Kawża C-123/09
Roeckl Sporthandschuhe GmbH & Co. KG
vs
Hauptzollamt München
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht München)
“Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda ta’ ingwanti tal-irkib taż-żwiemel — Intestatura 3926 — Intestatura 6116”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Ingwanti tal-irkib taż-żwiemel magħmula minn tessut li sar raff min-naħa waħda u mgħottija b’kisja tal-materjal plastiku
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003)
In-Nomenklatura Magħquda, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament Nru 1789/2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li ingwanti għall-irkib taż-żwiemel, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn tessut li sar raff min-naħa waħda u mgħottija b’kisja tal-materjal plastiku, u fejn il-kisja tat-tisħiħ saret raffa fuq naħa u mbagħad ġiet miksija bl-ixkuma tal-polyurethane, li għandha funzjoni essenzjali għall-użu tal-ingwanti bħala ingwanti tal-irkib taż-żwiemel, għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 3926 20 00 tagħha.
Il-proċess użat sabiex it-tali ingwanti jsiru raffi ma jistax jikkostitwixxi kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tagħhom. Għandha pjuttost issir evalwazzjoni tal-aspett ġenerali ta’ dawn l-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel u tal-karatteristiċi kollha li jagħtuhom in-natura essenzjali tagħhom filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza tal-kriterji użati għall-klassifikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, dawn l-ingwanti għandhom prinċipalment bħala funzjoni li jippermettu l-qabda tar-riedni u l-kontroll taż-żiemel billi jiffavorixxu l-flessibbiltà u s-sensitività tar-riedni. Issa, l-element li jippermetti li tiġi sodisfatta din il-funzjoni, u li huwa speċjalment maħsub għal dan il-għan, huwa l-ixkuma tal-polyurethane li tkopri l-parti esterna tal-ingwanti u li tmiss mar-riedni. It-tessut fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ingwanta ma jbiddilx b’mod drastiku l-proprjetajiet tal-imsemmi polyurethane, iżda sempliċement itejjeb l-effiċjenza tagħhom, billi jżid is-sensitività tar-riedni u l-kumdità għal min jilbes l-ingwanti.
(ara l-punti 40, 43 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
29 ta’ April 2010 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda ta’ ingwanti tal-irkib taż-żwiemel – Intestatura 3926 – Intestatura 6116”
Fil-Kawża C‑123/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2009, fil-proċedura
Roeckl Sporthandschuhe GmbH & Co. KG
vs
Hauptzollamt München,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Roeckl Sporthandschuhe GmbH & Co. KG, minn H. Kühle u U. Reimer, Steuerberater,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u L. Bouyon, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem in-“NM”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Roeckl Sporthandschuhe GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Roeckl”) u l-Hauptzollamt München (l-uffiċċju prinċipali tad-dwana), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ingwanti tal-irkib taż-żwiemel magħmula mit-tessut u minn kisja ta’ materjal plastiku, liema tessut isir raff min-naħa u mbagħad jinkesa b’materjal plastiku, jiġifieri bi xkuma tal-polyurethane.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha, tal-24 ta’ Ġunju 1986, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti għandha tiżgura li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika jkunu konformi mas-SA, tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet relatati magħhom, u ssegwi l-ordni numerika tal-imsemmija sistema. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li kull parti kontraenti għandha wkoll tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA, u ma għandhiex timmodifika l-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli, tal-intestaturi jew tas-subintestaturi tas-SA.
5 Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), imwaqqfa bil-Konvenzjoni li ħolqot l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, għandha tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, korp li huwa rregolat bl-Artikolu 6 tagħha. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, il-kompiti tal-kumitat jinkludu, b’mod partikolari, li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u li jfassal noti ta’ spjega, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll opinjonijiet oħra għall-interpretazzjoni tas-SA.
6 Skont il-punt VIII tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-punt 3(b) tar-regola ġenerali għall-interpretazzjoni tal-NM, “[i]l-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ prodott. Dan jista’ jiġi ddeterminat, pereżempju, min-natura tal-materjal li li jkun magħmul minnu jew mill-komponenti tiegħu, mill-volum, mill-kwalità, jew mill-piż tiegħu jew mill-importanza li għandu wieħed mill-materjali li jkun magħmul minnu għall-użu tal-prodott”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali taħt il-kapitolu 39 tan-noti ta’ spjega, intitolat “Materjal plastiku u xogħlijiet b’dan il-materjal”, jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu. Fost il-prodotti li jaqgħu taħt l-imsemmi kapitolu hemm dawk li huma komposti minn tessut u minn materjal plastiku. Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar dawn il-prodotti jipprovdu kif ġej:
“Il-kisi tal-ħitan jew tas-soqfa li jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-nota 9 tal-kapitolu preżenti jaqa’ taħt in Nru 39.18. Il-klassifikazzjoni ta’ materjal tat-tessut imħallat b’materjal plastiku huwa essenzjalment irregolat bin-Nota 1 h) tat-Taqsima XI, bin-Nota 3 tal-Kapitolu 56 u bin-Nota 2 tal-Kapitolu 59. Barra minn hekk, dan il-kapitolu jkopri l-prodotti li ġejjin:
a) feltru mimli, miksi, mgħotti b’materjal plastiku jew laminat b’dan l-istess materjal, li jinkludi minn tal-inqas 50 % ta’ tessut, kif ukoll feltru kompletament imdeffes fil-materjal plastiku;
b) it-tessuti u t-tessuti mhux minsuġa, jew imdeffsin fil-materjal plastiku, jew inkella miksijin jew mgħottijin għalkollox miż-żewġ naħat tagħhom b’dan il-materjal, bil-kundizzjoni li l-kisi jew l-għata jkunu viżibbli għall-għajn, mingħajr ma tiġi nnotata bidla fil-kulur dovuta għal dawn il-proċessi;
c) it-tessuti mimlijin, miksijin jew mgħottijin b’materjal plastiku jew laminati b’dan l-istess materjal li ma jistgħux jintwew bl-idejn, mingħajr ma jinkisru, madwar ċilindru ta’ 7mm dijametru f’temperatura ta’ bejn il-15°Ċ u t-30°Ċ;
d) pjanċi, folji jew strixxi ta’ materjal plastiku ċellulari, flimkien ma’ tessut (kif iddefinit fin-Nota 1 tal-Kapitolu 59), ta’ feltru jew tessuti mhux minsuġa, li fih it-tessut iservi biss bħala tisħiħ.
F’dan ir-rigward, meta jiġu applikati biss fuq naħa waħda tal-pjanċi, tal-folji jew tal-istrixxi, it-tessuti mhux maħduma, mhux ibbliċjati, ibbliċjati jew miżbugħin iservu ta’ sempliċi tisħiħ. Min-naħa l-oħra, meta jinħadmu, jiġu stampati jew ikunu ġew suġġetti għall-produzzjoni iktar elaborata (pereżempju, proċess li jagħmilhom iktar raffi), kif ukoll prodotti speċjali, bħal velvet, tull jew bizzilla u bħall-prodotti tat-tessut tal-intestatura 5811, jitqiesu li għandhom funzjoni oħra minbarra dik ta’ sempliċi tisħiħ.
[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Id-dritt Komunitarju
8 In-NM hija bbażata fuq is-SA. In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt numri, filwaqt li s-seba’ u t-tmien numru joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għan-nomenklatura.
9 L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”), tipprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
“1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. [...]
b) Kwalunkwe referenza f’titlu għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji ta’ regola 3.
3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
[...]
(b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;
(ċ) meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.
[…]”
10 It-tieni parti tal-NM tinkludi t-Taqsima VII, li tikkonċerna “Plastik [Materjal plastiku] u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 39, intitolat “Plastik [Materjal plastiku] u oġġetti tiegħu”.
11 Skont in-nota addizzjonali tal-imsemmi Kapitolu 39:
“Fejn id-drapp tessili [tessut] ikun hemm biss għal għanijiet ta’ rinforz, ingwanti, mittens jew mitts mimlijin, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] ċellulari ikunu tal-Kapitolu 39, ukoll jekk huma:
– magħmulin minn drappijiet tessili [tessuti] (ħlief dawk ta’ l-intestatura 5903) mimljijin, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] ċellulari, jew,
– magħmulin minn drappijiet tessili [tessuti] li mhumiex mimljijin, miksijin jew mgħottijin u sussegwentement ikunu mimljijin, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] ċellulari.
[sa fejn dawn id-drappijiet, mimlijin, miksijin jew mgħottijin iservu biss bħala sempliċi tisħiħ [nota 3(ċ) u punt (5) tan-nota 2(a) tal-Kapitolu 56]].”
12 L-intestatura 3926 tan-NM tinkludi s-subintestatura 3926 20 00 u tipprovdi kif ġej:
Kodiċi NM
Deskrizzjoni tal-prodotti
Rata tad-dazju konvenzjonali (%)
Unità addizzjonali
1
2
3
4
3926
Oġġetti oħra ta’ materjal plastiku u oġġetti magħmula minn materjal ieħor tal-intestatura 3901 sa 3914:
…
3926 20 00
− Ħwejjeġ u aċċessorji tal-ħwejjeġ (inkluż ingwanti, mittens u mitts): . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . .
6.5
-
13 It-Taqsima XI tan-NM li tikkonċerna “Tessuti u Oġġetti ta’ Tessuti” tinkludi l‑Kapitolu 56, intitolat “Materjal tessili [Tessut] artab, feltru u materjali mhux minsuġin; ħjut speċjali; spag, ċwiemi, ħbula u cables u oġġetti minnhom” u l‑Kapitolu 61, intitolat “Oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crotcheted)”.
14 Skont in-noti relatati mal-imsemmija Taqsima XI:
“1. Din it-taqsima ma tkoprix:
[…]
h) drapp minsuġ, maħdum bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (kroxè), feltru jew mhux minsuġ, mimli b’sustanza oħra (impregnated), miksi, mgħotti jew laminat bil-plastiks [b’materjal plastiku], jew oġġetti tiegħu, tal-Kapitolu 39;
[…]”
15 Fil-punt 3 tan-noti taħt il-Kapitolu 56 tat-Taqsima XI tan-NM, hemm indikat li:
“L-intestaturi 5602 u 5603 jkopru rispettivament feltru u materjali mhux minsuġin, mimlijin b’sustanza oħra (impregnated), miksijin, mgħottijin jew laminati bi plastiks [b’materjal plastiku] jew lastku hi x’inhi n-natura ta’ dawn il-materjali (kompatti jew ċellulari).
L-intestatura 5603 tinkludi ukoll materjali mhux minsuġin li fihom plastiks [materjal plastiku] jew lastku ikunu is-sustanza li tgħaqqad.
Iżda l-intestaturi 5602 u 5603 ma jkoprux:
[…]
c) pjanċi, folji jew strixxa ta’ plastiks [materjal plastiku] ċellulari jew lastku ċellulari flimikien ma’ feltru jew materjali mhux minsuġin, fejn il-materjal tessili [it-tessut] qiegħed hemm biss għal għanijiet ta’ rinforz (Kapitolu 39 jew 40);
[…]”
16 Il-punt 2(a) tan-noti taħt il-Kapitolu 59 tat-Taqsima XI tan-NM jipprovdi:
“L-intestatura 5903 tapplika għal:
a) drappijiet ta’ tessuti, mimljin b’sustanza oħra, miksijin, mgħottijin jew laminati bi plastiks [b’materjal plastiku], hu x’inhu l-piż kull metru kwadru u hi x’inhi n-natura tal-materjal ta’ plastik [plastiku] (kompatt jew ċellulari), ħlief:
[…]
5) pjanċi, folji jew strixxi ta’ plastiks [materjal plastiku] ċellulari, magħqudin ma’ drapp ta’ tessuti, fejn id-drapp tessili [it-tessut] jinsab hemm biss għal għanijiet ta’ rinfurzar (Kapitolu 39);
[…]”
17 Skont in-noti addizzjonali relatati mal-Kapitolu 61 tal-imsemmija Taqsima XI:
“[…]
3. L-intestatura 6111 u s-subintestaturi 6116 10 20 u 6116 10 80 jkopru:
ingwanti, mittens u mitts, mimlijin b’sustanza oħra, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] jew gomma, anke jekk huma:
– magħmulin minn drappijiet ta’ tessuti maħdumin bil-labar jew bil-ganċ mimlijin b’sustanza oħra, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] jew gomma ta’ l-intestatura 5903 jew 5906, jew
– magħmulin minn drappijiet ta’ tessuti maħdumin bil-labar jew bil-ganċ mhumiex mimlijin b’sustanza oħra, mhux miksijin jew mhux mgħottijin u sussegwentement mimlijin b’sustanza oħra, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] jew gomma
Meta drappijiet ta’ tessuti maħdumin bil-labar jew bil-ganċ iservu biss ta’ rinforz, ingwanti, mittens jew mitts, mimlijin b’sustanza oħra, miksijin jew mgħottijin bi plastiks [b’materjal plastiku] ċellulari jew gomma ċellulari ikunu tal-Kapitolu 39 jew 40, ukoll jekk ikunu magħmulin minn drappijiet ta’ tessuti maħdumin bil-labar jew bil-ganċ mhumiex mimlijin b’sustanza oħra, mhux miksijin jew mhux mgħottijin u sussegwentement mimlijin b’sustanza oħra, miksijin jew mgħottijin bi plastiks ċellulari [b’materjal plastiku] jew gomma ċellulari (nota 2 (a) (5) u nota 4, l-aħħar paragrafu, tal-Kapitolu 59).”
18 L-intestatura 6116 tan-NM tinkludi s-subintestatura 6116 10 80 u tipprovdi kif ġej:
Kodiċi NM
Deskrizzjoni tal-prodotti
Rata tad-dazju konvenzjonali (%)
Unità addizzjonali
1
2
3
4
6116
Ingwanti, mittens u mitts, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ:
6116 10
− mimlijin b’materjal ieħor, miksijin, mgħottijin b’materjal plastiku jew bil-lastku:
6116 10 20
-- Ingwanti mimlijin b’materjal ieħor, miksijin jew mgħottijin bil-lastku . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . .
8
pa
6116 10 80
-- oħrajn . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . .
8,9
pa
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19 Roeckl hija kumpanija li tikkummerċjalizza ingwanti, inklużi ż-żewġ mudelli ta’ ingwanti tal-irkib taż-żwiemel inkwistjoni fil-kawża prinċipali bin-numri tal-artikolu 3301‑208 u 3301‑233. Dawn il-mudelli ta’ ingwanti huma manifatturati minn materjal magħmul mit-tessut u minn kisja tal-materjal plastiku. Matul il-produzzjoni tagħhom, il-kisja ta’ tisħiħ magħmula mit-tessut titħarrax fuq naħa u n-naħa raffa mbagħad tinkesa kompletament bl-ixkuma tal-polyurethane. In-naħa tat-tessut li tmiss mal-ġilda tal-persuna li tilbes l-ingwanti ma titħarrax.
20 Fit-3 ta’ Awwissu 2000, l-Oberfinanzdirektion Koblenz – Zolltechnische Prüfungs – und Lehranstalt (Direttorat Ġenerali tal-Finanzi f’Koblenz – Istitut Tekniku għall-verifika u għat-taħriġ tad-dwana) ittrażmetta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-informazzjoni tariffarja vinkolanti DE F/2113/00‑1 għall-mudell tal-ingwanta bin-numru tal-artikolu 3301‑208 u kklassifika din l-ingwanta taħt is-subintestatura 6116 10 80 tan-NM.
21 Roeckl ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud fl-14 ta’ Awwissu 2003 mill-Finanzgericht Rheinland-Pfalz prinċipalment abbażi tal-fatt li t-tessut użat għall-manifattura tal-ingwanta inkwistjoni kien ġie suġġett għall-ipproċessar addizzjonali sabiex isir raff u għaldaqstant ma kienx intuża biss bħala sempliċi tisħiħ għall-kisja tal-materjal plastiku.
22 Fl-10 ta’ Jannar 2005, Roeckl ippreżentat dikjarazzjoni doganali addizzjonali fir-rigward tal-perjodu ta’ kontabbiltà ta’ Diċembru 2004, għar-rilaxx ta’ diversi ingwanti, inklużi l-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, f’din l-okkażjoni, ikklassifikathom taħt is-subintestatura 6116 10 80 tan-NM. Abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Hauptzollamt München, permezz tal-opinjoni dwar l-iffissar ta’ dazji u ta’ taxxi għall-importazzjoni tal-10 ta’ Jannar 2005, stabbilixxa l-ammont tat-taxxi għall-importazzjoni għal EUR 58 753.24. Wara din l-opinjoni, Roeckl ressqet ilment quddiem il-Hauptzollamt München, li ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2006.
23 Sussegwentement, Roeckl ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li fih sostniet li l-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 3926 20 00 tan-NM fid-dawl tal-fatt li, b’mod partikolari, il-proċess li bih it-tessut isir raff kien sempliċement iservi sabiex itejjeb it-twaħħil tal-kisja tal-materjal plastiku mal-wiċċ tat-tessut u għaldaqstant, kellu jitqies li huwa proċedura li tippermetti lit-tessut iservi ta’ tisħiħ għall-kisja tal-materjal plastiku.
24 Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċess li fih it-tessut isir raff jagħtix awtomatikament lit-tessut funzjoni oħra minbarra dik ta’ sempliċi tisħiħ. Hija tirrileva li dan ir-riżultat huwa madankollu dibattibbli meta l-proċess li fih it-tessut isir raff iservi biss sabiex itejjeb it-twaħħil tal-materjal plastiku mat-tessut.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Is-subintestatura 3926 20 00 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri anki ċerti prodotti tat-tessut li naħa waħda tagħhom tiġi magħmula raffa u miksija b’kisja tal-plastik [materjal plastiku], liema kisja però ma tipprovdi l-ebda funzjoni għajr dik ta’ sempliċi tisħiħ, peress li l-proċess li fih it-tessut jiġi magħmul raff iwassal esklużivament għal adeżjoni aħjar tal-kisja tal-plastik u ma jkunx iktar viżibbli mill-utent ladarba jitlesta l-prodott (ara wkoll in-Nota 56.5 tas-[SA] dwar il-Kapitolu 39 tan-[NM])?’’
Fuq id-domanda preliminari
26 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ingwanti tal-irkib taż-żwiemel, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhomx jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 3926 20 00 tan-NM, bħala prodott ta’ materjal plastiku, jew taħt is-subintestatura 6116 10 80 tan-NM, bħala prodott tat-tessut.
27 Qabelxejn, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-isħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kip Europe et, C‑362/07 u C‑363/07, Ġabra p. I‑9489, punt 26).
28 Sussegwentement, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ wkoll jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C‑183/06, Ġabra p. I‑1559, punt 36, u Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
29 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li kemm in-noti tal-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll in-noti ta’ spjega tas-SA jikkostitwixxu tabilħaqq mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u fihom infushom jistgħu jkunu validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C‑11/93, Ġabra p. I‑1945, punt 12; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C‑382/95, Ġabra p. I‑7363, punt 12, u tat-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C‑339/98, Ġabra p. I‑8947, punt 10 u Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).
30 Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li fir-rigward tal-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel inkwistjoni, magħmula minn tessut u minn kisja tal-materjal plastiku, ma hemm ebda riferiment espliċitu għalihom la fil-kliem tal-NM u lanqas fin-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din tal-aħħar.
31 F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-intestatura 3926 tan-NM li, skont Roeckl, jaqgħu taħtha l-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issemmi, b’mod partikolari, “oġġetti oħra tal-materjal plastiku u oġġetti magħmula minn materjal ieħor tal-intestaturi 3901 sa 3914”, filwaqt li l-formulazzjoni tal-intestatura 6116 tan-NM tikkonċerna, b’mod partikolari, l-“ingwanti, mittens u mitts, maħduma bil-labar jew bil-ganċ”. Is-subintestatura 3926 20 00 tan-NM tkopri, b’mod partikolari, “ħwejjeġ u aċċessorji tal-ħwejjeġ (inkluż ingwanti, mittens u mitts), filwaqt li s-subintestatura 6116 10 80 tan-NM, li hija inkluża fil-kategorija tal-ingwanti, tal-mittens u tal-mitts, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, mimlijin b’materjal ieħor, miksijin, jew mgħottijin b’materjal plastiku jew bil-lastku, hija ddefinita b’mod negattiv, permezz tar-referenza ġenerali “oħrajn”, b’riferiment għas-subintestatura 6116 10 20 tan-NM li tinkludi “ingwanti mimlijin b’materjal ieħor, miksijin, jew mgħottijin bil-lastku.”
32 Għaldaqstant, peress li l-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma magħmula minn materjali differenti u ma hemm ebda intestatura tariffarja speċifika li jistgħu jiġu kklassifikati taħtha, l-unika dispożizzjoni applikabbli għall-klassifikazzjoni ta’ dawn l-ingwanti huwa l-punt 3(b) tar-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Sportex, 253/87, Ġabra p. 3351, punt 7, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C‑250/05, Ġabra p. I‑10531, punt 20).
33 Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, li jkopri preċiżament is-sitwazzjoni li fiha jidher li l-prodotti inkwistjoni jidhru li għandhom jiġu kklassifikati taħt żewġ intestaturi jew iktar, jipprovdi li l-prodotti mħallta, li l-klassifikazzjoni tagħhom tista’ biss issir skont il-punt 3(a) ta’ dawn ir-regoli, għandhom jiġu kklassifikati skont il-materjal jew il-komponent li jagħtihom in-natura essenzjali meta jkun possibbli li dan jiġi ddeterminat. Jekk dan ma jkunx il-każ, huma għandhom jiġu kklassifikati, skont ir-regola ġenerali 3(ċ), taħt l-aħħar intestatura tas-sekwenza numerika fost l-intestaturi li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza Kip Europe et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).
34 Fir-rigward tal-kwistjoni marbuta mal-kriterji applikabbli għall-klassifikazzjoni tan-NM ta’ ingwanti għall-irkib taż-żwiemel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kawża li tressqet quddiemha, il-proċess li fih it-tessut isir raff jistax jiġi kkunsidrat bħala kriterju suffiċjenti sabiex jagħti awtomatikament funzjoni oħra minbarra dik ta’ sempliċi tisħiħ, ħaġa li timplika l-klassifikazzjoni ta’ dawn l-ingwanti fl-intestatura 6116 tan-NM, bħala prodott tat-tessut.
35 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-aħħar subparagrafu tan-nota addizzjonali 3, dwar il-kapitolu 61 tan-NM kif ukoll dik dwar il-kapitolu 39 tan-NM jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Kapitolu 39. Dan tal-aħħar ikopri l-ingwanti, mittens u mitts mimlijin b’materjal ieħor, miksijin jew mgħottijin b’materjal plastiku ċellulari, anki jekk huma komposti minn tessut maħdum bil-labar jew bil-ganċ mhux mimli, miksi jew mgħotti iżda sussegwentement mimli, miksi jew mgħotti b’materjal plastiku ċellulari, sa fejn dan it-tessut maħdum bil-labar jew bil-ganċ iservi biss ta’ sempliċi tisħiħ. Il-pjanċi, il-folji jew l-istrixxi ta’ materjal plastiku ċellulari mħallta bil-feltru jew b’tessut mhux minsuġ (kif iddefinit fin-nota 1 tal-kapitolu 59) ukoll jaqgħu taħt l-istess Kapitolu 39, li fil-każ tagħhom it-tessut iservi biss ta’ sempliċi tisħiħ.
36 Issa, skont in-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 39 tan-NM, it-tessuti jservu ta’ sempliċi tisħiħ meta jiġu applikati biss fuq naħa waħda tal-pjanċi, tal-folji u tal-istrixxi, u meta ma jkunux maħduma, mhux ibbliċjati, ibbliċjati jew miżbugħin. Min-naħa l-oħra, meta jinħadmu, jiġu stampati jew ikunu ġew suġġetti għall-produzzjoni iktar elaborata (pereżempju, proċess li jagħmilhom iktar raffi), kif ukoll prodotti speċjali, bħal velvet, tull jew bizzilla u bħall-prodotti tat-tessut tal-intestatura 58.11, jitqiesu li għandhom funzjoni oħra minbarra dik ta’ sempliċi tisħiħ.
37 Għandu jitfakkar li n-noti ta’ spjega tas-SA jikkostitwixxu indikazzjonijiet li jikkontribwixxu b’mod rilevanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tan-NM (ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, Ġabra p. I‑3657, punt 36), mingħajr madankollu ma jkunu legalment vinkolanti (ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, Ġabra p. I‑311, punt 28).
38 Skont il-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tar-riferiment espliċitu tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 39 tan-NM, il-kriterji li jiddeterminaw il-kunċett ta’ tisħiħ tat-tessut japplikaw esklużivament għall-prodotti magħmula mill-materjal plastiku li magħhom titwaħħal kisja tat-tessut. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li ma huwiex it-tessut li jitwaħħal mal-materjal plastiku, iżda l-materjal plastiku li jitwaħħal mat-tessut, u għalhekk dan ma jistax jitqies li huwa sempliċi tisħiħ tal-materjal plastiku. Barra minn hekk, la lill-materjal plastiku u lanqas lit-tessut ma jista’ jiġi attribwit piż predominanti fil-materjal tal-ingwanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra dan, it-tessut tal-ingwanti ma huwiex kompletament imdeffes fil-materjal plastiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba l-istruttura partikolari ta’ dawn l-ingwanti, il-kriterji pprovduti kemm min-noti tan-NM kif ukoll min-noti ta’ spjega tas-SA ma huma ta’ ebda utilità.
39 Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, fir-rigward ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsegwenza tat-tali interpretazzjoni tkun li jintilfu l-indikazzjonijiet utli għall-klassifikazzjoni tagħhom inklużi kemm fin-NM kif ukoll fis-SA u, konsegwentement, tiġi llimitata l-portata tan-noti tan-NM u tan-noti ta’ spjega tas-SA. Fil-fatt, għandu jitfakkar li kemm il-Kapitolu 39 tan-NM kif ukoll in-noti ta’ spjega tas-SA dwar dan il-kapitolu jinkludu prodotti magħmula minn materjal plastiku u minn tessut fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u jispjegaw li dawn il-prodotti għandhom jiġu kklassifikati bħala materjal plastiku fil-każ fejn it-tessut iservi ta’ sempliċi tisħiħ għall-materjal plastiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm xejn li jipprekludi li dawn il-kriterji japplikaw għal prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
40 Madankollu, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tat-tessut, sabiex jiġi kkunsidrat bħala tisħiħ tal-materjal plastiku, ipprovduta fil-Kapitolu 39, ma għandhiex tinftiehem fis-sens li s-sempliċi żieda tal-karatteristiċi marbuta mal-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel hija, fiha nfisha, deċiżiva għall-klassifikazzjoni tagħhom. Kif tfakkar fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, għandha pjuttost issir evalwazzjoni tal-aspett ġenerali ta’ dawn l-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel u tal-karatteristiċi kollha li jagħtuhom in-natura essenzjali tagħhom filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza tal-kriterji użati għall-klassifikazzjoni tagħhom. Konsegwentement, il-proċess użat sabiex it-tali ingwanti jsiru raffi ma jistax jikkostitwixxi kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tagħhom.
41 Skont il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, huwa neċessarju, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, li jiġi stabbilit liema fost il-materjali li huwa magħmul minnhom, huwa l-materjal li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu, u dan jista’ jsir billi jiġi ddeterminat jekk il-prodott, meta jitneħħa wieħed jew iktar mill-komponenti tiegħu, jitlifx il-proprjetajiet karatteristiċi tiegħu (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2001, VauDe Sport, C‑288/99, Ġabra p. I‑3683, punt 25; u Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand, C‑150/08, Ġabra p. I‑3941, punt 31).
42 Bl-istess mod, kif jindika l-punt VIII tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodotti, jiġi identifikat min-natura tal-materjal li jkun magħmul minnhom jew mill-komponenti tiegħu, mill-volum tiegħu, mill-kwalità tiegħu, mill-piż tiegħu jew mill-importanza li għandu wieħed mill-materjali li jkun magħmul minnhom għall-użu ta’ dan il-prodott.
43 Fil-kawża prinċipali, l-ingwanti inkwistjoni huma maħsuba għall-irkib taż-żwiemel. Fil-fatt, dawn l-ingwanti għandhom prinċipalment bħala funzjoni li jippermettu l-qabda tar-riedni u l-kontroll taż-żiemel billi jiffavorixxu l-flessibbiltà u s-sensitività tar-riedni. Issa, l-element li jippermetti li tiġi sodisfatta din il-funzjoni, u li huwa speċjalment maħsub għal dan il-għan, huwa l-ixkuma tal-polyurethane li tkopri l-parti esterna tal-ingwanti u li tmiss mar-riedni. It-tessut fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ingwanta ma jbiddilx b’mod drastiku l-proprjetajiet tal-imsemmi polyurethane, iżda sempliċement itejjeb l-effiċjenza tagħhom, billi jżid is-sensitività tar-riedni u l-kumdità għal min jilbes l-ingwanti. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-materjal li jagħti n-natura essenzjali lill-ingwanti tal-irkib taż-żwiemel ma huwiex it-tessut, iżda l-kisja tal-polyurethane.
44 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ingwanti għall-irkib taż-żwiemel, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn tessut li sar raff min-naħa waħda u tgħatta b’kisja tal-materjal plastiku, u fejn il-kisja tat-tisħiħ saret raffa fuq naħa u mbagħad miksija bl-ixkuma tal-polyurethane, li għandha funzjoni essenzjali għall-użu tal-ingwanti bħala ingwanti tal-irkib taż-żwiemel, għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 3926 20 00 tan-NM.
Fuq l-ispejjeż
45 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li ingwanti għall-irkib taż-żwiemel, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn tessut li sar raff min-naħa waħda u mgħottija b’kisja tal-materjal plastiku, u fejn il-kisja tat-tisħiħ saret raffa fuq naħa u mbagħad ġiet miksija bl-ixkuma tal-polyurethane, li għandha funzjoni essenzjali għall-użu tal-ingwanti bħala ingwanti tal-irkib taż-żwiemel, għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 3926 20 00 tan-NM.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy