Kawża C-199/09
Schenker SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāta Administratīvo lietu departaments)
“Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 6(2) — Applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot — Kunċett ta’ ‘tip wieħed biss ta’ merkanzija’”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Informazzjoni tariffarja li torbot — Suġġett — Tip wieħed biss ta’ merkanzija — Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 6(2))
L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament Nru 1602/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot tista’ tkopri merkanzija differenti bil-kundizzjoni li din il-merkanzija tkun tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija. Hija biss il-merkanzija li jkollha karatteristiċi simili u li l-elementi ta’ distinzjoni bejnietha jkunu kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li tista’ titqies li tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.
(ara l-punt 24 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
2 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 6(2) – Applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot – Kunċett ta’ ‘tip wieħed biss ta’ merkanzija’”
Fil-Kawża C‑199/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāta Administratīvo lietu departaments (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Schenker SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Schenker SIA, minn A. Tauriņš, valdes loceklis,
– għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn A. Drulle, bħala aġent,
– għall-Gvern Latvjan, minn K. Drēviņa u K. Krasovska, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Sauka u L. Bouyon, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1602/2000, tal-24 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 51; iktar ’il quddiem ir-“Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Schenker SIA (iktar ’il quddiem “Schenker”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar ir-rifjut min-naħa ta’ din tal-aħħar li toħroġ informazzjoni tariffarja li torbot għall-merkanzija deskritta bħala “pannelli ta’ kristalli likwidi LCD” għar-raġuni li kienet tressqet applikazzjoni waħda biss għal informazzjoni tariffarja li torbot fir-rigward ta’ diversi tipi ta’ merkanzija.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):
“Fejn persuna titlob li l-aworitajiet doganali jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli doganali dik il-persuna għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha u d-dokumenti mitluba minn dawk l-awtoritajiet sabiex jieħdu deċiżjoni.”
4 Skont l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi Doganali:
“Kull persuna tista’ titlob informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali mingħand l-awtoritajiet doganali.
Talba bħal dik tista’ tiġi miċħuda meta ma jkollhiex x’taqsam ma’ ħidma ta’ importazzjoni jew esportazzjoni effettivament prevista.”
5 L-Artikolu 12 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:
“1. L-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu [i]nformazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini fuq talba bil-miktub, skond il-proċedura tal-kumitat.
2. Informazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot l-awtoritajiet doganali fuq min ikollu informazzjoni biss dwar it-tariffa ta’ klassifikazzjoni jew deċiżjoni dwar l-oriġini tal- oġġetti [tal-merkanzija].
[…]
3. Min ikollu informazzjoni bħal din għandu jkun jista’ jipprova li:
– għal raġunijiet ta’ tariffi: l-oġġetti dikjarati jaqblu f’kollox ma’ dawk deskritti fl-informazzjoni,
[…]
4. Informazzjoni li torbot tibqa’ valida għal perjodu ta’ sitt snin fil-każ ta’ tariffi u tlett snin fil-każ ta’ oriġini mid-data tal-ħruġ. B’deroga mill-Artikolu 8, dan jiġi annullat meta jkun ibbażat fuq [din l-informazzjoni li torbot tiġi annullata meta tkun ibbażata fuq] informazzjoni mhux eżatta u nkompleta mill-applikant.
[…]”
6 Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali:
“Għall-iskop ta’ dan it-Titolu:
1) informazzjoni li torbot:
tfisser informazzjoni tat-tariffi jew informazzjoni ta’ oriġini li torbot fuq l-amministrazzjoni ta’ l-istati Membri kollha [...] meta l-kondizzjonijiet esiġiti fl-Artikoli 6 u 7 jkunu mwettqa;
[…]”
7 Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali:
“1. Applikazzjonijiet għal informazzjoni li torbot għandhom ikunu mgħamula [magħmula] bil-kitba, jew lill-awtoritajiet doganali kompetenti fl-Istat Membru jew Stati Membri li fieh [fih] tkun sejra tintuża l-informazzjoni, jew lil awtoritajiet doganali kompetenti fl-Istat Membru li fieħ [fih] l-applikant ikun stabbilit.
L-applikazzjonijiet għal informazzjoni ta’ tariffa li torbot għandhom isiru permezz ta’ formola li taqbel mal-kampjun muri fl-Anness 1B.
2. Applikazzjoni għal informazzjoni tat-tariffa li torbot għandha jkollha x’taqsam ma’ tip wieħed biss ta’ oġġetti [ta’ merkanzija]. Applikazzjoni għal informazzjoni ta’ oriġini li torbot għandha jkollha x’taqsam ma tip ta’ oġġetti u sett wieħed ta’ ċirkostanzi li jagħtu oriġini.
3. A) Applikazzjonijiet għal informazzjoni ta’ tariffi li torbot għandha tinkludi dawn il-partikolaritajiet li ġejjin:
a) l-isem u l-indirizz ta’ l-okkupant;
b) l-isem u l-indirizz ta’ l-applikant meta dik il-persuna ma tkunx l-okkupant;
ċ) in-nomenklatura doganali li fiha l-oġġetta jkunu sejrin jiġu kklassifikati. Meta l-applikant ikun jixtieq li jakkwista klassifikazzjoni ta’ oġġetti f’wahda min-nomenklaturi li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 20(3)(b) u (6) (b) tal-Kodiċi [Doganali], l-applikazzjoni għal informazzjoni tat-tariffa li torbot għandha tagħmel referenza ċara għan-nomenklatura f’dak il-każ;
d) deskrizzjoni dettaljata ta’ l-oġġetti li tippermetti l-identifikazzjoni tagħhom u d-determinazzjoni tal-klassifika tagħhom fin-nomenklatura doganali;
e) il-komposizzjoni ta’ l-oġġetti u xi metodi ta’ eżeminazzjoni wżati għal din id-determinazzjoni, meta l-klassifika tkun tiddependi minnha;
f) xi kampjuni, ritratti, disinji, katalogi jew dokumenti oħra disponibbli li jistgħu jigħnu [jgħinu] lill-awtoritajiet diganali [doganali] biex jiddetterminaw il-klasifikazzjoni korretta ta’ l-oġġetti fin-nomenklatura doganali, għandhom ikunu mwaħ[ħ]la bħala annessi;
g) il-klassifikazzjoni mistennija;
h) ftehim li jissuplixxi traduzzjoni ta’ xi dokument imwaħħal fil-lingwa uffiċjali (jew waħda mill-lingwi [...]) ta’ l-Istat Membru ikkonċernat jekk l-awtoritajiet doganali jitolbu għal dan;
i) xi partikolaritajiet li għandhom ikunu meqjusa bħala kunfidenzjali;
j) indikazzjoni mill-applikant jekk sa fejn jaf hu, l-informazzjoni tat-tariffa li torbot għal oġġetti identiċi jew simili tkun diġà saret applikazzjoni dwarha jew li kienet diġa maħruġa mill-[Unjoni];
[…]
4. Meta, mal-wasla ta’ l-applikazzjoni, l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw li l-applikazzjoni ma jkunx fiha il-partikularitajiet meħtieġa biex jagħtu opinjoni infurmata, l-awtoritajiet doganali għandhom jitolbu lill-appliakant biex ifornixxi l-informazzjoni li tkun nieqsa. […]
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Fil-15 ta’ Frar 2005, Schenker ressqet quddiem il-VID applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot fir-rigward ta’ “pannelli ta’ kristalli likwidi LCD” li, fil-fehma tagħha, kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9013 80 20 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/85, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”). Bħala deskrizzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, Schenker iddikjarat li dawn kienu pannelli ta’ kristalli likwidi użati bħala komponenti fil-fabbrikazzjoni ta’ apparat elettroniku u li, waħdu, il-prodott inkwistjoni ma setax jirċievi jew jipproċessa informazzjoni b’mod awtonomu.
9 Peress li qieset li l-applikazzjoni ta’ Schenker ma kinitx konformi mal-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi Doganali u mal-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali, il-VID irrifjutat li toħroġ informazzjoni tariffarja li torbot. Hija kkunsidrat, minn naħa, li Schenker ma kinitx ipprovdiet informazzjoni suffiċjenti li abbażi tagħha setgħet tikklassifika l-merkanzija inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li Schenker ma kinitx ressqet applikazzjonijiet separati skont il-karatteristiċi differenti tal-merkanzija inkwistjoni u dan sa fejn il-pannelli ta’ kristalli likwidi jiġu b’qisien differenti, jiġifieri ta’ 26, 29 u 32 pulzier.
10 Schenker ikkontestat id-deċiżjoni tal-VID quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali) u ngħatat raġun kemm fl-ewwel istanza quddiem din il-qorti u kemm fl-appell quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva tal-appell). Din il-qorti tal-aħħar ikkunsidrat li ebda dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali jew tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali ma kienet tipprekludi li merkanzija differenti li tkun suppost tiġi kklassifikata fl-istess kodiċi tan-NM tiġi indikata f’applikazzjoni waħda għal informazzjoni tariffarja li torbot.
11 Għalhekk il-VID ressqet appell fil-kassazzjoni quddiem l-Augstākās tiesas Senāta Administratīvo lietu departaments, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 6(2) tar-Regolament [li jimplementa l-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ssir applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot, għandha tingħata informazzjoni li torbot dwar merkanzija identika, li għandha l-istess isem kummerċjali, l-istess numru li jidentifika l-oġġett jew kwalunkwe kriterju distintiv ieħor tal-merkanzija, jiġifieri li jidentifikaha?”
Fuq id-domanda preliminari
12 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali, li tipprovdi li applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot tista’ tikkonċerna biss tip wieħed ta’ merkanzija, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tali applikazzjoni għandha tkun limitata għal merkanzija waħda u, għaldaqstant, ma tistax tirreferi għal merkanzija differenti anki jekk l-elementi ta’ distinzjoni bejn din il-merkanzija differenti jkunu minimi.
13 Essenzjalment, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju teħtieġ li jiġi eżaminat jekk pannelli ta’ kristalli likwidi LCD, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux “tip wieħed biss ta’ oġġetti [ta’ merkanzija]” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali.
14 Għandu qabel kollox jingħad li la l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali ma jipprovdu definizzjoni tal-kunċett ta’ “tip wieħed biss ta’ oġġetti [ta’ merkanzija]” li jinsab fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, sabiex jiġi interpretat dan il-kunċett, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet tad-dispożizzjoni msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C-98/07, Ġabra p. I-1281, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, skont il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(2), li jirreferi għal “tip wieħed biss ta’ oġġetti [ta’ merkanzija]”, applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot tista’ tkopri merkanzija differenti sakemm din il-merkanzija tkun tal-istess tip. Fid-dawl tat-tifsira normali ta’ din il-kelma tal-aħħar, hija biss merkanzija li jkollha karatteristiċi simili li tista’ titqies bħala merkanzija ta’ “tip wieħed biss”.
16 It-tieni nett, sabiex jiġi ddeterminat liema huma l-elementi ta’ distinzjoni li jipprekludu l-possibbiltà li jitqies li merkanzija li jkollha karatteristiċi simili tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali, għandu jiġi mfakkar li l-għan tas-sistema ta’ informazzjoni tariffarja li torbot huwa li l-operatur ekonomiku jingħata ċertezza legali meta jkun hemm dubju dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija (ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1998, Lopex Export, C-315/96, Ġabra p. I-317, punt 28). B’hekk, l-informazzjoni tariffarja li torbot tiggarantixxi lill-persuna li tkun fil-pussess tagħha l-klassifikazzjoni tal-merkanzija f’intestatura tariffarja preċiża, b’tali mod li jkun jista’ jkun magħruf minn qabel l-ammont tad-dazji dovuti meta jitwettqu l-formalitajiet doganali fir-rigward tal-merkanzija msemmija.
17 Barra minn hekk, is-sistema msemmija tiffaċilita l-funzjonament tas-servizzi doganali stess sa fejn il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija li tkun is-suġġett ta’ tali informazzjoni tiġi ddeterminata għal kull dikjarazzojni doganali futura li tikkonċerna l-merkanzija msemmija matul il-perijodu ta’ validita tal-informazzjoni msemmija (ara s-sentenza Lopex Export, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).
18 Sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan tas-sistema tal-informazzjoni tariffarja li torbot, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali jobbliga lill-applikant ta’ tali informazzjoni jipprovdi, fl-applikazzjoni tiegħu, deskrizzjoni dettaljata tal-merkanzija kif ukoll kull element utli ta’ natura li jippermetti lill-awtoritajiet doganali kkonċernati jiddeterminaw il-klassifikazzjoni korretta tal-merkanzija msemmija fin-nomenklatura doganali.
19 Fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, merkanzija, anki jekk ikollha karatteristiċi simili, ma tistax titqies li tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali meta tali merkanzija tkun tista’ tiġi kklassifikata f’intestatura jew f’subintestaturi differenti tan-nomenklatura doganali. Fil-fatt, l-inklużjoni, fl-istess applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot, ta’ merkanzija differenti li tista’ taqa’ f’intestatura jew f’subintestaturi differenti, minbarra l-fatt li tagħmel iktar kumplikat ix-xogħol tas-servizzi doganali, toħloq riskju għoli ta’ żball fl-evalwazzjoni tal-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni u, għalhekk, fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot ma tistax tirreferi għal merkanzija differenti, anki jekk din il-merkanzija jkollha karatteristiċi simili, meta l-elementi ta’ distinzjoni li jeżistu bejn din il-merkanzija jkunu ta’ natura tali li jista’ jkollhom effett fuq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija.
21 Issa, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot sabiex telimina kull dubju fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ diversi pannelli ta’ kristalli likwidi LCD. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-applikazzjoni kienet tikkonċerna pannelli b’dimensjonijiet differenti, jiġifieri, rispettivament, ta’ 26, ta’ 29 u ta’ 32 pulzier. Jekk jitqies, kif tallega r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li d-dimensjoni tal-pannelli ta’ kristalli likwidi LCD kienet l-uniku element ta’ distinzjoni bejn il-merkanzija differenti li kienet is-suġġett tal-applikazzjoni msemmija, ikollu jiġi kkonstatat li dan l-element ta’ distinzjoni mhuwiex irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-pannelli msemmija.
22 Fil-fatt, minkejja li l-klassifikazzjoni mistennija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-applikazzjoni tagħha għal informazzjoni tariffarja li torbot kienet tikkonċerna l-intestatura 9013 tan-NM, li ma tagħmilx riferiment għad-dimensjoni ta’ merkanzija fost il-fatturi rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha f’waħda jew oħra mis-subintestaturi tal-intestatura msemmija, tali klassifikazzjoni proposta ma torbotx lill-awtoritajiet doganali. Issa, kif jirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Schenker (C-16/08, Ġabra p. I-5015, punti 19, 20 u 30), id-dubju dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ pannelli ta’ kristalli likwidi LCD, li kien jeżisti fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien essenzjalment jikkonċerna l-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestaturi 8528, 8529 jew 9013 tan-NM. Għandu jiġi kkonstatat li d-dimensjoni ta’ merkanzija li taqa’ fl-intestatura 8528 tan-NM tista’ tikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex din tiġi kklassifikata f’waħda mis-subintestaturi tal-intestatura msemmija.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, pannelli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkollhom elementi ta’ distinzjoni li mhumiex kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, ma jistgħu jitqiesu li jappartjenu lill-istess tip ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali.
24 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot tista’ tkopri merkanzija differenti bil-kundizzjoni li din il-merkanzija tkun tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija. Hija biss il-merkanzija li jkollha karatteristiċi simili u li l-elementi ta’ distinzjoni bejnietha jkunu kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li tista’ titqies li tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.
Fuq l-ispejjeż
25 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1602/2000, tal-24 ta’ Lulju 2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot tista’ tkopri merkanzija differenti bil-kundizzjoni li din il-merkanzija tkun tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija. Hija biss il-merkanzija li jkollha karatteristiċi simili u li l-elementi ta’ distinzjoni bejnietha jkunu kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li tista’ titqies li tappartjeni lill-istess tip ta’ merkanzija fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.
Firem
** Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.
Full & Egal Universal Law Academy