SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2009
Kawża C-197/09 RX-II
M
vs
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA)
“Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-12/08 P – Kawża fi stat li tiġi deċiża – Smigħ xieraq – Prinċipju ta’ kontradittorju – Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju”
Suġġett: Eżami mill‑ġdid tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej (li issa saret il‑Qorti Ġenerali) (Awla tal‑Appell), tas‑6 ta’ Mejju 2009, E vs EMEA (T‑12/08 P), li biha din, minn naħa, annullat id‑digriet tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (L‑Ewwel Awla) tad‑19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F‑23/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), kif ukoll id‑deċiżjoni tal‑EMEA, tal‑25 ta’ Ottubru 2006, inkwantu din ċaħdet it‑talba ta’ M, tat‑8 ta’ Awwissu 2006, intiża sabiex il‑każ tiegħu jitressaq quddiem il‑Kumitat ta’ Invalidità, u min‑naħa l‑oħra, ikkundannat lill-EMEA għall‑ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3 000 lir‑rikorrent.
Deċiżjoni: Is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej (Awla tal‑Appell), tas‑6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T‑12/08 P), tippreġudika l‑unità u l‑koerenza tad‑dritt Komunitarju inkwantu l‑imsemmija qorti, bħala qorti tal‑appell, interpretat il‑kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis‑sens tal‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑Artikolu 13(1) tal‑anness tal‑imsemmi statut, b’mod li jippermettilha tieħu konjizzjoni tal‑kawża inkwistjoni, li tiddeċiedi dwar il‑mertu tat‑talba għal kumpens għad‑dannu morali allegat u li tikkundanna lil EMEA għall‑ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3 000, minkejja l‑fatt li l‑appell li kienet adita bih kien jirrigwarda l‑eżami, magħmul fl‑ewwel istanza, ta’ kif eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kienet ittrattata u li, fir‑rigward tat‑tilwima li kienet is‑suġġett ta’ din il‑konjizzjoni, ma saret ebda trattazzjoni la quddiemha u lanqas quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea bħala qorti tal‑ewwel istanza. Il‑punti 3 u 5 tad‑dispożittiv tas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea (Awla tal‑Appell), tas‑6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T‑12/08 P), huma annullati. Il‑kawża hija rrinvijata quddiem il‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea. M, l‑EMEA, ir‑Repubblika Taljana, ir‑Repubblika tal‑Polonja, il‑Parlament Ewropew, il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea u l‑Kummissjoni Ewropea (peress li dawn il‑ħames partijiet tal‑aħħar ippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil‑miktub dwar il‑kwistjonijiet li kienu s‑suġġett tal‑eżami mill‑ġdid) għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom marbuta mal‑proċedura ta’ eżami mill‑ġdid.
Sommarju
1. Appell – Appell meqjus fondat – Deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża mill-qorti tal-appell – Kundizzjoni – Kawża fi stat li tiġi deċiża – Kunċett
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 61, u Anness I, Artikolu 13(1))
2. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ kontradittorju – Portata
3. Proċedura – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Suġġett – Obbligu tal-parti li tqajjem l-eċċezzjoni li tressaq l-argumenti dwar il-mertu tal-kawża fin-nota tagħha – Nuqqas
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 91; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 114)
4. Uffiċjali – Appelli – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))
5. Eżami mill-ġdid – Konstatazzjoni ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Konsegwenzi li għandhom jinsiltu
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b)
1. Bħala regola, kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża mill‑qorti tal‑appell skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑Artikolu 13(1) tal‑Anness I ta’ dan l‑istatut, meta l‑ewwel qorti tkun ċaħdet ir‑rikors bħala inammissibbli billi tkun laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tirrinvija d‑deċiżjoni għas‑sentenza finali. Madankollu, huwa possibbli taħt ċerti kundizzjonjiet, fil‑kuntest ta’ appell, li tingħata deċiżjoni dwar il‑mertu ta’ rikors. Dan jista’ jkun il‑każ meta, minn naħa, l‑annullament tas‑sentenza jew tad‑digriet ikkontestat jinvolvi neċessarjament ċerta soluzzjoni rigward il‑mertu tar‑rikors inkwistjoni jew, min‑naħa l‑oħra, l‑eżami dwar il‑mertu tar‑rikors għal annullament jibbaża fuq l‑argumenti skambjati mill‑partijiet fil‑kuntest tal‑appell wara r‑raġunament tal‑qorti tal‑ewwel istanza.
Huwa minnu li l‑Artikolu 13(1) tal‑Anness I tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li jirregola d‑deċiżjoni tal‑Qorti Ġenerali fil‑każ li appell ikun fondat, ma huwiex ifformulat b’mod kompletament identiku għall‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 61 tal‑imsemmi statut, li hija d‑dispożizzjoni rilevanti għall‑Qorti tal‑Ġustizzja. Madankollu, fil‑każ fejn qorti tal‑ewwel istanza, b’mod żbaljat, ċaħdet ir‑rikors bħala inammissibbli billi laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tirrinvija d‑deċiżjoni għas‑sentenza finali, il‑kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża” għandu jiġi interpretat bl‑istess mod skont l‑imsemmija dispożizzjonijiet, independentement mill‑fatt li, għall‑kuntrarju ta’ dan l‑Artikolu 13(1), l‑Artikolu 61 jagħti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja marġni ta’ diskrezzjoni fil‑każ ta’ kawża fi stat li tiġi deċiża, li tawtorizzha tirrinvijaha quddiem il‑qorti tal‑ewwel istanza. F’dawn iċ‑ċirkustanzi partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l‑kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li jsir rinviju tal‑kawża quddiem il‑qorti tal‑ewwel istanza, mingħajr ma teżerċita ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir‑rigward.
2. Id‑drittijiet tad‑difiża jinkludu l‑prinċipju ta’ kontradittorju, li japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li taffettwa, b’mod kunsiderevoli, l‑interessi ta’ persuna. Dan il‑prinċipju jimplika, bħala regola ġenerali, li l‑partijiet fi proċedura għandhom dritt li jkollhom l‑opportunità jieħdu pożizzjoni dwar il‑fatti u d‑dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja, kif ukoll li jiddiskutu l‑provi u l‑osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il‑qorti u l‑punti ta’ liġi mqajma ex officio mill‑qorti li fuqhom, din tal‑aħħar, ikollha intenzjoni tibbaża d‑deċiżjoni tagħha. Fil‑fatt, sabiex ikunu sodisfatti r‑rekwiżiti marbuta mad‑dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l‑partijiet ikollhom l‑opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall‑eżitu tal‑proċedura. Il‑qrati Komunitarji jiżguraw li jiġi osservat quddiemhom u osservat minnhom stess, il‑prinċipju ta’ kontradittorju. Kull parti f’kawża li biha tkun adita l‑qorti Komunitarja, għandha tgawdi minn dan, irrispettivament mill‑istatus legali. Konsegwentement, l‑istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu wkoll igawdu minn dan meta huma stess ikunu parti f’tali kawża.
3. Għaldaqstant, konvenut ma jistax jiġi kkritikat li, fl‑ewwel istanza, rrinunzja liberament li jsostni l‑argumenti tiegħu dwar il‑fondatezza tal‑kawża, billi deliberatament jillimita d‑difiża tiegħu billi jressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Fil‑fatt, l‑eċċezzjoni ta’ inammissibblità prevista kemm fl‑Artikolu 91 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, kif ukoll fl‑Artikolu 114 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, bħala kwistjoni proċedurali, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal‑ġudizzju, tippermetti li fl‑ewwel fażi, it‑trattazzjoni u l‑eżami jiġu llimitati għall‑kwistjoni ta’ jekk ir‑rikors inkwistjoni huwiex ammissibbli. Għaldaqstant, din il‑kwistjoni proċedurali tippermetti li jiġi evitat li l‑osservazzjonijiet tal‑partijiet, kif ukoll l‑eżami tal‑qorti jirrigwardaw il‑mertu tal‑kawża minkejja li r‑rikors ikun inammissibbli. Min‑naħa l‑oħra, jekk ir‑rikors ikun iddikjarat ammissibbli fil‑kuntest taċ‑ċaħda tal‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew meta d‑deċiżjoni dwar l‑imsemmija eċċezzjoni hija rrinvijata għas‑sentenza finali, f’fażi sussegwenti, għandu jkun hemm trattazzjoni dwar il‑mertu ta’ rikors.
Għaldaqstant, ikun inkonsistenti mal‑loġika tal‑leġiżlazzjoni dwar l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li konvenut, li jkun qajjem tali eċċezzjoni, jiġi obbligat jagħmel, bi prudenza, fl‑istess ħin meta jkun rebaħ il‑kawża fl‑ewwel istanza, l‑argumenti tiegħu dwar il‑mertu tal‑kawża, fir‑risposta tiegħu għall‑appell.
4. Il‑ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill‑qorti Komunitarja mill‑Artikolu 91(1) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, tagħtiha l‑missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill‑kawżi li jitressqu quddiemha. Din tippermettilha, anki fin‑nuqqas ta’ talbiet formali f’dan ir‑rigward, mhux biss li tannulla, iżda wkoll, jekk ikun hemm lok, tikkundanna ex officio lil konvenut għall‑ħlas ta’ kumpens għad‑dannu morali kkawżat minn ksur tad‑dmirijiet amministrattivi. Madankollu, il‑qorti Komunitarja ma tistax, bħala regola, tibbaża d‑deċiżjoni tagħha fuq punt ta’ liġi mqajjem ex officio, anki jekk ikun ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tistieden il‑partijiet sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom fuq l‑imsemmi punt.
Konsegwentement, il‑ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill‑qrati Komunitarji fit‑tilwim ta’ karattru finanzjarju bejn l‑istituzzjonijiet Komunitarji u l‑persunal tagħhom ma tistax titqies bħala li tagħti lil dawn il‑qrati, is‑setgħa li jeskludu tali tilwim mill‑osservanza tar‑regoli proċedurali marbuta mal‑prinċipju ta’ kontradittorju.
5. Sentenza li biha l‑Qorti Ġenerali tmur lil hinn minn ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar żewġ regoli tal‑proċedura li japplikaw indipendentement mis‑suġġett inkwistjoni u li jokkupaw post importanti fis‑sistema legali Komunitarja, tikkostitwixxi deċiżjoni li tippreġudika l‑unità jew il‑koerenza tad‑dritt Komunitarju, skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 62b tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, meta din is‑sentenza tittratta għall‑ewwel darba ċerta kwistjoni u għaldaqstant tkun tista’ tikkostitwixxi preċedent għall‑kawżi futuri.
Barra minn hekk, fid‑dawl tar‑rekwiżiti tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 62b tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, din tal‑aħħar ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata l‑preġudizzju għall‑unità jew għall‑koerenza tad‑dritt Komunitarju mingħajr ma tislet il‑konsegwenzi ta’ din il‑konstatazzjoni fir‑rigward tal‑kawża inkwistjoni. Għaldaqstant, tali sentenza għandha tiġi annullata u l‑kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il‑qorti tal‑ewwel istanza.
Full & Egal Universal Law Academy