Kawża C-142/09
Proċeduri kriminali
kontra
Vincent Willy Lahousse
u
Lavichy BVBA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Dendermonde)
“Direttivi 92/61/KEE u 2002/24/KE — Approvazzjoni skont it-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta — Vetturi maħsuba għall-kompetizzjonijiet, fit-toroq jew f’kundizzjonijiet off road — Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-installazzjoni ta’ materjal intiż li jżid is-saħħa tal-magna u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi”
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Vetturi bil-mutur — Proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja — Direttivi 92/61 u 2002/24
(Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2002/24; Direttiva tal-Kunsill 92/61)
2. Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti
(Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE)
1. Id-Direttivi 92/61, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, kif ukoll 2002/24, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva 92/61, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm vettura jew komponent jew entità teknika li qed isir riferiment għalihom ma jibbenefikawx mill-proċedura ta’ approvazzjoni li huma jimplementaw, għar-raġuni b’mod partikolari li huma ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jipprekludux li għall-imsemmija vettura, komponent jew entità teknika, Stat Membru jistabbilixxi fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tiegħu, sistema analoga ta’ rikonoxximent ta’ kontrolli li saru minn Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma jibbenefikawx mis-sistema ta’ approvazzjoni skont it-tip fuq livell tal-Unjoni komponent jew entità teknika li jkollha bħala għan li timmodifika l-karatteristiċi tekniċi ta’ ċiklomutur b’tali mod li ma jaqax iktar taħt id-definizzjoni li jagħtu d-Direttivi 92/61 u 2002/24, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda s-saħħa tagħha.
Fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni bħal din għandha tirrispetta d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.
(ara l-punti 40, 48 u d-dispożittiv)
2. Projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ jew użu tal-materjal li tippermetti li tiġi miżjuda s-saħħa u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi tista’ xxekkel il-moviment liberu ta’ din il-merkanzija. Xkiel bħal dan huwa pprojbit mill-Artikolu 34 TFUE sa fejn huwa ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali enumerati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn eżiġenzi imperattivi. Għalkemm projbizzjoni bħal din tista’ ssib ġustifikazzjoni, b’mod partikolari, fl-għan li tħares is-sigurtà fit-toroq, xorta jkun meħtieġ li miżura bħal din tkun adegwata sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imħaddan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq. F’dan ir-rigward, il-projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ u tal-użu tal-materjal li jippermetti li tiġi miżjuda s-saħħa u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi li jiċċirkulaw fit-toroq għandha neċessarjament bħala effett li tipprekludi l-użu, b’mod partikolari, pereżempju, għal finijiet sportivi barra miċ-ċirkulazzjoni pubblika, ikun hemm bżonn li tiġi investigata mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ miżura inqas restrittiva minn projbizzjoni ġenerali, li tippermetti li tiżgura b’mod effiċjenti s-sigurtà tat-toroq.
(ara l-punti 44-47)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Novembru 2010 (*)
“Direttivi 92/61/KEE u 2002/24/KE – Approvazzjoni skont it-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta – Vetturi maħsuba għall-kompetizzjonijiet, fit-toroq jew f’kundizzjonijiet off-road – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-installazzjoni ta’ materjal intiż li jżid is-saħħa tal-magna u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi”
Fil-Kawża C-142/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Dendermonde (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2009, fil-proċeduri kriminali kontra
Vincent Willy Lahousse,
Lavichy BVBA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal V. Lahousse u Lavichy BVBA, minn E. De Ridder, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. van Vliet u G. Wilms, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2002 li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 399).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra V. Lahousse u Lavichy BVBA (iktar ’il quddiem l-“akkużati”) suspettati li biegħu u installaw materjal kif ukoll li taw pariri lil klijenti sabiex jimmodifikaw il-magni taċ-ċiklomuturi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Id-Direttiva 2002/24 tistabbilixxi l-proċedura li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta fuq livell tal-Unjoni Ewropea. Billi tagħmel dan, hija tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE, tat-30 ta’ Ġunju 1992, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 225, p. 72), billi tikkonserva l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet.
4 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/24 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:
“1. Din id-Direttiva tapplika għall-vetturi kollha vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, kemm jekk rota doppja jew xort’ oħra, maħsuba għall-ivvjaġġar fit-triq, u għall-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati ta’ dawn il-vetturi.
Din id-Direttiva ma tapplikax għall-vetturi li ġejjin:
[…]
d) vetturi maħsuba għal użu f’kompetizzjoni, fit-toroq jew f’kondizzjonijiet off-road;
[…]
lanqas għall-komponenti jew l-unitajiet tekniċi tagħhom sakemm ma jkunux maħsuba sabiex jiġu armati ma’ vetturi koperti b’din id-Direttiva.
[…]
2. Il-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu suddiviżi f[’]:
a) ċiklomuturi, jiġifieri vetturi b’żewġ roti […] jew vetturi bi tlett roti […] b’veloċità massima maħsuba ta’ mhux iktar minn 45 km/siegħa u karatterizzati b’:
i) fil-każ tat-tip b’żewġ roti, magna li:
– l-kapaċità ċilindrika tagħha ma teċċedix 50 cm³ fil-każ tat-tip b’kombustjoni interna, jew
– l-qawwa stma[ta] kontinwa massima mhijiex iktar minn 4 kW fil-każ ta’ mutur elettriku;
ii) fil-każ tat-tip bi tlett roti, magna li:
– l-kapaċità ċilindrika tagħha ma teċċedix 50 cm³ jekk tat-tip ta’ ignition bl-ispark (pożittiva), jew
– il-produzzjoni tal-qawwa massima netta ma teċċedix 4 kW fil-każ ta’ magni oħra ta’ kombustjoni interna, jew
– il-qawwa stmata kontinwa massima ma teċċedix 4 kW fil-każ ta’ mutur elettriku;
[…]”
5 Skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2002/24, “approvazzjoni tat-tip” tfisser il-proċedura li permezz tagħha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, unità teknika separata jew komponent jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi stabbiliti f’din id-direttiva jew fid-direttivi separati u l-kontrolli dwar il-korrettezza tad-data tal-produttur, kif previst fil-lista kompleta stabbilita fl-Anness I ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, dan l-Anness I jirreferi, għal dak li jirrigwarda ċerti karatteristiċi tekniċi ta’ komponenti u entitajiet tekniċi, għall-imsemmija direttivi, u b’mod partikolari għad-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ vetturi ta’ żewġ jew tliet roti b’mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 34).
6 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/24 jaqra hekk:
“Applikazzjonijiet għal approvazzjoni tat-tip għandhom jiġu sottomessi mill-manifattur lill-awtorità ta’ approvazzjoni ta’ Stat Membru. Għandu jkun hemm magħhom dokument ta’ informazzjoni, li mudell tiegħu, għal skopijiet ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ vettura hu stabbilit fl-Anness II u, għal skopijiet ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti, jinstab f’anness jew appendiċi għad-direttiva ta’ sistema, unità teknika separata jew komponent in kwistjoni, u wkoll mid-dokumenti l-oħra msemmija fid-dokument ta’ informazzjoni. Applikazzjonijiet għal tip partikolari ta’ vettura, sistema, unità teknika separata jew komponent jistgħu jiġu sottomessi lil Stat Membru wieħed biss.”
7 L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/24 jipprovdi li:
“Kull Stat Membru għandu jagħti approvazzjoni tat-tip lit-tipi kollha ta’ vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti jekk dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
[…]
b) is-sistema, l-unità teknika separata jew il-komponent jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi tad-direttiva separata rilevanti u hi kif deskritt mill-manifattur skond id-data prevista fil-lista kompleta stabbilita fl-Anness I.”
8 L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:
“1. Stati Membri m’għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ vetturi ġodda li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Biss vetturi li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva jistgħu jiġu ppreżentati għal reġistrazzjoni inizjali.
2. Stati Membri m’għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ jew l-użu ta’ unitajiet tekniċi separati jew komponenti ġodda li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Biss unitajiet tekniċi separati u komponenti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jinbiegħu għall-ewwel darba għal użu fl-Istati Membri.
[…]
4. Din id-Direttiva m’għandhiex teffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li jistabilixxu — skond it-Trattat — il-ħtiġiet li huma jikkunsidraw neċessarji sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-utenti waqt l-użu tal-vetturi in kwistjoni, sakemm dan ma jinvolvix modifika lil dawn il-vetturi.”
9 Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 97/24/KE:
“Billi hemm il-ħtieġa għat-twaqqif ta’ ħtiġiet armonizzati li jikkoncernaw dawk il-komponenti u l-karatteristiċi ta’ vetturi ta’ żewġ jew tlett roti b’mutur sabiex ikunu mplimentati l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip u approvazzjoni tat-tip ta’ komponenti koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/61 […]”.
10 Il-Kapitolu 7 tal-anness tad-Direttiva 97/24, intitolat “Miżuri kontra t-tbagħbis għal mopeds [manipulazzjoni ta’ ċiklomuturi] u motoċikli [muturi] ta’ żewġ roti”, jinkludi fil-punt 1, id-definizzjonijiet segwenti:
“Definizzjonijiet
1. jew [Għal]l-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu:
1.1. ‘Miżuri kontra t-tbagħbis għal mopeds [manipulazzjoni ta’ ċiklomuturi] u motoċikli [muturi]’ tfisser serje ta’ ħtiġiet u speċifikazzjonijiet tekniċi li l-għan tagħhom ikun li kemm jista’ jkun ma jħallux, modifikazzjonijiet mhux awtorizzati li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għas-sigurtà, b’mod partikolari billi jiġi miżjud ir-rendiment tal-vettura, u jħassar l-ambjent;
[…]
1.3.1. Vetturi ta’ kategorija A - mopeds,
[…]
1.4. ‘Modifikazzjoni mhux awtorizzata’ tfisser modifikazzjoni li ma tkunx permessa minn dan il-Kapitolu”.
11 Il-punt 2 tal-Kapitolu 7 tal-anness tad-Direttiva 97/24 jinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-bdil ta’ partijiet ma’ partijiet oħra li ma jkunux identiċi bejn vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip. Mill-punt 2.1.1. tal-imsemmi Kapitolu 7 jirriżulta li l-installazzjoni ta’ partijiet ma twassalx għaż-żieda tal-veloċità massima mfassla tal-vettura tal-kategorija A b’iktar minn 5 km/h u li fl-ebda każ ma għandha tinqabeż din il-veloċità massima.
12 Il-punt 3 tal-Kapitolu 7 tal-anness tad-Direttiva 97/24, dwar ir-rekwiżiti speċifiċi għal vetturi f’kategoriji A u B, jipprevedi dan li ġej:
“Il-ħtiġiet f’din is-sezzjoni ma humiex obbligatorji sakemm ħtieġa waħda jew kombinazzjoni ta’ ħtiġiet jiġu meqjusin meħtieġa sabiex ma jħallux tbagħbis [manipulazzjoni] li jirriżulta f’żjieda tal-veloċità massima mfassla tal-vettura b’aktar minn 5 km/h fil-każ ta’ vetturi ta’ kategorija A […]. Il-veloċità massima mfassla tal-vettura jew is-saħħa massima netta tal-magna tal-kategorija rilevanti, fl-ebda każ ma tista’ tkun maqbuża.
[...]”
Id-dritt nazzjonali
13 Skont l-Artikolu 1(5) tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 1985 dwar il-kundizzjonijiet tekniċi li trid tissodisfa kull vettura ta’ trasport fuq l-art, il-komponenti tagħha kif ukoll l-aċċessorji tas-sigurezza (Belgisch Staatsblad, tat-13 ta’ Awwissu 1985, p. 11647):
Il-manifattura, l-importazzjoni, iż-żamma għal finijiet ta’ bejgħ, l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ u d-distribuzzjoni bla ħlas ta’ tagħmir intiż li jżid is-saħħa tal-magna u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi għandhom ikunu pprojbiti, kif ukoll l-offerta ta’ servizzi jew l-għoti ta’ indikazzjonijiet għall-armar ta’ dan it-tagħmir.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 V. Lahousse u s-Sur Lavichy huma d-diriġenti ta’ Lavichy BVBA, ħanut li jbigħ, jikri, imantni u jsewwi roti u ċiklomuturi. B’dan il-mod, huwa mibjugħ u installat tagħmir li jippermetti li tiġi miżjuda s-saħħa tal-magna u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi.
15 Wara investigazzjoni, tfittxija u konfiska tal-provi inkriminanti, il-konvenuti nstabu ħatja mill-politierechtbank te Sint-Niklaas li kisru l-Artikolu 1(5) tal-liġi tal-21 ta’ Ġunju 1985, inkwantu biegħu tagħmir intiż li jżid is-saħħa tal-magna u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi kif ukoll offrew servizzi f’dan is-sens.
16 Il-konvenuti appellaw din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
17 Hija kkunsidrat li kien hemm kontradizzjoni potenzjali bejn l-Artikolu 1(5) tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 1985 u d-Direttiva 2002/24, sa fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tirrikonoxxix eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzzjoni tagħha, kuntrarjament għad-Direttiva 2002/24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van eerste aanleg te Dendermonde iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-Direttiva 2002/24, b’mod partikolari, [it-tieni subparagrafu ta]l-Artikolu 1(1)(d) tagħha, li jipprovdi li d-direttiva ma tapplikax għal vetturi maħsuba għal użu f’kompetizzjonijiet, fit-toroq jew f’kundizzjonijiet off-road, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u għalhekk li jipprovdu li din tapplika għat-traffiku kollu fuq l-art (jiġifieri l-użu ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta anki barra mit-toroq jew fuq art privata) mingħajr ma jawtorizzaw l-eċċezzjoni fir-rigward ta’ vetturi maħsuba għal użu f’kompetizzjoni, fit-toroq (tlielaq) jew f’kundizzjonijiet off-road?”
Fuq id-domanda preliminari
Rimarki preliminari
Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/24
18 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti attribwiti lill-akkużati seħħew bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u s-7 ta’ Diċembru 2005.
19 Sa fejn id-Direttiva 2002/24 ġiet adottata fit-18 ta’ Marzu 2002 bil-għan li tħassar id-Direttiva 92/61, din tal-aħħar kienet applikabbli għal parti mill-fatti attribwiti lill-akkużati.
20 Madankollu, u hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tagħha, id-Direttiva 2002/24 tillimita ruħha sabiex jiġu kkjarifikati ċerti istruzzjonijiet amministrattivi u li jiġu supplimentati n-normi li jinstabu fl-annessi mad-Direttiva 92/61.
21 Konsegwentement, u hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċetti li tagħhom hija meħtieġa l-interpretazzjoni mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll it-termini tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip prevista mid-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta baqgħu l-istess.
Fuq il-proċedura ta’ approvazzjoni skont it-tip prevista mid-Direttivi 92/61 u 2002/24
22 Hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 92/61 għandha l-għan li tistabbilixxi struzzjonijiet li jistabbilixxu karatteristiċi tekniċi, li jieħdu post l-istruzzjonijiet nazzjonali differenti, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ġewwa l-Komunità Ewropea għal dak li jirrigwarda l-vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta.
23 Peress li l-istruzzjonijiet huma komuni fl-Istati Membri kollha, id-Direttivi 92/61 u 2002/24 jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ approvazzjoni skont it-tip, jiġifieri proċedura li tippermetti in fine lill-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru li jiżguraw li l-vetturi li kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni fi Stat Membru ieħor u destinati li jinbiegħu jew jitpoġġew fiċ-ċirkulazzjoni jew użati fit-territorju tiegħu jissodisfaw dawn l-istruzzjonijiet.
24 Billi jagħmel dan, permezz tal-proċedura ta’ approvazzjoni skont it-tip, Stat Membru jikkonstata li tip ta’ vettura, sistema, entità teknika jew komponent jissodisfaw kemm l-istruzzjonijiet tekniċi tad-Direttivi 92/61 u 2002/24 jew tad-direttivi partikolari kif ukoll il-verifiki tal-eżattezza tad-data tal-produttur, previsti fil-lista eżawrjenti li tidher fl-Anness I, rispettivament, tad-Direttivi 92/61 u 2002/24.
25 Hija responsabbiltà ta’ produttur ta’ vettura li tista’ taqa’ taħt id-Direttivi 92/61 u 2002/24 li jipproduċi talba ta’ approvazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa jixtieq ibigħ tip ta’ vettura. L-imsemmija awtoritajiet b’hekk jikkontrollaw li din it-tip ta’ vettura tissodisfa l-istruzzjonijiet tekniċi tad-direttivi rilevanti.
26 Għal kull tip ta’ vettura li għaliha l-awtorità nazzjonali kompetenti pproċediet b’approvazzjoni tat-tip, ċertifikat ta’ konformità hija stabbilita mill-produttur li jakkumpanja kull vettura. Sussegwentement, l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra li tkun saritilhom talba għat-tpoġġija fis-suq jew iċ-ċirkulazzjoni tal-imsemmija vettura b’hekk jillimitaw ruħhom li jikkonstataw li din tikkorrispondi maċ-ċertifikat ta’ konformità li jakkumpanjaha. Proċedura identika tapplika għall-komponenti u għall-entitajiet tekniċi tal-vetturi koperti mid-Direttivi 92/61 u 2002/24 jew intiżi li jiġu installati fuq vetturi bħal dawn, għal dak li jirrigwarda l-istruzzjonijiet tekniċi previsti mid-direttivi partikolari.
27 B’hekk, permezz tal-proċedura ta’ approvazzjoni skont it-tip fil-livell tal-Unjoni ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kontrolli tal-konformità lill-istruzzjonijiet previsti mid-Direttivi 92/61 u 2002/24, kif ukoll permezz tad-direttivi partikolari, li ġew implementati mill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-Istati Membri differenti.
28 Konsegwentement, proċedura bħal din tippermetti li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkulazzjoni fis-suq komuni tal-vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta kif ukoll dawk tal-entitajiet tekniċi tagħhom u komponenti tagħhom peress li, minn naħa, il-prodotti mmanifatturati b’mod konformi ma’ tip approvat ma humiex is-suġġett ta’ kontroll fir-rigward tal-istruzzjonijiet tekniċi tad-Direttivi 92/61 u 2002/24 kif ukoll tad-direttivi partikolari, u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 15(1) u (2) tad-Direttivi 92/61 u 2002/24, sakemm vettura, entità teknika jew komponent ġdid ikunu konformi ma’ dawn id-direttivi jew mad-direttivi partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw t-tpoġġija fis-suq, il-bejgħ, it-tpoġġija fiċ-ċirkulazzjoni jew l-użu, suġġett għall-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 92/61 u tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2002/24.
Fuq id-domanda
29 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprova, essenzjalment, tistabbilixxi jekk id-Direttivi 92/61 u 2002/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jestendi l-proċedura ta’ approvazzjoni skont it-tip stabbilita permezz ta’ dawn id-direttivi għall-vetturi, komponenti u l-entitajiet tekniċi li jirreferu għal vetturi li ma jaqgħux fil-kamp tagħhom ta’ applikazzjoni, jiġifieri dawk maħsuba għal użu f’kompetizzjoni, fit-toroq jew f’kundizzjonijiet off-road.
30 L-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(1) tad-Direttivi 92/61 u 2002/24 jirriżulta li huma japplikaw għal kull vettura bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, kemm jekk rota doppja jew xorta oħra, maħsuba għall-ivvjaġġar fit-triq, jiġifieri, b’mod partikolari, għaċ-ċiklomuturi, u għall-komponenti u l-unitajiet tekniċi tagħhom. F’dan ir-rigward, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ċiklomuturi, huma essenzjalment, il-vetturi b’żewġ roti jew tlieta li għandhom mutur b’kombustjoni interna fejn il-kapaċità ċilindrika tagħhom ma teċċedix 50 cm³, jew li għandhom mutur tal-elettriku; b’qawwa stmata kontinwa massima li ma hijiex iktar minn 4 kW.
31 Mir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/61 u tal-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/24 jirriżulta li dawn ma japplikawx għall-vetturi maħsuba għal użu f’kompetizzjoni, fit-toroq jew f’kundizzjonijiet off-road, u lanqas għall-komponenti jew l-entitajiet tekniċi tagħhom.
32 Hekk kif il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sostniet fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, għal dawn il-vetturi, ma ġiex meqjus neċessarju jew ġie meqjus sproporzjonat li jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati fil-livell tal-Unjoni.
33 Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tipi ta’ vetturi jissodisfaw ir-rekwiżiti koperti mid-Direttivi 92/61 u 2002/24, sa fejn huma ma humiex maħsuba għal użu fit-toroq. B’hekk, minn naħa, dawn il-vetturi ma humiex suġġetti għal regoli tant restrittivi fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq u, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni tagħhom hija neċessarjament iktar limitata fin-numru minn dak taċ-ċiklomuturi maħsuba għal użu fit-toroq, li jagħmel is-sistema ta’ approvazzjoni skont it-tip ftit rilevanti.
34 B’hekk jirriżulta li hija inqas importanti d-destinazzjoni ta’ vettura fl-istabbiliment tal-possibbiltà li tibbenefika mis-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni stabbilita mid-Direttivi 92/61 u 2002/24 mill-fakoltà tagħha li tissodisfa l-istruzzjonijiet tekniċi li jimponu dawn id-direttivi.
35 B’hekk, u fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jistgħu x’aktarx jinqalgħu żewġ xenarji, jiġifieri kemm li l-materjal ipprelevat mingħand l-akkużati kien is-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni u b’hekk jibbenefika mill-faċilitajiet li jirriżultaw mis-sistema prevista mid-Direttivi 92/61 u 2002/24 fir-rigward tal-implemetazzjoni tagħha, it-tpoġġija fiċ-ċirkulazzjoni tagħha u l-użu tagħha, jew li dan il-materjal ma kienx is-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip bħal din, b’mod li t-tpoġġija fis-suq tagħha, il-bejgħ tagħha, it-tpoġġija fiċ-ċirkulazzjoni tagħha jew l-użu tagħha skont in-natura tagħha mhux tal-imsemmija direttivi, iżda tad-dritt nazzjonali.
36 F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jingħad li ma ġiex indikat, la fid-deċiżjoni tar-rinviju, u lanqas fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’liema mod, il-materjal ipprelevat mingħand l-akkużati u li qed jittieħdu passi kontrihom għall-bejgħ u l-installazzjoni tiegħu, ibbenefika minn proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip skont id-Direttivi 92/61 u 2002/24. Jirriżulta biss minn din id-deċiżjoni li dan il-materjal huwa maħsub sabiex jiġi installat f’ċiklomuturi u li għandu l-effett li jżid il-veloċità tagħhom u/jew is-saħħa tal-magna tagħhom sabiex tagħmilhom vetturi maħsuba li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet sportivi.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-għan li tingħata risposta effettiva lill-qorti tar-rinviju, għandu jingħad l-ewwel nett, li fost id-direttivi partikolari previsti fl-Anness I tad-Direttiva 2002/24, id-Direttiva 97/24 stabbilixxiet fl-anness tagħha miżuri kontra l-manipulazzjoni b’mod partikolari ta’ ċiklomuturi b’żewġ roti. B’mod partikolari, huwa pprojbit hemmhekk li jiġi installat fuq ċiklomutur komponenti maħsuba għal vetturi b’saħħa ogħla minn dak ta’ ċiklomutur, peress li hija għandha bħala riżultat li żżid il-veloċità b’iktar minn 5 km/h. Barra minn hekk, fl-ebda każ, il-veloċità massima maħsuba jew is-saħħa massima netta tal-mutur ma għandhom jinqabżu.
38 Konsegwentement, minn naħa, dawn l-istruzzjonijiet tekniċi żgur li jostakolaw l-approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni fis-sens tad-Direttivi 92/61 u 2002/24, ta’ komponenti jew ta’ entitajiet tekniċi li jkollhom l-effett li jżidu l-veloċità ta’ ċiklomutur b’ikar minn 5 km/h jew li jippermettu li tinqabeż il-veloċità massima maħsuba jew is-saħħa massima netta tal-mutur.
39 Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li sabiex komponent jew entità teknika tista’ tibbenefika minn sistema ta’ approvazzjoni tat-tip prevista mid-Direttivi 92/61 u 2002/24, din għandha tirrigwarda vettura li għaliha japplikaw dawn id-direttivi, jiġifieri, b’mod partikolari, għal vettura b’żewġ roti kkaratterizzati minn mutur fejn iċ-ċilindrata hija ta’ mhux iktar minn 50 cm³ jekk taħdem bil-kombustjoni interna jew fejn il-qawwa stmata kontinwa massima ma hijiex iktar minn 4 kW jekk taħdem b’mutur tal-elettriku, jew inkella tkun maħsuba sabiex tiġi installata fuq vettura bħal din.
40 B’hekk, fir-rigward tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma jibbenefikawx mis-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip fuq livell tal-Unjoni komponent jew entità teknika li jkollha bħala għan li timmodifika l-karatteristiċi tekniċi ta’ ċiklomutur b’tali mod li ma jaqax iktar taħt id-definizzjoni li jagħtu d-Direttivi 92/61 u 2002/24, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda s-saħħa tagħha.
41 It-tieni nett, u sa fejn il-partijiet ikkonfiskati fil-kawża prinċipali ma jibbenefikawx mis-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni prevista mid-Direttivi 92/61 u 2002/24, għandu jitfakkar li t-tpoġġija tagħhom fis-suq, il-bejgħ tagħhom u l-użu tagħhom jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.
42 Konsegwentement, u hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala prinċipju, xejn ma jipprekludi li Stat Membru japplika b’mod analogu s-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni hekk kif previst mid-Direttivi 92/61 u 2002/24 u tippermetti t-tpoġġija fis-suq nazzjonali tagħha ta’ vetturi, komponenti jew entitajiet tekniċi li kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni iżolata fi Stat Membru ieħor, sa fejn dawn tal-aħħar ma bbenefikawx diġà mis-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip fil-livell tal-Unjoni.
43 Madankollu, f’dan il-każ huwa l-Istat Membru li għandu jirrispetta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi leġiżlattivi tiegħu, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.
44 Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ jew użu tal-materjal li tippermetti li tiġi miżjuda s-saħħa u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi, hekk bħal fil-kawża prinċipali, tista’ xxekkel il-moviment liberu ta’ din il-merkanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, Ġabra p. I‑519, punt 58). Xkiel bħal dan huwa pprojbit mill-Artikolu 34 TFUE sa fejn huwa ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali enumerati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn eżiġenzi imperattivi.
45 Għalkemm id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ ssib ġustifikazzjoni, b’mod partikolari, fl-għan li tħares is-sigurtà fit-toroq, xorta jkun meħtieġ li miżura bħal din tkun adegwata sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imħaddan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).
46 Fil-każ preżenti, il-projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ u tal-użu tal-materjal li jippermetti li tiġi miżjuda s-saħħa u/jew il-veloċità taċ-ċiklomuturi li jiċċirkulaw fit-toroq għandha neċessarjament bħala effett li tipprekludi l-użu, b’mod partikolari, pereżempju, għal finijiet sportivi barra miċ-ċirkulazzjoni pubblika. B’hekk, għandha tiġi investigata b’mod partikolari l-eżistenza ta’ miżura inqas restrittiva minn projbizzjoni ġenerali, li tippermetti li tiżgura b’mod effiċjenti s-sigurtà tat-toroq.
47 Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix minn ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi b’dawn il-verifiki.
48 Konsegwentement, għandha tingħata risposta għad-domanda li saret li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 92/61 u 2002/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm vettura jew komponent jew entità teknika li qed isir riferiment għalihom ma jibbenefikawx mill-proċedura ta’ approvazzjoni li huma jimplementaw, għar-raġuni b’mod partikolari li huma ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jipprekludux li għall-imsemmija vettura, komponent jew entità teknika, Stat Membru jistabbilixxi fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tiegħu, sistema analoga ta’ rikonoxximent ta’ kontrolli li saru minn Stati Membri oħra. Fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni bħal din għandha tirrispetta d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttivi 92/61/KEE tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1992, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, kif ukoll 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Marzu 2002, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva 92/61, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm vettura jew komponent jew entità teknika li qed isir riferiment għalihom ma jibbenefikawx mill-proċedura ta’ approvazzjoni li huma jimplementaw, għar-raġuni b’mod partikolari li huma ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jipprekludux li għall-imsemmija vettura, komponent jew entità teknika, Stat Membru jistabbilixxi fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tiegħu, sistema analoga ta’ rikonoxximent ta’ kontrolli li saru minn Stati Membri oħra. Fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni bħal din għandha tirrispetta d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy