Kawża C-122/09
Enosi Efopliston Aktoploïas et
vs
Ypourgos Emporikis Naftilías
u
Ypourgos Aigaíou
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)
“Trasport marittimu — Kabotaġġ marittimu — Regolament (KEE) Nru 3577/92 — Eżenzjoni temporanja mill-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament — Obbligu tal-Istati Membri li ma jadottawx, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ eżenzjoni, dispożizzjonijiet li jistgħu jimminaw serjament l-implementazzjoni tal-imsemmi regolament”
Sommarju tas-sentenza
Trasport — Trasport marittimu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kabotaġġ marittimu
(Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92)
Jekk jitqies li l-leġiżlatur nazzjonali kellu l-obbligu, matul perijodu ta’ eżenzjoni mill-implementazzjoni fi Stat Membru tar-Regolament Nru 3577/92, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), li jżomm lura milli jadotta dispożizzjonijiet ta’ natura tali li jimminaw serjament l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tal-imsemmi regolament, mill-1 ta’ Jannar 2004, f’liema data skada l-imsemmi perijodu ta’ eżenzjoni, din l-implementazzjoni sħiħa u effettiva ma hijiex serjament imminata mis-sempliċi fatt li fl-2001 dan il-leġiżlatur adotta dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-imsemmi regolament, li għandhom natura eżawrjenti u permanenti, u li ma jipprovdux għall-iskadenza tal-validità tagħhom fid-data ta’ din l-eżenzjoni.
F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li Stat Membru adotta fl-2001 leġiżlazzjoni, anki li kieku din ma hijiex konformi mal-imsemmi Regolament Nru 3577/92, ma jistax, fih innifsu, ikun ikkunsidrat bħala li jimmina serjament l-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament wara t-tmiem tal-perijodu ta’ eżenzjoni temporanja.
(ara l-punti 15, 17 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ April 2010 (*)
“Trasport marittimu – Kabotaġġ marittimu − Regolament (KEE) Nru 3577/92 – Eżenzjoni temporanja mill-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament – Obbligu tal-Istati Membri li ma jadottawx, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ eżenzjoni, dispożizzjonijiet li jistgħu jimminaw serjament l-implementazzjoni tal-imsemmi regolament”
Fil-Kawża C‑122/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2009, fil-proċedura
Enosi Efopliston Aktoploïas et
vs
Ypourgos Emporikis Naftilías
Ypourgos Aigaíou
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, C. W. A Timmermans (Relatur), K. Schiemann u P. Kūris, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Enosi Efopliston Aktoploïas et, minn A. Kalogeropoulos, dikigoros,
– għall-Gvern Elleniku, minn S. Chala u S. Trekli, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 KE, 49 KE u 249 KE, kif ukoll tal-Artikoli 1, 2, 4 u 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, l-assoċjazzjoni Enosi Efopliston Aktoploïas flimkien ma’ erba’ kumpanniji ta’ kabotaġġ, li huma kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, jiġifieri ANEK, Minoïkes Grammes, N. E. Lésvou u Blue Star Ferries, u, min-naħa l-oħra, l-Ypourgos Emporikis Naftilías (Ministru għall-Flotta Merkantili) u l-Ypourgos Aigaíou (Ministru għall-Baħar Eġew), dwar il-validità ta’ żewġ deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar li jissuġġettaw il-kabotaġġ marittimu għal ċerti kundizzjonijiet.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3577/92:
“Sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru, inklużi vapuri rreġistrati f’Euros, ladarba dak ir-Reġistru jkun approvat mill-Kunsill.”
4 L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3577/92 jipprovdi li:
“1. Bħala mezz ta’ deroga, is-servizzi ta’ trasport marittimu li ġejjin magħmula ġewwa l-Mediterran u madwar il-kosta ta’ Spanja, il-Portugall u Franza għandhom temporanjament ikunu eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament:
– servizzi ta’ vapuri tal-passiġġieri, sa l-1 ta’ Jannar 1995,
– trasport ta’ oġġetti strateġiċi (żejt, prodotti taż-żejt u ilma tax-xorb) sa l-1 ta’ Jannar 1997,
– servizzi minn vapuri iżgħar minn 650 gt, sa l-1 ta’ Jannar 1998,
– servizzi regolari ta’ passiġġieri u servizzi tal-laneċ, sa l-1 ta’ Jannar 1999.
2. Bħala deroga, kabotaġġ tal-gżejjer fil-Mediterran u kabotaġġ għar-rigward ta’ l-arċipelagi Kanarji, Ażores u Madejra, Ceuta u Melilla, il-gżejjer Franċiżi madwar il-kosta tal-Atlantiku u d-dipartimenti mbiegħda Franċiżi għandhom ikunu temporanjament eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa l-1 ta’ Jannar 1999.
3. Għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjo-ekonomika, id-deroga mogħtija fil-paragrafu 2 għandha tkun estiża għall-Greċja sa’ l-1 ta’ Jannar 2001 [2004] għal servizz regolari ta’ passiġġieri u servizzi ta’ laneċ ipprovduti minn vapuri ta’ anqas minn 650 gt.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Il-Liġi 2932/2001, intitolata “Libertà li jiġu provduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu et” (FEK A’ 145/27.6.2001), tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, li:
“Mill-1 ta’ Novembru 2002 il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha teżisti fir-rigward ta’ servizzi ta’ trasport marittimu li: a) huma pprovduti bi ħlas minn proprjetarji ta’ vapuri ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea (KE) jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) minbarra l-Isvizzera, u b) li jitwettqu bejn portijiet li jinsabu fuq il-kontinent u l-gżejjer jew bejn il-portijiet tal-gżejjer, minn vapuri li jittrasportaw passiġġieri u vetturi, minn vapuri li jittrasportaw passiġġieri biss jew minn vapuri li jittrasportaw merkanzija, li joperaw fuq rotta regolari ta’ transport tal-passiġġieri u ta’ laneċ, kif ukoll minn vapuri iżgħar minn 650 gt […], meta dawn il-vapuri huma rreġistrati fil-Greċja jew fi Stat Membru ieħor tal-KE jew taż-ŻEE jew tal-EFTA, minbarra l-Isvizzera, u li jtajru l-bandiera ta’ dan l-Istat.”
6 Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi 2932/2001:
“L-użu ta’ vapur li jittrasporta passiġġieri u vetturi, ta’ vapur li jittrasporta passiġġieri biss jew ta’ vapur li jittrasporta merkanzija għal rotta partikolari huwa validu għal perijodu ta’ sena, li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Novembru (servizz regolari).”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
7 Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw żewġ rikorsi quddiem il-qorti tar-rinviju. L-ewwel wieħed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 3332.3/1 tal-Ministru għall-Flotta Merkantili, tad-19 ta’ Ottubru 2001, intitolata “Ittra ta’ garanzija għat-twettiq xieraq tal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ vapur għal servizz regolari” (FEK B’ 1448/22.10.2001), u t-tieni wieħed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni Interministerjali 3332.3/3 tal-Ministru għall-Flotta Merkantili u l-Ministru għall-Baħar Eġew, tad-19 ta’ Ottubru 2001, intitolata “Id-determinazzjoni tal-għamla, tal-kontenut u ta’ elementi oħra u dokumenti meħtieġa, kif ukoll tal-kundizzjonijiet preliminari li jridu jiġu sodisfatti għad-dikjarazzjoni ta’ użu ta’ vapur għal servizz regolari” (FEK B’ 1448/22.10.2001).
8 L-imsemmija rikorrenti jsostnu, fost affarijiet oħra, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 2932/2001, li abbażi tagħha ttieħdu l-imsemmija deċiżjonijiet, huma invalidi peress li jmorru kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 49 KE kif ukoll ċerti dispożizzjonjiet tar-Regoalment Nru 3577/92.
9 Il-kwistjoni fil-kawżi prinċipali diġà wasslet għal talba għal deċiżjoni preliminari, li ngħatat risposta permezz tad-digriet tat-28 ta’ Settembru 2006, Enosi Efopliston Aktoploïas et (C‑285/05). Permezz tal-ewwel domanda magħmula f’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju riedet essenzjalment issir taf jekk ir-Regolament Nru 3577/92 setax jagħti drittijiet lill-individwi qabel l-1 ta’ Jannar 2004, filwaqt li, għat-tip ta’ kabotaġġ ikkonċernat, dan ir-regolament ma kienx japplika fil-Greċja qabel din id-data.
10 Fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej fil-punti 17 sa 19 tad-digriet Enosi Efopliston Aktoploïas et, iċċitat iktar ’il fuq:
“17 […] meta r-regolament ikkonċernat jagħti ċertu terminu lil Stat Membru sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw minnu, dan ir-regolament ma jistax jiġi invokat mill-individwi qabel l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt, C‑156/91, Ġabra p. I‑5567, punt 20).
18 Fir-rigward tar-Regolament Nru 3577/92, mill-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu jirriżulta li l-kabotaġġ tal-gżejjer Griegi, fir-rigward tas-servizzi regolari ta’ trasport tal-passiġġieri u ta’ trasport bil-laneċ, kif ukoll fir-rigward tas-servizzi mwettqa minn vapuri iżgħar minn 650 gt, huwa eżenti mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament sal-1 ta’ Jannar 2004. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa tali li ma jawtorizzax derogi għall-imsemmija eżenzjoni temporanja. Minn dan isegwi li, fis-settur speċifiku tal-kabotaġġ, dan ir-regolament ma bediex jipproduċi l-effetti tiegħu ħlief mill-1 ta’ Jannar 2004 u, għaldaqstant, ma jistax jagħti drittijiet lill-individwi qabel din l-istess data (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-14 ta’ Diċembru 1971,] Politi, [43/71, Ġabra p. 1039], punt 10).
19 Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata abbażi tar-raġonament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, Ġabra p. I‑7411), li fiha ġie deċiż li, għalkemm l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jadottaw miżuri qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni, mill-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Arikolu 10 KE flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3), jirriżulta li matul dan it-terminu, huma għandhom iżommu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet tali li jistgħu jimminaw serjament ir-riżultat previst minn din id-direttiva. Fil-fatt, anki kieku l-eżenzjoni temporanja prevista mir-Regolament Nru 3577/92 tista’ titqabbel ma’ terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, mid-deċiżjoni tar-rinviju xorta ma jirriżultax, fi kwalunkwe każ, li fil-kawżi prinċipali r-Repubblika Ellenika tista’ tiġi kkritikata li adottat dispożizzjonijiet tali li jistgħu jimminaw serjament l-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament mid-data tal-1 ta’ Jannar 2004.”
11 Fid-dawl tal-punt 19 tad-digriet Enosi Efopliston Aktoploïas et, iċċitat iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-kawża C‑285/05 setgħet tkun differenti kieku dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin kienu sodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri a) il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, matul il-perijodu ta’ eżenzjoni mill-implementazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92 mogħti lir-Repubblika Ellenika sal-1 ta’ Jannar 2004, il-leġiżlatur Elleniku kellu jżomm lura milli jadotta dispożizzjonijiet tali li jimminaw serjament l-implementazzjoni sħiħa u effettiva ta’ dan ir-regolament fil-Greċja mill-1 ta’ Jannar 2004, u b) il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dispożizzjonijiet bħad-dispożizzjonijiet Elleniċi ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2004, li huma rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, jimminaw serjament l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tal-imsemmi regolament fil-Greċja mill-1 ta’ Jannar 2004.
12 Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali teħtieġ interpretazzjoni addizzjonali tal-Artikoli 10 KE, 49 KE u 249 KE, kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3577/92, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10 KE, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 249 KE:
a) il-leġiżlatur Grieg, sakemm iddum fis-seħħ l-eżenzjoni temporanja sal-1 ta’ Jannar 2004, mill-applikazzjoni [implementazzjoni] tar-Regolament [...] Nru 3577/92 [...], liema eżenzjoni ġiet introdotta mill-Artikolu 6(3) tal-istess regolament u li tapplika [għar-Repubblika Ellenika], huwa marbut li jżomm lura milli jadotta dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu b’mod gravi [jimminaw serjament] l-applikazzjoni [implementazzjoni] sħiħa u effettiva tar-Regolament Nru 3577/92 fil-Greċja mill-1 ta’ Jannar 2004 ’il quddiem?
b) l-individwi għandhom id-dritt li jinvokaw [dan] ir-regolament sabiex jikkontestaw il-validità ta’ dispożizzjonijiet, adottati mil-leġiżlatur Grieg qabel l-1 ta’ Jannar 2004 fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu jikkompromettu b’mod gravi [jimminaw serjament] l-applikazzjoni [implementazzjoni] sħiħa u effettiva ta’ tali regolament fil-Greċja mill-1 ta’ Jannar 2004?
2) F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, l-applikazzjoni [implementazzjoni] sħiħa fil-Greċja tar-Regolament Nru 3577/92 mill-1 ta’ Jannar 2004, tkun kompromessa b’mod gravi [imminata serjament] minħabba l-adozzjoni min-naħa tal-leġiżlatur Grieg, qabel l-1 ta’ Jannar 2004, ta’ dispożizzjonijiet li għandhom natura eżawrjenti u permanenti, li ma jipprovdux għall-iskadenza tal-validità tagħhom fl-1 ta' Jannar 2004 u li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3577/92?
3) F'każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel u t-tieni domanda, l-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament [...] Nru 3577/92 jippermettu l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħhom il-proprjetarji ta’ vapuri jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ marittimu fuq rotot partikolari biss, stabbiliti kull sena mill-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tinħareġ awtoriżżazzjoni amministrattiva, fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li għandha l-karatteristiċi segwenti[:]
a) titratta mingħajr distinzjoni r-rotot kollha li jservu lill-gżejjer,
b) l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom il-possibbiltà li jaċċettaw applikazzjoni ppreżentata għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ rotta [għall-użu għal servizz regolari], billi jwettqu, b’mod diskrezzjonali u mingħajr ma jistabbilixxu bil-quddiem il-kriterji applikati, bidliet unilaterali tal-elementi tal-applikazzjoni fir-rigward tal-frekwenza u tal-perijodu ta’ interruzzjoni tas-servizz, kif ukoll in-nol?
4) F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel u t-tieni domanda, dispożizzjoni nazzjonali tkun qed tintroduċi restrizzjoni mhux permessa għal-liberta li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE jekk tipprevedi li l-proprjetarju ta’ vapur, li tinħariġlu awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ vapur fuq rotta partikolari mill-amministrazzjoni (li tilqa’ l-applikazzjoni tiegħu, fil-forma oriġinali tagħha jew wara bidliet ta’ xi wħud mill-elementi tagħha li ġew aċċettati mill-proprjetarju tal-vapur) huwa, bħala prinċipju, obbligat li jipprovdi s-servizz mingħajr interruzzjoni fuq ir-rotta inkwistjoni għat-tul kollu tal-perijodu annwali ta’ servizz u li għandu, qabel ma jibda s-servizz, jiddepożita, bħala garanzija tat-twettiq ta’ tali obbligu, ittra ta’ garanzija, liema garanzija tiżdied [tintuża], totalment jew parzjalment, fil-każ fejn l-obbligu inkwistjoni ma jiġix imwettaq jew jitwettaq b’mod mhux eżatt?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
13 Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li l-leġiżlatur Elleniku kellu l-obbligu, matul il-perijodu ta’ eżenzjoni mill-implementazzjoni fil-Greċja tar-Regolament Nru 3577/92, li jżomm lura milli jadotta dispożizzjonijiet ta’ natura tali li jimminaw serjament l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tal-imsemmi regolament, mill-1 ta’ Jannar 2004, f’liema data skada l-imsemmi perijodu ta’ eżenzjoni, din l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tkunx serjament imminata minħabba l-adozzjoni, mil-leġiżlatur Elleniku, qabel l-1 ta’ Jannar 2004, ta’ dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-imsemmi regolament, li għandhom natura eżawrjenti u permanenti, u li ma jipprovdux għall-iskadenza tal-validità tagħhom fl-1 ta’ Jannar 2004.
14 Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li għandha tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda, filwaqt li l-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu, essenzjalment, risposta negattiva.
15 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li Stat Membru adotta fl-2001 leġiżlazzjoni bħal-Liġi 2932/2001, anki li kieku din mhijiex konformi mar-Regolament Nru 357/92, ma jistax, fih innifsu, ikun ikkunsidrat bħala li jimmina serjament l-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament wara t-tmiem tal-perijodu ta’ eżenzjoni temporanja, stabbilit bħala l-1 ta’ Jannar 2004, irrispettivament, barra minn hekk, min-natura eżawrjenti ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fil-verità, fatt bħal dan, fih innifsu, mhuwiex tali li jostakola l-imsemmi regolament milli jiġi implementat b’mod sħiħ wara t-tmiem tal-perijodu ta’ eżenzjoni temporanja.
16 Dan japplika ukoll għall-fatt li leġiżlazzjoni, bħal-Liġi 2932/2001, ikollha natura permanenti. Fil-fatt, kif jirrilevaw ġustament il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, xejn ma jostakola li din il-leġiżlazzjoni titħassar qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ eżenzjoni temporanja.
17 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, jekk jitqies li l-leġiżlatur Elleniku kellu l-obbligu, matul il-perijodu ta’ eżenzjoni mill-implementazzjoni fil-Greċja tar-Regolament Nru 3577/92, li jżomm lura milli jadotta dispożizzjonijiet ta’ natura tali li jimminaw serjament l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tal-imsemmi regolament, mill-1 ta’ Jannar 2004, f’liema data skada l-imsemmi perijodu ta’ eżenzjoni, din l-implementazzjoni sħiħa u effettiva mhijiex serjament imminata mis-sempliċi fatt li fl-2001 il-leġiżlatur Elleniku adotta dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-imsemmi regolament, li għandhom natura eżawrjenti u permanenti, u li ma jipprovdux għall-iskadenza tal-validità tagħhom fl-1 ta’ Jannar 2004.
Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi
18 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda. Barra minn hekk, peress li t-tielet u r-raba’ domanda saru fil-każ li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun pożittiva, lanqas m’hemm lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi.
Fuq l-ispejjeż
19 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Jekk jitqies li l-leġiżlatur Elleniku kellu l-obbligu, matul il-perijodu ta’ eżenzjoni mill-implementazzjoni fil-Greċja tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), li jżomm lura milli jadotta dispożizzjonijiet ta’ natura tali li jimminaw serjament l-implementazzjoni sħiħa u effettiva tal-imsemmi regolament, mill-1 ta’ Jannar 2004, f’liema data skada l-imsemmi perijodu ta’ eżenzjoni, din l-implementazzjoni sħiħa u effettiva mhijiex serjament imminata mis-sempliċi fatt li fl-2001 il-leġiżlatur Elleniku adotta dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-imsemmi regolament, li għandhom natura eżawrjenti u permanenti, u li ma jipprovdux għall-iskadenza tal-validità tagħhom fl-1 ta’ Jannar 2004.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy