Kawża C-67/09 P
Nuova Agricast Srl u Cofra Srl
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati tal-Italja — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-iskema kompatibbli mas-suq komuni — Talbiet għal kumpens ta’ danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni — Miżuri tranżitorji bejn din l-iskema u l-iskema preċedenti — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma topponix l-iskema preċedenti — Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali”
Sommarju tas-sentenza
1. Appell — Aggravji — Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali
(Artikolu 225 KE, Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Inkompatibbiltà ta’ għajnuna li tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju
(Artikolu 88 KE)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet rigward skema ta’ għajnuna — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
(Artikoli 87(1) u (3) KE, u 88(3) KE)
4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet rigward skema ta’ għajnuna – Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni
(Artikoli 87(1) u (3) KE, u 88(3) KE)
1. Appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, u fin-nuqqas ta’ dan, l-appell jew l-aggravju kkonċernat ikunu inammissibbli.
Huwa ammissibbli appell li fih l-argument imressaq mir-rikorrent jidher, kollu kemm hu, ċar biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata bil-preċiżjoni meħtieġa, kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn ta’ din il-kritika u, konsegwentement, li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità, anki jekk ċerti siltiet minn dan l-argument ma jkunux daqshekk preċiżi.
(ara l-punti 48, 49)
2. Għajnuna mill-Istat li tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ċerti regoli ddettaljati tagħha, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni.
(ara l-punt 65)
3. Id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqitlu aspettattivi fondati. Għal dak li jirrigwarda t-tħassir ta’ leġiżlazzjoni, fin-nuqqas ta’ interess pubbliku predominanti, il-Kummissjoni tikser regola superjuri tad-dritt jekk tħassar leġiżlazzjoni mingħajr ma tipprovdi miżuri tranżitorji li jipproteġu l-aspettattivi li l-operatur ekonomiku prudenti u informat seta’ leġittimament kellu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li din l-istituzzjoni tkun tagħtu. Barra minn hekk, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni li fiha jkun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta tiġi adottata din il-miżura.
Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għal dak li jikkonċerna deċiżjoni mill-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna sakemm jintemm perijodu preċiż, operatur ekonomiku prudenti u informat, li suppost għandu jkun familjari mal-imsemmija deċiżjoni, jista’ jiddeduċi mill-indikazzjoni “tul ta’ żmien” fid-deċiżjoni, li l-possibbiltà li jkun jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ allokazzjoni ta’ sussidji hija limitata mit-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil din l-iskema.
Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni, billi awtorizzat skema ta’ għajnuna, idderogat mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, imsemmi fl-Artikolu 87(1) KE, operatur prudenti u informat ma jistax raġonevolment jistenna li din id-deċiżjoni tawtorizza, għall-kuntrarju tal-prinċipju li tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett, l-għoti ta’ għajnuna, anki wara d-data indikata fiha.
(ara l-punti 69, 71-74)
4. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi, b’mod partikolari, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat.
Deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ iskema ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(3) KE, tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà għal din l-għajnuna mas-suq komuni. Konsegwentement, it-tul ta’ applikazzjoni tagħha għandu jiġi limitat ratione temporis. Issa, kwalunkwe awtorizzazzjoni għal żmien limitat timplika, skont id-definizzjoni tagħha, trattament mhux ugwali skont jekk sitwazzjoni partikolari taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, jew le.
F’dan ir-rigward, it-trattament mhux ugwali bejn impriżi li għandhom l-okkażjoni li jipparteċipaw fi proċedura ta’ allokazzjoni ta’ sussidji qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni mogħtija mid-deċiżjoni u dawk li ma kellhomx iktar din l-okkażjoni, huwa oġġettivament iġġustifikat.
(ara l-punti 78, 80)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
14 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati tal-Italja – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-iskema kompatibbli mas-suq komuni – Talbiet għal kumpens ta’ danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni – Miżuri tranżitorji bejn din l-iskema u l-iskema preċedenti – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma topponix l-iskema preċedenti – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali”
Fil-Kawża C-67/09 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2009
Nuova Agricast Srl, stabbilita f’Cerignola (l-Italja),
Cofra Srl, stabbilita f’Barletta (l-Italja),
irrappreżentati minn A. Calabrese, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2010,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħhom, Nuova Agricast Srl (iktar ’il quddiem “Nuova Agricast”) u Cofra Srl (iktar ’il quddiem “Cofra”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali” mill-1 ta’ Diċembru 2009), tat-2 ta’ Diċembru 2008, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni (T-362/05 u T‑363/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li biha din ċaħdet it-talbiet tagħhom għal kumpens għal danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2000, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati tal-Italja (Għajnuna mill-Istat N 715/99 – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li dwarha ġie ppubblikat avviż fil-qosor fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 278, p. 26), kif ukoll minħabba l-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
Il-kuntest ġuridiku
L-iskemi ta’ għajnuna għall-investimenti fir-reġjuni żvantaġġati tal-Italja awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 1999
2 Permezz tad-Digriet Liġi Nru 415 dwar finanzjament mill-ġdid tal-Liġi Nru 64, tal-1 ta’ Marzu 1986, rigward legiżlazzjonijiet li jirregolaw l-intervent straordinarju fil-Mezzogiorno (Rifinanziamento della legge 1° marzo 1986, n. 64, recante disciplina organica dell’intervento straordinario nel Mezzogiorno), tat-22 ta’ Ottubru 1992 (GURI Nru 249, tat-22 ta’ Ottubru 1992, p. 3), magħmula liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 488, tad-19 ta’ Diċembru 1992 (GURI Nru 299, tal-21 ta’ Diċembru 1992, p. 3, u l-emenda, GURI Nru 301, tat-23 ta’ Diċembru 1992, p. 40), li ġiet hija stess emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 96, tat-3 ta’ April 1993 (GURI Nru 79, tal-5 ta’ April 1993, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 488/1992”), il-leġiżlatur Taljan ipprovda għal miżuri finanzjarji maħsuba sabiex iħajru lill-impriżi jiżviluppaw ċerti attivitajiet produttivi fir-reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż.
3 Fl-1 ta’ Marzu 1995 u l-21 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, l-ewwel sal-31 ta’ Diċembru 1996 u mbagħad sal-31 ta’ Diċembru 1999, kontra skemi ta’ għajnuna suċċessivi bbażati fuq il-Liġi Nru 488/1992 u fuq diversi dispożizzjonjiet ta’ applikazzjoni tagħha (Għajnuna mill-Istat Nri N 40/95 u N 27/A/97). Dawn id-deċiżjonijiet kienu s-suġġett ta’ avviżi fil-qosor ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fit‑18 ta’ Lulju 1995, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 1995 (ĠU 1995, C 184, p. 4) u, fit-8 ta’ Awwissu 1997, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 1997 (ĠU 1997, C 242, p. 4, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni tal-1997”), rispettivament.
4 Ir-regoli dettaljati tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata permezz tad‑deċiżjoni tal-1997 (iktar ’il quddiem “l-iskema ta’ għajnuna 1997‑1999”) ġew stabbiliti, l-ewwel nett, bir-riżoluzzjoni tal-Comitato interministeriale per la programmazione econoMICA (Kumitat interministerjali għall-ipprogrammar ekonomiku) li tistabbilixxi direttivi għall-għoti ta’ sussidji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 488/1992 (direttive per la concessione di agevolazioni ai sensi dell’art. 1, comma 2, del decreto-legge 22 ottobre 1992, n. 415, convertito nella legge 19 dicembre 1992, n. 488, in tema di disciplina organica dell’intervento straordinario nel Mezzogiorno), tas-27 ta’ April 1995 (GURI Nru 142, tal-20 ta’ Ġunju 1995, p. 17), kif emendata bir-riżoluzzjoni tal-imsemmi kumitat tat-18 ta’ Diċembru 1996 (GURI Nru 70, tal-25 ta’ Marzu 1997, p. 35), it-tieni nett, permezz tad-Digriet Nru 527 tal-Ministero dell’Industria, del Commercio e dell’Artigianato (Ministeru tal-Industrija, tal-Kummerċ u tas-Snajja, iktar ’il quddiem il-“MICA”), li jistabbilixxi r-regolament dwar ir-regoli dettaljati u l-proċeduri għall-għoti u l-allokazzjoni tas-sussidji għall-benefiċċju ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni fir-reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż (regolamento recante le modalità e le procedure per la concessione ed erogazione delle agevolazioni in favore delle attività produttive nelle aree depresse del Paese), tal-20 ta’ Ottubru 1995 (GURI Nru 292, tal-15 ta’ Diċembru 1995, p. 3), kif emendat bid-Digriet Nru 319 tal-imsemmi Ministeru, tal-31 ta’ Lulju 1997 (GURI Nru 221, tat-22 ta’ Settembru 1997, p. 31), kif ukoll, it-tielet nett, permezz taċ-Ċirkulari Nru 234363 tal-MICA, tal-20 ta’ Novembru 1997 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 291, tal-15 ta’ Diċembru 1997).
5 Dawn ir-regoli dettaljati kienu jipprovdu, b’mod partikolari, li:
– ir-riżorsi finanzjarji ta’ kull sena kienu maqsuma f’żewġ partijiet indaqs u allokati permezz ta’ żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet; madankollu, fuq il-bażi tal-fondi disponibbli għas-sena li magħha jkunu relatati r-riżorsi, ir-regoli dettaljati għad-distribuzzjoni tal‑fondi setgħu jiġu modifikati b’digriet, b’mod partikolari, billi l‑fondi inkwistjoni jiġu allokati permezz ta’ sejħa waħda;
– l-applikazzjonijiet imressqa wara sejħa kienu jiġu eżaminati mill-banek konċessjonarji, li kienu jagħtuhom ċertu punteġġ fuq il-bażi ta’ kriterji previsti mil-liġi, imsejħa “indicatori” (iktar ’il quddiem: “indikaturi”);
– fuq il-bażi tar-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-banek, il-MICA kien jistabbilixxi listi ta’ klassifika reġjonali, li fihom l-applikazzjonijiet kienu inklużi f’ordni mill-kbir għaż-żgħir skont il-punti miksuba, u kien jadotta digriet ta’ allokazzjoni tas-sussidji favur l-applikazzjonijiet inklużi f’ordni mill-kbir għaż-żgħir sakemm il-fondi disponibbli għas-sejħa kkonċernata jkunu eżawriti;
– l-ispejjeż eliġibbli kienu dawk li kienu saru mill-jum wara d-data tal-għeluq tas-sejħa li tippreċedi s-sejħa li taħtha saret l-applikazzjoni għal għajnuna, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għall-istudji tal-inġiniera u għal studji oħra kif ukoll għax-xiri u l-iżvilupp tal-art tal-impriża, li kienu eleġibbli sa mit-tnax-il xahar qabel id-data ta’ meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata;
– l-impriżi li l-applikazzjoni għal għajnuna tagħhom kienet ġiet inkluża f’ lista reġjonali iżda li ma segħtux jiksbu sussidji minħabba li r-riżorsi disponibbli għas-sejħa inkwistjoni kienu inqas mill-ammont globali tal-għajnuna mitluba, setgħu jew jerġgħu jippreżentaw l-istess proġett għal darba biss, fl-ewwel sejħa rilevanti ta’ wara dik li għaliha l-applikazzjoni kienet ippreżentata l-ewwel darba, mingħajr ma jagħmlu tibdil fl-elementi kkunsidrati mill-indikaturi (mekkaniżmu msejjaħ “inklużjoni awtomatika” tal-applikazzjoni), jew jirrinunzjaw għal din l-inklużjoni awtomatika u jippreżentaw mill-ġdid l-istess proġett, fil-kuntest tal-ewwel sejħa rilevanti ta’ wara dik li għaliha rrinunzjaw l-inklużjoni awtomatika, b’tibdil fl-elementi kollha jew f’parti minnhom ikkunsidrati mill-indikaturi, sabiex l-applikazzjoni għal għajnuna tkun iktar kompetittiva, madankollu mingħajr ma’ dan it-tibdil ikollu effett fuq l-elementi essenzjali tal-proġett (mekkaniżmu msejjaħ “reviżjoni” tal-applikazzjoni); fiż-żewġ każijiet, il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjonijiet oriġinali kienu nżammu bħala validi għall-finijiet tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż.
Id-deċiżjoni kkontestata u l-iskema ta’ għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati tal-Italja awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’Diċembru 2006
6 Fit-18 ta’ Novembru 1999, skont l-Artikolu 88(3) KE, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni bi proġett ta’ skema ta’ għajnuna applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2000 u bbażat fuq il-Liġi Nru 488/1992, li l-Kummissjoni rreġistrat taħt in-numru N 715/99.
7 Wara din in-notifika sar skambju ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani, u fis-16 ta’ Mejju 2000 saret laqgħa bejn rappreżentanti tal-Gvern Taljan u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.
8 Fost l-iskambju ta’ korrispondenza hemm ittra tal-awtoritajiet Taljani, tat-3 ta’ April 2000. F’din l-ittra, il-MICA kien qed isostni li, fil-każ li l-Kummissjoni kienet ser iżżomm il-pożizzjoni tagħha li l-prinċipju ta’ eliġibblità għall-għajnuna tal-ispejjeż sostnuti mill-jum ta’ wara d-data tal-għeluq tas-sejħa għal sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna preċedenti jmur kontra l-prinċipju ta’ neċessità tal-għajnuna mill-Istat, huwa indispensabbli, fid-dawl ta’ tali emenda sinjifikattiva li saret għall-iskema ta’ għajnuna kif kienet applikata fil-passat, li l-possibbiltà tat-teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-ispejjeż sostnuti mill-jum ta’ wara d-data ta’ għeluq tas-sejħa preċedenti, tkun suġġetta għal miżura tranżitorja, limitata biss għall-ewwel applikazzjoni tal-iskema l-ġdida.
9 Fost din il-korrispondenza kien hemm ukoll ittra tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Mejju 2000 (iktar ’il quddiem l-“ittra tad-29 ta’ Mejju 2000”).
10 F’din l-ittra, il-Kummissjoni tirreferi għal-laqgħa tas-16 ta’ Mejju 2000 preċedenti, li fid-dawl tagħha l-awtoritajiet Taljani kienu ppreżentaw “il-proposta sabiex tiġi prevista dispożizzjoni tranżitorja għall-iskema inkwistjoni, għall-fażi inizjali tal-applikazzjoni ta’ din l-iskema biss, li fuq il-bażi tagħha kien hemm ix-xewqa li tiġi rikonoxxuta r-retroattività tal-ispejjeż eleġibbli għall-għajnuna, mid-data tal-għeluq tal-aħħar sejħa li saret”. Din il-proposta kienet intiża “sabiex jiġi evitat kull diskontinwità bejn l-iskema preċedenti u l-iskema l-ġdida, prinċipalment minħabba l-aspettattivi leġittimi tal-impriżi (inizjattivi) li huma kkonċernati mill-imsemmija regola tranżitorja, li jappartjenu għal żewġ kategoriji differenti: a) dawk li għalihom saret applikazzjoni fuq il-bażi tal-aħħar sejħa rilevanti, favorevolment investigatii mill-banek konċessjonarji u inklużi fil-listi reġjonali, iżda li ma kisbux l-għajnuna minħabba insuffiċjenza ta’ riżorsi finanzjarji; b) dawk li għalihom għadha ma ġietx ippreżentata applikazzjoni, minkejja li diġà bdiet l-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investimenti”.
11 Fir-rigward tal-kategorija a), il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Taljani, fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000, “sabiex jimpenjaw ruħhom li jikkunsidraw, esklużivament, għall-ewwel fażi ta’ applikazzjoni tal-iskema l-ġdida, l-applikazzjonijiet sospiżi fil-kuntest tal-aħħar sejħa li saret, eżattament bħal li ġew investigati favoravolment u inklużi fl-aħħar listi”. Għal dak li jirrigwarda l-imsemmija kategorija b), hija tistieden lill-imsemmija awtoritajet sabiex jirtiraw il-proposta dwar l-eliġibbiltà tal-proġett ta’ investiment fil-każijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-proġett inbdiet qabel l-applikazzjoni għal għajnuna, peress li din il-proposta mhijiex konformi mal-Linji gwida dwar għajnuna mill-Istat nazzjonali reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9).
12 Sussegwentement, l-awtoritajiet Taljani biddlu l-proġett ta’ skema ta’ għajnuna.
13 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, innotifikata lir-Repubblika Taljana b’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra din l-iskema ta’ għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna 2000-2006”).
14 Id-deċiżjoni kkontestata fiha dispożizzjoni intiża speċifikament sabiex tapprova l-miżuri tal-imsemmija skema ta’ għajnuna li jiżguraw tranżizzjoni mal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni tranżitorja”). Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
“Huwa biss fl-okkażjoni tal-ewwel applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni, jiġifieri fl-okkażjoni tal-ewwel sejħa li ser tiġi organizzata fuq il-bażi tal-iskema inkwistjoni, peress li huwa stabbilit li l-applikazzjonijiet għal għajnuna, f’kull każ, għandhom jiġu mressqa qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġett ta’ investiment, li applikazzjonijiet li ġew introdotti fl-okkażjoni tal-aħħar sejħa organizzata fuq il-bażi ta’ [l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999] li ġew meqjusa bħala eliġibbli għal għajnuna iżda li ma ngħataw ebda għajnuna minħabba li ġew allokati riżorsi finanzjarji insuffiċjenti għal din is-sejħa huma, eċċezzjonalment, eliġibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
15 Wara din id-deċiżjoni, il-MICA adotta d-Digriet dwar miżuri massimi permessi fir-rigward ta’ sussidji favur attivitajiet ta’ produzzjoni fir-reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż msemmija mil-Liġi Nru 488/1992 għar-reġjuni ta’ Basilicata, Calabria, Campania, Puglia, Sardegna u Sicilia (misure massime consentite relative alle agevolazioni in favore delle attività produttive nelle aree depresse del Paese di cui alla legge n. Nru 488/1992 per le regioni Basilicata, Calabria, Campania, Puglia, Sardegna e Sicilia), tal-14 ta’ Lulju 2000 (GURI Nru 166, tat-18 ta’ Lulju 2000, p. 49), u ċ-Ċirkulari Nru 9003, tal-14 ta’ Lulju 2000 (suppliment ordinarju għal GURI Nru 175, tat-28 ta’ Lulju 2000), sabiex jiġu ppreċiżati r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna 2000-2006.
16 L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-uniku Artikolu, ta’ dan id-digriet jipprovdi li l-għajnuna tista’ tingħata “fuq il-bażi […] tal-ispejjeż li jitqiesu bħala eliġibbli fil-kuntest tal-programmi relatati mal-aħħar sejħa rilevanti, li kienu ġew evalwati b’mod favorevoli iżda li ma ġewx issussidjati minħabba li r-riżorsi finanzjarji meħtieġa kienu insuffiċjenti”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
17 Fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, fl‑1 ta’ Diċembru 1997, il-MIICA ppubblika t-tielet sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna, settur industrijali, li tikkorrispondi għall-ewwel tliet xhur tal-1998 (iktar’il quddiem it-“tielet sejħa”).
18 L-impriżi interessati kellhom sas-16 ta’ Marzu 1998 sabiex jissottomettu l-applikazzjonijiet għal għajnuna tagħhom. Huma setgħu jitolbu l-finanzjament tal-ispejjeż sostnuti mill-jum wara l-għeluq tat-terminu sabiex jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għal għajnuna sottomessi fuq il-bażi tas-sejħa preċedenti (it-tieni sejħa), jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1997.
19 Nuova Agricast u Cofra ssottomettew, kull waħda minnhom, applikazzjoni għal għajnuna għal proġett ta’ investiment fuq il-bażi tat-tielet sejħa. L-ammont totali tal-ispejjeż previsti kien jammonta għal ITL 9 516 000 000 u għal ITL 8 062 000 000, rispettivament. Kull waħda minn dawn is-somom kienet tinkludi l-ispejjeż sostnuti qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni, iżda wara d-data ta’ għeluq tas-sejħa preċedenti.
20 Dawn l-applikazzjonijiet, meqjusa eliġibbli, ġew inklużi fil-lista ta’ klassifika tal-applikazzjonijiet għar-reġjun ta’ Puglia permezz ta’ żewġ digrieti tal-MICA tal-14 ta’ Awwissu 1998. Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjoni fl-ordni ta’ klassifika tal-imsemmija applikazzjonijiet, l-appellanti ma kisbux l-għajnuna mitluba minħabba n-nuqqas ta’ fondi suffiċjenti.
21 Dawk id-digrieti kienu jindikaw li, skont id-Digriet Nru 527/95, tal‑20 ta’ Ottubru 1995, kif emendat bid-Digriet Nru 319, tal-31 ta’ Lulju 1997, l-applikazzjonijiet ikklassifikati bħala mhux rilevanti sabiex jiksbu għajnuna fil-kuntest tat-tielet sejħa, huma inklużi awtomatikament, mingħajr tibdil, fil-lista relatata mar-raba’ sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna fis-settur tal-industrija, li tikkorrispondi mat-tieni parti tal-1998 (iktar ’il quddiem ir-“raba’ sejħa”), billi għall-finijiet tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż għall-għajnuna, baqgħu validi l-kundizzjonijijiet applikabbli għall-applikazzjoni inizjali. Huma jippreċiżaw ukoll li jekk impriża kellha l-intenzjoni li żżomm validi l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż għall-għajnuna u, fl-istess waqt, tirrevedi l-applikazzjoni għal għajnuna tagħha, hija kellha tirrinunzja għal din l-inklużjoni awtomatika u tissottometti mill-ġdid l-applikazzjoni tagħha fit-termini li fihom kellhom jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għal għajnuna relatati biss mal-ħames sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna, li tikkorrispondi mal-ewwel parti tal‑1999, li kellhom jiġu stabbiliti mid-digriet.
22 Fil-frattemp, ir-raba’ sejħa kienet ġiet ippubblikata. Nuova Agricast u Cofra rrinunzjaw għall-inklużjoni awtomatika tal-applikazzjonijiet tagħhom fit-tabella relatata mar-raba’ sejħa, sabiex ikunu jistgħu jissottomettu għal darba oħra, applikazzjoni riveduta fuq il-bażi tal-ewwel sejħa rilevanti ta’ wara din is-sejħa.
23 Madankollu, ebda sejħa rilevanti ma ġiet ippubblikata mill-awtoritajiet Taljani qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, sa liema data l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni.
24 Fl-14 ta’ Lulju 2000, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, l-awtoritajiet Taljani ppubblikaw it-tmien sejħa għal sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna, settur industrijali (iktar ’il quddiem it-“tmien sejħa”).
25 Fid-dawl tal-kundizzjonijiet fis-seħħ, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, l-applikazzjonijiet riveduti tal-appellanti, li ma setgħux jibbenifikaw mid-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, ġew meqjusa bħala inammissibbli u ma’ ġewx inklużi fit-tabella relatata mat-tmien sejħa.
26 L-appellanti, flimkien ma’ impriżi Taljani oħra fl-istess sitwazzjoni, ippreżentaw imbagħad l-ewwel rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bl-għan li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tad‑digriet tal-15 ta’Ġunju 2005, SIMSA et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/04), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli fuq il-bażi li ma kienx ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
27 Barra minn hekk, Nuova Agricast ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale ordinario di Roma bl-għan li l-Ministero delle Attività Produttive, li ħa f’idejh ir-responsabbiltajiet tal-MICA, jiġi kkundannat jikkumpensaha għad-danni li hija tallega li sofriet minħabba li ma rċevitx l-għajnuna mitluba. F’dan il-kuntest hija sostniet, b’mod partikolari li, matul id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni bl-għan li tiġġedded l-iskema ta’ għajnuna wara l-31 ta’ Diċembru 1999, l-Istat Taljan ma kienx ipproteġa, b’mod korrett, id-drittijiet miksuba mill-impriżi li, bħalha, kienu rrinunzjaw għall-inklużjoni awtomatika, matul it-tielet sejħa, fit-tabella relatata mar-raba’ sejħa, bl-għan li jissottomettu applikazzjoni riveduta fuq il-bażi tal-ewwel sejħa rilevanti ta’ wara din.
28 Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, it-Tribunale ordinario di Roma, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2006, ressaq talba għal deċiżjoni preliminari rigward il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. B’sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C-390/06, Ġabra p. I-2577), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal din il-mistoqsija billi qalet li l-eżami tal-mistoqsija magħmula ma wera ebda element li seta’ jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.
29 Fl-analiżi tagħha dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, fil-punt 62 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni kellha tkun taf kemm bl-eżistenza kemm tal-impriżi, bħal Nuova Agricast, li l-applikazzjoni għal għajnuna tagħhom kienet ġiet inkluża fit-tabella relatata mat-tielet sejħa, u li ma kinux kisbu l-għajnuna mitluba fuq il-bażi ta’ din is-sejħa minħabba nuqqas ta’ fondi disponibbli u li għaldaqstant kienu rrinunzjaw għall-inklużjoni awtomatika fit-tabella relatata mar-raba’ sejħa bl-għan li jissottomettu applikazzjoni riveduta fuq il-bażi tal-ewwel sejħa rilevanti ta’ wara din is-sejħa (iktar ’il quddiem l-“impriżi tal-ewwel kategorija”) kif ukoll ta’ dawk li l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet inkluża fit-tabella relatata mar-raba’ sejħa, li ma kinux kisbu l-għajnuna mitluba minħabba insuffiċjenza ta’ fondi disponibbli (iktar ’il quddiem l‑“impriżi tat-tieni kategorija”).
30 Madankollu, fil-punti 77 u 78 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li billi l-Kummissjoni awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, li bis-saħħa tagħha l-impriżi tat-tieni kategorija biss setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li l-impriżi ta’ din il-kategorija u dawk tal-ewwel kategorija ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
31 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2005, Nuova Agricast u Cofra ppreżentaw rikors kull wieħed intiż sabiex il-Kummissjoni tkun ikkundannata għal kumpens tad-dannu li huma allegatament issubixxu minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.
32 Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2006, il-Qorti Ġenerali parzjalment laqgħet talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni u stiednet lil din tal-aħħar sabiex fit-talbiet bil-miktub tagħha tikkonċentra, minn naħa, fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, u min-naħa l-oħra, fuq il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa ta’ din l-istituzzzjoni, dwar l-eżistenza u n-natura tal-allegati danni, kif ukoll dwar ir-rabta kawżali bejn l-aġir akkużat u dawn id-danni.
33 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.
34 Fil-punti 48 sa 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabel kollox iddikjarat bħala inammissibbli t-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex il-kelmiet “falso ideologico” (stqarrija intenzjonalment falza), użati mill-appellanti sabiex jiddiskrivu l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000, jitneħħew min-noti tagħhom.
35 F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti essenzjalment jallegaw li f’din l-ittra, il-Kummissjoni deliberatament ħbiet il-fatt li l-awtoritajiet Taljani pprovaw jipproteġu mhux biss is-sitwazzjoni tal-impriżi li pparteċipaw fir-raba’ sejħa, iżda wkoll lil dawk l-impriżi li kienu pparteċipaw fit-tielet sejħa. F’dan ir-rigward hija kkonstatat li l-“falzità” li l-appellanti jallegaw li identifikaw fl-imsemmija ittra ma teżistix peress li din tagħmel distinzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-miżura tranżitorja maħsuba mill-awtoritajiet Taljani u t-talba tal-Kummissjoni magħmula lil dawn l-awtoritajiet bil-għan li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura jkun limitat biss għall-impriżi li pparteċipaw fl-aħħar sejħa. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li mhuwiex ir-rwol tagħha li tirrestrinġi l-libertà ta’ espressjoni li għandhom il-partijiet, fil-limitu tal-osservanza tar-regoli deontoloġiċi, limitu li f’dan il-każ ma nqabiżx, sa fejn l-appellanti indikaw b’mod espliċitu li ma allegawx li l-Kummissjoni kienet qalet falzità fis-sens tad-dritt kriminali Taljan.
36 Sussegwentement, fir-rigward tat-talbiet għad-danni, wara li kkonstatat li l-ewwel nett kellha tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikorsi u mhux fuq l-ammissibbiltà tagħhom, liema ammissibbiltà kienet ikkontestata mill-Kummissjoni, fil-punti 76 sa 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li din l-istituzzjoni kienet akkużata bih, kienetx sodisfatta.
37 L-argument prinċipali tal-appellanti li kien intiż sabiex juri li l-Kummissjoni wettqet diversi illegalitajiet minħabba li fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 hija stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jemendaw l-abbozz ta’ miżura tranżitorja u li adottat id-deċiżjoni kkontestata, ġie miċħud fil-punti 80 sa 84 tas-sentenza appellata skont kif ġej:
“80 Fir-rigward tal-argument prinċipali tar-rikorrenti […], huwa essenzjalment ibbażat fuq il-premessa li permezz tad-Deċiżjoni [tal-]1997, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tat-tieni parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal sejħa għall-implementazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna bbażata fuq il-Liġi [Nru 488/1992] li ġiet imnedija wara l-31 ta’ Diċembru 1999. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Aritkolu 87(1) KE huwa dak ta’ projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Skont il-ġurisprudenza, derogi minn dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza [tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004,] Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, [T‑109/01, Ġabra p. II‑127,] punt 75). Sabiex jiġi ddeterminat jekk għajnuna taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ għajnuna, għandu jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax titqies bħala li ngħatat qabel id-data ta’ skadenza ta’ din id-deċiżjoni, fejn il-kriterju rilevanti f’dan ir-rigward huwa dak ta’ att legalment vinkolanti li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, [iċċitata iktar ’il fuq], punti 68 u 71 sa 74). Minn dan isegwi li deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet għal skema ta’ għajnuna tikkonċerna biss l-għoti effettiv tal-għajnuna li taqa’ taħt din l-iskema, fejn l-awtorità nazzjonali kkonċernata għandha timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna inkwistjoni qabel l-iskadenza ta’ din id-deċiżjoni.
81 Konsegwentement, f’dan il-każ, għalkemm fid-Deċiżjoni [tal-] 1997, il-Kummissjoni ma tipprekludix li l-iskema ta’ għajnuna [1997-1999] tippermetti lir-rikorrenti li jissottomettu applikazzjoni għal għajnuna riveduta fil-kuntest ta’ sejħa rilevanti ta’ wara r-raba’ sejħa, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kien neċessarju li, minn naħa, din it-tieni parteċipazzjoni ssir qabel ma tiskadi l-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani jimpenjaw ruħhom li jagħtu l-għajnuna mitluba fil-kuntest ta’ din it-tieni parteċipazzjoni qabel din l-iskadenza wkoll. Issa, huwa paċifiku li, permezz tad-deċiżjoni [tal-] 1997, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ għajnuna [1997-1999] sal-31 ta’ Diċembru 1999. Huwa paċifiku wkoll li l-ebda sejħa li tippermetti t-tieni parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma ġiet ippubblikata qabel l-1 ta’ Jannar 2000 u li, qabel din id-data, l-awtoritajiet Taljani ma adottaw ebda att vinkolani li bih huma impenjaw ruħhom li jagħtu lir-rikorrenti l-għajnuna mitluba.
82 Barra minn hekk, bħalma ġustament tindika l-Kummissjoni, is-sempliċi possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għat-tieni darba għal sejħa li fil-kuntest tagħha tista’ tingħata għajnuna, mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-għajnuna mitluba ngħatat meta din il-possibbiltà kienet offruta. Kemm il-kliem tad-Deċiżjoni [tal-]1997 kif ukoll ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta tad-derogi mill-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, imposta mill-Artikolu 87(1) KE jipprekludu tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-iskema ta’ għajnuna approvata. Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma kellhom ebda ċertezza li ser jingħataw l-għajnuna mitluba jekk jissottomettu applikazzjoni riveduta.
83 Konsegwentement, id-“dirtt ta’ reviżjoni” li jirreferu għalih ir-rikorrenti, bis-suppożizzjoni li dan jeżisti, kien kopert biss mid-Deċiżjoni [tal-]1997 sa fejn dan kien eżerċitat qabel l-1 ta’ Jannar 2000 u sa fejn l-awtoritajiet Taljani kienu impenjaw ruħhom, qabel din id-data, li jagħtu lir-rikorrenti l-għajnuna li kienu talbu għat-tieni darba. Issa, kif diġà ġie indikat preċedentement, huwa paċifiku li dan ma kienx il-każ.
84 Peress li d-Deċiżjoni [tal-]1997 ma segħetx titqies bħala li tawtorizza lir-rikorrenti jissottomettu applikazzjoni għal għajnuna reveduta fil-kuntest ta’ sejħa ppubblikata wara l-iskadenza ta’ din id-deċiżjoni, il-premessa tar-raġunament tar-rikorrenti hija żbaljata. Għaldaqstant, l-argumenti kollha li r-rikorrenti jibbażaw fuq din il-premessa għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
38 Fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet ukoll li din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mis-soluzzjoni adottata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I-5479), invokata mill-appellanti, peress li l-fatti fiż-żewġ kawżi kienu sostanzjalment differenti.
39 Peress li sussegwentement, fil-punti 88 sa 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ppreżentati sussidjarjament mill-appellanti, fl-aħħar nett hija kkonkludiet, fil-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza, li dawn ma kinux stabbilixxew li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju, tali li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità Ewropea u li, konsegwentement, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
40 Nuova Agricast u Cofra prinċipalment jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata, anki fil-parti fejn issostni li ma hemm ebda falzità fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 u, għaldaqstant, tiċħad, fuq il-mertu, il-kontrotalba tal-Kummissjoni intiża sabiex jitħassru l-kelmiet “falso ideologico”;
– filwaqt li tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet inklużi fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti Ġenerali permezz tad-Deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2006, li tikkonstata li, billi adottat l-aġir indikat fir-rikorsi tal-ewwel istanza, il-Kummissjoni kisret b’mod gravi u manifest, id-dritt tal-Unjoni u kkawżatilhom dannu patrimonjali;
– li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet la mhumiex inklużi f’dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura,
– u, fir-rigward tal-ispejjeż:
i) jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titqies bħala definittiva, għall-inqas fuq il-kwistjonijiet inklużi fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ deċiżjonijiet tal-1 ta’ Marzu 2006, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi, jew
ii) fil-każ fejn din is-sentenza, għalkemm tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha inklużi f’dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ma tkunx tista’ titqies bħala definittiva peress li rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarju għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet mhux inklużi fl-imsemmija miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tirriżerva l-ispejjeż.
41 Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kawża mhijiex fi stat li tiġi deċiża, Nuova Agricast u Cofra jitolbu li din tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.
42 Il-Kummissjoni titlob lil Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
– tiċħad l-appell bħala inammissibbli;
– sussidjarjament, tiċħad dan l-appell bħala infondat;
– alternattivament, tiċħad it-talba għal kumpens mressqa fl-ewwel istanza, bħala inammissibbli;
– iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex titkompli l-proċedura, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
43 Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji. Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravju huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta, fil-punti 80 sa 84 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-premessa tal-argument prinċipali tagħhom li d-Deċiżjoni tal-1997 għandha tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni għal impriżi li jinsabu fis-sitwazzjoni tagħhom, sabiex jissottomettu applikazzjoni reveduta fil-kuntest ta’ sejħa ppubblikata anki wara l-31 ta’ Diċembru 1999. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq li, fil-punti 50 u 51 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000.
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
44 Il‑Kummissjoni targumenta dwar l-inammissibbiltà tal-appell minħabba li t-tliet aggravji invokati mill-appellanti insostenn tiegħu, huma inammissibbli.
45 Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni aggravju huma inammissibbli peress li ma jindikawx b’mod ċar biżżejjed liema huma l-elementi tas-sentenza appellata li huma kkontestati. Barra minn hekk, dawn l-aggravji huma inammissibbli sa fejn ma jilmentawx dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda jikkonċernaw kwistjonjiet tad-dritt Taljan jew, għall-inqas, l-aġir tal-awtoritajiet Taljani. Kwalunkwe żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda jammonta għal żball ta’ fatt, li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, ma jistax jiġi invokat fl-istadju tal-appell.
46 Fir-rigward tat-tielet aggravju, dan huwa inammissibbli peress li jirrigwarda deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata u, peress li jikkontesta evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-appellanti ma għandhomx interess jappellaw fuq dan ir-rigward peress li huma ma tilfux fuq dan il-punt.
47 L-appellanti jqisu li l-appell huma ammissibbli u jispjegaw, b’mod partikolari, li l-ewwel u t-tieni aggravju jikkontestaw l-interpretazzjoni żbaljata magħmula mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-1997 u, partikolarment, tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-deċiżjoni lill-iskema ta’ għajnuna 1997-1999.
Il-Kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
48 Mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, u fin-nuqqas ta’ dan, l-appell jew l-aggravvju kkonċernat ikunu inammissibbli (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 34; tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C-248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 68, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 426).
49 F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ċerti partijiet mill-argument żviluppat mill-appellanti, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni aggravju tagħhom, huma neqsin mill-awsterità, dan l-argument, kollu kemm hu, jidher madankollu ċar biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata bil-preċiżjoni meħtieġa, kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn ta’ din il-kritika u, konsegwentement, jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità.
50 Fir-rigward tat-tieni lment ta’ inammissibbiltà bbażat fuq li l-ewwel u t-tieni aggravvji tal-appell huma intiżi sabiex jiġi kkonstat żball fl-interpretazzjoni ta’ att nazzjonali mwettaq mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri tal-iskema ta’ għajnuna 1997‑1999, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt, kif jenfasizzaw l-appellanti, permezz ta’ dawn l-aggravji huma jinvokaw l-interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni tal-1997, u għaldaqstant ta’ att tal-Kummissjoni.
51 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell huma ammissibbli. Konsegwentement u mingħajr il-ħtieġa li f’dan l-istadju jiġu eżaminati l-ilmenti invokati fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet aggravvju, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, sa fejn hija tirrigwarda l-appell kollu kemm hu, għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji
– L-argumenti tal-partijiet
52 Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat id-deċiżjoni tal-1997 b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali. Huma partikolarment iqisu li, jekk id-deċiżjoni tal-1997 hija interpretata, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, fis-sens li ma tinkludix awtorizzazzjoni għat-tnedija ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet għal għajnuna ad hoc wara l-31 ta’ Diċembru 1999 irriżervata għall-impriżi li taħt l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 irċevew il-garanzija li jistgħu jipparteċipaw mill-ġdid f’sejħa ulterjuri, permezz ta’ inklużjoni awtomatika jew reviżjoni, din id-deċiżjoni hija illegali inkwantu hija awtorizzat skema ta’ għajnuna li tikser l-imsemmija prinċipji. Fil-fatt, skema ta’ għajnuna interpretata b’dan il-mod mill-Qorti Ġenerali, għal dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tagħha, hija intiża b’mod ontoloġiku sabiex tissagrifika l-pożizzjonijiet legali favorevoli mogħtija minn miżuri regolarment awtorizzati.
53 F’dan il-kuntest, l-appellanti jirreferu għall-ipoteżi fejn sejħa għal sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għajuna tnediet fit-tieni parti tas-sena 1999. L-impriżi li pparteċipaw f’din is-sejħa għall-ewwel darba billi kkwalifikaw fi grad mhux rilevanti għall-kisba ta’ għajnuna, irċevew il-garanzija, bħalma kien il-każ tal-impriżi li pparteċipaw f’sejħa preċedenti, li jkunu jistgħu jibbenifikaw mill-possibbiltà ta’ tieni parteċipazzjoni permezz ta’ inklużjoni awtomatika jew reviżjoni. Madankollu, kien ikun impossibbli mill-bidu nett li din it-tieni parteċipazzjoni sseħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 1999.
54 L-appellanti jikkonkludu li skema ta’ għajnuna li tagħti garanziji preċiżi rigward il-fatt li impriża tista’ tissottometti mill-ġdid applikazzjoni għal għajnuna, iżda li hija interpretata u applikata b’mod li tagħmel loġikament impossibbli s-sottomissjoni ta’ din l-applikazzjoni, ma tistax titqies bħala konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, skema bħal din tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li ċerti impriżi biss, b’mod partikolari, dawk li jkunu pparteċipaw għall-ewwel darba f’sejħa li tnediet fit-tieni parti tas-sena 1999, ma jkunux jistgħu jibbenfikaw mill-possibbiltà tat-tieni parteċipazzjoni.
55 Fl-aħħar nett l-appellanti jqisu li, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirettament irrifjutat l-argument tal-Kummissjoni li l-aspettattivi ġġenerati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jirregolaw skema ta’ għajnuna, ma jistgħux jiġu attribwiti lilha, billi ddeċidiet b’mod partikolari li għajnuna li, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ċerti regoli dettaljati tagħha, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-regoli dettaljati li tirreferi għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja huma bilfors dawk previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw din l-iskema ta’ għajnuna. Għaldaqstant, meta tawtorizza dawn id-dispożizzjonijiet il-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltà li tista’ tirriżulta minnhom.
56 Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqqset milli twettaq l-obbligu li tippreferi interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-1997 skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimu u ta’ trattament ugwali. Huma jqisu li din id-deċiżjoni hija ambigwa biżżejjed li tippermetti interpretazzjoni fis-sens propost minnhom stess, liema interpretazzjoni hija l-unika waħda li tosserva l-imsemmija prinċipji.
57 Skont l-appellanti, is-sempliċi fatt li l-imsemmija deċiżjoni tindika, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, li d-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 hija l-31 ta’ Diċembru 1999, ma kienx biżżejjed, fil-kuntest speċifiku ta’ din l-iskema, sabiex titneħħa kull ambigwità għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-impriżi, li taħt din l-iskema kisbu l-garanzija li jkunu jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għajnuna għat-tieni darba, permezz ta’ inklużjoni awtomatika jew reviżjoni, setgħu jeżerċitaw dan id-dritt fil-kuntest ta’ sejħa mnedija wara din id-data fil-każ li ma kien hemm ebda sejħa rilevanti qabel. Fil-fatt, deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet f’dak li jikkonċerna skema ta’ għajnuna mill-Istat, għandha tinqara flimkien mar-regoli dettaljati speċifiċi għall-implementazzjoni tal-iskema inkwistjoni. Meta, bħal f’dan il-każ, dawn ir-regoli dettaljati jipprovdu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għat-tieni darba bl-istess kundizzjonijiet għal eliġibbiltà tal-ispejjeż previsti għall-ewwel partiċipazzjoni mingħajr indikazzjoni tad-data ta’ skadenza, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija deċiżjoni.
58 Barra minn hekk, l-appellanti jallegaw li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 2006, bi tweġiba għat-talba ta’ kjarifikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-skema ta’ għajnuna applikabbli mis-sena 2007, li għaliha kienet mitluba l-awtorizzazzjoni, il-Gvern Taljan ħaddan it-teżi sostnuta mill-appellanti li l-ewwel applikazzjoni għal għajnuna tiddetermina l-proċedura u r-regoli li għandhom jiġu applikati wkoll għat-tieni waħda, liema applikazzjoni hija biss kontinwazzjoni tal-proċedura diġà mibdija mill-ewwel waħda. Il‑Kummissjoni ma tipprekludix din it-teżi u awtorizzat l-imsemmija skema.
59 Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel u t-tieni aggravji huma infondati.
60 Fil-fehma tagħha, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma semmitux matul l-eżami tal-premessa tal-appellanti, is-soluzzjoni li hija adottat hija fid-dawl tas-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat biss ex professo l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raġunament żviluppat fil-punti 66 sa 78 ta’ din is-sentenza huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-1997 u l-approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 li tirriżulta minn din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-impriżi tat-tieni kategorija biss kellhom id-dritt assolut li l-applikazzjoni tagħhom tkun inkluża awtomatikament matul is-sejħa sussegwenti. Għaldaqstant, kien biss għal dawn l-impriżi li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tawtorizza, b’mod tranżitorju, il-parteċipazzjoni fl-ewwel sejħa sussegwenti, anki jekk tnediet wara l-31 ta’ Diċembru 1999, id-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni mogħtija mid-deċiżjoni tal-1997.
61 Filwaqt li tirreferi għall-punt 75 tal-imsemmija sentenza, il‑Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li jekk jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet tal-impriżi tal-ewwel kategorija, bħall-appellanti, għall-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għall-iskema l-ġdida ta’ għajnuna, dan kien jagħtihom opportunitajiet aħjar sabiex jiksbu l-għajnuna mitluba, meta mqabbla mal-impriżi kompetituri li jikkompetu għall-ewwel darba, li għalihom il-ħtieġa tal-għajnuna ma kinitx dubjuża. Sabiex tevita konsegwenzi inaċċettabbli bħal dawn, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-prinċipju ta’ neċessità, li tiddikjara l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna inkompatibbli jekk din kienet ippermettiet li jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet riveduti tal-impriżi li kienu pparteċipaw għat-tielet sejħa. Għaldaqstant, mill-istess sentenza jirriżulta li l-appellanti fl-ebda każ ma kienu ser ikunu awtorizzati jipparteċipaw f’sejħa li taqa’ taħt din l-iskema l-ġdida. Soluzzjoni li hija meħtieġa legalment ma tistax tkun illegali fl-istess ħin, u dan jeskludi mill-bidu nett kwalunkwe responsabbiltà tal-Kummissjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom, l-appellanti essenzjalment isostnu li, sabiex ikunu osservati l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li tinterpreta d-deċiżjoni tal-1997 fis-sens li kienet tinkludi awtorizzazzjoni għat-tnedija ta’ sejħa ta’ sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna ad hoc wara l-31 ta’ Diċembru 1999, data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-deċiżjoni lill-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, irriżervata għall-impriżi tal-ewwel u t-tieni kategoriji, b’tali mod li l-appellanti kellhom jiġu kkunsidrati bħala awtorizzati sabiex jissottomettu l-applikazzjoni reveduta tagħhom għall-ewwel sejħa rilevanti taħt l-iskema ta’ għajnuna 2000‑2006, jiġifieri t-tmien sejħa.
63 Sabiex jiġu evalwati l-merti ta’ dawn l-aggravji, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-1997, meta hija interpretata fis-sens li ma tinkludix l-awtorizzazzjoni għat-tnedija ta’ tali sejħa ad hoc, tikser l-imsemmija prinċipji, kif jallegaw l-appellanti.
64 Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, mhux biss huwa importanti li jitqies it-test stess tal-imsemmija deċiżjoni, li ġie ppubblikat sommarju biss tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, iżda wkoll li tittieħed inkunsiderazzjoni l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, kif innotifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C-138/09, Ġabra p. I-4561, punt 31).
65 Barra minn hekk għandu jitfakkar f’dan il-kuntest, li għajnuna mill-Istat l itikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ċerti regoli ddettaljati tagħha, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni (ara s-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 51).
66 Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tal-1997 u tal-iskema ta’ għajnuna 1997‑1999 mal-imsemmija prinċipji ma tirriżultax mis-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq.
67 Fil-fatt għalkemm f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, li awtorizzat il-miżuri tranżitorji fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali mill-fatt li hija titratta b’mod differenti l-impriżi tal-ewwel u t-tieni kategoriji, hija bl-ebda mod ma ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni jew tad-deċiżjoni tal-1997 ma’ prinċipji oħra bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Għall-kuntrarju ta’ dan, fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, hija ssostni li, anki jekk Nuova Agricast, fil-kawża prinċipali, tqajjem motivi oħra ta’ invalidità tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li l-eżami tal-validità tagħha jiġi estiż fir-rigward ta’ dawn il-motivi l-oħra ta’ invalidità li mhumiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju.
68 Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 67 sa 78 tas-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, li l-impriżi tal-ewwel kategorija u dawk tat-tieni kategorija ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tar-rekwiżit ta’ neċessità tal-għajnuna mill-Istat, ma tipprekludix fiha innifisha, l-possibbiltà li l-Kummissjoni jkollha l-obbligu li tawtorizza dispożizzjonijet tranżitorji għall-impriżi tal-ewwel kategorija wkoll, sabiex jigi osservat, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
69 Għaldaqstant, sakemm l-impriżi tal-ewwel kategorija jistgħu effettivament jibbażaw fuq l-imsemmi prinċipju, l-awtorizzazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet tranżitorji jistgħu, skont il-każ, ikunu neċessarji anki jekk dawn l-impriżi ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impriżi tat-tieni kategorija. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari, li fin-nuqqas ta’ interess pubbliku predominanti, il-Kummissjoni tikser regola superjuri tad-dritt jekk tħassar leġiżlazzjoni mingħajr ma tipprovdi miżuri tranżitorji li jipproteġu l-aspettattivi li l-operatur seta’ leġittimament kellu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni kellha tkun taf kemm bl-eżistenza tal-impriżi tal-ewwel kategorija kif ukoll b’dawk tat-tieni kategorija (sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).
71 Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-Deċiżjoni tal-1997 u tal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 mal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqitlu aspettattivi fondati. Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li din l-istituzzjoni tkun tagħtu. Barra minn hekk, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta tkun adottata din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147 u l-ġurispurdenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C-519/07 P, Ġabra p. I‑8495, punt 84).
72 F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-1997, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, kienet tindika d-data tal-31 ta’ Diċembru 1999 taħt it-titolu “Tul ta’ żmien”.
73 Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, operatur ekonomiku prudenti u informat, li suppost għandu jkun familjari mal-imsemmija deċiżjoni, minn din l-indikazzjoni seta’ jiddeduċi li l-possibbiltà li jkun jista’ jipparteċipa, permezz ta’ inklużjoni awtomatika jew reviżjoni, skont ir-regoli dettaljati tal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, f’sejħa sussegwenti għal dik li fil-kuntest tagħha ssottometta l-applikazzjoni għal għajnuna, kienet limitata mit-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil din l-iskema.
74 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li fid-dawl tal-fatt li billi awtorizzat l-imsemmija skema, id-deċiżjoni tal-1997 idderogat mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, imsemmi fl-Artikolu 87(1) KE, tali operatur ma setax jistenna, raħonevolment, li din id-deċiżjoni tawtorizza, għall-kuntrarju tal-prinċipju li tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett, l-għoti ta’ għajnuna, anki wara d-data indikata fiha (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-277/00, Ġabra p. I-3925, punt 20, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I‑1875, punt 79).
75 Fi kwalunkwe każ, quddiem l-indikazzjoni ta’ data ta’ skadenza għall-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 fid-deċiżjoni tal-1997 ma jistax jiġi sostnut li l-appellanti kienu kisbu l-garanzija preċiża min-naħa tal-Kummissjoni li jkunu jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni għal għajnuna tagħhom, irriveduta, waqt sejħa mnedija wara din id-data. Barra minn hekk, l-appellanti ma setgħux jistennew, b’mod leġittimu, li l-Kummissjoni tagħti awtorizzazzjoni ġdida għal skema ta’ għajnuna mill-Istat, wara l-imsemmija data, bl-istess regoli dettaljati bħal dawk previsti mill-iskema ta’ għajnuna 1997-1999.
76 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li anki jekk d-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jirregolaw ir-regoli dettaljati tal-imsemmija skema, u l-atti adottati fil-kuntest tat-tielet sejħa ma jagħtux espressament data ta’ skadenza għall-eżerċizzju tal-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni ġdida f’sejħa ulterjuri, permezz ta’ inklużjoni awtomatika jew reviżjoni, l-appellanti ma setax ikollhom aspettattiva leġittima fil-fatt li setgħu jużaw din il-possibbiltà wara l-31 ta’ Diċembru 1999.
77 Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni, 325/85, Ġabra p. 5041, punt 18; tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I-569, punt 20, kif ukoll Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69). Issa, mill-punti 73 sa 75 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, minħabba li ġiet indikata data ta’ skadenza fid-deċiżjoni tal-1997, kien prevedibbli għall-impriżi li setgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, li wara din id-data, ebda sejħa għal sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna ma setgħet tiġi mnedija taħt l-imsemmija skema.
78 Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tal‑1997 u tal-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jipprekludi, b’mod partikolari, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
79 F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu li, jekk id-deċiżjoni tal-1997 hija interpretata fis-sens li ma tawtorizzax it-tnedija ta’ sejħa ad hoc wara l‑31 ta’ Diċembru 1999 irriżervata għall-impriżi li ma kisbux l-għajnuna mitluba taħt l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 minħabba l-insuffiċjenza ta’ fondi disponibbli u li, qabel din id-data, ma kellhomx iktar l-okkażjoni li jipparteċipaw f’sejħa ulterjuri, permezz ta’ inklużjoni awtomatika jew reviżjoni, l-imsemmija skema tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba li hija tat il-possibbiltà ta’ tieni parteċipazzjoni lil ċerti impriżi, filwaqt li għal oħrajn din il-possibbiltà kienet eskluża mill-bidu nett.
80 F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li tali trattament mhux ugwali bejn l-impriżi li kellhom l-okkażjoni li jeżerċitaw l-imsemmija possibbiltà qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni mogħtija mid-deċiżjoni tal-1997 u dawk li ma kellhomx iktar din l-okkażjoni, huwa oġġettivament iġġustifikat. Fil-fatt, peress li deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(3) KE, tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà għal din l-għajnuna mas-suq komuni, it-tul ta’ validità tagħha għandu jiġi llimitat ratione temporis. Issa, kwalunkwe awtorizzazzjoni għal żmien limitat, timplika, skont id-definizzjoni tagħha, trattament mhux ugwali peress li sitwazzjoni partikolari tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, jew le.
81 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali meta ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-1997 ma setgħetx titqies bħala li tawtorizza lill-appellanti sabiex jissottomettu applikazzjoni għal għajnuna, irreveduta, fil-kuntest ta’ sejħa għal sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna ppubblikata wara d-data ta’ skadenza ta’ din id-deċiżjoni.
82 Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
Fuq it-tielet aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
83 Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000, billi fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata eskludiet li din kienet tinkludi falzità.
84 L-appellanti jqisu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 12 tas-sentenza appellata, li jagħmel riferiment għalih l-imsemmi punt 50 irrikostitwixxiet b’mod żbaljat it-test ta’ din l-ittra. Għaldaqstant, mhuwiex eżatt li kienet il-Kummissjoni li, f’din l-ittra, għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi kkonċernati permezz tal-miżura tranżitorja. Billi użat it-temp tal-verbi b’mod kondizzjonali, hija tagħti lill-awtoritajiet Taljani l-identifikazzjoni ta’ żewġ kategoriji ta’ impriżi biss, li jidhru fil-proposta għal miżura tranżitorja.
85 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni sostniet li l-awtoritajiet Taljani ppreżentawlha miżura tranżitorja ta’ kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, li jinkludi wkoll l-impriżi tal-ewwel kategorija. Eżattament għall-kuntrarju ta’ dan, il-Kummissjoni intenzjonalment fasslet l-ittra tad‑29 ta’ Mejju 2000 sabiex issostni li l-awtoritajiet Taljani indikawlha biss iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ din l-ittra, sabiex tagħti l-impressjoni li kienet tinjora l-eżistenza tal-impriżi tal-ewwel kategorija.
86 L-appellanti jqisu li huma għad għandhom interess fl-annullament tas-sentenza appellata wkoll għal dak li jirrigwarda dan l-aspett, peress li ċerti argumenti li jibbażaw fuqhom ir-rikorsi tagħhom, jibbażaw fuq l-eżistenza ta’ falzità mwettqa mill-Kummissjoni. Konsegwentement, fil-każ li l-appell huwa milqugħ, jista’ jirriżulta neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 kienx fiha tali falzità.
87 Il‑Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli jew għall-inqas infondat.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
88 Mill-argumenti tal-appellanti, miġbura fil-qosor fil-punt 86 tas-sentenza preżenti, jirriżulta li huma jirrikonoxxu li għandhom interess fl-annullament tal-konstatazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm falzità fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000, biss fil-każ li l-appell tagħhom jintlaqa’.
89 Issa, peress li l-ewwel u t-tieni aggravji ġew miċħda, u sa fejn it-tielet aggravju, anki jekk jitqies bħala fondat, ma jistax waħdu jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata peress li huwa intiż kontra l-konstatazzjonijiet li ma għandhomx impatt fuq id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-aggravju, fi kwalunkwe każ, huwa rrilevanti u għaldaqstant, li jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu.
90 Konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
91 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Nuova Agricast Srl u Cofra Srl huma kkundannati għall-ispejjeża
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy