Kawża C-205/09
Proċeduri kriminali
kontra
Emil Eredics u Mária Vassné Sápi
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Városi Bíróság)
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA — Status tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali — Kunċett ta’ ‛vittma’ — Persuna ġuridika — Medjazzjoni kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali — Metodi ta’ applikazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti —Interpretazzjoni mitluba fil-każ ta’ adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni għal fatti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu
(Artikolu 35 UE)
2. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Status tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220 — Vittma — Kunċett — Persuni ġuridiċi — Esklużjoni
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikoli 1(a) u 10(1))
3. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Status tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220 — Medjazzjoni espressament prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali għal ċertu ksur
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikolu 10)
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tirrispondi domanda preliminari, magħmula fil-kuntest tal-Artikolu 35 UE, anki meta l-fatti fil-kawża prinċipali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjoni mhux koperta mid-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Jeżisti fil-fatt, fir-rigward tas-sistema legali tal-Unjoni, interess manifest li, sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tingħata interpretazzjoni uniformi irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi applikata.
(ara l-punt 33)
2. L-Artikoli 1(a) u 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “vittma” ma jinkludix lill-persuni ġuridiċi għall-finijiet tal-promozzjoni tal-medjazzjoni fil-kawżi kriminali msemmija fl-imsemmi Artikolu 10(1).
Fil-fatt, li mill-istess kliem tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jiddefinixxi, għall-finijiet tagħha, lill-vittma bħala l-persuna fiżika li sofriet dannu, inkluża ħsara fiżika jew mentali, tbatija emotiva jew telf ekonomiku direttament ikkawżat minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-persuni fiżiċi li sofrew tali dannu.
Il-fatt li ċerti Stati Membri jipprevedu l-medjazzjoni kriminali meta l-vittma tkun persuna ġuridika ma jinvalidax din il-konklużjoni. Fil-fatt, inkwantu hija ma tarmonizzax kompletament il-qasam ikkunsidrat, din id-deċiżjoni qafas ma timpedixxix u lanqas ma tobbliga lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha wkoll meta l-vittma tkun persuna ġuridika. Il-fatt li d-Deċiżjoni Qafas tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika biss għall-persuni fiżiċi lanqas ma jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra persuni ġuridiċi peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ legalment jistabbilixxi sistema protettiva favur persuni fiżiċi biss, peress li dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ persuni ġuridiċi minħabba li dawn huma ħafna iktar vulnerabbli u minħabba n-natura tal-interessi li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi kkawżat dannu minn reati li jistgħu jitwettqu biss kontra persuni fiżiċi, bħall-ħajja tal-vittma u l-integrità fiżika tal-vittma..
(ara l-punti 26, 28-31 u d-dispożittiv 1)
3. L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jobbligax lill-Istati Membri jippermettu l-użu tal-medjazzjoni għar-reati kollha li l-element materjali tagħhom iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkorrispondi essenzjalment għal dak tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija espressament prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfittxu li jippromwovu l-medjazzjoni għar-reati li huma jqisu adatti, b’mod li l-għażla tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni tkun applikabbli taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-Istati Membri. Minn dan jirriżulta li, billi jiddeċiedi li jippermetti l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ medjazzjoni biss fil-każ ta’ ċerti reati, bħal dawk kontra l-persuni, is-sigurtà tat-trasport jew il-proprjetà, għażla li hija essenzjalment ibbażata fuq motivi ta’ politika legali, leġiżlatur nazzjonali ma jmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu.
(ara l-punti 37, 38, 40 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Status tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Kunċett ta’ “vittma” – Persuna ġuridika – Medjazzjoni kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Metodi ta’ applikazzjoni”
Fil-Kawża C‑205/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mis-Szombathelyi Városi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2009, fil-proċeduri kriminali kontra
Emil Eredics,
Mária Vassné Sápi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Simon u R. Troosters, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Lulju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(a) u 10(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra E. Eredics u M. Sàpi minħabba dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni kwadru [qafas]:
(a) ‛vittma’ għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru;
[…]
(ċ) ‛proċeduri kriminali’ għandha tinftiehem b’mod konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli;
[…]
(e) ‛medjazzjoni fil-każi kriminali’ għandha tinftiehem bħala t-tfittxija, qabel jew matul il-proċeduri kriminali, għal-soluzzjoni negozjata bejn il-vittma u l-awtur tar-reat, medjata minn persuna kompetenti.”
4 L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali għal dawk ir-reati li tqis addattati għal din it-tip ta’ miżura.
2. Kull Stat Membr għandu jiżgura li kull ftehim bejn il-vittma u l-ħati milħuq matul medjazzjonijiet ta’ dan it-tip f’każi kriminali ikun jista’ jiġi kkunsidrat.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 2212/A tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż (Büntető eljárási törvény, iktar ’il quddiem il-“KPK”) jipprovdi kif ġej:
“(1) Il-proċedura ta’ medjazzjoni tista’ tingħata bidu fuq istanza tal-persuna li tkun qed tiġi suġġetta għall-indaġini jew tal-vittma, jew bil-kunsens tagħhom, fi proċeduri kriminali li jikkonċernaw reati kontra l-persuna (Kapitolu XII, Titoli I u III tal-Kodiċi Kriminali), kontra s-sigurtà tat-trasport (Kapitolu XIII tal-Kodiċi Kriminali) jew kontra l-proprjetà (Kapitolu XVIII tal-Kodiċi Kriminali) li għalihom hija prevista piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn ħames snin.
(2) Il-proċedura ta’ medjazzjoni hija maħsuba biex twassal għal rimedju tal-konsegwenzi tar-reat u biex tinkoraġġixxi mġiba fil-futur tal-persuna suġġetta għall-indaġini li tkun konformi mal-liġi. Matul il-proċedura ta’ medjazzjoni għandha tiġi inkoraġġita l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-vittma u l-persuna suġġetta għall-indaġini bbażat fuq l-indiema attiva ta’ din tal-aħħar. Matul kawża kriminali l-proċedura ta’ medjazzjoni tista’ ssir darba biss.
(3) Il-prosekuzzjoni, ex officio jew fuq istanza tal-persuna suġġetta għall-indaġini, tad-difiża jew tal-vittma, tissospendi l-proċeduri għal perijodu massimu ta’ sitt xhur u tagħti bidu għall-proċedura ta’ medjazzjoni jekk:
a) jirriżulta li hija possibbli, skont l-Artikolu 36 tal-Kodiċi Kriminali, l-arkivjazzjoni tal-kawża kriminali jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-piena;
b) il-persuna suġġetta għall-indaġini tammetti matul l-indaġni l-fatti kommessi u tkun disposta tikkumpensa d-dannu li sar lill-vittma jew li tagħmel tajjeb mod ieħor għad-danni;
c) il-persuna suġġetta għall-indaġini u l-vittma ddikjaraw il-kunsens tagħhom għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ medjazzjoni;
d) meta tiġi kkunsidrata n-natura tar-reat, il-mod kif dan ġie kommess u l-personalità tal-indagat, tista’ ssir rinunzja għall-iżvolġiment tal-proċess ġudizzjarju jew ikun hemm raġunijiet fondati biex jiġi kkonstatat li l-qorti fil-fażi meta tiġi biex tagħti l-piena se tevalwa b’mod pożittiv l-indiema pożittiva.
[…]
(5) Id-dikjarazzjonijiet magħmula fl-kuntest tal-proċedura ta’ medjazzjoni mill-persuna suġġetta għall-indaġini u mill-vittma fir-rigward ta’ ċirkustanzi li jikkostitwixxu l-oġġett tal-proċeduri ma jistgħux ikollhom valur probatorju. L-eżitu tal-proċedura ta’ medjazzjoni ma jistax jiġu użat kontra l-persuna suġġetta għall-indaġini.
(6) Liġi partikolari tiddetermina d-dettall tar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ medjazzjoni
(7) Meta l-proċedura ta’ medjazzjoni tiġi konkluża bl-applikazzjoni tal-Artikolu 36(1) tal-Kodiċi Kriminali, l-prosekuzzjoni tarkivja l-proċeduri; f’każ li jiġi applikat l-Artikolu 36(2) tal-Kodiċi Kriminali l-prosekuzzjoni titlob li titkompla l-kawża u tingħata sentenza. Meta persuna suġġetta għall-indaġini tkun bdiet teżegwixxi l-ftehiem li jkun intlaħaq fl-kuntest tal-proċedura ta’ medjazzjoni mingħajr ma dan ikollu effett fuq l-kundanna eventwali tagħha, il-prosekuzzjoni jekk ikun hemm involuti reati punibbli bil-piena ta’ ħabs li ma teċċedix tliet snin, tista’ tissospendi t-talba biex titkompla l-kawża u tingħata sentenza għal perijodu ta’ bejn sena u sentejn”
6 Skont l-Artikolu 36 tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż (Büntető törvénykönyv, iktar ’il quddiem il-“KK”):
“(1) Ma jiġix punit min, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, jirrimedja għad-dannu kkaġunat lill-vittma ta’ reat kontra l-persuna (Kapitolu XII, Titoli I u III tal-Kodiċi Kriminali), kontra s-sigurtà tat-trasport (Kapitolu XIII tal-Kodiċi Kriminali), jew kontra l-proprjetà (Kapitolu XVIII tal-Kodiċi Kriminali), punit b’piena ta’ mhux iktar minn tliet snin priġunerija, jew b’xi mod ieħor jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tar-reat.
(2) Fil-każ ta’ reati msemmija fis-subartikolu 1, puniti b’piena ta’ mhux iktar minn ħames snin priġunerija, il-piena tista’ ma tiġix applikata jekk l-awtur tar-reat, fl-kuntest ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, jirripara d-dannu kkaġunat lill-vittma jew b’xi mod ieħor jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tar-reat.
3. Ma hemmx lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq jekk l-awtur
a) huwa reċidiv abitwali jew wettaq ir-reat partikolari preċedentement,
b) wettaq ir-reat bħala membru ta’ organizzazzjoni kriminali,
c) ikkawża l-mewt permezz tar-reat tiegħu,
d) wettaq reat intenzjonali matul perijodu ta’ probazzjoni li jagħti lok għas-sospensjoni ta’ perijodu ta’ priġunerija jew, jekk sentenza ta’ perijodu ta’ priġunerija kellha tiġi imposta mat-twettiq ta’ reat intenzjonali, qabel ma beda jservi l-perijodu ta’ prigunerija kkonċernat, jew ukoll matul perijodu ta’ libertà kundizzjonali jew differiment tal-proċeduri.”
7 Skont l-Artikolu 314 tal-KK:
“(1) Kull min jikkawża dannu għall-baġit tal-Komunità Ewropea billi jagħmel dikjarazzjoni falza jew jippreżenta dokumentazzjoni mhux korretta, falza jew falsifikata, inkella ma jissodisfax l-obbligi li jagħti l-informazzjoni mitluba jew jissodisfahom b’mod li ma jkunx suffiċjenti, b’mod li jista’ jwassal għal żball, fir-rigward ta’:
a) għajnuna minn fondi ġestiti mill-Komunitajiet Ewropej jew f’isimhom,
b) ħlas intiż għall-baġit ġestit mill-Komunitajiet Ewropej jew f’isimhom,
jikkommetti reat li hu punibbli bil-priġunerija sa ħames snin.
2. Ikun suġġett għall-istess piena minn juża, għal skop differenti minn dak miftiehem:
a) għajnuna bħal dik prevista fl-Artikolu 314(1)(a), jew
b) benefiċċju konness mal-ħlas previst fl-Artikolu 314(1)(b)”.
8 L-Artikolu 318 tal-KK jipprovdi:
“(1) Kull min, bil-ħsieb li jikseb profitt inġust, jiżgwida lil xi ħadd biex jagħmel żball jew ma jneħħix tali żball, u jikkaġuna b’dak il-mod dannu, jikkommetti frodi.
[…]
(4) Il-piena hija ta’ priġunerija sa tliet snin jekk:
a) il-frodi tikkaġuna dannu rilevanti,
[…].”
9 Skont l-Artikolu 138/A tal-KK dannu huwa “rilevanti jekk jeċċedi HUF 200 000, imma ma jeċċedix HUF 2 000 000”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 E. Eredics, l-imputat prinċipali fil-proċeduri prinċipali, huwa s-Surmast tal-iskola tal-kindergarten u primarja ġenerali ta’ Apátistvánfalva (iktar ’il quddiem l-“iskola”). M. Sápi, it-tieni imputata fil-kawża prinċipali, hija d-Direttur ta’ Apátistvánfalvi Hotel Apát Kereskedelmi és Szolgáltatási Korlátolt Felelősségű Társaság (kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Ungeriż, iktar ’il quddiem “Hotel Apát kft” u l-ġestjonarja tal-Hotel Apát, operata minn Hotel Apát kft.
11 Fil-kuntratt qafas konkluż fit-30 ta’ Ġunju 2003 bejn l-iskola u l-Fond Ungeriż għal Proġetti Żgħar tal-programm PHARE CBC (Magyarország – PHARE CBC Program Kisprojekt Alap 2001), huwa ta lill-iskola għajnuna sabiex tkopri 80.15 % tal-ammont neċessarju għat-twettiq ta’ proġett ta’ mogħdija forestali, immexxi minn E. Eredics bħala kap tal-proġett.
12 L-għajnuna tħallset fl-4 ta’ Frar 2004. VÁTI Magyar Regionális Fejlesztési és Urbanisztikai Kiemelten Közhasznú Társaság (kumpannija ta’ utilità pubblika Ungeriża responsabbli għall-iżvilupp rurali u għall-urbaniżmu, iktar ’il quddiem “VÁTI kht” issorveljat it-twettiq tal-proġett u kienet responsabbli għall-għeluq tal-kontijiet.
13 Skont kuntratt konkluż bejn E. Eredics u M. Sápi, maħtura wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, M. Sápi ntrabtet, kontra għoti ta’ ħlas ta’ HUF 1 200 000 (madwar EUR 4 270), torganizza, tipprepara u tmexxi taħriġ preparatorju għall-eżami bażiku dwar il-kompetenza fil-faqqiegħ kif ukoll li torganizza vjaġġi ta’ studju u laqgħat.
14 Bil-għan li tagħti prova tal-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, M. Sápi rredieġiet, f’isem Hotel Apát kft, rapport ta’ eżekuzzjoni li hija bagħtet lil E. Eredics, li ħallas l-irċevuta finali mill-kont kurrenti tal-iskola.
15 Peress li l-iżvolġiment effettiv tal-kors bażiku tal-mikoloġija li kellu jitwettaq fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt ma ġiex iddefinit, l-irċevuta u l-ġurnal redatti bil-għan li jagħtu prova tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni ġew ikkunsidrati frawdolenti. E. Eredics daħħal fil-fajl tal-proġett id-dokumenti allegatament frawdolenti u r-rapport redatt fir-rigward ta’ vjaġġ ta’ studju li ma twettaqx, kif ukoll rapport ta’ evalwazzjoni li fih persuna mhux magħrufa kienet iffalsifikat isem il-persuna responsabbli għall-grupp. L-imsemmi fajl intbagħat lil VÁTI kht sabiex tiġi pprovata l-eżekuzzjoni tal-obbligi previsti fil-kuntratt iċċitat iktar ’il fuq.
16 Fl-20 ta’ Ġunju 2006, persuna privata ressqet ilment kontra E. Erdics u M. Sápi minħabba l-ħlas inġustifikat ta’ ammont ta’ madwar HUF 1 200 000.
17 Ġiet ordnata indaġini, li matulha E. Eredics deher diversi drabi bħala suspettat iżda madankollu mingħajr ma ammetta l-fatti li huwa kien akkużat bihom.
18 Fit-2 ta’ Settembru 2008, il-prosekutur tas-Szombathelyi Városi Bíróság ressaq proċeduri kriminali quddiem din il-qorti, permezz ta’ att ta’ akkuża kontra E. Eredics u M. Sápi, billi klassifika l-aġir ta’ E. Eredics “reat ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej”, skont l-Artikolu 314(1)(a) tal-KK, u mwettaq darba waħda biss bħala l-awtur.
19 Fl-24 ta’ Novembru 2008, fuq stedina tal-qorti tar-rinviju, E. Eredics ammetta l-fatti attribwiti lilu u ppreżenta talba biex issir il-medjazzjoni bl-iskop li tinkiseb l-arkivjazzjoni tal-proċeduri jew tnaqqis illimitat tal-piena, skont l-Artikolu 221/A tal-KPK.
20 Waqt is-seduta tad-9 ta’ April 2009, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-fatti li E. Eredics kien akkużati bihom setgħu wkoll jiġu kklassifikati bħala “reat ta’ frodi”. E. Eredics żamm it-talba tiegħu biex issir proċedura ta’ medjazzjoni, kif ukoll id-dikjarazzjoni relatata preċedenti tiegħu intiża għall-ammissjoni tal-fatti.
21 Matul is-seduta tat-22 ta’ April 2009, VÁTI Kht, fil-kapaċità tagħha ta’ vittma, tat il-kunsens tagħha għal proċedura ta’ medjazzjoni. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri kriminali għall-finijiet tal-medjazzjoni sat-22 ta’ Ottubru 2009.
22 Il-prosekutur appella minn din id-deċiżjoni. Fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-fatti tal-att ta’ akkuża, l-imsemmija ċirkustanzi ma jikkostitwixxux reati li fir-rigward tagħhom hija prevista l-proċedura ta’ medjazzjoni skont id-dritt Ungeriż. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ din il-proċedura tirriżulta mill-fatt li E. Eredics ma ammettiex il-fatti “matul l-indaġni” kif previst fl-Artikolu 221/A msemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huwa immaterjali li VÁTI kht, bħala vittma, tkun disposta tipparteċipa fil-medjazzjoni. Il-vittma finali hija l-Komunità Ewropea, b’tali mod li l-medjazzjoni ma hijiex ġustifikata.
23 Huwa f’dan il-kuntest li s-Szombathelyi Városi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fil-proċeduri kriminali mressqa quddiemha, jekk ‛persuna oħra minbarra persuna fiżika’ taqax taħt il-kunċett ta’ ‛vittma’ fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni [Qafas …], fid-dawl tal-obbligu ta’ promozzjoni tal-medjazzjoni bejn il-vittma u l-ħati tar-reat fil-kawżi kriminali, stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas, sabiex tispjega u tissupplimenta s-sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C-467/05, Ġabra p. I-5557]?
2) Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas […], li jipprovdi li ‛[k]ull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali għal dawk ir-reati li tqis adattati għal din it-tip ta’ miżura’, jekk il-kunċett ta’ ‛reati’ jistax jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għar-reati kollha li l-element materjali tagħhom definit mil-liġi huwa fil-mertu analogu.
3) L-espressjoni ‛[k]ull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali ...’ fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas […] tista’ tiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li l-kundizzjoni ta’ medjazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-ħati u l-vittma, jiġu sodisfatti għall-inqas sal-mument meta tiġi adottata deċiżjoni tal-ewwel istanza, b’tali mod li r-rekwiżit ta’ ammissjoni tal-fatti waqt il-proċedura ġudizzjarja, wara li l-inkjesta tkun tlestiet, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa jkunu sodisfatti, tkun konformi mal-obbligu ta’ promozzjoni tal-medjazzjoni?
4) Fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas […], il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt jekk l-espressjoni li ‛[k]ull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali għal dawk ir-reati li tqis adattati għal din it-tip ta’ miżura’ timplikax li għandu jiġi ggarantit aċċess ġenerali għall-possibbiltà ta’ medjazzjoni fil-kawżi kriminali, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet preliminari previsti fil-liġi jiġu sodisfatti, mingħajr possibbiltà ta’ interpretazzjoni? Jiġifieri, jekk hemm lok li r-risposta tingħata fl-affermattiv, l-eżistenza ta’ kundizzjoni li tipprovdi li fejn ‛fid-dawl tan-natura tar-reat, tal-metodi ta’ parteċipazzjoni għar-reat u tal-identità tal-persuna ssuspettata, il-proċedura ġudizzjarja tista’ ma ssirx jew hemm raġunijiet li wieħed jaħseb li l-qorti tista’ tikkunsidra l-indiema attiva meta tiddeċiedi l-piena’ din hija konformi mad-dispożizzjonijiet (rekwiżiti) tal-Artikolu 10 ċċitat iktar ’il fuq?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
24 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1(a) u 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “vittma” jinkludi l-persuni ġuridici għall-finijiet tal-promozzjoni tal-medjazzjoni fil-kawżi kriminali msemmija fl-imsemmi Artikolu 10(1).
25 Kif ġustament irrilevaw il-Gvern Ungeriż, Franċiż u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tat-test u tal-istruttura ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas, il-kunċett ta’ “vittma” għall-finijiet tad-Deċiżjoni Qafas, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha, japplika biss għall-persuni fiżiċi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 56).
26 B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza Dell’Orto, li mill-istess kliem tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas, li jiddefinixxi, għall-finijiet tagħha, lill-vittma bħala l-persuna “fiżika” li sofriet dannu, inkluża ħsara fiżika jew mentali, tbatija emotiva jew telf ekonomiku direttament ikkawżat minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tapplika biss għall-persuni fiżiċi li sofrew tali dannu.
27 Fil-punti 55 u 56 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ebda dispożizzjoni oħra tad-Deċiżjoni Qafas ma tinkludi indikazzjoni li abbażi tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jestendi l-kunċett ta’ vittima għal persuni ġuridici għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas u li, għall-kuntrarju, diversi dispożizzjonijiet tagħha jikkonfermaw li l-għan tal-leġiżlatur kien li jillimita l-iskop tagħha biss għall-persuni fiżiċi vittmi ta’ dannu li jirriżulta minn reat kriminali. F’dan ir-rigward, minbarra l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas, li jirreferi, inkwantu elementi ta’ dannu, għall-ħsara fiżika jew mentali kif ukoll għat-tbatija emotiva, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li jobbliga lill-Istati Membri jaħdmu sabiex jiggarantixxu li l-vittmi jirċievu trattament li jirrispetta kif xieraq id-dinjità personali tagħhom, l-Artikolu 2(2) li jsemmi t-trattament speċifiku li għandhom jibbenefikaw minnu l-vittmi partikolarment vulnerabbli, kif ukoll l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu livell xieraq ta’ protezzjoni lill-familja jew lill-persuni assimilati għall-membri tal-familja tal-vittma.
28 Il-fatt li ċerti Stati Membri jipprevedu l-medjazzjoni kriminali meta l-vittma tkun persuna ġuridika ma jinvalidax il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq.
29 Fil-fatt, inkwantu hija ma tarmonizzax kompletament il-qasam ikkunsidrat, id-Deċiżjoni Qafas ma timpedixxix u lanqas ma tobbliga lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha wkoll meta l-vittma tkun persuna ġuridika.
30 Il-fatt li d-Deċiżjoni Qafas tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika biss għall-persuni fiżiċi lanqas ma jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra persuni ġuridiċi. Fil-fatt il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ legalment jistabbilixxi sistema protettiva favur persuni fiżiċi biss, peress li dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ persuni ġuridiċi minħabba li dawn huma ħafna iktar vulnerabbli u minħabba n-natura tal-interessi li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi kkawżat dannu minn reati li jistgħu jitwettqu biss kontra persuni fiżiċi, bħall-ħajja tal-vittma u l-integrità fiżika tal-vittma.
31 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikoli 1(a) u 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “vittma” ma jinkludix lill-persuni ġuridiċi għall-finijiet tal-promozzjoni tal-medjazzjoni fil-kawżi kriminali indikati fl-imsemmi Artikolu 10(1).
Fuq it-tieni domanda
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Il-Gvern Ungeriż josserva li l-KPK jippermetti li jsir użu mill-proċedura ta’ medjazzjoni meta l-vittma ma tkunx persuna fiżika. Madankollu, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ikopri biss lill-vittmi li huma persuni fiżiċi, dan huwa f’kull każ irrilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.
33 Skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tirrispondi, anki meta l-fatti fil-kawża prinċipali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjoni mhux koperta mid-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti fil-fatt, fir-rigward tas-sistema legali tal-Unjoni, interess manifest li, sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tingħata interpretazzjoni uniformi irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi applikata (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C-130/95, Ġabra. p. I‑4291, punti 19 sa, tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam, C-267/99, Ġabra p. I-7467, punti 23 sa 29, tal-15 ta’ Jannar 2002, Andersen og Jensen, C-43/00, Ġabra p. I‑379, punti 15 sa 19, jew tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C-3/04, Ġabra p. I-2505, punti 14 sa 19).
34 Issa, hekk kif ammetta l-Gvern Ungeriż, l-Artikolu 221/A tal-KPK daħħal f’dan il-kodiċi, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, proċedura ta’ medjazzjoni li, fir-rigward tar-reati mniżżla fih, ma tagħmel ebda distinzjoni abbażi ta’ jekk il-vittma hijiex persuna fiżika jew ġuridika.
35 Għalqastant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tonqosiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi għat-tieni domanda sempliċiment minħabba l-fatt li d-Deċiżjoni Qafas tapplika biss fir-rigward tal-vittmi li huma persuni fiżiċi.
Fuq il-mertu
36 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jippermettu l-użu tal-medjazzjoni għar-reati kollha li l-element materjali tagħhom iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkorrispondi essenzjalment għal dak tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija espressament prevista minn din il-leġiżlazzjoni.
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minbarra l-fatt li l-Artikolu 34 UE jħalli lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-forma u tal-metodi neċessarji sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mid-deċiżjonijiet qafas, l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas sempliċement jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfittxu li jippromwovu l-medjazzjoni għar-reati li huma “[j]qis[u] addattati”, b’mod li l-għażla tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija applikabbli taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-Istati Membri.
38 Jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 10 u mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li d-Deċiżjoni Qafas tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-metodi konkreti ta’ implementazzjoni tal-għanijiet tagħha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz, C-404/07, Ġabra. p. I-7607, punt 46) li, billi ddeċieda li jippermetti l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ medjazzjoni biss fil-każ ta’ reati kontra l-persuni, is-sigurtà tat-trasport jew il-proprjetà, għażla li hija essenzjalment ibbażata fuq motivi ta’ politika legali, il-leġiżlatur Ungeriż ma marx lil hinn miis-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu.
39 Għalkemm l-evalwazzjoni tal-Istati Membri tista’ ċertament tkun limitata mill-obbligu li jużaw kriterji oġġettivi għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tip ta’ reati inkwistjoni, xejn ma jindika li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jippermettu l-użu tal-medjazzjoni għar-reati kollha li l-element materjali tagħhom iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkorrispondi essenzjalment għal dak tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija espressament prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
Fuq it-tielet u r-raba’ domandi
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 Huwa paċifiku li d-dritt Ungeriż ma jipprevedix l-użu tal-medjazzjoni fir-rigward tar-reat ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej. Barra minn hekk, mir-risposta mogħtija lit-tieni dimanda jirriżulta li mid-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi dedott li hija tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu, fil-każ fejn il-vittma tkun persuna fiżika, l-użu tal-medjazzjoni fir-rigward ta’ reati li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix tali użu, anki meta l-element materjali tal-imsemmi reat ikun l-istess bħal dak tar-reati li fir-rigward tagħhom
42 Peress li l-użu tal-medjazzjoni ma huwiex għaldaqstant manifestament possibbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 1(a) u 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet [l-istatus] tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “vittma” ma jinkludix lill-persuni ġuridiċi għall-finijiet tal-promozzjoni tal-medjazzjoni fil-kawżi kriminali indikati fl-imsemmi Artikolu 10(1).
2) L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jippermettu l-użu tal-medjazzjoni għar-reati kollha li l-element materjali tagħhom iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkorrispondi essenzjalment għal dak tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija espressament prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
Full & Egal Universal Law Academy