk dan ma huwiex kompost minn prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata, jistgħu jinkludu fit-tiketta il-kelma ‘pura’ abbinata mal-kelma ‘ċikkulata’, miżjuda jew inkluża fl-ismijiet tal-bejgħ previsti fl-Anness I, jew ir-referenza ‘ċikkulata pura’ f’parti oħra tat-tiketta.”
13 L-Artikolu 7(8) tal-imsemmi digriet leġiżattiv jipprovdi:
“Multi
[…]
8. Kull persuna li tuża l-kelma ‘pura’ abbinata mal-kelma ‘ċikkulata’ fuq it-tiketta tal-prodotti previsti fil-punti 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10 tal-Anness I, li fihom xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, bl-eċċezzjoni tal-mili jekk dan ma huwiex kompost minn prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata, hija suġġetta għal multa amministrattiva minn EUR 3 000 sa 8 000.”
Il-proċedura prekontenzjuża
14 Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Taljani dwar l-inkompatibbiltà tal-Liġi Nru 39/2002 u tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 mad-Direttivi 2000/13 u 2000/36. L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta’ nota tat-23 ta’ April 2004 tal-Ministeru tal-Attività Produttiva.
15 Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu previsti fl-Artikolu 226 KE u konsegwentement bagħtet fit-13 ta’ Ottubru 2004, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana.
16 Fin-nuqqas ta’ risposta tal-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni ħarġet, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta din ġiet irċevuta.
17 Bħala risposta, permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Taljani esprimew l-intenzjoni tagħhom li jemendaw l-Artikoli 6 u 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 u, fuq il-bażi ta’ dan, talbu li jintemmu l-proċeduri preżenti.
18 Peress li wara skambju ta’ korrispondenza ulterjuri, is-sitwazzjoni baqgħet ma tbiddlitx, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
19 Il-Kummissjoni ssostni li, billi tintroduċi l-possibbiltà, skont l-Artikolu 28(1) tal-Liġi Nru 39/2002 u l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003, li tiġi kkompletata bl-aġġettiv “pura” jew bir-referenza “ċikkulata pura” it-tiketta tal-prodotti taċ-ċikkulata, u iktar preċiżament, l-ismijiet tal-bejgħ previsti fl-Anness I ta’ dan id-digriet għall-prodotti li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, il-leġiżlazzjoni Taljana introduċiet isem supplementari għall-prodotti miċ-ċikkulata skont jekk dawn jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “puri” jew “mhux puri”. Din id-distinzjoni tammonta, essenzjalment, għall-ksur tal-Artikolu 3(1) u (5) tad-Direttiva 2000/36 u tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rrikonoxxiet in-natura identika tal-prodotti miċ-ċikkulata li fihom sa’ massimu ta’ 5 % ta’ ċertu xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑14/00, Ġabra p. I‑513, punt 87).
20 Il-Kummissjoni tfakkar li l-użu ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw huwa rigorożament irregolat. Mhux biss użu bħal dan huwa limitat għal sitt sustanzi li huma s-suġġett ta’ lista eżawrjenti li tidher fl-Anness II tad-Direttiva 2000/36, iżda ż-żieda ta’ dawn ma tistax teċċedi 5 % tal-prodott komplet. Barra minn hekk, hekk kif meħtieġ mill-premessa 9 ta’ din id-direttiva, l-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għandha tkun korretta, newtrali, oġġettiva u ta’ natura li ma tqarraqx bix-xerrej. Konsegwentement, l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li r-referenza “fih xaħmijiet mill-ħxejjex ta’ l-ikel b’żieda mal-butir tal-kawkaw” għandha tidher “maġenbhom” u mhux fl-isem tal-bejgħ. Il-leġiżlatur Komunitarju kien ippreveda li jinforma lill-konsumatur dwar il-preżenza jew le, fil-prodott miċ-ċikkulata, ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw permezz tat-tikketta u mhux permezz tal-użu ta’ isem tal-bejgħ distint.
21 Il-Kummissjoni ssostni li d-distinzjoni maħluqa mil-leġiżlazzjoni Taljana hija doppjament qarrieqa għal konsumatur medju. Hija tikkunsidra fil-fatt li l-użu tal-aġġettiv “pura” la huwa korrett, la newtrali, u lanqas oġġettiv u li b’hekk huwa fih innfisu qarrieqi.
22 L-ewwel nett, il-kelma “pura” tikkonferixxi awtomatikament konnotazzjoni negattiva lill-prodott li ma jkollux din ir-referenza.
23 Barra minn hekk, il-fatt li ħalqet żewġ kategoriji ta’ prodotti miċ-ċikkulata meta l-liġi tipprovdi biss waħda huwa ta’ natura li jqarraq lill-konsumatur billi jwasslu jaħseb li jeżistu żewġ kategoriji ta’ ċikkulata.
24 Fl-aħħar nett, ir-referenza “ċikkulata pura” ma hijiex suffiċjentement espliċita sabiex tinforma lill-konsumatur dwar il-fatt li ċ-ċikkulata inkwistjoni fiha biss butir tal-kawkaw, mingħajr iż-żieda ta’ xaħmijiet oħra mill-ħxejjex tal-ikel.
25 Ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax il-fatt li l-ismijiet tal-bejgħ, previsti fl-Anness I tad-Direttiva 2000/36 huma obbligatorji u enumerati b’mod eżawrjenti. Hija madankollu ssostni li l-isem tal-bejgħ ma jikkostitwixxix biss l-uniku kontenut tat-tikketta. Huwa evidenti li l-Istati Membri jistgħu jżidu referenzi oħra fuq it-tikketta, b’mod partikolari bil-għan li jiġi indikat lill-konsumaturi li l-ebda xaħam għajr għall-butir tal-kawkaw ma ntuża. B’hekk huwa possibbli li jiddaħħlu fuq it-tikketti l-indikazzjonijiet kollha li ma joħolqux konfużjoni mal-isem tal-bejgħ, li għandu jibqa’ dak previst fl-imsemmi Anness I.
26 Il-leġiżlatur Taljan ma kellux l-intenzjoni jintroduċi isem tal-bejgħ ġdid u lanqas indikazzjoni ta’ kriterju ta’ kwalità li tkun bbażata mhux fuq l-ammont ta’ kawkaw ogħla mill-minimu meħtieġ, iżda fuq l-użu esklużiv tal-butir tal-kawkaw. L-aġġettiv “pura” ma għandux konnotazzjoni kwalitattiva, iżda huwa purament deskrittiv. B’hekk, dan għandu biss l-għan li jindika l-kompożizzjoni tal-prodott inkwistjoni, mingħajr ma jagħti ġudizzju minn qabel dwar il-kwalità superjuri jew le tiegħu. L-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003, fl-opinjoni tar-Repubblika Taljana, b’hekk jirrispetta l-Artikolu 3(1) u (5) tad-Direttiva 2000/36.
27 Ir-Repubblika Taljana ssostni li ż-żieda tal-aġġettiv “pura” isservi sabiex tindika li x-xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel użati huma biss il-butir tal-kawkaw, bl-esklużjoni ta’ kull tip ieħor. Dan jispjega kif iż-żieda tal-aġġettiv “pura” mal-isem tal-bejgħ ma tinterferix ma’ dan l-isem, li jibqa’ l-istess. Għan din ir-raġuni, ma jistax jiġi sostnut li ġie introdott isem ġdid, mhux previst fl-Anness I tad-Direttiva 2000/36.
28 Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-espressjoni “ċikkulata pura” hija biss deskrittiva, sa fejn din tillimita ruħha għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-konsumatur, informazzjoni li l-konsumatur għandu dritt għaliha taħt il-premessa 10 tad-Direttivi 2000/36 u 2000/13. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-konsumatur jiddeċiedi liberament liema prodott jippreferi jixtri. F’kuntest li fih il-konsumatur huwa perfettament informat li xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw jistgħu jidħlu fil-kompożizzjoni tal-prodotti miċ-ċikkulata, referenzi ta’ dan it-tip ikunu preċiżament ipperċepiti bħala informazzjoni dwar il-preżenza jew le ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 3(1) tad-Direttiva 2000/36 u 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13
29 Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 3(1) tad-Direttiva 2000/36 u 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13, għandu jiġi kkonstatat preliminarjament li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36 implementa armonizzazzjoni totali tal-ismijiet tal-bejgħ rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem bil-għan li tiġi ggarantita l-uniċità tas-suq intern. L-ismijiet tal-bejgħ previsti fl-Anness I tad-Direttiva 2000/36 huma, b’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tagħha, fl-istess waqt obbligatorji u rriżervati għall-prodotti li jidhru fl-imsemmi anness. Iż-żieda tal-aġġettivi ta’ kwalità hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw, għall-prodotti li jidhru fl-imsemmi Anness I, dispożizzjonijiet nazzjonali mhux previsti mid-Direttiva 2000/36 stess. B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva pproċeda b’armonizzazzjoni totali tal-ismijiet tal-bejgħ tal-prodotti miċ-ċikkulata, li r-Repubblika Taljana barra minn hekk qatt ma kkontestat in-natura obbligatorja tagħha.
30 Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-istorja tal-imsemmija direttiva. Id-Direttiva tal-Kunsill 73/241/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 228, p. 23), tindika, fis-seba’ premessa tagħha, “li l-użu, fil-prodotti miċ-ċikkulata, ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw huwa ammess f’ċerti Stati Membri u li jsir użu kbir minn din l-awtorizzazzjoni; li madankollu ma tistax tittieħed deċiżjoni fil-preżent dwar il-possibbiltajiet u l-metodi tal-estensjoni tal-użu ta’ dawn ix-xaħmijiet għall-Komunità kollha, peress li l-informazzjoni ekonomika u teknika disponibbli sa issa ma tippermettix li tittieħed pożizzjoni definittiva u li, konsegwentement, is-sitwazzjoni għandha terġa’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-evoluzzjonijiet futuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
31 B’hekk, permezz tad-Direttiva 73/241, il-leġiżlatur Komunitarju, fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, ma kienx f’pożizzjoni, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, li jieħu pożizzjoni definittiva dwar il-kwistjoni tal-konsegwenzi, fir-rigward tal-ismijiet jew tal-ittikkettjar, tal-użu tax-xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw fil-prodotti miċ-ċikkulata. B’hekk, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea konsegwentement illimita ruħu li jistabbilixxi, għal dak li jirrigwarda l-użu tax-xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, sistema provviżorja, intiża li tiġi eżaminata mill-ġdid, skont l-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmija direttiva, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin.
32 Il-leġiżlatur Komunitarju, permezz tad-Direttiva 2000/36, ippreveda li ż-żieda ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel sostitutivi timplika mhux l-użu ta’ ismijiet differenti għal dawn il-prodotti, iżda l-preżenza ta’ informazzjoni supplementari fuq it-tikketta. Għal dak li jirrigwarda l-prodotti miċ-ċikkulata li magħhom ġew miżjuda xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/36, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, jiżġura lill-konsumatur informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva fuq il-prodott ikkonċernat, li tmur lil hinn mil-lista tal-ingredjenti tiegħu, permezz tal-użu tal-formola “fih xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel b’żieda mal-butir tal-kawkaw”.
33 F’dan ir-rigward, iżda mingħajr ma jiġi impost l-użu ta’ ebda referenza speċifika, il-premessa 10 tad-Direttiva 2000/36 tipprovdi li t-tikketta tista’ tindika li ma ġewx miżjuda xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, sakemm l-informazzjoni tkun korretta, newtrali u oġġettiva u ma tqarraqx bil-konsumatur.
34 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/36, hekk kif ġew imsemmija u mpoġġija fil-kuntest tagħhom, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 jipprovdi li ċerti prodotti miċ-ċikkulata, li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, jistgħu jinkludu fuq it-tikketta il-kelma “pura” abbinata mal-kelma “ċikkulata” miżjuda jew inkluża mal-ismijiet tal-bejgħ. Issa, jekk iż-żieda mal-kelma “ċikkulata” tal-kliem “tal-ħalib” jew “bajda” jew “mimlija” għandha tiġi meqjusa bħala li tipproduċi ismijiet tal-bejgħ ġodda, l-istess japplika fir-rigward taż-żieda tal-kelma “pura”.
35 Madankollu għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2000/36 la tipprevedi l-isem tal-bejgħ “ċikkulata pura” u lanqas l-introduzzjoni ta’ isem bħal dan minn leġiżlatur nazzjonali.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi jippermetti tibdila bħal din fl-ismijiet tal-bejgħ, l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 jmur kontra s-sistema, obbligatorja u eżawrjenti, tal-ismijiet tal-bejgħ maħluqa mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/36 u restritta mill-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.
37 Fit-tieni lok, għandu jingħad ukoll, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li s-sistema ta’ isem doppju introdotta mil-leġiżlatur Taljan lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13, li jipprovdi li l-konsumatur għandu jkollu informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva li ma tqarraqx bih.
38 Anki jekk ir-Repubblika Taljana ġustament sostniet id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni korretta, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, tibdila fl-ismijiet tal-bejgħ, bħal dik fil-kawża preżenti, ma hijiex metodu xieraq.
39 Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ż-żieda ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw ma’ prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata li josservaw il-livelli minimi meħtieġa mid-Direttiva 73/241, illum issostitwita bid-Direttiva 2000/36, ma tistax tbiddel sostanzjalment in-natura ta’ dawn il-prodotti, sal-punt li tittrasformahom fi prodotti differenti (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑12/00, Ġabra p. I‑459, punt 92, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87).
40 Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ta’ xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/36 fih innifsu ma jammontax għal tibdila suffiċjenti ta’ dawn il-prodotti li tiġġustifika distinzjoni tal-ismijiet tal-bejgħ tagħhom.
41 Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni f’parti oħra tat-tikketta ta’ indikazzjoni newtrali u oġġettiva li tinforma lill-konsumaturi dwar l-assenza, fil-prodott, tax-xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw hija suffiċjenti sabiex tiżgura li tingħata informazzjoni korretta lill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 93, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 88).
42 B’hekk jirriżulta li, anki jekk, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, l-użu tal-aġġettiv “pura” ma huwiex obbligatorju, l-awtorizzazzjoni li jiġu introdotti ismijiet tal-bejgħ differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2000/36 hija ta’ natura li tissuġerixxi l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti kkonċernati.
43 Madankollu, sa fejn din tippermetti li jinżammu żewġ kategoriji ta’ ismijiet tal-bejgħ li jirreferu essenzjalment għall-istess prodott, l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 jista’ jwassal biex iqarraq bil-konsumatur u b’hekk jippreġudika d-dritt tagħhom għal informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva.
44 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan l-Artikolu 6 jinjora r-rekwiżiti tal-Artikoli 3(1) tad-Direttiva 2000/36 u 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13. L-ewwel ilment huwa konsegwentement fondat.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36
45 Sabiex tingħata risposta għall-ilment preżenti mressaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 29 sa 36 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36, hekk kif restritt mill-Artikolu 4 tagħha, ipproċeda b’armonizzazzjoni totali tal-ismijiet tal-bejgħ tal-prodotti miċ-ċikkulata. Fil-kuntest ta’ din is-sistema obbligatorja u eżawrjenti, iż-żieda ta’ aġġettivi ta’ kwalità hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva.
46 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minflok ma josserva l-imsemmija kundizzjonijiet, l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 jipprovdi l-possibbiltà li għal ċerti prodotti miċ-ċikkulata, fosthom b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36, li l-kelma “pura” tkun miżjuda jew integrata fil-kelma “ċikkulata” fl-ismijiet tal-bejgħ meta dawn il-prodotti ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw.
47 B’hekk, billi jippermetti li jiġu kkompletati b’tali referenza, li tirrigwarda kriterju ta’ kwalità, l-ismijiet tal-bejgħ tal-prodotti indikati fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36, jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 178/2003 ma jidhirx konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.
48 It-tieni lment għandu konsegwentement jintlaqa’.
49 B’kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi tipprevedi l-possibbiltà li jiġi kkompletat permezz tal-aġġettiv “pura” l-isem tal-bejgħ tal-prodotti miċ-ċikkulata li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, minn naħa taħt l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36, u min-naħa l-oħra taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3(1) tal-imsemmija direttiva u 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13.
Fuq l-ispejjeż
50 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi tipprevedi l-possibbiltà li jiġi kkompletat permezz tal-aġġettiv “pura” l-isem tal-bejgħ tal-prodotti miċ-ċikkulata li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, minn naħa, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ġunju 2000, rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u min-naħa l-oħra taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ 20 Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel.
2) Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy