Kawża C-89/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Franċiża
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 43 KE — Saħħa pubblika — Tħaddim ta’ laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita għal 25 % is-sehem li azzjonisti li ma jeżerċitawx il-professjoni ta’ bijologu jista’ jkollhom fil-kapital azzjonarju — Projbizzjoni ta’ sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji li joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika — Għan intiż li jiżgura l-indipendenza professjonali tal-bijologi — Għan intiż għaż-żamma ta’ pluralità tal-offerta fil-qasam tal-bijoloġija medika — Koerenza — Proporzjonalità”
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Restrizzjonijiet dwar is-sehem fil-kapital tal-kumpanniji
(Artikoli 43 KE u 46 KE)
2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Restrizzjonijiet dwar is-sehem fil-kapital tal-kumpanniji
(Artikolu 43 KE)
1. Dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lil persuna li ma hijiex bijologu milli jkollha iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju, u għalhekk tad-drittijiet ta’ vot, ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li teżerċita professjoni libera (Selarl) li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, jillimitaw il-possibbiltà għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma għandhomx il-kwalità ta’ bijologi, stabbiliti fi Stati Membri oħra, milli jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju ta’ tali kumpannija. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jiskoraġġixxu, jekk mhux saħansitra jostakolaw, l-istabbiliment fl-Istat Membru inkwistjoni, fil-forma ta’ Selarl, ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn fejn joperaw laboratorji li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ tqassim ta’ kapital previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet. Għalhekk, dawn tal-aħħar għandhom l-effett li jostakolaw u jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-imsemmija operaturi, tal-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru permezz ta’ stabbiliment permanenti, kif ukoll li jaffettwaw l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tal-bijoloġija medika.
Madankollu, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija inkluża fost ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat, bħal-libertà ta’ stabbiliment. F’dan il-kuntest, l-għan intiż għaż-żamma tal-kwalità tas-servizzi mediċi jista’ jkun kopert minn waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 46 KE, sa fejn jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.
Fid-dawl tal-fakultà mogħtija lill-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-livell li fuqu huma beħsiebhom jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, dawn tal-aħħar jistgħu jeħtieġu li l-analiżi tal-bijoloġija medika jitwettqu minn bijologi li jgawdu indipendenza professjonali reali. Huma jistgħu wkoll jieħdu miżuri li jistgħu jeliminaw jew inaqqsu riskju ta’ preġudizzju għal din l-indipendenza peress li tali preġudizzju jista’ jaffettwa s-saħħa pubblika u l-kwalità tas-servizzi mediċi. Stat Membru jista’ jqis ukoll, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, li l-fatt li persuna li ma hijiex bijologu jkollha iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju u tad-drittijiet ta’ vot ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, jista’ jirrappreżenta riskju għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari għall-kwalità tas-servizzi mediċi.
Peress li ma huwiex stabbilit li jeżistu miżuri inqas restrittivi tal-libertà ggarantita mill-Artikolu 43 KE, minbarra l-projbizzjoni li tipprovdi li persuna li ma hijiex bijologu ma jistax ikollha iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju u tad-drittijet ta’ vot ta’ tali kumpannija, jippermettu li jiġi żgurat, b’daqstant effikaċja, il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex, tali dispożizzjonijiet nazzjonali huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
Barra minn hekk, jidher li tali dispożizzjonijiet huma wkoll proporzjonali għall-għan imfittex, peress li, filwaqt li jiżguraw li l-bijologi jżommu l-indipendenza tagħhom fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ deċiżjoni tagħhom, dawn jippermettu wkoll ċertu ftuħ tas-Selarl li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika għal kapitali esterni sal-limitu ta’ 25 % tal-kapital azzjonarju tagħhom.
(ara l-punti 46, 47, 52, 53, 66, 68, 79, 87, 89)
2. Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bijologi milli jżommu azzjonijiet fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika li għandhom l-effett li jostakolaw u jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tagħhom u tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE.
(ara l-punti 98-100)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 43 KE – Saħħa pubblika – Tħaddim ta’ laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita għal 25 % is-sehem li azzjonisti li ma jeżerċitawx il-professjoni ta’ bijologu jista’ jkollhom fil-kapital azzjonarju – Projbizzjoni ta’ sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji li joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika – Għan intiż li jiżgura l‑indipendenza professjonali tal-bijologi – Għan intiż għaż-żamma ta’ pluralità tal-offerta fil-qasam tal-bijoloġija medika – Koerenza – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑89/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2009,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Rozet u E. Traversa, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, billi llimitat għal 25 % is-sehem, u għalhekk id-drittijiet ta’ vot, li persuni li ma humiex bijologi jista’ jkollhom fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li teżerċita professjoni libera (“Selarl”) li topera laboratorji tal-bijoloġija medika u billi pprojbixxiet iż-sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
2 L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 90‑1258, tal-31 ta’ Diċembru 1990, dwar l-eżerċizzju, taħt forma ta’ kumpannija, tal-professjonijiet liberi suġġetti għal statut leġiżlattiv, regolamentari jew li t-titolu tagħhom huwa protett u dwar kumpanniji holding ta’ professjonijiet liberi (JORF tal-5 ta’ Jannar 1991, p. 216) jipprovdi:
“Iktar minn nofs il-kapital azzjonarju u d-drittijiet ta’ vot għandhom ikunu, direttament jew permezz tal-kumpannija msemmija fl-Artikolu 4 iktar ’il fuq, f’isem professjonisti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-kumpannija.
Bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, il-kumplament jista’ jinżamm:
1° Minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw il-professjoni jew professjonijiet li jikkostitwixxu l-għanijiet tal-kumpannija,
2° Matul perijodu ta’ għaxar snin, minn persuni fiżiċi li, wara li waqqfu kull attività professjonali, eżerċitaw din il-professjoni jew dawn il-professjonijiet fi ħdan il-kumpannija;
3° L-aventi kawża tal-persuni fiżiċi msemmija iktar ’il fuq matul perijodu ta’ ħames snin wara l-mewt tagħhom;
4° Minn kumpannija stabbilita skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 220 quater A tal-Code général des impôts [Kodiċi tat-taxxa] jekk il-membri ta’ din il-kumpannija jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi ħdan kumpannija li teżerċita professjoni libera;
5° Minn persuni li jew jeżerċitaw xi waħda mill-professjonijiet liberi relatati mas-saħħa, jew waħda mill-professjonijiet liberi legali jew ġudizzjarji, jew waħda mill-professjonijiet liberi l-oħrajn, msemmijin fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, skont jekk l-eżerċizzju ta’ waħda minn dawn il-professjonijiet jikkostitwixxix l-għan tal-kumpannija.
In-numru ta’ kumpanniji kkostitwiti għall-eżerċizzju tal-istess professjoni, li fiha l-istess persuna fiżika jew ġuridika minn fost dawk imsemmijin fil-punti 1 sa 5 iktar ’il fuq hija awtorizzata li żżomm ishma, jista’ jkun limitat, fir-rigward ta’ professjoni, permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État.
Fil-każ fejn fejn wieħed mir-rekwiżiti previsti f’dan l-artikolu ma jibqax jiġi osservat, il-kumpannija għandha perijodu ta’ sena sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. Fin-nuqqas ta’ dan, kull persuna kkonċernata tista’ titlob ix-xoljiment tal-kumpannija quddiem qorti. Il-qorti tista’ tagħti lill-kumpannija perijodu massimu ta’ sitt xhur sabiex tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha. Ma jistax jiġi ordnat ix-xoljiment jekk din ir-regularizzazzjoni tkun seħħet sad-data ta’ meta tingħata deċiżjoni fuq il-mertu.
Meta, wara li jiskadi t-terminu ta’ ħames snin previst fil-punt 3 iktar ’il fuq, l-aventi kawża tas-soċji jew ex soċji jkunu għadhom ma ttrasferewx l-ishma jew l-azzjonijiet tagħhom, il-kumpannija tista’, minkejja l-oppożizzjoni tagħhom, tiddeċiedi li tnaqqas il-kapital tagħha bl-ammont tal-valur nominali tal-ishma jew tal-azzjonijiet tagħhom u li tixtrihom bi prezz iffissat skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1843‑4 tal-Kodiċi Ċivili”.
3 Wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, l-imsemmi artikolu gie emendat bil-Liġi Nru 2008‑776, tal-4 ta’ Awwissu 2008, fuq il-modernizzazzjoni tal-ekonomija (JORF tal-5 ta’ Awwissu 2008, p. 12471).
4 L-Artikolu 10 tad-Digriet Nru 92‑545, tas-17 ta’ Ġunju 1992, dwar il-kumpanniji li jeżerċitaw professjoni libera ta’ diretturi u viċi diretturi ta’ laboratorji tal-bijoloġija medika (JORF tal-21 ta’ Ġunju 1992 p. 8106), jipprovdi:
“L-istess persuna fiżika jew ġuridika fost dawk imsemmijin fil-punti 1 sa 5 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi tal-31 ta’ Diċembru 1990 imsemmija iktar ’il fuq, jista’ jkollha ishma biss f’żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 753 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika.”
5 L-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet jipprovdi:
“Persuna jew persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu jew tal-punti 1 sa 5 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi tal-31 ta’ Diċembru 1990 msemmija iktar ’il fuq, jista’ jkollhom biss massimu ta’ kwart tal-kapital ta’ kumpannija li teżerċita professjoni libera ta’ diretturi u viċi diretturi ta’ laboratorji tal-bijoloġija medika.
Madankollu, meta kumpannija li teżerċita professjoni libera tkun ikkostitwita bħala soċjetà inakkomandita b’azzjonijiet, il-kwota tal-kapital miżmuma minn persuna li ma hijiex waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi tal-31 ta’ Diċembru 1990 imsemmija iktar ’il fuq, tista’ tkun superjuri minn dik stabbilita fil-paragrafu preċedenti minagħajr madankollu ma tkun ikbar minn 50 % tal-imsemmi kapital.”
Il-proċedura prekontenzjuża
6 Wara li tressaq ilment, fl-4 ta’ April 2006 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Franċiża fejn kien indikat li ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika ma kinux kompatibbli mal-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE, sa fejn dawn jirrestrinġu l-possibbiltà li persuni li ma humiex bijologi jkollhom il-kapital ta’ Selarl li topera laboratorji u jillimitaw in-numru ta’ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika li fihom persuna fiżika jew ġuridika jista’ jkollha sehem.
7 Peress li r-Repubblika Franċiża ma rrispondietx għal din l-ittra, fil-15 ta’ Diċembru 2006 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fejn stidnitu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.
8 Ir-Repubblika Franċiża, fir-risposta tagħha tal-14 ta’ Frar 2007, qieset li l-leġiżlazzjoni kkonċernata mill-imsemmija opinjoni motivata kienet iġġustifikata mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li din kienet neċessarja u proporzjonali fir-rigward ta’ dan l-għan.
9 Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2008, l-Istat Membru kkonċernat indika li kien hemm żviluppi fil-pożizzjoni tiegħu u li kien beħsiebu jneħħi r-restrizzjonijiet kollha applikabbli fir-rigward taż-żamma ta’ kapital tal-laboratorji kkonċernati, ħlief għal dawk li jirriżultaw minn inkompatibbiltajiet ta’ eżerċizzju ddefiniti b’mod strett. L-adozzjoni tal-liġi li kellha twassal għal din ir-riforma kienet, skont dan l-Istat Membru, prevista lejn l-aħħar tas-sena 2008 jew fil-bidu tal-2009, għal implementazzjoni bla dewmien.
10 Fin-nuqqas ta’ informazzjoni fuq l-istat tal-iżvilupp tax-xogħolijiet f’dan il-qasam, fl-20 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika Franċiża fejn talbitha informazzjoni f’dan ir-rigward.
11 Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Diċembru 2008, l-imsemmi Stat Membru informa lill-Kummissjoni li fit-22 ta’ Ottubru 2008 kien ġie ppreżentat quddiem l-Assemblea Nazzjonali proġett ta’ liġi li jawtorizza lill-Gvern jadotta, permezz ta’ digriet, il-liġijiet intiżi għal riforma ġenerali tal-bijoloġija medika. L-imsemmi Gvern indika li l-Assemblea Ġenerali kellha teżamina dan l-abbozz fi Frar 2009 u li għaldaqstant il-previżjoni tal-adozzjoni definittiva ta’ dan it-test kienet ġiet posposta għal Mejju ta’ wara.
12 Peress li r-Repubblika Franċiża ma pprovdiet lill-Kummissjoni ebda skeda fir-rigward tal-adozzjoni tad-digriet inkwistjoni u lanqas ma pprovdiet abbozz tal-liġi li jippermetti li din l-istituzzjoni jkollha elementi konkreti fir-rigward tal-miżuri proposti sabiex jiġu rimedjati l-oġġezzjonijiet invokati, din tal-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2008, ir‑Renju tad-Danimarka ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.
14 Wara li r-Renju tad-Danimarka informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien qiegħed jirrinunzja għall-intervent tiegħu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Novembru 2009, ordna t-tħassir ta’ dan l-Istat Membru bħala intervenjenti fil-kawża.
15 Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2010, skont l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Franċiża intalbet sabiex matul is-seduta tieħu pożizzjoni fuq l-argument, imressaq mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, li jgħid li l-awtoritajiet Franċiżi qegħdin jawtorizzaw strutturi li jippermettu li jinkiseb aċċess għal kapital estern lil hinn mil-limitu ta’ 25 % awtorizzat mil-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika filwaqt li qed jagħmlu distinzjoni bejn drittijiet finanzjarji u drittijiet ta’ vot fir-rigward tad-deċiżjonijiet fuq il-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-laboratorji tal-bijoloġija medika.
16 Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2010, ir-Repubblika Franċiża bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja n-nota li kienet bagħtet lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Marzu 2010, u li kienet tinkludi t-test tad-Digriet Nru 2010‑49, tat-13 ta’ Jannar 2010, dwar il-bijoloġija medika (JORF tal-15 ta’ Jannar 2010, p. 819), li l-abbozz tiegħu kien issemma minn dan l-Istat Membru kemm matul il-fażi prekontenzjuża kif ukoll fill-kontroreplika tiegħu.
Fuq ir-rikors
17 Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni essenzjalment tinvoka żewġ ilmenti. Hija ssostni li l-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika jiksru l-Artikolu 43 KE sa fejn din tipprovdi, l-ewwel nett, li persuna li ma hijiex bijologu jista’ jkollha biss kwart mill-kapital azzjonarju, u għalhekk tad-drittijiet ta’ vot, ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika u, it-tieni nett, li persuna fiżika jew ġuridika ma jistax ikollha ishma f’iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika.
18 Għandu jiġi speċifikat li wara l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2010‑49 kien hemm xi emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika. Peress li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑531/06, Ġabra p. I‑4103, punt 98, u tal-25 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑392/08, Ġabra p. I-2537, punt 26), dawn l-emendi ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din is-sentenza.
Fuq l-ewwel ilment
L-argumenti tal-partijiet
19 Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni li tipprovdi li persuna li ma hijiex bijologu ma jistax ikollha iktar minn kwart tal-kapital azzjonarju, u għalhekk tad-drittijiet ta’ vot, ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, li tirriżulta mill-applikazzjoni flimkien tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 90‑1258 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Digriet Nru 92‑545 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment”), jikkostitwixxu restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE. Din il-projbizzjoni għandha l-effett li tillimita kemm il-possibbiltajiet ta’ partnerships b’mod partikolari ma persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment, fi Franza, ta’ laboratorji stabbiliti fi Stati Membri oħra u li ma jissodisfawx il-kriterji previsti mid-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment.
20 Għalkemm huwa ċertament minnu li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tikkostitwixxi raġuni li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, madankollu, xorta jibqa l-fatt li dawn għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan, ħaġa li ma tapplikax għall-projbizzjoni inkwistjoni.
21 Insostenn tal-argument tagħha l-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑140/03, Ġabra p. I‑3177), dwar il-ħwienet tal-ottika. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni f’dik il-kawża, li ma kinux jippermettu li ottiku jopera iktar minn ħanut tal-ottika wieħed u li kienu jillimitaw għal massimu ta’ 50 % is-sehem mill-kapital azzjonarju li seta’ jinżamm minn persuna fiżika jew ġuridika li ma kinitx l-ottiku li jopera l-ħanut, kienu kontra l-Artikoli 43 KE u 48 KE. Issa, ma jistax jinċaħad li jeżisti paralleliżmu bejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni li kienet is-suġġett ta’ dik is-sentenza u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment f’din il-kawża.
22 Il-Kummissjoni ssostni li għalkemm jidher li huwa ġġustifikat li għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jiġi impost li, fil-kuntest tal-isfera legali tar-relazzjonijiet mal-pazjenti, l-analiżi tal-bijoloġija medika jitwettqu minn persunal kompetenti li jkollu taħriġ professjonali xieraq, madankollu, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tar-relazzjonijiet legali li jirrigwardaw il-proprjetà jew id-dritt ta’ operat ta’ laboratorji tal-bijoloġija medika, ma jidhirx li l-ħtieġa ta’ tali kwalifikazzjonijiet hija proporzjonata.
23 Fir-replika tagħha l-Kummissjoni ssostni li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi relatati mar-restrizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà tal-kapital tal-ispiżeriji (sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, u tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171), li ngħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja wara l-preżentata tar-rikors u tar-risposta f’din il-kawża, ma tistax tiġi trasposta għal-laboratorji tal-bijoloġija medika. F’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ differenti minn dak adottat fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt hija kkunsidrat li l-libertà ta’ stabbiliment ma tipprekludix leġiżlazzjoni, bħal-leġiżlazzjoni Taljana u Ġermaniża, li tirriżerva biss għall-ispiżjara d-dritt ta’ stabbiliment u tħaddim ta’ spiżerija. Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi spjegata min-natura partikolari ħafna tal-prodotti mediċinali.
24 Issa, l-attivitajiet tal-bijoloġija medika jiġu eżerċitati biss fuq preskrizzjoni medika, u għalhekk dan joffri garanzija ikbar kemm f’termini ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u kif ukoll ta’ kontroll tal-ispejjeż għas-sistema tas-saħħa. Fil-fatt, din il-limitazzjoni permezz tal-preskrizzjoni medika tapplika kemm fir-rigward tan-natura tat-testijiet li għandhom isiru kif ukoll fir-rigward tal-kwantità tagħhom.
25 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li s-settur tal-bijoloġija medika huwa kkaratterizzat minn bżonnijiet ta’ finanzjament kunsiderevoli, u dan jiddistingwihom b’mod partikolari mill-ispiżeriji, u li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex mid-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ma ntlaħaqx peress li dawn ma ppermettewx li jsiru konċentrazzjonijiet li jippermettu t-twettiq tal-investimenti meħtieġa għall-provvista ta’ servizz ta’ kwalità. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma ppermettew il-kostituzzjoni ta’ entitajiet ta’ daqs suffiċjenti sabiex ikun hemm ekonomiji ta’ skala li jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq il-prezz tal-analiżi u, konsegwentement, fuq it-teħid ta’ responsabbiltà tagħhom mis-sistema tas-sigurtà soċjali.
26 Barra minn hekk, jeżistu miżuri oħrajn li huma inqas restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment li wkoll jippermettu li l-indipendenza tal-bijologi fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ deċiżjoni tagħhom, li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ifittxu li jiżguraw, tiġi mħarsa.
27 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika ma hijiex kooerenti. Filwaqt li l-miżuri stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment huma bbażati fuq ir-rwol li d-direttur tal-laboratorju għandu fil-kwalità doppja tiegħu ta’ amministratur u ta’ bijologu, madankollu l-preżenza effettiva ta’ bijologu fil-bini matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-laboratorju ma hijiex imposta. Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li l-awtoritajiet Franċiżi qegħdin jawtorizzaw strutturi li jippermettu li jinkiseb aċċess għal kapital estern lil hinn mil-limitu ta’ 25 % filwaqt li qed jagħmlu distinzjoni bejn drittijiet finanzjarji u drittijiet ta’ vot fir-rigward tad-deċiżjonijiet fuq il-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-laboratorji tal-bijoloġija medika kkonċernat.
28 Għalkemm, matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Franċiża kienet esprimiet mall-Kummissjoni l-intenzjoni tagħha li ttemm ir-restrizzjonijiet fil-qasam taż-żamma ta’ kapital minn persuni li ma humiex biologi, fir-risposta tiegħu dan l-Istat Membru jsostni li l-projbizzjoni li tipprovdi li persuna li ma hijiex bijologu ma jistax ikollha iktar minn kwart tal-kapital azzjonarju, u għalhekk tad-drittijiet ta’ vot, ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, hija kompatibbli mal-Artikolu 43 KE.
29 Filwaqt li jinvoka l-pożizzjoni ċentrali u determinanti li l-bijoloġija medika għandha fis-sistema tal-kura, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza t-tliet fażijiet li jikkomponu l-eżami tal-bijoloġija medika, jiġifieri l-fażi preanalitika li matula l-persunal mediku jiltaqa’ mal-pazjent u jwettaq il-prelevamenti, il-fażi analitika li hija fażi purament teknika li tikkonsisti fit-twettieq tal-analiżi u, fl-aħħar nett, il-fażi postanalitika li matula r-riżultati tal-eżamijiet ikunu s-suġġett ta’ validazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fajl mediku tal-pazjent. Issa, l-organizzazzjoni stabbilita minn Franza, b’kuntrast ma dik prevista fi Stati Membri oħrajn fejn il-bijologu huwa relegat għal rwol essenzjalment tekniku, tipprovdi li dawn it-tliet fażijiet huma maqudin u ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin, u dan jirriżulta mill-għażla tal-awtoritajiet Franċiżi li l-bijologu jingħata rwol mediku ikbar. Il-bijologi, li fil-parti l-kbira huma spiżjara, 75 %, jew tobba li kkompletaw it-taħriġ inizjali tagħhom permezz ta’ taħriġ speċjalizzat fil-bijoloġija medika, għandhom ikunu preżenti anki waqt il-fażi preanalitika fejn huma jiltaqgħu mal-pazjent. Barra minn hekk, matul il-fażi postanalitika huma jivvalidaw ir-riżultati, jinfurmaw b’dan lill-pazjent u jistgħu jipparteċipaw, flimkien mat-tabib ta’ dan tal-aħħar, fl-għażla tat-terapija u, jekk meħtieġ, jwettqu investigazzjonijiet addizzjonali skont ir-riżultati miksuba.
30 Ir-Repubblika Franċiża tfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 152(5) KE, l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bi sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.
31 Anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, dan l-ostakolu huwa f’kull każ iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ikkostitwita mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza u huma intiżi sabiex iħarsu l-indipendenza tal-bijologi billi jevitaw li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn tal-aħħar jkunu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika u mhux minn kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika. L-imsemmija dispożizzjonijiet jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex peress li huwa inevitabbli li l-persuna li jkollha l-maġġoranza tal-kapital ta’ laboratorju tinfluwenza d-deċiżjonijiet li l-bijologi x’aktarx jieħdu fir-rigward tal-pazjenti. Dawn l-istess dispożizzjonijiet huma proporzjonati wkoll fid-dawl ta’ dan l-għan. Fil-fatt, sa fejn il-bijologu, impjegat ta’ laboratorju, huwa obbligat li japplika l-istruzzjonijiet li jkunu ġejjin minn persuna li tħaddem li ma hijiex bijologu, ma jistax jiġi eskluż li dan jasal sabiex jagħti prijorità lill-interess ekonomiku ta’ dan il-laboratorju iktar milli lir-rekwiżiti marbutin mas-saħħa pubblika.
32 Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li r-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-attività tal-ottiċi, ma jistax jiġi traspost għal-laboratorji tal-bijoloġija medika. B’kuntrast mal-ħwienet tal-ottika, dawn il-laboratorji jikkontribwixxu għal atti u għal teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura medika li jistgħu jinvolvu riskji għas-saħħa tal-pazjenti.
33 Skont l-imsemmi Stat Membru, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-bijoloġija medika, kif ukoll tal-organizzazzjoni ta’ din l-attività fi Franza, għandhom pjuttost jiġu applikati, f’din il-kawża, il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitati iktar ’il fuq, li jirrigwardaw is-settur farmaċewtiku.
34 Skont dawn is-sentenzi, Stat Membru jista’ jqis, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu f’dak li jirrigwarda l-livell li fuqu huwa beħsiebu jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod ta’ kif dan il-livell għandu jintlaħaq, li b’kuntrast mat-tħaddim ta’ spiżerija minn spiżjar, it-tħaddim minn persuna li ma hijiex spiżjar jista’ jirrappreżenta riskju għas-saħħa pubblika peress li t-tfittxija ta’ profitti fil-kuntest ta’ tali tħaddim ma jinkludix elementi moderaturi. Issa, il-bijologi jikkontribwixxu għal atti u għal teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura medika li jistgħu jinvolvu, l-istess bħall kunsinna ta’ mediċini mill-ispiżjara fi spiżerija, riskji għas-saħħa publika.
35 Ir-Repubblika Franċiża tqis ukoll li l-Kummissjoni ma turix b’liema mod il-ftuħ tal-kapital tas-Selarl li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika neċessarjament jirriżulta f’konċentrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, ħaġa li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ma jippermettux. Barra minn dan, l-istruttura tal-laboratorji u eventwali ekonomiji ta’ skala ma jistax ikollhom impatt fuq it-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispiża tal-analiżi mis-sistema tas-sigurtà soċjali, minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li l-ammont ta’ dan it-teħid ta’ responsabbiltà mis-sistema tas-sigurtà soċjali jiddependi fuq il-prezz, iffissat mill-Istat għal kull eżami tal-bijoloġija medika, li huwa identiku għal-laboratorji kollha, indipendentement mill-ispiża effettiva li jinvolvi l-eżami magħmul.
36 Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment huma proporzjonali peress li l-investituri li ma humiex bijologi jistgħu madankollu jkunu proprjetarji ta’ 25 % tal-kapital ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika. Fil-fatt, fi ħdan tali kumpannija, l-iktar deċiżjonijiet importanti jeħtieġu l-vot tal-maġġoranza tal-azzjonisti li jirrappreżentaw minn tal-inqas tliet kwarti mill-kapital azzjonarju. Barra minn hekk, dan is-sehem ta’ 25 % jippermetti li jintlaħaq bilanċ bejn ir-rispett tal-libertà ta’ stabbiliment u l-għan intiż għall-ħarsien tal-indipendenza tal-bijologi.
37 Barra minn hekk, il-miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment li ssemmi l-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jiżguraw il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex.
38 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika, ir-Repubblika Franċiża tqis, b’mod partikolari, li l-obbligu ta’ eżerċizzju personali tal-funzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-bijologu taħt l-Artikolu L. 6221-9 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, de facto jeżiġi l-preżenza effettiva ta’ dan tal-aħħar f’dan il-laboratorju.
39 Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fir-replika tagħha, li tgħid li l-awtoritajiet nazzjonali qegħdin jawtorizzaw strutturi li jippermettu li jinkiseb aċċess għal kapital estern lil hinn mil-limitu ta’ 25 %, filwaqt li qed jagħmlu distinzjoni bejn drittijiet finanzjarji u drittijiet ta’ vot fir-rigward tad-deċiżjonijiet fuq il-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-laboratorju, matul is-seduta l-imsemmi Stat Membru spjega li din id-dikjarazzjoni fil-verita tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali jassimilaw persuni ġuridiċi li jamministraw laboratorji tal-bijoloġija medika fi Stati Membri oħra għal bijologi li għandhom il-kwalità ta’ persuna guridika taħt id-dritt Franċiż u għalhekk tippermettilhom iżommu l-maġġoranza tal-kapital ta’ Selarl li topera laboratorji fi Franza.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Osservazzjonijiet preliminari
40 Qabel kollox, għandu jitfakkar li kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 152(5) KE jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri fl-amministrazzjoni tas-sistemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali u fl-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ dispożizzjonijiet intiżi għall-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.
41 Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu, inkluża l-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu jew li jżommu restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fil-qasam tal-kura tas saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009 Hartlauer, C‑169.07, Ġabra p. I‑1721, punt 29; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 43)
42 Għalhekk, fl-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ dan l-obbligu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-assi u l-interessi protetti mit-Trattat KE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il‑livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lill-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 51, Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, kif ukoll Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
43 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni li tipprovdi li persuna li ma hijiex bijologu ma jistax ikollha iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju, u għalhekk tad-drittijiet ta’ vot, ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE u, jekk ikun il-każ, li jiġi eżaminat jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.
– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
44 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑299/02, Ġabra p. I‑9761, punt 15, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, punt 27 u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 43).
45 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 43 KE jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li japplikaw mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra u jostakolaw b’hekk il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004 CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 12, u tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punt 64).
46 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment, billi jipprojbixxu lil persuna li ma hijiex bijologu milli jkollha iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju, u għalhekk tad-drittijiet ta’ vot, ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, jillimitaw il-possibbiltà għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma għandhomx il-kwalità ta’ biologi, stabbiliti fi Stati Membri oħra, milli jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju ta’ tali kumpannija.
47 Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jiskoraġġixxu, jekk mhux saħansitra jostakolaw, l-istabbiliment fi Franza, fil-forma ta’ Selarl, ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn fejn joperaw laboratorji li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ tqassim ta’ kapital previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet. Għalhekk, dawn tal-aħħar għandhom l-effett li jostakolaw u jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-imsemmija operaturi, tal-attività tagħhom fit-territorju Franċiż permezz ta’ stabbiliment permananeti, kif ukoll li jaffettwaw l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tal-bijoloġija medika.
48 Fil-fatt kumpanniji li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika stabbiliti fi Stati Membri oħrajn u li l-kapital tagħhom, lil hinn mil-limitu ta’ 25 %, huwa miżmum minn persuni li ma humiex bijologi jistgħu jkunu obbligati, sabiex jistabbilixxu rwieħhom fi Franza fil-forma ta’ Selarl, jadattaw, fi ħdan dawn il-kumpanniji, il-mod ta’ kif inhuwa abitwalment imqassam il-kapital azzjonarju.
49 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE.
– Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
50 Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil‑kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 44, Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 25, kif ukoll Blanco Pérez u Chao Gómez, punt 61).
51 Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment japplikaw mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.
52 L-ewwel nett, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija inkluża fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat, bħal-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Hartlauer, punt 46, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 51).
53 F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan intiż għaż-żamma tal-kwalità tas-servizzi mediċi jista’ jkun kopert minn waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 46 KE, sa fejn jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C‑385/99, Ġabra p. I‑4509, punt 67, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑496/01, Ġabra p. I‑2351, punt 66).
54 It-tieni nett, huwa wkoll meħtieġ li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettieq ta’ tali għan.
55 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta jibqgħu inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-iskala tar-riskji għas-saħħa tal-persuni, l-Istat Membru jista’ jadotta l-miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistenna sakemm ir-riskji jsiru kompletament evidenti. Barra minn hekk, l-Istat Membru jista’ jadotta l-miżuri li jnaqqsu, kemm huwa possibbli, ir-riskju għas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et, C‑170/04, Ġabra p. I‑4071, punt 49; tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar il fuq, punt 54, kif ukoll Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar il fuq, punt 74).
56 Mill-proċess jirriżulta li s-settur tal-bijoloġija medika huwa ta’ natura speċifika u għandu, kif issostni r-Repubblika Franċiża, pożizzjoni prinċipali fis-sistema tas-saħħa. Bl-istess mod huwa paċifiku li, f’dan l-Istat Membru, il-bijologu ngħata rwol mediku matul il-fażijiet tal-preanaliżi u tal-postanaliżi.
57 Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess bħalma l-għoti ta’ prodott mediċinali mhux xieraq min-naħa ta’ spiżjar lil klijent jista’ jkollu konsegwenzi gravi, servizz ta’ bijoloġija medika mogħti b’mod mhux xieraq, jew saħansitra mogħti tard jew żbaljat, jista’ jagħti lok, b’mod partikolari, għal żbalji fil-qasam ta’ djanjożi u ta’ terapija. Barra minn hekk, l-istess bħall-konsum eċċessiv jew l-użu żbaljat ta’ prodotti mediċinali, l-eżekuzzjoni żbaljata jew b’mod mhux xieraq ta’ analiżi tal-bijoloġija medika, kemm fuq livell kwantitattiv kif ukoll fuq livell kwalitattiv, tista’ tagħti lok għal spejjeż inutli għas-sistema tas-sigurtà soċjali u, konsegwentement, għall-Istat.
58 Għaldaqstant, jidher li l-eżekuzzjoni żbaljata jew b’mod mhux xieraq ta’ analiżi tal-bijoloġija medika tirrappreżenta riskju għas-saħħa pubblika li huwa paragunabbli għar-riskju li jirriżulta mill-ħruġ b’mod mhux xieraq ta’ prodotti mediċinali, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li teżamina fis-sentnezi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi riskju ma jidhirx paragunabbli għal dak irrappreżentat mill-ħruġ żbaljat jew b’mod mhux xieraq ta’ prodotti tal-ottika, li kienu inkwistjoni fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq. Għalkemm huwa ċertament minnu li tali ħruġ jista’ jkollu konsegwenzi negattivi għall-pazjenti, madankollu l-Kummissjoni ma wrietx li dawn jilħqu livell ta’ gravità ekwivalenti għal dak li tirrappreżenta l-eżekuzzjoni żbaljata jew b’mod mhux xieraq ta’ analiżi tal-bijoloġija medika.
59 Dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-analiżi tal-bijoloġija medika jitwettqu biss abbażi ta’ preskrizzjoni medika, u li dan jiddistingwihom mill-prodotti mediċinali u joffri garanzija aħjar kemm fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll fil-kontroll tal-ispejjeż inkorsi mis-sistema tas-saħħa.
60 Fil-fatt, minn naħa, matul is-seduta r-Repubblika Franċiża enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li l-istess bħall analiżi tal-bijoloġija medika, il-maġġoranza tal-prodotti mediċinali jinbiegħu fl-ispiżeriji fuq preskrizzjoni medika. Min-naħa l-oħra, fis-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 90) u Apothekerkammer des Saarlandes et (punt 60), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prodotti mediċinali fuq preskrizzjoni jew użati għal raġunijiet terapewtiċi jistgħu jkunu ta’ ħsara gravi għas-saħħa jekk jiġu kkunsmati bla bżonn jew b’mod żbaljat. Għalhekk, l-eventwali eżistenza ta’ preskrizzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura li twarrab ir-riskju għas-saħħa pubblika li jirriżulta mill-provvista żbaljata jew mhux xierqa ta’ prodotti mediċinali.
61 Dan jgħodd ukoll għall-analiżi tal-bijoloġija medika. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Franċiża jirriżulta li, anki jekk dawn huma s-suġġett ta’ preskrizzjoni medika, ir-rwol tal-bijologu huwa importanti sabiex jiggarantixxi li l-analiżi mitluba tiġi eżegwita u interpretata b’mod korrett u, għaldaqstant, li t-tabib li jippreskrivi jwettaq għażliet terapewtiċi adegwati abbażi tar-riżultati tal-imsemmija analiżi. F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi osservat li, abbażi tal-Artikolu L. 6211‑1 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-iskadenza t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, l-analiżi tal-bijoloġija medika kienu jitwettqu, fi ħdan il-laboratorju, taħt ir-responsabbiltà tad-direttur u tad-direttur aġġunt tal-laboratorji, peress li dawn tal-aħħar kienu bijologi li jikkontrollaw l-attività tal-laboratorji. L-importanza tar-rwol tal-bijologi hija msaħħa wkoll, minn naħa, mill-possibbiltà, invokata mir-Repubblika Franċiża, li pazjent imur f’laboratorju, mingħajr ma jkollu preskrizzjoni, sabiex jagħmel ċerti analiżi tal-bijoloġija medika u, min-naħa l-oħra, mid-djalogu li jeżisti b’mod mifrux fi Franza bejn it-tabib li jippreskrivi u l-bijologu, sa fejn dan tal-aħħar jista’, jekk ikun hemm bżonn, jagħmel eżamijiet addizzjonali għall-preskrizzjoni medika.
62 Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu, minn naħa, li s-settur tal-bijoloġija medika huwa kkaratterizzat ukoll, meta mqabbel mas-settur tal-ispiżeriji, minn bżonnijiet ta’ finanzjament importanti, u, min-naħa l-oħra, li l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ma ntlaħaqx peress li dawn ma ppermettewx li jsiru konċentrazzjonijiet li jippermettu t-twettiq tal-investimenti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi pprovduti kif ukoll eventwali ekonomiji ta’ skala li jista’ jkollhom effett fuq it-teħid ta’ responsabbiltà tal-analiżi tal-bijoloġija medika mis-sistema tas-sigurtà soċjali, ma jidhirx li dawn huma sostnuti mill-elementi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni u huma bbażati biss fuq suppożizzjonijiet.
63 F’dan ir-rigward ir-Repubblika Franċiża spjegat li l-ammont tal-analiżi tal-bijoloġija medika li r-responsabbiltà għalih tittieħed mis-sigurtà socjali essenzjalment jiddependi fuq it-tariffa li fuqha l-Istat Membru jiddeċiedi li jħallas kull provvista ta’ analiżi, peress li din it-tariffa hija identika għal-laboratorji kollha, indipendentement mill-prezz effettiv tas-servizz. Issa, il-Kummissjoni ma writx li teżisti relazzjoni bejn dan il-ħlas u r-regoli dwar iż-żamma ta’ kapital f’kumpanniji li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika.
64 Għalhekk, jidher li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li ftuħ tal-kapital tal-imsemmija kumpanniji għal kapitali esterni għandu jġib miegħu, fil-qasam tal-finanzjament tal-laboratorji tal-bijoloġija medika, l-effetti pożittivi li hija tinvoka.
65 Konsegwentement, fid-dawl, minn naħa, tax-xebh li jeżisti, mill-perspettiva tar-riskji għas-saħħa pubblika, bejn is-settur tal-ispiżeriji u dak tal-analiżi tal-bijoloġija medika, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn iż-żewġ setturi ma jistgħux fil-verità jiġu distinti minn xulxin, kemm jekk fir-rigward tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-qasam tal-preskrizzjonijiet mediċi kif ukoll fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ finanzjament, jidher li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, u Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, dwar ir-restrizzjonijiet għaż-żamma ta’ kapital ta’ spiżeriji, jistgħu jiġu trasposti b’mod sħiħ għal din il-kawża.
66 Għalhekk, fid-dawl tal-fakultà mogħtija lill-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-livell li fuqu huma beħsiebhom jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandu jiġi ammess li dawn tal-aħħar jistgħu jeħtieġu li l-analiżi tal-bijoloġija medika jitwettqu minn bijologi li jgawdu indipendenza professjonali reali. Huma jistgħu wkoll jadottaw miżuri li jistgħu jeliminaw jew inaqqsu r-riskju ta’ preġudizzju għal din l-indipendenza peress li tali preġudizzju jista’ jaffettwa s-saħħa pubblika u l-kwalità tas-servizzi mediċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktara ’il fuq, punt 35).
67 Il-persuni li ma humiex bijologi ma għandhomx, per definizjoni, esperjenza u responsabbiltà ekwivalenti għal dik tal-bijologi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jippreżentawx l-istess garanziji bħal dawk ipprovduti mill-bijologi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktara ’il fuq, punt 62, u Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktara ’il fuq, punt 38).
68 Konsegwentement, Stat Membru jista’ jqis, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li persuna li ma hijiex bijologu jkollha iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju, u tad-drittijiet ta’ vot ta’ tali kumpannija, jista’ jirrappreżenta riskju għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari għall-kwalità tas-servizzi mediċi. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Franċiża u mhux ikkontestati mill-Kummissjoni, l-iktar deċiżjonijiet importanti meħudin fi ħdan Selarl jeħtieġu l-vot tal-maġġoranza tal-azzjonisti li jirrappreżentaw minn tal-inqas tliet kwarti mill-kapital azzjonarju. Minn dan isegwi li, fil-każ fejn persuni li ma humiex bijoligi jkollhom iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju u tad-drittijiet ta’ vot, dawn jista’ jkollhom influwenza ċerta fuq tali deċiżjonijiet.
69 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li minħabba ċerti inkoerenżi li jeżistu fil-mod ta’ kif id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment jippruvaw jilħqu l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li dan l-għan jintlaħaq. Hija b’mod partikolari tosserva li l-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika ma timponix il-preżenza effettiva ta’ bijologu fil-bini tal-laboratorju matul il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dan il-laboratorju u li l-awtoritajiet Franċiżi qegħdin jawtorizzaw strutturi li jippermettu li jinkiseb aċċess għal kapital estern lil hinn mil-limitu ta’ 25 %, filwaqt li qed jagħmlu distinzjoni bejn drittijiet finanzjarji u drittijiet ta’ vot fir-rigward tad-deċiżjonijiet fuq il-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-laboratorju.
70 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk hija tabilħaqq tissodisfa l-bżonn li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punti 53 u 58, u Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktara ’il fuq, punt 66).
71 F’din il-kawża, għalkemm huwa ċertament minnu li l-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika ma kinitx tipprovdi, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, għall-preżenza kostanti ta’ bijologu fil-bini matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-laboratorju, xorta jibqa’ l-fatt li din tinkludi ċerti dispożizzjonijiet, imsemmija mir-Repubblika Franċiża, li de facto jimponu li l-attivitajiet tal-laboratorji jkuni suġġetti għal kontrolli effettivi min-naħa tad-diretturi u d-diretturi aġġunti, li għandhom ikuni bijologi li jassumu r-responsabbiltà ta’ din l-attività.
72 Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu L. 6211‑1 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, l-analiżi tal-bijoloġija medika jistgħu jitwettqu biss f’laboratorji tal-bijoloġija medika, taħt ir-responsabbiltà tad-diretturi jew tad-diretturi aġġunti tagħhom. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar għandhom, skont l-Atikolu L. 6221‑9 ta’ dan il-kodiċi, jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom professjonalment u effettivament.
73 Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ma tissodisfax l-għan invokat ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika b’mod koerenti u sistematiku biss minħabba li ma tipprovdix l-obbligu li bijologu għandu jkun kostantement preżenti fil-bini matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-laboratorju.
74 Lanqas l-argument imqajjem mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, li jgħid li jeżistu sitwazzjonijiet fejn ir-regola li tillimita għal 25 % tal-kapital is-sehem li jista’ jinżamm minn persuni li ma humiex bijologi, tiġi effettivament evitata permezz ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ separazzjoni bejn l-ammont tas-sehem finanzjarju u d-drittijiet ta’ vot, ma jista’ jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija inkoerenti.
75 Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta mir-Repubblika Franċiża jirriżulta li dawn is-sitwazzjonijiet fil-verità huma sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali jassimilaw persuni ġuridiċi li jamministraw laboratorji tal-bijoloġija medika fi Stati Membri oħra għal bijologi li għandhom il-kwalità ta’ persuna ġuridika taħt id-dritt Franċiż u għalhekk tippermettilhom iżommu l-maġġoranza tal-kapital ta’ Selarl li topera laboratorji fi Franza. Minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta wkoll li, għalkemm 75 % tal-kapital ta’ tali Selarl għandu jkun miżmum minn bijologi, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kemm persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi assimilati għal dawn il-professjonisti. Sa fejn il-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika tippermetti li l-attività ta’ bijologu tiġi eżerċitata wkoll minn kumpannija, l-awtoritajiet Franċiżi, billi jawtorizzaw iż-żamma, minn persuni ġuridiċi li jamministraw laboratorji tal-bijoloġija medika, ta’ iktar minn 25 % tal-kapital azzjonarju u tad-drittijiet ta’ vot ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika, ikunu biss qegħdin jillimitaw ruħhom li jagħtu lil dawn il-persuni ġuridiċi l-istess drittijiet bħal dawk rikonoxxuti lill-bijologi li għandhom il-kwalità ta’ persuni ġuridiċi taħt id-dritt Franċiż. Għalhekk, kif spjegat ir-Repubblika Franċiża, dan l-Istat Membru jillimita ruħu li jirrispetta d-dritt tal-Unjoni.
76 Iċ-ċirkustanza li l-kapital tal-persuni ġuridiċi li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika fi Stati Membri oħrajn fejn ma jeżistux limiti applikabbli fir-rigward tas-sehem fil-kapital li jista’ jinżamm minn persuni li ma humiex bijologi, jista’ jkun miżmum fil-maġġoranza tiegħu, jekk mhux saħansitra kollu kemm hu, minn persuni li ma humiex bijologi, bħal investituri finanzjarji ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ koerenza fi ħdan il-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika. Fil-fatt, dawn il-persuni ġuridiċi jeżerċitaw b’mod validu l-attività ta’ bijologu fl-imsemmija Stati Membri u għalhekk jistgħu jiġu assimilati għal bijologi li għandhom il-kwalità ta’ persuna ġuridika taħt id-dritt Franċiż.
77 Matul is-seduta r-Repubblika Franċiża esponiet ukoll li għalkemm il-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika f’ċerti każijiet tippermetti, għal tipi oħrajn ta’ kumpanniji minbarra s-Selarl, separazzjoni bejn is-sehem tal-kapital u d-drittijiet ta’ vot, din il-possibbiltà hija prevista biss sabiex tippermetti li l-bijologi li ma jeżerċitawx fil-laboratorji tal-bijoloġija medika operati minn dawn il-kumpanniji jkunu jistgħu jżommu l-maġġoranza tal-kapital tagħhom. Konsegwentement din hija regola speċifika li tapplika għal tipi oħrajn ta’ kumpanniji li jistgħu joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika, li tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-bijologi li jaħdmu fl-imsemmija laboratorji u dawk li ma jaħdmux fihom u li ma tikkonfutax ir-regola li persuni li ma humiex bijologi ma jistgħux iżommu iktar minn 25 % tal-kapital.
78 Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għal mistoqsija li saritilha matul is-seduta, ir-Repubblika ta’ Franza speċifikat li l-uniku tip ta’ kumpannija li tista’ topera laboratorji tal-bijoloġija medika fejn huwa permess li persuni li ma humiex bijologi jżommu iktar minn 25 % tal-kapital hija s-soċjetà in akkomandita b’azzjonijiet. Fil-fatt, persuni li ma humiex bijologi jistgħu jżommu sa 49 % tal-kapital ta’ tali soċjetà. Din iċ-ċirkustanza, li ma ġietx esposta mill-Kummissjoni, ma tidhirx li hija, fiha nnifisha, ta’ natura tali li turi nuqqas ta’ kooerenza fi ħdan il-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika. Fil-fatt, dan jista’ jiġi spjegat permezz tad-differenza li teżisti bejn il-modalitajiet ta’ funzjonament tas-Selarl u dawk tas-soċjetajiet in akkomandita b’azzjonijiet. Effettivament, l-Istat Membru kkonċernat enfasizza, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, li l-modalitajiet ta’ funzjonament speċifiċi ħafna ta’ din l-aħħar tip ta’ kumpannija f’kull każ tippermetti li l-bijologu jżomm kontroll fuq id-deċiżjonijiet importanti għal dawn is-soċjetajiet.
79 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment huma xierqa sabiex jiggarantixxu r-realizzazzjoni tal-għan invokat ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
80 Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminet, fit-tielet lok, jekk ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, jiġifieri jekk jeżistux miżuri inqas restrittivi għal din il-libertà li ukoll jippermettu, b’daqstant effikaċja, li l-imsemmi għan jintlaħaq.
81 F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi mir-rekwiżit li jimponi li l-analiżi tal-bijoloġija medika għandhom jitwettqu minn persunal kompetenti li għandu l-kwalifiki neċessarji u li fir-rigward tiegħu japplikaw il-prinċipji ta’ indipendenza previsti fil-kodiċi tal-etika applikabbli għall-professjonisti tas-saħħa. Hija ssemmi wkoll ir-rekwiżit li jipprovdi għall-inkompatibbiltà ta’ ċerti professjonijiet, intiż sabiex jevita l-kunflitti ta’ interess, il-qafas tekniku u kwalitattiv kif ukoll il-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-analiżi tal-bijoloġija medika mwettaq mit-tobba u l-ispiżjara spetturi tas-saħħa pubblika, previsti mil-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika. Barra minn hekk, hija ssemmi wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ separazzjoni tad-drittijiet finanzjarji u tad-drittijiet ta’ vot.
82 Madankollu, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri, kif imfakkar fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, Stat Membru jista’ jqis li fil-prattika hemm riskju li r-regoli intiżi li jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-bijologi jinkisru, peress li l-interess li persuna li ma hijiex bijologu għandha li tagħmel profitt ma jkunx moderat b’mod ekwivalenti għal dak tal-bijologi indipendenti, u li s-suġġettar ta’ bijologi, inkwantu impjegati, għal Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom hija miżmuma minn persuni li ma humiex bijologi jista’ jagħmilha diffiċli li dawn il-bijologi jopponu l-istruzzjonijiet mogħtija minn dawn il-persuni li ma humiex bijologi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktara ’il fuq, punt 84, u Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). Kif osservat ir-Repubblika Franċiża, ma jistax b’mod partikolari jiġi eskluż li l-imsemmija persuni li ma humiex bijologi jċedu għat-tentazzjoni u jeliminaw ċerti eżamijiet inqas profittabbli mill-perspettiva ekonomika jew iktar kumplikati sabiex jitwettqu jew li jnaqqsu l-pariri mogħtija lill-pazjenti matul il-fażijiet tal-preanaliżi u tal-postanaliżi, li jikkaratterizzaw l-organizzazzjoni tal-bijoloġija medika fi Franza.
83 Il-Kummissjoni ma wrietx li r-riskji għall-indipendenza tal-professjoni ta’ bijologu jistgħu jiġu evitati, bl-istess effikaċja, permezz ta’ regoli li jipprovdi għall-inkompatibbiltà ta’ ċerti professjonijiet bħall projbizzjoni, prevista mil-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, li tipprovdi li ċerti kategoriji ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, b’mod partikolari dawk li jeżerċitaw professjoni oħra relatata mas-saħħa jew attività ta’ provvista ta’ materjal ta’ analiżi tal-bijoloġija medika, ma jistax ikollhom sehem fil-kapital ta’ Selarl li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika. Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 178 u 179 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn huma projbizzjonijiet xierqa għal sitwazzjonijiet fejn għandu sempliċement jiġi evitat li interess differenti jkun jista’ jinfluwenza b’mod mhux normali l-attività ta’ Selarl li topera laboratorji tal-bijoloġija medika. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li l-imsemmija projbizzjonijiet huma suffiċjenti meta għandu jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet adottati mill-bijologi jkunu realment indipendenti, u dan f’kull każ, anki fin-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi li diġà ġie formalment identifikat bħala tali mil-leġiżlazzjoni dwar il-laboratorji tal-bijoloġija medika.
84 Fir-rigward tal-qafas tekniku u kwalitattiv kif ukoll tal-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-analiżi tal-bijoloġija medika mwettaq mit-tobba u l-ispiżjara spetturi tas-settur tas-saħħa pubblika, għalkemm dawn jikkostitwixxu mekkaniżmi intiżi sabiex jiggarantixxu li l-attività ta’ analiżi tal-bijoloġija medika titwettaq minn persuni li għandhom kemm taħriġ u kapaċità teknika xierqa, kif ukoll esperjenza ta’ livell xieraq mill-perspettiva tal-kwalità, il-Kummissjoni ma rnexiela turi, lanqas hawn, li dawn, waħedhom, huma ta’ natura tali li jiggarantixxu l-indipendenza tal-bijologi fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom li jadottaw deċiżjoni.
85 Fir-rigward tal-possibbiltà, anki din invokata mill-Kummissjoni bħala miżura inqas restrittiva, li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jissepara d-drittijiet finanzjarji mid-drittijiet ta’ vot u li jippermetti li jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ funzjonament u ta’ organizzazzjoni tal-laboratorji tal-bijoloġija medika jittieħdu minn bijologi, ir-Repubblika Franċiża enfasizzat, matul is-seduta, li ma għandhiex tiġi ssottovalutata l-pressjoni li terzi li għandhom il-maġġoranza tal-kapital jistgħu jeżerċitaw fuq il-bijologi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi ħdan il-laboratorji.
86 Issa, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom, kif imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jidher li huwa aċċettabli li Stat Membru jikkunsidra li l-indipendenza tal-bijologi fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom li jadottaw deċiżjoni ma hijiex suffiċjentement iggarantita meta dawn il-bijologi jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot iżda mhux il-maġġoranza tal-kapital ta’ kumpannija li topera laboratorji tal-bijoloġija medika. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 220 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ effettivament jiġi previst li d-deċiżjonijiet relatati mal-investiment jew mad-disinvestiment finanzjarju meħuda mill-azzjonisti minoritarji, li ma għandhomx iktar mill-massimu ta’ 25 % tad-drittijiet ta’ vot, jinfluwenzaw, anki jekk indirettament, id-deċiżjonijiet tal-korpi tal-kumpannija.
87 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jiġi żgurat, bl-istess effikaċja, il-livell imfittex ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
88 Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għażla tar-Repubblika Franċiża li tillimita għal 25 % il-kapital azzjonarju u d-drittijiet ta’ vot li persuni li ma humiex bijologi jistgħu jżommu f’Selarl li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-iktar deċiżjonijiet importanti adottati fi ħdan tali kumpanniji jeħtieġu l-vot tal-maġġoranza tal-azzjonisti li jirrappreżentaw minn tal-inqas tliet kwarti mill-kapital azzjonarju. Għalhekk iż-żamma ta’ kapital u ta’ drittijiet ta’ vot minn persuni li ma humiex bijologi hija possibbli biss sakemm dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw l-imsemmija deċiżjonijiet. Konsegwentement, jidher li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment huma wkoll proporzjonali għall-għan imfittex, peress li, filwaqt li jiżguraw li l-bijologi jżommu l-indipendenza tagħhom fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ deċiżjoni tagħhom, dawn jippermettu wkoll ċertu ftuħ tas-Selarl li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika għal kapitali esterni sal limitu ta’ 25 % tal-kapital azzjonarju tagħhom.
89 Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnhom. Għalhekk għandu jiġi deċiż li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minn dan l-għan.
90 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel ilment tar-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni lment
L-argumenti tal-partijiet
91 Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni ta’ sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika, prevista fl-Artikolu 10 tad-Digriet Nru 92‑545 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-tieni lment”), tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà ta’ stabbiliment.
92 Filwaqt li l-Kummissjoni kienet iddikjarat li l-imsemmija projbizzjoni kienet tirrigwarda kemm il-bijologi kif ukoll il-persuni li ma humiex bijologi, matul is-seduta r-Repubblika Franċiża speċifikat li din il-projbizzjoni fil-verità kienet tikkonċerna biss lill-bijologi, peress li l-persuni li ma humiex bijologi jistgħu, min-naħa tagħhom, iżommu azzjonijiet f’numru indefinit ta’ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika, dan sal-limitu ta’ 25 % tal-kapital azzjonarju u tad-drittijiet ta’ vot ta’ kull waħda minnhom, f’dak li jirrigwarda s-Selarl.
93 Fir-risposta tiegħu, l-imsemmi Stat Membru ma jikkontestax dan l-ilment, peress li dehrlu li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-ilment ma kinux iġġustifikati għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
94 Fil-kontroreplika tiegħu, l-istess Stat Membru speċifika li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jammetti li projbizzjoni bħal dik prevista mid-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-tieni lment ma tista’ qatt, u taħt ebda ċirkustanza, tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħ pubblika, peress li Stat Membru għandu d-dritt li jikkunsidra li għandha tiġi żgurata prularità tal-offerta fil-qasam tal-bijoloġija medika.
95 F’din il-kontroleprika r-Repubblika Franċiża ddikjarat ukoll li hija kienet beħsieba temenda din id-dispożizzjoni, peress li kienet tal-fehma li din kienet, minn naħa, inadegwata u, min-naħa l-oħra, sproporzjonata.
96 Għalhekk, l-imsemmi Stat Membru ma talabx iċ-ċaħda tar-rikors sa fejn dan huwa bbażat fuq it-tieni lment. Barra minn hekk matul is-seduta huwa kkonferma li ma kienx qiegħed jikkontesta dan it-tieni lment u speċifika li l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx għadha applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 2010-49.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
97 Preliminarjament, għalkemm jidher li l-ilment kif inizjalment ifformulat mill-Kummissjoni jagħmel riferiment għal projbizzjoni ta’ natura ġenerali, madankollu, kemm fid-dawl tal-kliem użat fl-Artikolu 10 tad-Digriet Nru92‑545, kif ukoll f’dak tal-preċiżazzjonijiet li r-Repubblika Franċiża pprovdiet matul is-seduta, essenzjalment mhux ikkontestati mill-Kummissjoni, jidher li l-projbizzjoni prevista mid-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-tieni lment tikkonċerna biss lill-bijologi.
98 Barra minn hekk, f’din il-kawża huwa paċifiku li fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, il-projbizzjoni, fir-rigward tal-bijologi, ta’ sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika, kif prevista fl-Artikolu 10 tad-Digriet Nru 92‑545, kienet għadha applikabbli.
99 Issa, billi tillimita n-numru ta’ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika li fihom bijologi jista’ jkollhom sehem, l-imsemmija projbizzjoni għandha l-effett li tostakola u tagħmel inqas atraenti l-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, tal-libertà tagħhom ta’ stabbiliment.
100 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoniji li hija s-suġġett tat-tieni lment tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE.
101 F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ma sostnietx li d-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-tieni lment hija ġġustifikata mill-għan intiż għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, skont l-imsemmi Stat jidher li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija inadegwata u sproporzjonata fid-dawl ta’ dan l-għan.
102 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
103 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi pprojbiet lill-bijologi milli jżommu azzjonijiet fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.
104 Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
Fuq l-ispejjeż
105 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqassam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, b’mod partikolari, jekk il-partijiet jitilfu fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.
106 F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata għall-ispejjeż filwaqt li din tal-aħħar talbet li kull waħda mill-partijiet tbati l-ispejjeż tagħha stess.
107 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi parzjalment milqugħ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjez tagħha stess.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi pprojbiet lill-bijologi milli jżommu azzjonijiet fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji stabbiliti sabiex joperaw, konġuntament, laboratorju jew diversi laboratorji tal-bijoloġija medika, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy