Kawża C‑210/09
Scott SA et Kimberly Clark SAS, li kienet Kimberly Clark SNC
vs
Ville d'Orléans
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative d’appel de Nantes)
“Għajnuna mill-Istat — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 14(3) — Irkupru tal-għajnuna — Prinċipju ta’ effettività — Avviżi ta’ ħlas ivvizzjati b’difett proċedurali — Annullament ”
Sommarju tas-sentenza
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Kundizzjonijiet u limiti
(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))
L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal‑Artikolu [88] tat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ‑ċirkustanzi fejn is-somom li jikkorrispondu għall-għajnuna inkwistjoni ġew preċedentement irkuprati, ma jipprekludix l-annullament minħabba difett proċedurali, mill-qorti nazzjonali, tal-avviżi ta’ ħlas maħruġa għall‑irkupru tal-għanjuna mill-Istat illegali, meta l-possibbiltà tar‑regolarizzazzjoni ta’ dan id-difett proċedurali hija żgurata mil-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprekludi li dawn is‑somom jitħallsu lura mill-ġdid lill-benefiċjarju tal-għajnuna, anki jekk provviżorjament.
Fil-fatt, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 jirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, li jgħid li Stat Membru li, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal‑Kummissjoni, isib ruħu obbligat li jirkupra għajnuna illegali, huwa liberu li jagħżel il-mezzi li bihom iwettaq dan l-obbligu, sakemm il-miżuri magħżula ma jikkawżawx dannu għall-portata u għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni.
L-istħarriġ mill-qorti nazzjonali tal-legalità formali ta’ avviż ta’ ħlas maħruġ għall-irkupru ta’ għajnuna illegali mill-Istat u l-annullament eventwali ta’ dan l-avviż minħabba li r-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali ma ġewx osservati għandhom jitqiesu li huma s-sempliċi riżultat tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, tali annullament jista’ jwassal, fil-prinċipju, għal dritt favur il-benefiċjarju tal-għajnuna li jirbaħ il‑kawża li, abbażi tal-liġi nazzjonali, jitlob li s-somom tal-għajnuna rrimborsati preċedentement jitħallsu lilu mill-ġdid. Għalhekk, huwa meħtieġ li d-dritt nazzjonali jkollu l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi evitat li l-annullament ta’ avviż ta’ ħlas iwassal awtomatikament għall-għoti lura immedjat tas-somma mħallsa minn dawk li jkunu rċevewha sabiex jikkonformaw ma’ din l-ordni. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tirrimedja għad-diffett proċedurali li l-imsemmija avviżi huma vvizzjati bih, mingħajr ma tkun obbligata tirrimborsa, lill-benefiċjarju tal-għajnuna illegali, is-somom li dan irrimborsa bħala eżekuzzjoni tal-imsemmija avviżi, anki jekk provviżorjament.
(ara l-punti 20, 21, 25-27, 33 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
20 ta’ Mejju 2010 (*)
“Għajnuna mill-Istat – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 14(3) – Irkupru tal-għajnuna – Prinċipju ta’ effettività – Avviżi ta’ ħlas ivvizzjati b’difett proċedurali – Annullament”
Fil-Kawża C‑210/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour administrative d’appel de Nantes (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Scott SA,
Kimberly Clark SAS, li kienet Kimberly Clark SNC,
vs
Ville d’Orléans,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Scott SA u Kimberly Clark SAS, li kienet Kimberly Clark SNC, minn R. Sermier, avukat,
– għall-Ville d’Orléans, minn A. Lyon-Caen, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky u L. Flynn, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Scott SA (iktar ’il quddiem “Scott”) u Kimberly Clark SAS, li kienet Kimberly Clark SNC (iktar ’il quddiem “Kimberly Clark”), minn naħa, u l-belt ta’ Orléans min-naħa l-oħra, rigward ir‑regolarità ta’ avviżi ta’ ħlas maħruġa minn din tal-aħħar għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 659/1999 hija fformulata kif ġej:
“Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”.
4 Taħt it-titolu “Rkupru ta’ għajnuna”, l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:
“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il‑Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l‑miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il‑Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.
[…]
3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu [242 KE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 2000-321, tat-12 ta’ April 2000, dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet amministrattivi (JORF tat-13 ta’ April 2000, p. 5646), jipprovdi li:
“Fir-relazzjoni tagħha ma’ waħda mill-awtoritajiet amministrattivi msemmija fl‑Artikolu 1, kull persuna għandha d-dritt li ssir taf l-isem, il-kunjom, it-titolu u l-indirizz amministrattiv tal-uffiċjal inkarigat li jipproċessa t-talba tagħha jew sabiex jittratta l-kwistjoni li tikkonċernaha, filwaqt li din l-informazzjoni għandha tidher fuq il-korrispondenza kollha li tintbagħtilha. Jekk motivi li jirrigwardaw is‑sigurtà pubblika jew is-sigurtà personali jkunu jiġġustifikaw dan, l-uffiċjal għandu jibqa’ anonimu.
Minbarra l-firma tal-awtur tagħha, kull deċiżjoni meħuda minn waħda mill‑awtoritajiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi referenza tal-isem, kunjom u t-titolu ta’ din il-persuna, b’kitba li tinqara.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Matul is-sena 1987, il-belt ta’ Orléans u d-Département du Loiret biegħu art li tinsab fiż-żona industrijali ta’ La Saussaye f’Orléans, taħt kundizzjonijiet preferenzjali, lill-kumpannija Bouton Brochard Scott, li issa Scott, li hija proprjetà ta’ Kimberly Clark, daħlet fid-drittijiet tagħha. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ muniċipalitajiet impenjaw ruħhom li jikkalkolaw il-levy tat-trattament tal-ilma b’rata preferenzjali.
7 Fit-12 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/14/KE dwar l‑għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly‑Clark (ĠU 2002, L 12, p. 1), li fiha ddikkjarat l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u ta’ rata preferenzjali tal-levy tat‑trattament tal-ilma bħala inkompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li:
“1. Franza għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna imsemmija fl-Artikolu 1 u preċedentement magħmula disponibbli illegalment għall-benefiċjarja tagħha, minn għand din tal-aħħar.
2. L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. [...]”
8 Scott u d-Département du Loiret ippreżentaw rikorsi kontra d-Deċiżjoni 2002/14, li kienu jikkonċernaw biss it-talba għall-irkupru rigward l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ prezz preferenzjali tal-art inkwistjoni. Din id-deċiżjoni, sa fejn tirrigwarda l-għanjuna mill-Istat mogħtija taħt il-forma ta’ rata preferenzjali tal‑levy tat-trattament tal-ilma, liema għajnuna biss hija inkwistjoni f’din il-kawża, ma hijiex għaldaqstant is-suġġett ta’ proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.
9 Fil-5 ta’ Diċembru 2001, il-Ville d’Orléans ħarġet it-tliet avviżi ta’ ħlas li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“avviżi ta’ ħlas inkwistjoni”, sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ rata preferenzjali tal-levy tat‑trattament tal-ilma. Dawn għandhom it-timbru tal-muniċipju, firma u l-kelmiet “id-delegat maħtur, f’isem is-sindku”, iżda la jsemmu l-ambitu tad-delegazzjoni mogħtija mis-sindku lid-delegat li ffirma dawn l-avviżi u lanqas l-isem jew il‑kunjom tiegħu.
10 L-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ rikorsi ppreżentati minn Kimberly Clark quddiem it-Tribunal administratif d’Orléans.
11 Fid-dawl tal-effett sospensiv awtomatiku ta’ tali rikorsi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 1617‑5(1) tal-Kodiċi Ġenerali tal-Awtoritajiet Lokali, is-saħħa eżekuttiva tal-imsemmija avviżi ta’ ħlas ġiet sospiża u, inizjalment, dawn ma ġewx infurzati.
12 Fil-frattemp, ir-Repubblika Franċiża ġiet ikkundannata, permezz tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑232/05, Ġabra p. I‑10071), talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha kemm taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE kif ukoll taħt l-Artikoli 2 u 3 tad‑Deċiżjoni 2002/14. Fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’mod partikolari, li l-effett sospensiv tar-rikorsi ppreżentati kontra l‑avviżi ta’ ħlas maħruġa għall-irkupru tal-għajnuna rċevuta indebitament jikkostitwixxi proċedura li ma tissoddisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, u li, għaldaqstant, ir-regola li tipprevedi tali effett sospensiv kellha konsegwentement tibqa’ mhux applikata.
13 Fid-9 ta’ Jannar 2007, it-Tribunal administratif d’Orléans ċaħad ir-rikorsi ppreżentati quddiemu minn Scott u Kimberly Clark li, konsegwentement, fis-7 ta’ Frar 2007, irrimbursaw l-ammont prinċipali tal-għajnuna li kienu indebitament ibbenefikaw minnu.
14 Fit-8 ta’ Marzu 2007, Scott u Kimberly Clark appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Cour administrative d’appel de Nantes u, insostenn tal-appell tagħhom, invokaw, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 2000‑321, billi sostnew li d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ dan l‑artikolu ġew miksura peress li l-kunjom u l-isem tal-firmatarju tal-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni ma kinux jidhru fuqhom.
15 Fit-8 ta’ Diċembru 2008, Scott u Kimberly Clark irrimbursaw l-interessi tal‑għajnuna li kienu bbenefikaw minnha għall-perijodu mill-1990 sal-1 ta’ Ġunju 2008 u, fl-24 ta’ Marzu 2009, huma ħallsu l-interessi tal-għajnuna għall‑perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Diċembru 2008.
16 Peress li kkonstatat li l-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni ma josservawx ir-rekwiżiti proċedurali pprovduti fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 2000‑321 u li dan il-ksur jista’ jwassal għall-annullament ta’ dawn l-avviżi, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-annullament ta’ dawn l-avviżi, minħabba difett proċedurali, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative d’appel de Nantes iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-annullament eventwali, mill-qorti amministrattiva Franċiża, ta’ ordnijiet ta’ ġbir [avviżi ta’ ħlas] maħruġin għall-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, fit-12 ta’ Lulju 2000, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minħabba l-ksur ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-preżentazzjoni fiżika ta’ dawn l-ordnijiet, huwa ta’ tali natura li, fid-dawl tal-possibbiltà, għall-awtorità amministrattiva kompetenti, li tirrimedja d-difett li huma vvizzjati bih dawn id‑deċiżjonijiet, jostakola l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni [2002/14], bi ksur tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament [Nru 659/1999]?”
Fuq id-domanda preliminari
18 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-annullament, mill-qorti nazzjonali, tal-avviżi ta’ ħlas maħruġa għall-irkupru tal-għanjuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba difett proċedurali, fid-dawl tal-possibbiltà, għall-awtorità amministrattiva kompetenti, li tirrimedjah.
19 Fil-kawża prinċipali, l-avviżi ta’ ħlas inħarġu sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2002/14. Skont l-Artikolu 2 tagħha, din id-deċiżjoni tobbliga lir‑Repubblika Franċiża, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tieħu l-miżuri kollha neċessarji bl-għan li tirkupra mingħand il-kumpanniji benefiċjarji tal-għajnuna illegalment disponibbli għal dawn tal-aħħar u tippreċiża li l-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien, skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni.
20 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 49 tas-sentenza tagħha, Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 jirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività msemmija preċedentement mill-ġurisprudenza (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 94/87, Ġabra p. 175, punt 12; tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C‑24/95, Ġabra p. I‑1591, punt 24, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑209/00, Ġabra p. I‑11695, punti 32 sa 34), u għaldaqstant din il-ġurisprudenza hija rilevanti għall‑applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.
21 Skont dan il-prinċipju ta’ effettività kif applikat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minn ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru li, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal‑Kummissjoni, isib ruħu obbligat li jirkupra għajnuna illegali, huwa liberu li jagħżel il-mezzi li bihom iwettaq dan l-obbligu, sakemm il-miżuri magħżula ma jikkawżawx dannu għall-portata u għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alcan Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑369/07, Ġabra p. I‑5703, punt 67).
22 Stat Membru ma jistax jissodisfa tali obbligu ta’ rkupru ħlief jekk il-miżuri li jadotta jkunu adatti sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-kundizzjonijiet normali tal‑kompetizzjoni li jkunu ġew distorti mill-għoti tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha jkun ordnat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata itkar ’il fuq, punt 35).
23 F’dan il-każ, bħalma jindika l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 2000-321 għandu l-għan li, permezz tal‑eliminazzjoni tal-anonimat fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ċ-ċittadini, isaħħaħ it-trasparenza amministrattiva kif ukoll jippermetti li jiġi vverifikat li d-deċiżjoni amministrattiva ttieħdet minn awtorità kompetenti. Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l‑avviżi ta’ ħlas inkwistjoni jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u għaldaqstant, għandhom jiġu annullati għal din ir-raġuni.
24 Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet nazzjonali, fid-dawl tal-kuntest ġenerali tal-liġi nazzjonali li jinsabu fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 14, u van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 19, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 33), hijiex inkonsistenti mal-ħtieġa ta’ rkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna, stabbilita fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 u kif interpretata fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza.
25 F’dan ir-rigward hemm lok li, qabel kollox, jiġi rrilevat li l-istħarriġ mill-qorti nazzjonali tal-legalità formali ta’ avviż ta’ ħlas maħruġ għall-irkupru ta’ għajnuna illegali mill-Istat u l-annullament eventwali ta’ dan l-avviż minħabba li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 2000‑321 ma ġewx osservati, għandhom jitqiesu li huma s-sempliċi riżultat tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li, skont il‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Għaldaqstant, għalkemm l-annullament ta’ avviż ta’ ħlas ma jistax jiġi kkritikat fih innifsu, madankollu huwa importanti li jiġi enfasizzat li tali annullament jista’ jwassal, fil-prinċipju, għal dritt favur il-benefiċjarju tal-għajnuna li jirbaħ il‑kawża, li abbażi tal-liġi nazzjonali, jitlob li s-somom tal-għajnuna rrimborsati preċedentement jitħallsu lilu mill-ġdid u, għaldaqstant, hemm lok li din il‑konsegwenza eventwali tiġi evalwata fid-dawl tal-obbligi stabbiliti fl‑Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999.
27 F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li mill-kliem stess tad-domanda preliminari jirriżulta li l-awtorità kompetenti li ħarġet l-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni hija awtorizzata tirrimedja d-difett proċedurali li jkunu vvizjati bih, u tali possibbiltà tippermetti li jiġi dedott li l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni ma jwassalx neċessarjament għall-għoti lura tas-somom lill‑kumpanniji kkonċernati, li dawn tal-aħħar ħallsu bħala eżekuzzjoni ta’ dawn l-avviżi. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni sostnew li l-liġi Franċiża għandha l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi evitat li l-annullament ta’ avviż ta’ ħlas iwassal awtomatikament għall-għoti lura immedjat tas-somma mħallsa minn dawk li jkunu rċevewha sabiex jikkonformaw ma’ dan l-avviż. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tista’ tirrimedja d-diffett proċedurali li l-imsemmija avviżi huma vvizzjati bih, mingħajr ma tkun obbligata tirrimborsa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somom li dawn irrimborsaw bħala eżekuzzjoni tal-imsemmija avviżi, anki jekk provviżorjament.
28 Għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi mill‑awtoritajiet kompetenti jew mill-qorti nazzjonali hemm lok li jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha previsti mis-sistemi legali rispettivi tagħhom, inklużi l‑miżuri provviżorji, sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
29 F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti u l-qorti nazzjonali huma, b’mod partikolari, obbligati, skont l-imsemmi Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal‑għajnuna illegali u li jsibu soluzzjoni konformi mal-għan ta’ din id‑deċiżjoni, jiġifieri li jiggarantixxu li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkollux disponibbli, anki jekk provviżorjament, il-fondi li jikkorrispondu għall-għajnuna preċedentement mogħtija lura.
30 Jekk, bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, ir-regolarizzazzjoni tal‑avviżi ta’ ħlas inkwistjoni jseħħu f’ċirkustanzi li jiggarantixxu li l-għajnuna preċedentement mogħtija lura ma hijiex, anki jekk provviżorjament, mogħtija mill‑ġdid lill-benefiċjarji tagħha fil-każ ta’ annullament ta’ dawn l-avviżi mill‑qorti tar-rinviju, dan l-annullament ma jkollux, għaldaqstant, konsegwenzi reali għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/14. Fil-fatt, dawn il-benefiċjarji ma jkollhomx disponibbli, anki jekk provviżorjament, is-somom li jikkorrispondu għall-għajnuna preċedentement mogħtija lura minnhom, b’tali mod li jkunu mċaħħda mill-vantaġġ kompetittiv indebitu li jagħtihom il-ħlas lura ta’ dawn is‑somom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi annullament tal-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni mhux ser jipprekludi l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal‑imsemmija deċiżjoni, kif meħtieġa mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999.
31 Madankollu, jekk l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas inkwistjoni jwassal, anki provviżorjament, għall-ħlas lura tal-għajnuna preċedentement mogħtija lura mill-benefiċjarji tagħha, dawn tal-aħħar ikollhom disponibbli, mill-ġdid, is‑somom li joriġinaw minn għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u jibbenefikaw mill-vantaġġ kompetittiv indebitu li jirriżulta minnhom. Għaldaqstant, l-istabbiliment mill-ġdid, immedjat u stabbli, tas-sitwazzjoni ta’ qabel, ikun kompromess u l-vantaġġ kompetittiv indebitu jkun stabbilit favur ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali.
32 Tali konsegwenza tkun inkompatibbli mad-Deċiżjoni 2002/14 li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali u l-obbligi li jirriżultaw minnha taħt l-Artikolu 14(3) tar‑Regolament Nru 659/1999.
33 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi fejn is-somom li jikkorrispondu għall-għajnuna inkwistjoni ġew preċedentement irkuprati, ma jipprekludix l-annullament minħabba difett proċedurali, mill-qorti nazzjonali, tal-avviżi ta’ ħlas maħruġa għall-irkupru tal‑għajnuna mill-Istat illegali, meta l-possibbiltà tar-regolarizzazzjoni ta’ dan id‑difett proċedurali hija żgurata mil-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din id‑dispożizzjoni tipprekludi li dawn is-somom jitħallsu lura mill-ġdid lill‑benefiċjarju tal-għajnuna, anki jekk provviżorjament.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal‑Artikolu [88] tat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ‑ċirkustanzi fejn is-somom li jikkorrispondu għall-għajnuna inkwistjoni ġew preċedentement irkuprati, ma jipprekludix l-annullament minħabba difett proċedurali, mill-qorti nazzjonali, tal-avviżi ta’ ħlas maħruġa għall‑irkupru tal-għanjuna mill-Istat illegali, meta l-possibbiltà tar‑regolarizzazzjoni ta’ dan id-difett proċedurali hija żgurata mil-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprekludi li dawn is‑somom jitħallsu lura mill-ġdid lill-benefiċjarju tal-għajnuna, anki jekk provviżorjament.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy